SENTENZA TAL-QORTI TAL-ĠUSTIZZJA (It-Tielet Awla)

18 ta’ April 2023 ( *1 ) ( i )

“Rinviju għal deċiżjoni preliminari – Proċedura b’urġenza għal deċiżjoni preliminari – Kontrolli fil-fruntieri, ażil u immigrazzjoni – Politika tal-immigrazzjoni – Direttiva 2003/86/KE – Dritt għar-riunifikazzjoni tal-familja – Artikolu 5(1) – Preżentazzjoni ta’ applikazzjoni għal dħul u għal residenza għall-finijiet tal-eżerċizzju tad-dritt għar-riunifikazzjoni tal-familja – Leġiżlazzjoni ta’ Stat Membru li tipprevedi l-obbligu għall-membri tal-familja tal-isponsor li jippreżentaw l-applikazzjoni personalment quddiem ir-rappreżentanza diplomatika kompetenti ta’ dan l-Istat Membru – Impossibbiltà jew diffikultà eċċessiva li persuna tmur fl-imsemmija rappreżentanza – Karta tad-Drittijiet Fundamentali tal-Unjoni Ewropea – Artikoli 7 u 24”

Fil-Kawża C‑1/23 PPU,

li għandha bħala suġġett talba għal deċiżjoni preliminari skont l-Artikolu 267 TFUE, imressqa mit-tribunal de première instance francophone de Brussell (il-Qorti tal-Ewwel Istanza ta’ Brussell bil-lingwa Franċiża, il-Belġju), permezz ta’ deċiżjoni tat‑2 ta’ Jannar 2023, li waslet fil-Qorti tal-Ġustizzja fl-istess jum, fil-proċedura

X,

Y,

A, legalment irrappreżentat minn X u Y,

B, legalment irrappreżentat minn X u Y

vs

État belge

IL-QORTI TAL-ĠUSTIZZJA (It‑Tielet Awla),

komposta minn K. Jürimäe, Presidenta tal-Awla, K. Lenaerts, President tal-Qorti tal-Ġustizzja, li qiegħed jaġixxi bħala Mħallef tat-Tielet Awla, M. Safjan (Relatur), N. Jääskinen u M. Gavalec, Imħallfin,

Avukat Ġenerali: G. Pitruzzella,

Reġistratur: K. Hötzel, Amministratriċi,

wara li rat il-proċedura bil-miktub u wara s-seduta tal‑1 ta’ Marzu 2023,

wara li kkunsidrat l-osservazzjonijiet ippreżentati:

–

għal X u Y kif ukoll għal A u B, legalment irrappreżentati minn X u Y, minn C. D’Hondt u P. Robert, avocats,

–

għall-Gvern Belġjan, minn M. Jacobs, C. Pochet u M. Van Regemorter, bħala aġenti, assistiti minn S. Matray u C. Piront, avocates,

–

għall-Gvern Ġermaniż, minn J. Möller u R. Kanitz, bħala aġenti,

–

għall-Gvern Spanjol, minn A. Gavela Llopis, bħala aġent,

–

għall-Gvern Franċiż, minn B. Fodda u J. Illouz, bħala aġenti,

–

għall-Gvern tal-Pajjiżi l-Baxxi, minn M. K. Bulterman, bħala aġent,

–

għall-Kunsill tal-Unjoni Ewropea, minn R. Meyer u O. Segnana, bħala aġenti,

–

għall-Kummissjoni Ewropea, minn A. Azéma u J. Hottiaux, bħala aġenti,

wara li semgħet il-konklużjonijiet tal-Avukat Ġenerali, ippreżentati fis-seduta tad‑9 ta’ Marzu 2023,

tagħti l-preżenti

Sentenza

1

It-talba għal deċiżjoni preliminari tirrigwarda l-interpretazzjoni tal-Artikolu 5(1) tad-Direttiva tal-Kunsill 2003/86/KE tat‑22 ta’ Settembru 2003 dwar id-dritt għal riunifikazzjoni tal-familja (ĠU Edizzjoni Speċjali bil-Malti, Kapitolu 19, Vol. 6, p. 224), tal-Artikoli 23 u 24 tad-Direttiva 2011/95/UE tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tat‑13 ta’ Diċembru 2011 dwar standards għall-kwalifika ta’ ċittadini nazzjonali ta’ pajjiżi terzi jew persuni mingħajr stat bħala benefiċjarji ta’ protezzjoni internazzjonali, għal stat uniformi għar-refuġjati jew għal persuni eliġibbli għal protezzjoni sussidjarja, u għall-kontenut tal-protezzjoni mogħtija (ĠU 2011, L 337, p. 9), kif ukoll tal-Artikoli 7 u 24 tal-Karta tad-Drittijiet Fundamentali tal-Unjoni Ewropea (iktar ’il quddiem il-“Karta”).

2

Din it-talba tressqet fil-kuntest ta’ tilwima bejn X u Y kif ukoll l-ulied minuri tagħhom A u B (iktar ’il quddiem, flimkien, ir-“rikorrenti fil-kawża prinċipali”) u l-Istat Belġjan dwar ir-rifjut, minn dan tal-aħħar, li jirreġistra l-applikazzjoni għal dħul u għal residenza abbażi tar-riunifikazzjoni tal-familja ppreżentata minn X kif ukoll mill-ulied A u B.

Il‑kuntest ġuridiku

Id‑dritt tal‑Unjoni

Id‑Direttiva 2003/86

3

Il-premessi 2 u 8 tad-Direttiva 2003/86 huma fformulati kif ġej:

“(2)

Miżuri dwar riunifikazzjoni tal-familja għandhom ikunu adottati b’konformità ma’ l-obbligu tal-protezzjoni talfamilja u ir-rispett għall-ħajja tal-familja minquxa f’ħafna strumenti tal-liġi internazzjonali. Din id-Direttiva tirrispetta d-drittijiet fundamentali u tosserva l-prinċipji rrikonoxxuti b’mod partikulari fl-Artikolu 8 tal-Konvenzjoni Ewropea [għall-Protezzjoni tad-Drittijiet tal-Bniedem u tal-Libertajiet Fundamentali, iffirmata f’Ruma fl‑4 ta’ Novembru 1950,] u l-[Karta].

[…]

(8)

Attenzjoni speċjali għandha tingħata lis-sitwazzjoni ta’ refuġjati minħabba r-raġunijiet li jobbligawhom jaħarbu pajjiżhom u jimpeduhom milli jgħixu ħajja tal-familja normali hemm. Kondizzjonijiet iktar favorevoli għandhom għalhekk ikunu preskritti għall-eżerċizzju tad-dritt tagħhom għar-riunifikazzjoni tal-familja.”

