|
Il-Ġurnal Uffiċjali |
MT Serje L |
|
2024/226 |
19.1.2024 |
DEĊIŻJONI TAL-KUNSILL (PESK) 2024/226
tad-9 ta’ Ġunju 2023
dwar l-iffirmar u l-konklużjoni tal-Ftehim bejn l-Unjoni Ewropea u l-Gvern tar-Repubblika Iżlamika tal-Mauritania dwar l-istabbiliment u l-funzjonament taċ-Ċellula ta’ Konsulenza u Koordinazzjoni Reġjonali tal-Unjoni Ewropea skjerata f’Nouakchott b’appoġġ għall-istrutturi tal-G5 tas-Sahel
IL-KUNSILL TAL-UNJONI EWROPEA,
Wara li kkunsidra t-Trattat dwar l-Unjoni Ewropea, u b’mod partikolari l-Artikolu 37 tiegħu, flimkien mal-Artikolu 218(5) u (6) tat-Trattat dwar il-Funzjonament tal-Unjoni Ewropea,
Wara li kkunsidra l-proposta tar-Rappreżentant Għoli tal-Unjoni għall-Affarijiet Barranin u l-Politika ta’ Sigurtà,
Billi:
|
(1) |
Fit-13 ta’ Mejju 2019, il-Kunsill adotta d-Deċiżjoni (PESK) 2019/762 (1) dwar il-missjoni tal-PSDK tal-Unjoni Ewropea fil-Mali (EUCAP Sahel Mali), li partikolarment ħolqot Ċellula ta’ Konsulenza u Koordinazzjoni Reġjonali (RACC) fi ħdan l-EUCAP Sahel Mali b’appoġġ għall-istrutturi u l-pajjiżi tal-G5 tas-Sahel. L-RACCtinkludi tim li jinsab f’Nouakchott, kif ukoll l-esperti tas-sigurtà interna u d-difiża li jinsabu fid-delegazzjonijiet tal-Unjoni fil-Burkina Faso, iċ-Chad, il-Mali u n-Niġer. Barra minn hekk, l-EUCAP Sahel Mali tipprovdi taħriġ, konsulenza u appoġġ speċifiku ieħor permezz ta’ skjeramenti temporanji ta’ timijiet mill-Mali lejn il-pajjiżi tal-G5 tas-Sahel, inkluż il-Mauritania. |
|
(2) |
Fit-22 ta’ Mejju 2019, il-Kunsill adotta d-Deċiżjoni (PESK) 2019/832 (2), li tipprevedi, b’mod partikolari, li l-missjoni tal-PSDK tal-Unjoni Ewropea fin-Niġer (EUCAP Sahel Niger) tista’ twettaq attivitajiet skont kif meħtieġ fil-pajjiżi tal-G5 tas-Sahel, inkluż fil-Mauritania, permezz ta’ skjeramenti temporanji ta’ timijiet min-Niġer biex jikkontribwixxu għar-reġjonalizzazzjoni tal-azzjoni tal-politika ta’ sigurtà u ta’ difiża komuni (PSDK) fis-Sahel. |
|
(3) |
Ir-Repubblika Iżlamika tal-Mauritania, permezz ta’ ittra tal-15 ta’ Frar 2019 mill-Ministru għall-Affarijiet Barranin tagħha, tat il-privileġġi u l-immunitajiet meħtieġa lill-persunal tar-RACC, kif ukoll lill-membri ta’ missjonijiet ad hoc ta’ taħriġ u konsulenza. |
|
(4) |
Ir-Repubblika Iżlamika tal-Mauritania, permezz ta’ note verbale mill-Ministeru għall-Affarijiet Barranin u l-Kooperazzjoni tar-Repubblika Iżlamika tal-Mauritania, bid-data tal-11 ta’ Mejju 2021, u permezz ta’ ittra mill-Ministru għall-Affarijiet Barranin, il-Kooperazzjoni u l-Mauritanjani li jinsabu barra mill-pajjiż tar-Repubblika Iżlamika tal-Mauritania, bid-data tat-12 ta’ Mejju 2021, tat ukoll il-privileġġi u l-immunitajiet meħtieġa lir- RACC. |
|
(5) |
Madankollu, deher li kien meħtieġ li l-istatus fil-Mauritania, tar-RACC, tal-membri tal-persunal tagħha u tal-membri tal-missjonijiet ad hoc ta’ taħriġ u konsulenza jiġi bbażat fuq Ftehim bejn l-Unjoni u r-Repubblika Iżlamika tal-Mauritania, f’konformità mad-Deċiżjonijiet tal-Kunsill 2014/219/PESK (3) u 2012/392/PESK (4). |
