|
Il-Ġurnal Uffiċjali |
MT Is-serje C |
|
C/2024/6833 |
29.11.2024 |
RAKKOMANDAZZJONI TAL-KUNSILL
tal-21 ta’ Ottubru 2024
dwar il-politiki ekonomiċi, baġitarji, tal-impjiegi u strutturali tal-Finlandja
(C/2024/6833)
IL-KUNSILL TAL-UNJONI EWROPEA,
Wara li kkunsidra t-Trattat dwar il-Funzjonament tal-Unjoni Ewropea, u b'mod partikolari l-Artikolu 121(2) u l-Artikolu 148(4) tiegħu,
Wara li kkunsidra r-Regolament (UE) 2024/1263 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tad-29 ta' April 2024 dwar il-koordinazzjoni effettiva tal-politiki ekonomiċi u dwar is-sorveljanza baġitarja multilaterali u li jħassar ir-Regolament tal-Kunsill (KE) Nru 1466/97 (1), u b'mod partikolari l-Artikolu 3(3) tiegħu,
Wara li kkunsidra r-rakkomandazzjoni tal-Kummissjoni Ewropea,
Wara li kkunsidra r-riżoluzzjonijiet tal-Parlament Ewropew,
Wara li kkunsidra l-konklużjonijiet tal-Kunsill Ewropew,
Wara li kkunsidra l-opinjoni tal-Kumitat tal-Impjiegi,
Wara li kkunsidra l-opinjoni tal-Kumitat Ekonomiku u Finanzjarju,
Wara li kkunsidra l-opinjoni tal-Kumitat tal-Protezzjoni Soċjali,
Wara li kkunsidra l-opinjoni tal-Kumitat tal-Politika Ekonomika,
Billi:
|
(1) |
Ir-Regolament (UE) 2021/241 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill (2), li stabbilixxa l-Faċilità għall-Irkupru u r-Reżiljenza (“il-Faċilità”), daħal fis-seħħ fid-19 ta' Frar 2021. Il-Faċilità tipprovdi appoġġ finanzjarju lill-Istati Membri għall-implimentazzjoni ta' riformi u investimenti, li jinvolvu impuls fiskali ffinanzjat mill-Unjoni. F'konformità mal-prijoritajiet tas-Semestru Ewropew għall-koordinazzjoni tal-politika ekonomika, il-Faċilità tgħin biex jinkiseb l-irkupru ekonomiku u soċjali u biex jiġu implimentati riformi u investimenti sostenibbli, b'mod partikolari riformi u investimenti, biex tippromwovi t-tranżizzjoni ekoloġika u dik diġitali u biex tagħmel l-ekonomiji tal-Istati Membri aktar reżiljenti. Tgħin ukoll biex issaħħaħ il-finanzi pubbliċi u tagħti spinta lit-tkabbir u l-ħolqien tal-impjiegi fuq terminu medju u twil, ittejjeb il-koeżjoni territorjali fl-Unjoni u tappoġġa t-tkomplija tal-implimentazzjoni tal-Pilastru Ewropew tad-Drittijiet Soċjali. |
|
(2) |
Ir-Regolament (UE) 2023/435 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill (3) (“ir-Regolament REPowerEU”), li ġie adottat fis-27 ta' Frar 2023, għandu l-għan li jelimina gradwalment id-dipendenza tal-Unjoni fuq l-importazzjonijiet tal-fjuwils fossili Russi. B'hekk tkun tista' tinkiseb is-sigurtà tal-enerġija u d-diversifikazzjoni tal-provvista tal-enerġija tal-Unjoni, filwaqt li jiżdied l-użu tal-enerġija rinnovabbli, il-kapaċitajiet tal-ħżin tal-enerġija u l-effiċjenza fl-enerġija. Il-Finlandja żiedet kapitolu REPowerEU ġdid mal-pjan nazzjonali tagħha għall-irkupru u r-reżiljenza sabiex tiffinanzja riformi u investimenti ewlenin li ser jgħinu biex jintlaħqu l-objettivi tar-REPowerEU. |
|
(3) |
Fis-16 ta' Marzu 2023, il-Kummissjoni ħarġet komunikazzjoni intitolata “Il-kompetittività fit-tul tal-UE: inħarsu lil hinn mill-2030”, sabiex jiġu orjentati d-deċiżjonijiet politiċi u jinħolqu l-kundizzjonijiet qafas għal żieda fit-tkabbir. Il-komunikazzjoni tinkwadra l-kompetittività f'termini ta' disa' fatturi ewlenin li jsaħħu lil xulxin b'mod reċiproku. Fost dawk il-fatturi ewlenin, l-aċċess għall-kapital privat, ir-riċerka u l-innovazzjoni, l-edukazzjoni u l-ħiliet, u suq uniku funzjonanti jirriżultaw bħala prijoritajiet ta' politika ta' importanza kbira għar-riforma u l-investiment biex jiġu indirizzati l-isfidi attwali tal-produttività kif ukoll biex tinbena l-kompetittività fit-tul tal-Unjoni u tal-Istati Membri tagħha. Fl-14 ta' Frar 2024, il-Kummissjoni ħarġet komunikazzjoni intitolata “Ir-Rapport Annwali dwar is-Suq Uniku u l-Kompetittività għall-2024”. Dik il-komunikazzjoni tagħti dettalji dwar il-punti b'saħħithom u l-isfidi tal-kompetittività tas-suq uniku Ewropew, filwaqt li ssegwi l-iżviluppi annwali skont id-disa' fatturi ewlenin tal-kompetittività identifikati. |
|
(4) |
Fil-21 ta' Novembru 2023, il-Kummissjoni adottat l-Istħarriġ Annwali dwar it-Tkabbir Sostenibbli 2024, li ta bidu għas-Semestru Ewropew 2024. Fit-22 ta' Marzu 2024, il-Kunsill Ewropew approva l-prijoritajiet tal-Istħarriġ Annwali dwar it-Tkabbir Sostenibbli 2024, li huma ffukati fuq l-erba' dimensjonijiet tas-sostenibbiltà kompetittiva. Fil-21 ta' Novembru 2023, abbażi tar-Regolament (UE) Nru 1176/2011 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill (4), il-Kummissjoni adottat ukoll ir-Rapport dwar il-Mekkaniżmu ta' Twissija 2024, li fih ma identifikatx lill-Finlandja bħala wieħed mill-Istati Membri li jista' jiġi affettwat, jew li jista' jkun f'riskju li jiġi affettwat, minn żbilanċi u li għalih tkun meħtieġa analiżi fil-fond. Fl-istess data, il-Kummissjoni adottat opinjoni dwar l-abbozz ta' pjan baġitarju tal-2024 tal-Finlandja. Il-Kummissjoni adottat ukoll rakkomandazzjoni għal rakkomandazzjoni tal-Kunsill dwar il-politika ekonomika taż-żona tal-euro u proposta għar-Rapport Konġunt dwar l-Impjiegi 2024, li janalizza l-implimentazzjoni tal-Linji Gwida dwar l-Impjiegi u l-prinċipji tal-Pilastru Ewropew tad-Drittijiet Soċjali. Il-Kunsill adotta r-Rakkomandazzjoni dwar il-politika ekonomika taż-żona tal-euro (5) (“ir-Rakkomandazzjoni tal-2024 dwar iż-żona tal-euro”) fit-12 ta' April 2024 u r-Rapport Konġunt dwar l-Impjiegi fil-11 ta' Marzu 2024. |