4

Skont l-Artikolu 2 ta’ din id-direttiva:

“Għall-għanijiet ta’ din id-Direttiva:

[…]

(b)

‘refuġjat’ tfisser kull ċittadin ta’ pajjiż terz jew persuna bla stat li jgawdi status ta’ refuġjat fit-tifsira tal-Konvenzjoni ta’ Ginevra dwar l-istatus ta’ refuġjati tat-28 ta’ Lulju 1951, kif emendata mill-Protokoll iffirmat fi New York fil-31 ta’ Jannar 1967;

(ċ)

‘sponsor’ tfisser ċittadin ta’ pajjiż terz li joqgħod legalment fi Stat Membru u li japplika jew il-membri tal-familja tiegħu japplikaw għal riunifikazzjoni tal-familja biex jingħaqdu miegħu/magħha;

(d)

‘riunifikazzjoni tal-familja’ tfisser id-dħul ġewwa u residenza fi Stat Membru minn membri tal-familja ta’ ċittadin ta’ pajjiż terz li joqogħdu legalment f’dak l-Istat Membru biex tkun ippreżervata l-għaqda tal-familja, kemm jekk ir-relazzjoni mal-familja kien ikkawżat qabel kemm wara d-dħul tar-resident;

[…]”

5

L-Artikolu 4 tal-imsemmija direttiva, dispożizzjoni unika li tinsab fil-Kapitolu II tagħha, intitolat “Membri tal-familja”, jipprovdi:

“1.   l-Istati Membri għandhom jawtorizzaw id-dħul u r-residenza, skond din id-Direttiva u suġġetti għal konformita mal-kondizzjonijiet preskritti fil-Kapitolu IV, kif ukoll l-Artikolu 16, tal-membri tal-familja li ġejjin:

a)

il-konjugi ta’ l-isponsor;

b)

it-tfal minorenni ta’ l-isponsor u tar-raġel/mara tagħha/tiegħu […]

[…]”

6

L-Artikolu 5 tal-istess direttiva, li jinsab fil-Kapitolu III tagħha, intitolat “Sottomissjoni u eżami ta’ l-applikazzjoni”, jipprovdi:

“1.   L-Istati Membri għandhom jiddeterminaw jekk, biex ikun eżerċitat id-dritt tar-riunifikazzjoni tal-familja, applikazzjoni tad-dħul u residenza għandhiex tkun issottomessa lill-awtoritajiet kompetenti ta’ l-Istati Membri kkonċernati jew mill-isponsor jew mill-membru jew membri tal-familja.

[…]

4.   L-awtoritajiet kompetenti ta’ l-Istat Membru għandhom jagħtu lill-persuna, li ssottomettiet l-applikazzjoni, notifika bil-miktub tad-deċiżjoni kemm jista’ jkun malajr u f’kull każ mhux iktar tard minn disa’ xhur mid-data li fiha l-applikazzjoni kienet iddepożitata.

[…]

5.   Meta tkun eżaminata applikazzjoni, l-Istati Membri għandhom jagħtu l-attenzjoni dovuta għall-aħjar interessi ta’ tfal minorenni.”

7

L-Artikolu 7 tad-Direttiva 2003/86, li jinsab taħt il-Kapitolu IV tagħha, intitolat “Rekwiżiti għall-eżerċizzju tad-dritt tar-riunifikazzjoni tal-familja”, jipprovdi, fil-paragrafu 1 tiegħu:

“Meta l-applikazzjoni għar-riunifikazzjoni tal-familja tkun issottomessa, l-Istat Membru kkonċernat jista’ jirrikjedi l-persuna li tkun issottomettiet l-applikazzjoni biex tipprovdi xiehda li l-isponsor għandu:

a)

akkomodazzjoni meqjusa bħala normali għal familja komparabbli fl-istess reġjun u li tissodisfa l-istandards ġenerali ta’ saħħa u sigurta fis-seħħ fl-Istat Membru kkonċernat;

b)

assigurazzjoni kontra l-mard fir-rigward tar-riskji kollha normalment koperti għaċ-ċittadini tiegħu stess fl-Istat Membru kkonċernat għalih innifsu/għaliha nnifisha u l-membri tal-familja tiegħu/tagħha;

ċ)

riżorsi stabbli u regolari li huma suffiċjenti biex iżomm lilu nnifsu/lilha nnifisha u l-membri tal-familja tiegħu/tagħha, mingħajr ma jirrikorri għas-sistema ta’ għajnuna soċjali ta’ l-Istat Membru kkonċernat. Stati Membri għandhom jistmaw dawn ir-riżorsi b’referenza għan-natura u r-regolarita tagħhom u jistgħu jqisu il-livell ta’ pagi minimi nazzjonali u penjonijiet kif ukoll in-numru ta’ membri tal-familja.”

8

L-Artikolu 12 ta’ din id-direttiva jinsab fil-Kapitolu V tagħha, intitolat “Riunifikazzjoni tal-familja ta’ refuġjati”. Dan l-artikolu jipprevedi, fil-paragrafu 1 tiegħu:

“Permezz ta’ deroga mill-Artikolu 7, l-Istati Membri m’għandhomx jirrikjedu li r-refuġjat u/jew il-membri tal-familja jipprovdu, fir-rigward ta’ applikazzjonijiet dwar dawk il-membri tal-familja li jirreferi għalihom l-Artikolu 4(1), ix-xiehda li r-refuġjat jissodisfa r-rekwiżiti ddikjarati fl-Artikolu 7.

[…]

Stati Membri jistgħu jirrikjedu li r-refuġjat jissodisfa l-kondizzjonijiet li jirreferi għalihom l-Artikolu 7(1) jekk l-applikazzjoni għal riunifikazzjoni tal-familja ma tkunx issottomessa fi żmien perjodu ta’ tliet xhur wara l-għoti ta’ l-istatus ta’ refuġjat.”

Id-Direttiva 2011/95

9

L-Artikolu 2 tad-Direttiva 2011/95 jipprevedi li:

“Għall-iskopijiet ta’ din id-Direttiva għandhom japplikaw id-definizzjonijiet li ġejjin::

[…]

(j)

‘membri tal-familja’ ifisser, safejn il-familja tkun diġa’ eżistiet fil-pajjiż tal-oriġini, il-membri tal-familja li ġejjin talbenefiċjarju tal-protezzjoni internazzjonali li huma preżenti fl-istess Stat Membru rigward l-applikazzjoni għal protezzjoni internazzjonali:

–

il-konjuġi tal-benefiċjarju tal-protezzjoni internazzjonali […]

–

it-tfal minuri tal-koppji msemmija fl-ewwel inċiż […]

[…]”

Id‑dritt Belġjan

10

L-Artikolu 10 tal-loi du 15 décembre 1980 sur l’accès au territoire, le séjour, l’établissement et l’éloignement des étrangers (il-Liġi tal‑15 ta’ Diċembru 1980 dwar l-aċċess għat-territorju, ir-residenza, l-istabbiliment u t-tneħħija tal-barranin) (Moniteur belge tal‑31 ta’ Diċembru 1980, p. 14584) fil-verżjoni tiegħu applikabbli fil-kawża prinċipali (iktar ’il quddiem il-“Liġi tal‑15 ta’ Diċembru 1980”) jittrasponi fl-ordinament ġuridiku Belġjan b’mod partikolari l-Artikolu 12(1) tad-Direttiva 2003/86. Dan l-Artikolu 10 huwa għalhekk ifformulat kif ġej:

“§ 1.   Salv għad-dispożizzjonijiet tal-Artikoli 9 u 12, għandhom id-dritt ipso iure li jirrisjedu għal iktar minn tliet xhur fir-Renju:

[…]

4° il-membri tal-familja segwenti ta’ persuna barranija ammessa jew awtorizzata, għal tal-inqas tnax-il xahar, biex tirrisjedi fir-Renju għal żmien illimitat, jew awtorizzata, għal tal-inqas tnax-il xahar, sabiex tistabbilixxi ruħha hemmhekk. Dan it-terminu ta’ tnax-il xahar jitneħħa jekk ir-rabta konjugali jew is-sħubija rreġistrata kienet teżisti qabel il-wasla tal-persuna barranija biex tingħaqad fir-Renju jew jekk huma għandhom wild minuri komuni. Dawn il-kundizzjonijiet li jirrigwardaw it-tip ta’ residenza u t-tul ta’ residenza ma japplikawx fir-rigward ta’ membri tal-familja ta’ persuna barranija aċċettata li tirrisjedi fir-Renju bħala benefiċjarja tal-istatus ta’ protezzjoni internazzjonali skont il-paragrafi 2 jew 3 tal-punt 1 tal-Artikolu 49 jew skont il-punti 2 jew 3 tal-Artikolu 49/2:

–

il-konjuġi barrani tiegħu […], li jmur jgħix miegħu, bil-kundizzjoni li ż-żewġ persuni kkonċernati jkollhom iktar minn wieħed u għoxrin sena. Madankollu, din l-età minima tkun imnaqqsa għal tmintax-il sena meta r-rabta bħala konjuġi jew bħala sieħeb/sieħba rreġistrat/irreġistrata, skont il-każ, kienet teżisti qabel il-wasla tal-barrani/barranija fir-Renju;

–

l-ulied tagħhom, li ġejjin sabiex jgħixu magħhom taħt l-età ta’ tmintax-il sena u li ma humiex miżżewġin;

[…]

§ 2   […]

Il-barranin imsemmija fil-punti 1, 4 sa 6 tal-punt 1 għandhom jipproduċu l-prova li l-persuna barranija li tingħaqad mal-familja għandha akkomodazzjoni suffiċjenti biex tkun tista’ tirċievi l-membru jew il-membri tal-familja tagħha li jitolbu li jingħaqdu magħha […], kif ukoll assigurazzjoni għall-mard li tkopri r-riskji fil-Belġju għaliha stess u l-membri tal-familja tagħha. […]

[…]

Il-persuna barranija msemmija fil-punti 1, 4 u 5 tal-punt 1 tal-Artikolu 49(1) għandha tipproduċi l-prova wkoll li l-persuna barranija li tingħaqad mal-familja għandha mezzi ta’ sussistenza stabbli, regolari u suffiċjenti kif previsti fil-paragrafu 5 biex tieħu ħsieb il-bżonnijiet tagħha stess u dawk tal-membri tal-familja tagħha u biex tevita li dawn isiru ta’ piż għall-awtoritajiet pubbliċi. Din il-kundizzjoni ma tapplikax jekk il-persuna barranija jingħaqdu magħha biss il-membri tal-familja tagħha msemmija fl-inċiżi 2 u 3 tal-punt 4 tal-paragrafu 1 tal-punt 1.

[…]

Il-paragrafi 2, 3 u 4 ma japplikawx għall-membri tal-familja ta’ persuna barranija rrikonoxxuta bħala refuġjata jew bħala persuna barranija li tibbenefika mill-protezzjoni sussidjarja msemmija fil-punti 1, 4 sa 6 tal-paragrafu 1 tal-punt 1 meta r-rabtiet ta’ parentela jew ta’ żwieġ jew is-sħubija rreġistrata jkunu jippreċedu d-dħul ta’ din il-persuna barranija fir-Renju u sakemm l-applikazzjoni għar-residenza fuq il-bażi ta’ dan l-artikolu tkun ġiet ippreżentata fis-sena ta’ wara d-deċiżjoni li tirrikonoxxi l-kwalità bħala refuġjata jew li tagħti l-protezzjoni sussidjarja lill-persuna barranija li tingħaqad mal-familja.

[…]”

11

L-ewwel subparagrafu tal-Artikolu 12 bis(1) tal-Liġi tal‑15 ta’ Diċembru 1980, li ttraspona fl-ordinament ġuridiku Belġjan l-Artikolu 5(1) tad-Direttiva 2003/86, jipprovdi li:

“Il-persuna barranija li tiddikjara li tinsab f’wieħed mill-każijiet imsemmija fl-Artikolu 10 għandha tippreżenta l-applikazzjoni tagħha quddiem ir-rappreżentanza diplomatika jew konsulari Belġjana kompetenti għall-post tar-residenza tagħha jew tar-residenza tagħha barra mill-pajjiż.”

Il‑kawża prinċipali u d‑domanda preliminari

12

X u Y, ċittadini Sirjani, iżżewġu matul is-sena 2016 fis-Sirja. Huma kellhom żewġt itfal, imwielda rispettivament matul is-snin 2016 u 2018.

13

Matul is-sena 2019, Y telaq mis-Sirja, billi għadda mit-Turkija, sabiex imur il-Belġju filwaqt li X u ż-żewġ uliedhom baqgħu fil-Belt ta’ Afrin, li tinsab fil-Majjistral tas-Sirja, fejn għadhom jinsabu attwalment. Fil‑25 ta’ Awwissu 2022, l-amministrazzjoni Belġjana kompetenti rrikonoxxiet lil Y l-istatus ta’ refuġjat fil-Belġju. Din id-deċiżjoni ġiet innotifikata permezz ta’ posta elettronika lill-avukat ta’ Y fid‑29 ta’ Awwissu 2022.

14

Permezz ta’ posta elettronika tat‑28 ta’ Settembru 2022 u permezz ta’ ittra tad‑29 ta’ Settembru 2022, mibgħuta lill-Office des étrangers (l-Uffiċċju tal-Barranin, il-Belġju, iktar ’il quddiem l-“Uffiċċju”), l-avukat tar-rikorrenti fil-kawża prinċipali ppreżenta applikazzjoni għal dħul u għal residenza abbażi tar-riunifikazzjoni tal-familja f’isem X kif ukoll tal-ulied A u B, sabiex ikunu jistgħu jingħaqdu ma’ Y fil-Belġju (iktar ’il quddiem l-“applikazzjoni tax-xahar ta’ Settembru 2022”). F’din il-korrispondenza, ir-rikorrenti fil-kawża prinċipali indikaw li din l-applikazzjoni kienet ġiet ippreżentata permezz tal-avukat tagħhom lill-Uffiċċju, peress li X u wliedha jinsabu f’“kundizzjonijiet eċċezzjonali li jipprekluduhom effettivament milli jmorru quddiem rappreżentanza diplomatika Belġjana sabiex hemmhekk jippreżentaw applikazzjoni għar-riunifikazzjoni tal-familja”, kif meħtieġ mil-leġiżlazzjoni Belġjana.

15

Fid‑29 ta’ Settembru 2022, l-Uffiċċju wieġeb li, skont din il-leġiżlazzjoni, ma kienx possibbli li tiġi ppreżentata applikazzjoni għad-dħul u għal residenza abbażi tar-riunifikazzjoni tal-familja permezz ta’ posta elettronika u stieden lir-rikorrenti fil-kawża prinċipali sabiex jikkuntattjaw lill-ambaxxata Belġjana kompetenti.

16

Permezz ta’ taħrika għal miżuri provviżorji tad‑9 ta’ Novembru 2022, ir-rikorrenti fil-kawża prinċipali ppreżentaw kawża kontra l-Istat Belġjan quddiem it-tribunal de première instance francophone de Bruxelles (il-Qorti tal-Ewwel Istanza ta’ Brussell bil-lingwa Franċiża, il-Belġju), il-qorti tar-rinviju, sabiex jiksbu r-reġistrazzjoni minn dan l-Istat Membru tal-applikazzjoni tax-xahar ta’ Settembru 2022.

17

F’dan ir-rigward, huma sostnew li, minħabba li kien impossibbli għal X u għal uliedha li jmorru f’rappreżentanza diplomatika Belġjana kompetenti, applikazzjoni ppreżentata quddiem l-Uffiċċju għandha tiġi aċċettata fid-dawl tad-dritt tal-Unjoni. Fil-fatt, il-leġiżlazzjoni Belġjana, li tippermetti lill-membri tal-familja ta’ refuġjat unikament li jippreżentaw applikazzjoni għal dħul u għal residenza personalment u f’tali rappreżentanza diplomatika, anki fil-każ fejn ikun impossibbli għal dawn il-membri tal-familja li jmorru hemmhekk, ma hijiex konformi ma’ dan id-dritt.

