SENTENZA TAL-QORTI TAL-ĠUSTIZZJA (It-Tielet Awla)
1 ta’ Marzu 2012 ( *1 )
“Tqegħid fis-suq ta’ prodotti bijoċidali — Direttiva 98/8/KE — Artikolu 2(1)(a) — Kunċett ta’ ‘prodotti bijoċidali’ — Prodott li jikkawża l-flokkulazzjoni ta’ organiżmi ta’ ħsara, mingħajr ma jeqridhom, igerrixhom jew jirrendihom bla kapaċità li jagħmlu ħsara”
Fil-Kawża C-420/10,
li għandha bħala suġġett talba għal deċiżjoni preliminari skont l-Artikolu 267 TFUE, imressqa mil-Landgericht Hamburg (il-Ġermanja), permezz ta’ deċiżjoni tat-3 ta’ Awwissu 2010, li waslet fil-Qorti tal-Ġustizzja fit-23 ta’ Awwissu 2010, fil-proċedura
Söll GmbH
vs
Tetra GmbH,
IL-QORTI TAL-ĠUSTIZZJA (It-Tielet Awla),
komposta minn K. Lenaerts, President tal-Awla, E. Juhász, G. Arestis, T. von Danwitz u D. Šváby (Relatur), Imħallfin,
Avukat Ġenerali: N. Jääskinen,
Reġistratur: B. Fülöp, Amministratur,
wara li rat il-proċedura bil-miktub u wara s-seduta tat-22 ta’ Ġunju 2011,
wara li kkunsidrat l-osservazzjonijiet ippreżentati:
|
— |
għal Söll GmbH, minn P. Süss u R. Schlötter, avukati, |
|
— |
għal Tetra GmbH, minn K. Albers, avukat, |
|
— |
għall-Gvern Belġjan, minn T. Materne u M. Jacobs, bħala aġenti, |
|
— |
għall-Kummissjoni Ewropea, minn G. Wilms u E. Manhaeve, bħala aġenti, |
wara li semgħet il-konklużjonijiet tal-Avukat Ġenerali, ippreżentati fis-seduta tas-27 ta’ Ottubru 2011,
tagħti l-preżenti
Sentenza
|
1 |
It-talba għal deċiżjoni preliminari tikkonċerna l-interpretazzjoni tal-Artikolu 2(1)(a) tad-Direttiva 98/8/KE tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill, tas-16 ta’ Frar 1998, dwar it-tqegħid fis-suq tal-prodotti bijoċidali (ĠU Edizzjoni Speċjali bil-Malti, Kapitolu 3, Vol. 23, p. 3). |
|
2 |
Din it-talba tressqet fil-kuntest ta’ kawża bejn Söll GmbH u Tetra GmbH dwar il-kummerċjalizzazzjoni, minn din tal-aħħar, tal-prodott kontra l-alka bl-isem TetraPond AlgoRem, li s-sustanza attiva tiegħu hija l-idrossiklorur tal-aluminju. |
Il-kuntest ġuridiku
Id-dritt tal-Unjoni
Id-Direttiva 98/8
|
3 |
Il-premessa 4 tad-Direttiva 98/8 tipprovdi: “Billi r-reviżjoni tal-Kummisjoni wriet differenzi fis-sitwazzjoni regolatorja fl-Istati Membri; billi dawn id-differenzi jistgħu jikkonstitwixxu ostakoli mhux biss għall-kummerċ fil-prodotti bijoċidali imma fil-kummerċ tal-prodotti ttrattati bihom hekk illi b’hekk jiġi affettwat il-funzjonament tas-suq intern; billi, għalhekk, il-Kummisjoni pproponiet l-iżvilupp ta’ qafas ta’ regoli li għandhom x’jaqsmu mat-tqegħid fis-suq sabiex jintużaw il-prodotti bijoċidali, billi tieħu bħala kondizzjoni livell għoli ta’ protezzjoni għall-bniedem, l-annimali u l-ambjent; [...]” |
|
4 |
L-Artikolu 2(1)(a) u l-Artikolu 2(1)(d) ta’ din id-direttiva jipprovdu: “Għall-iskopijiet ta’ din id-Direttiva għandhom japplikaw id-definizzjonijiet li ġejjin:
[…]
|
|
5 |
L-Artikolu 3(1) tad-direttiva msemmija huwa fformulat kif ġej: “1. L-Istati Membri għandhom jistabbilixxu illi prodott bijoċidali ma għandux jitqiegħed fis-suq u jiġi wżat fit-territorju tagħhom għajr jekk ikun ġie awtorizzat skond din id-Direttiva.” |
