KONKLUŻJONIJIET TAL-AVUKAT ĠENERALI

TRSTENJAK

ippreżentati fl-4 ta’ Settembru 2008 ( 1 )

Kawża C-338/06

Il-Kummissjoni tal-Komunitajiet Ewropej

vs

Ir-Renju ta’ Spanja

“Nuqqas ta’ Stat li jwettaq obbligu — It-tieni Direttiva 77/91/KEE — Artikoli 29 u 42 — Kumpanniji ta’ responsabbiltà limitata — Żieda fil-kapital — Dritt ta’ prelazzjoni għas-sottoskrizzjoni ta’ ishma u ta’ bonds li jistgħu jinbidlu f’ishma — Esklużjoni — Protezzjoni tal-azzjonisti — Trattament ugwali”

I — Introduzzjoni

1.

Din il-kawża hija bbażata fuq rikors tal-Kummissjoni għal nuqqas ta’ twettiq ta’ obbligu skont l-Artikolu 226 KE, li permezz tiegħu hija titlob lill-Qorti tal-Ġustizzja tal-Komunitajiet Ewropej tiddikjara li r-Renju ta’ Spanja naqas milli jwettaq l-obbligi tiegħu skont l-Artikoli 29 u 42 tad-Direttiva tal-Kunsill 77/91/KEE ( 2 ), tat-13 ta’ Diċembru 1976 (iktar ’il quddiem id-“Direttiva 77/91”) billi naqas milli jittrasponi, b’mod korrett, l-imsemmija dispożizzjonijiet tad-direttiva fil-liġi nazzjonali tiegħu.

2.

Ir-rikors jirrigwarda diversi aspetti tal-jedd ta’ prelazzjoni għas-sottoskrizzjoni tal-azzjonisti fil-kuntest ta’ żidiet fil-kapital ta’ kumpanniji, u b’mod partikolari l-kundizzjonijiet previsti mil-liġi għall-esklużjoni tal-jedd ta’ prelazzjoni għas-sottoskrizzjoni, il-kompatibbiltà mad-dritt Komunitarju ta’ dispożizzjoni nazzjonali li tagħti jedd bħal dan anki lid-detenturi ta’ bonds li jistgħu jinbidlu f’ishma ( 3 ) kif ukoll il-kundizzjonijiet previsti mid-dritt Komunitarju li għandhom jiġu osservati fil-mument tal-iffissar tal-prezz tal-ħruġ ta’ ishma ġodda.

II — Il-kuntest leġiżlattiv

A — Il-leġiżlazzjoni Komunitarja

3.

Il-bażi legali tad-Direttiva 77/91 hija l-Artikolu 44(2)(g) KE, li jipprovdi li l-Kunsill u l-Kummissjoni għandhom jikkoordinaw, sa fejn huwa neċessarju u sabiex jiżguraw l-ekwivalenza tagħhom, il-garanziji meħtieġa fl-Istati Membri minn kumpanniji sabiex jipproteġu l-interessi kemm tal-membri kif ukoll ta’ terzi.

4.

It-tieni u l-ħames premessi tad-Direttiva 77/91 jipprovdu dan li ġej:

“Billi sabiex protezzjoni minima indaqs tiġi assigurata kemm għal azzjonisti u kemm għal kredituri ta’ kumpanniji pubbliċi b’responsabbiltà limitata, l-koordinazzjoni ta’ dispożizzjonijiet nazzjonali li jirreferixxu għall-formazzjoni tagħhom u għaż-żamma, żjieda jew tnaqqis tal-kapital tagħhom hija partikolarment importanti.

[…]

Billi huwa meħtieġ, wara li jiġu kunsidrati l-għanijiet ta’ l-Artikolu 54(3)(g), li l-liġijiet ta’ l-Istati Membri dwar iż-żjieda jew tnaqqis ta’ kapital jassiguraw li l-prinċipji ta’ trattament indaqs ta’ azzjonisti fl-istess pożizzjoni u ta’ protezzjoni ta’ kredituri li t-talbiet tagħhom jeżistu qabel id-deċiżjoni dwar tnaqqis huma mħarsa u armonizzati”.

5.

L-Artikolu 29 tad-Direttiva 77/91 jipprovdi dan li ġej:

“1.   Kull meta l-kapital jiżdied b’konsiderazzjoni ta’ flus, l-ishma għandhom jiġu offruti fuq bażi preventiva [ta’ prelazzjoni] lill-azzjonisti fil-proporzjon tal-kapital rappreżentat mill-ishma tagħhom.

[…]

4.   Il-jedd preventiv [ta’ prelazzjoni] ma jistax ikun ristrett jew irtirat mill-istatuti jew dokument ta’ inkorporazzjoni. Dan jista’, madankollu, jsir b’deċiżjoni tal-laqgħa ġenerali. Il-korp amministrattiv jew ta’ ġestjoni għandu jkun meħtieġ li jippreżenta lil dik il-laqgħa rapport bil-miktub li juri r-raġunijiet għar-restrizzjoni jew irtirar tal-jedd preventiv [ta’ prelazzjoni], u li jiġġustifika l-prezz tal-ħruġ propost. Il-laqgħa ġenerali għandha taġixxi skond ir-regoli dwar kworum u maġġoranza speċifikati fl-Artikolu 40 […].

[…]

6.   Il-paragrafi 1 sa 5 għandhom japplikaw għall-ħruġ tat-titoli [tal-bonds] kollha li jistgħu jinbidlu f’ishma jew li jkollhom il-jedd ta’ sottoskrizzjoni għal ishma, iżda mhux għall-konverżjoni ta’ dawk it-titoli [il-bonds], lanqas għall-eżerċizzju tal-jedd ta’ sottoskrizzjoni”.

6.

L-Artikolu 42 tad-Direttiva 77/91 jipprovdi dan li ġej:

“Għall-għanijiet ta’ l-implimentazzjoni ta’ din id-Direttiva, l-liġijiet ta’ l-Istati Membri għandhom jassiguraw trattament indaqs ta’ l-azzjonisti kollha li huma fl-istess pożizzjoni.”

B — Il-leġiżlazzjoni nazzjonali

7.

Id-Direttiva 77/91 ġiet trasposta fid-dritt Spanjol permezz tal-Artikoli 158, 159 u 293 tar-Real Decreto Legislativo 1564/1989, tat-22 ta’ Diċembru 1989, li permezz tiegħu ġiet approvata l-Ley de Sociedades Anónimas (Liġi dwar il-kumpanniji b’responsabbiltà limitata, iktar ’il quddiem il-“LSA”).

8.

L-Artikolu 158(1) tal-LSA jirrikonoxxi l-jedd ta’ prelazzjoni għas-sottoskrizzjoni fil-każ ta’ żieda fil-kapital ta’ kumpannija b’responsabbiltà limitata permezz tal-ħruġ ta’ ishma ġodda:

“Fil-każ ta’ żieda fil-kapital permezz tal-ħruġ ta’ ishma ordinarji jew privileġġjati ġodda, l-azzjonisti u d-detenturi ta’ titoli [bonds] li jistgħu jinbidlu f’ishma jistgħu jeżerċitaw, fiż-żmien li tagħtihom l-amministrazzjoni tal-kumpannija, li fil-każ ta’ kumpanniji kkwotati fil-Borża ma jistax ikun inqas minn ħmistax il-ġurnata u, fil-każijiet l-oħra kollha mhux inqas minn xhar, mid-data tal-pubblikazzjoni tal-avviż tal-offerta ta’ sottoskrizzjoni għall-ħruġ il-ġdid fil-Boletín Oficial del Registro Mercantil [Bulettin Uffiċċjali tar-Reġistru Kummerċjali], id-dritt tagħhom għas-sottoskrizzjoni ta’ kwota proporzjonali għall-valur nominali tal-ishma li jkunu diġà fil-pussess tagħhom jew li jikkorrispondu għall-valur tat-titoli [tal-bonds] tagħhom li jistgħu jinbidlu f’ishma, jiġifieri jeżerċitaw, f’din l-okkażjoni, id-dritt tagħhom għall-konverżjoni [tal-bonds li jistgħu jinbidlu f’ishma]”.

9.

L-Artikolu 159 tal-LSA jirregola l-esklużjoni tal-jedd ta’ prelazzjoni għas-sottoskrizzjoni, previst mill-Artikolu 158 tal-LSA:

“1.   Fil-każ li l-interess tal-kumpannija jeħtieġ dan, fil-laqgħa ġenerali, meta jkun qed jiġi deċiż dwar żieda fil-kapital, il-laqgħa ġenerali tista’ tapprova l-esklużjoni sħiħa jew parzjali tal-jedd ta’ prelazzjoni għas-sottoskrizzjoni. Għall-finijiet tal-validità ta’ din id-deċiżjoni, li għandha tissodisfa l-kriterji stabbiliti fl-Artikolu 44, dan li ġej huwa essenzjali:

a)

l-indikazzjoni, fis-sejħa għal-laqgħa, tal-proposta tal-esklużjoni tal-jedd ta’ prelazzjoni għas-sottoskrizzjoni u tan-natura tal-ħruġ ta’ ishma ġodda;

b)

id-disponibbiltà għall-azzjonisti, fil-mument tas-sejħa għal-laqgħa, tar-rapport tad-diretturi skont l-Artikolu 144(1)(c), li fih dawn jagħtu motivazzjoni dettaljata tal-proposta u tan-natura tal-ħruġ il-ġdid, filwaqt li jindikaw il-persuni lil min għandhom jiġu ttrasferiti [l-ishma], kif ukoll rapport redatt taħt ir-responsabbiltà ta’ awditur differenti mill-awditur tal-kumpannija, innominat għal dan il-għan mill-Uffiċċju tar-Reġistru Kummerċjali, li jkun jirrigwarda l-valur xieraq tal-ishma tal-kumpannija, il-valur teoriku tal-jedd ta’ prelazzjoni għas-sottoskrizzjoni li fih tiġi proposta l-esklużjoni u l-eżattezza tal-informazzjoni inkluża fir-rapport tad-diretturi;

c)

il-valur nominali tal-ishma li jkunu ser jinħarġu, flimkien, jekk ikun il-każ, mal-primjum ta’ ħruġ, għandu jikkorrispondi għall-valur xieraq li jirriżulta mir-rapport tal-awdituri. Fil-każ ta’ kumpannija kkwotata fil-Borża, il-valur xieraq tal-ishma ta’ kumpannija għandu jinftiehem, salv f’każ ta’ prova kuntrarja, bħala valur tas-suq li għandu jiġi ffissat fuq il-bażi tat-tendenzi tal-kwotazzjonijiet fil-Borża.

Madankollu, b’eċċezzjoni għal dak li ġie previst qabel, fil-każ ta’ kumpannija kkwotata fil-Borża, hekk kif il-laqgħa tal-azzjonisti jkollha r-rapport tad-diretturi u r-rapport tal-awditur, meħtieġa skont il-punt b), minn fejn għandu jirriżulta l-valur nett tal-attiv, din tista’ tiddeċiedi li toħroġ l-ishma l-ġodda bi kwalunkwe prezz, madankollu taħt il-kundizzjoni li dan ikun għola mill-valur nett tal-attiv korrispondenti u li jirriżulta mir-rapport tal-awditur. Il-laqgħa tal-azzjonisti tista’ tillimita ruħha li tistabbilixxi l-proċedura li għandha tiġi segwita.

[…]”

10.

L-Artikolu 293 tal-LSA jirregola l-jedd ta’ prelazzjoni għas-sottoskrizzjoni ta’ bonds li jistgħu jinbidlu f’ishma:

“1.   L-azzjonisti tal-kumpannija għandhom il-jedd ta’ prelazzjoni għas-sottoskrizzjoni ta’ bonds li jistgħu jinbidlu f’ishma.

2.   Id-detenturi ta’ bonds li jistgħu jinbidlu f’ishma, li jkunu nħarġu qabel, għandhom l-istess dritt skond il-proporzjon previst mid-dispożizzjonijiet li jirrigwardaw il-konverżjoni.

3.   Id-dispożizzjonijiet tal-Artikolu 158 ta’ din il-liġi japplikaw għall-jedd ta’ prelazzjoni għas-sottoskrizzjoni ta’ bonds li jistgħu jinbidlu f’ishma”.

III — Il-proċedura prekontenzjuża

11.

Permezz ta’ ittra ta’ intimazzjoni datata 15 ta’ Marzu 2004, il-Kummissjoni ġibdet l-attenzjoni tar-Renju ta’ Spanja dwar ċerta inkonsistenza fit-traspożizzjoni tad-Direttiva 77/91 tal-LSA.

12.

Fit-tweġiba tiegħu datata 10 ta’ Marzu 2004, il-Gvern Spanjol ċaħad l-eżistenza ta’ kwalunkwe inkonsistenza bejn il-liġi inkwistjoni u d-Direttiva 77/91.

13.

Il-Kummissjoni, peress li ma kkunsidratx li din ir-risposta kienet sodisfaċenti, iddeċidiet li tibgħat opinjoni motivata lill-Gvern Spanjol fil-5 ta’ Jannar 2005. F’din l-opinjoni, hija tat lill-Gvern Spanjol xahrejn żmien sabiex jagħmel it-tibdiliet meħtieġa fil-leġiżlazzjoni nazzjonali.

14.

Għalhekk, fl-4 ta’ Marzu 2005, il-Gvern Spanjol bagħat ittra lill-Kummissjoni, redatta mill-Ministeru tal-Ekonomija u tal-Finanzi, fejn ċaħad it-talbiet tal-Kummissjoni.

15.

Peress illi l-Kummissjoni qieset li l-ispjegazzjonijiet tal-Gvern Spanjol ma kinux sodisfaċenti, hija ddeċidiet li tressaq dan ir-rikors quddiem il-Qorti tal-Ġustizzja.

IV — Il-proċeduri quddiem il-Qorti tal-Ġustizzja u t-talbiet tal-partijiet

16.

