Brussell, 19.4.2024

COM(2024) 170 final

RAPPORT TAL-KUMMISSJONI LILL-PARLAMENT EWROPEW U LILL-KUNSILL

dwar l-eżerċizzju tas-setgħa li tadotta atti delegati mogħtija lill-Kummissjoni skont id-Direttiva 2001/18/KE dwar ir-rilaxx intenzjonat fl-ambjent ta’ organiżmi ġenetikament modifikati u r-Regolament (KE) Nru 1830/2003 dwar it-traċċabbiltà u t-tikkettar ta’ organiżmi ġenetikament modifikati u t-traċċabbiltà ta’ prodotti tal-ikel u għalf manifatturati minn organiżmi ġenetikament modifikati


Rapport tal-Kummissjoni lill-Parlament Ewropew u lill-Kunsill

dwar l-eżerċizzju tas-setgħa li tadotta atti delegati mogħtija lill-Kummissjoni skont id-Direttiva 2001/18/KE dwar ir-rilaxx intenzjonat fl-ambjent ta’ organiżmi ġenetikament modifikati u r-Regolament (KE) Nru 1830/2003 dwar it-traċċabbiltà u t-tikkettar ta’ organiżmi ġenetikament modifikati u t-traċċabbiltà ta’ prodotti tal-ikel u għalf manifatturati minn organiżmi ġenetikament modifikati

1.Introduzzjoni

Id-Direttiva 2001/18/KE tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill dwar ir-rilaxx intenzjonat fl-ambjent ta’ organiżmi modifikati ġenetikament 1 u r-Regolament (KE) Nru 1830/2003 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill dwar it-traċċabilità u t-tikkettar ta’ organiżmi modifikati ġenetikament u t-traċċabilità ta’ prodotti tal-ikel u għalf prodotti minn organiżmi modifikati ġenetikament 2 huma tnejn mid-diversi elementi importanti tal-qafas legali tal-UE għall-organiżmi ġenetikament modifikati (OĠM).

L-objettiv tad-Direttiva 2001/18/KE huwa li jiġu approssimati l-liġijiet, ir-regolamenti u d-dispożizzjonijiet amministrattivi tal-Istati Membri u li jiġu protetti s-saħħa tal-bniedem u l-ambjent meta jitwettaq ir-rilaxx intenzjonat fl-ambjent ta’ OĠM għal kwalunkwe skop ieħor għajr it-tqegħid fis-suq fl-UE u meta jitqiegħdu fis-suq OĠM bħala prodotti jew fi prodotti fl-UE.

Ir-Regolament (KE) Nru 1830/2003 jipprovdi qafas għat-traċċabbiltà ta’ prodotti li jikkonsistu minn jew li fihom OĠM, u ikel u għalf prodotti minn OĠM, bl-għan li jiġi ffaċilitat it-tikkettar akkurat, jiġu mmonitorjati l-effetti fuq l-ambjent u, fejn xieraq, fuq is-saħħa, u l-implimentazzjoni tal-miżuri xierqa għall-ġestjoni tar-riskju.

2.Bażi legali

Id-Direttiva 2001/18/KE tagħti s-setgħa lill-Kummissjoni li tadotta atti delegati, kif imsemmi fl-Artikolu 29a(2), bil-ħsieb ta’ dan li ġej:

·li tistabbilixxi kriterji ta’ deroga u rekwiżiti ta’ informazzjoni għan-notifika għat-tqegħid fis-suq ta’ ċerti tipi ta’ OĠM, kif previst fl-Artikolu 16(2),

·li tistabbilixxi livelli limitu minimi li taħthom prodotti fejn traċċi aċċidentali jew teknikament inevitabbli ta’ OĠM awtorizzati ma jistgħux jiġu esklużi ma għandhomx għalfejn jiġu ttikkettati bħala OĠM, kif previst fl-Artikolu 21(2),

·li tistabbilixxi livelli limitu aktar baxxi minn 0.9 %, li taħthom ir-rekwiżiti tat-tikkettar stabbiliti fid-Direttiva ma japplikawx għal traċċi ta’ OĠM fi prodotti maħsuba għall-ipproċessar dirett, kif previst fl-Artikolu 21(3),

·li tistabbilixxi rekwiżiti speċifiċi ta’ tikkettar għal OĠM li ma jitqegħdux fis-suq skont it-tifsira ta’ dik id-Direttiva, kif previst fl-Artikolu 26(2),

·li tadatta l-Annessi għall-progress tekniku, kif previst fl-Artikolu 27.

