European flag

Il-Ġurnal Uffiċjali
ta'l-Unjoni Ewropea

MT

Is-serje L


2024/3217

27.12.2024

DEĊIŻJONI TAL-KUNSILL (UE) 2024/3217

tal-5 ta’ Diċembru 2024

dwar il-pożizzjoni li għandha tittieħed f’isem l-Unjoni fil-grupp ta’ ħidma ad hoc u fil-Kumitat Konġunt stabbilit mill-Ftehim bejn l-Unjoni Ewropea u l-Ukrajna dwar it-trasport tal-merkanzija bit-triq, fir-rigward tat-termini ta’ referenza tal-grupp ta’ ħidma ad hoc

IL-KUNSILL TAL-UNJONI EWROPEA,

Wara li kkunsidra t-Trattat dwar il-Funzjonament tal-Unjoni Ewropea, u b’mod partikolari l-Artikolu 91 flimkien mal-Artikolu 218(9) tiegħu,

Wara li kkunsidra l-proposta tal-Kummissjoni Ewropea,

Billi:

(1)

Il-Ftehim bejn l-Unjoni Ewropea u l-Ukrajna dwar it-trasport tal-merkanzija bit-triq (1) (il-“Ftehim”) ġie ffirmat mill-Unjoni fid-29 ta’ Ġunju 2022 skont id-Deċiżjoni tal-Kunsill (UE) 2022/1158 (2) u daħal fis-seħħ b’mod proviżorju f’dik id-data. Huwa ġie konkluż mill-Unjoni permezz tad-Deċiżjoni tal-Kunsill (UE) 2022/2435 (3) u daħal fis-seħħ fil-5 ta’ Diċembru 2022.

(2)

Il-Ftehim ġie emendatbil-Ftehim bejn l-Unjoni Ewropea u l-Ukrajna li jemenda l-Ftehim bejn l-Unjoni Ewropea u l-Ukrajna dwar it-trasport tal-merkanzija bit-triq tad-29 ta’ Ġunju 2022 (4), li ġie ffirmat mill-Unjoni fl-20 ta’ Ġunju 2024 skont id-Deċiżjoni tal-Kunsill (UE) 2024/1876 (5) u li daħal fis-seħħ b’mod proviżorju f’dik id-data.

(3)

Grupp ta’ ħidma ad hoc speċifiku ġie stabbilit bl-Artikolu 7 A(1) tal-Ftehim sabiex jiffaċilita l-implimentazzjoni prattika tal-Ftehim.

(4)

Skont l-Artikolu 7 A(6) tal-Ftehim, il-grupp ta’ ħidma ad hoc għandu jadotta t-termini ta’ referenza tiegħu.

(5)

Sabiex jiġu żgurati l-organizzazzjoni u l-funzjonament tal-grupp ta’ ħidma ad hoc, u b’hekk tiġi ffaċilitata l-implimentazzjoni prattika tal-Ftehim, it-termini ta’ referenza tal-grupp ta’ ħidma ad hoc għandhom jiġu approvati mill-Kumitat Konġunt stabbilit bl-Artikolu 7(1) tal-Ftehim, f’konformità mal-Artikolu 7 A(6) tal-Ftehim.

(6)

Għalhekk, il-grupp ta’ ħidma ad hoc għandu jadotta t-termini ta’ referenza tiegħu, u l-Kumitat Konġunt għandu jadotta deċiżjoni li tapprova dawk it-termini ta’ referenza.

(7)

Għalhekk huwa xieraq li tiġi stabbilita l-pożizzjoni li għandha tittieħed f’isem l-Unjoni fil-grupp ta’ ħidma ad hoc u fil-Kumitat Konġunt dwar, rispettivament, l-adozzjoni u l-approvazzjoni tat-termini ta’ referenza tal-grupp ta’ ħidma ad hoc, peress li dawk l-atti ser ikollhom effetti legali għall-Unjoni skont id-dritt internazzjonali,

ADOTTA DIN ID-DEĊIŻJONI:

Artikolu 1

Il-pożizzjoni li għandha tittieħed f’isem l-Unjoni fil-Kumitat Konġunt stabbilit bl-Artikolu 7(1) tal-Ftehim bejn l-Unjoni Ewropea u l-Ukrajna dwar it-trasport tal-merkanzija bit-triq (il-“Ftehim”), fir-rigward tal-approvazzjoni tat-termini ta’ referenza tal-grupp ta’ ħidma ad hoc stabbilit bl-Artikolu 7 A(1) tal-Ftehim, għandha tkun ibbażata fuq l-abbozz tad-Deċiżjoni tal-Kumitat Konġunt mehmuż ma’ din id-Deċiżjoni (l-“abbozz tad-Deċiżjoni”).