18

Il-qorti tar-rinviju tikkonferma li, skont id-dritt Belġjan, il-konjuġi u l-ulied minuri tal-isponsor għandhom jippreżentaw l-applikazzjoni tagħhom għar-riunifikazzjoni tal-familja quddiem ir-rappreżentant diplomatiku jew konsulari Belġjan kompetenti fil-post ta’ residenza tagħhom jew ta’ residenza tagħhom barra mill-pajjiż u l-ebda deroga minn dan l-obbligu ta’ preżenza fiżika fil-bidu tal-proċedura ma hija prevista f’sitwazzjoni bħal dik fil-kawża prinċipali. B’applikazzjoni ta’ dan id-dritt, X u wliedha ma jistgħux għalhekk jippreżentaw tali applikazzjoni fil-Belġju.

19

Madankollu, din il-qorti tosserva li r-Reġjun ta’ Afrin jinsab attwalment taħt il-kontroll effettiv tat-Turkija u li X u wliedha ma għandhom ebda possibbiltà reali li jitilqu minn din il-belt sabiex imorru f’rappreżentanza diplomatika Belġjana kompetenti sabiex hemmhekk jippreżentaw applikazzjoni għar-riunifikazzjoni tal-familja. Għalhekk, minn naħa, X u wliedha ma jistgħux imorru, kuntrarjament għal dak li jissuġġerixxi l-Istat Belġjan, fir-rappreżentanza diplomatika Belġjana ta’ Ankara (it-Turkija) jew ta’ Istanbul (it-Turkija), peress li t-Turkija ma hijiex sikura għall-persuni li jaħarbu mis-Sirja u li, barra minn hekk, il-fruntieri Torok huma magħluqa għal dawn il-persuni. Min-naħa l-oħra, tluq lejn in-Nofsinhar tas-Sirja lejn il-Libanu jew lejn il-Ġordan huwa wkoll eskluż, peress li tali ċaqliq jimplika l-passaġġ minn linja ta’ front.

20

Il-qorti tar-rinviju tirrileva li, sa fejn l-Artikolu 5(1) tad-Direttiva 2003/86 iħalli f’idejn l-Istati Membri sabiex jiddeterminaw min, mill-isponsor jew mill-membri tal-familja, jista’ jippreżenta l-applikazzjoni għar-riunifikazzjoni tal-familja, l-għażla magħmula mil-leġiżlatur Belġjan tidher, bħala prinċipju, konformi ma’ din id-dispożizzjoni. Madankollu, f’dan il-każ, din l-għażla twassal sabiex il-konjuġi u l-ulied minuri tal-isponsor jiġu rrifjutati kull possibbiltà li jippreżentaw applikazzjoni għar-riunifikazzjoni tal-familja. Għalhekk għandu jiġi eżaminat jekk, f’tali sitwazzjoni, ir-rifjut li dan il-konjuġi u dawn l-ulied ikunu jistgħu jippreżentaw tali applikazzjoni fil-Belġju jikkompromettix l-effett utli ta’ din id-direttiva jew ukoll jiksirx id-drittijiet fundamentali li din hija intiża li tipproteġi, jiġifieri d-dritt għar-rispett tal-ħajja privata u tal-familja ggarantit fl-Artikolu 7 tal-Karta, u d-dritt għat-teħid inkunsiderazzjoni tal-interessi superjuri tal-wild, kif ukoll dak, għal dan tal-aħħar, li jkollu regolarment relazzjoni personali maż-żewġ ġenituri tiegħu, stabbiliti fl-Artikolu 24 tagħha.

21

Il-qorti tar-rinviju żżid li, sabiex jiġġustifika dan ir-rifjut, l-Istat Belġjan isostni li l-preżenza ta’ X u ta’ wliedha quddiem rappreżentanza diplomatika Belġjana fit-Turkija, fil-Libanu jew fil-Ġordan hija indispensabbli sabiex tiġi vverifikata l-identità tagħhom hemmhekk billi jittieħdu l-identifikaturi bijometriċi tagħhom. Għalkemm dan l-għan ta’ identifikazzjoni tal-applikanti għar-riunifikazzjoni tal-familja jidher leġittimu, huwa, madankollu, neċessarju li l-metodu implimentat mill-Istat Belġjan, jiġifieri li tkun meħtieġa l-preżenza tal-applikanti f’rappreżentanza diplomatika sa mill-bidu tal-proċedura, josserva l-prinċipju ta’ proporzjonalità.

22

F’dawn iċ-ċirkustanzi, it-tribunal de première instance francophone de Bruxelles (il-Qorti tal-Ewwel Istanza ta’ Brussell bil-lingwa Franċiża) iddeċidiet li tissospendi l-proċeduri quddiemha u li tagħmel lill-Qorti tal-Ġustizzja d-domanda preliminari li ġejja:

“Il-leġiżlazzjoni ta’ Stat Membru li tippermetti biss lill-membri tal-familja ta’ persuna li ġiet irrikonoxxuta bħala refuġjat jippreżentaw applikazzjoni għal dħul u residenza quddiem ir-rappreżentanza diplomatika ta’ dan l-Istat, anki fil-każ fejn ikun impossibbli għal dawn il-membri tal-familja li jmorru f’tali rappreżentanza, hija kompatibbli mal-Artikolu 5(1) tad-[Direttiva 2003/86], eventwalment ikkunsidrat flimkien mal-għan imfittex mill-istess direttiva li tiġi promossa r-riunifikazzjoni tal-familja, mal-Artikoli 23 u 24 tad-[Direttiva 2011/95], mal-Artikoli 7 u 24 tal-[Karta] u mal-obbligu li jiġi ggarantit l-effett utli tad-dritt tal-Unjoni?”

Fuq it‑talba għal applikazzjoni tal‑proċedura b’urġenza għal deċiżjoni preliminari

23

Il-qorti tar-rinviju talbet li dan ir-rinviju għal deċiżjoni preliminari jkun suġġett għall-proċedura b’urġenza għal deċiżjoni preliminari prevista fl-Artikolu 107(1) tar-Regoli tal-Proċedura tal-Qorti tal-Ġustizzja.

24

Insostenn tat-talba tagħha, din il-qorti invokat raġunijiet marbuta mas-sitwazzjoni tas-sigurtà fis-Sirja kif ukoll mal-fatt li deċiżjoni tardiva dwar ir-reġistrazzjoni tal-applikazzjoni għal dħul u għal residenza abbażi tar-riunifikazzjoni tal-familja tista’ tagħmel din ir-riunifikazzjoni iktar diffiċli, peress li d-dritt Belġjan jipprevedi iktar rekwiżiti meta l-applikazzjoni għar-riunifikazzjoni tal-familja tiġi ppreżentata wara l-iskadenza ta’ sena wara r-rikonoxximent tal-istatus ta’ refuġjat lill-isponsor.

25

F’dan ir-rigward, fl-ewwel lok, għandu jiġi kkonstatat li din it-talba għal deċiżjoni preliminari tirrigwarda l-interpretazzjoni, b’mod partikolari, tad-dispożizzjonijiet tad-Direttiva 2003/86, li ġiet adottata abbażi tal-punt 3(a) tal-ewwel paragrafu tal-Artikolu 63 KE, li sar l-Artikolu 79 TFUE. Għalhekk dan l-att jaqa’ taħt it-Titolu V tat-Tielet Parti tat-Trattat FUE, dwar l-ispazju ta’ libertà, sigurtà u ġustizzja. Konformement mal-Artikolu 107(1) tar-Regoli tal-Proċedura, din it-talba tista’ għalhekk tiġi suġġetta għall-proċedura b’urġenza għal deċiżjoni preliminari.