|
(5) |
Fit-30 ta' April 2024, daħal fis-seħħ il-qafas il-ġdid ta' governanza ekonomika tal-Unjoni. Il-qafas jinkludi r-Regolament il-ġdid (UE) 2024/1263 dwar il-koordinazzjoni effettiva tal-politiki ekonomiċi u dwar is-sorveljanza baġitarja multilaterali, ir-Regolament tal-Kunsill (KE) Nru 1467/97 (6) emendat dwar li titħaffef u li tiġi ċċarata l-implimentazzjoni tal-proċedura ta' defiċit eċċessiv, u d-Direttiva tal-Kunsill 2011/85/UE (7) emendata dwar ir-rekwiżiti għal oqfsa baġitarji tal-Istati Membri. L-objettivi tal-qafas il-ġdid ta' governanza ekonomika huma li jippromwovi finanzi pubbliċi sodi u sostenibbli, tkabbir sostenibbli u inklużiv u reżiljenza permezz ta' riformi u investimenti, u jipprevjeni defiċits eċċessivi tal-gvernijiet. Il-qafas il-ġdid ta' governanza ekonomika jippromwovi ukoll is-sjieda nazzjonali u l-fokus jinsab aktar fuq it-terminu medju, flimkien ma' infurzar aktar effettiv u koerenti. Kull Stat Membru għandu jippreżenta lill-Kunsill u lill-Kummissjoni pjan fiskali-strutturali nazzjonali fuq terminu medju. Pjan fiskali-strutturali nazzjonali fuq terminu medju fih l-impenji fiskali, ta' riforma u ta' investiment ta' Stat Membru, li jkopru orizzont ta' ppjanar ta' erba' jew ħames snin, skont it-tul regolari tat-terminu leġiżlattiv nazzjonali. Il-perkors tan-nefqa netta (8) fil-pjanijiet fiskali-strutturali nazzjonali fuq terminu medju għandu jkun konformi mar-rekwiżiti tar-Regolament (UE) 2024/1263, inkluż mar-rekwiżiti li d-dejn tal-gvern estiż jitqiegħed jew jinżamm fuq perkors plawżibbli 'l isfel sat-tmiem tal-perjodu ta' aġġustament, jew li jibqa' f'livelli prudenti taħt is-60 % tal-prodott domestiku gross (PDG), u li d-defiċit tal-gvern estiż jinġieb u/jew jinżamm taħt il-valur referenzjarju ta' 3 % tal-PDG skont it-Trattat fuq terminu medju. Meta Stat Membru jimpenja ruħu għal sett rilevanti ta' riformi u investimenti f'konformità mal-kriterji stipulati fir-Regolament (UE) 2024/1263, il-perjodu ta' aġġustament jista' jiġi estiż b'mhux aktar minn tliet snin. Għall-fini ta' appoġġ għat-tħejjija ta' dawk il-pjanijiet fiskali-strutturali nazzjonali fuq terminu medju, fil-21 ta' Ġunju 2024, il-Kummissjoni ppubblikat gwida dwar l-informazzjoni li għandha tiġi pprovduta mill-Istati Membri fil-pjanijiet fiskali-strutturali nazzjonali fuq terminu medju tagħhom u fir-rapporti ta' progress annwali tagħhom. F'konformità mal-Artikoli 5 u 36 tar-Regolament (UE) 2024/1263, il-Kummissjoni bagħtet lill-Istati Membri t-trajettorji referenzjarji u l-informazzjoni teknika, fejn applikabbli. L-Istati Membri għandhom jippreżentaw il-pjanijiet fiskali-strutturali nazzjonali fuq terminu medju tagħhom sal-20 ta' Settembru 2024, sakemm l-Istat Membru u l-Kummissjoni ma jaqblux li jestendu l-iskadenza b'perjodu ta' żmien raġonevoli. F'konformità mal-oqfsa legali nazzjonali tagħhom, l-Istati Membri jistgħu jiddibattu l-abbozzi tal-pjanijiet tagħhom fuq terminu medju mal-parlamenti nazzjonali tagħhom, jistgħu jitolbu lill-istituzzjonijiet fiskali indipendenti biex joħorġu opinjoni, u jistgħu jwettqu konsultazzjoni mas-sħab soċjali u ma' partijiet ikkonċernati nazzjonali oħra. |
|
(6) |
Fl-2024, is-Semestru Ewropew qed ikompli jevolvi f'konformità mal-implimentazzjoni tal-Faċilità. L-implimentazzjoni sħiħa tal-pjanijiet għall-irkupru u r-reżiljenza tibqa' essenzjali għat-twettiq tal-prijoritajiet ta' politika taħt is-Semestru Ewropew, billi l-pjanijiet jgħinu biex jindirizzaw b'mod effettiv l-isfidi kollha jew subsett sinifikanti minnhom identifikati fir-rakkomandazzjonijiet speċifiċi għall-pajjiż maħruġa f'dawn l-aħħar snin. Ir-rakkomandazzjonijiet speċifiċi għall-pajjiż tal-2019, l-2020, l-2022 u l-2023 jibqgħu ugwalment rilevanti għall-pjanijiet għall-irkupru u r-reżiljenza li ġew riveduti, aġġornati jew emendati f'konformità mal-Artikoli 14, 18 u 21 tar-Regolament (UE) 2021/241. |
|
(7) |
