52010DC0588

/* KUMM/2010/0588 finali */ RAPPORT MILL-KUMMISSJONI LILL-PARLAMENT EWROPEW U LILL-KUNSILL DWAR L-IŻVILUPP TAS-SISTEMA TA’ INFORMAZZJONI DWAR IL-VIŻA (VIS) FL-2009 (ippreżentat skont l-obbligu taħt l-Artikolu 6 tad-Deċiżjoni tal-Kunsill 2004/512/KE)


[pic] | KUMMISSJONI EWROPEA |

Brussel 22.10.2010

KUMM(2010) 588 finali

R APPORT MILL-KUMMISSJONI LILL-PARLAMENT EWROPEW U LILL-KUNSILL

DWAR L-IŻVILUPP TAS-SISTEMA TA’ INFORMAZZJONI DWAR IL-VIŻA (VIS) FL-2009 (ippreżentat skont l-obbligu taħt l-Artikolu 6 tad-Deċiżjoni tal-Kunsill 2004/512/KE)

Rapport mill-Kummissjoni lill-Parlament Ewropew u lill-Kunsill dwar l-iżvilupp tas-Sistema ta’ Informazzjoni dwar il-Viża (VIS)

Rapport dwar il-Progress Jannar – Diċembru 2009 (COM (2010) 588 finali)

WERREJ

1. Introduzzjoni 3

2. Il-progress li sar matul il-perjodu li qed jiġi analizzat 3

2.1. L-iżvilupp tas-Sistema Ċentrali – riżultati tekniċi 3

2.2. L-iżvilpp tas-Sistema ta’ Tqabbil Bijometriku (BMS) 4

2.3. Il-Preparazzjonijiet tas-Siti u n-Netwerk 4

2.4. L-Ippjanar Nazzjonali tal-Istati Membri 5

2.5. L-Iskedar mill-ġdid tal-VIS 5

2.6. It-tnedija tal-uffiċċji konsulari u tal-punti esterni tal-qsim tal-fruntieri 6

3. Il-ġestjoni tal-proġett 7

3.1. Il-qafas legali għall-VIS 7

3.2. Il-ġestjoni tal-proġett tal-Kummissjoni 8

3.2.1. L-ippjanar u l-baġit 8

3.2.2. Il-ġestjoni tar-riskji 9

3.2.3. Il-bord ta’ ġestjoni tal-proġett (PMB) 9

3.3. Il-Ħbieb tal-VIS 10

4. Konklużjoni 10

5. Anness: Il-gruppi ta’ ħidma tal-VIS 12

5.1. Il-Kumitat SISVIS 12

5.2. Il-laqgħat tal-Maniġers tal-Proġett Nazzjonali (NPM) tal-VIS 12

5.3. Il-Bord tal-Ġestjoni tal-Bidla (CMB) 12

5.4. Il-Grupp Konsultattiv dwar it-Testijiet (TAG) 12

5.5. Il-Grupp Espert tal-VIS Mail (VIS MEG) 12

1. INTRODUZZJONI

Il-Kummissjoni, skont l-Artikolu 6 tad-Deċiżjoni tal-Kunsill [2004/512/KE] tat-8 ta’ Ġunju 2004 li tistabbilixxi s-Sistema ta’ Informazzjoni dwar il-Viża (VIS)[1], tippreżenta lill-Kunsill u lill-Parlament Ewropew is-sitt rapport ta’ progress dwar l-iżvilupp tas-Sistema ta’ Informazzjoni dwar il-Viża (VIS)[2]. Ir-rapport ikopri l-ħidma li saret mill-Kummissjoni bejn Jannar u Diċembru 2009.

Rigward l-ittestjar tal-konformità mal-Istati Membri u l-iżvilupp tal-parti l-kbira tas-sistemi nazzjonali, il-proġett tal-VIS avvanza mingħajr wisq problemi. Sa tmiem l-2009, l-ittestjar tal-konformità tlesta fi 22 minn 25 Stat Assoċjat max-Schengen attwali u b’rata ta’ suċċess ta’ 100%. Ftit Stati Membri biss għad fadlilhom jagħmlu t-testijiet ta’ konformità qabel il-fażi finali tal-ittestjar fl-2010.

Madankollu, it-testijiet relatati mal-VIS fuq il-livell ċentrali fl-2009 kienu pjuttost impenjattivi. F’April 2009, l-iżvilupp tekniku tal-VIS u tas-Sistema ta’ Tqabbil Bijometriku (BMS) daħal fit-tieni minn erba’ fażijiet ta’ ttestjar – it-Test tas-System Solutions (SST). Il-Kuntrattur Ewlieni tal-Iżvilupp (MDC) naqas milli jissodisfa l-kriterji ta’ ħruġ għall-ewwel ttentattiv biex isir it-test, li wassal għat-tieni u għat-tielet kampanji ta’ testijiet matul il-perjodu ta’ rapportar. Id-dewmien bl-SST affetwa l-bidu tal-fażijiet ta’ ttestjar sussegwenti li jinvolvu lill-Istati Membri.

Parallelament, fatturi oħrajn ukoll kellhom impatt fuq l-iskedar mill-ġdida tal-proġett, inkluż dewmien sinifikanti fuq il-livell nazzjonali għal mill-inqas Stat Membru wieħed. Id-data mmirata ta’ Diċembru 2009 għall-bidu tal-operazzjonijiet tal-VIS għalhekk ma setgħetx tiġi rrispettata iktar.

Wara preżentazzjoni lill-“Ħbieb tal-VIS” u lill-Kumitat Strateġiku dwar l-Immigrazzjoni, il-Fruntieri u l-Ażil (SCIFA) f’Novembru 2009, fit-30 ta’ Novembru 2009 kienet ippreżentata l-iskeda globali l-ġdida li ġejja lill-Kunsill ĠAI:

- Il-bidu tat-Test tas-Sistemi Operattivi (OST) - Frar 2010

- Il-Prova ta’ Aċċettazzjoni Provviżorja tas-Sistemi (PSAT) - Settembru 2010

- It-test tal-istat ta’ tħejjija tas-sistema ċentrali - Ottubru 2010

- Il-bidu tal-operazzjonijiet tal-VIS - Diċembru 2010.