Il-pożizzjoni li għandha tittieħed f’isem l-Unjoni fil-grupp ta’ ħidma ad hoc stabbilit bl-Artikolu 7 A(1) tal-Ftehim, fir-rigward tal-adozzjoni tat-termini ta’ referenza tiegħu, għandha tkun ibbażata fuq l-abbozz tat-termini ta’ referenza anness mal-abbozz tad-Deċiżjoni.

Ir-rappreżentanti tal-Unjoni fil-Kumitat Konġunt u fil-grupp ta’ ħidma ad hoc jistgħu jaqblu ma’ tibdiliet minuri għall-abbozz tad-Deċiżjoni u għall-abbozz tat-termini ta’ referenza msemmija fit-tieni subparagrafu ta’ dan l-Artikolu mingħajr deċiżjoni ulterjuri tal-Kunsill.

Artikolu 2

Id-Deċiżjoni tal-Kumitat Konġunt għandha tiġi ppubblikata f’Il-Ġurnal Uffiċjali tal-Unjoni Ewropea.

Artikolu 3

Din id-Deċiżjoni għandha tidħol fis-seħħ fid-data tal-adozzjoni tagħha.

Magħmul fi Brussell, il-5 ta’ Diċembru 2024.

Għall-Kunsill

Il-President

NAGY B.


(1)   ĠU L 179, 6.7.2022, p. 4, ELI: http://data.europa.eu/eli/agree_internation/2022/1158/oj.

(2)  Id-Deċiżjoni tal-Kunsill (UE) 2022/1158 tas-27 ta’ Ġunju 2022 dwar l-iffirmar, f’isem l-Unjoni, u l-applikazzjoni proviżorja tal-Ftehim bejn l-Unjoni Ewropea u l-Ukrajna dwar it-trasport tal-merkanzija bit-triq (ĠU L 179, 6.7.2022, p. 1, ELI: http://data.europa.eu/eli/agree_internation/2022/1158/oj).

(3)  Id-Deċiżjoni tal-Kunsill (UE) 2022/2435 tal-5 ta’ Diċembru 2022 dwar il-konklużjoni, f’isem l-Unjoni Ewropea, tal-Ftehim bejn l-Unjoni Ewropea u l-Ukrajna dwar it-trasport tal-merkanzija bit-triq (ĠU L 319, 13.12.2022, p. 5, ELI: http://data.europa.eu/eli/dec/2022/2435/oj).

(4)   ĠU L, 2024/1878, 2.7.2024, ELI: http://data.europa.eu/eli/agree_internation/2024/1878/oj.

(5)  Id-Deċiżjoni tal-Kunsill (UE) 2024/1876 tal-20 ta’ Ġunju 2024 dwar l-iffirmar, f’isem l-Unjoni, u l-applikazzjoni provviżorja tal-Ftehim bejn l-Unjoni Ewropea u l-Ukrajna li jemenda l-Ftehim bejn l-Unjoni Ewropea u l-Ukrajna dwar it-trasport tal-merkanzija bit-triq tad-29 ta’ Ġunju 2022 (ĠU L, 2024/1876, 2.7.2024, ELI: http://data.europa.eu/eli/dec/2024/1876/oj).


ABBOZZ

DEĊIŻJONI Nru …/2024 TAL-KUMITAT KONĠUNT STABBILIT MILL-FTEHIM BEJN L-UNJONI EWROPEA U L-UKRAJNA DWAR IT-TRASPORT TAL-MERKANZIJA BIT-TRIQ

ta’ …

fir-rigward tat-termini ta’ referenza tal-grupp ta’ ħidma ad hoc stabbilit mill-Ftehim

IL-KUMITAT KONĠUNT,

Wara li kkunsidra l-Ftehim bejn l-Unjoni Ewropea u l-Ukrajna dwar it-trasport tal-merkanzija bit-triq (1), u b’mod partikolari l-Artikolu 7(5) u l-Artikolu 7A(6) tiegħu,