|
6 |
L-Anness V tad-Direttiva 98/8, intitolat “It-tipi tal-prodotti bijoċidali u d-deskrizzjonijiet tagħhom kif riferiti fl-Artikolu 2(1)(a) ta’ din id-direttiva”, jipprovdi dan li ġej: “Dawn it-tipi ta’ prodott jeskludu l-prodotti meta [li] jkunu koperti bid-Direttivi riferiti fl-Artikolu 1(2) ta’ din id-Direttiva [98/8] [...] u tal-modifiki sossegwenti tagħhom [meta jkunu intiżi għal użu ddefinit taħt dawn id-direttivi]. Il-grupp prinċipali 1: Id-diżinfettanti u l-prodotti bijoċidali b’mod ġenerali [...] It-tip ta’ prodott 2: Id-diżinfettanti taż-żona privata u taż-żona tas-saħħa pubblika [diżinfettanti użati fil-qasam privat u fil-qasam tas-saħħa pubblika] u prodotti bijoċidali oħra Il-prodotti wżati għad-diżinfettazzjoni ta’ l-arja, ta’ l-uċuh, tal-materjali, tat-tagħmir u tal-għamara li mhumiex użati għall-kuntatt dirett ma’ l-ikel jew il-għalf fiż-żoni privati, pubbliċi jew industrijali, inklużi l-isptarijiet, kif ukoll il-prodotti wżati bħala algaċidi. Iż-żoni ta’ l-użu jinkludu, fost ħwejjeġ oħra, pixxini tal-għawm, akwarji, ilma tajjeb għall-għawm u ilmijiet oħra; sistemi ta’ l-arja kkondizzjonata; ħitan u artijiet f’istituzzjonijiet tas-saħħa u istituzzjonijiet oħra; toilets kimiċi, ilma maħmuġ, skart ta’ l-isptarijiet, ħamrija jew substrati oħra (fil-playgrounds).” |
|
7 |
Skont l-Artikolu 16(2) tad-Direttiva 98/8, il-Kummissjoni kienet obbligata timplementa programm ta’ ħidma, fuq żewġ fażijiet, sabiex twettaq evalwazzjoni sistematika tas-sustanzi attivi kollha tal-prodotti bijoċidali li diġà kienu jinsabu fis-suq fl-14 ta’ Mejju 2000 (iktar ’il quddiem is-“sustanzi attivi eżistenti”). |
|
8 |
L-ewwel fażi ta’ dan il-programm, implementata permezz tar-Regolament tal-Kummissjoni (KE) Nru 1896/2000, tas-7 ta’ Settembru 2000, fuq l-ewwel fażi tal-programm rigward prodotti bijoċidali msemmi fl-Artikolu 16(2) tad-Direttiva 98/8 (ĠU Edizzjoni Speċjali bil-Malti, Kapitolu 3, Vol. 30, p. 266), kienet intiża sabiex isir inventarju tas-sustanzi attivi eżistenti u sabiex jiġu identifikati dawk is-sustanzi li kellhom jiġu evalwati sabiex eventwalment jiġu inklużi fi tlieta mill-annessi tad-Direttiva 98/8, jiġifieri l-Anness I, intitolat “Il-lista tas-sustanzi attivi bi ħtiġiet miftiehma fil-livell Komunitarju li għandhom jiġu inklużi fil-prodotti bijoċidali”, l-Anness IA, intitolat “Il-Lista tas-sustanzi attivi bi ħtiġiet miftiehma fil-livell Komunitarju li għandhom jiġu inklużi fil-prodotti bijoċidali ta’ riskju baxx”, u l-Anness IB, intitolat “Il-Lista tas-sustanzi bażiċi bi ħtiġijiet [m]iftiehma fil-livell Komunitarju”. Għal dan il-għan, ir-Regolament Nru 1896/2000 jippreċiża l-modalitajiet li permezz tagħhom il-prodotturi, il-formulaturi u l-assoċjazzjonijiet, kif ukoll l-Istati Membri, għandhom jinformaw lill-Kummissjoni dwar ix-xewqa tagħhom li tali sustanzi attivi eżistenti jiġu inklużi f’wieħed mill-annessi msemmija tad-Direttiva 98/8. |