Permezz ta’ rikors iddepożitat fir-Reġistru tal-Qorti tal-Ġustizzja fl-4 ta’ Awwissu 2006, il-Kummissjoni titlob lill-Qorti tal-Ġustizzja sabiex:

—

tiddikjara li, peress li ma ttrasponiex, b’mod korrett, id-Direttiva tal-Kunsill 77/91/KEE tat-13 ta’ Diċembru 1976, dwar il-koordinazzjoni ta’ salvagwardji li, għall-protezzjoni tal-interessi ta’ membri u oħrajn, huma meħtieġa mill-Istati Membri ta’ kumpanniji fis-sens tat-tieni paragrafu tal-Artikolu 58 tat-Trattat, dwar il-formazzjoni ta’ kumpanniji pubbliċi ta’ responsabbilità limitata u ż-żamma u t-tibdil tal-kapital tagħhom, bil-għan li jagħmlu dawn is-salvagwardji ekwivalenti, ir-Renju ta’ Spanja naqas milli jwettaq l-obbligi tiegħu taħt l-imsemmija direttiva u, b’mod partikolari, taħt dawn l-artikoli tagħha:

a)

l-Artikolu 42, flimkien mal-Artikolu 29(1) u (4) billi ppermetta li l-laqgħa ġenerali tal-azzjonisti tawtorizza l-ħruġ ta’ ishma ġodda bl-esklużjoni tal-jedd ta’ prelazzjoni għas-sottoskrizzjoni tagħhom bi prezz inqas mill-valur xieraq tagħhom;

b)

l-Artikolu 29(1), billi ta l-jedd ta’ prelazzjoni għas-sottoskrizzjoni ta’ ishma fir-rigward ta’ ishma, fil-każ ta’ żieda fil-kapital azzjonarju permezz ta’ investimenti bi flus kontanti, mhux biss lill-azzjonisti iżda wkoll lid-detenturi ta’ bonds li jistgħu jinbidlu f’ishma;

c)

l-Artikolu 29(6) flimkien mal-Artikolu 29(1), billi ta l-jedd ta’ prelazzjoni għas-sottoskrizzjoni ta’ bonds li jistgħu jinbidlu f’ishma mhux biss lill-azzjonisti, iżda wkoll lid-detenturi ta’ bonds li jistgħu jinbidlu f’ishma maħruġa qabel;

d)

l-Artikolu 29(6) flimkien mal-Artikolu 29(4) billi ma pprovdiex li l-laqgħa ġenerali tal-azzjonisti tista’ tawtorizza l-esklużjoni tal-jedd ta’ prelazzjoni għas-sottoskrizzjoni ta’ bonds li jistgħu jinbidlu f’ishma.

—

tikkundanna lir-Renju ta’ Spanja għall-ispejjeż.

17.

Ir-Renju ta’ Spanja jitlob lill-Qorti tal-Ġustizzja sabiex:

—

tiċħad ir-rikors;

—

tikkundanna lill-Kummissjoni għall-ispejjeż.

18.

Fl-4 ta’ Diċembru 2006 il-Kummissjoni ppreżentat ir-replika tagħha. Il-kontroreplika tal-Gvern Spanjol, li għaliha ngħata proroga tat-terminu, ġiet iddepożitata fil-Qorti tal-Ġustizzja fis-6 ta’ Frar 2007.

19.

Permezz ta’ digriet tal-President tal-Qorti tal-Ġustizzja tat-18 ta’ Jannar 2007, ir-Renju Unit, ir-Repubblika tal-Polonja u r-Repubblika tal-Finlandja ġew awtorizzati jintervjenu insostenn tar-Renju ta’ Spanja, skont l-Artikolu 93(1) tar-Regoli tal-Proċedura. Dawn ippreżentaw osservazzjonijiet bil-miktub.

20.

Peress li l-ebda waħda mill-partijiet ma talbet li tinżamm seduta, dawn il-konklużjonijiet setgħu jsiru wara l-laqgħa ġenerali tal-Qorti tal-Ġustizzja tad-29 ta’ April 2008.

V — Motivi u argumenti prinċipali tal-partijiet

21.

Il-Kummissjoni tinvoka komplessivament, erba’ motivi kontra r-Renju ta’ Spanja.

A — Fuq l-ewwel motiv

22.

Permezz tal-ewwel motiv tagħha, il-Kummissjoni tinvoka ksur tal-prinċipju ta’ trattament ugwali tal-azzjonisti, kif stabbilit fl-Artikolu 42 tad-Direttiva 77/91, peress li fil-każ ta’ żieda fil-kapital bl-esklużjoni tal-jedd ta’ prelazzjoni għas-sottoskrizzjoni, l-Artikolu 159(1)(ċ) tal-LSA jippermetti l-iffissar ta’ prezz tal-ħruġ ta’ ishma ġodda li jista’ jkun kunsiderevolment inqas mill-valur tas-suq tagħhom.

23.

B’mod iktar preċiż, il-Kummissjoni tosserva li, skont l-Artikolu 159(1)(ċ) tal-LSA, il-laqgħa tal-azzjonisti ta’ kumpannija kkwotata fil-Borża tista’ tiddeċiedi li toħroġ l-ishma bil-prezz li jogħġobha, sakemm dan il-prezz ikun ogħla mill-valur nett tal-attiv. Madankollu, skont il-Kummissjoni, il-valur nett tal-attiv jista’ jkun 20 %, jew anki 80 %, inqas mill-valur tas-suq. F’dan ir-rigward, il-Kummissjoni tirreferi għal-liġijiet ta’ Stati Membri oħra, li jippermettu l-iffissar tal-prezz tal-ħruġ ta’ ishma ġodda sa massimu ta’ 5 % sa 10 % inqas mill-valur tas-suq.

24.

Minn dan il-Kummissjoni tiddeduċi li l-Artikolu 159(1)(ċ) jikser l-Artikolu 42 tad-Direttiva 77/91, peress li, fir-rigward tal-kumpanniji kkwotati fil-Borża dan l-artikolu jippermetti diskriminazzjoni evidenti bejn dawk l-azzjonisti li xtraw l-ishma tagħhom skont il-valur tas-suq u dawk l-azzjonisti l-ġodda li l-kumpannija tippermettilhom jixtru ishma bi prezz li jkun kunsiderevolment inqas mill-valur tas-suq (u għalhekk “mhux xieraq”).

25.

Ir-Renju ta’ Spanja jsostni, l-ewwel nett, li l-LSA tiffissa kundizzjonijiet għall-esklużjoni tal-jedd ta’ prelazzjoni għas-sottoskrizzjoni effettivament iktar stretti meta mqabbla ma’ dawk tad-Direttiva 77/91. Minn naħa, kif isostnu wkoll ir-Repubblika tal-Polonja, ir-Renju Unit u r-Repubblika tal-Finlandja, il-LSA tipprovdi għal valur minimu għall-prezz ta’ ħruġ, li fl-ebda każ ma jista’ jkun inqas mill-valur nett tal-attiv. Minn-naħa l-oħra, il-LSA tipprovdi għall-obbligu li ir-rapport ta’ awditur indipendenti jiġi anness mar-rapport tad-diretturi tal-kumpannija.

26.

Ir-Renju ta’ Spanja jsostni li minn dan il-Kummissjoni qed tikkonkludi, b’mod żbaljat, li t-tieni paragrafu tal-Artikolu 159(1)(ċ) tal-LSA jippermetti l-iffissar ta’ “prezz irraġonevolment inqas” meta mqabbel mal-valur tas-suq tal-ishma inkwistjoni. Fil-fatt, l-Artikolu 159(1) jillimita ruħu li jistabbilixxi presuppożizzjoni sempliċi, li l-“valur xieraq” tal-ishma ta’ kumpannija kkwotata fil-Borża jikkorrispondi għall-“valur tas-suq” tiegħu. Minkejja dan, il-laqgħa tal-azzjonisti tista’ tiffissa prezz ta’ ħruġ inqas mill-“valur tas-suq”, u dan ma jimminax il-karattru xieraq tiegħu meta jidher li jkun iġġustifikat fid-dawl tal-imsemmija rapporti.

27.

Ir-Renju ta’ Spanja, ir-Repubblika tal-Polonja u r-Renju Unit isostnu wkoll ebda diskriminazzjoni bejn l-azzjonisti eżistenti u dawk potenzjali li jidħlu f’kumpannija kkwotata fil-Borża wara żieda fil-kapital mhija possibbli minħabba l-fatt li dawn iż-żewġ kategoriji ta’ azzjonisti mhumiex fl-istess sitwazzjoni. Fil-fehma tagħhom, minħabba il-kwotazzjoni fil-Borża u l-varjazzjonijiet fis-suq tal-ishma, kull azzjonista, ikun xtara l-ishma tiegħu bi prezz differenti, minkejja l-mument tax-xiri u l-kwotazzjonijiet rispettivi. Għaldaqstant, huwa normali li ċerti azzjonisti jkunu xtraw l-ishma tagħhom bi prezz inqas jew iktar mill-prezz tal-ħruġ.

28.

Barra minn hekk, kemm ir-Renju ta’ Spanja kif ukoll ir-Repubblika tal-Polonja jsostnu li l-Artikolu 159(1)(ċ) tal-LSA jeħtieġ l-approvazzjoni tal-laqgħa tal-azzjonisti u sabiex isir tibdil fl-istatut jeħtieġ li jiġu osservati l-maġġoranza u l-kworum meħtieġa.

29.

Ir-Renju Unit isostni wkoll li wieħed ma jistax jitkellem dwar differenza fit-trattament għaliex il-prezz ta’ sehem jikkostitwixxi sempliċiment element ekonomiku. Anki jekk wieħed kellu jsostni li hemm trattament differenti, dan ikun iġġustifikat mill-interess finanzjarju tal-kumpannija għal żieda fil-kapital.

30.

Skont ir-Repubblika tal-Finlandja, sabiex tiġi eżaminata l-eżistenza jew le ta’ trattament differenti, jeħtieġ li jkun hemm evalwazzjoni komplessiva taċ-ċirkustanzi li fihom jinħarġu ishma ġodda.

31.

Ir-Repubblika tal-Polonja ssostni li l-possibilità ta’ ħruġ ta’ ishma ġodda bi prezz inqas mill-valur tas-suq m’għandhiex tiġi eżaminata fid-dawl tal-prinċipju ta’ trattament ugwali, iżda fuq il-bażi tal-prinċipju li l-entitajiet korporattivi għandhom jaġixxu fl-interess tal-kumpannija nnifisha.

B — Fuq it-tieni motiv

32.

Permezz tat-tieni motiv, il-Kummissjoni invokat il-ksur tal-Artikolu 29(1) tad-Direttiva 77/91, peress li l-Artikolu 158(1) tal-LSA jippermetti l-jedd ta’ prelazzjoni għas-sottoskrizzjoni tal-ishma fil-każ ta’ żieda fil-kapital azzjonarju permezz ta’ investimenti bi flus mhux biss lill-azzjonisti, iżda anki lid-detenturi ta’ bonds li jistgħu jinbidlu f’ishma.

33.

L-Artikolu 29(1) tad-direttiva jeħtieġ li l-ishma ġodda “għandhom jiġu offruti fuq bażi preventiva [ta’ prelazzjoni] lill-azzjonisti fil-proporzjon tal-kapital rappreżentat mill-ishma tagħhom”. Peress li l-bonds li jistgħu jinbidlu f’ishma ma jifformawx parti mill-kapital sottoskritt tal-kumpannija, il-jedd ta’ prelazzjoni għas-sottoskrizzjoni mogħti mil-LSA lid-detenturi ta’ bonds li jistgħu jinbidlu f’ishma ma jippermettix li l-ishma l-ġodda jkunu jistgħu jiġu offruti lill-azzjonisti b’mod propozjonali għas-sehem tagħhom fil-kumpannija. Bħala konsegwenza, dispożizzjoni bħal din tmur kontra l-għan tad-direttiva, li huwa li jiġi evitat kull riskju ta’ tnaqqis fl-ishma tal-azzjonisti eżistenti tal-kumpannija. Barra minn hekk, lanqas hija meħtieġa miżura bħal din sabiex jiġu mħarsa l-interessi tad-detenturi ta’ bonds li jistgħu jinbidlu f’ishma.

34.

Ir-Renju ta’ Spanja jsostni li interpretazjoni litterali tal-Artikolu 29(1) tad-Direttiva 77/91, kif issuġġerit mill-Kummissjoni, jikkontradixxi l-kontenut innifsu ta’ din id-dispożizzjoni, minħabba li skont din tal-aħħar, l-ishma għandhom jiġu offruti “fuq bażi preventiva [ta’ prelazzjoni]” lill-azzjonisti, li madankollu ma jfissirx li, skont din id-dispożizzjoni, l-ishma għandhom jiġu offruti “esklużivament” lill-azzjonisti. Minbarra dan, id-direttiva ma ssemmi xejn dwar il-bonds li jistgħu jinbidlu f’ishma.

35.

Minflok, ir-Renju ta’ Spanja u r-Repubblika tal-Polonja jiffavorixxu interpretazzjoni teleoloġika tad-dispożizzjoni inkwistjoni, sabiex ma jiġux imħarsa biss id-detenturi ta’ bonds li jistgħu jinbidlu f’ishma iżda wkoll, bl-istess mod, dawk l-azzjonisti potenzjali ġodda tal-kumpannija, billi jinżamm il-valur tal-ishma riżervati lilhom. Barra minn hekk, b’formulazzjoni wiesgħa tant jiġi evitat ukoll li min joħroġ l-ishma jista’ jinfluwenza l-mument (favorevoli) tal-konverżjoni.

36.

Fl-aħħar, ir-Repubblika tal-Polonja ssostni li d-direttiva għandha l-għan li tħares lit-“terzi” jiġifieri anki dawk li, f’ċerti sitwazzjonijiet, jistgħu jiġu mqabbla mal-azzjonisti, bħal pereżempju, id-detenturi ta’ bonds li jistgħu jinbidlu f’ishma. Barra minn hekk, id-direttiva għandha biss il-għan li tipprovdi grad minimu ta’ protezzjoni, billi tħalli f’idejn l-Istati Membri l-għażla li jadottaw dispożizzjonijiet ta’ protezzjoni iktar stretti.

C — Fuq it-tielet motiv

37.