2. IL-PROGRESS LI SAR MATUL IL-PERJODU LI QED JIġI ANALIZZAT

2.1. L-iżvilupp tas-Sistema Ċentrali – riżultati tekniċi

Fuq il-bażi tal-ftehim miksub f’Diċembru 2008 sabiex ikunu implimentati l-erba’ bidliet funzjonali mitluba mill-Istati Membri, kien hemm il-ħtieġa li jiġu aġġornati kemm id-Dokument tal-Kontroll tal-Interface (ICD) kif ukoll l-Ispeċifikazzjoni Teknika Dettaljata (DTS). Il-verżjoni finali tal-ICD 1.82 kienet aċċettata f’Marzu 2009. Dawn huma l-ispeċifikazzjonijiet tekniċi li ntużaw mill-Istati Membri sabiex jiżviluppaw is-sistemi nazzjonali tagħhom ħalli jkunu jistgħu jistabbilixxu konnessjoni mal-VIS. Id-DTS ġiet iffinalizzata imma tista’ tiġi aċċettata formalment biss wara li jiġu solvuti l-kwistjonijiet tal-miri tas-sigurtà li għadhom pendenti, fażi li hija ppjanata għal nofs l-2010. Is-simulatur tas-CD kien aġġornat diversi drabi, bl-iktar aġġornament reċenti jkun f’Settembru.

2.2. L-Iżvilupp tas-Sistema ta’ Tqabbil Bijometriku (BMS)

Il-BMS, li se tipprovdi servizzi ta’ tqabbil tal-marki tas-swaba’ lill-VIS, kienet fil-parti l-kbira implimentata skont il-pjan tal-proġett matul il-perjodu ta’ rapportar, u t-Test tas-Systems Solutions (SST) għall-BMS twettaq b’suċċess f’Marzu 2009. Minn dak iż-żmien lil hawn, is-sistema kienet qed issostni l-VIS SST, filwaqt li twettaq l-OST tagħha, bl-ebda nkwiet sa Novembru meta nqalgħu xi problemi operattivi. Dawn kienu jinkludu dewmien fil-proċedura ta’ bidla tal-BMS waqt it-testijiet ta’ sostituzzjoni tal-VIS, problemi bil-bażi tad-dejta Oracle u l-prestazzjoni tat-tranżazzjoni tal-BMS. Il-kawżi ewlenin għal kull problema kienu identifikati u ppreżentati lill-Istati Membri flimkien mas-soluzzjonijiet li ġew implimentati. L-Istati Membri komplew ukoll jużaw il-kits tas-software pprovduti mill-kuntrattur tal-BMS fl-apparati li jieħdu l-marki tas-swaba’ tagħhom, kif ukoll il-portal web tal-BMS għall-implimentazzjoni bijometrika nazzjonali tagħhom.

Wara diskussjonijiet fil-laqgħa tal-Kumitat SISVIS (il-formazzjoni tal-VIS), f’Ottubru 2009 il-Kummissjoni adottat Deċiżjoni[3] li tistabbilixxi speċifikazzjonijiet għar-riżoluzzjoni u l-użu tal-marki tas-swaba’ għal identifikazzjoni bijometrika u l-verifika tas-Sistema tal-Informazzjoni dwar il-Viża.

2.3. Il-Preparazzjonijiet tas-Siti u n-Netwerk

Matul l-2009, il-membri tal-persunal fl-Unità Ċentrali u fl-Unità Ċentrali tal-Appoġġ, fi Strasbourg u f’Salzburg rispettivament, ingħataw taħriġ dwar l-użu u l-manutenzjoni tat-tagħmir tal-VIS.

Matul l-2009 kien għad fadal biex jiġi installat in-netwerk f’żewġ Stati Membri biss. Il-proġetti ewlenin għall-2009 fejn għandu x’jaqsam in-netwerk kienu li jkunu żgurati l-oeprazzjonijiet tal-“mekkaniżmu ta’ sostituzzjoni” mis-sit primarju għas-sit ta’ appoġġ u li jiġi stabbilit il-Mail Relay tal-VIS. Dan il-mekkaniżmu huwa meħtieġ f’każ li s-sistema nazzjonali jiġrilha xi ħsara u s-sistema ta’ appoġġ tieħu l-kontroll temporanju tal-operazzjonijiet. It-tqegħid tan-netwerk f’sit wieħed ewlieni u fi tliet siti ta’ appoġġ fl-Istati Membri kien ikkompletat bejn Marzu u Lulju. Sa Ottubru, l-“eżerċizzju ta’ sostituzzjoni” kien tlesta b’suċċess f’ħames Stati Membri. F’disa’ Stati Membri oħrajn, is-soluzzjoni teknika xierqa kienet għad trid tiġi ddeterminata. L-eżerċizzju se jkompli għal dawk l-Istati Membri li huma interessati li jimplimentaw din is-soluzzjoni.

2.4. L-Ippjanar Nazzjonali tal-Istati Membri

Minbarra d-disponibbiltà tal-VIS ċentrali, il-fattur ewlieni li tiddependi fuqu s-sistema biex issir operattiva huwa l-progress tal-proġetti nazzjonali. L-istat ta’ progress ivarja minn Stat Membru għall-ieħor, minħabba ċ-ċirkustanzi differenti fuq il-livell nazzjonali.

Permezz tal-mekkaniżmu ta’ rrapportar ta’ kull xahar li ġie żviluppat fil-qafas tal-Ħbieb tal-VIS (ara t-Taqsima 3.2.4.), il-parti l-kbira tal-Istati Membri konsistentement irrapportaw il-progress tagħhom bħala li kien f’waqtu sabiex jintlaħqu l-miri ppjanati. Fir-rapporti deher ukoll ċar li numru ta’ Stati Membri ltaqgħu ma’ diffikultajiet fl-iżvilupp tas-sistemi nazzjonali tagħhom. Madankollu, il-maġġoranza l-kbira tal-Istati Membri rnexxielhom ilestu t-testijiet ta’ konformità tagħhom u kienu ppreparati biex jibdew l-OST u l-PSAT. Sa tmiem il-perjodu ta’ rapportar, 22[4] mill-25 Stat Membru u Pajjiż Assoċjat max-Schengen attwali kienu lestew it-testijiet ta’ konformità tagħhom kif kien ippjanat fil-bidu.

