European flag

Il-Ġurnal Uffiċjali
ta'l-Unjoni Ewropea

MT

Serje C


C/2023/995

17.11.2023

Sommarju tad-Deċiżjoni tal-Kummissjoni

tat-22/09/2023

li tirrigwarda proċediment skont l-Artikolu 102 tat-Trattat dwar il-Funzjonament tal-Unjoni Ewropea u l-Artikolu 54 tal-Ftehim ŻEE

(IL-KAŻ AT.37990 - Intel)

(notifikat bid-dokument C(2023)5914 final

(It-test bl-Ingliż biss huwa awtentiku)

(Test b’rilevanza għaż-ŻEE)

(C/2023/995)

Fit-22 ta’ Settembru 2023, il-Kummissjoni adottat deċiżjoni li tirrigwarda proċediment skont l-Artikolu 102 tat-Trattat dwar il-Funzjonament tal-Unjoni Ewropea u l-Artikolu 54 tal-Ftehim ŻEE. Skont id-dispożizzjonijiet tal-Artikolu 30 tar-Regolament tal-Kunsill (KE) Nru 1/2003  (1) , il-Kummissjoni qiegħda hawnhekk tippubblika l-isem tal-parti u l-kontenut prinċipali tad-Deċiżjoni, inkluż kull penalità imposta, fid-dawl tal-interess leġittimu tal-impriżi fil-protezzjoni tas-sigrieti kummerċjali tagħhom.

1.   INTRODUZZJONI

(1)

Fit-22 ta’ Settembru 2023, il-Kummissjoni adottat Deċiżjoni li tirrigwarda ksur uniku u kontinwu tal-Artikolu 102 tat-Trattat dwar il-Funzjonament tal-Unjoni Ewropea (“it-Trattat") u l-Artikolu 54 tal-Ftehim dwar iż-Żona Ekonomika Ewropea (“il-Ftehim ŻEE”).

(2)

Id-Deċiżjoni hija indirizzata lil Intel Corporation (“Intel”). Il-ksur kien jikkonsisti f’pagamenti indebiti magħmula minn Intel lil tliet manifatturi tal-kompjuter (jiġifieri HP, Acer u Lenovo) biex iwaqqfu jew idewmu l-varar ta’ prodotti speċifiċi li fihom l-Unitajiet Ċentrali tal-Ipproċessar (“CPUs”) x86 tal-kompetitur ewlieni u biex jillimitaw il-kanali tal-bejgħ disponibbli għal dawn il-prodotti (l-hekk imsejħa “restrizzjonijiet ovvji”). Dawn ir-restrizzjonijjiet seħħew bejn Novembru 2002 u Diċembru 2006.

(3)

Din id-Deċiżjoni tikkonċerna l-impożizzjoni parzjali mill-ġdid ta’ multa fuq Intel wara li d-Deċiżjoni oriġinali mit-13 ta’ Mejju 2009 ġiet annullata parzjalment mill-Qorti Ġenerali fl-2022.

2.   PROĊEDURA

(4)

Fit-13 ta’ Mejju 2009, il-Kummissjoni adottat Deċiżjoni li timponi multa fuq Intel Corporation (“Intel”) talli abbużat mill-pożizzjoni dominanti tagħha fis-suq tas-CPUs x86, u b’hekk kisret l-Artikolu 102 tat-TFUE u l-Artikolu 54 tal-Ftehim ŻEE (“id-Deċiżjoni tal-2009”). Id-Deċiżjoni tal-2009 sabet li Intel kienet wettqet ksur uniku u kontinwu billi implimentat strateġija bl-għan li teskludi kompetituri mis-suq tas-CPUs x86 u li din l-istrateġija kienet tikkonsisti f’żewġ tipi ta’ mġiba fil-konfront tal-klijenti tagħha (manifatturi tat-tagħmir oriġinali, jew “OEMs”): l-għoti ta’ roħs kundizzjonali u r-restrizzjonijiet ovvji. Għal dan il-ksur, il-Kummissjoni imponiet fuq Intel multa ta’ EUR 1 060 000 000 skont l-Artikolu 23(2) tar-Regolament (KE) Nru 1/2003.