Ir-Regolament (KE) Nru 1830/2003 jagħti s-setgħa lill-Kummissjoni li tadotta att delegat, kif imsemmi fl-Artikolu 9a(2), biex tissupplimenta dak ir-Regolament billi tistabbilixxi u tadatta sistema għall-iżvilupp u l-assenjazzjoni ta’ identifikaturi uniċi lill-OĠM, kif previst fl-Artikolu 8.

Skont l-Artikolu 29a(2) tad-Direttiva 2001/18/KE u l-Artikolu 9a(2) tar-Regolament (KE) Nru 1830/2003, il-Kummissjoni tingħata s-setgħa li tadotta atti delegati dwar il-kwistjonijiet elenkati fihom għal perjodu ta’ ħames snin mis-26 ta’ Lulju 2019. Dan ir-rapport li jirrigwarda l-eżerċizzju tad-delegi tas-setgħa matul dan il-perjodu ta’ ħames snin huwa ppreżentat mill-Kummissjoni lill-Parlament Ewropew u lill-Kunsill, kif meħtieġ fiż-żewġ każijiet. Id-delegi tas-setgħa għandhom jiġu estiżi awtomatikament għal perjodi ta’ żmien identiċi, ħlief jekk il-Parlament Ewropew jew il-Kunsill joġġezzjonaw għal tali estensjoni mhux iktar tard minn tliet xhur qabel it-tmiem ta’ kull perjodu.

3.Eżerċizzju tad-delegi

3.1. Setgħat użati matul il-perjodu ta’ rapportar

Matul il-perjodu ta’ rapportar, il-Kummissjoni użat setgħa waħda, kif deskritt hawn taħt.

·L-Artikolu 27 tad-Direttiva 2001/18/KE

L-Artikolu 27 tad-Direttiva 2001/18/KE jagħti s-setgħa lill-Kummissjoni biex temenda ċerti Annessi ta’ dik id-Direttiva (it-Taqsimiet C u D tal-Anness II, l-Annessi III sa VI, u t-Taqsima C tal-Anness VII) sabiex tadattahom għall-progress tekniku. Fit-8 ta’ Marzu 2018, il-Kummissjoni adottat id-Direttiva tal-Kummissjoni (UE) 2018/350 li temenda d-Direttiva 2001/18/KE fir-rigward tal-valutazzjoni tar-riskju ambjentali tal-OĠM 3 . Din id-Direttiva emendat l-Annessi II, III, u IV tad-Direttiva 2001/18/KE sabiex tadattahom għall-progress tekniku, b’mod partikolari billi tinkorpora l-elementi essenzjali tal-gwida riveduta tal-Awtorità Ewropea dwar is-Sigurtà fl-Ikel (EFSA) dwar il-valutazzjoni tar-riskju ambjentali tal-pjanti ĠM 4 .

3.2. Setgħat mhux użati matul il-perjodu ta’ rapportar

Ċerti setgħat ma ntużawx matul il-perjodu ta’ rapportar għar-raġunijiet spjegati hawn taħt.

·L-Artikolu 16(2) tad-Direttiva 2001/18/KE

L-Artikolu 16 tad-Direttiva 2001/18/KE jippermetti lil awtorità kompetenti ta’ Stat Membru, jew lill-Kummissjoni fuq inizjattiva tagħha stess, jagħmlu proposta dwar il-kriterji u r-rekwiżiti ta’ informazzjoni li għandhom jiġu ssodisfati għan-notifika għat-tqegħid fis-suq ta’ ċerti tipi ta’ OĠM, li tissostitwixxi r-rekwiżiti standard stabbiliti skont l-Artikolu 13(2) tad-Direttiva. L-adozzjoni tal-att delegat li jistabbilixxi l-kriterji speċifiċi u r-rekwiżiti ta’ informazzjoni, minbarra li tikkonforma mar-rekwiżiti stabbiliti fl-Artikolu 29a tad-Direttiva, tkun teħtieġ il-konsultazzjoni tal-EFSA u perjodu għall-kummenti għall-pubbliku. L-ebda awtorità kompetenti ta’ Stat Membru jew il-Kummissjoni ma għamlu proposta skont dan l-Artikolu. B’mod partikolari, fil-perjodu ta’ rapportar, abbażi tal-għadd limitat ta’ notifiki li waslu skont dik id-Direttiva għat-tqegħid fis-suq ta’ OĠM bħala prodotti jew fi prodotti, il-Kummissjoni qieset li r-rekwiżiti standard stabbiliti skont l-Artikolu 13(2) tad-Direttiva huma xierqa. Għalhekk, il-Kummissjoni għadha ma użatx din is-setgħa delegata.