Fl-2009, il-FRONTEX stiednet lill-esperti tal-Istati Membri f’Varsavja sabiex jipparteċipaw f’diversi laqgħat ta’ ħidma relatati mal-VIS. Għal dawn il-laqgħat ta’ ħidma attendew ir-rappreżentanti ta’ 26 Stat Membru u Pajjiż Assoċjat max-Schengen u kellhom l-għan li jagħtu għajnuna fl-implimentazzjoni tal-VIS billi jrawmu l-kondiviżjoni tal-esperjenzi fost l-Istati Membri. Ir-riżultati tal-laqgħat ta’ ħidma, ippreżentati waqt il-laqgħat tal-Ħbieb tal-VIS kif ukoll fl-aħħar laqgħa tal-perjodu ta’ rapportar tal-NPM, urew li l-Istati Membri għadhom fi stadji differenti tal-iżvilupp fuq il-livell nazzjonali tal-proġett u taw il-possibbiltà li jiġu identifikati numru ta’ kwistjonijiet u li tittieħed azzjoni ta’ segwitu fir-rigward tagħhom.

2.5. L-iskedar mill-ġdid tal-VIS

L-iskedar mill-ġdid tal-proġett tal-VIS seħħ minħabba dewmien kemm fuq il-livell ċentrali kif ukoll fuq dak nazzjonali.

Il-livell ċentrali

Mill-perspettiva tal-livell ċentrali, l-MDC beda l-SST fl-20 ta’April 2009. F’nofs Ġunju, il-valutazzjoni tar-riżultati tal-SST indikat li l-kriterji ta’ ħruġ ma kinux ġew sodisfatti minħabba diversi kwistjonijiet tekniċi, li kienu jikkonċernaw l-aspetti funzjonali u mhux funzjonali tas-sistema. Deher ċar li l-SST ma kienx se jkun lest meta l-OST kien skedat li kellu jibda f’Lulju 2009. Għalhekk, il-fażi tal-SST ġiet estiża sa tmiem Settembru 2009. Fir-rapport dwar l-SST uffiċjali tiegħu, l-MDC sostna li l-kriterji ta’ ħruġ kienu ġew sodisfatti bil-kontra tal-valutazzjoni tal-Kummissjoni, tal-kuntrattur tal-Assigurazzjoni ta’ Kwalità, kif ukoll tal-esperti tal-Istati Membri fil-Grupp Konsultattiv dwar it-Testijiet (TAG).

F’Ottubru, l-MDC ippropona li jiġu implimentati ċerti miżuri korrettivi sabiex ikunu sodisfatti r-rekwiżiti ta’ prestazzjoni tas-sistema u li jitbaxxa l-ftehim dwar il-livell ta’ servizz (SLA) rigward il-prestazzjoni. L-Istati Membri vvalutaw l-impatt ta’ dawn il-miżuri fuq is-sistemi nazzjonali tagħhom u fi tmiem il-perjodu ta’ rapportar ftiehmu li l-MDC għandu jimplimenta dawn il-miżuri. Fl-istess ħin, intlaħaq ftehim li l-miżuri korrettivi ma jibqgħux maqgħuda mad-diskussjoni dwar it-tbaxxija tal-ftehim dwar il-livell ta’ servizz (SLA). Malli l-miżuri korrettivi jiġu implimentati u ttestjati, l-MDC se jerġa’ jressaq proposta għal SLA. Sa tmiem il-perjodu ta’ rapportar dawn il-miżuri korrettivi kienu għadhom ma ġewx implimentati u ttestjati b’mod sħiħ.

Sadanittant, u sakemm jiġu aċċettati l-miżuri korrettivi mill-esperti tal-Istati Membri, l-MDC kompla bl-isforzi tiegħu sabiex isib rimedju għall-kwistjonijiet tekniċi li kienu qed joħolqu l-problemi u sussegwentement – f’Novembru – ressaq rapport ġdid dwar l-SST. Għalkemm ir-riżultati kienu tjiebu, kienu għadhom mhumiex sodisfaċenti speċjalment rigward l-aspetti tal-prestazzjoni. Konsegwentement, sa tmiem il-perjodu ta’ rapportar il-kriterji ta’ ħruġ għall-SST kienu għadhom ma ġewx sodisfatti. Għaldaqstant, bdew jiġu applikati l-penali tal-kuntratt.

Il-livell nazzjonali

Mill-perspettiva nazzjonali, fl-2009, il-Kummissjoni saret taf ukoll li Stat Membru wieħed esperjenza diffikultajiet kuntrattwali kbar fl-iżvilupp tas-sistema nazzjonali tiegħu, u ma kienx se jkun lest biex jistabbilixxi l-konnessjoni tiegħu mal-VIS qabel tmiem l-2010. Dan l-Istat Membru partikolari għadu ma kkonfermax l-islott tiegħu għall-ittestjar tal-konformità. Żewġ Stati Membri oħrajn kellhom xi dewmien ta’ natura inqas sinfikanti fl-iżvilupp tas-sistema nazzjonali tagħhom. Sabiex jibdew l-operazzjonijiet, l-Istati Membri kollha jridu jkunu konnessi mal-VIS. Għalhekk, id-dewmien ta’ Stat Membru wieħed jaffetwa immedjatament id-data ta’ meta jistgħu jibdew l-operazzjonijiet tal-VIS.

Dawn il-kwistjonijiet kollha flimkien kellhom impatt fuq id-data ppjanata biex jibdew l-operazzjonijiet tal-VIS u kellha tiġi ppreprata skeda ġdida. L-elementi ewlenin tal-Iskeda tal-Proġett Ewlieni tal-VIS kienu ppreżentati fl-iSCIFA u fil-Kunsill ĠAI f’Novembru u f’Diċembru u l-Kunsill ħa nota tal-iskeda l-ġdida, li tiddikjara l-istat ta’ tħejjija tas-sistema ċentrali f’Ottubru 2010 wara l-aċċettazzjoni tal-PSAT. Minħabba d-dewmien sinifikanti fi Stat Membru wieħed, u minħabba d-dewmien ikkawżat mill-MDC rigward l-SST, madankollu, il-VIS mhux se tkun tista’ tibda topera qabel Diċembru 2010.