Billi:

(1)

Il-Ftehim bejn l-Unjoni Ewropea u l-Ukrajna dwar it-trasport tal-merkanzija bit-triq (il-“Ftehim”) ġie ffirmat mill-Unjoni fid-29 ta’ Ġunju 2022 skont id-Deċiżjoni tal-Kunsill (UE) 2022/1158 (2) u daħal fis-seħħ b’mod proviżorju f’dik id-data. Huwa ġie konkluż mill-Unjoni permezz tad-Deċiżjoni tal-Kunsill (UE) 2022/2435 (3) u daħal fis-seħħ fil-5 ta’ Diċembru 2022.

(2)

Il-Ftehim ġie emendatbil-Ftehim bejn l-Unjoni Ewropea u l-Ukrajna li jemenda l-Ftehim bejn l-Unjoni Ewropea u l-Ukrajna dwar it-trasport tal-merkanzija bit-triq tad-29 ta’ Ġunju 2022 (4), li ġie ffirmat fl-20 ta’ Ġunju 2024 skont id-Deċiżjoni tal-Kunsill (UE) 2024/1876 (5) u daħal fis-seħħ b’mod proviżorju f’dik id-data.

(3)

F’konformità mal-Artikolu 7A(6) tal-Ftehim, il-grupp ta’ ħidma ad hoc stabbilit bl-Artikolu 7A(1) tal-Ftehim għandu jadotta t-termini ta’ referenza tiegħu, li għandhom jiġu approvati mill-Kumitat Konġunt f’konformità mal-Artikolu 7(5) tal-Ftehim.

(4)

Għalhekk, jenħtieġ li t-termini ta’ referenza tal-grupp ta’ ħidma ad hoc stabbiliti fl-Anness ta’ din id-Deċiżjoni jiġu approvati,

ADOTTA DIN ID-DEĊIŻJONI:

Artikolu 1

Termini ta’ referenza tal-grupp ta’ ħidma ad hoc

It-termini ta’ referenza tal-grupp ta’ ħidma ad hoc, stabbiliti fl-Anness ta’ din id-Deċiżjoni huma b’dan approvati.

Artikolu 2

Dħul fis-seħħ

Din id-Deċiżjoni għandha tidħol fis-seħħ fid-data tal-adozzjoni tagħha.

Magħmul fi …,

Għall-Kumitat Konġunt

Il-Kopresidenti


(1)   ĠU UE L 179, 6.7.2022, p. 4, ELI: http://data.europa.eu/eli/agree_internation/2022/1158/oj.

(2)  Id-Deċiżjoni tal-Kunsill (UE) 2022/1158 tas-27 ta’ Ġunju 2022 dwar l-iffirmar, f’isem l-Unjoni, u l-applikazzjoni proviżorja tal-Ftehim bejn l-Unjoni Ewropea u l-Ukrajna dwar it-trasport tal-merkanzija bit-triq (ĠU UE L 179, 6.7.2022, p. 1, ELI: http://data.europa.eu/eli/agree_internation/2022/1158/oj).

(3)  Id-Deċiżjoni tal-Kunsill (UE) 2022/2435 tal-5 ta’ Diċembru 2022 dwar il-konklużjoni, f’isem l-Unjoni Ewropea, tal-Ftehim bejn l-Unjoni Ewropea u l-Ukrajna dwar it-trasport tal-merkanzija bit-triq (ĠU UE L 319, 13.12.2022, p. 5, ELI: http://data.europa.eu/eli/dec/2022/2435/oj).

(4)   ĠU L, 2024/1878, 2.7.2024, ELI: http://data.europa.eu/eli/agree_internation/2024/1878/oj.

(5)  Id-Deċiżjoni tal-Kunsill (UE) 2024/1876 tal-20 ta’ Ġunju 2024 dwar l-iffirmar, f'isem l-Unjoni, u l-applikazzjoni provviżorja tal-Ftehim bejn l-Unjoni Ewropea u l-Ukrajna li jemenda l-Ftehim bejn l-Unjoni Ewropea u l-Ukrajna dwar it-trasport tal-merkanzija bit-triq tad-29 ta’ Ġunju 2022 (ĠU UE L 2024/1876, 2.7.2024, ELI: http://data.europa.eu/eli/dec/2024/1876/oj).

