|
Il-Ġurnal Uffiċjali |
MT Is-serje C |
|
C/2025/767 |
11.2.2025 |
Opinjoni tal-Kumitat Ekonomiku u Soċjali Ewropew
It-tibdil industrijali fis-settur tas-saħħa f’kuntest ta’ diversi kriżijiet
(opinjoni fuq inizjattiva proprja)
(C/2025/767)
Relatur:
Florian MARINKorelatur:
Antonello PEZZINI|
Konsulenti |
Chiara PANCOTTI (għar-relatur, Grupp II) Giannino BERNABEI (għall-korelatur, Grupp I) |
|
Deċiżjoni tal-Assemblea Plenarja |
15.2.2024 |
|
Bażi legali |
Artikolu 52(2) tar-Regoli ta’ Proċedura |
|
Sezzjoni kompetenti |
Kummissjoni Konsultattiva dwar il-Bidliet Industrijali (CCMI) |
|
Adozzjoni fis-sezzjoni |
5.11.2024 |
|
Adozzjoni fis-sessjoni plenarja |
4.12.2024 |
|
Sessjoni plenarja Nru |
592 |
|
Riżultat tal-votazzjoni (favur/kontra/astensjonijiet) |
199/0/0 |
1. Konklużjonijiet u rakkomandazzjonijiet
|
1.1. |
Is-sistemi tas-saħħa tal-UE għandhom ikunu reżiljenti, reattivi għax-xokkijiet, għandhom jipproteġu l-ħajja, ikunu inklużivi u ekwi, iċċentrati fuq in-nies u aċċessibbli, ibbażati fuq ir-riċerka u l-innovazzjoni, u kkoordinati bejn l-Istati Membri. |
|
1.2. |
Il-KESE jistieden lill-Kummissjoni Ewropea tirrikonoxxi s-saħħa u tappoġġja l-integrazzjoni ulterjuri tas-sistemi tas-saħħa nazzjonali bħala prijoritajiet għall-mandat 2024-2029, u tirfed dawn il-prijoritajiet b’appoġġ istituzzjonali ambizzjuż u aktar investimenti. |
|
1.3. |
L-industrija tal-kura tas-saħħa qed tesperjenza bidliet kbar u l-Ewropa jeħtieġ li tibqa’ innovattiva u kompetittiva, tnaqqas id-dipendenzi u tevita n-nuqqasijiet. Il-KESE jappella għal approċċ integrat, multidimensjonali u ċċentrat fuq il-pazjent li jiżgura aċċess għal mediċini, djanjożi u trattamenti sikuri, effettivi u ta’ kwalità tajba, u jissuġġerixxi l-miżuri li ġejjin: |
|
1.3.1. |
l-aġġornament tal-lista ta’ azzjonijiet koperti taħt il-“perkors tat-tranżizzjoni tas-saħħa”. Pereżempju, il-pjan strateġiku tal-Awtorità għat-Tħejjija u għar-Rispons f’Każ ta’ Emerġenza tas-Saħħa (HERA) għandu jitfassal b’mod li jindirizza aħjar it-trasformazzjoni diġitali, id-dipendenza dejjem akbar minn mediċini kritiċi (inklużi l-materjali tal-bidu u s-sustanzi attivi ewlenin tagħhom), u l-isfidi relatati mal-ilma li għandhom impatt fuq l-industrija; |
|
1.3.2. |
it-titjib tar-reżiljenza tal-Ewropa fil-ktajjen tal-valur tat-teknoloġija farmaċewtika, bijoelettromedika u medika u t-tnaqqis tad-dipendenzi strateġiċi minn pajjiżi terzi, b’mod partikolari għall-ingredjenti farmaċewtiċi attivi (APIs) u l-mediċini lesti. Il-KESE jilqa’ l-Att dwar il-Mediċini Kritiċi mħabbar fil-Linji Gwida Politiċi (1) għall-Kummissjoni l-ġdida, u jappella għal kooperazzjoni msaħħa mal-Istati Membri, mal-partijiet ikkonċernati pubbliċi u privati, mal-qasam akkademiku u mas-soċjetà ċivili f’dan ir-rigward; |
|
1.3.3. |
l-iżgurar ta’ aċċess ekwu għall-kura tas-saħħa u għall-mediċini madwar l-UE, b’attenzjoni partikolari għall-gruppi vulnerabbli; |
|
1.3.4. |
il-ħolqien ta’ approċċ koerenti tal-ipprezzar fil-livell tal-UE bil-ħsieb li jiġi żgurat mudell ta’ prezz ġust fl-Ewropa kollha; jeħtieġ li tiġi eżaminata wkoll l-idea li jiġi stabbilit perċentwal tal-PDG li jiġi investit fis-sistemi tas-saħħa nazzjonali flimkien ma’ regola tad-deheb għall-investimenti fis-saħħa; |
|
1.3.5. |