|
9 |
It-tieni fażi tal-programm imsemmi, implementata permezz tar-Regolament tal-Kummissjoni (KE) Nru 2032/2003, tal-4 ta’ Novembru 2003, dwar it-tieni fażi tal-programm ta’ ħidma ta’ għaxar snin imsemmi fl-Artikolu 16(2) tad-Direttiva 98/8 u li jemenda r-Regolament Nru 1896/2000 (ĠU Edizzjoni Speċjali bil-Malti, Kapitolu 3, Vol. 41, p. 92), sussegwentement issostitwit bir-Regolament tal-Kummissjoni (KE) Nru 1451/2007, tal-4 ta’ Diċembru 2007, dwar it-tieni fażi tal-programm ta’ ħidma ta’ 10 snin imsemmi fl-Artikolu 16(2) tad-Direttiva 98/8 (ĠU L 325, p. 3), wasslet għall-inklużjoni, fl-Anness I tar-Regolament Nru 2032/2003, tal-lista tas-sustanzi attivi eżistenti li kellhom ikunu s-suġġett ta’ evalwazzjoni u għall-evalwazzjoni progressiva ta’ dawn tal-aħħar. |
Ir-Regolament Nru 1896/2000
|
10 |
L-Artikolu 3 tar-Regolament Nru 1896/2000, intitolat “Identifikazzjoni tas-sustanzi attivi eżistenti”, jipprovdi, fil-paragrafu 1 tiegħu: “Kull produttur ta’ sustanza attiva eżistenti mpoġġi [imqiegħda] fis-suq għall-użu ta’ [fi] prodotti bijoċidali għandu jidentifika li [din is-]sustanza attiva billi jissottometti lill-Kummissjoni l-informazzjoni fuq is-sustanza attiva li ssir riferenza għaliha fl-Anness I li għandha tkun riċevuta mhux iktar tard minn 18-il xahar wara li dan ir-Regolament jidħol fis-seħħ. Din il-ħtieġa m’għandix tapplika mas-sustanzi attivi eżistenti li m’għadhomx iżjed fis-suq wara t-13 ta’ Mejju 2000 jew bħala tali jew fi prodotti bijoċidali. [...]” |
|
11 |
L-Artikolu 4 ta’ dan ir-regolament, intitolat “Notifikazzjoni ta’ sustanzi attivi eżistenti”, jipprovdi, fil-paragrafu 1 tiegħu: “Produtturi, formulaturi u assoċjazzjonijiet li jixtiequ japplikaw għall-inklużjoni fl-Anness I jew l-Anness IA lid-Direttiva [98/8] tas-sustanza attiva eżistenti f’wieħed jew iżjed tipi ta’ prodott għandhom jinnotifikaw dik is-sustanza attiva lill-Kummissjoni billi jissottomettu informazzjoni li ssir riferenza għaliha fl-Anness II lir-Regolament li għandu jasal [li għandha tasal] mhux iktar tard minn 18-il xahar wara dan ir-Regolament jidħol fis-seħħ. [...]” |
Ir-Regolament Nru 1451/2007
|
12 |
L-Artikolu 3 tar-Regolament Nru 1451/2007, intitolat “Sustanzi attivi eżistenti”, jipprovdi, fil-paragrafi 1 u 2 tiegħu: “1. Il-lista ta’ sustanzi attivi identifikati bħala disponibbli fis-suq qabel l-14 ta’ Mejju 2000 [u] bħala sustanzi attivi ta’ prodotti bijoċidali għal skopijiet għajr dawk imsemmija fl-Artikolu 2(2)(ċ) u (d) tad-Direttiva [98/8] hija stabbilita fl-Anness I. 2. Il-lista eżawrjenti tas-sustanzi attivi eżistenti li jridu jiġu eżaminati skond il-programm ta’ reviżjoni hija stabbilita fl-Anness II.” |
|
13 |