Il-Kummissjoni ssostni li l-Artikolu 293(2) tal-LSA jikser, għall-istess raġunijiet esposti fil-kuntest tat-tieni motiv, l-Artikolu 29(1) u (6) tad-Direttiva 77/91, peress li jagħti jedd ta’ prelazzjoni għas-sottoskrizzjoni ta’ bonds li jistgħu jinbidlu f’ishma mhux biss lill-azzjonisti, iżda wkoll, bl-istess mod, lid-detenturi ta’ bonds li jistgħu jinbidlu f’ishma, li jkunu nħarġu qabel ħruġ.

38.

Ir-Renju ta’ Spanja u r-Repubblika tal-Polonja jirreferu għall-argumenti diġà esposti fir-rigward tat-tieni motiv u jsostnu li interpretazzjoni litterali tad-direttiva, kif tat il-Kummissjoni, hija infondata.

D — Fuq ir-raba’ motiv

39.

Il-Kummissjoni ssostni li hemm ksur tal-Artikolu 29(6) flimkien mal-Artikolu 29(4) tad-Direttiva 77/91, minħabba li l-LSA ma tipprovdix li l-laqgħa tal-azzjonisti tista’ tiddeċiedi dwar l-esklużjoni tal-jedd ta’ prelazzjoni għas-sottoskrizzjoni ta’ bonds li jistgħu jinbidlu f’ishma.

40.

Hija ssostni li huwa veru li l-Artikolu 293(3) tal-LSA jagħmel referenza għall-Artikolu 158 tal-LSA iżda ma fih ebda referenza għall-Artikolu 159 tal-LSA, li jirregola proprju l-possibiltà ta’ esklużjoni tal-jedd ta’ prelazzjoni għas-sottoskrizzjoni. Anki kieku interpretazzjoni sistematika kellha tippermetti l-esklużjoni tad-dritt ta’ prelazzjoni tal-azzjonijisti għas-sottoskrizzjoni ta’ bonds li jistgħu jinbidlu f’ishma, xorta jibqa’ l-fatt li l-Artikolu 293 tal-LSA, fil-verżjoni attwali tiegħu, huwa sors ta’ dubji u inċertezzi għall-azzjonisti individwali u għalhekk ma jistax jiġi kkunsidrat li jittrasponi d-direttiva b’mod korrett, peress li ma ġiex stabbilit li l-qrati Spanjoli effettivament jagħtu interpretazzjoni sistematika bħal din.

41.

Ir-Renju ta’ Spanja jsostni li interpretazzjoni sistematika tal-Artikolu 293 tal-LSA ma tistax twassal għal riżultat differenti mill-possibbiltà, għal-laqgħa ġenerali, li teskludi l-jedd ta’ prelazzjoni għas-sottoskrizzjoni ta’ bonds li jistgħu jinbidlu f’ishma favur l-azzjonisti, peress li kwalunkwe soluzzjoni oħra hija nieqsa minn kull loġika.

42.

Ir-Repubblika tal-Finlandja ssostni li l-għan tad-direttiva huwa, fi kwalunkwe każ, armonizzazzjoni minima u li, anki jekk il-jedd ta’ prelazzjoni għas-sottoskrizzjoni ta’ bonds li jistgħu jinbidlu f’ishma favur l-azzjonisti ma jistax jiġi eskluż mil-laqgħa ġenerali, dan ma jmurx kontra d-Direttiva 77/91.

VI — L-analiżi ġuridika

A — Osservazzjonijiet preliminari

43.

Sal-lum ġew iddedikati tlettax il-direttiva u proposta għal direttiva ( 4 ) għall-approssimazzjoni tad-dritt sostanzjali tal-kumpanniji tal-Istati Membri. Fosthom hemm id-Direttiva 77/91, adottata fit-13 ta’ Diċembru 1976, maħsuba sabiex tapprossima l-liġijiet tal-Istati Membri dwar it-twaqqif ta’ kumpannija b’responsabbiltà limitata u dwar iż-żieda u ż-żamma ta’ kapital minimu tal-istess kumpanniji, u li għalhekk hija magħrufa wkoll bħala d-“direttiva dwar il-moviment ta’ kapital” ( 5 ).

44.

L-Artikolu 29(1) tad-Direttiva 77/91 jiggarantixxi fuq livell Komunitarju, il-jedd ta’ prelazzjoni tal-azzjonisti għas-sottoskrizzjoni fil-każ ta’ żidiet fil-kapital. Madankollu, jeħtieġ li jiġi mfakkar li l-jedd ta’ prelazzjoni għas-sottoskrizzjoni huwa marbut ma’ tradizzjoni ġuridika twila f’ċerti Stati Membri, li bdiet bejn wieħed u ieħor f’nofs is-seklu dsatax ( 6 ). Fid-duttrina komparattiva hemm qbil ġenerali li dan il-jedd isib l-oriġini tiegħu fis-sistema legali tar-Renju Unit, iżda li minn nofs is-seklu għoxrin, tal-inqas fil-kuntest Ewropew, ġie influwenzat b’mod determinanti mill-iżviluppi fis-sistemi legali tal-Ġermanja, Franza u l-Italja ( 7 ). Minn naħa tagħha, l-armonizzazzjoni tad-dritt tal-kumpanniji tal-Istati Membri marbuta mad-Direttiva 77/91 wasslet sabiex Stati Membri oħra, li fis-sistemi legali tagħhom ma kellhomx jew, fi kwalunkwe każ, ma kinux jattribwixxu effett mandatorju lill-jedd ta’ prelazzjoni għas-sottoskrizzjoni, kellhom idaħħlu dan l-istitut fis-sistemi legali rispettivi tagħhom, u dan ikkontribwixxa b’mod sostanzjali għad-diffużjoni u l-applikazzjoni uniformi tiegħu barra mill-konfini tal-Unjoni Ewropea wkoll.

45.

Fil-każ ta’ żidiet fil-kapital, il-jedd ta’ prelazzjoni għas-sottoskrizzjoni jagħti lill-azzjonista dritt għal parti mill-ishma l-ġodda li jikkorrispondi għall-kwota tas-sehem li jkollu sa dakinhar, u b’dan il-mod jippermettilu jżomm il-perċentwali tas-sehem tiegħu fil-kapital ( 8 ). B’hekk huwa għandu d-dritt li jkollu l-istess perċentwali tas-sehem fil-kapital tal-kumpannija b’responsabbiltà limitata bħalma kellu inizjalment. Għal din ir-raġuni, tradizzjonalment, il-jedd ta’ prelazzjoni għas-sottoskrizzjoni tal-azzjonisti huwa kkunsidrat bħala mekkaniżmu effikaċi ta’ protezzjoni tal-azzjonisti individwali u tal-azzjonisti b’minoranza fid-dawl tal-iżvantaġġi li jistgħu jirriżultaw mill-ħruġ ta’ ishma ġodda marbuta ma’ żieda fil-kapital. Fost dawn l-iżvantaġġi nsibu t-telfa ta’ drittijiet tal-azzjonisti li jkunu ta’ natura ekonomika (pereżempju, it-telfa tad-dritt għad-dividendi) u ta’ natura politika, bħad-dritt ta’ parteċipazzjoni fit-teħid tad-deċiżjonijiet (pereżempju, limitazzjoni tad-drittijiet tal-vot) kif ukoll drittijiet oħra ta’ natura mhux ekonomika (pereżempju, id-dritt għal informazzjoni, dritt għal sejħa ta’ laqgħa tal-azzjonisti) ( 9 ).

46.

Id-Direttiva 77/91 tadotta dawn il-kunsiderazzjonijiet ta’ natura legali billi tiggarantixxi, b’mod partikolari fil-kuntest ta’ operazzjonijiet għat-twaqqif ta’ kumpannija u ta’ żieda jew tnaqqis fil-kapital, il-protezzjoni tad-drittijiet tal-azzjonisti u ta’ terzi. B’konformità mal-għanijiet tal-bażi legali tagħha, jiġifieri l-Artikolu 44(2)(g) KE, il-jedd ta’ prelazzjoni għas-sottoskrizzjoni jiggarantixxi livell minimu ta’ protezzjoni tal-azzjonisti fl-Istati Membri kollha ( 10 ).

B — Analiżi tal-motivi

1. Fuq l-ewwel motiv

47.

Fir-rigward tat-tqassim tal-oneru tal-prova, qabel xejn għandu jiġi mfakkar li, fil-kuntest ta’ kawża dwar nuqqas ta’ twettiq ta’ obbligu skont l-Artikolu 226 KE, il-Kummissjoni hija marbuta li tagħti prova tal-eżistenza tal-allegat nuqqas u tipprovdi lill-Qorti tal-Ġustizzja bl-elementi meħtieġa għall-verifika minn din tal-aħħar tal-eżistenza ta’ dan in-nuqqas ta’ twettiq ta’ obbligu, mingħajr ma tista’ tibbaża ruħha fuq xi preżunzjoni ( 11 ). Min-naħa l-oħra, huwa l-obbligu tal-Istat Membru konvenut li jikkontesta, b’mod sostanzjali u dettaljat, l-informazzjoni ppreżentata u l-konsegwenzi tagħha ( 12 ).

48.

Permezz tal-ewwel motiv, il-Kummissjoni tilmenta dwar il-ksur tal-prinċipju ta’ trattament ugwali tal-azzjonisti, garantit mill-Artikolu 42 tad-Direttiva 77/91 flimkien mal-Artikolu 29(1) u (4). Il-Kummissjoni tikkunsidra li jeżisti ksur tal-imsemmija dispożizzjonijiet Komunitarji peress li fl-Artikolu 159(1)(ċ) tal-LSA, il-leġiżlazzjoni nazzjonali inkwistjoni tawtorizza li l-prezz tal-ħruġ ta’ ishma ġodda jista’ jkun ħafna inqas mill-valur tas-suq tagħhom fil-każ ta’ żieda ta’ kapital bl-esklużjoni tal-jedd ta’ prelazzjoni għas-sottoskrizzjoni.

49.

L-Artikolu 159(1)(ċ) tal-LSA jistabbilixxi ċerti kundizzjonijiet partikolari għall-finijiet tal-esklużjoni tal-jedd ta’ prelazzjoni għas-sottoskrizzjoni. Skont din id-dispożizzjoni, il-prezz tal-ishma maħruġa għandu jikkorrispondi għall-“valur xieraq”, li jirriżulta mir-rapport tad-diretturi msemmi fl-Artikolu 159(1)(b) tal-LSA. Bħala prinċipju, fil-każ ta’ kumpanniji kkwotati fil-Borża għandha ssir referenza għall-prezz tal-Borża, sa fejn ma jkunx iġġustifikat prezz ieħor.

50.

Madankollu, kif osservat mill-Kummissjoni, it-tieni paragrafu tal-Artikolu 159(1)(ċ) tal-LSA jipprovdi għal deroga sinifikanti għall-kumpanniji kkwotati fil-Borża, li bis-saħħa tagħha, il-laqgħa ġenerali tista’ tiddeċiedi l-ħruġ bil-prezz li jogħġobha, dejjem sakemm dan ikun ogħla mill-valur perċentwali tal-assi tal-kumpannija. F’dan il-kuntest, il-Kummissjoni ssostni li l-valur ta’ sehem jista’ jkun kunsiderevolment inqas mill-prezz tal-Borża, valur li l-LSA stess tippreżumi li jikkorrispondi għall-valur tas-suq u, għalhekk, għall-“valur xieraq” tas-sehem. Minn dan, il-Kummissjoni tiddeduċi li l-leġiżlatur Spanjol ta awtorizzazzjoni ċara sabiex il-laqgħa ġenerali, skont kif jogħġobha u billi teskludi l-jedd ta’ prelazzjoni għas-sottoskrizzjoni, tkun tista’ toħroġ ishma ġodda bi prezz inqas mill-valur tas-suq u, għalhekk, mill-valur meqjus “xieraq” mil-leġiżlatur Spanjol.

51.

Il-Kummissjoni tqis li din id-dispożizzjoni toħloq diskriminazzjoni manifesta kontra dawk l-azzjonisti li kienu xtraw l-ishma tagħhom bil-prezz tas-suq meta mqabbla mal-azzjonisti l-ġodda, li xtraw l-ishma tagħhom bi prezz inqas mill-valur tas-suq. Fl-opinjoni tagħha, dawk tal-ewwel isofru żvantaġġ ekonomiku, peress li minħabba l-“iskont” mogħti lill-azzjonisti l-ġodda, ikollhom jaċċettaw tnaqqis fil-valur tal-ishma tagħhom.

52.

Madankollu, b’risposta għall-argument tal-Kummissjoni, għandu jiġi osservat li t-tieni paragrafu tal-Artikolu 159(1)(ċ) tal-LSA ma jmurx kontra d-dispożizzjonijiet tad-Direttiva 77/91, għalkemm prima facie dan jista’ jidher dubjuż minħabba kunsiderazzjonijiet marbuta mal-protezzjoni tal-azzjonisti ( 13 ).

53.

Kif diġà ssemma fil-bidu, id-Direttiva 77/91 għandha l-għan esklużiv li tiggarantixxi protezzjoni minima lill-azzjonisti fuq livell Komunitarju. Dan jirriżulta, minn naħa, mill-kontenut leġiżlattiv tal-bażi legali tagħha u, minn naħa l-oħra, mit-tieni premessa tal-istess direttiva, li tistabbilixxi li “[…] sabiex protezzjoni minima indaqs tiġi assigurata […] għal[l-]azzjonisti […] ta’ kumpanniji pubbliċi b’responsabbiltà limitata, il-koordinazzjoni ta’ dispożizzjonijiet nazzjonali li jirreferixxu […] għaż-ż[i]eda […] tal-kapital tagħhom hija partikolarment importanti” ( 14 ).

54.

Barra minn hekk, għandu jiġi rrilevat li d-Direttiva 77/91 ma fiha l-ebda dispożizzjoni li timponi l-ħruġ ta’ ishma ġodda skond il-“prezz tas-suq” jew anki b’“valur xieraq”. Dan jistħoqqlu iktar u iktar li jissemma peress li d-Direttiva 77/91 fiha wkoll dispożizzjonijiet dettaljati dwar, pereżempju, it-twaqqif ta’ kumpanniji b’responsabbiltà limitata.