2.6. It-tnedija tal-uffiċċji konsulari u tal-punti esterni tal-qsim tal-fruntieri

Skont il-Kodiċi dwar il-Viżi li ġie adottat, l-Istati Membri għandhom jiġbru l-identifikaturi bijometriċi li jinkludu l-immaġni tal-wiċċ u l-għaxar marki tas-swaba’ mingħand l-applikanti għal viża mill-uffiċċji konsulari tagħhom. Bi tħejjija għat-tnedija fl-uffiċċji konsulari, diversi Stati Membri komplew jittestjaw kif jieħdu l-elementi bijometriċi għall-applikazzjonijiet għal viża f’numru ta’ uffiċċji konsulari. Il-proġett pilota biex tittieħed, tinħażen u tiġi vverifikata d-dejta bijometrika mingħand l-applikanti għal viża (BIODEV II) baqa’ għaddej sat-tieni tliet xhur tal-2009 u ftit mill-Istati Membri parteċipanti komplew jittestjaw il-proċeduri kif jieħdu l-elementi bijometriċi matul l-2009 bil-għan li jtejbu l-kwalità tal-marki tas-swaba’ meħuda.

Ir-riżultati wrew li l-kisba ta’ marki tas-swaba’ ta’ kwalità tajba mingħand l-applikanti għal viża teħtieġ taħriġ estensiv tal-operaturi u, jekk ikun possibbli, il-marki tas-swaba’ għandhom jerġgħu jittieħdu sabiex jitnaqqsu r-rati ta’ nuqqas ta’ reġistrazzjoni. Il-parti l-kbira tal-Istati Membri diġà għammru l-uffiċċji konsulari tagħhom fl-Afrika ta’ Fuq sabiex ikunu jistgħu jieħdu l-marki tas-swaba’ u r-ritratti tal-applikanti għal viża, u qed iħejju sabiex jgħammru l-uffiċċji tagħhom fir-reġjuni sussegwenti.

Matul l-2009, fil-laqgħat tal-Kumitat SISVIS saret diskussjoni intensiva dwar id-determinazzjoni tal-ewwel reġjuni. Skont l-Artikolu 48 tar-Regolament VIS,[5] il-Kummissjoni għandha tiddetermina s-sekwenza tar-reġjuni għall-użu konsulari tal-VIS, fuq il-bażi ta’ tliet kriterji: ir-riskju tal-immigrazzjoni illegali, it-theddid lis-sigurtà interna tal-Istati Membri u l-probabbilità li jinġabru elementi bijometriċi mill-postijiet kollha f’dak ir-reġjun partikolari. Wara diversi xhur ta’ diskussjoni, fit-30 ta’ Novembru 2009 kienet adottata d-Deċiżjoni tal-Kummissjoni[6] li tiddetermina l-ewwel reġjuni għall-bidu tal-attivitajiet tal-VIS. L-ewwel reġjun se jkun l-Afrika ta’ Fuq, segwit mil-Lvant Qrib u mir-Reġjun tal-Golf. Ir-reġjuni sussegwenti għat-tnedija tal-VIS se jkunu ddeterminati permezz ta’ Deċiżjonijiet separati wara li tkun saret evalwazzjoni oħra skont il-kriterji li ssemmew iktar ’il fuq.

Fejn għandhom x’jaqsmu l-viżi li jinħarġu fuq il-fruntiera esterna, il-punti esterni tal-qsim tal-fruntieri qed jiġu kkunsidrati bħala li jikkostitwixxu reġjun separat. Għalhekk, il-ġbir u t-trażmissjoni tad-dejta lill-VIS mill-fruntieri se jibdew malli l-Istati Membri jinnotifikaw lill-Kummissjoni li għamlu l-arranġamenti tekniċi u legali meħtieġa sabiex jiġbru u jittrażmettu d-dejta lill-VIS dwar l-applikazzjonijiet kollha għal viża li qed jiġu ġestiti fil-punti esterni tal-qsim tal-fruntieri tagħhom.

3. IL-ġESTJONI TAL-PROġETT

3.1. Il-qafas legali għall-VIS

Fl-2009, l-istrumenti legali meħtieġa qabel tibda topera l-VIS, jiġifieri l-emendi għall-Kodiċi tal-Fruntieri ta’ Schengen[7] u għall-Istruzzjonijiet Konsulari Komuni[8], kienu adottati u ppubblikati fi Frar u f’Mejju 2009, rispettivament. L-emenda għall-Kodiċi tal-Fruntieri ta’ Schengen tipprovdi li l-użu tal-VIS għall-verifiki mad-dħul fuq il-fruntieri esterni se jkun obbligatorju minn għoxrin jum wara li jibdew l-operazzjonijiet fl-ewwel reġjun. L-użu tal-VIS għandu jinvolvi tiftixa sistematika fil-VIS permezz tan-numru tal-istiker tal-viża flimkien ma’ verifika tal-marki tas-swaba’. Madankollu, matul perjodu tranżitorju ta’ tliet snin, għandu jkun possibbli li l-Istati Membri jużaw il-VIS mingħajr verifika tal-marki tas-swaba’. L-emenda għall-Istruzzjonijiet Konsulari Komuni kienet meħtieġa sabiex ikun stabbilit qafas legali għall-ġbir tal-identifikaturi bijometriċi, inklużi dispożizzjonijiet dwar l-organizzazzjoni tar-riċezzjoni u tal-ipproċessar tal-applikazzjonijiet għal viża. Dawn id-dispożizzjonijiet kienu inkorporati fil-Kodiċi dwar il-Viżi[9], li kien adottat f’Lulju, li jirrevoka l-Istruzzjonijiet Konsulari Komuni u se jkun applikabbli mill-5 ta’ April 2010.