Fis-27 ta' Mejju 2021, il-Finlandja ppreżentat il-pjan nazzjonali tagħha għall-irkupru u r-reżiljenza lill-Kummissjoni, f'konformità mal-Artikolu 18(1) tar-Regolament (UE) 2021/241. Skont l-Artikolu 19 tar-Regolament (UE) 2021/241, il-Kummissjoni vvalutat ir-rilevanza, l-effettività, l-effiċjenza u l-koerenza tal-pjan għall-irkupru u r-reżiljenza, f'konformità mal-linji gwida tal-valutazzjoni stipulati fl-Anness V ta' dak ir-Regolament. Fid-29 ta' Ottubru 2021, il-Kunsill adotta d-Deċiżjoni ta' Implimentazzjoni tiegħu dwar l-approvazzjoni tal-valutazzjoni tal-pjan għall-irkupru u r-reżiljenza għall-Finlandja (9), li ġiet emendata fl-14 ta' Marzu 2023 skont l-Artikolu 18(2) tar-Regolament (UE) 2021/241 għall-aġġornament tal-kontribuzzjoni finanzjarja massima għal appoġġ finanzjarju mhux ripagabbli (10), kif ukoll fit-8 ta' Diċembru 2023 biex jiġi inkluż il-kapitolu REPowerEU (11). Ir-rilaxx tal-pagamenti parzjali jiddependi fuq l-adozzjoni ta' deċiżjoni mill-Kummissjoni, f'konformità mal-Artikolu 24(5) tar-Regolament (UE) 2021/241, li tiddikjara li l-Finlandja tkun laħqet b'mod sodisfaċenti l-istadji importanti u l-miri rilevanti stipulati fid-Deċiżjoni ta' Implimentazzjoni tal-Kunsill. It-twettiq sodisfaċenti jippresupponi li l-kisba tal-istadji importanti u l-miri preċedenti ma tkunx treġġgħet lura. |
|
(8) |
Fil-25 ta' April 2024, il-Finlandja ppreżentat il-Programm Nazzjonali ta' Riforma tagħha tal-2024 u l-Programm ta' Stabbiltà tagħha tal-2024, f'konformità mal-Artikolu 4(1) tar-Regolament tal-Kunsill (KE) Nru 1466/97 (12). F'konformità mal-Artikolu 27 tar-Regolament (UE) 2021/241, il-Programm Nazzjonali ta' Riforma tal-2024 jirrifletti wkoll ir-rappurtar biannwali tal-Finlandja dwar il-progress li sar fit-twettiq tal-pjan għall-irkupru u r-reżiljenza tagħha. |
|
(9) |
Fid-19 ta' Ġunju 2024, il-Kummissjoni ppubblikat ir-rapport tal-pajjiż tal-2024 għall-Finlandja. Huwa vvaluta l-progress tal-Finlandja fl-indirizzar tar-rakkomandazzjonijiet speċifiċi għall-pajjiż rilevanti adottati mill-Kunsill bejn l-2019 u l-2023, u ħa kont tal-implimentazzjoni tal-Finlandja tal-pjan għall-irkupru u r-reżiljenza. Abbażi ta' dik l-analiżi, ir-rapport tal-pajjiż identifika lakuni fir-rigward ta' dawk l-isfidi li mhumiex indirizzati jew li huma indirizzati biss parzjalment mill-pjan għall-irkupru u r-reżiljenza, kif ukoll sfidi ġodda u emerġenti. Huwa vvaluta wkoll il-progress tal-Finlandja fl-implimentazzjoni tal-Pilastru Ewropew tad-Drittijiet Soċjali u fil-kisba tal-miri ewlenin tal-Unjoni dwar l-impjiegi, il-ħiliet u t-tnaqqis tal-faqar, kif ukoll il-progress fil-kisba tal-Għanijiet ta' Żvilupp Sostenibbli tan-Nazzjonijiet Uniti. |
|
(10) |
Skont id-data vvalidata mill-Eurostat, id-defiċit tal-gvern estiż tal-Finlandja żdied minn 0,4 % tal-PDG fl-2022 għal 2,7 % fl-2023, filwaqt li d-dejn tal-gvern estiż żdied minn 73,5 % tal-PDG fi tmiem l-2022 għal 75,8 % fi tmiem l-2023. Kif imħabbar fil-komunikazzjoni tal-Kummissjoni tat-8 ta' Marzu 2023 intitolata “Gwida tal-politika fiskali għall-2024”, il-Kummissjoni qiegħda tieħu l-ewwel pass biex tiftaħ proċeduri ta' defiċit eċċessiv, f'konformità mad-dispożizzjonijiet legali eżistenti. Fid-19 ta' Ġunju 2024, il-Kummissjoni ħarġet rapport skont l-Artikolu 126(3) tat-Trattat. Dak ir-rapport evalwa l-qagħda baġitarja tal-Finlandja, billi fl-2024 id-defiċit tal-gvern estiż tagħha eċċeda l-valur referenzjarju ta' 3 % tal-PDG skont it-Trattat. Ir-rapport ikkonkluda li, fid-dawl ta' dik il-valutazzjoni, u wara li kkunsidrat l-opinjoni tal-Kumitat Ekonomiku u Finanzjarju fformulata skont l-Artikolu 126(4) tat-Trattat, il-Kummissjoni m'għandhiex l-intenzjoni li tipproponi li tiftaħ proċedura ta' defiċit eċċessiv għall-Finlandja f'Lulju 2024. |
|
(11) |
Fit-12 ta' Lulju 2022, il-Kunsill irrakkomanda (13) li l-Finlandja tieħu azzjoni biex tiżgura fl-2023 li t-tkabbir tan-nefqa kurrenti primarja ffinanzjata fil-livell nazzjonali tkun konformi ma' pożizzjoni ta' politika fiskali newtrali kumplessiva (14), filwaqt li tqis l-appoġġ temporanju u mmirat li għadu għaddej lill-unitajiet domestiċi u d-ditti l-aktar vulnerabbli għaż-żidiet fil-prezzijiet tal-enerġija u għan-nies li qed jaħarbu mill-Ukrajna. Il-Finlandja ngħatat rakkomandazzjoni li għandha tkun lesta li taġġusta l-infiq attwali għas-sitwazzjoni li qed tevolvi. Il-Finlandja ngħatat ukoll rakkomandazzjoni li għandha tespandi l-investiment pubbliku għat-tranżizzjoni ekoloġika u dik diġitali, u għas-sigurtà tal-enerġija filwaqt li tqis l-inizjattiva REPowerEU, inkluż billi tuża l-Faċilità u fondi oħra tal-Unjoni. Fl-2023, skont l-estimi tal-Kummissjoni, il-pożizzjoni fiskali (15) kienet espansjonarja, b'0,9 % tal-PDG, f'kuntest ta' inflazzjoni għolja. It-tkabbir fin-nefqa kurrenti primarja ffinanzjata fil-livell nazzjonali (netta minn miżuri diskrezzjonali relatati mad-dħul) fl-2023 ipprovda kontribuzzjoni espansjonarja ta' 0,8 % tal-PDG għall-pożizzjoni