|
19.7.2023 |
MT |
Il-Ġurnal Uffiċjali tal-Unjoni Ewropea |
L 182/1 |
DEĊIŻJONI TAL-KUNSILL (UE) 2023/1475
tal-15 ta’ Mejju 2023
dwar l-iffirmar, f’isem l-Unjoni, u l-applikazzjoni proviżorja tal-Ftehim bejn l-Unjoni Ewropea, minn naħa waħda, u New Zealand, min-naħa l-oħra, dwar il-parteċipazzjoni ta’ New Zealand fi programmi tal-Unjoni
IL-KUNSILL TAL-UNJONI EWROPEA,
Wara li kkunsidra t-Trattat dwar il-Funzjonament tal-Unjoni Ewropea, u b’mod partikolari l-Artikoli 186 u 212, flimkien mal-Artikolu 218(5) tiegħu,
Wara li kkunsidra l-proposta tal-Kummissjoni Ewropea,
Billi:
|
(1) |
Permezz tal-ittra tas-6 ta’ Diċembru 2021, New Zealand esprimiet l-interess formali tagħha li tiġi assoċjata ma’ Orizzont Ewropa – il-Programm Qafas għar-Riċerka u l-Innovazzjoni (2021-2027) stabbilit bir-Regolament (UE) 2021/695 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill (1) (il-“Programm Orizzont Ewropa”). |
|
(2) |
Fid-9 ta’ Settembru 2022, il-Kunsill, bis-saħħa tad-Deċiżjoni (UE) 2022/1527 (2), awtorizza l-ftuħ ta’ negozjati ma’ New Zealand, f’isem l-Unjoni, għal Ftehim dwar il-prinċipji ġenerali għall-parteċipazzjoni ta’ New Zealand fi programmi tal-Unjoni u dwar l-assoċjazzjoni ta’ New Zealand mal-Programm Orizzont Ewropa. |
|
(3) |
In-negozjati ġew konklużi u l-Ftehim bejn l-Unjoni Ewropea, minn naħa waħda, u New Zealand, min-naħa l-oħra, dwar il-parteċipazzjoni ta’ New Zealand fi programmi tal-Unjoni (il-“Ftehim”) ġie inizjalat fit-22 ta’ Diċembru 2022. |
|
(4) |
L-objettivi tal-Ftehim huma li jistabbilixxi qafas dejjiemi għall-kooperazzjoni bejn l-Unjoni u New Zealand u li jistabbilixxi t-termini u l-kundizzjonijiet għall-parteċipazzjoni ta’ New Zealand fil-programmi tal-Unjoni li jinfetħu għall-parteċipazzjoni tagħha f’konformità mal-atti bażiċi li jistabbilixxu programmi tal-Unjoni kif definit fil-Ftehim. Skont il-Ftehim, l-Unjoni ser twettaq miżuri ta’ kooperazzjoni ma’ New Zealand skont l-Artikolu 212 tat-Trattat dwar il-Funzjonament tal-Unjoni Ewropea. Skont l-Artikolu 3 tal-Ftehim, it-termini u l-kondizzjonijiet speċifiċi għall-parteċipazzjoni ta’ New Zealand fi kwalunkwe programm jew attività tal-Unjoni huma soġġetti għall-adozzjoni ta’ Protokolli tal-Ftehim. |
|
(5) |
F’konformità mal-awtorizzazzjoni tal-Kunsill, il-Protokoll dwar l-assoċjazzjoni ta’ New Zealand ma’ Orizzont Ewropa – il-Programm Qafas għar-Riċerka u l-Innovazzjoni (2021-2027) ġie nnegozjat b’mod parallel mal-Ftehim u, skont l-Artikolu 15(9) tal-Ftehim, jifforma parti integrali minnu. New Zealand għandha tipparteċipa u tikkontribwixxi għall-Pilastru II tal-Programm Orizzont Ewropa. |
|
(6) |
New Zealand tissodisfa l-kriterji stabbiliti fl-Artikolu 16(1), il-punt (d), tar-Regolament (UE) 2021/695. |
|
(7) |