L-Artikolu 4 ta’ dan ir-regolament, intitolat “Nuqqas ta’ inklużjoni”, jipprovdi, fil-paragrafu 1 tiegħu: “Bla ħsara għall-Artikoli 5 u 6 ta’ dan ir-Regolament u l-paragrafu 2 ta’ dan l-Artikolu, il-prodotti bijoċidali li jkun fihom sustanzi attivi mhux elenkati f-Anness II ta’ dan ir-Regolament jew fl-Anness I jew IA tad-Direttiva [98/8] m’għandhomx jibqgħu jitqiegħdu fis-suq. Fil-każ ta’ sustanza attiva elenkata fl-Anness II ta’ dan ir-Regolament, l-ewwel subparagrafu għandu japplika wkoll għal dik is-sustanza li tkun relatata ma’ kull tip ta’ prodott mhux elenkat f’dak l-Anness.” |
Id-dritt nazzjonali
|
14 |
Id-Direttiva 98/8 ġiet trasposta fid-dritt Ġermaniż permezz tal-Liġi dwar il-bijoċidi (Biozidgesetz), tal-20 ta’ Ġunju 2002 (BGB1. 2002 I, p. 2076), u ġiet implementata permezz tal-Liġi dwar il-prodotti kimiċi (Chemikaliengesetz), tat-2 ta’ Lulju 2008 (BGB1. 2008 I, p. 1146), kif emendata bil-Liġi tal-11 ta’ Awwissu 2010 (BGB1. 2010 I, p. 1163, iktar ’il quddiem il-“ChemG”). |
|
15 |
Id-definizzjoni ta’ prodotti bijoċidali mogħtija fl-Artikolu 2(1)(a) tad-Direttiva 98/8 ġiet trasposta, fid-dritt Ġermaniż, fl-Artikolu 3b(1)(1) tal-ChemG. |
|
16 |
Il-qorti tar-rinviju tikkonstata li hija għandha tibbaża ruħha fuq l-interpretazzjoni tal-Artikolu 2(1)(a) tad-Direttiva 98/8 għall-finijiet tal-interpretazzjoni tal-Artikolu 3b(1)(1) tal-ChemG. |
Il-kawża prinċipali u d-domandi preliminari
|
17 |
Il-partijiet fil-kawża prinċipali huma impriżi kompetituri fil-kummerċjalizazzjoni ta’ prodotti kontra l-alka intiżi sabiex jintużaw fil-vaski, b’mod partikolari fil-vaski artifiċjali fil-ġonna, fil-pixxini naturali u fil-pixxini intiżi għall-għawm. |
|
18 |
Tetra GmbH tikkummerċjalizza fil-Ġermanja prodott kontra l-alka bl-isem TetraPond AlgoRem li jinkludi l-idrossiklorur tal-aluminju. Meta jitħallat mal-ilma, dan il-prodott, idrossi tal-aluminju polikatjoniku li jinħall, jifforma, bi proċess ta’ idroliżi, depożitu kompost minn idrossi ta’ aluminju, liema depożitu ma jinħallx, u għalhekk huwa kimikament u bijoloġikament inattiv, u għandu forma ta’ xibka li tippermetti li l-alka li tkun fl-ilma tinġabar flimkien, proċess imsejjaħ “flokkulazzjoni”, b’mod mekkaniku u fiżiku, imsejjaħ “agglutinazzjoni”. |
|
19 |
Skont il-qorti tar-rinviju, l-idrossiklorur tal-aluminju kien identifikat bħala “sustanza attiva eżistenti” fis-sens tal-Artikolu 3 tar-Regolament Nru 1896/2000 u ġie inkluż fl-Anness I tar-Regolament Nru 1451/2007. Għall-kuntrarju, peress li ma kinitx innotifikata skont l-Artikolu 4 tar-Regolament Nru 1896/2000, din is-sustanza attiva ma kinitx inkluża fl-Anness II tar-Regolament Nru 1451/2007 u għalhekk tilfet il-kapaċità tagħha li tkun ikkummerċjalizzata bħala sustanza attiva bijoċidali, skont l-Artikolu 4(1) ta’ dan ir-regolament tal-aħħar. |
|
20 |
Fil-kuntest ta’ azzjoni dwar kompetizzjoni żleali mressqa quddiem il-Landgericht Hamburg, Söll GmbH issostni li, skont l-Artikolu 4(1) tar-Regolament Nru 1451/2007, il-prodott inkwistjoni ma jistax jitqiegħed fis-suq. |
|
21 |