Matul il-perjodu ta’ rapportar kienu adottati diversi Deċiżjonijiet tal-Kummissjoni relatati mal-VIS skont il-proċedura ta’ komitoloġija. F’Mejju 2009, kienet adottata d-Deċiżjoni tal-Kummissjoni dwar l-ispeċifikazzjonijiet tal-VIS Mail[10], li se jissostitwixxu l-mekkaniżmu ta’ konsultazzjoni VISION. F’Ottubru 2009 kienet adottata t-tieni Deċiżjoni dwar il-bijometrija[11] li tikkonċerna r-riżoluzzjoni u l-użu tal-marki tas-swaba’ għal identifikazzjoni bijometrika u l-verifika tal-VIS u tas-Sistema ta’ Tqabbil Bijometriku (BMS). Fit-30 ta’ Novembru 2009, kienet adottata Deċiżjoni tal-Kummissjoni[12] li tiddetermina l-ewwel reġjuni għall-bidu tal-attivitajiet tal-VIS, fl-istess ħin tad-Deċiżjoni dwar miżuri implimentattivi tekniċi[13] li tistabbilixxi d-diversi operazzjonijiet ta’ pproċessar tad-dejta fil-VIS.

Għad fadal strument leġiżlattiv wieħed li jikkonċerna s-sigurtà fil-VIS li jrid jiġi adottat fl-2010.

3.2. Il-ġestjoni tal-proġett mill-Kummissjoni

3.2.1. L-ippjanar u l-baġit

L-approprjazzjonijiet totali ta’ impenn li kienu disponibbli għall-VIS fl-2009 kienu jlaħħqu € 38.3 miljun. Il-komponenti ewlenin tan-nefqa matul l-2009 kienu t-tħejjija tal-karatteristiċi addizzjonali għall-bijometrija, l-assistenza esterna għall-ġestjoni u għall-assigurazzjoni tal-kwalità tal-proġett, l-ispejjeż tal-esplojtazzjoni għall-fażijiet tal-iżvilupp u tal-ittestjar, u l-bidliet fil-VIS (prinċipalment minħabba talbiet għal bidliet min-naħa tal-Istati Membri). Ġew impenjati 74.65% mill-approprjazzjonijiet totali tal-VIS u 76.53% mill-approprjazzjonijiet ta’ pagament kienu tħallsu sa tmiem il-perjodu ta’ rapportar. Il-linja baġitarja għall-VIS hija 18.02.05.

L-approprjazzjonijiet ta’ Impenn u ta’ Pagament tal-VIS għall-2009

Approprjazzjonijiet ta’ impenn disponibbli | Użati[14] | Total % | Approprjazzjonijiet ta’ pagament disponibbli | Użati | Total % |

€38,315,328.00 | €28,601,077.00 | 74.65% | €27,216,095.14 | €20,828,088.00 | 76.53% |

Il-Kummisjoni nnotifikat lill-MDC bil-bidu tal-penali, mill-15 ta’ Ġunju 2009, minħabba l-inkapaċità ta’ dan il-kuntrattur li jiġġestixxi l-SST b’suċċess, f’waqtu u skont l-obbligi kuntrattwali. L-ammont totali tal-penali s’issa huwa ta’ € 7.6 miljun. [15]

3.2.2. Il-ġestjoni tar-riskji

Il-metodoloġija għall-ġestjoni tar-riskji fil-proġett inbidlet xi ftit matul il-perjodu ta’ rapportar peress li fl-2009 kien hemm biss tliet laqgħat tal-Bord ta’ Ġestjoni tal-Proġett tal-VIS. Għall-ewwel dan il-forum kien jintuża sabiex ikunu diskussi r-riskji flimkien mal-Istati Membri u mal-MDC. L-approċċ tat-tliet oqsma ta’ riskju separati tbiddel fit-tieni kwart tal-perjodu ta’ rapportar u minflok kull xahar il-Kummissjoni bdiet tidentifika l-iktar riskji importanti fil-proġett u tippreżentahom lill-Istati Membri waqt il-laqgħat ta’ kull xahar tal-Maniġers tal-Proġett Nazzjonali.

Barra minnhekk, fil-kuntest tal-Ħbieb tal-VIS, il-Presidenza Svediża pproponiet li tinħoloq lista konsolidata ta’ riskji; il-Kummissjoni ħadmet flimkien mal-Presidenza sabiex tiddetermina r-riskji ewlenin u tikklassifikahom skont l-impatt tagħhom fuq il-proġett. Ir-riskji jiġu aġġustati kull xahar skont kwalunkwe bidla fil-gravità tal-impatt tagħhom. Għal kull riskju jiġu identifikati azzjonijiet sabiex dawn jiġu mitigati. Dawn ir-riskji u l-azzjonijiet korrispondenti mbagħad jiġu ppreżentati mill-Presidenza lill-Istati Membri fil-laqgħat tal-Ħbieb tal-VIS, fejn ikunu diskussi b’mod miftuħ u trasparenti.

Il-Kummissjoni żżomm ukoll aġġornat reġistru ta’ livell għoli u ssegwi l-implimentazzjoni tal-azzjonijiet.

Fi tmiem l-2009, l-iktar riskji kritiċi identifikati kienu dawn li ġejjin: (i) in-nuqqas ta’ kunsinna fil-ħin tal-VIS minħabba raġunijiet tekniċi, legali jew kuntrattwali u l-impatt possibbli għar-reputazzjoni, (ii) diffikultajiet fl-ippjanar tar-riżorsi u tal-finanzi fuq il-livell ċentrali u dak nazzjonali minħabba iktar dewmien fil-bidu tal-operazzjonijiet tal-VIS, (iii) ir-riskju li ma jiġux sodisfatti r-rekwiżiti oriġinali tal-prestazzjoni, u (iv) fl-aħħar nett l-impatt kuntrattwali tal-SIS II fuq il-VIS. L-ewwel tliet riskji baqgħu stabbli filwaqt li l-gravità tar-raba’ wieħed tnaqqset fi tmiem il-perjodu ta’ rapportar. Għar-riskji kollha, kienu identifikati azzjonijiet ta’ mitigazzjoni u l-Kummissjoni, l-Istati Membri u l-MDC qed jaħdmu mill-qrib flimkien sabiex jillimitaw l-impatt ta’ dawn ir-riskji fuq il-proġett.

Minkejja l-azzjonijiet ta' mitigazzjoni meħuda mill-Kummissjoni, kien evidenti li l-kundizzjonijiet ta' livell ta' rendiment maqbula oriġinalment mhux se jinkisbu mill-MDC, għalhekk kien mistenni li l-problemi relatati mas-Sistema ta' Soluzzjoni tas-Sistemi ikomplu fl-2010.