·L-Artikolu 21(2) tad-Direttiva 2001/18/KE

L-Artikolu 21(2) tad-Direttiva 2001/18/KE jagħti s-setgħa lill-Kummissjoni biex tissupplimenta dik id-Direttiva billi tistabbilixxi livelli limitu li taħthom prodotti fejn traċċi aċċidentali jew teknikament inevitabbli ta’ OĠM awtorizzati ma jistgħux jiġu esklużi ma għandhomx għalfejn jiġu ttikkettati bħala OĠM. Il-livelli limitu għandhom jiġu stabbiliti skont il-prodott ikkonċernat. Għall-prodotti maħsuba għall-ipproċessar dirett, għall-ikel u għall-għalf, il-livelli limitu għall-preżenza aċċidentali jew teknikament inevitabbli ta’ materjal ĠM awtorizzat huma diġà stabbiliti bl-Artikolu 21(3) tad-Direttiva 2001/18/KE u l-Artikoli 12(2) u 24(2) tar-Regolament (KE) Nru 1829/2003 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill 5 , rispettivament.

Il-Kummissjoni għadha ma għamlitx użu minn din is-setgħa delegata. Fil-perjodu ta’ rapportar, il-ħidma ffukat fuq l-iżgurar ta’ applikazzjoni uniformi tat-‘tolleranza żero’, applikabbli fin-nuqqas ta’ livell limitu, fir-rigward taż-żrieragħ 6 .

·L-Artikolu 21(3) tad-Direttiva 2001/18/KE

Għall-prodotti maħsuba għall-ipproċessar dirett, l-Artikolu 21(3), l-ewwel subparagrafu, tad-Direttiva 2001/18/KE jistabbilixxi livell limitu ta’ 0.9 %, li taħtu r-rekwiżiti tat-tikkettar tal-OĠM ma japplikawx għal traċċi aċċidentali jew teknikament inevitabbli ta’ OĠM awtorizzati. L-Artikolu 21(3), it-tieni subparagrafu, tad-Direttiva 2001/18/KE jagħti s-setgħa lill-Kummissjoni biex tissupplimenta dik id-Direttiva billi tistabbilixxi livelli limitu aktar baxxi għal dawn il-prodotti. Fil-perjodu ta’ rapportar, il-Kummissjoni qieset il-livell limitu ta’ 0.9 % bħala xieraq u effettiv. Għalhekk, il-Kummissjoni għadha ma għamlitx użu mis-setgħa delegata biex tistabbilixxi livelli limitu aktar baxxi għal dawn il-prodotti.

·L-Artikolu 26(2) tad-Direttiva 2001/18/KE

L-Artikolu 26 tad-Direttiva 2001/18/KE jikkonċerna t-tikkettar tal-OĠM li għandu jsir disponibbli għal operazzjonijiet li mhumiex meqjusa bħala tqegħid fis-suq, imsemmija fl-Artikolu 2(4), it-tieni subparagrafu (li jiġu magħmula disponibbli OĠM għal attivitajiet ta’ użu konfinat jew rilaxxi intenzjonati li jikkonformaw mar-rekwiżiti stabbiliti fil-Parti B tad-Direttiva 2001/18/KE). L-Artikolu 26(1) flimkien mal-Anness IV jistabbilixxi r-rekwiżiti ta’ tikkettar għal dawn l-OĠM. L-Artikolu 26(2) jagħti s-setgħa lill-Kummissjoni biex temenda l-Anness IV billi tistabbilixxi rekwiżiti speċifiċi tat-tikkettar għal dawn l-OĠM. Fil-perjodu ta’ rapportar, il-Kummissjoni qieset ir-rekwiżiti tat-tikkettar fit-taqsimiet rilevanti tal-Anness IV bħala xierqa għal dawn l-OĠM. Għalhekk, il-Kummissjoni għadha ma użatx din is-setgħa delegata.

·L-Artikolu 8 tar-Regolament (KE) Nru 1830/2003

L-Artikolu 8 tar-Regolament (KE) Nru 1830/2003 jagħti s-setgħa lill-Kummissjoni biex tissupplimenta dak ir-Regolament billi tistabbilixxi u tadatta sistema għall-iżvilupp u l-assenjazzjoni ta’ identifikaturi uniċi lill-OĠM filwaqt li tqis l-iżviluppi fil-fora internazzjonali. Ir-Regolament tal-Kummissjoni (KE) Nru 65/2004 tal-14 ta’ Jannar 2004 li jistabbilixxi sistema għall-iżvilupp u l-assenjazzjoni ta’ identifikaturi uniċi għal organiżmi modifikati ġenetikament 7 daħal fis-seħħ fis-16 ta’ Jannar 2004. Dan l-att ġie adottat abbażi tal-Artikolu 8 tar-Regolament (KE) Nru 1830/2003 fil-verżjoni tiegħu applikabbli sas-26 ta’ Lulju 2019. F’konformità mas-setgħa delegata, jista’ jiġi rivedut fil-futur biex is-sistema tiġi adattata għall-iżvilupp u l-assenjazzjoni ta’ identifikaturi uniċi jekk ikun meħtieġ.