fiskali. Dan jinkludi ż-żieda ta' 0,2 % tal-PDG fil-kost tal-offerta ta' protezzjoni temporanja lill-persuni spostati mill-Ukrajna. Il-kontribuzzjoni espansjonarja ta' nefqa kurrenti primarja netta ffinanzjata fuq livell nazzjonali fl-2023 għalhekk kienet biss parzjalment dovuta għall-persuni li qed jaħarbu mill-Ukrajna. It-tkabbir espansjonarju fin-nefqa kurrenti primarja ffinanzjata fil-livell nazzjonali (netta minn miżuri diskrezzjonali relatati mad-dħul) kien immotivat ukoll għal żieda persistenti u rapida fil-prezzijiet u fil-kostijiet – speċjalment ta' servizzi mixtrija u spejjeż tal-persunal fil-gvern lokali – kif ukoll għal żieda fi spejjeż relatati mat-tħejjija li nħolqu b'rispons għall-gwerra ta' aggressjoni tar-Russja kontra l-Ukrajna. Kumplessivament, it-tkabbir tan-nefqa kurrenti primarja ffinanzjata fil-livell nazzjonali fl-2023 ma kienx konformi mar-Rakkomandazzjoni tal-Kunsill tat-12 ta' Lulju 2022. In-nefqa ffinanzjata minn għotjiet fl-ambitu tal-Faċilità u fondi oħra tal-Unjoni ammontat għal 0,4 % tal-PDG fl-2023. L-investiment iffinanzjat fil-livell nazzjonali ammonta għal 4,0 % tal-PDG fl-2023, li jirrappreżenta tnaqqis ta' 0,2 punti perċentwali meta mqabbel mal-2022. Il-Finlandja ffinanzjat investiment addizzjonali permezz tal-Faċilità u ta' fondi oħra tal-Unjoni. Il-Finlandja ffinanzjat l-investiment pubbliku għat-tranżizzjoni ekoloġika u dik diġitali u għas-sigurtà tal-enerġija, bħall-infrastruttura tal-enerġija rinnovabbli u l-idroġenu b'emissjonijiet baxxi. Dak l-investiment pubbliku huwa parzjalment iffinanzjat mill-Faċilità u minn fondi oħra tal-Unjoni. |
|
(12) |
Fil-Programm ta' Stabbiltà 2024, ix-xenarju makroekonomiku li jirfed il-projezzjonijiet baġitarji jipprojetta tkabbir tal-PDG reali ta' 0 % fl-2024 u 1,6 % fl-2025, filwaqt li jipprojetta inflazzjoni mkejla skont l-indiċi armonizzat tal-prezzijiet għall-konsumatur (HICP) ta' 1,3 % fl-2024 u 1,9 % fl-2025. Id-defiċit tal-gvern estiż huwa mistenni li jiżdied għal 3,4 % tal-PDG fl-2024 u jonqos għal 2,7 % tal-PDG fl-2025, filwaqt li l-proporzjon tad-dejn tal-gvern estiż għall-PDG huwa mistenni li jiżdied għal 80,8 % sa tmiem l-2024 u 82,3 % sa tmiem l-2025. Wara l-2025 id-defiċit tal-gvern estiż huwa pprojettat li jonqos għal 1,9 % tal-PDG fl-2026. Għaldaqstant, id-defiċit tal-gvern estiż huwa ppjanat li jinżel taħt il-valur referenzjarju ta' 3 % tal-PDG skont it-Trattat fl-2025. Min-naħa tiegħu, wara l-2025, il-proporzjon tad-dejn tal-gvern estiż huwa pprojettat li jiżdied gradwalment għal 82,4 % fl-2026. |
|
(13) |
It-tbassir tar-rebbiegħa 2024 tal-Kummissjoni jipprojetta li l-PDG reali jikber b'0,0 % fl-2024 u 1,4 % fl-2025, u l-inflazzjoni imkejla skont l-HICP ser tkun ta' 1,4 % fl-2024 u 2,1 % fl-2025. |
|
(14) |
It-tbassir tar-rebbiegħa 2024 tal-Kummissjoni jipprojetta defiċit tal-gvern ta' 3,4 % tal-PDG fl-2024, filwaqt li l-proporzjon tad-dejn tal-gvern estiż għall-PDG huwa mistenni li jiżdied għal 80,5 % sa tmiem l-2024. Iż-żieda fid-defiċit fl-2024 tirrifletti prinċipalment tkabbir baxx fin-naħa tad-dħul, kemm f'termini ta' taxxi kif ukoll ta' kontribuzzjonijiet tas-sigurtà soċjali, u tirrifletti wkoll żidiet fin-nefqa, speċjalment fuq benefiċċji soċjali u pagi. Skont l-estimi tal-Kummissjoni, il-pożizzjoni fiskali hija pprojettata li tkun espansjonarja b'0,7 % tal-PDG fl-2024. |
|
(15) |
In-nefqa li tammonta għal 0,2 % tal-PDG hija mistennija li tiġi ffinanzjata minn appoġġ mhux ripagabbli (“għotjiet”) fl-ambitu tal-Faċilità fl-2024, meta mqabbla ma' 0,1 % tal-PDG fl-2023, skont it-tbassir tar-rebbiegħa 2024 tal-Kummissjoni. L-infiq iffinanzjat mill-għotjiet fl-ambitu tal-Faċilità ser jippermetti investiment ta' kwalità għolja u riformi li jtejbu l-produttività mingħajr ma jħalli impatt dirett fuq il-bilanċ jew id-dejn tal-gvern estiż tal-Finlandja. |
|
(16) |
Fl-14 ta' Lulju 2023, il-Kunsill irrakkomanda (16) li l-Finlandja tiżgura politika fiskali prudenti, b'mod partikolari billi tillimita ż-żieda nominali fin-nefqa primarja ffinanzjata fil-livell nazzjonali (17) fl-2024 għal mhux aktar minn 2,2 %. Meta jeżegwixxu l-baġits tagħhom għall-2023 u jħejju l-abbozzi tal-pjanijiet baġitarji tagħhom għall-2024, l-Istati Membri ġew mistiedna jqisu li l-Kummissjoni ser tipproponi lill-Kunsill il-ftuħ ta' proċeduri ta' defiċit eċċessiv ibbażati fuq id-defiċit abbażi tad-data tal-eżitu għall-2023. Skont it-tbassir tar-rebbiegħa 2024 tal-Kummissjoni, in-nefqa primarja netta ffinanzjata fil-livell nazzjonali tal-Finlandja hija pprojettata li tiżdied b'4,0 % fl-2024, li hija ogħla mir-rata massima ta' tkabbir rakkomandata. Dan l-infiq eċċessiv fuq ir-rata massima ta' tkabbir rakkomandata fin-nefqa primarja netta ffinanzjata fil-livell nazzjonali jikkorrispondi għal 0,9 % tal-PDG fl-2024. Hemm riskju li dan ma jkunx f'konformità ma' dak li kien irrakkomandat mill-Kunsill. |