55.

L-unika dispożizzjoni tad-direttiva li tirrigwarda l-prezz tal-ħruġ tal-ishma, u li għaldaqstant hija rilevanti għal din il-kawża, hija l-Artikolu 8 li jipprovdi li “ma jistgħux joħorġu ishma bi prezz anqas mill-valur nominali tagħhom, jew, meta m’hemmx valur nominali, mill-prezz kontabbli tagħhom”. Min-naħa l-oħra, kif ġie rrilevat b’mod korrett mir-Renju Unit, id-direttiva ma ssemmi xejn dwar il-prezz li bih jistgħu jiġu offruti l-ishma l-ġodda fil-każ ta’ żieda fil-kapital.

56.

Bħala konsegwenza, mill-Artikolu 29(4) tad-Direttiva 77/91 jirriżulta biss li l-korp amministrattiv jew ta’ ġestjoni huwa marbut li fir-rapport tiegħu bil-miktub lil-laqgħa ġenerali jiġġustifika “il-prezz tal-ħruġ propost”. Għalhekk, skont l-Artikolu 29(4) tad-Direttiva 77/91 id-deċiżjoni finali fuq il-prezz tal-ħruġ li għandu jiġi ffissat titħalla f’idejn il-laqgħa ġenerali ( 15 ), mingħajr ebda kundizzjonijiet oħra.

57.

Barra minn hekk, id-dispożizzjoni prevista fit-tieni paragrafu tal-Artikolu 159(1)(ċ) tal-LSA ma turi ebda każ ta’ diskriminazzjoni tal-azzjonisti. Il-prinċipju ta’ trattament ugwali, garantit mill-Artikolu 42 tad-Direttiva 77/91 jikkorrispondi, fil-kontenut leġiżlattiv tiegħu, għal projbizzjoni ta’ diskriminazzjoni li, skont ġurisprudenza stabbilita tal-Qorti tal-Ġustizzja, jirrikjedi li sitwazzjonijiet simili ma jiġux ittrattati b’mod differenti u li sitwazzjonijiet differenti ma jiġux ittrattati bl-istess mod, sakemm dan ma jkunx iġġustifikat oġġettivament ( 16 ).

58.

Il-Kummissjoni ssostni li t-tieni paragrafu tal-Artikolu 159(1)(ċ) tal-LSA ma jiggarantix it-trattament ugwali tal-azzjonisti eżistenti meta mqabbla ma’ dawk ġodda. Fi kliem ieħor, hija evidentement titlaq mill-presuppost li, f’din il-kawża, sitwazzjonijiet simili huma ttrattati b’mod differenti. Madankollu, għandu jiġi rrilevat li huwa biss apparentement ( 17 ) li l-Kummissjoni tibbaża l-ewwel motiv fuq allegat trattament differenti, filwaqt li l-punt ċentrali tal-argument tagħha jinsab fl-espożizzjoni tal-konsegwenzi ekonomiċi li jistgħu jkunu potenzjalment ta’ ħsara għall-azzjonisti eżistenti minħabba ħruġ ta’ ishma taħt il-valur tas-suq ( 18 ). B’dan il-mod, hija qed tonqos milli turi b’mod ċirkustanzjat biżżejjed sa fejn l-azzjonisti eżistenti u dawk ġodda ser isibu rwieħhom fl-istess sitwazzjoni. Dan huwa wisq iktar importanti jekk jiġi kkunsidrat li l-Artikolu 42 tad-Direttiva 77/91 jeħtieġ li l-liġijiet tal-Istati Membri jissalvagwardjaw it-trattament ugwali tal-azzjonisti li “huma fl-istess pożizzjoni”. Għalhekk, għandu jiġu osservat li l-Kummissjoni naqset milli tipprovdi eżami preċiż tal-eżistenza tal-ewwel kundizzjoni tal-prinċipju ta’ trattament ugwali ( 19 ). Dan huwa ġustament ikkontestat kemm mill-Gvern Spanjol kif ukoll minn dak tar-Renju Unit.

59.

Għaldaqstant, il-Kummissjoni bl-ebda mod ma wriet li l-prinċipju ta’ trattament ugwali ggarantit mill-Artikolu 42 tad-Direttiva 77/91 għandu jiġi applikat fil-każ inkwistjoni. Is-sempliċi kritika ta’ dispożizzjoni nazzjonali li tista’ tkun żvantaġġuża mill-aspett ekonomiku — ħaġa li baqgħet ma ġietx ipprovata mill-Kummissjoni lanqas fuq bażi ta’ elementi konkreti — ma tistax tissostitwixxi d-dimostrazzjoni tal-eżistenza ta’ trattament differenti oġġettivament inġustifikat ta’ sitwazzjonijiet simili. F’dan is-sens, il-Kummissjoni ma ssodisfatx l-oneru tagħha tal-prova.

60.

Indipendentament minn dawn il-kunsiderazzjonijiet, hemm dubji dwar jekk il-klawżola fuq it-trattament ugwali msemmija fl-Artikolu 42 tad-Direttiva 77/91 hijiex applikabbli għal każ daqshekk speċifiku bħal dak tal-iffissar tal-prezz tal-ħruġ ta’ ishma ġodda fil-każ ta’ żieda fil-kapital minħabba l-kontenut leġiżlattiv tagħha li huwa deċiżament vag ( 20 ).

61.

Ma’ dan għandu jiżdied il-fatt li, skont l-opinjoni prevalenti, il-prinċipju ta’ trattament ugwali tal-azzjonisti, rikonoxxut fis-sistemi legali ta’ ħafna Stati Membri tal-Komunità, mhuwiex interpretat fis-sens ta’ obbligu tal-kumpannija li tittratta lill-azzjonisti bl-istess mod, iżda pjuttost fis-sens ta’ ħtieġa ta’ ġustifikazzjoni oġġettiva biżżejjed fil-każ ta’ trattament differenti ( 21 ). Il-pożizzjoni tal-Kummissjoni li l-prezz tal-ħruġ ta’ ishma ġodda m’għandux ikun inqas mill-prezz tax-xiri tal-ishma tal-azzjonisti eżistenti, minflok iwassal għal traspożizzjoni stretta tal-prinċipju ta’ trattament ugwali, li, kif diġà rajna, fin-nuqqas ta’ dispożizzjonijiet leġiżlattivi ċari, mhux biss mhuwiex meħtieġ mid-direttiva iżda lanqas jikkorrispondi għar-realtà ekonomika, fuq kollox għaliex il-valur u għalhekk anki l-prezz tal-ishma ta’ kumpannija kkwotata fil-Borża jinbidel kontinwament minħabba l-varjazzjonijiet fis-suq tal-ishma.

62.

Bħal ma sostnew korrettament il-Gvern Spanjol u l-Gvern tar-Renju Unit, jirriżulta li kull azzjonista, skont il-mument tax-xiri u tal-kwotazzjoni rispettiva fil-Borża, ikun xtara l-ishma tiegħu bi prezz differenti minn darba għall-oħra. Bħala konsegwenza, dejjem ser ikun hemm azzjonisti li jkunu xtraw l-ishma tagħhom bi prezz inqas jew iktar mill-prezz tal-ħruġ, u għal din ir-raġuni ma jistax jiġi sostnut li l-azzjonisti kollha jinsabu fl-istess sitwazzjoni. Barra minn hekk, għandu jitqies ukoll il-fatt li l-prezz tal-ishma jiddependi minn ħafna fatturi ekonomiċi, bħal pereżempju l-iżvilupp ekonomiku ta’ kumpannija partikolari jew anki l-istat tal-ekonomija dinjija. Dan jiġi influwenzat ukoll, b’mod determinanti, mill-iżvilupp tas-suq, jiġifieri mid-domanda u mill-provvista. Id-differenzi li jeżistu bejn azzjonisti eżistenti u azzjonisti ġodda fir-rigward tal-prezz tax-xiri rispettiv tal-ishma tagħhom għalhekk ma jwasslux għal trattament differenti attribwibbli lill-kumpannija ( 22 ), iżda huma l-konsegwenza ta’ żvilupp tipiku tas-swieq finanzjarji.

63.

Għal dak li jirrigwarda l-ilment tal-Kummissjoni dwar il-possibbiltà li l-prezz tal-ħruġ ta’ ishma ġodda jiġi ffissat taħt il-valur tas-suq, l-ewwel nett, għandu jingħad li dan l-argument tal-Kummissjoni jikkunsidra aspett wieħed biss peress li, evidentement, il-Kummissjoni titlaq mill-presuppost li trattament differenti bejn il-azzjonisti eżistenti u dawk ġodda jista’ jeżisti biss meta l-prezz li bih l-azzjonisti eżistenti jkunu xtraw l-ishma tagħhom ikun jikkorrispondi eżattament għall-valur tas-suq, filwaqt li huma biss l-azzjonisti l-ġodda li jibbenefikaw minn roħs. Għall-kuntrarju, il-Kummissjoni ma tesprimix ruħha dwar l-applikabbiltà eventwali tal-prinċipju ta’ trattament ugwali għal ċirkustanzi differenti, li jistgħu wkoll jiġu previsti, fejn terzi jixtru ishma ġodda bi prezz li jerġa’ jkun ogħla mill-prezz tas-suq, jew fejn l-azzjonisti eżistenti jkunu xtraw huma stess l-ishma tagħhom għal prezz inqas mill-valur tas-suq.

64.

Barra minn hekk, jeħtieġ li jittieħed inkunsiderazzjoni l-fatt li huwa possibbli li l-prezz tal-ħruġ ta’ ishma ġodda jista’ jiġi ffissat għal prezz inqas mill-valur tas-suq mhux biss taħt il-leġiżlazzjoni Spanjola inkwistjoni, iżda wkoll skont id-dispożizzjonijiet fis-seħħ fi Stati Membri oħra, bħalma l-Kummissjoni tagħraf espressament fir-replika tagħha ( 23 ). Dan huwa l-każ, pereżempju, fis-sistemi legali tal-Ġermanja ( 24 ), ta’ Franza ( 25 ), tal-Italja ( 26 ), tas-Slovenja ( 27 ) u tar-Renju Unit ( 28 ).

65.

Barra minn hekk, jistħoqqlu wkoll attenzjoni l-argument invokat kemm mill-Gvern Spanjol kif ukoll minn dak Pollakk, li jsostnu li d-Direttiva 77/91 u l-LSA jipprovdu għal garanziji bil-għan li jiġi evitat l-iffissar ta’ prezz ta’ ħruġ li jkun eċċessivament inqas mill-prezz tas-suq. Kif diġà aċċennajt, id-Direttiva 77/91 tħalli din id-deċiżjoni għal-laqgħa ġenerali ( 29 ). Skont l-Artikolu 29(4) tad-Direttiva 77/91, il-korp amministrattiv jew ta’ ġestjoni huwa meħtieġ li jippreżenta lil din il-laqgħa rapport bil-miktub li juri r-raġunijiet għal-limitazzjonijiet jew l-irtirar tal-jedd ta’ prelazzjoni għas-sottoskrizzjoni, u li jiġġustifika l-prezz ta’ ħruġ propost. Madankollu, l-Artikolu 159 tal-LSA jmur lil hinn minn dawn il-prinċipji Komunitarji billi jeħtieġ ukoll rapport imħejji minn awditur innominat esklużivament għal dan l-iskop mill-Uffiċċju tar-Reġistru Kummerċjali, liema rapport għandu jkun fih l-informazzjoni li ġejja: (1) stima tal-valur xieraq tal-ishma, (2) stima tal-valur tal-jeddijiet ta’ prelazzjoni għas-sottoskrizzjoni u (3) verifika tal-eżatezza tal-informazzjoni inkluża fir-rapport tad-direttur.

66.

Kuntrarjament għal dak li ssostni l-Kummissjoni, id-deċiżjoni li tirrigwarda l-esklużjoni tal-jedd ta’ prelazzjoni għas-sottoskrizzjoni u t-tip ta’ ħruġ ma taqax għal kollox taħt id-diskrezzjoni tal-laqgħa ġenerali. Bl-istess mod bħall-obbligu ta’ rapport imsemmi fl-Artikolu 29(4) tad-Direttiva 77/91, l-obbligi ta’ informazzjoni addizzjonali inklużi fil-liġi nazzjonali fil-fatt għandhom l-għan li jiggarantixxu li, fl-interess tal-azzjonisti u tal-kredituri, id-deċiżjoni tkun oġġettivament iġġustifikata ( 30 ). Għaldaqstant, indipendentament mill-fatt dwar jekk ir-rapporti għandhomx is-saħħa ta’ liġi jew le, il-laqgħa ġenerali għandha tadotta din id-deċiżjoni fl-interess tal-azzjonisti fuq il-bażi tar-rapporti ppreżentati lilha. Minn dan jirriżulta li, skont l-Artikolu 159 tal-LSA, il-ħtiġiet dettaljati fir-rigward tal-ħruġ ta’ ishma ġodda ( 31 ) jservu sabiex jipproteġu l-azzjonisti u għalhekk ma jistgħux jitqiesu sempliċement bħala dispożizzjonijiet proċedurali ( 32 ). Għall-kuntrarju, dawn għandhom jitqiesu bħala garanzija addizzjonali li ma jippermettux l-iffissar ta’ prezz ta’ ħruġ baxx b’mod sproporzjonat.

67.

Fid-dawl ta’ dak li ġie espost preċedentement, ma jidhirx kif l-Artikolu 159 tal-LSA jista’ jikser l-Artikolu 42 flimkien mal-Artikolu 29(1) u (4) tad-Direttiva 77/91.

68.

Għaldaqstant, l-ewwel motiv għandu jiġi miċħud bħala infondat.

2. Fuq it-tieni motiv

69.

Permezz tat-tieni motiv, il-Kummissjoni tinvoka l-ksur tal-Artikolu 29(1) tad-Direttiva 77/91, għar-raġuni li l-Artikolu 158(1) tal-LSA jippermetti l-jedd ta’ prelazzjoni għas-sottoskrizzjoni ta’ ishma fil-każ ta’ żieda fil-kapital azzjonarju permezz ta’ investiment bi flus kontanti mhux biss lill-azzjonisti, iżda wkoll lid-detenturi ta’ bonds li jistgħu jinbidlu f’ishma.