3.2.3. Il-bord ta’ ġestjoni tal-proġett (PMB)

Fl-2009, il-PMB iltaqa’ darbtejn fil-bidu tas-sena biex jiddiskuti kwistjonijiet u riskji tal-ġestjoni tal-proġett tal-VIS flimkien mal-partijiet interessati fil-proġett, mal-MDC u mal-kuntrattur tal-assigurazzjoni tal-kwalità, minbarra l-Presidenzi tal-Istati Membri preċedenti u futuri. F’Diċembru kien hemm laqgħa oħra tal-PMB bejn l-MDC u l-Kummissjoni sabiex ikunu diskussi fiex kien wasal l-SST, it-talba għal bidliet fil-miżuri korrettivi, it-talba għal bidla futura biex jitbaxxa l-Ftehim dwar il-Livell ta’ Servizz (SLA) u l-emenda fil-kuntratt sabiex ikunu inklużi attivitajiet preparatorji għall-Ġestjoni Operattiva.

3.3. Il-Ħbieb tal-VIS

Il-Ħbieb tal-VIS iltaqgħu disa’ darbiet matul il-perjodu ta’ rapportar – erba’ darbiet taħt il-Presidenza Ċeka (2009/I) u ħames darbiet taħt il-Presidenza Svediża (2009/II). Il-laqgħat informali ta’ livell għoli pprovdew forum fejn seta’ jkun hemm diskussjonijiet trasparenti rigward il-kwistjonijiet kollha relatati mal-VIS. L-aġenda kienet iffissata mill-Presidenza f’koordinazzjoni mal-Kummissjoni u mas-Segretarjat Ġenerali tal-Kunsill. Is-suġġetti ġeneralment kienu jinkludu aġġornament mill-Kummissjoni dwar fiex waslet il-VIS, il-mekkaniżmu l-ġdid ta’ rapportar dwar il-progress nazzjonali, it-tnedija tal-uffiċċji konsulari fl-ewwel reġjuni, il-posssibbiltà li tiġi żviluppata kampanja ta’ informazzjoni ċentralizzata, il-ġestjoni tar-riskji u l-laqgħat ta’ ħidma relatati mal-VIS ospitati mill-FRONTEX.

Fil-grupp tal-Ħbieb tal-VIS, inħoloq mekkaniżmu ta’ rapportar ġdid fil-forma ta’ kwestjonarju bħala għodda biex ikun segwit il-progress fl-Istati Membri b’relazzjoni għat-tħejjijiet tekniċi, konsulari u konfinali tagħhom. Din l-għodda ssostitwiet ir-rapporti ta’ progress ta’ kull xahar li ġeneralment kienu jsiru mill-Maniġers tal-Proġett Nazzjonali tal-VIS u lejn tmiem il-perjodu ta’ rapportar il-kwestjonarju nqasam f’mistoqsijiet statiċi u f’mistoqsijiet relatati maż-żmien. Il-mistoqsijiet ikopru t-tħejjija teknika ġenerali rigward l-iżvilupp tas-sistema nazzjonali, it-tħejjijiet konsulari għat-tnedija fl-ewwel raġjuni u t-tħejjijiet konfinali b’relazzjoni għall-verifika tal-elementi bijometriċi b’paragun mal-VIS tagħhom. Fil-kwestjonarju kienu inklużi anki mistoqsijiet iktar speċifiċi dwar it-taħriġ u miri oħrajn. Diversi Stati Membri ma pprovdewx dati ċari meta se jintlaħqu l-miri speċifiċi, u minħabba f’hekk il-Kummissjoni ma setax ikollha stampa ċara tal-progress fl-Istati Membri kollha.

Kull xahar, il-Presidenza u l-Kummissjoni, qabel il-laqgħa, ħejjew Lista konsolidata ta’ Riskji u l-għaxar riskji għall-proġett fil-quċċata tal-lista kienu kklassifikati skont il-gravità tal-impatt tagħhom.

Matul l-ewwel semestru tal-2009, waqt il-laqgħat tal-Ħbieb tal-VIS kienet diskussa l-organizzazzjoni ta’ kampanja ta’ informazzjoni ċentralizzata. Madankollu, id-diskussjoni ġiet posposta minħabba d-dewmien fl-ippjanar inizjali biex jibdew l-operazzjonijiet u minħabba l-obbligi legali tal-Kummissjoni li tipprovdi informazzjoni lill-applikanti għal viża kif inhu stabbilit fil-Kodiċi dwar il-Viżi.

Saret diskussjoni intensiva dwar id-determinazzjoni tas-sekwenza tal-ewwel reġjuni għat-tnedija konsulari tal-VIS. Ir-riflessjonijiet tal-grupp kienu inklużi fid-diversi abbozzi tad-deċiżjoni rilevanti qabel ma din irċeviet opinjoni pożittiva mill-Kumitat SISVIS.

4. KONKLUżJONI

Matul il-perjodu ta’ rapportar (Jannar – Diċembru 2009), il-Kummissjoni adottat erba’ miżuri implimentattivi għall-VIS, inkluża d-Deċiżjoni li tiddetermina l-ewwel reġjuni għall-bidu tal-attivitajiet tal-VIS.

Is-sena kienet ikkaratterizzata minn ittestjar intensiv, li matulu l-maġġoranza l-kbira tal-Istati Membri rnexxielhom ilestu t-testijiet ta’ konformità tagħhom, prerekwiżit biex jidħlu fil-fażi finali tat-test qabel mal-VIS issir operattiva.

Fuq il-livell ċentrali, f’April 2009, l-iżvilupp tekniku tal-VIS daħal fit-tieni fażi tal-ittestjar mill-erbgħa previsti, jiġifieri fil-fażi tat-Test tas-Systems Solutions. F’dan l-istadju, il-Kuntrattur tal-Iżvilupp Ewlieni ltaqa’ ma numru ta’ problemi tekniċi, kemm funzjonali kif ukoll mhux funzjonali, li kellhom x’jaqsmu mal-prestazzjoni tas-sistema.

