27.7.2020   

MT

Il-Ġurnal Uffiċjali tal-Unjoni Ewropea

L 241/18


REGOLAMENT TA’ IMPLIMENTAZZJONI TAL-KUMMISSJONI (UE) 2020/1095

tal-24 ta’ Lulju 2020

li jemenda r-Regolament ta’ Implimentazzjoni (UE) 2015/502, dwar l-awtorizzazzjoni tal-preparazzjoni ta’ Saccharomyces cerevisiae NCYC R404 bħala addittiv fl-għalf għall-baqar tal-ħalib

(Test b’rilevanza għaż-ŻEE)

IL-KUMMISSJONI EWROPEA,

Wara li kkunsidrat it-Trattat dwar il-Funzjonament tal-Unjoni Ewropea,

Wara li kkunsidrat ir-Regolament (KE) Nru 1831/2003 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tat-22 ta’ Settembru 2003 fuq l-addittivi għall-użu fl-għalf tal-annimali (1) u b’mod partikolari l-Artikolu 13(3) tiegħu,

Billi:

(1)

Preparazzjoni ta’ Saccharomyces cerevisiae NCYC R404 ġiet awtorizzata bħala addittiv fl-għalf għall-baqar tal-ħalib bir-Regolament ta’ Implimentazzjoni tal-Kummissjoni (UE) 2015/502, f’konformità mar-Regolament (KE) Nru 1831/2003 (2).

(2)

Ir-Regolament ta’ Implimentazzjoni (UE) 2015/502 ġie emendat bir-Regolament ta’ Implimentazzjoni tal-Kummissjoni (UE) Nru 2019/146 (3).

(3)

Fit-8 ta’ Jannar 2020, id-detentur tal-awtorizzazzjoni, Micron Bio-systems Ltd ippreżenta applikazzjoni skont l-Artikolu 13(3) tar-Regolament (KE) Nru 1831/2003 li biha ppropona li mal-awtorizzazzjoni jiżdied isem ir-rappreżentant tiegħu. L-applikant jissottometti li FF Chemicals BV se taġixxi bħala r-rappreżentant tagħha fl-Unjoni għall-addittiv fl-għalf ikkonċernat. Mal-applikazzjoni intbagħtet ukoll id-data ġustifikattiva rilevanti.

(4)

Il-bidla proposta fit-termini tal-awtorizzazzjoni hija ta’ natura purament amministrattiva u ma tinvolvix valutazzjoni ġdida tal-addittiv ikkonċernat. L-Awtorità Ewropea dwar is-Sigurtà fl-Ikel tgħarrfet bl-applikazzjoni.

(5)

Biex jiġi previst li FF Chemicals BV taġixxi bħala r-rappreżentant tad-detentur tal-awtorizzazzjoni, jenħtieġ li jinbidlu t-termini tal-awtorizzazzjoni kkonċernata. Għalhekk, jenħtieġ li jiżdied l-isem tar-rappreżentant fit-titolu tar-Regolament ta’ Implimentazzjoni (UE) 2015/502 u fl-Anness ta’ dak ir-Regolament.

(6)

Għalhekk jenħtieġ li r-Regolament ta’ Implimentazzjoni (UE) 2015/502 jiġi emendat skont dan.

(7)

Il-miżuri previsti f’dan ir-Regolament huma skont l-opinjoni tal-Kumitat Permanenti dwar il-Pjanti, l-Annimali, l-Ikel u l-Għalf,

ADOTTAT DAN IR-REGOLAMENT:

Artikolu 1

Emendi għar-Regolament ta’ Implimentazzjoni (UE) 2015/502

Ir-Regolament ta’ Implimentazzjoni (UE) 2015/502 huwa emendat kif ġej:

(1)

fit-titolu, il-kliem “Micron Bio-Systems Ltd, represented by FeedVision BV” huma sostitwiti bil-kliem “Micron Bio-Systems Ltd, irrappreżentata minn FF Chemicals BV”.

(2)

fit-tieni kolonna tal-Anness, taħt l-intestatura “Isem id-detentur tal-awtorizzazzjoni” il-kliem “Micron Bio-Systems Ltd, represented by FeedVision BV” huma sostitwiti bil-kliem “Micron Bio-Systems Ltd, irrappreżentata minn FF Chemicals BV.”.

Artikolu 2

Dħul fis-seħħ

Dan ir-Regolament għandu jidħol fis-seħħ fl-għoxrin jum wara dak tal-pubblikazzjoni tiegħu f’Il-Ġurnal Uffiċjali tal-Unjoni Ewropea.

Dan ir-Regolament għandu jorbot fl-intier tiegħu u japplika direttament fl-Istati Membri kollha.

Magħmul fi Brussell, l-24 ta’ Lulju 2020.

Għall-Kummissjoni

Il-President

Ursula VON DER LEYEN


(1)   ĠU L 268, 18.10.2003, p. 29.

(2)  Ir-Regolament ta’ Implimentazzjoni tal-Kummissjoni (UE) 2015/502 tal-24 ta’ Marzu 2015 dwar l-awtorizzazzjoni tal-preparazzjoni Saccharomyces cerevisiae NCYC R404 bħala addittiv fl-għalf għall-baqar tal-ħalib (id-detentur tal-awtorizzazzjoni Micron Bio-Systems Ltd, represented by FeedVision BV) (ĠU L 79, 25.3.2015, p. 57).

(3)  Ir-Regolament ta’ Implimentazzjoni tal-Kummissjoni (UE) 2019/146 tat-30 ta’ Jannar 2019 li jemenda r-Regolament ta’ Implimentazzjoni (UE) 2015/502, dwar l-awtorizzazzjoni tal-preparazzjoni Saccharomyces cerevisiae NCYC R404 bħala addittiv fl-għalf għall-baqar tal-ħalib (ĠU L 27, 31.1.2019, p. 12).