26

Fir-rigward, fit-tieni lok, tal-kundizzjoni dwar l-urġenza, b’mod partikolari mid-deċiżjoni tar-rinviju jirriżulta li l-ulied minuri A u B huma sseparati minn missierhom għal iktar minn tliet snin u li l-estensjoni ta’ din is-sitwazzjoni, li tirriżulta mill-assenza ta’ reġistrazzjoni tal-applikazzjoni tax-xahar ta’ Settembru 2022, tista’ tippreġudika serjament ir-relazzjoni futura ta’ dawn l-ulied ma’ missierhom (ara, b’analoġija, is-sentenza tas‑16 ta’ Frar 2023, Rzecznik Praw Dziecka et (Sospensjoni ta’ deċiżjoni ta’ ritorn), C‑638/22 PPU, EU:C:2023:103, punt 42).

27

F’dawn iċ-ċirkustanzi, it-Tielet Awla tal-Qorti tal-Ġustizzja ddeċidiet, fil‑11 ta’ Jannar 2023, fuq proposta tal-Imħallef Relatur u wara li semgħet lill-Avukat Ġenerali, li tilqa’ t-talba tal-qorti tar-rinviju intiża sabiex din it-talba għal deċiżjoni preliminari titressaq għall-proċedura b’urġenza għal deċiżjoni preliminari.

Fuq id‑domanda preliminari

Fuq il‑persistenza tal‑iskop tad‑domanda preliminari

28

Mill-osservazzjonijiet bil-miktub ippreżentati mir-rikorrenti fil-kawża prinċipali u mill-Gvern Belġjan jirriżulta li l-Uffiċċju informa lir-rikorrenti fil-kawża prinċipali, permezz ta’ posta elettronika tat‑3 ta’ Frar 2023, li kien jawtorizzahom, fid-dawl tas-sitwazzjoni tagħhom u eċċezzjonalment, jippreżentaw l-applikazzjoni tagħhom għal dħul u għal residenza abbażi tar-riunifikazzjoni tal-familja quddiem rappreżentanza diplomatika jew konsulari Belġjana tal-għażla tagħhom mingħajr ma kellhom, fl-istadju tal-preżentazzjoni, jidhru personalment.

29

Fid-dawl ta’ din il-posta elettronika, il-Gvern Belġjan isostni, prinċipalment, li t-talba għal deċiżjoni preliminari tilfet l-iskop tagħha, peress li ma għadux meħtieġ li r-rikorrenti fil-kawża prinċipali jippreżentaw ruħhom personalment, sabiex jippreżentaw l-applikazzjoni tagħhom għal dħul u għal residenza abbażi tar-riunifikazzjoni tal-familja, quddiem ir-rapprezentanza diplomatika jew konsulari kompetenti.

30

F’dan ir-rigward, għandu jitfakkar li l-proċedura stabbilita fl-Artikolu 267 TFUE hija strument ta’ kooperazzjoni bejn il-Qorti tal-Ġustizzja u l-qrati nazzjonali, li bis-saħħa tiegħu tal-ewwel tipprovdi lit-tieni l-elementi ta’ interpretazzjoni tad-dritt tal-Unjoni li jkunu neċessarji għalihom għas-soluzzjoni tat-tilwimiet li huma msejħa jiddeċiedu (sentenza tat‑30 ta’ Ġunju 2022, Valstybės sienos apsaugos tarnyba et, C‑72/22 PPU, EU:C:2022:505, punt 47 kif ukoll il-ġurisprudenza ċċitata).

31

Il-ġustifikazzjoni tar-rinviju għal deċiżjoni preliminari ma hijiex il-formulazzjoni ta’ opinjonijiet konsultattivi fuq kwistjonijiet ġenerali jew ipotetiċi, iżda l-bżonn inerenti għas-soluzzjoni effettiva ta’ tilwima. Għaldaqstant, jekk jidher li d-domandi magħmula ma humiex manifestament iktar rilevanti għas-soluzzjoni ta’ din it-tilwima, il-Qorti tal-Ġustizzja għandha tikkonstata li ma hemmx lok li tingħata deċiżjoni (sentenza tat‑30 ta’ Ġunju 2022, Valstybės sienos apsaugos tarnyba et, C‑72/22 PPU, EU:C:2022:505, punt 48 kif ukoll il-ġurisprudenza ċċitata).

32

F’dan il-każ, il-kawża prinċipali toriġina mit-taħrika għal miżuri provviżorji tad‑9 ta’ Novembru 2022, intiża sabiex tinkiseb ir-reġistrazzjoni tal-applikazzjoni tax-xahar ta’ Settembru 2022 u li kull dewmien ta’ din ir-reġistrazzjoni jkun akkumpanjat minn pagamenti ta’ penalità ta’ kuljum. Hekk kif sostnew ir-rikorrenti fil-kawża prinċipali fl-osservazzjonijiet bil-miktub tagħhom u waqt is-seduta quddiem il-Qorti tal-Ġustizzja, jibqa’ għalihom interess ċert li l-applikazzjoni tiġi rreġistrata.

33

Fil-fatt, mill-Artikolu 5(4) tad-Direttiva 2003/86 jirriżulta li l-awtoritajiet nazzjonali kompetenti għandhom jinnotifikaw id-deċiżjoni tagħhom dwar l-applikazzjoni għal dħul u għal residenza abbażi tar-riunifikazzjoni tal-familja kemm jista’ jkun malajr u fi kwalunkwe każ mhux iktar tard minn disa’ xhur wara d-data ta’ preżentazzjoni ta’ din l-applikazzjoni. Għalhekk, kif irrileva l-Avukat Ġenerali, fil-punt 28 tal-konklużjonijiet tiegħu, fid-dawl tas-sitwazzjoni ta’ sigurtà li fiha jinsabu X u l-ulied A u B kif ukoll tal-fatt li huma sseparati minn Y għal iktar minn tliet snin, id-data li fiha din l-applikazzjoni titqies li hija validament ippreżentata hija ta’ importanza ċerta għal dawn tal-aħħar. Ir-rikorrenti fil-kawża prinċipali għalhekk dejjem għandhom interess li t-terminu, previst fl-Artikolu 5(4) ta’ din id-direttiva, li l-awtoritajiet nazzjonali kompetenti għandhom sabiex jagħtu deċiżjoni dwar l-applikazzjoni tagħhom, jibda jiddekorri mill-iktar fis possibbli.

34

Issa, għandu jiġi rrilevat li l-posta elettronika tat‑3 ta’ Frar 2023 ma tikkostitwixxix aċċettazzjoni min-naħa tal-Uffiċċju li jirreġistra l-applikazzjoni tax-xahar ta’ Settembru 2022, iżda sempliċi stedina sabiex tiġi ppreżentata applikazzjoni ġdida għal dħul u għal residenza abbażi tar-riunifikazzjoni tal-familja mingħajr il-ħtieġa li wieħed imur personalment, fid-data tal-preżentazzjoni ta’ din l-applikazzjoni l-ġdida, quddiem ir-rappreżentanza diplomatika jew konsulari magħżula.

35

F’dawn iċ-ċirkustanzi, għandu jiġi kkonstatat li risposta tal-Qorti tal-Ġustizzja għad-domanda preliminari magħmula mill-qorti tar-rinviju tibqa’ neċessarja għas-soluzzjoni tal-kawża prinċipali.

36

Għaldaqstant, hemm lok li tingħata risposta għat-talba għal deċiżjoni preliminari.