it-tisħiħ tas-suq uniku f’dan is-settur (fid-dawl tar-rakkomandazzjonijiet stabbiliti fir-rapport ta’ Letta u dak ta’ Draghi), b’mod partikolari fir-rigward tal-permessi, l-akkwist pubbliku konġunt u l-kundizzjonijiet tax-xogħol tal-ħaddiema tas-saħħa. Il-KESE jenfasizza l-ħtieġa li jittejbu l-kundizzjonijiet tax-xogħol f’dan is-settur, u jiġbed l-attenzjoni wkoll għan-nuqqas sistemiku ta’ ħiliet f’dan is-settur; |
|
1.3.6. |
it-tisħiħ tal-kooperazzjoni tranżnazzjonali Ewropea, il-promozzjoni tal-innovazzjoni u t-titjib tal-kompetittività globali tagħna f’settur strateġiku; |
|
1.3.7. |
enfasi fuq mediċina preventiva u personalizzata, fuq teknoloġiji ewlenin għall-futur tal-industrija (bħall-bijoteknoloġija u l-ġenomika), u fuq mediċini kritiċi, prostetika u materjali terapewtiċi għall-mobbiltà, u prodotti farmaċewtiċi aċċessibbli; |
|
1.3.8. |
investiment fil-qasam tal-mard rari. Il-KESE jissuġġerixxi wkoll li tiġi stabbilita infrastruttura ta’ riċerka pubblika sovranazzjonali f’sistema inklużiva bbażata fuq is-solidarjetà pubblika-privata, bl-użu tal-għodda tas-“Sħubija Ewropea” tal-UE; |
|
1.3.9. |
il-promozzjoni tat-trasformazzjoni diġitali tas-settur tas-saħħa, b’enfasi speċjali fuq l-interoperabbiltà tad-data u fuq l-użu ċċentrat fuq il-bniedem tal-intelliġenza artifiċjali (IA). Il-KESE jissuġġerixxi li jinħoloq spazju diġitali kondiviż u aċċessibbli b’mod sigur għall-pazjenti, u għall-isptarijiet u għal fornituri oħrajn tal-kura tas-saħħa, li jkun sostnut minn kodiċi tal-etika u protezzjoni sħiħa tad-data personali. Bl-istess mod, jappella għal awditi perjodiċi ta’ valutazzjoni tar-riskju u azzjonijiet ta’ monitoraġġ, flimkien ma’ enfasi fuq l-indirizzar ta’ attakki ċibernetiċi fis-settur tas-saħħa; |
|
1.3.10. |
it-titjib tal-kundizzjonijiet tax-xogħol u l-iżgurar ta’ aċċess ekwu għall-kura tas-saħħa u għall-mediċini madwar l-UE, b’attenzjoni partikolari għall-gruppi vulnerabbli. |
|
1.3.11. |
Il-KESE jistieden lill-Kummissjoni Ewropea żżid il-kapaċitajiet tal-HERA fil-kontromiżuri mediċi fil-livell globali sabiex jiġu indirizzati aħjar l-isfidi marbuta mas-sigurtà tas-saħħa. |
|
1.3.12. |
Fil-livell internazzjonali, il-KESE jipproponi li jinħoloq “Fond Ewropew ta’ Solidarjetà tas-Saħħa għall-Afrika” u jistieden lill-UE tinfluwenza l-aġendi tal-G7 u tal-G20 bil-għan li jiġi stabbilit mekkaniżmu tas-saħħa globali permanenti. |
2. Sfidi li jaffettwaw l-ekosistema tal-kura tas-saħħa
|
2.1. |
Il-kontinent Ewropew qed jiffaċċja bidliet demografiċi kbar, li għandhom implikazzjonijiet sinifikanti għall-politiki tal-kura tas-saħħa u jeħtieġu soluzzjonijiet industrijali biex jiġu appoġġjati dawn il-politiki. Skont it-tbassir tal-Organizzazzjoni Dinjija tas-Saħħa, l-istennija tal-għomor fit-twelid se tkun ta’ 82,3 sena fl-UE fl-2048 (fl-2017 kienet ta’ 73,1 sena) u l-probabbiltà li wieħed jgħix sal-età ta’ 60 sena se tkun ta’ 92,9 %. L-istennija tal-għomor fit-twelid jeħtieġ li tiġi kkombinata mal-istennija tal-għomor fi stat tajjeb ta’ saħħa biex jiġu prodotti indikaturi verament komprensivi ta’ saħħa u kwalità tal-ħajja kompleti. L-għadd mistenni ta’ snin fi stat tajjeb ta’ saħħa kien ta’ 63,6 fl-2021. |
|
2.2. |
In-nuqqas ta’ mediċini u teknoloġiji mediċi, il-kwistjonijiet tal-manifattura, it-tfixkil fil-katina tal-provvista, id-dinamika tal-frammentazzjoni tas-suq intern, iż-żieda fid-domanda u l-ostakli regolatorji huma problema fl-UE. Industrija farmaċewtika reżiljenti u anqas dipendenti hija kruċjali biex tiġi żgurata l-awtonomija strateġika f’qasam li huwa partikolarment sensittiv għaċ-ċittadini. |
