11.6.2009   

MT

Il-Ġurnal Uffiċjali tal-Unjoni Ewropea

L 148/14


DEĊIŻJONI TAL-KUNSILL

tal-5 ta’ Mejju 2009

li temenda d-Deċiżjoni 2007/250/KE li tawtorizza lir-Renju Unit jintroduċi miżura speċjali li tidderoga mill-Artikolu 193 tad-Direttiva 2006/112/KE dwar is-sistema komuni ta’ taxxa fuq il-valur miżjud

(2009/439/KE)

IL-KUNSILL TAL-UNJONI EWROPEA,

Wara li kkunsidra t-Trattat li jistabbilixxi l-Komunità Ewropea,

Wara li kkunsidra d-Direttiva tal-Kunsill 2006/112/KE tat-28 ta’ Novembru 2006 dwar is-sistema komuni ta’ taxxa fuq il-valur miżjud (1), u b’mod partikolari l-Artikolu 395(1) tagħha,

Wara li kkunsidra l-proposta mill-Kummissjoni,

Billi:

(1)

F’ittra rreġistrata mis-Segretarjat Ġenerali tal-Kummissjoni fit-28 ta’ Lulju 2008, ir-Renju Unit talab awtorizzazzjoni biex ikompli japplika miżura speċjali li tidderoga mill-Artikolu 193 tad-Direttiva tal-Kunsill 2006/112/KE fir-rigward tal-persuna responsabbli għall-ħlas tat-taxxa fuq il-valur miżjud (VAT) lill-awtoritajiet tat-taxxa u preċedentement previst mid-Deċiżjoni tal-Kunsill 2007/250/KE tas-16 ta’ April 2007 (2).

(2)

Skont l-Artikolu 395(2) tad-Direttiva 2006/112/KE, il-Kummissjoni għarrfet lill-Istati Membri l-oħra bl-ittra tas-17 ta’ Marzu 2009 bit-talba magħmula mir-Renju Unit. Permezz tal-ittra tal-20 ta’ Marzu 2009, il-Kummissjoni nnotifikat lir-Renju Unit li kellha l-informazzjoni kollha li qieset meħtieġa biex tivvaluta t-talba.

(3)

Il-persuna responsabbli għall-ħlas tat-taxxa fuq il-valur miżjud skont l-Artikolu 193 tad-Direttiva 2006/112/KE hi l-persuna taxxabbli li tipprovdi l-merkanzija. Madankollu, il-miżura ta’ deroga ppermetiet lir-Renju Unit biex japplika, sat-30 ta’ April 2009 u taħt ċerti kondizzjonijiet, mekkaniżmu ta’ ħlas invertit li jimplika li r-responsabbiltà għall-ħlas tal-VAT ġie trasferut għall-persuna taxxabbli li għaliha kienu magħmula ċerti provvisti ta’ telefowns ċellulari u impjanti b’ċirkwit integrat, bil-kondizzjoni li l-ammont taxxabbli tal-provvista jkun daqs, jew iktar minn, GBP 5 000.

(4)

L-għan ta’ dik il-miżura ta’ deroga kien li jiġu ttrattati ċerti forom aggressivi ta’ evażjoni tat-taxxa, u b’mod partikolari skemi tat-tip “karużel” fejn merkanzija tkun ipprovduta diversi drabi mingħajr ma jkun imħallas il-VAT lill-awtoritajiet tat-taxxa waqt li l-klijenti jirċievu fattura valida għat-tnaqqid tal-VAT. L-applikazzjoni tal-ħlas invertit, mingħajr il-ħlas reali tal-VAT mill-klijent lill-fornitur, tneħħi l-possibbiltà ta’ dik il-forma ta’ evażjoni tat-taxxa.

(5)

Minħabba s-serjetà ċara tal-frodi tal-VAT fir-Renju Unit, kif attestat mill-informazzjoni sottomessa mir-Renju Unit u minħabba l-effett preventiv mistenni tal-miżura, il-miżura tibqa’ proporzjonata peress li l-estensjoni tad-deroga għal perjodu raġonevoli u l-miżura tibqa’ mmirata fil-kamp ta’ applikazzjoni tagħha. Barra minn hekk, din ma tifformax il-bażi ta’ miżura globali għal sistema ġeneralizzata ta’ ħlas invertit.

(6)

Id-deroga m’għandha l-ebda impatt negattiv fuq ir-riżorsi proprji tal-Komunità li jakkumulaw mill-VAT.

(7)

Għandha tiġi żgurata l-kontinwità legali tal-miżura,

ADOTTA DIN ID-DEĊIŻJONI:

Artikolu 1

L-Artikolu 4 tad-Deċiżjoni tal-Kunsill 2007/250/KE huwa sostitwit b’dan li ġej:

“Artikolu 4

Din id-Deċiżjoni għandha tiskadi fit-30 ta’ April 2011.”

Artikolu 2

Din id-Deċiżjoni għandha tapplika mill-1 ta’ Mejju 2009.

Artikolu 3

Din id-Deċiżjoni hija indirizzata lir-Renju Unit tal-Gran Brittanja u l-Irlanda ta’ Fuq.

Magħmul fi Brussell, 5 ta’ Mejju 2009.

Għall-Kunsill

Il-President

J. KOHOUT


(1)   ĠU L 347, 11.12.2006, p. 1

(2)   ĠU L 109, 26.4.2007, p. 42