|
(17) |
Barra minn hekk, il-Kunsill irrakkomanda li l-Finlandja tieħu azzjoni biex tnaqqas b'mod gradwali l-miżuri ta' appoġġ ta' emerġenza għall-enerġija fis-seħħ, u tuża l-iffrankar relatat biex tnaqqas id-defiċit tal-gvern, kemm jista' jkun malajr fl-2023 u fl-2024. Il-Kunsill irrakkomanda wkoll li, jekk iż-żidiet mill-ġdid fil-prezzijiet tal-enerġija jkunu jeħtieġu li jitkomplew il-miżuri ta' appoġġ jew li jkun hemm miżuri ġodda ta' appoġġ, il-Finlandja tiżgura li tali miżuri ta' appoġġ ikunu mmirati lejn il-protezzjoni tal-unitajiet domestiċi u d-ditti vulnerabbli, ikunu fiskalment affordabbli, u jippreservaw l-inċentivi għall-iffrankar tal-enerġija. Skont it-tbassir tar-rebbiegħa 2024 tal-Kummissjoni, il-kost baġitarju nett (18) tal-miżuri ta' appoġġ ta' emerġenza għall-enerġija huwa stmat li jkun 0,2 % tal-PDG fl-2023 u pprojettat li jkun 0,0 % tal-PDG fl-2024 u fl-2025. Jekk l-iffrankar relatat jintuża biex jitnaqqas id-defiċit tal-gvern, kif irrakkomandat mill-Kunsill, dawk il-projezzjonijiet jimplikaw aġġustament fiskali ta' 0,2 % tal-PDG fl-2024, filwaqt li n-nefqa primarja netta ffinanzjata fil-livell nazzjonali (19) tipprovdi kontribuzzjoni espansjonarja għall-pożizzjoni fiskali ta' 0,7 % tal-PDG f'dik is-sena. Il-miżuri ta' appoġġ ta' emerġenza għall-enerġija ġew eliminati gradwalment fl-2023 u l-2024. Dan huwa konformi ma' dak li ġie rrakkomandat mill-Kunsill. Madankollu, it-tfaddil relatat mhuwiex ipprojettat li jintuża kollu biex jitnaqqas id-defiċit tal-gvern. Hemm riskju li dan ma jkunx f'konformità mar-rakkomandazzjoni tal-Kunsill. |
|
(18) |
Barra minn hekk, il-Kunsill irrakkomanda wkoll li l-Finlandja tippreserva l-investiment pubbliku ffinanzjat fil-livell nazzjonali u tiżgura l-assorbiment effettiv tal-għotjiet fl-ambitu tal-Faċilità u ta' fondi oħra tal-Unjoni, b'mod partikolari biex trawwem it-tranżizzjoni ekoloġika u dik diġitali. Skont it-tbassir tar-rebbiegħa 2024 tal-Kummissjoni, l-investiment pubbliku ffinanzjat fil-livell nazzjonali huwa pprojettat li jiżdied minn 4,0 % tal-PDG fl-2023 għal 4,1 % tal-PDG fl-2024. Dan huwa konformi ma' dak li ġie rrakkomandat mill-Kunsill. Min-naħa tagħha, in-nefqa pubblika ffinanzjata mid-dħul mill-fondi tal-Unjoni, inkluż l-għotjiet fl-ambitu tal-Faċilità, hija mistennija tibqa' stabbli fil-livell ta' 0,4 % tal-PDG fl-2024. |
|
(19) |
Abbażi tal-miżuri ta' politika magħrufa fid-data limitu tat-tbassir, u ta' suppożizzjoni ta' ebda bidla fil-politika, it-tbassir tar-rebbiegħa 2024 tal-Kummissjoni jipprojetta defiċit tal-gvern ta' 2,8 % tal-PDG fl-2025. It-tnaqqis fid-defiċit fl-2025 jirrifletti prinċipalment iż-żieda fir-rata tal-VAT ġenerali kif ukoll tnaqqis fin-nefqa. Il-proporzjon tad-dejn tal-gvern estiż għall-PDG mistenni li jiżdied għal 82,4 % fi tmiem l-2025, wara tkabbir ekonomiku iktar bil-mod u nefqa fuq l-imgħax li qed tiżdied. |
|
(20) |
Għalkemm il-Finlandja għandha sistema ta' protezzjoni soċjali effettiva u inklużiva b'livell għoli ta' protezzjoni soċjali, dik is-sistema hija kumplessa u tista' toħloq diżinċentiv għax-xogħol. Fl-2020, kumitat parlamentari ddedikat ingħata l-kompitu li jfassal ir-riforma tas-sistema tas-sigurtà soċjali sal-2027. F'Marzu 2023, il-kumitat ippreżenta r-rapport interim tiegħu, li kien fih 31 proposta għal studji, abbozzi ta' leġiżlazzjoni u proġetti ta' żvilupp għal gvernijiet futuri. Ir-riforma għandha l-għan li tissimplifika s-sistema ta' protezzjoni soċjali u żżid l-inċentivi għax-xogħol, filwaqt li tippreserva l-protezzjoni soċjali effettiva u inklużiva u żżid ir-rata tal-impjieg. Ir-riforma tas-sistema tas-sigurtà soċjali mistennija ttejjeb is-sostenibbiltà fit-tul tal-finanzi pubbliċi. |
|
(21) |
F'konformità mal-Artikolu 19(3), il-punt (b), tar-Regolament (UE) 2021/241 u l-kriterju 2.2 tal-Anness V ta' dak ir-Regolament, il-pjan għall-irkupru u r-reżiljenza jinkludi sett estensiv ta' riformi u investimenti li jsaħħu lil xulxin li għandhom jiġu implimentati sal-2026. Dawk ir-riformi u l-investimenti huma mistennijin jgħinu biex jiġu indirizzati b'mod effettiv l-isfidi kollha jew subsett sinifikanti minnhom identifikati fir-rakkomandazzjonijiet speċifiċi għall-pajjiż rilevanti. F'dan il-perjodu ta' żmien strett, it-tkomplija rapida tal-implimentazzjoni effettiva tal-pjan għall-irkupru u r-reżiljenza, inkluż il-kapitolu REPowerEU, hija essenzjali biex tingħata spinta lill-kompetittività fit-tul tal-Finlandja permezz tat-tranżizzjoni ekoloġika u dik diġitali, filwaqt li tiġi żgurata l-ġustizzja soċjali. Biex twettaq l-impenji tal-pjan għall-irkupru u r-reżiljenza sa Awwissu 2026, huwa essenzjali li l-Finlandja tkompli timplimenta r-riformi u l-investimenti. B'mod partikolari huwa importanti li tkun żgurata s-sottomissjoni fil-ħin tat-tieni u tat-tielet talba għall-pagament. L-involviment sistematiku tal-awtoritajiet lokali u reġjonali, is-sħab soċjali, is-soċjetà ċivili u partijiet ikkonċernati rilevanti oħra jibqa' essenzjali sabiex tiġi żgurata responsabbiltà wiesgħa għall-implimentazzjoni b'suċċess tal-pjan għall-irkupru u r-reżiljenza. |