70.

Jeħtieġ li wieħed jaqbel mal-Kummissjoni dwar il-fatt li hija tikkonstata li, safejn l-Artikolu 158(1) tal-LSA, kuntrarjament għall-Artikolu 29(1) tad-Direttiva 77/91 li jieħu inkunsiderazzjoni l-azzjonisti biss ( 33 ), jagħti l-jedd ta’ prelazzjoni għas-sottoskrizzjoni anki lid-detenturi ta’ bonds li jistgħu jinbidlu f’ishma, teżisti, tal-inqas fir-rigward tal-kontenut litterali tiegħu, kontradizzjoni mad-dispożizzjoni tad-Direttiva ( 34 ), li jissuġġerixxi ksur tad-dritt Komunitarju.

71.

Għalkemm il-Gvern Spanjol għaraf l-eżistenza ta’ din il-kontradizzjoni mal-kontenut tad-direttiva ( 35 ), huwa jsostni li l-Artikolu 29(1) tad-Direttiva 77/91 jistabbilixxi li l-ishma l-ġodda għandhom jiġu offruti “fuq bażi preventiva [ta’ prelazzjoni]” u mhux “fuq bażi esklużiva”. Barra minn hekk il-Gvern Spanjol jiċħad interpretazzjoni litterali tad-Direttiva 77/91, u minflok jinvoka interpretazzjoni li hija bbażata fuq l-għanijiet tagħha u fuq l-interessi tal-kumpannija, li tkun tinkludi d-detenturi ta’ bonds li jistgħu jinbidlu f’ishma fil-kategorija ta’ persuni koperti mill-Artikolu 29(1) tad-Direttiva 77/91.

72.

Fl-opinjoni tiegħi, interpretazzjoni bħal dik issuġġerita mill-Gvern Spanjol mhux biss tmur kontra l-kontenut ċar tal-Artikolu 29(1) tad-Direttiva 77/91, iżda lanqas tista’ tkun ibbażata fuq interpretazzjoni sistematika jew teleologika ta’ din id-dispożizzjoni.

73.

L-Artikolu 29(1) tad-Direttiva 77/91 jistabbilixxi, b’mod ċar, li f’kull każ ta’ żieda fil-kapital azzjonarju, l-ishma għandhom jiġu offruti b’jedd ta’ prelazzjoni għas-sottoskrizzjoni lill-azzjonisti “fil-proporzjon tal-kapital rappreżentat mill-ishma tagħhom”. Kif ġie osservat b’mod korrett mill-Kummissjoni, il-bonds li jistgħu jinbidlu f’ishma madankollu ma jiffurmawx parti mill-kapital azzjonarju tal-kumpannija. B’hekk jirriżulta diġà li huwa impossibbli jinħarġu ishma fi proporzjon tal-kwota favur dawk id-detenturi ta’ bonds li jistgħu jinbidlu f’ishma.

74.

Kuntrarjament għal dak li sostna l-Gvern Spanjol, il-kunċett ta’ “azzjonisti” skont l-Artikolu 29(1) tad-Direttiva 77/91 lanqas jista’ jiġi mifhum fis-sens li jinkludi anki dawk id-detenturi ta’ bonds li jistgħu jinbidlu f’ishma. Għall-kuntrarju, meta tqabbel l-Artikolu 29(1) mal-Artikolu 29(6) tad-Direttiva 77/91 jirriżulta li meta rregola l-jedd ta’ prelazzjoni għas-sottoskrizzjoni tal-azzjonisti, il-leġiżlatur Komunitarju kien jaf sew bl-eżistenza ta’ bonds li jistgħu jinbidlu f’ishma u titoli simili, l-iktar jekk jiġi kkunsidrat li l-Artikolu 29(6) tad-Direttiva 77/91 isemmi “titoli [bonds] li jistgħu jinbidlu f’ishma”. Din id-dispożizzjoni kienet tkun żejda kieku d-detenturi ta’ bonds li jistgħu jinbidlu f’ishma kellhom jiġu kkunsidrati bħala azzjonisti.

75.

Kif isostni ġustament il-Gvern Spanjol, l-Artikolu 29(1) tad-Direttiva 77/91 ma jsemmix offerta “esklużiva” ta’ ishma ġodda lill-azzjonisti. Dan lanqas huwa l-għan tal-jedd ta’ prelazzjoni għas-sottoskrizzjoni tal-azzjonisti, li huwa suġġett ta’ din l-kawża. F’dan is-sens, l-allegazzjonijiet tal-Gvern Spanjol huma żbaljati. Pjuttost huwa l-każ ta’ rikonoxximent ex lege ta’ pożizzjoni ġuridika żbaljata ( 36 ), li tippermetti lill-azzjonisti, fil-każ ta’ żieda fil-kapital, ix-xiri bi prelazzjoni għas-sottoskrizzjoni tal-ishma l-ġodda. Id-direttiva timponi l-obbligu fuq il-Gvern Spanjol li, fit-traspożizzjoni fid-dritt nazzjonali, jistabbilixxi l-kundizzjonijiet legali sabiex din il-prijorità tkun tista’ tiġi eżerċitata. Dan jikkorrispondi għall-obbligu tiegħu li jiggarantixxi l-applikazzjoni sħiħa tad-direttiva, fid-dawl tal-għan tagħha ( 37 ). Dawn il-kundizzjonijiet legali ma jeżistux kemm il-darba d-detenturi ta’ bonds li jistgħu jinbidlu f’ishma jkunu jistgħu jikkompetu mal-azzjonisti għall-jedd ta’ prelazzjoni għas-sottoskrizzjoni, mingħajr mal-jedd tal-azzjonisti espressament protett mid-direttiva jirnexxielu jipprevali ( 38 ).

76.

L-Artikolu 158(1) tal-LSA jmur kontra l-għan tal-Artikolu 29(1) tad-Direttiva 77/91, li huwa li jiggarantixxi l-jedd ta’ prelazzjoni għas-sottoskrizzjoni. Kif semmejt preċedentement, dan id-dritt għandu l-għan li jipproteġi l-azzjonisti minn tnaqqis tas-sehem tagħhom fil-kapital tal-kumpannija b’responsabbiltà limitata ( 39 ). Madankollu, dan l-għan jiġi vanifikat jekk il-jedd ta’ prelazzjoni għas-sottoskrizzjoni jiġi rikonoxxut anki lid-detenturi ta’ bonds li jistgħu jinbidlu f’ishma. B’hekk ikun hemm kompetizzjoni mal-azzjonisti fil-każ ta’ ħruġ ta’ ishma ġodda fil-kuntest ta’ żieda fil-kapital tal-kumpannija ( 40 ).

77.

L-eżerċizzju ta’ dan id-dritt fil-fatt jippermettilhom jixtru sehem fil-kapital azzjonarju mingħajr mal-ewwel ikollhom jikkonvertu l-bonds tagħhom f’ishma. Bħala konsegwenza hemm ir-riskju għall-azzjonisti li jaraw is-sehem tagħhom jitnaqqas favur id-detenturi ta’ bonds li jistgħu jinbidlu f’ishma minħabba li dawn tal-aħħar eventwalment jistgħu ma jissodisfawx il-ħtiġiet mitluba mil-laqgħa ġenerali għall-konverżjoni tal-bonds tagħhom. Ir-riskju ta’ tnaqqis tas-sehem fil-kapital u għalhekk, ta’ deterjorazzjoni tal-pożizzjoni tal-azzjonisti jissussisti a fortiori meta d-detenturi ta’ bonds li jistgħu jinbidlu f’ishma jissodisfaw il-ħtiġiet għal konverżjoni f’ishma, peress li jingħataw żewġ possibbiltajiet sabiex jixtru ishma fil-kumpannija. Konsegwenza ta’ dan hija preferenza għad-detenturi ta’ bonds li jistgħu jinbidlu f’ishma bi preġudizzju għall-azzjonisti ( 41 ).

78.

Mill-kunsiderazzjonijiet kollha preċedenti jirriżulta billi jagħti l-jedd ta’ prelazzjoni għas-sottoskrizzjoni fil-każ ta’ żieda fil-kapital azzjonarju permezz ta’ investimenti bi flus kontanti mhux biss lill-azzjonisti iżda wkoll lid-detenturi ta’ bonds li jistgħu jinbidlu f’ishma, l-Artikolu 158(1) tal-LSA jmur kontra kemm il-kontenut kif ukoll l-għan tal-Artikolu 29(1) tad-Direttiva 77/91.

79.

Għaldaqstant it-tieni motiv huwa fondat.

3. Fuq it-tielet motiv

80.

Permezz tat-tielet motiv, il-Kummissjoni tinvoka l-ksur tal-Artikolu 29(6), flimkien mal-Artikolu 29(1) tad-Direttiva 77/91, peress li l-Artikolu 293(2) tal-LSA jagħti l-jedd ta’ prelazzjoni għas-sottoskrizzjoni ta’ bonds li jistgħu jinbidlu f’ishma, fil-kuntest ta’ żieda fil-kapital azzjonarju, mhux biss lill-azzjonisti iżda wkoll lid-detenturi ta’ bonds li jistgħu jinbidlu f’ishma.

81.

Bħalma diġà ntqal, l-Artikolu 29(1) tad-Direttiva 77/91 jagħti l-jedd ta’ prelazzjoni għas-sottoskrizzjoni ta’ ishma esklużivament lill-azzjonisti. Mill-Artikolu 29(6) tad-Direttiva 77/91 jirriżulta wkoll li l-paragrafi 1 sa 5 japplikaw għall-ħruġ tal-bonds kollha li jistgħu jinbidlu f’ishma. Għaldaqstant, din ir-referenza għall-Artikolu 29(1) għandha tiġi interpretata fis-sens li d-Direttiva 77/91 tagħti l-jedd ta’ prelazzjoni għas-sottoskrizzjoni lill-azzjonisti fir-rigward ta’ bonds li jistgħu jinbidlu f’ishma ( 42 ) biss.

82.

Għall-kuntrarju, l-Artikolu 293(2) tal-LSA jipprovdi li l-istess dritt għandu jingħata lid-detenturi ta’ bonds li jistgħu jinbidlu f’ishma maħruġa qabel. Anki f’dan ir-rigward għandu jiġi rrilevat li l-leġiżlazzjoni nazzjonali tmur lil hinn minn dak li huwa stabbilit fid-Direttiva 77/91. Billi tmur lil hinn mill-kuntest leġiżlattiv tad-dritt Komunitarju, l-leġiżlazzjoni nazzjonali tikser id-Direttiva 77/91 għaliex tipproduċi effetti negattivi għall-azzjonisti.

83.

Fid-dawl tas-sitwazzjoni diġà deskritta fil-kuntest tat-tieni motiv, fil-fatt, fir-rigward tax-xiri ta’ bonds li jistgħu jinbidlu f’ishma, jeżisti rapport ta’ kompetizzjoni bejn l-azzjonisti u d-detenturi ta’ bonds li jistgħu jinbidlu f’ishma maħruġa qabel. Il-kunsiderazzjonijiet magħmula minni fir-rigward tat-tieni motiv jistgħu jiġu trasposti mutatis mutandis.

84.

Għaldaqstant it-tielet motiv huwa fondat.

4. Fuq ir-raba’ motiv

85.

Permezz tar-raba’ motiv, il-Kummissjoni tinvoka l-ksur tal-Artikolu 29(6) flimkien mal-Artikolu 29(4) tad-Direttiva 77/91, peress li l-LSA ma tipprovdix li l-laqgħa ġenerali tal-azzjonisti tista’ tawtorizza l-esklużjoni ta’ jedd ta’ prelazzjoni għas-sottoskrizzjoni ta’ bonds li jistgħu jinbidlu f’ishma.

86.

L-Artikolu 29(4) tad-Direttiva 77/91 jistabbilixxi li l-laqgħa ġenerali tista’, taħt kundizzjonijiet iddeterminati u speċifikati b’mod dettaljat, tiddeċiedi dwar l-esklużjoni tal-jedd ta’ prelazzjoni għas-sottoskrizzjoni tal-azzjonisti. Skont l-Artikolu 29(6) tad-Direttiva 77/91, din id-dispożizzjoni tapplika wkoll għall-jedd ta’ prelazzjoni għas-sottoskrizzjoni tal-azzjonisti fir-rigward tal-ħruġ ta’ bonds li jistgħu jinbidlu f’ishma.

87.

Fir-rigward tat-traspożizzjoni tal-imsemmija dispożizzjonijiet Komunitarji fid-dritt Spanjol, għandu jiġi rrilevat li l-Artikolu 159 tal-LSA jipprovdi espressament għad-dritt tal-laqgħa ġenerali li tiddeċiedi li teskludi l-jedd ta’ prelazzjoni għas-sottoskrizzjoni. Għall-kuntrarju, l-Artikolu 293 tal-LSA, li jagħti lill-azzjonisti tal-kumpannija l-jedd ta’ prelazzjoni għas-sottoskrizzjoni ta’ bonds li jistgħu jinbidlu f’ishma, ma jipprovdix għall-istess dritt tal-laqgħa ġenerali li teskludi l-jedd ta’ prelazzjoni għas-sottoskrizzjoni ta’ dawn il-bonds. Fil-fatt, filwaqt li skont l-Artikolu 293(3) tal-LSA, id-dispożizzjonijiet imsemmija fl-Artikolu 158 ta’ din il-liġi japplikaw għall-jedd ta’ prelazzjoni għas-sottoskrizzjoni ta’ bonds li jistgħu jinbidlu f’ishma, din ir-referenza ma testendix għall-Artikolu 159 tal-LSA. F’dawn iċ-ċirkustanzi l-Kummissjoni tinvoka l-fatt li l-LSA Spanjola, bħala strument ta’ traspożizzjoni ta’ Stat Membru, titlaq mir-rekwiżiti tad-direttiva, tal-inqas fir-rigward tal-kontenut litterali tagħha.

88.