Fuq il‑mertu

37

Preliminarjament, għandu jiġi kkonstatat li, permezz tal-unika domanda tagħha, il-qorti tar-rinviju tistaqsi lill-Qorti tal-Ġustizzja kemm dwar l-Artikolu 5(1) tad-Direttiva 2003/86 kif ukoll dwar l-Artikoli 23 u 24 tad-Direttiva 2011/95, dwar iż-żamma tal-unità tal-familja u dwar il-permess ta’ residenza. Issa, kif irrileva l-Avukat Ġenerali, fil-punt 31 tal-konklużjonijiet tiegħu, dawn id-dispożizzjonijiet tal-aħħar ma jidhrux rilevanti fir-rigward tas-sitwazzjoni inkwistjoni fil-kawża prinċipali, peress li, konformement mal-Artikolu 2(j) ta’ din id-direttiva, l-imsemmija dispożizzjonijiet ma japplikawx għall-membri tal-familja ta’ refuġjat li ma jinsabux fit-territorju tal-Istat Membru kkonċernat, iżda dejjem fit-territorju ta’ pajjiż terz.

38

F’dawn iċ-ċirkustanzi, għandu jitqies li, permezz ta’ din id-domanda, il-qorti tar-rinviju tistaqsi, essenzjalment, jekk l-Artikolu 5(1) tad-Direttiva 2003/86, moqri flimkien mal-Artikolu 7 kif ukoll mal-Artikolu 24(2) u (3) tal-Karta, għandux jiġi interpretat fis-sens li jipprekludi leġiżlazzjoni nazzjonali li teħtieġ, għall-finijiet tal-preżentazzjoni ta’ applikazzjoni għal dħul u għal residenza abbażi tar-riunifikazzjoni tal-familja, li l-membri tal-familja tal-isponsor, b’mod partikolari ta’ refuġjat irrikonoxxut, imorru personalment quddiem ir-rappreżentanza diplomatika jew konsulari ta’ Stat Membru kompetenti għall-post ta’ residenza tagħhom jew tar-residenza tagħhom barra mill-pajjiż, inkluż f’sitwazzjoni fejn ikun impossibbli jew eċċessivament diffiċli għalihom li jmorru quddiem din ir-rappreżentanza.

39

L-Artikolu 5 ta’ din id-direttiva jipprevedi, fil-paragrafu 1 tiegħu, li l-Istati Membri għandhom jiddeterminaw jekk, biex jiġi eżerċitat id-dritt għar-riunifikazzjoni tal-familja, applikazzjoni għal dħul u għal residenza għandhiex tiġi ppreżentata quddiem awtoritajiet kompetenti tal-Istat Membru kkonċernat jew mill-isponsor jew mill-membri tal-familja.

40

Minn din id-dispożizzjoni jirriżulta li huma l-Istati Membri li għandhom jiddeterminaw, minn naħa, il-persuna li hija awtorizzata tippreżenta applikazzjoni għal dħul u għal residenza, għall-finijiet tal-eżerċizzju tad-dritt għar-riunifikazzjoni tal-familja, u, min-naħa l-oħra, l-awtoritajiet li huma kompetenti sabiex jirreġistraw tali applikazzjoni.

41

Madankollu, għandu jitfakkar, fl-ewwel lok, li għalkemm l-Artikolu 5(1) tad-Direttiva 2003/86 jirrikonoxxi għalhekk lill-Istati Membri marġni ta’ diskrezzjoni f’dan ir-rigward, dan il-marġni ma għandux jintuża minnhom b’mod li jippreġudika l-għan ta’ din id-direttiva u l-effett utli tagħha (ara, b’analoġija, is-sentenzi tat‑13 ta’ Marzu 2019, E.,C‑635/17, EU:C:2019:192, punt 53, kif ukoll tat‑12 ta’ Diċembru 2019, G.S. u V.G.(Theddida għall-ordni pubbliku),C‑381/18 u C‑382/18, EU:C:2019:1072, punt 62 kif ukoll il-ġurisprudenza ċċitata).

42

Issa, fir-rigward tal-għan li għandu jintlaħaq mid-Direttiva 2003/86, il-Qorti tal-Ġustizzja ddeċidiet repetutament li din id-direttiva hija intiża li tippromwovi r-riunifikazzjoni tal-familja u li tagħti protezzjoni liċ-ċittadini ta’ pajjiż terz, b’mod partikolari lill-minuri. Sabiex jitwettaq dan l-għan, l-Artikolu 4(1) tal-imsemmija direttiva jimponi fuq l-Istati Membri obbligi pożittivi preċiżi, li magħhom jikkorrispondu drittijiet suġġettivi ddefiniti b’mod ċar. Għalhekk dan jimponi fuqhom l-obbligu li jawtorizzaw ir-riunifikazzjoni tal-familja ta’ ċerti membri tal-familja tal-isponsor mingħajr ma jkunu jistgħu jeżerċitaw il-marġni ta’ diskrezzjoni tagħhom, sa fejn il-kundizzjonijiet imsemmija fil-Kapitolu IV tal-istess direttiva huma ssodisfatti (sentenza tat‑12 ta’ Diċembru 2019, G.S. u V.G.(Theddida għall-ordni pubbliku),C‑381/18 u C‑382/18, EU:C:2019:1072, punti 60 u 61 kif ukoll il-ġurisprudenza ċċitata).

43

Barra minn hekk, id-Direttiva 2003/86 hija intiża li tagħti, hekk kif dan jirriżulta mill-premessa 8 tagħha, protezzjoni ikbar liċ-ċittadini ta’ pajjiż terz li jkunu kisbu l-istatus ta’ refuġjat sa fejn tipprevedi kundizzjonijiet iktar favorevoli għall-eżerċizzju tad-dritt tagħhom għar-riunifikazzjoni tal-familja, meta s-sitwazzjoni tagħhom titlob attenzjoni partikolari minħabba raġunijiet li jkunu ġiegħluhom jaħarbu minn pajjiżhom u li jipprekluduhom milli jgħixu ħajja tal-familja normali hemmhekk.

44

Fit-tieni lok, hekk kif jirriżulta mill-premessa 2 tad-Direttiva 2003/86, din tal-aħħar tirrikonoxxi d-drittijiet fundamentali u tosserva l-prinċipji stabbiliti mill-Karta. Għaldaqstant, l-Istati Membri mhux biss għandhom jinterpretaw id-dritt nazzjonali tagħhom b’mod konformi mad-dritt tal-Unjoni, iżda għandhom ukoll jiżguraw li ma jibbażawx ruħhom fuq interpretazzjoni ta’ test tad-dritt sekondarju li jidħol f’kunflitt mad-drittijiet fundamentali protetti mill-ordinament ġuridiku tal-Unjoni (sentenza tat‑13 ta’ Marzu 2019, E.,C‑635/17, EU:C:2019:192, punti 53 u 54 kif ukoll il-ġurisprudenza ċċitata).

45

B’mod partikolari, għandu jiġi rrilevat li l-Artikolu 7 tal-Karta, li jinkludi drittijiet li jikkorrispondu għal dawk iggarantiti fl-Artikolu 8(1) tal-Konvenzjoni Ewropea dwar il-Protezzjoni tad-Drittijiet tal-Bniedem u tal-Libertajiet Fundamentali, speċifikament imsemmi fil-premessa 2 tal-imsemmija direttiva, jirrikonoxxi d-dritt għar-rispett tal-ħajja privata u tal-familja. Din id-dispożizzjoni tal-Karta għandha tinqara flimkien mal-Artikolu 24(2) tagħha, dwar l-obbligu li jittieħdu inkunsiderazzjoni l-interessi superjuri tal-wild, u mal-paragrafu 3 tal-istess artikolu, dwar in-neċessità għal wild li jkollu, regolarment, relazzjonijiet personali maż-żewġ ġenituri tiegħu (sentenza tas‑16 ta’ Lulju 2020, État belge (Riunifikazzjoni tal-familja - Wild Minuri), C‑133/19, C‑136/19 u C‑137/19, EU:C:2020:577, punt 34 kif ukoll il-ġurisprudenza ċċitata).