|
(22) |
Bħala parti mir-rieżami ta' nofs it-terminu tal-programmi tal-politika ta' koeżjoni, f'konformità mal-Artikolu 18 tar-Regolament (UE) 2021/1060 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill (20), il-Finlandja hija meħtieġa li tagħmel rieżami ta' kull programm appoġġat mill-Fond Ewropew għall-Iżvilupp Rurali (FEŻR), mill-Fond Soċjali Ewropew Plus (FSE+), mill-Fond ta' Koeżjoni u mill-Fond għal Tranżizzjoni Ġusta (JTF) sa Marzu 2025, billi tqis, fost affarijiet oħra, l-isfidi identifikati fir-rakkomandazzjonijiet speċifiċi għall-pajjiż tal-2024, kif ukoll il-pjan nazzjonali tagħha dwar l-enerġija u l-klima. Dak ir-rieżami jifforma l-bażi għall-allokazzjoni definittiva tal-finanzjament tal-Unjoni inkluża f'kull programm. Il-Finlandja għamlet progress fl-implimentazzjoni tal-programmi tal-politika ta' koeżjoni u l-Pilastru Ewropew tad-Drittijiet Soċjali, iżda għad fadal sfidi. B'mod partikolari, għad hemm disparitajiet bejn ir-reġjuni kapitali u l-bqija tal-Finlandja fir-rigward tal-PDG per capita u tal-produttività tax-xogħol. Hija kruċjali l-aċċellerazzjoni tal-programmi tal-politika ta' koeżjoni. Il-prijoritajiet maqbula fil-programmi tal-politika ta' koeżjoni għadhom rilevanti, b'mod partikolari għar-reġjun tat-Tramuntana, li huwa skarsament popolat, u r-reġjun tal-Lvant. Jenħtieġ li tingħata wkoll attenzjoni partikolari lit-tisħiħ tar-riċerka u l-iżvilupp u lill-innovazzjoni, lid-diġitalizzazzjoni u lill-kompetittività tal-intrapriżi żgħar u ta' daqs medju, biex titħaffef it-tranżizzjoni ekoloġika u dik ġusta. Barra minn hekk, jenħtieġ li l-enfasi jibqa' fuq l-indirizzar tan-nuqqas ta' ħaddiema u ħiliet, it-tisħiħ tal-inklużjoni soċjali u l-parteċipazzjoni attiva fis-suq tax-xogħol, partikolarment għal gruppi vulnerabbli, u fuq is-sostenn tal-miżuri ta' innovazzjoni soċjali u t-titjib tas-servizzi ta' protezzjoni tat-tfal. Il-Finlandja tista' tuża l-Pjattaforma tat-Teknoloġiji Strateġiċi għall-Ewropa, stabbilita mir-Regolament (UE) 2024/795 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill (21), biex issostni t-trasformazzjoni tal-industrija, pereżempju fl-oqsma tal-intelliġenza artifiċjali, taċ-ċibersigurtà u tar-robotika, tal-enerġija u tal-effiċjenza fir-riżorsi, u tat-teknoloġiji mediċi li huma vitali għas-sigurtà tas-saħħa. |
|
(23) |
Lil hinn mill-isfidi ekonomiċi u soċjali indirizzati mill-pjan għall-irkupru u r-reżiljenza u minn fondi oħrajn tal-Unjoni, il-Finlandja tiffaċċa diversi sfidi addizzjonali relatati man-nuqqas ta' ħaddiema u ħiliet, u mal-implimentazzjoni tar-riforma fis-servizzi soċjali u fil-kura tas-saħħa. |
|
(24) |
L-okkupazzjoni baqgħet fuq 78 % fl-2023, filwaqt li l-qgħad żdied minn 6,8 % fl-2022 għal 7,2 % fl-2023, u baqa' jippersisti l-qgħad strutturali. L-ispariġġ fil-ħiliet, jiġifieri li ma jkunx possibbli li pożizzjonijiet vakanti jimtlew b'ħaddiema li jkollhom il-ħaddiema mitlubin mill-impjegaturi, hu sfida, partikolarment fl-edukazzjoni, fil-kura tas-saħħa u fil-kura soċjali. Barra minn hekk, in-nuqqas ta' ħaddiema fl-oqsma rilevanti għat-tranżizzjoni ekoloġika jirriskja li jillimita l-progress biex tintlaħaq il-mira klimatika tal-Finlandja ta' newtralità karbonika sal-2035. In-nuqqas ta' ħaddiema u ta' ħiliet jhedded ukoll il-kompetittività tal-Finlandja u t-tkabbir fit-tul, u huma aggravati aktar minn tixjiħ tal-popolazzjoni. |
|
(25) |
Is-sehem ta' persuni fil-Finlandja li jirrapportaw ħtieġa mhux issodisfata għall-kura medika hu għoli. Ir-riforma li għaddejja tas-saħħa pubblika u tas-servizzi soċjali timmira li tiżgura aċċess ugwali għas-servizzi filwaqt li jiġu ristretti l-kostijiet li qed jiżdiedu għall-provvista ta' servizz. Ir-riforma amministrattiva tlestiet, imma l-kontej differenti ta' servizzi ta' benesseri jinsabu fi stadji varji ta' tħejjija f'termini ta' riorganizzazzjoni u ottimizzazzjoni tal-provvista tagħhom ta' servizzi. |
|
(26) |
Fid-dawl tal-interkonnessjonijiet mill-qrib bejn l-ekonomiji tal-Istati Membri taż-żona tal-euro u l-kontribuzzjoni kollettiva tagħhom għall-funzjonament tal-unjoni ekonomika u monetarja, fl-2024 il-Kunsill irrakkomanda li l-Istati Membri taż-żona tal-euro jieħdu azzjoni, inkluż permezz tal-pjanijiet tagħhom għall-irkupru u r-reżiljenza, biex jimplimentaw ir-Rakkomandazzjoni tal-2024 dwar iż-żona tal-euro. Fil-każ tal-Finlandja, ir-rakkomandazzjonijiet (1), (2) u (3) jgħinu fl-implimentazzjoni tal-ewwel, it-tieni u r-raba' rakkomandazzjoni stipulati fir-Rakkomandazzjoni tal-2024 dwar iż-żona tal-euro. |