Din il-konklużjoni lanqas tidher affettwata mill-argumenti tal-Gvern Spanjol, li jsostni li hemm bżonn li d-dispożizzjonijiet tal-LSA jingħataw interpretazzjoni sistematika sabiex ikun jista’ jiġi konkluż li l-leġiżlazzjoni Spanjola fil-qasam tal-kumpanniji b’responsabbiltà limitata tipprovdi għal esklużjoni tal-jedd ta’ prelazzjoni għas-sottoskrizzjoni. Il-Gvern Spanjol ma rnexxilux jispjega għal-liema raġuni l-Artikolu 293(3) tal-LSA ma jagħmilx direttament referenza għad-dispożizzjoni ċentrali msemmija fl-Artikolu 159 tal-LSA li tirrigwarda l-esklużjoni tal-jedd ta’ prelazzjoni għas-sottoskrizzjoni, li kien jappoġġja l-interpretazzjoni invokata mill-istess Gvern.

89.

Jiena konxja sew tal-fatt li, sabiex tiġi eżaminata l-kwistjoni dwar jekk dispożizzjoni tad-dritt nazzjonali tkunx kuntrarja għad-dritt Komunitarju, mhuwiex biżżejjed li wieħed jibbaża ruħu fuq it-test ta’ din id-dispożizzjoni, iżda għandu jittieħed ukoll inkunsiderazzjoni l-mod kif din tiġi interpretata mill-qrati nazzjonali ( 43 ). Inkwantu espressjoni tal-interpretazzjoni vinkolanti tal-liġi għas-suġġetti kollha tas-sistema legali, il-ġurisprudenza ta’ Stat Membru hija kriterju indispensabbli għall-evalwazzjoni tal-konformità tat-traspożizzjoni u l-interpretazzjoni tad-dritt nazzjonali mad-dritt Komunitarju. Madankollu, il-Gvern Spanjol ma ta prova tal-ebda element li jistabbilixxi li l-interpretazzjoni tal-LSA mill-qrati superjuri hija konformi mad-dritt Komunitarju u fuq kollox, mal-opinjoni dominanti fid-duttrina ( 44 ). Minflok, huwa bbaża ruħu fuq l-interpretazzjoni tiegħu tal-liġi, mingħajr ma solva għal kollox id-dubji li baqgħu jippersistu fir-rigward tat-traspożizzjoni korretta tad-direttiva. Għalhekk, fid-dawl tar-regoli proċedurali dwar l-oneru tal-prova, l-argument tiegħu ma jistax jiġi kkunsidrat bħala suffiċjentement motivat.

90.

Minkejja dawn il-kunsiderazzjonijiet, naqbel mal-argument tal-Kummissjoni li, fi kwalunkwe każ, l-imsemmija dispożizzjonijiet nazzjonali mhumiex preċiżi u ċari, u bħala konsegwenza ma jirrispondux għall-ħtiġiet ta’ ċertezza legali u kjarezza.

91.

Huwa veru li t-traspożizzjoni ta’ direttiva fid-dritt nazzjonali ma teħtieġx neċessarjament riproduzzjoni formali u testwali tad-dispożizzjonijiet tagħha f’dispożizzjoni legali espressa u speċifika ( 45 ). Madankollu, skont ġurisprudenza stabbilita, sabiex jiggarantixxu l-applikazzjoni sħiħa tad-dritt Komunitarju, l-Istati Membri għandhom mhux biss jaraw li l-liġijiet tagħhom ikunu konformi mad-dritt Komunitarju, iżda għandhom joħolqu sitwazzjoni preċiża biżżejjed, ċara u trasparenti sabiex l-individwi jkunu jistgħu jkunu jafu bid-drittijiet kollha tagħhom u jinvokawhom quddiem il-qrati nazzjonali ( 46 ). Il-leġiżlatur Spanjol ma ttrasponiex l-Artikolu 29(6) flimkien mal-Artikolu 29(4) tad-Direttiva 77/91 b’mod korrett, peress li mill-Artikolu 293(3) tal-LSA ma jirriżultax b’mod ċar li l-laqgħa ġenerali tal-azzjonisti tista’ teskludi l-jedd ta’ prelazzjoni għas-sottoskrizzjoni ta’ bonds li jistgħu jinbidlu f’ishma.

92.

Għaldaqstant, dan il-motiv ukoll huwa fondat.

VII — Fuq l-ispejjeż

93.

Skont l-Artikolu 69(2) tar-Regoli tal-Proċedura, il-parti li titlef il-kawża għandha tbati l-ispejjeż. Peress li r-Renju ta’ Spanja sostanzjalment tilef, hemm lok li jiġi kkundannat għall-ispejjeż.

VIII — Konklużjoni

94.

Fid-dawl tal-kunsiderazzjonijiet preċedenti, nipproponi lill-Qorti tal-Ġustizzja tiddeċiedi bil-mod li ġej:

—

tiddikjara li, peress li ma ttrasponiex, b’mod korrett, id-Direttiva 77/91, ir-Renju ta’ Spanja naqas milli jwettaq l-obbligi tiegħu taħt l-imsemmija direttiva u, b’mod partikolari:

a)

l-Artikolu 29(1) tal-istess direttiva, peress li jagħti l-jedd ta’ prelazzjoni għas-sottoskrizzjoni ta’ ishma fil-każ ta’ żieda fil-kapital azzjonarju permezz ta’ investimenti bi flus kontanti mhux biss lill-azzjonisti iżda wkoll lid-detenturi ta’ bonds li jistgħu jinbidlu f’ishma;

b)

l-Artikolu 29(6) tal-istess direttiva, flimkien mal-Artikolu 29(1), peress li jagħti l-jedd ta’ prelazzjoni għas-sottoskrizzjoni ta’ bonds li jistgħu jinbidlu f’ishma mhux biss lill-azzjonisti iżda wkoll lid-detenturi ta’ bonds li jistgħu jinbidlu f’ishma maħruġa qabel;

c)

l-Artikolu 29(6) tal-istess direttiva flimkien mal-Artikolu 29(4) peress li ma jipprovdix li l-laqgħa ġenerali tal-azzjonisti tista’ tawtorizza l-esklużjoni tal-jedd ta’ prelazzjoni għas-sottoskrizzjoni ta’ bonds li jistgħu jinbidlu f’ishma;

—

fir-rigward tal-kumplament, tiċħad ir-rikors bħala infondat;

—

tikkundanna lir-Renju ta’ Spanja għall-ispejjeż.


( 1 ) Lingwa oriġinali: il-Ġermaniż.

( 2 ) It-tieni Direttiva tal-Kunsill 77/91/KEE, tat-13 ta’ Diċembru 1976, dwar il-koordinazzjoni ta’ salvagwardji li, għall-protezzjoni tal-interessi ta’ membri u oħrajn, huma meħtieġa mill-Istati Membri ta` kumpanniji fis-sens tat-tieni paragrafu tal-Artikolu 58 tat-Trattat, dwar il-formazzjoni ta’ kumpanniji pubbliċi ta’ responsabbilità limitata u ż-żamma u t-tibdil tal-kapital tagħhom, bil-għan li jagħmlu dawn is-salvagwardji ekwivalenti (ĠU 1977, L 26, p. 1)

( 3 ) It-bonds li jistgħu jinbidlu f’ishma huma bonds li jagħtu lid-detenturi tagħhom, apparti dritt ta’ rimbors inkwantu dritt partikolari ta’ użu, l-għażla li l-bonds jinbidlu f’ishma jew li joħorġu ishma ġodda (ara Nagele, Kommentar zum Aktiengesetz [Ed. Peter Jabornegg/Rudolf Strasser], ir-4 edizzjoni, Vjenna 2002, III (§§ 145-273 AktG), punt 5, p. 5; K.-N Peifer., Münchener Kommentar zum Aktiengesetz, it-2 edizzjoni, 2005, § 186 AktG, punt 33; U. Hüffer, Aktiengesetz, it-8 edizzjoni, Vol. 53, § 160 AktG, punt 12; B. Holland, “Die Bedienung von Wandelanleihen aus genehmigtem Kapital”, Neue Zeitschrift für Gesellschaftsrecht, 2006, Volum 23, p. 892; M. Kocbek, Veliki komentar Zakona o gospodarskih družbah / ZGD-1 [Ed. Marijan Kocbek], 2 Vol., Ljubljana 2007, Art. 371, p. 664 et seq). Mill-aspett finanzjarju, il-bonds li jistgħu jinbidlu f’ishma jikkostitwixxu titoli ibridi minħabba li dawn jiggarantixxu, fl-ewwel lok, inkwantu bonds, dħul fiss, u fil-każ tal-konverżjoni tagħhom, dħul varjabbli (ara A. J. Tapia Hermida, “Obligaciones convertibles”, Diccionario de Derecho de Sociedades [Ed. Carmen Alonso Ledesma], Madrid 2006, p. 820 et seq).

( 4 ) Sal-lum ġew adottati u trasposti għaxar direttivi ta’ approssimazzjoni fil-qasam tad-dritt tal-kumpanniji stricto sensu, fuq il-bażi tal-Artikolu 44(2)(g) KE (ara P. Kindler, Münchener Kommentar zum BGB, ir-4 edizzjoni, 2006, vol. 11, punt. 33; P. Behrens, Handbuch des EU-Wirtschaftsrechts, vol. 1, Munich 2004, E. III, punt 10, p. 10; V. Trstenjak/M. Kocbek, Evropsko pravo gospodarskih družb, Ljubljana 2004, p. 31 sa 50).

( 5 ) L-importanza fundamentali tad-Direttiva 77/91 tinsab, qabel xejn, fil-fatt li hija tistabbilixxi, fuq livell Komunitarju, il-prinċipju tal-kapital fiss, elaborat fil-pajjiżi tal-Ewropa Kontinentali: peress li l-azzjonisti ma jirrispondux personalment għad-djun tal-kumpannija, din tal-aħħar għandu jkollha, bħala protezzjoni għall-kredituri, kapital minimu li jiġi ggarantit permezz ta’ regoli stretti dwar iż-żamma tal-kapital. Għaldaqstant, id-direttiva ma tirregolax biss il-valur minimu tal-kapital, iżda wkoll, u qabel kollox, il-proċeduri sabiex jiġu pprovduti kontribuzzjonijiet fi flus jew kwalunkwe forma ta’ kontribuzzjoni oħra, ix-xiri mill-kumpannija tal-ishma tagħha stess, it-tneħħija ta’ ishma u tibdil fil-kapital permezz ta’ żidiet jew tnaqqis fil-kapital. Madankollu, l-għan tad-direttiva mhuwiex biss li tipproteġi lill-kredituri iżda hija tirregola wkoll iż-żieda u ż-żamma tal-kapital ta’ garanzija. Skont it-tieni u l-ħames premessi tagħha, hija tipproteġi wkoll lill-azzjonisti. Dan il-għan jintlaħaq, b’mod partikolari, permezz tad-dispożizzjonijiet li jirrigwardaw il-parteċipazzjoni tal-laqgħa ġenerali f’miżuri finanzjarji u l-obbligi ta’ informazzjoni fil-każ ta’ telf konsistenti, l-introduzzjoni ta’ jedd ta’ prelazzjoni tal-azzjonisti fil-każ ta’ żidiet fil-kapital u l-kodifikazzjoni tal-prinċipju ta’ trattament ugwali. Barra minn hekk, id-direttiva tirregola kwistjonijiet essenzjali marbuta mat-twaqqif ta’ kumpanniji b’responsabbiltà limitata. F’dan is-sens, għandha ssir referenza għad-dispożizzjonijiet li jirrigwardaw il-kontenut minimu tal-istatut, tal-att ta’ inkorporazzjoni jew ta’ dokument separat (ara M. Habersack, Europäisches Gesellschaftsrecht, it-3 edizzjoni, Munich 2006, punti 3 u 4, p. 129 et seq; M. Lutter, Europäisches Unternehmensrecht, ir-4 edizzjoni, Berlin 1996, p. 109 et seq).

( 6 ) Għal eżami tal-iżvilupp tal-jedd ta’ prelazzjoni fis-sistemi legali tal-Ġermanja, l-Italja, Franza, ir-Renju Unit, il-Belġju, il-Portugall u l-Iżvizzera għandha ssir referenza għal D. Vásquez Albert, “El derecho de suscripción preferente en Europa”, Revista de derecho de sociedades, Nru 11 (1999), p. 79 sa 131.

( 7 ) Ara D. Vásquez Albert, “El derecho de suscripción preferente en el Derecho Comunitario”, Revista de derecho mercantil, Nru 230 (1998), p. 1693. F’dan ir-rigward, il-liġi Ġermaniża dwar il-kumpanniji b’responsabbiltà limitata influwenzat id-Direttiva 77/91 b’mod determinanti, kemm fir-rigward tal-istruttura kif ukoll fir-rigward tal-kontenut, u dan żgur li ħoloq xi diffikultajiet ta’ implementazzjoni għall-Istati Membri li s-sistema legali tagħhom taqa’ taħt is-sistema ta’ Common Law (ara V. Trstenjak/M. Kocbek, op. cit. (nota ta’ qiegħ il-paġna 4), p. 34; J. N. Schutte-Venstra, Harmonisatie van het kapitaalbeschermingsrecht in de EEG, Apeldoom 1991, p. 16).

( 8 ) J. Natterer, Kapitalveränderung der Aktiengesellschaft, Bezugsrecht der Aktionäre und sachlicher Grund, Bielefeld 2000, p. 8; K.-N. Peifer, op. cit. (nota ta’ qiegħ il-paġna 3), § 186 AktG, punt 16; Lamy Sociétés Commerciales (Jacques Mestre/Dominique Velardocchio edituri), Rueil-Malmaison 2008, p. 1835. Ara, f’dan ir-rigward, is-sentenza tad-19 ta’ Novembru 1996, Siemens, (C-42/95, Ġabra. P. I-6017, punt 19), fejn il-Qorti tal-Ġustizzja teżamina l-għan tal-prinċipju tal-jedd ta’ prelazzjoni, li jikkonsisti fiċ-ċaħda tat-tnaqqis tal-kwota tas-sehem fil-kapital azzjonarju tal-kumpannija.