|
2.3. |
Il-COVID-19 uriet id-dipendenza tagħna minn pajjiżi terzi għal medikazzjoni bażika, li ma kinitx meqjusa bħala problema fil-passat. Il-KESE jqis li l-kapaċitajiet tal-produzzjoni mibnija matul il-pandemija tal-COVID-19 għandhom jiġu protetti u użati biex tissaħħaħ ir-reżiljenza tas-sistemi tas-saħħa tagħna. L-investiment fl-industrija farmaċewtika tal-UE se jnaqqas id-dipendenza esterna tagħna, b’mod partikolari mill-ingredjenti farmaċewtiċi attivi fl-Asja (2). |
|
2.4. |
L-iffukar fuq l-effiċjenza u l-ottimizzazzjoni se jippromovi mediċina predittiva u personalizzata li tuża d-data medika personali tal-pazjenti. Apparat intelliġenti li jintlibes għat-trattament jew għall-monitoraġġ tal-mard se jkollu rwol sinifikanti fis-settur mediku u fil-kura tal-pazjenti. Il-kura tas-saħħa preventiva bbażata fuq il-mediċina personalizzata se tinkludi l-benesseri, id-dieta, l-eżerċizzju u l-immunizzazzjonijiet, il-bidla minn approċċ reattiv għal wieħed proattiv u l-ħolqien ta’ benefiċċji fit-tul għall-pazjenti, għas-soċjetà u għall-ekonomija. |
|
2.5. |
Il-KESE jirrakkomanda linji gwida u protokolli komprensivi għall-UE kollha, u b’mod aktar ġenerali l-kondiviżjoni tad-data fost il-partijiet ikkonċernati ewlenin. Huwa importanti li jiġu pprevenuti żbilanċi fil-poter bejn il-pazjenti u l-fornituri u li jiġi żgurat li l-partijiet ikkonċernati rilevanti kollha jkollhom aċċess għall-istess informazzjoni b’mod trasparenti. |
|
2.6. |
Il-KESE jqis li l-UE jeħtieġ li tadatta u ssaħħaħ il-kapaċitajiet industrijali tagħha sabiex ittejjeb il-kompetittività u l-awtonomija strateġika tagħna f’qasam li huwa partikolarment sensittiv għaċ-ċittadini, peress li n-nuqqas ta’ aċċess għall-mediċini u għat-teknoloġiji mediċi, u għad-dipendenzi strutturali minn pajjiżi terzi, huma sfidi li qed jaffettwaw is-sistemi tal-kura tas-saħħa fl-UE kollha. |
3. L-awtonomija u r-reżiljenza industrijali
|
3.1. |
Il-KESE jqis li minħabba raġunijiet ta’ awtonomija strateġika, ma għadux opportun li l-produzzjoni tiġi frammentata u tiddependi minn pajjiżi terzi għal partijiet mill-katina tal-provvista. Il-KESE jipproponi li l-produzzjoni farmaċewtika tiġi ttrasferita b’mod strateġiku fl-UE, b’enfasi fuq l-APIs u l-mediċini lesti biex tissaħħaħ l-indipendenza farmaċewtika tal-UE. Barra minn hekk, il-KESE jissuġġerixxi li jinħoloq appoġġ finanzjarju u istituzzjonali biex terġa’ tiġi stabbilita l-produzzjoni ta’ sustanzi attivi u mediċini essenzjali, pereżempju, il-mediċini ġeneriċi, lejn l-UE. |
|
3.2. |
Il-KESE jqis li l-Att dwar il-Mediċini Kritiċi mħabbar fil-Linji Gwida Politiċi għall-Kummissjoni l-ġdida jeħtieġ li jidentifika liema mediċini kritiċi (inklużi l-materjal tal-bidu ewlieni u s-sustanzi attivi) huma meħtieġa u jiddeskrivi l-mezzi biex jiġi żgurat li progressivament innaqqsu d-dipendenzi tagħna. Bl-istess mod, l-Att dwar il-Mediċini Kritiċi jeħtieġ ukoll li jkopri l-ħtiġijiet marbuta mal-investiment, l-infrastruttura u l-aċċessibbiltà tat-tagħmir mediku. Sabiex titrawwem ir-reżiljenza tal-UE, il-KESE jappoġġja l-ħolqien ta’ stokk ta’ tagħmir mediku strateġiku fil-livell tal-UE. Din l-inizjattiva għandha tinkludi wkoll kooperazzjoni mal-Istati Membri u mas-soċjetà ċivili, approċċ koerenti tal-ipprezzar tal-UE, investimenti fil-kapaċità tal-produzzjoni, akkwist pubbliku konġunt u interoperabbiltà tad-data. |