ANNESS

ABBOZZ

TERMINI TA’ REFERENZA TAL-GRUPP TA’ ĦIDMA AD HOC STABBILIT MILL-FTEHIM BEJN L-UNJONI EWROPEA U L-UKRAJNA DWAR IT-TRASPORT TAL-MERKANZIJA BIT-TRIQ

Artikolu 1

Il-grupp ta’ ħidma ad hoc jista’ jiddiskuti l-implimentazzjoni prattika tal-Ftehim bejn l-Unjoni Ewropea u l-Ukrajna dwar it-trasport tal-merkanzija bit-triq (1) (il-“Ftehim”) fi ħdan il-qasam tar-responsabbiltà tiegħu.

Artikolu 2

1.   Il-grupp ta’ ħidma ad hoc għandu jkun presedut b’rotazzjoni minn rappreżentant tal-Unjoni Ewropea u rappreżentant tal-Ukrajna.

2.   Ir-rappreżentant tal-Unjoni Ewropea għandu jkun uffiċjal mid-Direttorat Ġenerali għall-Mobilità u t-Trasport tal-Kummissjoni Ewropea. Ir-rappreżentant tal-Ukrajna għandu jkun uffiċjal tal-Ministeru responsabbli għat-trasport bit-triq fl-Ukrajna.

3.   L-Unjoni Ewropea u l-Ukrajna għandhom jinnotifikaw lil xulxin dwar l-isem, il-pożizzjoni u d-dettalji ta’ kuntatt tar-rappreżentant li qed jaġixxi bħala l-president tal-grupp ta’ ħidma ad hoc għall-Unjoni Ewropea jew għall-Ukrajna, rispettivament. Dak ir-rappreżentant għandu jitqies li jkompli jaġixxi bħala president għall-Unjoni Ewropea jew għall-Ukrajna, rispettivament, sad-data li fiha l-Unjoni Ewropea jew l-Ukrajna tinnotifika lill-Parti l-oħra għall-Ftehim (il-“Parti”) bi president ġdid.

4.   Il-grupp ta’ ħidma ad hoc jista’ jistieden esperti għal-laqgħat tiegħu u jista’ jismagħhom rigward punti speċifiċi fuq l-aġenda.

Artikolu 3

1.   Il-grupp ta’ ħidma ad hoc għandu jaħdem taħt l-awtorità tal-Kumitat Konġunt stabbilit bl-Artikolu 7(1) tal-Ftehim.

2.   Ir-rappreżentanti tal-Partijiet għandhom jadottaw ir-rapporti tal-grupp ta’ ħidma ad hoc lill-Kumitat Konġunt bi qbil reċiproku.

3.   Ir-rappreżentanti tal-Partijiet għandhom jadottaw ir-rakkomandazzjonijiet għall-Kumitat Konġunt bi qbil reċiproku.

4.   Fejn neċessarju u debitament ġustifikat, ir-rapporti u r-rakkomandazzjonijiet tal-grupp ta’ ħidma ad hoc jistgħu jiġu adottati bil-miktub. Għal dak l-għan, ir-rappreżentanti tal-Partijiet għandhom jiskambjaw fehmiet dwar l-abbozz tar-rapport jew l-abbozz tar-rakkomandazzjoni, li mbagħad jistgħu jiġu kkonfermati bi skambju ta’ korrispondenza.

5.   Il-grupp ta’ ħidma ad hoc għandu jirrapporta u jibgħat il-minuti, ir-rapporti u r-rakkomandazzjonijiet, lill-president tal-Kumitat Konġunt fi żmien 30 jum kalendarju minn tmiem kull laqgħa u fi kwalunkwe każ f’konformità mal-Artikolu 7A(5) tal-Ftehim.

Artikolu 4

Ir-rappreżentanti tal-Partijiet għandhom jaġixxu b’mod konġunt bħala segretarji tal-grupp ta’ ħidma ad hoc.

Artikolu 5

1.   Il-grupp ta’ ħidma ad hoc għandu jiltaqa’ kull darba li ċ-ċirkostanzi jkunu jeħtieġu dan, abbażi ta’ talba bil-miktub minn waħda mill-Partijiet. Kull laqgħa għandha ssir f’post u f’data maqbulin b’mod reċiproku mill-Partijiet.