(5)

Intel appellat id-Deċiżjoni tal-2009 quddiem il-Qorti Ġenerali, li permezz tas-sentenza tat-12 ta’ Ġunju 2014 fil-Kawża T-286/09 ċaħdet ir-rikors fl-intier tiegħu. Intel appellat din is-sentenza quddiem il-Qorti tal-Ġustizzja, li fis-6 ta’ Settembru 2017 irrinvijat il-kawża quddiem il-Qorti Ġenerali sabiex din tistħarreġ jekk it-tnaqqis kundizzjonali huwiex kapaċi jirrestrinġi l-kompetizzjoni fid-dawl ta’ provi fattwali u ekonomiċi.

(6)

Fis-26 ta’ Jannar 2022, il-Qorti Ġenerali tat is-sentenza tagħha fil-Kawża T-286/09 RENV, li fiha annullat il-kostatazzjoni tad-Deċiżjoni tal-2009 ta’ ksur relatat mat-tnaqqis kundizzjonali. Fl-istess ħin, hija ċaħdet it-talba ta’ Intel li l-ħlasijiet lil HP, Acer u Lenovo (ir-restrizzjonijiet ovvji) għandhom ikunu soġġetti għall-istess test u prinċipji legali bħat-tnaqqis u għalhekk ikkonfermat il-ksur uniku u kontinwu sa fejn kien jikkonsisti fir-restrizzjonijiet ovvji. Peress li l-Qorti Ġenerali ma kinitx f’pożizzjoni li tistabbilixxi l-ammont tal-multa relatata mar-restrizzjonijiet ovvji biss, hija annullat il-multa kollha.

(7)

Permezz ta’ ittra tat-2 ta’ Mejju 2023, il-Kummissjoni infurmat lil Intel li kellha l-ħsieb li tadotta deċiżjoni ġdida li timponi multa fuq Intel skont l-Artikolu 23(2) tar-Regolament tal-Kunsill Nru 1/2003, talli wettqet ksur uniku u kontinwu li jikkonsisti fir-restrizzjonijiet ovvji kif stabbiliti fid-Deċiżjoni tal-2009 u kkonfermati mill-Qorti tal-Ġustizzja tal-Unjoni Ewropea. Il-Kummissjoni informat ukoll lil Intel dwar il-metodoloġija li hija kellha l-intenzjoni li tapplika għall-kalkolu tal-multa. Intel wieġbet l-Ittra fis-26 ta’ Ġunju 2023.

(8)

Il-Kumitat Konsultattiv dwar il-Prattiki Restrittivi u Pożizzjonijiet Dominanti ħareġ opinjoni favorevoli fil-21 ta’ Settembru 2023. Fit-22 ta’ Settembru 2023, l-Uffiċjal tas-Seduta ħareġ rapport finali f’dan il-każ.

(9)

Din id-Deċiżjoni li timponi multa skont l-Artikolu 23(2) tar-Regolament (KE) Nru 1/2003 għandha l-iskop li tirrimedja s-sitwazzjoni fejn is-sejba tal-Kummissjoni ta’ ksur fir-rigward tar-restrizzjonijiet ovvji tibqa’ fis-seħħ u għandha valur ta’ res judicata, filwaqt li l-multa għal dak il-ksur ġiet annullata.

3.   MULTI

(10)

Għall-kalkolu tal-multa, il-Kummissjoni tibbaża ruħha fuq l-evalwazzjoni tal-fatti stabbiliti fid-Deċiżjoni tal-2009 u kkonfermata fil-proċedura ġudizzjarja. Id-Deċiżjoni hija indirizzata lill-istess entità legali bħad-Deċiżjoni tal-2009, jiġifieri lil Intel Corporation, u ma fiha l-ebda oġġezzjoni jew evidenza ġdida.

(11)

Kif stabbilit fil-Premessi (1773) sa (1777) tad-Deċiżjoni tal-2009, il-valur tal-bejgħ ikkunsidrat għall-fini tal-kalkolu tal-ammont bażiku tal-multa jikkorrispondi għall-valur annwali tal-bejgħ tas-CPU x86 li Intel iffatturat lil kumpaniji li jinsabu fiż-ŻEE.