|
3.3. |
Il-KESE jappoġġja wkoll l-Alleanza għall-Mediċini Kritiċi, li teħtieġ biżżejjed fondi u riżorsi biex timmobilizza l-partijiet ikkonċernati, inkluża s-soċjetà ċivili organizzata, sabiex issaħħaħ il-provvista ta’ mediċini kritiċi fl-UE, u fl-aħħar mill-aħħar issaħħaħ l-isforzi biex in-nuqqasijiet jiġu evitati u indirizzati b’mod effettiv. Dan l-approċċ kollaborattiv għandu jiġi rifless fl-Istati Membri, li billi jiġi kondiviż l-għarfien espert mis-sistemi tas-saħħa nazzjonali differenti għall-benefiċċju ta’ UE aktar reżiljenti. |
|
3.4. |
Il-KESE jaqbel mal-Parlament Ewropew li l-HERA jeħtieġ li tiġi rieżaminata b’mod komprensiv minħabba li ma għandhiex il-kapaċità, ir-riżorsi u l-missjoni ċara li tirrikjedi biex tibdel is-sitwazzjoni fir-rigward tal-iżvilupp u d-disponibbiltà ta’ kontromiżuri mediċi. Jinħtieġ qafas istituzzjonali aktar effettiv, mhux biss għall-emerġenzi attwali iżda wkoll għall-isfidi futuri (3). |
|
3.5. |
Sabiex tissaħħaħ ir-reżiljenza tas-sistemi tas-saħħa tagħna, il-KESE jissuġġerixxi li jitnedew diskussjonijiet politiċi dwar il-possibbiltà li kull Stat Membru jinvesti perċentwal dejjem akbar tal-PDG tiegħu fis-sistema tas-saħħa nazzjonali tiegħu. |
|
3.6. |
L-investimenti fis-sistemi tas-saħħa għandhom ikunu soġġetti għal regola tad-deheb tal-UE, u jeħtieġ li wieħed iżomm f’moħħu li dawn l-investimenti ma għandhomx għalfejn jiġu evalwati fuq termini purament ekonomiċi u li l-aspett ta’ utilità pubblika tas-sistema tas-saħħa għandu jipprevali. Għandhom jiġu esplorati strumenti, bħall-ekwità tas-saħħa u l-impriżi konġunti, u arranġamenti oħrajn ta’ sħubija f’oqsma bħall-aċċess għall-outpatient, is-saħħa diġitali, u kura ta’ affidabbiltà għolja, b’mod partikolari bil-ħsieb li jiġu identifikati, appoġġjati u ffinanzjati l-“unicorns”. |
|
3.7. |
Il-KESE jistieden lill-UE tiffoka fuq teknoloġiji emerġenti li jistgħu jtejbu s-saħħa u l-kwalità tal-ħajja taċ-ċittadini tal-UE. L-isforzi għandhom ikunu ffukati fuq l-iżvilupp tal-bijoteknoloġija u l-ġenomika, il-bijomediċina; il-prostetika u l-materjali terapewtiċi għall-mobbiltà; l-applikazzjonijiet ta’ teknoloġiji kwantistiċi u materjali avvanzati ġodda għat-tagħmir u t-trattamenti tal-kura tas-saħħa; u mediċini u terapiji kritiċi għall-mard li qed jaffettwa dejjem aktar lill-popolazzjoni (eż. l-obeżità u d-dijabete). |
|
3.8. |
Il-KESE jitlob li l-industrija tas-saħħa tiġi inkluża fil-Patt il-ġdid għal Industrija Nadifa. Huwa jappella lill-UE biex tindirizza l-isfidi kritiċi tas-settur bħala prijorità, billi tinvesti aktar sforzi politiċi fl-iżvilupp u l-implimentazzjoni ta’ strateġija komuni dwar is-saħħa, spazju komuni għad-data dwar is-saħħa u suq komuni tas-saħħa. Bl-istess mod, jenfasizza l-ħtieġa li jissaħħaħ is-suq intern, billi jiġi żgurat il-moviment liberu tal-professjonisti, il-prodotti u s-servizzi tas-saħħa, kif indikat fir-rapport ta’ Mario Draghi dwar il-kompetittività tal-UE. |
4. Id-diġitalizzazzjoni u l-intelliġenza artifiċjali
|
4.1. |