4.Għeluq

Il-Kummissjoni tara l-ħtieġa għal estensjoni taċita tad-delegi tas-setgħa fir-rigward tal-kwistjonijiet elenkati fl-Artikolu 29a(2) tad-Direttiva 2001/18/KE u l-Artikolu 9a(2) tar-Regolament (KE) Nru 1830/2003 għal perjodu ta’ ħames snin mis-26 ta’ Lulju 2024, f’konformità ma’ dawk l-Artikoli. Ir-raġunament għad-delegi tas-setgħat ma nbidilx. Dawn huma importanti biex tinżamm il-flessibbiltà meħtieġa fil-qafas legali, biex tiġi aġġustata għall-iżviluppi xjentifiċi, teknoloġiċi u oħrajn u għall-esperjenza miksuba bl-applikazzjoni tal-qafas, u biex il-Kummissjoni tkun tista’ taġixxi fl-oqsma fejn ma aġixxietx sa dan il-mument, iżda jista’ jkollha bżonn tagħmel dan fil-futur. B’hekk, is-setgħat mogħtija huma importanti biex jintlaħqu l-objettivi tad-Direttiva 2001/18/KE u tar-Regolament (KE) Nru 1830/2003.

B’dan ir-rapport, il-Kummissjoni tikkonforma mar-rekwiżiti ta’ rapportar stabbiliti fl-Artikolu 29a(2) tad-Direttiva 2001/18/KE u fl-Artikolu 9a(2) tar-Regolament (KE) Nru 1830/2003.

Il-Kummissjoni tistieden lill-Parlament Ewropew u lill-Kunsill jieħdu nota ta’ dan ir-rapport.

(1)

Id-Direttiva 2001/18/KE tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tat-12 ta’ Marzu 2001 dwar ir-rilaxx intenzjonat fl-ambjent ta’ organiżmi modifikati ġenetikament u li tħassar id-Direttiva tal-Kunsill 90/220/KEE, ĠU L 106, 17.4.2001, p. 1.

(2)

Ir-Regolament (KE) Nru 1830/2003 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tat-22 ta’ Settembru 2003 dwar it-traċċabilità u t-ttikkettar ta’ organiżmi modifikati ġenetikament u t-traċċabilità ta’ prodotti tal-ikel u għalf manifatturati minn organiżmi modifikati ġenetikament u li jemenda d-Direttiva 2001/18/KE, ĠU L 268, 18.10.2003, p. 24.

(3)

Id-Direttiva tal-Kummissjoni (UE) 2018/350 tat-8 ta’ Marzu 2018 li temenda d-Direttiva 2001/18/KE tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill fir-rigward tal-istima tar-riskju ambjentali ta’ organiżmi modifikati ġenetikament, ĠU L 67, 9.3.2018, p. 30.

(4)

Il-Bord tal-EFSA dwar l-OĠM, Gwida dwar il-valutazzjoni tar-riskju ambjentali tal-pjanti ġenetikament modifikati. EFSA Journal 2010;8(11):1879.doi:10.2903/j.efsa.2010.1879. www.efsa.europa.eu/efsajournal.htm

(5)

Ir-Regolament (KE) Nru 1829/2003 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tat-22 ta’ Settembru 2003 dwar ikel u għalf modifikat ġenetikament, ĠU L 268, 18.10.2003, p. 1.

(6)

Il-konverġenza tal-ittestjar taż-żerriegħa, approvata waqt il-laqgħa tal-Kumitat Regolatorju tad-Direttiva 2001/18/KE li saret fl-4 ta’ Ġunju 2020. https://food.ec.europa.eu/system/files/2020-07/reg-com_2001-18-ec_20200604_result_seed-testing-convergence.pdf

(7)

Ir-Regolament tal-Kummissjoni (KE) Nru 65/2004 tal-14 ta’ Jannar 2004 li jistabbilixxi sistema għall-iżvilupp u l-assenjazzjoni ta’ identifikaturi uniċi għal organiżmi modifikati ġenetikament, ĠU L 10, 16.1.2004, p. 5.