Fuq il-livell nazzjonali, Stat Membru wieħed irrapporta problemi kuntrattwali sinfikanti fl-iżvilupp tas-sistema nazzjonali tiegħu. Dawn il-problemi mhux se jħallu lil dan l-Istat Membru jistabbilixxi konnessjoni mal-VIS qabel Diċembru 2010.

F’Novembru 2009 kienet ippreżentata skeda globali ġdida lill-Kunsill ĠAI, li għandha twassal biex skont il-pjan il-VIS tibda taħdem f’Diċembru 2010. Il-partijiet kollha interessati fil-proġett sostnew mill-ġdid l-impenn tagħhom sabiex jaħdmu mill-qrib flimkien ħalli l-VIS issir operattiva.

B'mod parallel, il-Kummissjoni infurmat lill-Kumitat LIBE tal-Parlament Ewropew fuq bażi regolari rigward l-iżvilupp u l-istat tal-proġett VIS u se tkompli tagħmel dan fil-futur.

5. ANNESS: IL-GRUPPI TA’ ĦIDMA TAL-VIS

5.1. Il-Kumitat SISVIS

Fl-2009, kien hemm ħames laqgħat tal-Kumitat SISVIS fil-formazzjoni VIS[16], u matulhom kienu diskussi l-abbozzi ta’ erba’ Deċiżjonijiet tal-Kummissjoni. B’mod speċifiku, waqt dawn il-laqgħat kienu diskussi u saru votazzjonijiet rigward l-abbozzi tad-Deċiżjonijiet tal-Kummissjoni dwar l-ispeċifikazzjonijiet tal-VIS Mail, l-ewwel reġjuni għall-bidu tal-attivitajiet tal-VIS, l-ispeċifikazzjonijiet għar-riżoluzzjoni u l-użu tal-marki tas-swaba’ għal identifikazzjoni bijometrika u l-verifika tal-VIS, u l-miżuri implimentattivi tekniċi u lkoll irċevew opinjoni pożittiva. Il-Kumitat se jibqa’ responsabbli minn kwalunkwe deċiżjoni tal-komitoloġija relatata mal-VIS li għad trid tittieħed fl-2010.

5.2. Il-laqgħat tal-Maniġers tal-Proġett Nazzjonali (NPM) tal-VIS

Matul il-perjodu ta’ rapportar, is-servizzi tal-Kummissjoni organizzaw 11-il laqgħa ta’ gruppi esperti għall-Maniġers tal-Proġett Nazzjonali (NPM) tal-Istati Membri sabiex ikunu diskussi: fiex wasal il-proġett tal-VIS fuq il-livell ċentrali, kwistjonijiet tekniċi dettaljati, kwistjonijiet ta’ppjanar kif ukoll ir-riskji u l-attivitajiet fuq il-livell ċentrali u l-livell nazzjonali tal-proġett.

5.3. Il-Bord tal-Ġestjoni tal-Bidla (CMB)

Matul l-2009, is-CMB – grupp ta’ ħidma konsultattiv tal-Kumitat SISVIS (il-formazzjoni tal-VIS) – iltaqa’ biss f’Jannar u f’Marzu. Is-CMB għamel rakkomandazzjonijiet dwar il-ġestjoni tal-konfigurazzjoni tal-VIS waqt il-fażi tal-iżvilupp, inkluż l-ittestjar, u ddiskuta wkoll it-talbiet għal bidliet.

5.4. Il-Grupp Konsultattiv dwar it-Testijiet (TAG)

Matul il-perjodu ta’ rapportar, it-TAG – grupp ta’ ħidma konsultattiv tal-Kumitat SISVIS (il-formazzjoni tal-VIS) – iltaqa’ pjuttost ta’ sikwit jew organizza telefonati konferenza minħabba l-perjodu ta’ ttestjar intensiv. It-TAG jiżgura li sabiex ikunu indirizzati u solvuti kwistjonijiet relatati mal-ittestjar jintuża proċess strutturat u jagħti pariri dwar l-ikkompletar tal-kampanji ta’ ttestjar tal-VIS. Huwa jagħmel rakkomandazzjonijiet dwar l-ittestjar tal-VIS matul il-fażijiet kollha tat-testijiet speċjalment fejn l-Istati Membri jipparteċipaw b’mod dirett.

5.5. Il-Grupp Espert tal-VIS Mail (VIS MEG)

Il-grupp iltaqa’ darba kull xahar matul il-perjodu ta’ rapportar kollu sabiex isostni l-implimentazzjoni tal-mekkaniżmu ta’ komunikazzjoni tal-VIS (VIS Mail).

Matul l-2009 sar progress sinfikanti bl-ittestjar u bil-konnessjoni tal-Istati Membri mal-mekkaniżmu ta’ komunikazzjoni. Is-soluzzjoni tal-Mail Relay Ċentrali kienet implimentata matul dan il-perjodu ta’ rapportar u l-parteċipanti fil-VIS MEG qablu li kienet ġiet ittestjata biżżejjed u wriet li kienet operattiva skont ir-rekwiżiti bażiċi. Għall-implimentazzjoni nazzjonali, il-25 Stat Membru parteċipant kollha kienu qed iħejju biex ilestu l-Fażi 1 tal-VIS Mail, ħalli jibdew flimkien bil-VIS.

L-abbozz tad-Deċiżjoni tal-Kummissjoni[17] dwar l-Ispeċifikazzjonijiet tal-VIS Mail tressaq quddiem il-Kumitat SISVIS (il-formazzjoni tal-VIS) f’Jannar 2009, u l-Kumitat ta opinjoni pożittiva dwar id-Deċiżjoni matul din il-laqgħa. Id-Deċiżjoni kienet adottata mill-Kummissjoni fil-5 ta’ Mejju 2009.

Il-ħidma tal-Kummissjoni u tal-Istati Membri fuq il-VIS Mail qed issir f’kooperazzjoni mal-Kuntrattur tan-Netwerk u hija sostnuta mill-Kuntrattur tal-Assistenza tal-Appoġġ u tal-Kwalità.

[1] ĠU L 213 tal-15.6.2004, p. 5.