Id-diġitalizzazzjoni qed tittrasforma l-ekosistema tas-saħħa u tipprovdi soluzzjonijiet ġodda li qed jaqdu rwol ewlieni fil-mediċina. It-telemediċina, ir-riċetti elettroniċi, il-konsultazzjonijiet mill-bogħod, l-użu tal-metavers, ir-robotika u l-kura mid-dar qed isiru aktar importanti, b’mod partikolari f’reġjuni iżolati, peress li huma soluzzjoni utli għall-persuni vulnerabbli. It-telemediċina qed tiżviluppa u qed tippermetti li jiġu mmonitorjati bosta pazjenti permezz ta’ diversi ċentri u konsultazzjonijiet mill-bogħod. L-użu tal-istampar 3D għall-apparati, għall-għodod, għall-impjanti, għall-prostetika u għall-organi umani se jittrasforma l-mediċina, inaqqas il-kostijiet u jissodisfa l-ħtiġijiet immedjati. Termometri mediċi intelliġenti u faxex intelliġenti bil-għan li jiġi ssorveljat u jitħaffef il-pass tal-proċessi ta’ fejqan huma innovazzjonijiet li se jkunu fost l-iżjed użati fil-futur. |
|
4.2. |
L-ekosistema medika qed tevolvi hekk kif is-servizzi mediċi qed isiru dejjem aktar diġitalizzati u atturi ġodda jidħlu fil-qasam. Ir-robustezza u r-reżiljenza tas-sistemi tas-saħħa għandhom jiġu mmonitorjati bir-reqqa matul it-tranżizzjoni diġitali. Il-fondi ta’ ekwità privata u l-kumpaniji tat-teknoloġija diġà qed ikollhom rwol akbar f’diversi approċċi kollaborattivi għas-servizzi mediċi, li se jkomplu jiżviluppaw fil-futur qrib. Huwa kruċjali li l-isforzi biex jiġu żviluppati dawn it-teknoloġiji jikkonverġu lejn l-għan tal-kura tas-saħħa universali, u b’hekk jiġi żgurat li ħadd ma jitħalla jibqa’ lura. |
|
4.3. |
Id-data għandha rwol dejjem aktar kruċjali fl-ekosistema tas-saħħa, b’mod partikolari fl-ottimizzazzjoni tas-servizzi tal-kura u fiż-żieda fl-effiċjenza. L-Ispazju Ewropew tad-Data dwar is-Saħħa huwa pass tajjeb f’din id-direzzjoni. Il-KESE jemmen li għandu jinħoloq spazju diġitali kondiviż u aċċessibbli b’mod sigur għall-pazjenti u għall-isptarijiet u għal fornituri oħrajn tal-kura tas-saħħa, b’mod partikolari biex tiġi pprevenuta l-privatizzazzjoni tal-għarfien. L-etika u l-privatezza għandhom jiġu rispettati dejjem u jrid ikun obbligatorju li jinkiseb il-kunsens tal-pazjenti qabel kwalunkwe użu tad-data dwar is-saħħa tiegħu. |
|
4.4. |
L-applikazzjoni tal-IA fis-settur tas-saħħa tirrappreżenta qasam ewlieni ta’ kompetittività li fih l-UE tista’ tmexxi b’approċċ iċċentrat fuq il-bniedem għall-benefiċċju tal-persuni kollha. Fil-ġejjieni, ir-rappreżentazzjonijiet virtwali tal-pazjenti se jintużaw biex ibassru u jipprevjenu l-mard, jidentifikaw il-kumplikazzjonijiet u jirfinaw u jippersonalizzaw l-għażliet ta’ trattament. L-IA fil-kura tas-saħħa għandha tkun soġġetta wkoll għal awditi perjodiċi tal-valutazzjoni tar-riskju b’mekkaniżmi kontinwi ta’ monitoraġġ u traċċabbiltà applikati għall-applikazzjonijiet tal-IA maż-żmien biex jiġu żgurati t-trasparenza, l-integrità u l-effettività. |
|
4.5. |
Il-KESE jappoġġja l-pjan ta’ azzjoni Ewropew għall-prevenzjoni ta’ attakki ċibernetiċi fis-settur tas-saħħa ppreżentat fil-Linji Gwida Politiċi għall-Kummissjoni l-ġdida. Mekkaniżmu ta’ konsultazzjoni li jintegra l-livell lokali, nazzjonali u tal-UE għandu jkun parti mill-pjan ta’ azzjoni, billi jitqiesu d-differenzi fil-ħtiġijiet mediċi, il-litteriżmu diġitali fis-saħħa u r-rwol akbar tas-soċjetà ċivili fis-settur tas-saħħa. |
5. Riċerka
|
5.1. |
