|
Il-Ġurnal Uffiċjali |
MT Is-serje L |
|
2025/1433 |
15.7.2025 |
REGOLAMENT TA’ IMPLIMENTAZZJONI TAL-KUNSILL (UE) 2025/1433
tal-15 ta’ Lulju 2025
li jimplimenta r-Regolament (UE) 2022/2309 dwar miżuri restrittivi fid-dawl tas-sitwazzjoni fil-Haiti
IL-KUNSILL TAL-UNJONI EWROPEA,
Wara li kkunsidra t-Trattat dwar il-Funzjonament tal-Unjoni Ewropea,
Wara li kkunsidra r-Regolament tal-Kunsill (UE) 2022/2309 tal-25 ta’ Novembru 2022 dwar miżuri restrittivi fid-dawl tas-sitwazzjoni fil-Haiti (1), u b’mod partikolari l-Artikolu 16(1a) tiegħu,
Wara li kkunsidra l-proposta mir-Rappreżentant Għoli tal-Unjoni għall-Affarijiet Barranin u l-Politika ta’ Sigurtà,
Billi:
|
(1) |
Fil-25 ta’ Novembru 2022, il-Kunsill adotta r-Regolament (UE) 2022/2309. |
|
(2) |
Fit-28 ta’ Lulju 2023, il-Kunsill adotta d-Deċiżjoni (PESK) 2023/1574 (2), li emendat id-Deċiżjoni tal-Kunsill (PESK) 2022/2319 (3), u b’hekk tistabbilixxi qafas iddedikat għal miżuri restrittivi mmirati kontra persuni fiżiċi jew ġuridiċi, entitajiet jew korpi responsabbli għal azzjonijiet li jheddu l-paċi, l-istabbiltà u s-sigurtà tal-Haiti u għal azzjonijiet li jdgħajfu d-demokrazija jew l-istat tad-dritt fil-Haiti, kif ukoll kontra persuni fiżiċi jew ġuridiċi, entitajiet jew korpi assoċjati magħhom. |
|
(3) |
Fid-dawl tas-sitwazzjoni politika, ekonomika, ta’ sigurtà u umanitarja li qed tiddeterjora fil-Haiti, inkluż ir-riżultati ta’ żieda fil-vjolenza minn gruppi organizzati, l-abbużi serji tad-drittijiet tal-bniedem mingħajr waqfien imwettqa minn gruppi organizzati, u l-impunità kontinwa għall-awturi, jenħtieġ li tliet persuni jiżdiedu mal-lista ta’ persuni fiżiċi u ġuridiċi, entitajiet u korpi msemmija fl-Anness Ia tar-Regolament (UE) 2022/2309. |
|
(4) |
Għalhekk, jenħtieġ li r-Regolament (UE) 2022/2309 jiġi emendat skont dan, |
ADOTTA DAN IR-REGOLAMENT:
Artikolu 1
L-Anness Ia tar-Regolament (UE) 2022/2309 huwa emendat f’konformità mal-Anness ta’ dan ir-Regolament.
Artikolu 2
Dan ir-Regolament għandu jidħol fis-seħħ fid-data tal-pubblikazzjoni tiegħu f’Il-Ġurnal Uffiċjali tal-Unjoni Ewropea.
Dan ir-Regolament għandu jorbot fl-intier tiegħu u japplika direttament fl-Istati Membri kollha.
Magħmul fi Brussell, il-15 ta’ Lulju 2025.
Għall-Kunsill
Il-President
K. KALLAS
(1) ĠU L 307, 28.11.2022, p. 17, ELI: http://data.europa.eu/eli/reg/2022/2309/oj.
(2) Id-Deċiżjoni tal-Kunsill (PESK) 2023/1574 tat-28 ta’ Lulju 2023 li temenda d-Deċiżjoni (PESK) 2022/2319 dwar miżuri restrittivi fid-dawl tas-sitwazzjoni fil-Haiti (ĠU L 192, 31.7.2023, p. 21, ELI: http://data.europa.eu/eli/dec/2023/1574/oj).
(3) Id-Deċiżjoni tal-Kunsill (PESK) 2022/2319 tal-25 ta’ Novembru 2022 dwar miżuri restrittivi fid-dawl tas-sitwazzjoni fil-Haiti (ĠU L 307, 28.11.2022, p. 135).