( 9 ) Ara, f’dan ir-rigward, K. Grechenig, “Discriminating Shareholders through the Exclusion of Pre-emption Rights?”, European company and financial law review, Vol. 4 (2007), nru 4, p. 577. P. Yanes Yanes, “Derecho de suscripción preferente”, Diccionario de Derecho de Sociedades (Carmen Alonso Ledesma editur), Madrid 2006, p. 511 u P. Davies, Gower and Davies’ Principles of Modern Company Law, is-7 edizzjoni, Londra 2003, p. 631 et seq, li jsostnu li l-jedd ta’ prelazzjoni għandu żewġ funzjonijiet. Minn naħa, huwa għandu l-għan li jipproteġi l-azzjonista minn tnaqqis fis-sehem ekonomiku tiegħu fil-kumpannija. Minn naħa l-oħra, dan id-dritt għandu jżommu milli jitlef il-possibbiltà li jeżerċita xi influwenza fuq il-ħajja tal-kumpannija. A. Pisani Massamormile, “Aumento del capitale sociale”, Armonie e disarmonie nel diritto comunitario delle società di capitali, Vol. 1, Milan 2003, p. 714, jiddistingwi bejn funzjoni ta’ natura amministrattiva (marbuta mal-piż tal-vot ta’ kull azzjonista) u funzjoni ta’ natura patrimonjali tal-jedd ta’ prelazzjoni (fir-rigward tad-dritt ta’ kull azzjonista li jingħata parti mill-qligħ).

( 10 ) Ara s-sentenzi tat-30 ta’ Mejju 1991, Karella (C-19/90 u C-20/90, Ġabra p. I-2691, punti 25 u 30) u tal-24 ta’ Marzu 1992, Epas (C-381/89, Ġabra p. I-2111, punti 27 u 32).

( 11 ) Ara s-sentenzi tat-12 ta’ Mejju 2005, Il-Kummissjoni vs Il-Belġju (C-287/03, Ġabra p. I-3761, punt 27), tal-14 ta’ April 2005, Il-Kummissjoni vs Il-Ġermanja (C-341/02, Ġabra p. I-2733, punt 35), tad-29 ta’ Mejju 2001, Il-Kummissjoni vs L-Italja (C-263/99, Ġabra p. I-4195, punt 27), tat-8 ta’ Marzu 2001, Il-Kummissjoni vs Il-Ġermanja (C-68/99, Ġabra p. I-1865, punt 38), tat-23 ta’ Ottubru 1997, Il-Kummissjoni vs Franza (C-159/94, Ġabra p. I-5815, punt 102) kif ukoll tal-25 ta’ Mejju 1982, Il-Kummissjoni vs L-Olanda (96/81, Ġabra p. 1791, punt 6).

( 12 ) Sentenza tat-22 ta’ Settembru 1988, Il-Kummissjoni vs Il-Greċja (272/86, Ġabra p. 4875, punt 21).

( 13 ) K. Grechenig, Spanisches Aktien- und GmbH-Recht — Das einstufige Verwaltungssystem in Beziehung zur Hauptversammlung und zu Gesellschafterrechen, Vjenna 2005, p. 136, li għalkemm jikkunsidra li s-sitwazzjoni msemmija fit-tieni paragrafu tal-Artikolu 159(1)(ċ) LSA, għal raġunijiet ta’ protezzjoni tal-azzjonisti, hija sors ta’ inkwiet u, f’dan ir-rigward, jagħmel referenza għal din il-kawża dwar nuqqas ta’ twettiq ta’ obbligu kontra r-Renju ta’ Spanja, ma jikkonkludix li jeżisti trattament diskriminatorju fir-rigward tal-azzjonisti.

( 14 ) D. Vásquez Albert, op. cit. (nota ta’ qiegħ il-paġna 7), p. 1714, isostni li s-sistemi legali tal-Istati Membri, b’mod ġenerali, jistabbilixxu regoli iktar stretti mid-dritt Komunitarju. Skont l-awtur, in-natura tad-Direttiva 77/91 bħala standard ta’ protezzjoni minima jippermetti l-adozzjoni ta’ dispożizzjonijiet iktar stretti mill-Istati Membri. J. Natterer, “Bezugsrechtssausschluss und zweite gesellschaftsrechtliche Richtlinie”, Zeitschrift für Wirtschaftsrecht, 1995, p. 1483, ukoll jikkunsidra d-Direttiva 77/91 bħala standard ta’ protezzjoni minima u f’dan ir-rigward jirreferi għat-tieni premessa.

( 15 ) Skont l-Artikolu 25(1) tad-Direttiva 77/91, iż-żidiet fil-kapital jiġu deċiżi mil-laqgħaġenerali.

( 16 ) Ara s-sentenzi tas-27 ta’ Marzu 1980, Salumi et, (66/79, 127/79 u 128/79, Ġabra p. 1237, punt 14), tal-20 ta’ Settembru 1988, Spanja vs Il-Kunsill (203/86, Ġabra p. 4563, punt 25), tas-17 ta’ April 1997, EARL de Kerlast, (C-15/95, Ġabra p. I-1961, punt. 35), tat-13 ta’ April 2000, Karlsson et, (C-292/97, Ġabra p. I-2737, punt 39), tas-6 ta’ Marzu 2003, Niemann (C-14/01, Ġabra p. I-2279, punt 49), u tat-22 ta’ Ġunju 2006, Il-Belġju vs Il-Kummissjoni (C-182/03, Ġabra p. I-5479 punt 170).

( 17 ) Ara r-risposta, punt 34.

( 18 ) Ara r-rikors, punt 23 u r-risposta, punti 10 u 22.

( 19 ) Skont M. Rossi, f’Calliess/Ruffert (editur), Kommentar zu EUV/EGV, 3 Edizzjoni, 2007, “Art. 20 Grundrechtecharta” (Karta tad-Drittijiet Fundamentali), punt 19, p. 2629, il-prinċipju ġenerali ta’ trattament ugwali huwa kkaratterizzat minn eżami ta’ żewġ jew tliet fażijiet. Fl-ewwel fażi għandu jiġi aċċertat jekk jeżistix trattament differenti ta’ każijiet simili (jew trattament identiku għal sitwazzjonijiet differenti). Fit-tieni fażi għandu jiġi vverifikat jekk dan it-trattament differenti (jew trattament identiku) jistax jiġi ġġustifikat. Eventwalment tista’ ssir verifika tal-proporzjonalità.

( 20 ) K. Grechenig, op. cit. (nota ta’ qiegħ il-paġna 9), p. 581, jilmenta dwar il-kontenut leġiżlattiv wiesa’ tal-klawżola fuq it-trattament ugwali inkluża fl-Artikolu 42 tad-Direttiva 77/91. W. Hefermehl, / E. Bungeroth,, Aktiengesetz, Vol. 1, Munich 1984, “§ 53a”, punt 13, p. 14, jikkritikaw in-natura vaga ta’ din id-dispożizzjoni. S. Grundmann, Europäisches Gesellschaftsrecht, Heidelberg 2004, punt 325, p. 146, jesponi, għal dak li jikkonċerna l-loġika ta’ din il-klawżola, li anki jekk huwa veru li l-prinċipju ta’ trattament ugwali japplika fuq kollox għal kwistjonijiet li jirrigwardaw il-kapital, madankollu huwa fformulat f’termini ġeneriċi. Bħala konsegwenza, dan għandu jiġi kkonkretizzat permezz ta’ regoli speċifiċi.

( 21 ) W Hefermehl,./ E. Bungeroth,, op. cit. (nota ta’ qiegħ il-paġna 20), “§ 53a”, punti 13 u 14, p. 14, isostnu, għal dak li jikkonċerna l-kliem tal-Artikolu 53a Aktiengesetz [Liġi Ġermaniża dwar il-Kumpanniji b’Responsabbiltà Limitata] (“unter gleichen Voraussetzungen”), li jittrasponi l-Artikolu 42 tad-Direttiva 77/91 fis-sistema legali Ġermaniża, isostnu li din id-dispożizzjoni tħalli spazju għal differenzi xierqa. B’dan il-mod tiġi evitata riġidità tal-prinċipju ta’ trattament ugwali li tkun estranja għar-realtà. Għaldaqstant, l-awturi jinterpretaw din id-dispożizzjoni bħala projbizzjoni ta’ aġir arbitrarju. F’sens analogu, ara wkoll S. Grundmann, op. cit. (nota ta’ qiegħ il-paġna 20), punt 325, p. 146; E. Bujalka, Der Schutz von Minderheitsaktionären bei Umstrukturierungen im deutschen und slowakischen Aktienrecht, Frankfurt fuq il-Main 2006, p. 56; M. J. Castellano Ramírez, “Aumento del capitale sociale”, Armonie e disarmonie nel diritto comunitario delle società di capitali, Vol. 1, Milan 2003, p. 837. Kif isostni D. Vásquez Albert, Comentarios a la Ley de Sociedades Anónimas (Ed. Ignacio Arroyo u José Miguel Embid), Vol. II, “Artikolu 159”, p. 1671 et seq, il-prinċipju ta’ trattament ugwali mhuwiex espressament previst fid-dritt Spanjol dwar kumpanniji b’responsabbiltà limitata, iżda ġie żviluppat prinċipalment mid-duttrina li hija bbażata fuq il-kunċett legali li jinsab fl-Artikolu 42 tad-Direttiva 77/91. Skont l-awtur, il-principju ta’ trattament ugwali ma jirrikjedix li l-azzjonisti kollha jkunu ttrattati bl-istess mod. Huwa jipprojbixxi esklużivament trattament differenti li jkun arbitrarju jew diskriminatorju, iżda mhux trattament differenti oġġettivament iġġustifikat. L-awtur isostni li ksur tal-prinċipju ta’ trattament ugwali fil-każ ta’ żieda fil-kapital jeżisti, pereżempju, fejn parti mill-ishma l-ġodda tinħareġ biss favur parti waħda mill-azzjonisti, bl-esklużjoni tal-azzjonisti l-oħra u tal-ishma.

( 22 ) Minkejja dan, din tkun presuppost għall-applikabilità tal-prinċipju ta’ trattament ugwali taħt il-profil tad-dritt tal-kumpanniji b’responsabbiltà limitata; dan fil-fatt japplika bħala prinċipju, biss għal relazzjonijiet soċjetarji bejn il-kumpannija b’responsabbiltà limitata u l-azzjonisti tagħha (ara W. Hefermehl, / E. Bungeroth,, op. cit. (nota ta’ qiegħ il-paġna 20), § 53 a, punt 19, p. 16).

( 23 ) Ara r-replika, punt 16.

( 24 ) Skont ir-raba’ sentenza tal-Artikolu 186(3) tal-Aktiengesetzes (Liġi Ġermaniża dwar il-Kumpanniji b’Responsabbiltà Limitata), il-prezz tal-ħruġ ma jistax “ikun kunsiderevolment inqas” mill-prezz tas-suq. L-Artikolu 255(1) tal-Aktiengesetzes jippermetti l-kontestazzjoni ta’ żieda fil-kapital magħmula għal kunsiderazzjoni. Skont din id-dispożizzjoni, fil-każ li l-jedd ta’ prelazzjoni tal-azzjonisti jkun ġie eskluż kompletament jew parzjalment, il-kontestazzjoni tista’ tkun ibbażata anki fuq il-fatt li l-ammont ta’ ħruġ li jirriżulta mid-deċiżjoni ta’ żieda jew l-ammont minimu li l-ishma l-ġodda ma jistgħux jinħarġu taħtu, huwa “baxx b’mod sproporzjonat”. Minn dan jista’ jiġi dedott li, skont id-dritt Ġermaniż, roħs huwa żgur possibbli taħt kundizzjonijiet limitati (ara, f’dan is-sens, M. Schlitt/O. Seiler, “Aktuelle Rechtsfragen bei Bezugsrechtsemissionen”, Wettbewerb in Recht und Praxis (2003), Vol. 45, p. 2176).

( 25 ) L-Artikolu 7 tad-Digriet Nru 2005-112, tal-10 ta’ Frar 2005, li jemenda l-Artikolu 155-5 tad-Digriet Nru 67-236, tat-23 ta’ Marzu 1967, dwar il-Kumpanniji Kummerċjali u dwar il-Bonds Maħruġa (Décret no 2005-112 du 10 février 2005 modifiant le décret no 67 236 du 23 mars 1967 sur les sociétés commerciales et relatif aux valeurs mobilières émises par les sociétés commerciales, Journal Officiel de la Republique Française, nru 36 tat-12 ta’ Frar 2005, p. 2404, test Nru 30) jipprovdi li l-prezz tal-ħruġ għandu jikkorrispondi mill-inqas għall-valur medju li jirriżulta mill-tendenzi tal-kwotazzjoni tal-aħħar tliet seduti tal-Borża li jippreċedu l-iffissar tal-istess, eventwalment “bi skont ta’ massimu 5 %”.

( 26 ) L-Artikolu 2441(6) tal-Kodiċi Ċivili Taljan jistabbilixxi li l-prezz tal-ħruġ għandu jieħu inkunsiderazzjoni t-tendenzi tal-kwotazzjonijiet fl-aħħar sitt xhur.

( 27 ) Skont l-Artikolu 400(2) tal-Liġi Slovena dwar il-Kumpanniji Kummerċjali (Zakon o gospodarskih družbah) il-kontestazzjoni tista’ tkun ibbażata wkoll fuq il-fatt li l-valur ta’ ħruġ li jirriżulta mid-deċiżjoni ta’ żieda fil-kapital jew il-valur minimu li taħtu ma jistgħux jinħarġu ishma huwa “baxx b’mod sproporzjonat” (ara f’dan ir-rigward M. Kocbek, Veliki komentar Zakona o gospodarskih družbah/ZGD-1 [Ed. Marijan Kocbek], Vol. 2, Ljubljana 2007, Artikolu 400, p. 738 et seq).