It-tisħiħ tal-industrija farmaċewtika u tas-saħħa Ewropea għandu jkun prijorità għall-mandat tal-Kummissjoni 2024-2029. Dan ifisser l-appoġġ tar-R&Ż u l-kapaċità tal-innovazzjoni tal-UE lil hinn minn dak li jistgħu jagħmlu l-programmi Ewropej (4). Il-KESE jaqbel mal-Parlament Ewropew li hemm bżonn ta’ infrastruttura sovranazzjonali tar-riċerka pubblika għall-mediċina. Dan jippermetti li jiġi żviluppat portafoll ta’ mediċini u vaċċini li nħolqu permezz ta’ riċerka mingħajr skop ta’ qligħ u f’oqsma mhux koperti mill-industrija jew fejn il-mediċini mhumiex affordabbli, bil-għan li jsir progress fil-qasam tal-mard rari. F’dan ir-rigward, il-KESE jappoġġja t-twessigħ tal-kamp ta’ applikazzjoni tal-IPCEI fil-qasam tas-saħħa, inkluż billi tiġi indirizzata l-aċċessibbiltà tal-mediċini użati għat-trattament ta’ mard rari. |
|
5.2. |
Il-KESE jappella li jiġu promossi l-aħjar prattiki u t-trasferimenti tal-innovazzjoni bħala parti minn approċċ b’diversi partijiet ikkonċernati li jinvolvi l-pazjenti, l-industrija, il-fornituri tas-servizzi tas-saħħa, it-tobba u l-kumpaniji tal-assigurazzjoni. L-aħjar prattiki u t-trasferimenti tal-innovazzjoni fis-sistemi tas-saħħa tagħna jridu jmorru lil hinn mill-interessi kummerċjali u jiffukaw fuq is-saħħa u l-ġid pubbliku. Il-KESE jemmen li jeħtieġ li jiġu promossi aħjar l-aħjar prattiki bħall-komunitajiet ta’ prattika, is-servizzi mediċi mhux għall-profitt, l-organizzazzjonijiet tal-kura integrata (li jlaqqgħu flimkien is-servizzi primarji u speċjalizzati), u l-mudell tal-ekonomija soċjali jew tal-kollaborazzjoni fil-kura tas-saħħa. |
|
5.3. |
Il-KESE jenfasizza l-importanza ta’ politika medika u farmaċewtika ġusta li tiggarantixxi aċċess għal kulħadd. Dan jinkludi prezzijiet ġusti bbażati fuq il-“mudell ta’ pprezzar ġust”, trasparenza fir-rigward tal-kostijiet tar-riċerka u tal-iżvilupp, l-użu ġust tal-proprjetà intellettwali, u mudelli ġodda ta’ finanzjament biex jappoġġjaw ir-riċerka f’oqsma ta’ prijorità bħar-reżistenza għall-antimikrobiċi. Għandhom isiru sforzi biex jiżdied l-għadd ta’ raggruppamenti tas-saħħa fl-UE u tissaħħaħ il-kollaborazzjoni tagħhom mal-qasam akkademiku. |
|
5.4. |
Peress li l-kura tas-saħħa hija fl-interess pubbliku, il-provvista ta’ oġġetti u servizzi f’dan il-qasam għandha tkun obbligu. Jeħtieġ li l-industrija tirrikonoxxi n-natura speċifika ta’ dan il-qasam billi tinkludi parametri soċjali flimkien mal-kompetizzjoni tas-suq u l-objettivi ta’ profittabbiltà. Permezz ta’ sħubijiet innovattivi u bbażati fuq is-solidarjetà, is-setturi pubbliċi u privati jistgħu jipprovdu kopertura mifruxa tas-servizzi tal-kura tas-saħħa. Bħala parti mill-Unjoni Ewropea tas-Saħħa, l-Istati Membri jeħtieġ li jistabbilixxu oqfsa legali li jappoġġjaw iż-żieda fl-investiment u l-approċċi kollaborattivi fis-settur tas-saħħa u jiżguraw koerenza bejn l-atturi kollha. Madankollu, fl-ekonomija kurrenti mmexxija mis-suq, l-għażliet u l-politiki tal-ipprezzar huma fl-aħħar mill-aħħar immotivati mill-profittabbiltà korporattiva, mingħajr l-intervent pubbliku korrett biex tiġi żgurata kopertura universali għal kulħadd. |
6. Aspetti soċjali u tar-riżorsi umani
|
6.1. |
Is-saħħa hija essenzjali għas-sopravivenza kemm tal-individwi kif ukoll tas-soċjetajiet, li tinkludi empatija profonda għall-ħajja tal-bniedem. Dan jinvolvi dimensjoni etika u emozzjonali profonda li tmur lil hinn minn fissazzjoni fuq swieq monetizzati. Il-KESE jqis li s-sistemi tas-saħħa tal-UE għandhom: ikunu ċċentrati fuq in-nies; reattivi għax-xokkijiet; aċċessibbli; ikkoordinati bejn l-Istati Membri; inklużivi u ekwi; jipproteġu l-ħajja; ikunu kapaċi jindirizzaw l-inugwaljanzi fis-saħħa; reżiljenti; u bbażati fuq evidenza, riċerka u innovazzjoni. Dawn iridu jippromovu t-tkabbir u jappoġġjaw il-progress soċjali u ħajjiet fi stat tajjeb ta’ saħħa. |