Il-Ftehim jikkonforma mal-Artikolu 16(2) tar-Regolament (UE) 2021/695, li jirrikjedi li l-assoċjazzjoni mal-Programm Orizzont Ewropa ta’ kull wieħed mill-pajjiżi terzi skont l-Artikolu 16(1), il-punt (d), ta’ dak ir-Regolament tkun f’konformità mal-kundizzjonijiet stabbiliti fi ftehim li jkopri l-parteċipazzjoni ta’ dan il-pajjiż jew territorju għal kwalunkwe programm tal-Unjoni, dment li l-ftehim: jiżgura bilanċ ġust fir-rigward tal-kontribuzzjonijiet u tal-benefiċċji tal-pajjiż terz li jkun qed jipparteċipa fil-programmi tal-Unjoni; jistabbilixxi l-kundizzjonijiet tal-parteċipazzjoni fil-programmi tal-Unjoni, fosthom il-kalkolu tal-kontribuzzjonijiet finanzjarji għal programmi individwali, u l-kostijiet amministrattivi tagħhom; ma jagħtix lill-pajjiż terz kwalunkwe setgħa deċiżjonali fir-rigward tal-programm tal-Unjoni; u jiggarantixxi d-drittijiet tal-Unjoni li tiżgura ġestjoni finanzjarja soda u li tipproteġi l-interessi finanzjarji tal-Unjoni. |
|
(8) |
Il-Ftehim jenħtieġ li jiġi ffirmat f’isem l-Unjoni, soġġett għall-konklużjoni tiegħu f’data aktar tard. |
|
(9) |
Bil-ħsieb li tiġi żgurata l-kooperazzjoni f’waqtha bejn l-Unjoni u New Zealand fil-qasam tar-riċerka, tal-iżvilupp teknoloġiku u tal-innovazzjoni, u li tiġi permessa l-parteċipazzjoni f’waqtha tal-entitajiet ta’ New Zealand fil-Programm Orizzont Ewropa, il-Ftehim jenħtieġ li jiġi applikat fuq bażi proviżorja, sakemm jitlestew il-proċeduri neċessarji għad-dħul fis-seħħ tiegħu, |
ADOTTA DIN ID-DEĊIŻJONI:
Artikolu 1
L-iffirmar f’isem l-Unjoni tal-Ftehim bejn l-Unjoni Ewropea, minn naħa waħda, u New Zealand min-naħa l-oħra, dwar il-parteċipazzjoni ta’ New Zealand fi programmi tal-Unjoni (il-“Ftehim”) huwa b’dan awtorizzat, soġġett għall-konklużjoni tal-Ftehim imsemmi (3).
Artikolu 2
Il-President tal-Kunsill huwa b’dan awtorizzat li jinnomina l-persuna jew il-persuni bis-setgħa li jiffirmaw il-Ftehim f’isem l-Unjoni.
Artikolu 3
Il-Ftehim għandu jiġi applikat fuq bażi proviżorja, f’konformità mal-Artikolu 15(2) tiegħu, sakemm jitlestew il-proċeduri neċessarji għad-dħul fis-seħħ tiegħu.
Artikolu 4
Il-President tal-Kunsill għandu, f’isem l-Unjoni, jagħti n-notifika prevista fl-Artikolu 15(2) tal-Ftehim.
Artikolu 5
Din id-Deċiżjoni għandha tidħol fis-seħħ fid-data tal-adozzjoni tagħha.
Magħmul fi Brussell, il-15 ta’ Mejju 2023.
Għall-Kunsill
Il-President
J. FORSSMED
(1) Ir-Regolament (UE) 2021/695 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tat-28 ta’ April 2021 li jistabbilixxi l-Orizzont Ewropa — il-Programm Qafas għar-Riċerka u l-Innovazzjoni, li jistabbilixxi r-regoli tiegħu għall-parteċipazzjoni u d-disseminazzjoni, u li jħassar ir-Regolamenti (UE) Nru 1290/2013 u (UE) Nru 1291/2013 (ĠU L 170, 12.5.2021, p. 1).
(2) Id-Deċiżjoni tal-Kunsill (UE) 2022/1527 tad-9 ta’ Settembru 2022 li tawtorizza l-ftuħ ta’ negozjati ma’ New Zealand għal Ftehim dwar il-prinċipji ġenerali għall-parteċipazzjoni ta’ New Zealand fil-programmi tal-Unjoni u dwar l-assoċjazzjoni ta’ New Zealand ma’ Orizzont Ewropa – il-Programm Qafas għar-Riċerka u l-Innovazzjoni (2021–2027) (ĠU L 237, 14.9.2022, p. 18).
(3) Ara paġna 4 ta’ dan il-Ġurnal Uffiċjali.