2.   Meta Parti titlob li ssir laqgħa, is-segretarju tal-Parti l-oħra għandu jwieġeb fi żmien 15-il jum ta’ xogħol minn meta jirċievi t-talba. F’każijiet ta’ urġenza partikolari, il-laqgħat tal-grupp ta’ ħidma ad hoc jistgħu jitlaqqgħu fi żmien iqsar, bi qbil reċiproku taż-żewġ Partijiet.

3.   Il-laqgħat tal-grupp ta’ ħidma ad hoc għandhom jissejħu b’mod konġunt miż-żewġ Segretarji tagħhom.

Artikolu 6

1.   Kull Parti tista’ titlob lill-president biex iżid punt fuq l-aġenda għal-laqgħa. Dawn it-talbiet għandhom jitressqu quddiem is-segretarji tal-Partijiet mill-inqas 15-il jum ta’ xogħol qabel il-laqgħa, u kull dokumentazzjoni titressaq mill-inqas 10 ijiem ta’ xogħol qabel il-laqgħa.

2.   Is-segretarji għandhom jikkomunikaw l-abbozz tal-aġenda lill-Partijiet mhux aktar tard minn 5 ijiem ta’ xogħol qabel il-laqgħa. F’ċirkostanzi eċċezzjonali, il-partijiet jistgħu jiddeċiedu bi qbil reċiproku li jżidu punti fuq l-aġenda fi żmien qasir.

3.   L-aġenda għandha tiġi adottata mir-rappreżentanti tal-Partijiet bi qbil reċiproku fil-bidu ta’ kull laqgħa. Punti għajr dawk li jidhru fuq l-abbozz tal-aġenda jistgħu jiġu inklużi fl-aġenda, u kwalunkwe punt ieħor fuq l-abbozz tal-aġenda jista’ jitħassar, jiġi differit jew emendat, jekk ir-rappreżentanti tal-Partijiet jaqblu dwar dan.

Artikolu 7

1.   B’mod konġunt, is-segretarji għandhom iħejju abbozz tal-minuti ta’ kull laqgħa abbażi tar-riżultati ta’ kull laqgħa.

2.   L-abbozz tal-minuti għandu jiġi approvat u ffirmat mir-rappreżentanti taż-żewġ Partijiet.

3.   Sakemm il-Partijiet ma jiddeċidux mod ieħor, il-laqgħat ma għandhomx ikunu pubbliċi.

Artikolu 8

1.   Jekk l-Unjoni Ewropea jew l-Ukrajna jippreżentaw lill-grupp ta’ ħidma ad hoc informazzjoni li tkun kunfidenzjali jew protetta mid-divulgazzjoni skont il-liġijiet u r-regolamenti rilevanti tagħhom, il-Parti l-oħra għandha tittratta dik l-informazzjoni li tkun irċeviet bħala kunfidenzjali.

2.   Jekk l-Unjoni Ewropea tippreżenta lill-grupp ta’ ħidma ad hoc informazzjoni li tkun kunfidenzjali jew protetta mid-divulgazzjoni skont il-leġiżlazzjoni rilevanti tagħha dwar is-sigurtà tal-informazzjoni, inkluż id-Deċiżjoni tal-Kummissjoni (UE, Euratom) 2015/443 (2), l-Ukrajna għandha tiżgura livell komparabbli ta’ kunfidenzjalità u protezzjoni għal dik l-informazzjoni. Jekk l-Ukrajna tippreżenta lill-grupp ta’ ħidma ad hoc informazzjoni li hija kunfidenzjali jew protetta mid-divulgazzjoni skont il-liġijiet u r-regolamenti rilevanti tagħha, il-Kummissjoni Ewropea għandha tittratta dik l-informazzjoni bħala kunfidenzjali.


(1)   ĠU UE L 179, 6.7.2022, p. 4, ELI: http://data.europa.eu/eli/agree_internation/2022/1158/oj.

(2)  Id-Deċiżjoni tal-Kummissjoni (UE, Euratom) 2015/443 tat-13 ta’ Marzu 2015 dwar is-Sigurtà fil-Kummissjoni (ĠU UE L 72, 17.3.2015, p. 41, ELI: http://data.europa.eu/eli/dec/2015/443/oj).


ELI: http://data.europa.eu/eli/dec/2024/3217/oj

ISSN 1977-074X (electronic edition)