ANNESS
Fl-Anness Ia tar-Regolament (UE) 2022/2309, l-entrati li ġejjin jiżdiedu mat-tabella taħt l-intestatura “Lista ta’ persuni fiżiċi u ġuridiċi, entitajiet u korpi msemmija fl-Artikolu 4a”:
|
|
Isem |
Informazzjoni ta’ identifikazzjoni |
Dikjarazzjoni tar-raġunijiet |
Data tal-inklużjoni fil-lista |
|
“4. |
Micanor ALTÈS magħruf ukoll bħala Monel Felix, Micanord; Mikano; Wa Mikanò; King Micanor; Alfred Mones |
Funzjoni: Kap tal-grupp organizzat Wharf Jérémie Nazzjonalità: Haitjana Sess: raġel Indirizz: Neighbourhood of Wharf Jérémie, near La Saline, Port-au-Prince, Haiti |
Micanor Altès huwa l-kap tal-grupp organizzat Wharf Jérémie. Wharf Jérémie huwa kwartier kostali fiż-żona ta’ La Saline ta’ Port-au-Prince. Din iż-żona ilha taħt il-kontroll tal-grupp organizzat immexxi minn Micanor Altès għal aktar minn għaxar snin. Taħt il-kmand tiegħu, il-grupp huwa responsabbli għall-massakru ta’ 207 persuna bejn is-6 u l-11 ta’ Diċembru 2024 fid-distrett ta’ Wharf Jérémie. Il-massakru seħħ wara l-mewt tat-tifel ta’ Altès, li kien għadu kif twieled, minn marda mhux magħrufa. Konvint li anzjani li jipprattikaw il-Voodoo fiż-żona taħt il-kontroll tiegħu kienu għamlu seħer fuq it-tifel tiegħu, il-kap tal-grupp organizzat, ordna l-eżekuzzjoni tal-abitanti kollha ta’ ’l fuq minn 60 sena li jipprattikaw il-Voodoo, wara li ħatfuhom. Għalhekk, Micanor Altès huwa responsabbli għal azzjonijiet li jheddu l-paċi, l-istabbiltà u s-sigurtà fil-Haiti, inkluż it-twettiq ta’ attivitajiet kriminali u vjolenza li jinvolvu gruppi armati u networks kriminali. |
15.7.2025 |
|
5. |
Christ-Roi CHÉRY magħruf ukoll bħala Kris-La; Krisla; Chrisla; Chrislat |
Funzjoni: Kap tal-grupp organizzat TI Bwa (affiljat ma’ Viv Ansanm/Koalizzjoni ta’ gruppi organizzati G9) Nazzjonalità: Haitjana Sess: raġel Indirizz: Commune of Carrefour, Metropolitan region of Port-au-Prince, Haiti |
Christ-Roi Chéry huwa l-kap tal-grupp organizzat Ti Bwa, li huwa affiljat mal-koalizzjoni tal-gruppi organizzati Viv Ansanm (imsejħa wkoll G9) fil-Haiti. Minn Frar 2024, il-grupp organizzat Ti Bwa ikkontrolla l-komun ta’ Carrefour. Taħt il-kmand ta’ Christ-Roi Chéry, il-grupp Ti Bwa huwa involut fi vjolenza u attivitajiet kriminali fil-Haiti, inkluż qtil, serq, stupru, ħtif ta’ merkanzija u trakkijiet, estorsjoni, qtil immirat u traffikar tad-droga. Għalhekk, Christ-Roi Chéry huwa responsabbli għal azzjonijiet li jheddu l-paċi, l-istabbiltà u s-sigurtà fil-Haiti, inkluż it-twettiq ta’ attivitajiet kriminali u vjolenza li jinvolvu gruppi armati u networks kriminali li jippromwovu l-vjolenza, inkluż reklutaġġ furzat ta’ tfal minn tali gruppi u networks, ħtif ta’ persuni, omiċidji u vjolenza sesswali u abbażi tal-ġeneru. |
15.7.2025 |
|
6. |
Jeff LAROSE magħruf ukoll bħala Jeff; Gwo Lwa; Taliban |
Funzjoni: Kap tal-grupp organizzat Canaan (affiljat mal-koalizzjonijiet ta’ gruppi organizzati G-Pép u Viv Ansanm) Nazzjonalità: Haitjana Sess: raġel Indirizz: Canaan, Metropolitan region of Port-au-Prince, Haiti |
Jeff Larose huwa l-kap tal-grupp organizzat Canaan, li huwa affiljat mal-koalizzjonijiet ta’ gruppi organizzati G-Pép u Viv Ansanm fil-Haiti. Il-grupp organizzat Canaan jikkontrolla l-lokalitajiet ta’ Canaan, Onaville, Jerusalem, Corail, Rosemberg, Lilavois, Bon Repos, li kollha jinsabu fiż-żona metropolitana ta’ Port-au-Prince. Il-grupp estenda l-kontroll tiegħu lil hinn mit-territorju oriġinali tiegħu u jopera wkoll f’Mirebalais (dipartiment taċ-Ċentru). Taħt il-kmand ta’ Jeff Larose, il-grupp organizzat Canaan huwa involut fi vjolenza u attivitajiet kriminali fil-Haiti, inkluż ħtif ta’ persuni, approprjazzjoni ta’ art, stupru, serq mid-djar, ħtif ta’ merkanzija u vetturi, talbiet għal riskatt, qtil u traffikar tad-droga. Għalhekk, Jeff Larose huwa responsabbli għal azzjonijiet li jheddu l-paċi, l-istabbiltà u s-sigurtà fil-Haiti, inkluż it-twettiq ta’ attivitajiet kriminali u vjolenza li jinvolvu gruppi armati u networks kriminali li jippromwovu l-vjolenza, inkluż reklutaġġ furzat ta’ tfal minn tali gruppi u networks, ħtif ta’ persuni, omiċidji u vjolenza sesswali u abbażi tal-ġeneru. |
15.7.2025”. |
ELI: http://data.europa.eu/eli/reg_impl/2025/1433/oj
ISSN 1977-074X (electronic edition)