|
(6) |
Fl-20 ta’ Mejju 2021, il-Kunsill awtorizza l-ftuħ ta’ negozjati sabiex jiġi konkluż Ftehim bejn l-Unjoni Ewropea u r-Repubblika Iżlamika tal-Mauritania dwar l-istatus fil-Mauritania taċ-Ċellula ta’ Konsulenza u Koordinazzjoni Reġjonali, ta’ elementi oħrajn tal-Missjoni tal-PSDK tal-Unjoni Ewropea fil-Mali u ta’ elementi tal-Missjoni tal-PSDK tal-Unjoni Ewropea fin-Niġer. |
|
(7) |
Il-Ftehim il-ġdid dwar l-istabbiliment u l-funzjonament taċ-Ċellula ta’ Konsulenza u Koordinazzjoni Reġjonali tal-Unjoni Ewropea skjerata f’Nouakchott biex tappoġġa l-istrutturi tal-G5 tas-Sahel, li jkopri wkoll il-membri tal-persunal tagħha u l-membri tal-EUCAP Sahel Mali jew tal-EUCAP Sahel Niger li jwettqu missjonijiet ad hoc ta’ taħriġ u konsulenza fil-Mauritania, jenħtieġ li jiġi approvat, |
ADOTTA DIN ID-DEĊIŻJONI:
Artikolu 1
Il-Ftehim bejn l-Unjoni Ewropea u l-Gvern tar-Repubblika Iżlamika tal-Mauritania dwar l-istabbiliment u l-funzjonament taċ-Ċellula ta’ Konsulenza u Koordinazzjoni Reġjonali tal-Unjoni Ewropea skjerata f’Nouakchott b’appoġġ għall-istrutturi tal-G5 tas-Sahel (“il-Ftehim”) huwa b’dan approvat f’isem l-Unjoni (5).
Artikolu 2
Il-President tal-Kunsill huwa b’dan awtorizzat li jinnomina l-persuna jew persuni li jkollhom is-setgħa li jiffirmaw il-Ftehim sabiex tintrabat l-Unjoni.
Artikolu 3
Il-President tal-Kunsill għandu, f’isem l-Unjoni, jagħti n-notifika prevista fl-Artikolu 26(2) tal-Ftehim (6).
Artikolu 4
Din id-Deċiżjoni għandha tidħol fis-seħħ fid-data tal-adozzjoni tagħha.
Magħmul fil-Lussemburgu, id-9 ta’ Ġunju 2023.
Għall-Kunsill
Il-President
M. MALMER STENERGARD
(1) Id-Deċiżjoni tal-Kunsill (PESK) 2019/762 tat-13 ta’ Mejju 2019 li temenda d-Deċiżjoni 2014/219/PESK dwar il-Missjoni tal-PSDK tal-Unjoni Ewropea fil-Mali (EUCAP Sahel Mali) (ĠU L 125, 14.5.2019, p. 18).
(2) Id-Deċiżjoni tal-Kunsill (PESK) 2019/832 tat-22 ta’ Mejju 2019 li temenda d-Deċiżjoni 2012/392/PESK dwar il-missjoni ta’ PSDK tal-Unjoni Ewropea fin-Niġer (EUCAP Sahel Niger) (ĠU L 137, 23.5.2019, p. 64).
(3) Id-Deċiżjoni tal-Kunsill 2014/219/PESK tal-15 ta’ April 2014 dwar il-missjoni ta’ PSDK tal-Unjoni Ewropea f’Mali (EUCAP Sahel Mali) (ĠU L 113, 16.4.2014, p. 21).
(4) Id-Deċiżjoni tal-Kunsill 2012/392/PESK tas-16 ta’ Lulju 2012 dwar il-missjoni ta’ PSDK tal-Unjoni Ewropea fin-Niġer (EUCAP Sahel Niger) (ĠU L 187, 17.7.2012, p. 48).
(5) It-test tal-Ftehim huwa ppubblikat fil-ĠU L, 2024/227, 12.1.2024, ELI: http://data.europa.eu/eli/agree/2024/227/oj.
(6) Id-data tad-dħul fis-seħħ tal-Ftehim ser tiġi ppubblikata f’Il-Ġurnal Uffiċjali tal-Unjoni Ewropea mis-Segretarjat Ġenerali tal-Kunsill.
ELI: http://data.europa.eu/eli/dec/2024/226/oj
ISSN 1977-074X (electronic edition)