B'DAN JIRRAKKOMANDA li l-Finlandja fl-2024 u fl-2025 tieħu azzjoni biex:
|
1. |
Tippreżenta l-pjan fiskali-strutturali fuq terminu medju f'waqtu. F'konformità mar-rekwiżiti tal-Patt ta' Stabbiltà u Tkabbir riformat, tillimita t-tkabbir fin-nefqa netta (22) fl-2025 għal rata konsistenti, fost oħrajn, mat-tqegħid tad-dejn tal-gvern estiż fuq trajettorja ta' tnaqqis plawżibbli fuq terminu medju u t-tnaqqis tad-defiċit tal-gvern estiż taħt il-valur referenzjarju ta' 3 % tal-PDG skont it-Trattat. Tkompli r-riforma tas-sistema tas-sigurtà soċjali sabiex tiżdied l-effiċjenza tas-sistema tal-benefiċċji soċjali, bil-ħsieb li jittejbu l-inċentivi għax-xogħol u jkun hemm appoġġ għas-sostenibbiltà fit-tul tal-finanzi pubbliċi. |
|
2. |
Tindirizza l-isfidi rilevanti biex tippermetti l-implimentazzjoni kontinwa, rapida u effettiva tal-pjan għall-irkupru u r-reżiljenza, inkluż tal-kapitolu REPowerEU, filwaqt li tiżgura t-tlestija tar-riformi u l-investimenti sa Awwissu 2026. Taċċellera l-implimentazzjoni tal-programmi tal-politika ta' koeżjoni. Fil-kuntest tar-rieżami ta' nofs it-terminu ta' dawk il-programmi, tkompli tiffoka fuq il-prijoritajiet maqbula, filwaqt li tqis l-opportunitajiet ipprovduti mill-inizjattiva tal-Pjattaforma tat-Teknoloġiji Strateġiċi għall-Ewropa biex titjieb il-kompetittività. |
|
3. |
Tindirizza n-nuqqas ta' ħaddiema u ta' ħiliet billi tħarreġ mill-ġdid u ttejjeb il-ħiliet tal-forza tax-xogħol u tkabbar l-offerta tal-edukazzjoni għolja, b'mod partikolari għall-oqsma ta' studju li l-aktar hemm domanda għalihom fis-suq tax-xogħol. Tiżgura li r-riforma tas-servizzi soċjali u tal-kura tas-saħħa ttejjeb l-aċċess għas-servizzi u l-provvista tagħhom, u tiġġieled l-ineffiċjenzi. |
Magħmul fil-Lussemburgu, il-21 ta’ Ottubru 2024.
Għall-Kunsill
Il-President
NAGY I.
(1) ĠU L 2024/1263, 30.4.2024, ELI: http://data.europa.eu/eli/reg/2024/1263/oj.
(2) Ir-Regolament (UE) 2021/241 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tat-12 ta' Frar 2021 li jistabbilixxi l-Faċilità għall-Irkupru u r-Reżiljenza (ĠU L 57, 18.2.2021, p. 17, ELI: http://data.europa.eu/eli/reg/2021/241/oj).
(3) Ir-Regolament (UE) 2023/435 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tas-27 ta' Frar 2023 li jemenda r-Regolament (UE) 2021/241 fir-rigward tal-kapitoli REPowerEU fil-pjanijiet għall-irkupru u r-reżiljenza u li jemenda r-Regolamenti (UE) Nru 1303/2013, (UE) 2021/1060 u (UE) 2021/1755, u d-Direttiva 2003/87/KE (ĠU L 63, 28.2.2023, p. 1, ELI: http://data.europa.eu/eli/reg/2023/435/oj).
(4) Ir-Regolament (UE) Nru 1176/2011 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tas-16 ta' Novembru 2011 dwar il-prevenzjoni u l-korrezzjoni tal-iżbilanċi makroekonomiċi (ĠU L 306, 23.11.2011, p. 25, ELI: http://data.europa.eu/eli/reg/2011/1176/oj).
(5) Ir-Rakkomandazzjoni tal-Kunsill tat-12 ta' April 2024 dwar il-politika ekonomika taż-żona tal-euro (ĠU C, C/2024/2807, 23.4.2024, ELI: http://data.europa.eu/eli/C/2024/2807/oj).
(6) Ir-Regolament tal-Kunsill (KE) Nru 1467/97 tas-7 ta' Lulju 1997 dwar li titħaffef u li tiġi ċċarata l-implimentazzjoni tal-proċedura ta' defiċit eċċessiv (ĠU L 209, 2.8.1997, p. 6, ELI: http://data.europa.eu/eli/reg/1997/1467/oj).
(7) Id-Direttiva tal-Kunsill 2011/85/UE tat-8 ta' Novembru 2011 dwar ir-rekwiżiti għal oqfsa baġitarji tal-Istati Membri (ĠU L 306, 23.11.2011, p. 41, ELI: http://data.europa.eu/eli/dir/2011/85/oj).
(8) Nefqa netta kif definita fl-Artikolu 2, il-punt (2) tar-Regolament (UE) 2024/1263: “nefqa netta” tfisser in-nefqa tal-gvern netta minn (i) in-nefqa fuq l-imgħax, (ii) il-miżuri diskrezzjonali relatati mad-dħul, (iii) in-nefqa fuq programmi tal-Unjoni ffinanzjati bis-sħiħ mid-dħul tal-fondi tal-Unjoni, (iv) in-nefqa nazzjonali fuq il-kofinanzjament ta' programmi ffinanzjati mill-Unjoni, (v) l-elementi ċikliċi tan-nefqa fuq il-benefiċċji tal-qgħad, u (vi) miżuri ta' darba u miżuri temporanji oħra.
(9) ST 12524/21; ST 12524/21 ADD 1.
(10) Id-Deċiżjoni ta' Implimentazzjoni tal-Kunsill tal-14 ta' Marzu 2023 li temenda d-Deċiżjoni ta' Implimentazzjoni tal-Kunsill tad-29 ta' Ottubru 2021 dwar l-approvazzjoni tal-valutazzjoni tal-pjan għall-irkupru u r-reżiljenza għall-Finlandja (ST 6991/23 INIT; ST 6991/23 ADD 1).
(11) Id-Deċiżjoni ta' Implimentazzjoni tal-Kunsill tat-8 ta' Diċembru 2023 li temenda d-Deċiżjoni ta' Implimentazzjoni tad-29 ta' Ottubru 2021 dwar l-approvazzjoni tal-valutazzjoni tal-pjan għall-irkupru u r-reżiljenza għall-Finlandja (ST 15836/23; ST 15836/23 ADD 1).