Għall-kuntrarju, Tetra GmbH issostni li l-prodott ikkummerċjalizzat minnha ma jistax jiġi kklassifikat bħala prodott bijoċidali fis-sens tad-Direttiva 98/8 sa fejn, għalkemm huwa minnu li meta l-prodott jitħallat mal-ilma tal-vaska jkun hemm reazzjoni kimika ta’ idroliżi, dan madankollu ma jkollu ebda effett kimiku fuq l-alka, liema alka sempliċement tifflokkulizza mingħajr ma tkun meqruda, imgerrxa, reża bla kapaċità li tagħmel ħsara jew miġġielda b’xi mod ieħor. Għall-kuntrarju, skont din il-kumpannija, l-alka tibqa’ tgħix f’din il-vaska u tkompli bil-fotosinteżi normali tagħha. Sakemm l-alka ma tinħariġx mill-ilma b’mod mekkaniku, hija tibqa’ tgħix fil-vaska. |
|
22 |
Fid-dawl ta’ dawn l-elementi u filwaqt li indikat li kienet qiegħda xxaqleb favur l-interpretazzjoni proposta mill-konvenuta fil-kawża prinċipali, il-Landgericht Hamburg iddeċidiet li tissospendi l-proċeduri quddiemha u li tagħmel id-domandi preliminari segwenti lill-Qorti tal-Ġustizzja:
|
Fuq id-domandi preliminari
|
23 |
Permezz taż-żewġ domandi tagħha, li għandhom jiġu eżaminati flimkien, il-qorti tar-rinviju qiegħda essenzjalment tistaqsi jekk il-kunċett ta’ “prodotti bijoċidali” li jinsab fl-Artikolu 2(1)(a) tad-Direttiva 98/8 għandux jiġi interpretat fis-sens li jkopri l-prodotti li jkun fihom sustanzi attivi li, minħabba l-mod speċifiku tal-azzjoni tagħhom, ikunu intiżi li jaġixxu, b’mod kimiku jew bijoloġiku, fuq l-organiżmi ta’ ħsara li jkunu fil-mira ta’ dawn il-prodotti b’mod indirett biss u, jekk ikun il-każ, liema huma r-rekwiżiti li għalihom għandha tkun suġġetta tali azzjoni. |
|
24 |
Preliminarjament, għandu jiġi osservat li l-ewwel subparagrafu tal-Artikolu 2(1)(a) tad-Direttiva 98/8 jistabbilixxi d-definizzjoni tal-prodotti bijoċidali fuq il-bażi ta’ tliet elementi kumulattivi. Din id-dispożizzjoni tippreċiża, l-ewwel nett, li dawn il-prodotti għandu jkollhom “sustanza attiva” kif iddefinita fl-Artikolu 2(1)(d) ta’ din id-direttiva. It-tieni nett, l-istess dispożizzjoni tidentifika l-għanijiet ta’ tali prodotti billi tirreferi, b’mod partikolari, għal lista eżawrjenti, li tinsab fl-Anness V tad-Direttiva 98/8, tad-diversi tipi ta’ prodotti bijoċidali. Fl-aħħar nett, din id-dispożizzjoni tipprovdi li l-metodu ta’ azzjoni tal-prodotti msemmija għandu jkun jew kimiku jew bijoloġiku. |
|
25 |
Fir-rigward, b’mod iktar partikolari, tat-tieni element ta’ din id-definizzjoni, li huwa s-suġġett ta’ din it-talba għal deċiżjoni preliminari, l-ewwel subparagrafu tal-Artikolu 2(1)(a) tad-Direttiva 98/8 jipprovdi li tali prodotti għandhom ikunu “maħsuba sabiex jeqirdu, igerrxu, jirrendu bla ħsara, jipprevjienu l-azzjoni, jew jeżerċitaw xorta oħra kontroll effettiv fuq kull organiżmu ta’ perikolu”. F’dan ir-rigward, għandu jingħad li, kif osserva l-Avukat Ġenerali fil-punt 31 tal-konklużjonijiet tiegħu, hemm ċerta diskrepanza bejn id-diversi verżjonijiet lingwistiċi ta’ din id-dispożizzjoni. F’dan is-sens, uħud minn dawn il-verżjonijiet, b’mod partikolari bil-Ġermaniż, bil-Franċiż u bl-Olandiż, jissuġġerixxu li l-prodotti bijoċidali għandhom ikunu maħsuba sabiex ikollhom azzjoni diretta fuq l-organiżmi ta’ ħsara li jkunu fil-mira ta’ dawn il-prodotti. Għall-kuntrarju, verżjonijiet oħra, b’mod partikolari bl-Ingliż, bl-Ispanjol u bit-Taljan, jirreferu wkoll, f’termini iktar wiesgħa, għal effett ta’ kontroll ta’ dawn l-organiżmi permezz tal-prodotti bijoċidali. |