46

Isegwi li d-dispożizzjonijiet tad-Direttiva 2003/86 għandhom jiġu interpretati u applikati fid-dawl tal-Artikolu 7 u tal-Artikolu 24(2) u (3) tal-Karta, hekk kif jirriżulta mill-kliem tal-premessa 2 u tal-Artikolu 5(5) ta’ din id-direttiva, li jimponu fuq l-Istati Membri l-obbligu li jeżaminaw l-applikazzjonijiet għal riunifikazzjoni inkwistjoni fl-interess tal-ulied ikkonċernati u bix-xewqa li tiġi promossa l-ħajja tal-familja (sentenza tas‑16 ta’ Lulju 2020, État belge (Riunifikazzjoni tal-familja - Wild Minuri), C‑133/19, C‑136/19 u C‑137/19, EU:C:2020:577, punt 35 u l-ġurisprudenza ċċitata).

47

Għalhekk, huma l-awtoritajiet nazzjonali kompetenti li għandhom iwettqu evalwazzjoni bbilanċjata u raġonevoli tad-drittijiet u tal-interessi inkwistjoni kollha, billi jieħdu b’mod partikolari inkunsiderazzjoni dawk tal-ulied ikkonċernati (ara, f’dan is-sens, is-sentenza tat‑13 ta’ Marzu 2019, E., C‑635/17, EU:C:2019:192, punt 57 u l-ġurisprudenza ċċitata).

48

Huwa fid-dawl tal-kunsiderazzjonijiet preċedenti kollha li għandu jiġi eżaminat jekk l-Artikolu 5(1) tad-Direttiva 2003/86, moqri fid-dawl tal-Artikolu 7 kif ukoll tal-Artikolu 24(2) u (3) tal-Karta, jipprekludix li Stat Membru jeżiġi d-dehra personali tal-membri tal-familja tal-isponsor f’rappreżentanza diplomatika jew konsulari kompetenti ta’ dan l-Istat Membru fil-mument tal-preżentazzjoni tal-applikazzjoni għar-riunifikazzjoni tal-familja anki meta, minħabba s-sitwazzjoni konkreta tagħhom, tali dehra tkun impossibbli jew eċċessivament diffiċli.

49

F’dan ir-rigward, l-ewwel, għandu jitfakkar li l-ewwel subparagrafu tal-Artikolu 12 bis(1) tal-Liġi tal‑15 ta’ Diċembru 1980, li jittrasponi fid-dritt Belġjan l-Artikolu 5(1) tad-Direttiva 2003/86, jipprevedi li huma l-membri tal-familja tal-isponsor u mhux l-isponsor innifsu li għandhom jippreżentaw applikazzjoni għal dħul u għal residenza abbażi ta’ riunifikazzjoni tal-familja u li dawn il-membri tal-familja għandhom jippreżentaw tali applikazzjoni billi jippreżentaw ruħhom quddiem ir-rappreżentant diplomatiku jew konsulari Belġjan kompetenti għall-post tar-residenza tagħhom jew tar-residenza tagħhom barra mill-pajjiż.

50

Hekk kif tenfasizza l-qorti tar-rinviju, id-dritt Belġjan ma jipprevedix derogi minn dan ir-rekwiżit ta’ dehra personali waqt il-preżentazzjoni tal-applikazzjoni għar-riunifikazzjoni tal-familja għal sitwazzjonijiet fejn tali dehra hija impossibbli jew eċċessivament diffiċli, b’mod partikolari dawk fejn il-membri tal-familja tal-isponsor jgħixu f’żona ta’ kunflitt u jirriskjaw, meta jiċċaqilqu, li jesponu ruħhom għal trattamenti inumani jew degradanti, jew saħansitra li jipperikolaw il-ħajja tagħhom.

51

Issa, għandu jiġi rrilevat li, sabiex jintlaħaq l-għan tad-Direttiva 2003/86 li tiġi promossa r-riunifikazzjoni tal-familja, kif dan jitfakkar fil-punt 42 ta’ din is-sentenza, huwa indispensabbli li l-Istati Membri juru, f’tali sitwazzjonijiet, il-flessibbiltà neċessarja sabiex il-persuni kkonċernati jkunu jistgħu effettivament jippreżentaw l-applikazzjoni tagħhom għal riunifikazzjoni tal-familja fi żmien xieraq, billi jiffaċilitaw il-preżentazzjoni ta’ din l-applikazzjoni u billi jaċċettaw, b’mod partikolari, l-użu ta’ mezzi ta’ komunikazzjoni mill-bogħod.

52

Fil-fatt, fl-assenza ta’ tali flessibbiltà, ir-rekwiżit, mingħajr eċċezzjoni, ta’ dehra personali fil-mument tal-preżentazzjoni tal-applikazzjoni, bħal dak previst mil-leġiżlazzjoni nazzjonali inkwistjoni fil-kawża prinċipali, ma jippermettix li jittieħdu inkunsiderazzjoni l-ostakoli eventwali li jistgħu jipprekludu l-preżentazzjoni effettiva ta’ tali applikazzjoni u, għaldaqstant, jagħmel impossibbli l-eżerċizzju tad-dritt għar-riunifikazzjoni tal-familja, u b’hekk titkompla s-separazzjoni tal-isponsor mill-membri tal-familja tiegħu u s-sitwazzjoni ta’ spiss prekarja ta’ dawn tal-aħħar. B’mod partikolari, meta dawn ikunu jinsabu f’pajjiż ikkaratterizzat minn kunflitt armat, il-possibbiltajiet li jiċċaqilqu lejn rappreżentazzjonijiet diplomatiċi jew konsulari kompetenti jistgħu jiġu kunsiderevolment limitati, b’tali mod li, sabiex jikkonformaw ruħhom mar-rekwiżit ta’ dehra personali, dawn il-persuni, li jistgħu, barra minn hekk, ikunu minuri, jiġu mġiegħla jistennew li s-sitwazzjoni ta’ sigurtà tippermettilhom jiċċaqilqu, jew inkella jiġu esposti għal trattamenti inumani jew degradanti, jew saħansitra jipperikolaw ħajjithom.

53

Għandu jingħad ukoll, fir-rigward tas-sitwazzjoni partikolari tar-refuġjati, bħal Y fil-kawża prinċipali, li l-assenza ta’ kwalunkwe flessibbiltà min-naħa tal-Istat Membru kkonċernat, li tipprekludi lill-membri tal-familja tagħhom milli jippreżentaw l-applikazzjoni tagħhom għar-riunifikazzjoni tal-familja irrispettivament miċ-ċirkustanzi, jista’ jkollha bħala konsegwenza li l-persuni kkonċernati ma jirnexxilhomx josservaw it-terminu previst fit-tielet subparagrafu tal-Artikolu 12(1) tad-Direttiva 2003/86, jew permezz tad-dispożizzjoni tad-dritt nazzjonali li tittrasponih, u li r-riunifikazzjoni tal-familja tagħhom tista’ għalhekk tkun suġġetta għal kundizzjonijiet addizzjonali iktar diffiċli sabiex jiġu ssodisfatti, imsemmija fl-Artikolu 7(1) ta’ din id-direttiva, bi ksur tal-għan, imfakkar fil-punt 43 ta’ din is-sentenza, li tingħata attenzjoni partikolari lis-sitwazzjoni tar-refuġjati.