(12) Ir-Regolament tal-Kunsill (KE) Nru 1466/97 tas-7 ta' Lulju 1997 dwar it-tisħiħ tas-sorveljanza ta' pożizzjonijiet ta' budget u s-sorveljanza u l-koordinazzjoni ta' politika ekonomika (ĠU L 209, 2.8.1997, p. 1, ELI: http://data.europa.eu/eli/reg/1997/1466/oj).
(13) Ir-Rakkomandazzjoni tal-Kunsill tat-12 ta' Lulju 2022 dwar il-Programm Nazzjonali ta' Riforma tal-2022 tal-Finlandja u li tagħti opinjoni tal-Kunsill dwar il-Programm ta' Stabbiltà tal-2022 tal-Finlandja (ĠU C 334, 1.9.2022, p. 213).
(14) Skont it-tbassir tar-rebbiegħa 2024 tal-Kummissjoni, it-tkabbir tal-output potenzjali fuq terminu medju (medja ta' 10 snin) tal-Finlandja fl-2023 huwa stmat fil-livell ta' 2,7 % f'termini nominali, fuq il-bażi tar-rata ta' tkabbir potenzjali reali medja ta' 10 snin u d-deflatur tal-PDG tal-2023.
(15) Il-pożizzjoni fiskali hija definita bħala kejl tal-bidla annwali fil-pożizzjoni baġitarja sottostanti tal-gvern estiż. Hija għandha l-għan li tivvaluta l-impuls ekonomiku li jirriżulta mill-politiki fiskali, kemm dawk li huma ffinanzjati fil-livell nazzjonali kif ukoll dawk li huma ffinanzjati mill-baġit tal-Unjoni. Il-pożizzjoni fiskali titkejjel bħala d-differenza bejn (i) it-tkabbir potenzjali fuq terminu medju u (ii) il-bidla fin-nefqa primarja netta minn miżuri diskrezzjonali relatati mad-dħul (u bl-esklużjoni tal-miżuri ta' emerġenza temporanji relatati mal-kriżi tal-COVID-19) u bl-inklużjoni tan-nefqa ffinanzjata minn appoġġ mhux ripagabbli (għotjiet) fl-ambitu tal-Faċilità u fondi oħra tal-Unjoni. Sinjal negattiv tal-indikatur jindika politika fiskali espansjonarja filwaqt li sinjal pożittiv tal-indikatur jindika politika fiskali restrittiva.
(16) Ir-Rakkomandazzjoni tal-Kunsill tal-14 ta' Lulju 2023 dwar il-Programm Nazzjonali ta' Riforma tal-2023 tal-Finlandja u li tagħti opinjoni tal-Kunsill dwar il-Programm ta' Stabbiltà tal-2023 tal-Finlandja (ĠU C 312, 1.9.2023, p. 243).
(17) In-nefqa primarja netta hija definita bħala nefqa ffinanzjata fil-livell nazzjonali netta minn (i) miżuri diskrezzjonali relatati mad-dħul, (ii) nefqa fuq l-imgħax, (iii) nefqa ċiklika fuq il-qgħad, u (iv) miżuri ta' darba u miżuri temporanji oħra.
(18) Iċ-ċifra tirrappreżenta l-livell tal-kost baġitarju annwali ta' dawk il-miżuri, inkluż id-dħul u n-nefqa u, meta jkun applikabbli, nett mid-dħul mit-taxxi fuq il-profitti mhux mistennija tal-fornituri tal-enerġija.
(19) Din il-kontribuzzjoni titkejjel bħala l-bidla fin-nefqa primarja tal-gvern estiż, netta minn (i) l-impatt baġitarju inkrementali tal-miżuri diskrezzjonali relatati mad-dħul, (ii) il-miżuri ta' darba, (iii) in-nefqa fuq il-qgħad ċikliku u (iv) in-nefqa ffinanzjata minn appoġġ (għotjiet) mhux ripagabbli fl-ambitu tal-Faċilità u fondi oħra tal-Unjoni, meta mqabbla mar-rata ta' tkabbir tal-PDG nominali potenzjali fuq terminu medju (10 snin), espressa bħala proporzjon mal-PDG nominali.
(20) Ir-Regolament (UE) 2021/1060 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tal-24 ta' Ġunju 2021 li jistipula dispożizzjonijiet komuni dwar il-Fond Ewropew għall-Iżvilupp Reġjonali, il-Fond Soċjali Ewropew Plus, il-Fond ta' Koeżjoni, il-Fond għal Tranżizzjoni Ġusta u l-Fond Ewropew għall-Affarijiet Marittimi, is-Sajd u l-Akkwakultura u r-regoli finanzjarji għalihom u għall-Fond għall-Ażil, il-Migrazzjoni u l-Integrazzjoni, il-Fond għas-Sigurtà Interna u l-Istrument għall-Appoġġ Finanzjarju għall-Ġestjoni tal-Fruntieri u l-Politika dwar il-Viżi (ĠU L 231, 30.6.2021, p. 159, ELI: http://data.europa.eu/eli/reg/2021/1060/oj).
(21) Ir-Regolament (UE) 2024/795 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tad-29 ta' Frar 2024 li jistabbilixxi l-Pjattaforma tat-Teknoloġiji Strateġiċi għall-Ewropa (STEP), u li jemenda d-Direttiva 2003/87/KE u r-Regolamenti (UE) 2021/1058, (UE) 2021/1056, (UE) 2021/1057, (UE) 1303/2013, (UE) 223/2014, (UE) 2021/1060, (UE) 2021/523, (UE) 2021/695, (UE) 2021/697 u (UE) 2021/241 (ĠU L, 2024/795, 29.2.2024, ELI: http://data.europa.eu/eli/reg/2024/795/oj).
(22) Skont l-Artikolu 2, il-punt (2) tar-Regolament (UE) 2024/1263, “nefqa netta” tfisser in-nefqa tal-gvern, netta min-nefqa fuq l-imgħax, mill-miżuri diskrezzjonali relatati mad-dħul, min-nefqa fuq programmi tal-Unjoni ffinanzjati bis-sħiħ mid-dħul tal-fondi tal-Unjoni, min-nefqa nazzjonali fuq il-kofinanzjament ta' programmi ffinanzjati mill-Unjoni, mill-elementi ċikliċi tan-nefqa fuq il-benefiċċji tal-qgħad, u minn miżuri ta' darba u miżuri temporanji oħra.
ELI: http://data.europa.eu/eli/C/2024/6833/oj
ISSN 1977-0987 (electronic edition)