|
26 |
Skont ġurisprudenza stabbilita, fil-każ ta’ diskrepanza bejn id-diversi verżjonijiet lingwistiċi ta’ test tal-Unjoni, id-dispożizzjoni inkwistjoni għandha tiġi interpretata fid-dawl, b’mod partikolari, tal-istruttura ġenerali u tal-għan tal-leġiżlazzjoni li din id-dispożizzjoni tagħmel parti minnha (ara s-sentenza tas-16 ta’ Ġunju 2011, Laki, C-351/10, Ġabra p. I-5495, punt 39 u l-ġurisprudenza ċċitata). |
|
27 |
F’dan id-dawl, mill-premessa 4 tad-Direttiva 98/8 jirriżulta li l-kuntest leġiżlattiv dwar it-tqegħid fis-suq ta’ prodotti bijoċidali jikkunsidra “bħala kondizzjoni livell għoli ta’ protezzjoni għall-bniedem, l-annimali u l-ambjent”. Issa, tali livell ta’ protezzjoni jista’ jkun ippreġudikat serjament jekk il-klassifikazzjoni ta’ prodotti bijoċidali tiġi rriżervata esklużivament għall-prodotti li jkun fihom sustanza attiva jew iktar u li jeżerċitaw azzjoni kimika jew bijoloġika diretta fuq l-organiżmi ta’ ħsara li jkunu fil-mira ta’ dawn il-prodotti u jekk din il-klassifikazzjoni tkun eskluża fir-rigward tal-prodotti li, għalkemm ikollhom xorta waħda sustanza attiva jew iktar, jeżerċitaw l-azzjoni kimika jew bijoloġika tagħhom fuq l-organiżmi msemmija b’mod indirett biss. Fil-fatt, hija l-preżenza nfisha tas-sustanza attiva bħala tali, fi prodott bħal dak inkwistjoni fil-kawża prinċipali, li tista’ tkun ta’ perikolu għall-ambjent, irrispettivament mill-kwistjoni jekk din is-sustanza taġixxix b’mod dirett jew indirett fuq l-organiżmi li jkunu fil-mira tal-prodott inkwistjoni. |
|
28 |
Barra minn hekk, mil-lista tal-għanijiet tal-prodotti bijoċidali li tinsab fl-ewwel subparagrafu tal-Artikolu 2(1)(a) tad-Direttiva 98/8 jirriżulta li l-leġiżlatur tal-Unjoni kellu l-intenzjoni jkopri l-prodotti kollha li jkun fihom sustanza attiva jew iktar u li jaġixxu b’mod kimiku jew bijoloġiku meta dawn ikunu maħsuba li jipproduċu effett detrimentali fuq l-organiżmi ta’ ħsara li jkunu fil-mira ta’ dawn il-prodotti. Mill-klassifikazzjoni fi gradi, fid-deskrizzjoni tal-għanijiet ta’ tali prodotti, magħmula f’din id-dispożizzjoni, li jvarjaw mill-qerda tal-organiżmi ta’ ħsara sal-prevenzjoni kontrihom, u, iktar minn hekk, mill-fatt li din id-dispożizzjoni tirreferi, fl-aħħar lok, għall-prodotti li jaġixxu “xorta oħra” fuq dawn l-organiżmi ta’ ħsara, jirriżulta li tali effett tal-prodott imsemmi, anki jekk limitat għall-possibbiltà li jiġi eżerċitat kontroll aħjar fuq l-organiżmi ta’ ħsara li jkunu fil-mira ta’ dawn il-prodotti jew għat-tħaffif tal-eliminazzjoni tagħhom, huwa biżżejjed. Tali interpretazzjoni tal-kunċett ta’ “prodotti bijoċidali” tirriżulta wkoll mill-kunċett ta’ “sustanza attiva”, kif iddefinit fl-Artikolu 2(1)(d) tad-Direttiva 98/8. |
