27.7.2022   

MT

Il-Ġurnal Uffiċjali tal-Unjoni Ewropea

L 198/14


DEĊIŻJONI TAL-KUNSILL (UE) 2022/1311

tas-17 ta’ Ġunju 2022

li tawtorizza l-l-ftuħ ta’ negozjati mar-Renju tan-Norveġja għall-emenda tal-Ftehim bejn l-Unjoni Ewropea u r-Renju tan-Norveġja dwar il-kooperazzjoni amministrattiva, il-ġlieda kontra l-frodi u l-irkupru tat-talbiet fil-qasam tat-taxxa fuq il-valur miżjud

IL-KUNSILL TAL-UNJONI EWROPEA,

Wara li kkunsidra t-Trattat dwar il-Funzjonament tal-Unjoni Ewropea, u b’mod partikolari l-Artikolu 113 flimkien mal-Artikolu 218(3) u (4) tiegħu,

Wara li kkunsidra r-rakkomandazzjoni mill-Kummissjoni Ewropea,

Billi:

(1)

Il-qafas ta’ kooperazzjoni skont il-Ftehim bejn l-Unjoni Ewropea u r-Renju tan-Norveġja dwar il-kooperazzjoni amministrattiva, il-ġlieda kontra l-frodi u l-irkupru tat-talbiet fil-qasam tat-taxxa fuq il-valur miżjud (1) (“il-Ftehim”) wera eżitu pożittiv ħafna, kif muri fit-tieni laqgħa tal-Kumitat Konġunt stabbilit mill-Ftehim, li saret f’Oslo fil-25 ta’ Novembru 2021.

(2)

L-Istati Membri jibbenefikaw minn kooperazzjoni amministrattiva aktar effettiva man-Norveġja jekk tali kooperazzjoni tissaħħaħ permezz ta’ żieda ta’ għodda ġodda, b’mod partikolari fir-rigward ta’ azzjonijiet ta’ segwitu tal-Eurofisc.

(3)

Jenħtieġ li jinfetħu negozjati bejn l-Unjoni u ir-Renju tan-Norveġja bil-ħsieb għall-emendar tal-Ftehim.

(4)

Din id-Deċiżjoni hija wkoll il-bażi għall-pożizzjonijiet li għandhomn jiġu adottati f’isem l-Unjoni fil-Kumitat Konġunt stabbilit mill-Ftehim għall-finijiet tal-proċedura stabbilita fl-Artikolu 41(5) tiegħu u f’konformità mad-direttivi ta’ negozjati tal-Kunsill stipulati fl-addendum għal din id-Deċiżjoni,

ADOTTA DIN ID-DEĊIŻJONI:

Artikolu 1

Il-Kummissjoni hija b’dan awtorizzata tiftaħ in-negozjati, f’isem l-Unjoni, mar-Renju tan-Norveġja sabiex jiġi emendat il-Ftehim bejn l-Unjoni Ewropea u r-Renju tan-Norveġja dwar il-kooperazzjoni amministrattiva, il-ġlieda kontra l-frodi u l-irkupru tat-talbiet fil-qasam tat-taxxa fuq il-valur miżjud.

Artikolu 2

In-negozjati għandhom jitmexxew abbażi tad-direttivi tan-negozjati tal-Kunsill stipulati fl-addendum għal din id-Deċiżjoni.

Artikolu 3

In-negozjati għandhom jitmexxew f’konsultazzjoni mal-Grupp ta’ Ħidma tal-Kunsill dwar Kwistjonijiet ta’ Taxxa.

Artikolu 4

Din id-Deċiżjoni hija indirizzata lill-Kummissjoni.

Magħmul fil-Lussemburgu, is-17 ta’ Ġunju 2022.

Għall-Kunsill

Il-President

B. LE MAIRE


(1)   ĠU L 195, 1.8.2018, p. 3.