54

Fid-dawl ta’ dawn il-kunsiderazzjonijiet, għandu jiġi kkonstatat li r-rekwiżit ta’ dehra personali fil-mument tal-preżentazzjoni ta’ applikazzjoni għar-riunifikazzjoni, mingħajr ma jiġu ammessi derogi minn dan ir-rekwiżit sabiex tittieħed inkunsiderazzjoni s-sitwazzjoni konkreta li fiha jinsabu l-membri tal-familja tal-isponsor u b’mod partikolari tal-fatt li huwa impossibbli għalihom jew eċċessivament diffiċli li jikkonformaw ruħhom mal-imsemmi rekwiżit, iwassal sabiex fil-prattika jsir impossibbli l-eżerċizzju tad-dritt għar-riunifikazzjoni tal-familja, b’mod li tali leġiżlazzjoni, applikata mingħajr il-flessibbiltà neċessarja, tippreġudika l-għan li għandu jintlaħaq permezz tad-Direttiva 2003/86 u ċċaħħadha mill-effett utli tagħha.

55

It-tieni, hekk kif dan tfakkar fil-punt 44 ta’ din is-sentenza, id-Direttiva 2003/86 tirrikonoxxi d-drittijiet fundamentali u tosserva l-prinċipji stabbiliti mill-Karta.

56

F’dan ir-rigward, għandu jiġi rrilevat li dispożizzjoni nazzjonali li teħtieġ, mingħajr eċċezzjonijiet, id-dehra personali tal-membri tal-familja tal-isponsor għall-preżentazzjoni ta’ applikazzjoni għal riunifikazzjoni tal-familja, anki meta din id-dehra tkun impossibbli jew eċċessivament diffiċli, tikser id-dritt għar-rispett tal-unità tal-familja stabbilit fl-Artikolu 7 tal-Karta, moqri, jekk ikun il-każ, flimkien mal-Artikolu 24(2) u (3) tagħha.

57

Fil-fatt, hekk kif irrileva l-Avukat Ġenerali, fil-punt 65 tal-konklużjonijiet tiegħu, tali obbligu jikkostitwixxi ndħil sproporzjonat fid-dritt għar-rispett tal-unità tal-familja meta mqabbel mal-għan, ċertament leġittimu, invokat mill-Gvern Belġjan, li tiġi miġġielda l-frodi marbuta mar-riunifikazzjoni tal-familja, bi ksur tal-Artikolu 52(1) tal-Karta.

58

Il-kunsiderazzjonijiet espressi fil-punti 56 u 57 ta’ din is-sentenza huma sostnuti miċ-ċirkustanza li l-proċedura ta’ applikazzjoni għar-riunifikazzjoni tal-familja tiżvolġi fi stadji, hekk kif dan jirriżulta mill-istruttura tal-Artikolu 5 tad-Direttiva 2003/86. Għalhekk, l-Istati Membri jistgħu jitolbu d-dehra personali tal-membri tal-familja tal-isponsor fi stadju sussegwenti ta’ din il-proċedura, sabiex, b’mod partikolari, jiġu vverifikati r-rabtiet tal-familja u l-identità tal-persuni kkonċernati, mingħajr ma jkun neċessarju li tiġi imposta, għall-finijiet tal-ipproċessar tal-applikazzjoni għal riunifikazzjoni tal-familja, tali dehra sa mill-preżentazzjoni tal-applikazzjoni.

59

Madankollu, sabiex ma jiġux ippreġudikati l-għan li għandu jintlaħaq mid-Direttiva 2003/86 li tiġi promossa r-riunifikazzjoni tal-familja u d-drittijiet fundamentali li din hija intiża li tipproteġi, meta l-Istat Membru jeżiġi d-dehra personali tal-membri tal-familja tal-isponsor fi stadju sussegwenti tal-proċedura, dan l-Istat Membru għandu jiffaċilita tali dehra, b’mod partikolari permezz tal-ħruġ ta’ dokumenti konsulari jew ta’ laissez-passer, u għandu jnaqqas għal dak li huwa strettament neċessarju n-numru ta’ dehriet. Għalhekk, dan għandu jipprovdi l-possibbiltà li jitwettqu l-verifiki tar-rabtiet tal-familja u tal-identità li jeħtieġu l-preżenza ta’ dawn il-membri tal-familja fi tmiem il-proċedura u, jekk possibbli, fl-istess mument meta, jekk ikun il-każ, jingħatawlhom id-dokumenti li jawtorizzaw id-dħul fit-territorju tal-Istat Membru kkonċernat.

60

Fid-dawl tar-raġunijiet preċedenti, id-domanda magħmula għandha tiġi risposta li l-Artikolu 5(1) tad-Direttiva 2003/86, moqri flimkien mal-Artikolu 7 kif ukoll mal-Artikolu 24(2) u (3) tal-Karta, għandu jiġi interpretat fis-sens li jipprekludi leġiżlazzjoni nazzjonali li teħtieġ, għall-finijiet tal-preżentazzjoni ta’ applikazzjoni għal dħul u għal residenza abbażi tar-riunifikazzjoni tal-familja, li l-membri tal-familja tal-isponsor, b’mod partikolari ta’ refuġjat irrikonoxxut, imorru personalment quddiem ir-rappreżentanza diplomatika jew konsulari ta’ Stat Membru kompetenti għall-post tar-residenza tagħhom jew tar-residenza tagħhom barra mill-pajjiż, inkluż f’sitwazzjoni li fiha jkun impossibbli jew eċċessivament diffiċli għalihom li jmorru quddiem din ir-rappreżentanza, bla ħsara għall-possibbiltà għal dan l-Istat Membru li jeżiġi li dawn il-membri jidhru personalment fi stadju sussegwenti tal-proċedura għal applikazzjoni għal riunifikazzjoni tal-familja.

Fuq l‑ispejjeż

61

Peress li l-proċedura għandha, fir-rigward tal-partijiet fil-kawża prinċipali, in-natura ta’ kwistjoni mqajma quddiem il-qorti tar-rinviju, hija din il-qorti li tiddeċiedi fuq l-ispejjeż. L-ispejjeż sostnuti għas-sottomissjoni tal-osservazzjonijiet lill-Qorti tal-Ġustizzja, barra dawk tal-imsemmija partijiet, ma jistgħux jitħallsu lura.

 

Għal dawn il-motivi, Il-Qorti tal-Ġustizzja (It-Tielet Awla) taqta’ u tiddeċiedi:

 

L-Artikolu 5(1) tad-Direttiva tal-Kunsill 2003/86/KE tat‑22 ta’ Settembru 2003 dwar id-dritt għal riunifikazzjoni tal-familja, moqri flimkien mal-Artikolu 7 kif ukoll mal-Artikolu 24(2) u (3) tal-Karta tad-Drittijiet Fundamentali tal-Unjoni Ewropea,

 

għandu jiġi interpretat fis-sens li:

 

jipprekludi leġiżlazzjoni nazzjonali li teħtieġ, għall-finijiet tal-preżentazzjoni ta’ applikazzjoni għal dħul u għal residenza abbażi tar-riunifikazzjoni tal-familja, li l-membri tal-familja tal-isponsor, b’mod partikolari ta’ refuġjat irrikonoxxut, imorru personalment quddiem ir-rappreżentanza diplomatika jew konsulari ta’ Stat Membru kompetenti għall-post tar-residenza tagħhom jew tar-residenza tagħhom barra mill-pajjiż, inkluż f’sitwazzjoni li fiha jkun impossibbli jew eċċessivament diffiċli għalihom li jmorru quddiem din ir-rappreżentanza, bla ħsara għall-possibbiltà għal dan l-Istat Membru li jeżiġi li dawn il-membri jidhru personalment fi stadju sussegwenti tal-proċedura għal applikazzjoni għal riunifikazzjoni tal-familja.

 

Firem


( *1 ) Lingwa tal-kawża: il-Franċiż.

( i ) Fil-punt 14 ta’ dan it-test saret modifika ta’ natura lingwistika, wara li kien tqiegħed online għall-ewwel darba.