|
29 |
Fir-rigward ta’ prodott kontra l-alka bħal dak inkwistjoni fil-kawża prinċipali, għandu jiġi osservat, fid-dawl tal-indikazzjonijiet li jinsabu fil-proċess, li, minn naħa, fil-mument li dan il-prodott jitħallat mal-ilma, ikun hemm azzjoni kimika, jiġifieri idroliżi. Min-naħa l-oħra, din l-idroliżi twassal sabiex tinħoloq tip ta’ xibka maħsuba sabiex, fit-tieni stadju, l-alka tinġabar flimkien fil-wicc tal-ilma permezz ta’ azzjoni mekkanika u fiżika, imsejħa flokkulazzjoni, sabiex b’hekk l-alka tkun tista’ titneħħa mill-ilma. B’hekk, għalkemm huwa minnu li l-azzjoni kimika tas-sustanza attiva inkwistjoni fil-kawża prinċipali ma tattakkax direttament l-alka, xorta jibqa’ l-fatt li din l-azzjoni tikkontribbwixxi għat-tneħħija tagħha mill-ilma. |
|
30 |
Fid-dawl tar-relazzjoni mill-qrib li teżisti bejn l-azzjoni kimika u l-effetti tagħha li jippermettu li jiġi eżerċitat kontroll aħjar fuq l-organiżmi ta’ ħsara fil-mira ta’ din l-azzjoni, prodott bħal dak inkwistjoni fil-kawża prinċipali għandu jiġi kkunsidrat li huwa maħsub sabiex jaġixxi b’mod kimiku fuq l-organiżmi msemmija. |
|
31 |
Fid-dawl tal-kunsiderazzjonijiet preċedenti, ir-risposta li għandha tingħata għad-domandi magħmula hija li l-kunċett ta’ “prodotti bijoċidali” li jinsab fl-Artikolu 2(1)(a) tad-Direttiva 98/8 għandu jiġi interpretat fis-sens li jkopri anki l-prodotti li jaġixxu biss b’mod indirett fuq l-organiżmi ta’ ħsara li jkunu fil-mira tagħhom meta dawn il-prodotti jkun fihom sustanza attiva jew iktar li toħloq azzjoni, kimika jew bijoloġika, li tagħmel parti integrali minn sensiela ta’ azzjonijiet b’rabta kawżali bejniethom li l-għan tagħhom ikun li jiġi prodott effett detrimentali fir-rigward tal-organiżmi msemmija. |
Fuq l-ispejjeż
|
32 |
Peress li l-proċedura għandha, fir-rigward tal-partijiet fil-kawża prinċipali, in-natura ta’ kwistjoni mqajma quddiem il-qorti tar-rinviju, hija din il-qorti li tiddeċiedi fuq l-ispejjeż. L-ispejjeż sostnuti għas-sottomissjoni tal-osservazzjonijiet lill-Qorti tal-Ġustizzja, barra dawk tal-imsemmija partijiet, ma jistgħux jitħallsu lura. |
|
Għal dawn il-motivi, Il-Qorti tal-Ġustizzja (It-Tielet Awla) taqta’ u tiddeċiedi: |
|
Il-kunċett ta’ “prodotti bijoċidali” li jinsab fl-Artikolu 2(1)(a) tad-Direttiva 98/8/KE tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill, tas-16 ta’ Frar 1998, dwar it-tqegħid fis-suq tal-prodotti bijoċidali, għandu jiġi interpretat fis-sens li jkopri anki l-prodotti li jaġixxu biss b’mod indirett fuq l-organiżmi ta’ ħsara li jkunu fil-mira tagħhom meta dawn il-prodotti jkun fihom sustanza attiva jew iktar li toħloq azzjoni, kimika jew bijoloġika, li tagħmel parti integrali minn sensiela ta’ azzjonijiet b’rabta kawżali bejniethom li l-għan tagħhom ikun li jiġi prodott effett detrimentali fir-rigward tal-organiżmi msemmija. |
|
Firem |
( *1 ) Lingwa tal-kawża: il-Ġermaniż.