|
6.2. |
Is-sistemi tas-saħħa madwar l-UE għandhom iqisu r-riskji għas-saħħa u l-mard eżistenti kif ukoll il-kunsiderazzjonijiet soċjali, ekonomiċi, ġeografiċi u edukattivi. Huwa u jibni fuq l-Opinjoni tal-KESE SOC/801 dwar “Infasslu inizjattiva ewlenija Ewropea għas-saħħa”, il-KESE jappella bil-qawwa għal inizjattiva ewlenija għas-saħħa fl-Ewropa u jirrakkomanda li jiġi stabbilit “Att dwar Garanzija Ewropea tas-Saħħa”, li jistabbilixxi objettivi komuni tas-saħħa fil-livell Ewropew, sostnuti minn finanzjament pluriennali. |
|
6.3. |
It-tibdil fil-klima, it-tibdil fix-xejriet tal-mard u l-iskoperti ta’ trattamenti ġodda għall-mard qed jagħmlu pressjoni kostanti fuq il-forza tax-xogħol tas-saħħa u fuq il-persuni li jindukraw. Biex jiġi indirizzat in-nuqqas ta’ ħaddiema, irid jittieħed approċċ integrat li jkopri mhux biss il-benefiċċji, il-prevedibbiltà tal-karriera u s-sigħat tax-xogħol, iżda anke l-aċċess għal teknoloġiji u riżorsi adatti, it-taħriġ u s-sikurezza fiżika u psikoloġika tal-ħaddiema u l-pazjenti. Il-KESE jissuġġerixxi li jitfassal “pjan direzzjonali b’rabta mad-dimensjoni umana” bħala appoġġ għas-sistemi tas-saħħa, billi jiġi stabbilit reġistru elettroniku interoperabbli tal-forza tax-xogħol fl-UE kollha. Dan ir-reġistru jimmonitorja u jappoġġja l-kapaċità tal-ħiliet, jippromovi l-kooperazzjoni u s-solidarjetà f’każ ta’ diżastri naturali, u jiżgura rabta ma’ sistemi addizzjonali bħall-Mekkaniżmu tal-UE għall-Protezzjoni Ċivili u l-Mekkaniżmu Ewropew ta’ Solidarjetà Volontarja fejn rilevanti. |
|
6.4. |
Fid-dawl tal-Patt tal-UE għall-Ħiliet, il-KESE jisħaq fuq il-ħtieġa li jittejbu l-ħiliet u li l-professjonijiet tas-saħħa u tal-kura jsiru aktar attraenti. Għal dan l-għan, għandhom jiġu promossi korsijiet Ewropej komuni ta’ taħriġ fl-iskola medika u dik tal-infermerija, kif ukoll korsijiet interdixxiplinari, b’mod partikolari permezz tal-Erasmus u ċentri ta’ speċjalizzazzjoni u kompetenza. Il-KESE jistieden lill-Kummissjoni Ewropea tibda diskussjonijiet dwar l-armonizzazzjoni tal-kundizzjonijiet tax-xogħol fl-ekosistema tal-kura tas-saħħa fl-UE, u tagħmel aktar biex iżżomm, tattira u tappoġġja l-persunal tal-kura tas-saħħa. Jinħtieġu b’mod urġenti azzjonijiet konkreti lejn it-tnaqqis tal-migrazzjoni tal-ħaddiema, il-promozzjoni tal-ugwaljanza bejn il-ġeneri u l-iżvilupp tal-karriera. |
|
6.5. |
F’termini ta’ aċċessibbiltà, is-servizzi tas-saħħa għandhom jitqassmu b’mod ġust bejn ir-reġjuni bil-għan li jiġi mminimizzat l-ivvjaġġar għall-ħtiġijiet mediċi. Il-persuni vulnerabbli jiffaċċjaw diffikultajiet biex jaċċessaw il-kura tas-saħħa, li jindika l-ħtieġa ta’ titjib fl-inklużività fis-sistemi tas-saħħa tal-UE. Kulħadd għandu jkollu aċċess għal servizzi tas-saħħa, medikazzjonijiet u trattamenti adegwati. Ħinijiet iqsar ta’ rispons fit-trattament ta’ diversi tipi ta’ mard huma indikatur ta’ servizzi tas-saħħa ta’ kwalità tajba. |
|
6.6. |