( 28 ) Skont il-“Guidelines” tal-“Pre-emption Group”, li jifformaw parti minnu l-London Stock Exchange kif ukoll diversi kumpanniji u banek ikkwotati fil-Borża, skontijiet ta’ 5 % fir-rigward tal-valur tas-suq huma normalment aċċettati. Madankollu, skontijiet iktar sinifikanti mhumiex esklużi (P. Myners, Pre-emption rights on a public company’s ability to raise new capital, 8 ta’ Frar 2005, p. 47, disponibbli fl-indirizz tal-Internet http://www.berr.gov.uk/files/file28436.pdf). Għalkemm m’għandhomx is-saħħa ta’ liġi, il-“Guidelines” jiġu rrispettati fil-parti l-kbira tal-każijiet (ara f’dan ir-rigward Gower and Davies, The Principles of Modern Company Law, is-7 edizzjoni, Londra 2003, p. 637).

( 29 ) Ara l-punt 56, iktar ’il fuq.

( 30 ) Ara, f’dan is-sens, F. Bagel, Der Ausschluss des Bezugsrechts in Europa, Cologne 1999, p. 352, li jsostni li l-Artikolu 29(4) tad-Direttiva 77/91, billi jipprovdi għal obbligu ta’ informazzjoni, jassumi li d-deċiżjoni tal-laqgħa ġenerali għandha tkun oġġettivament iġġustifikata.

( 31 ) Fl-opinjoni tiegħi dawn id-dispożizzjonijiet huma kompatibbli mad-dritt Komunitarju minħabba li jiffissaw kundizzjonijiet iktar stretti sabiex jipproteġu l-jedd ta’ prelazzjoni tal-azzjonisti. Skont il-ġurisprudenza tal-Qorti tal-Ġustizzja, din hija kundizzjoni imposta mid-Direttiva 77/91 għall-adozzjoni, mill-Istati Membri, ta’ regoli iktar stretti. Dan jirriżulta mis-sentenza tad-19 ta’ Novembru 1996, Siemens vs Nold (iċċitata fin-nota ta’ qiegħ il-paġna 8, punt 22). Is-suġġett ta’ din il-kawża kien talba għal deċiżjoni preliminari mressqa mill-Bundesgerichtshof Ġermaniża, fejn talbet lill-Qorti tal-Ġustizzja tiddeċiedi dwar jekk il-ġurisprudenza elaborata sa dak il-mument fir-rigward tal-esklużjoni tal-jedd ta’ prelazzjoni kinitx konformi mad-dritt Komunitarju. Sa mill-1978, jiġifieri mid-data tad-dħul fis-seħħ tad-direttiva, il-Bundesgerichtshof kienet talbet eżami tal-interessi tal-minoranza u tal-maġġoranza tal-azzjonisti u kienet imponiet il-kundizzjoni li l-esklużjoni tal-jedd ta’ prelazzjoni kellha tkun neċessarja u proporzjonata. Il-Qorti tal-Ġustizzja tat risposta fl-affermattiv billi bbażat fuq il-kompatibbiltà ta’ din il-ġurisprudenza mal-għan ta’ protezzjoni tad-direttiva.

( 32 ) Ara, f’dan ir-rigward, K. Grechenig, op. cit. (nota ta’ qiegħ il-paġna 13), p. 135-137, li jorbot mal-protezzjoni tal-azzjonisti l-prinċipji tal-Artikolu 159 tal-LSA b’konnessjoni mal-esklużjoni tal-jedd ta’ prelazzjoni, l-obbligi tar-rapport tal-kumpannija lil-laqgħa ġenerali u l-iffissar tal-prezz ta’ ħruġ. F. Bagel, op. cit. (nota ta’ qiegħ il-paġna 29), p. 353, isostni li l-Istati Membri stabbilixxew iktar ħtiġiet, formali u sostanzjali, għall-esklużjoni tal-jedd ta’ prelazzjoni fir-rigward ta’ dawk imsemmija fl-Artikolu 29(4) tad-Direttiva 77/91. Fl-opinjoni tiegħu, l-iktar ħtiġiet stretti li jirrigwardaw l-obbligu ta’ rapport u r-rapporti addizzjonali, ma jmorrux kontra d-direttiva iżda anzi jgħinu sabiex l-azzjonisti u l-kredituri jkollhom iktar protezzjoni. Dan jirrifletti wkoll l-opinjoni ta’ H. Henze,, “Das Richtlinienrecht und der Schutz der Minderheitsgesellschaftern und Gläubigern im deutschen Aktienrecht — verdeckte Sacheinlage, Bezugsrecht und Verschmelzungsbericht”, Systembildung und Systemlücken in Kerngebieten des europäischen Privatrechts, 2000, p. 249, li jsostni li l-kontenut tal-Artikolu 29(4) tad-Direttiva 77/91 mhuwiex limitat li jirregola l-aspetti formali, iżda jieħu wkoll inkunsiderazzjoni ċ-ċirkustanzi li jikkontribwixxu għall-protezzjoni tal-azzjonisti b’minoranza billi jimponi l-obbligu fuq il-korp amministrattiv jew ta’ ġestjoni li jippreżenta rapport lil-laqgħa ġenerali li fih jiġu esposti r-raġunijiet għall-esklużjoni tal-jedd ta’ prelazzjoni fil-każ ta’ żieda fil-kapital u jispjega l-prezz ta’ ħruġ propost.

( 33 ) Mill-aspett komparattiv, għandu jiġi osservat li l-Artikolu 29(1) tad-Direttiva 77/91 ġie traspost fil-Ġermanja mill-Artikoli 186 u 221(4) tal-Liġi Ġermaniża dwar il-Kumpanniji b’Responsabbiltà Limitata tas-6 ta’ Settembru 1965 (BGBl I p. 1089, emendata, l-aħħar, bl-Artikolu 11 tal-Liġi tas-16 ta’ Lulju 2007 [BGBl I p. 1330]) u fl-Awstrija mill-Artikoli 153 u 174 tal-Liġi Federali dwar il-Kumpanniji b’Responsabbiltà Limitata tal-31 ta’ Marzu 1965 [Bundesgesetzes über Aktiengesellschaften] (BGBl n. 98/1965, emendat l-aħħar mill- Bundesgesetzblatt I n. 42/2001). Skont dawn id-dispożizzjonijiet, huma biss l-azzjonisti li jibbenefikaw mill-jedd ta’ prelazzjoni fir-rigward ta’ ishma ġodda u bonds li jistgħu jinbidlu f’ishma.

( 34 ) D. Vásquez Albert, op. cit. (nota ta’ qiegħ il-paġna 7), p. 1698; A. Pisani Massamormile, op. cit. (nota ta’ qiegħ il-paġna 9), p. 714, u M. J. Castellano Ramírez., op. cit. (nota ta’ qiegħ il-paġna 21), p. 825 u 829, jikkonstataw, b’mod korrett, li l-Artikolu 29(1) tad-Direttiva 77/91, b’mod kuntrarjament għall-Artikolu 158(1) tal-LSA, ma jagħtix lid-detenturi ta’ bonds li jistgħu jinbidlu f’ishma jedd ta’ prelazzjoni. Castellano Ramírez josserva li l-estensjoni ta’ dan il-jedd għad-detenturi ta’ bonds li jistgħu jinbidlu f’ishma kienet deċiżjoni awtonoma tal-leġiżlatur Spanjol, li ma ġietx adottata fil-kuntest tat-traspożizzjoni tad-Direttiva 77/91.

( 35 ) Ara r-risposta, il-punt 39.

( 36 ) Għall-kuntrarju, skont J. Natterer, op. cit. (nota ta’ qiegħ il-paġna 8), p. 68, il-jedd ta’ prelazzjoni ma jeħtieġ l-ebda dispożizzjoni leġiżlattiva. Skont dan l-awtur, mill-aspett ta’ teorija tal-liġi, il-jedd ta’ prelazzjoni jikkostitwixxi d-dritt naturali tal-membri ta’ persuna ġuridika b’kapitali.

( 37 ) Minn ġurisprudenza stabbilita jirriżulta li t-traspożizzjoni ta’ direttiva għandha tiżgura effettivament l-applikazzjoni sħiħa tagħha. Ara, f’dan ir-rigward, inter alia, is-sentenzi tad-9 ta’ Settembru 1999, Il-Kummissjoni vs Il-Ġermanja, (C-217/97, Ġabra p. I-5087, punt 31); tas-16 ta’ Novembru 2000, Il-Kummissjoni vs Il-Greċja, (C-214/98, Ġabra p. I-9601, punt 49); kif ukoll tal-11 ta’ Lulju 2002, Marks & Spencer, (C-62/00 Ġabra p. I-6325, punt 26).

( 38 ) Bi tqabbil mas-sitwazzjoni legali fil-Ġermanja u fl-Awstrija. Huwa veru li skont l-Artikolu 187 tal-Liġi Ġermaniża dwar Kumpanniji b’Resposabbiltà Limitata u l-Artikolu 154 tal-Liġi Awstrijaka korrispondenti, id-detenturi ta’ bonds li jistgħu jinbidlu f’ishma jistgħu jiġu ggarantiti l-jedd ta’ prelazzjoni fir-rigward ta’ ishma ġodda; madankollu l-jedd ta’ prelazzjoni tal-azzjonisti għandu jinżamm apparti. Dan ir-regolament jikkontribwixxi sabiex il-jedd ta’ prelazzjoni tal-azzjonisti ma jiġix ippreġudikat.

( 39 ) Ara l-punt 45 ta’ dawn il-konklużjonijiet.

( 40 ) Skont K. Grechenig, op. cit. (nota ta’ qiegħ il-paġna 9), nru. 4, p. 583, il-jedd ta’ prelazzjoni jiġi deċiżament limitat fil-każ fejn investituri oħra jkollhom drittijiet simili M. J. Castellano Ramírez,.op. cit. (nota ta’ qiegħ il-paġna 21), p. 829, nota ta’ qiegħ il-paġna 135, isostni li eventwalment l-azzjonisti jistgħu jiġu ppreġudikati fil-każ li minħabba l-kompetizzjoni mad-detenturi ta’ bonds li jistgħu jinbidlu f’ishma, jonqsu l-possibbiltajiet tagħhom li jixtru ishma ġodda. Huwa jagħmel referenza għall-kritika ta’ din id-dispożizzjoni fid-duttrina Spanjola.

( 41 ) F. J. Alonso Espinosa, Comentarios a la Ley de Sociedades Anónimas (Ignacio Arroyo u José Miguel Embid edituri), Vol. III, Artikoli 292, 293 u 294, p. 2815, ukoll jitkellem dwar il-periklu ta’ preferenza sproporzjonata tad-detenturi ta’ bonds li jistgħu jinbidlu f’ishma bi preġudizzju għall-azzjonisti.

( 42 ) Ara, f’dan is-sens, D. Vásquez Albert, op. cit. (nota ta’ qiegħ il-paġna 7), p. 1698.

( 43 ) K. Lenaerts/D. Arts/I. Maselis, Procedural Law of the European Union, it-2 edizzjoni, Londra 2006, punt 5-056, p. 162, josservaw li l-portata ta’ liġijiet, regolamenti jew dispożizzjonijiet amministrattivi nazzjonali għandha tiġi evalwata fid-dawl tal-interpretazzjoni ta’ dawn l-atti mogħtija mill-qrati nazzjonali. L-interpretazzjoni konformi mad-dritt Komunitarju kienet, kif diġà semmejt fin-nota ta’ qiegħ il-paġna 27 f’dawn il-konklużjonijiet, is-suġġett ta’ domanda preliminari mill-Bundesgerichtshof fil-kawża C-42/95, Siemens vs Nold.

( 44 ) Jidher li xi awturi Spanjoli effettivament iddefendew it-teżi li, fin-nuqqas ta’ referenza għall-Artikolu 159 tal-LSA fl-Artikolu 293(3), il-jedd ta’ prelazzjoni fir-rigward ta’ bonds li jistgħu jinbidlu f’ishma ma setax jiġi eskluż (ara, f’dan is-sens, pereżempju F. Vicent Chulia, Compendio crítico de derecho mercantil, it-3 edizzjoni, Barċellona 1991, p. 800). Preżentement, il-parti l-kbira tad-duttrina Spanjola titkellem favur interpretazzjoni sistematika u teleoloġika ta’ dawn id-dispożizzjonijiet jew tal-inqas, favur applikazzjoni analoġika tal-Artikolu 159 tal-LSA tal-jedd ta’ prelazzjoni tad-detenturi ta’ bonds li jistgħu jinbidlu f’ishma (ara F. J. Alonso Espinosa,, op. cit. (nota ta’ qiegħ il-paġna 40), Artikolu 293, p. 2818 et seq; K. Grechenig, op. cit. (nota ta’ qiegħ il-paġna 9), nru 4, p. 584). Madankollu, huwa magħruf li l-applikazzjoni analoġika tippresupponi l-eżistenza ta’ lakuna fil-leġiżlazzjoni li ma kinitx intenzjonata mil-leġiżlatur. Bir-rikors tagħha, il-Kummissjoni tikkritika preċiżament l-eżistenza ta’ lakuna fil-leġiżlazzjoni.

( 45 ) Ara, f’dan ir-rigward, is-sentenzi tal-15 ta’ Marzu 1990, Il-Kummissjoni vs L-Olanda (C-339/87, Ġabra p. I-851, punt 25); tat-28 ta’ Frar 1991, Il-Kummissjoni vs Il-Ġermanja (C-131/88, Ġabra p. I-825, punt 8); kif ukoll tat-30 ta’ Mejju 1991, Il-Kummissjoni vs Il-Ġermanja (C-59/89, Ġabra p. I-2607, punt 18).

( 46 ) Ara, f’dan ir-rigward, b’referenza għad-direttivi, is-sentenzi tat-28 ta’ Frar 1991, Il-Kummissjoni vs L-Italja (C-360/87, Ġabra p. I-791, punt 12), u tal-15 ta’ Ġunju 1995, Il-Kummissjoni vs Il-Lussemburgu (C-220/94, Ġabra p. I-1589, punt 10). Ara wkoll is-sentenzi tat-18 ta’ Jannar 2001, Il-Kummissjoni vs L-Italja (C-162/99, Ġabra p. I-541, punti 22-25), u tas-6 ta’ Marzu 2003, Il-Kummissjoni vs Il-Lussemburgu (C-478/01, Ġabra p. I-2351, punt 20).