(12)

Fid-dawl tal-fatt li r-restrizzjonijiet ovvji koprew il-pagamenti bil-kundizzjoni li l-OEMs jikkanċellaw, jillimitaw jew idewmu l-bejgħ ta’ desktops u notebooks ibbażati fuq is-CPUs x86 tal-AMD, huwa biss il-valur tal-bejgħ relatat mad-desktops u n-notebooks li jitqies għall-finijiet tal-kalkolu tal-ammont bażiku tal-multa. Għalhekk, għall-kuntrarju tal-każ fid-Deċiżjoni tal-2009, il-Kummissjoni mhijiex qed tibbaża fuq il-valur tal-bejgħ ta’ CPUs x86 relatati mas-servers.

(13)

Peress li l-aħħar restrizzjoni ovvja ntemmet f’Diċembru 2006, il-Kummissjoni tqis il-valur tal-bejgħ fl-2006, skont il-prinċipji stabbiliti fil-Linji Gwida tal-Kummissjoni dwar il-Multi.

(14)

Fir-rigward tal-gravità, għalkemm in-natura serja tal-ksur, id-daqs u l-karatteristiċi tas-suq kif ukoll il-portata ġeografika tal-ksur kollha jindikaw li għandu jinżamm il-perċentwali ta’ gravità oriġinali ta’ 5 % fid-Deċiżjoni tal-2009, il-Kummissjoni tqis li r-restrizzjonijiet ovvji kellhom portata u intensità aktar limitati mit-tnaqqis. Dawn kienu jikkonċernaw tliet OEMs u ffukaw fuq prodotti speċifiċi jew linji ta’ prodotti jew kanali ta’ bejgħ għall-kuntrarju ta’ segmenti kummerċjali sħaħ. Għaldaqstant, il-Kummissjoni tapplika perċentwali ta’ gravità ta’ 4 % għall-kalkolu tal-ammont bażiku tal-multa.

(15)

Ir-restrizzjonijiet ovvji damu minn Novembru 2002 sa Diċembru 2006. Peress li l-ewwel żewġ restrizzjonijiet ovvji ntemmu qabel l-aħħar restrizzjoni ovvja, it-tul globali għall-finijiet tal-kalkolu tal-multa jitnaqqas bil-perjodu bejn it-tmiem tal-ewwel żewġ restrizzjonijiet ovvji u l-bidu tal-aħħar restrizzjoni ovvja. Dan jikkorrispondi għan-numru ta’ snin bejn Novembru 2002 u Mejju 2005 u bejn Ġunju 2006 u Diċembru 2006.

(16)

Ma ġew stabbiliti l-ebda fatti fid-Deċiżjoni tal-2009 li jiġġustifikaw l-eżistenza ta’ xi ċirkostanzi mitiganti jew aggravanti fil-każ ta’ Intel. Il-Kummissjoni ma ssib l-ebda raġuni biex titbiegħed minn din il-pożizzjoni f’din id-Deċiżjoni. Xejn ma jissuġġerixxi li t-tul tal-proċedura ma kienx raġonevoli, meta jittieħdu inkunsiderazzjoni ċ-ċirkustanzi kollha, inkluż il-fatt li l-proċeduri sal-lum huma r-riżultat ta’ sensiela intensa ta’ azzjonijiet amministrattivi u ġudizzjarji.

(17)

Il-Kummissjoni imponiet multa ta’ EUR 376 358 000 fuq Intel. Din il-multa ma taqbiżx il-limitu tal-fatturat ta’ 10 % skont l-Artikolu 23(2) tar-Regolament (KE) Nru 1/2003.

(1)   ĠU L 1, 4.1.2003, p. 1. Ir-Regolament kif emendat bir-Regolament (KE) Nru 411/2004 (ĠU L 68, 6.3.2004, p. 1).


ELI: http://data.europa.eu/eli/C/2023/995/oj

ISSN 1977-0987 (electronic edition)