L-iskemi tal-assigurazzjoni pubbliċi u privati jistgħu jeżistu flimkien fil-qasam tas-saħħa iżda l-politiki pubbliċi ma għandhomx jirriżultaw fl-obbligu jew il-ħtieġa li jkun hemm kopertura tal-assigurazzjoni doppja. Din id-dinamika ddgħajjef is-settur pubbliku u twassal għar-restrizzjoni tal-aċċess għas-servizzi bażiċi tas-saħħa. F’ċerti Stati Membri, is-settur mediku privat qed jinternalizza l-profitti u qed jesternalizza l-kostijiet għas-settur pubbliku. |
|
6.7. |
Il-promozzjoni tal-litteriżmu diġitali fis-saħħa u l-allokazzjoni tar-riżorsi għal fehim aħjar tal-esponiment għar-riskju għas-soċjetà u għall-pazjenti jenħtieġ li jkunu elementi fundamentali fl-Unjoni tas-Saħħa futura tal-UE. Dawn jiżguraw li n-nies ikunu infurmati aħjar dwar is-saħħa, u jżidu r-reżiljenza tal-bniedem. |
7. Diplomazija tas-saħħa
|
7.1. |
Fid-dawl tar-rwol vitali tagħha matul il-COVID-19, id-daqs tas-suq, l-importanza tal-kummerċ u l-esportazzjonijiet internazzjonali tagħha u l-isforzi tagħha fil-konsolidazzjoni tad-diplomazija tas-saħħa, l-UE għandu jkollha rwol akbar fid-dimensjoni internazzjonali tas-saħħa. |
|
7.2. |
L-UE għandha taqdi rwol aktar proattiv fl-istabbiliment tal-aġenda fil-G7 u fil-G20 u f’organizzazzjonijiet internazzjonali bħan-NU bil-ħsieb li jiġu stabbiliti mekkaniżmi tas-saħħa globali permanenti. |
|
7.3. |
Il-KESE jappoġġja l-istabbiliment ta’ Fond Ewropew ta’ Solidarjetà tas-Saħħa għall-Afrika biex tiġi indirizzata l-inugwaljanza estrema fil-provvista tas-saħħa hemmhekk. Il-Fond għandu jintuża biex jiżdied l-aċċess għas-servizzi tal-kura tas-saħħa, titħeġġeġ ir-riċerka dwar il-mediċini għall-mard tropikali, jiġi indirizzat il-mard infettiv u tittejjeb is-sigurtà tas-saħħa globali. |
|
7.4. |
Il-KESE jemmen li l-ftehimiet ta’ konverġenza u rikonoxximent reċiproku huma importanti, u jappoġġja involviment akbar tal-UE fil-Kunsill Internazzjonali għall-Armonizzazzjoni tar-Rekwiżiti Tekniċi għall-Farmaċewtiċi għall-Użu mill-Bniedem, u fil-Koalizzjoni Internazzjonali tal-Awtoritajiet Regolatorji tal-Mediċini. Huwa importanti li l-pajjiżi terzi jiġu appoġġjati biex jibnu l-kapaċitajiet tagħhom bil-għan li jipproduċu l-materja prima u jiżguraw il-komplementarjetà mal-ħtiġijiet mediċi tal-UE. |
|
7.5. |
It-tisħiħ tar-reżiljenza tas-sistemi tas-saħħa tagħna jirrikjedi investimenti mfassla tajjeb, koordinazzjoni aħjar (inkluż l-iżvilupp ta’ ktajjen tal-provvista medika aktar reżiljenti) u aktar kooperazzjoni globali fil-qasam tas-saħħa. Il-KESE jirrakkomanda l-iżvilupp ta’ sħubijiet ma’ partijiet ikkonċernati strateġiċi li qed jinvestu fis-sigurtà tas-saħħa globali peress li l-involviment tagħhom imur ferm lil hinn mill-mediċina u jinkludi l-edukazzjoni, l-iżvilupp tal-komunità, ir-riċerka u l-politika pubblika. |
Brussell, l-4 ta’ Diċembru 2024
Il-President
tal-Kumitat Ekonomiku u Soċjali Ewropew
Oliver RÖPKE
(1) https://commission.europa.eu/document/download/e6cd4328-673c-4e7a-8683-f63ffb2cf648_mt?filename=Political%20Guidelines%202024-2029_MT.pdf.
(2) Opinjoni tal-Kumitat Ekonomiku u Soċjali Ewropew dwar “L-iżgurar tal-provvista tal-mediċina tal-Ewropa: nipprevedu Att dwar il-Mediċini Kritiċi” (Opinjoni esploratorja mitluba mill-Presidenza Belġjana) (ĠU C, C/2024/1568, 5.3.2024, ELI: http://data.europa.eu/eli/C/2024/1568/oj).
(3) https://www.europarl.europa.eu/doceo/document/A-9-2024-0141_MT.html.
(4) Pereżempju, Orizzont Ewropa.
ELI: http://data.europa.eu/eli/C/2025/767/oj
ISSN 1977-0987 (electronic edition)