[2] Għall-ħames rapport, ara r-Rapport tal-Kummissjoni lill-Parlament Ewropew u lill-Kunsill dwar l-iżvilupp ta’ Sistema ta’ Informazzjoni dwar il-Viża (VIS) tal-2008, COM(2009) 473 finali tal-15.09.2009.

[3] Deċiżjoni tal-Kummissjoni tad-9 ta’ Ottubru 2009 li tistabbilixxi speċifikazzjonijiet għar-riżoluzzjoni u l-użu tal-marki tas-swaba’ għal identifikazzjoni bijometrika u l-verifika tas-Sistema tal-Informazzjoni dwar il-Viża (ĠU L 270 tal-15 ta’ Ottubru 2009).

[4] Teknikament, il-Liechtenstein wkoll kien lesta t-testijiet ta’ konformità tiegħu, imma għadu ma japplikax l-acquis ta’ Schengen.

[5] Regolament (KE) Nru 767/2008 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tad-9 ta’ Lulju 2008 dwar is-Sistema tal-Informazzjoni dwar il-Viża (VIS) u l-iskambju ta’ data bejn l-Istati Membri dwar viżi għal perjodu qasir (Regolament VIS) – ĠU L 218 tat-13.08.2008, p.60

[6] Deċiżjoni tal-Kummissjoni tat-30 ta’ Novembru 2009 li tiddetermina l-ewwel reġjuni għall-bidu tal-attivitajiet tas-Sistema ta’ Informazzjoni dwar il-Viża (VIS) (ĠU L 23 tas-27 ta’ Jannar 2010, p. 62).

[7] Regolament (KE) Nru 81/2009 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tal-14 ta’ Jannar 2009 li jemenda r-Regolament (KE) Nru 562/2006 fir-rigward tal-użu tas-Sistema ta’ Informazzjoni dwar il-Viża (VIS) taħt il-Kodiċi tal-Fruntieri ta’ Schengen (ĠU L 35 tal-4 ta’ Frar 2009, p. 56).

[8] Regolament (KE) Nru 390/2009 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tat-23 ta’ April 2009 li jemenda l-Istruzzjonijiet Konsulari Komuni dwar il-viżi għall-missjonijiet di[p]lomatiċi u l-uffiċċji konsulari fir-rigward tal-introduzzjoni tal-bijometrika inklużi dispożizzjonijiet dwar l-organizzazzjoni tar-riċezzjoni u l-ipproċessar tal-applikazzjonijiet għal viża (ĠU L 131 tat-28 ta’ Mejju 2009, p. 1).

[9] Regolament (KE) Nru 810/2009 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tat-13 ta’ Lulju 2009 li jistabbilixxi Kodiċi Komunitarju dwar il-Viżi (Kodiċi dwar il-Viżi) (ĠU L 243 tal-15 ta’ Settembru 2008, p. 1).

[10] Deċiżjoni tal-Kummissjoni 2009/377/KE tal-5 ta’ Mejju 2009 li tadotta l-miżuri ta’ implimentazzjoni għall-mekkaniżmu ta’ konsultazzjoni u proċeduri oħra msemmija fl-Artikolu 16 tar-Regolament (KE) Nru 767/2008 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill dwar is-Sistema tal-Informazzjoni dwar il-Viża (VIS) u l-iskambju ta’ dejta bejn l-Istati Membri dwar viżi għal perjodu qasir (Regolament VIS) (ĠU L 117 tat-12 ta’ Mejju 2009).

[11] Deċiżjoni tal-Kummissjoni tad-9 ta’ Ottubru 2009 li tistabbilixxi speċifikazzjonijiet għar-riżoluzzjoni u l-użu tal-marki tas-swaba’ għal identifikazzjoni bijometrika u l-verifika tas-Sistema tal-Informazzjoni dwar il-Viża (ĠU L 270 tal-15 ta’ Ottubru 2009).

[12] Deċiżjoni tal-Kummissjoni tat-30 ta’ Novembru 2009 li tiddetermina l-ewwel reġjuni għall-bidu tal-attivitajiet tas-Sistema ta’ Informazzjoni dwar il-Viża (VIS) (ĠU L 23 tas-27 ta’ Jannar 2010, p. 62).

[13] Deċiżjoni tal-Kummissjoni tat-30 ta’ Novembru 2009 li tadotta miżuri implimentattivi tekniċi għad-dħul tad-dejta u għall-konnessjoni tal-applikazzjonijiet, għall-aċċess, emendar, tħassir u tħassir avvanzat tad-dejta u biex jinżammu u jkun hemm aċċess għar-rekords tal-operazzjonijiet għall-ipproċessar tad-dejta fis-Sistema ta’ Informazzjoni dwar il-Viża (ĠU L 315 tat-2 ta’ Diċembru 2009, p.30).

[14] L-Abbozz tal-Baġit għall-2011, li kien adottat mill-Kummissjoni fis-27 ta’April 2010, jispeċifika li l-ammont użat tal-approprjazzjonijiet ta’ impenn għall-2009 kien ta’ €37,601,077. Minħabba bidla fid-dati ta’ wħud mill-attivitajiet tal-proġett li oriġinarjament kienu ppjanati għall-2009, l-ammont ta’ €9,000,000 kellu jiġi impenjat minn qabel għall-użu fl-2010.

[15] L-ordni ta’ rkupru għall-ammont eżatt ta’ penali (€ 7,635,000) inħareġ fit-30 ta’ Marzu 2010.

[16] Stabbilit skont l-Artikolu 51(1) tar-Regolament (KE) Nru 1987/2006 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tal-20 ta’ Diċembru 2006 dwar l-istabbiliment, it-tħaddim u l-użu tas-sistema ta’ informazzjoni ta’ Schengen tat-tieni ġenerazzjoni (SIS II).

[17] Deċiżjoni tal-Kummissjoni tal-5 ta’ Mejju 2009 li tadotta l-miżuri ta’ implimentazzjoni għall-mekkaniżmu ta’ konsultazzjoni u proċeduri oħra msemmija fl-Artikolu 16 tar-Regolament (KE) Nru 767/2008 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill dwar is-Sistema tal-Informazzjoni dwar il-Viża (VIS) u l-iskambju ta’ dejta bejn l-Istati Membri dwar viżi għal perjodu qasir (Regolament VIS).