SENTENZA TAL-QORTI TAL-ĠUSTIZZJA (Awla Manja)

25 ta’ Frar 2025 ( *1 )

“Rinviju għal deċiżjoni preliminari – Kompetizzjoni – Pożizzjoni dominanti – Artikolu 102 TFUE – Swieq diġitali – Pjattaforma diġitali – Rifjut minn impriża f’pożizzjoni dominanti li tkun żviluppat pjattaforma diġitali li tirrifjuta li tagħti aċċess għal din il-pjattaforma lil impriża terza li tkun żviluppat applikazzjoni billi tiżgura l-interoperabbiltà tal-imsemmija pjattaforma u ta’ din l-applikazzjoni – Evalwazzjoni tan-natura indispensabbli tal-aċċess għal pjattaforma diġitali – Effetti tal-aġir ikkritikat – Ġustifikazzjoni oġġettiva – Ħtieġa għall-impriża f’pożizzjoni dominanti li tiżviluppa mudell għal kategorija ta’ applikazzjonijiet sabiex ikun jista’ jingħata aċċess – Definizzjoni tas-suq downstream rilevanti”

Fil-Kawża C‑233/23,

li għandha bħala suġġett talba għal deċiżjoni preliminari skont l-Artikolu 267 TFUE, imressqa mill-Consiglio di Stato (il-Kunsill tal-Istat, l-Italja), permezz ta’ deċiżjoni tas‑7 ta’ April 2023, li waslet fil-Qorti tal-Ġustizzja fit‑13 ta’ April 2023, fil-proċedura

Alphabet Inc.,

Google LLC,

Google Italy Srl

vs

Autorità Garante della Concorrenza e del Mercato,

fil-preżenza ta’:

Enel X Italia Srl,

Enel X Way Srl,

IL-QORTI TAL-ĠUSTIZZJA (Awla Manja),

komposta minn K. Lenaerts, President, F. Biltgen, K. Jürimäe, C. Lycourgos, I. Jarukaitis, M. L. Arastey Sahún, S. Rodin, A. Kumin, N. Jääskinen u D. Gratsias, Presidenti ta’ Awla, E. Regan, I. Ziemele u O. Spineanu‑Matei (Relatriċi), Imħallfin,

Avukata Ġenerali: L. Medina,

Reġistratur: C. Di Bella, Amministratur,

wara li rat il-proċedura bil-miktub u wara s-seduta tat‑23 ta’ April 2024,

wara li kkunsidrat l-osservazzjonijiet ippreżentati:

–

għal Alphabet Inc., Google LLC u Google Italy Srl, minn N. Latronico, M. Siragusa u M. Zotta, avvocati, kif ukoll A. Lamadrid de Pablo, abogado,

–

għal Enel X Italia Srl u Enel X Way Srl, minn F. Cintioli u G. Lo Pinto, avvocati,

–

għall-Gvern Taljan, minn G. Palmieri, bħala aġent, assistita minn L. Fiandaca u F. Sclafani, avvocati dello Stato,

–

għall-Gvern Elleniku, minn V. Baroutas u K. Boskovits, bħala aġenti,

–

għall-Kummissjoni Ewropea, minn G. Conte u C. Sjödin, bħala aġenti,

–

għall-Awtorità tas-Sorveljanza EFTA, minn C. Simpson u M. Sánchez Rydelski, bħala aġenti,

wara li semgħet il-konklużjonijiet tal-Avukata Ġenerali, ippreżentati fis-seduta tal‑5 ta’ Settembru 2024,

tagħti l-preżenti

Sentenza

1

It-talba għal deċiżjoni preliminari tirrigwarda l-interpretazzjoni tal-Artikolu 102 TFUE.

2

Din it-talba tressqet fil-kuntest ta’ tilwima bejn, minn naħa, Alphabet Inc., Google LLC u Google Italy Srl u, min-naħa l-oħra, l-Autorità Garante della Concorrenza e del Mercato (l-Awtorità għall-Protezzjoni tal-Kompetizzjoni u tas-Suq, l-Italja) (iktar ’il quddiem l-“AGCM”) dwar id-deċiżjoni ta’ din l-awtorità li tissanzjona lil dawn il-kumpanniji għal ksur tal-Artikolu 102 TFUE, minħabba li rrifjutaw li jippermettu li applikazzjoni żviluppata minn impriża terza sabiex jiġu pprovduti servizzi marbuta mal-iċċarġjar ta’ vetturi bil-mutur elettriċi tkun interoperabbli mal-pjattaforma diġitali Android Auto (iktar ’il quddiem “Android Auto”) li joffru l-imsemmija kumpanniji.

Il-kuntest ġuridiku

3

L-Artikolu 102 TFUE jipprovdi:

“Safejn il-kummerċ bejn l-Istati Membri jista’ jiġi milqut, kull abbuż minn impriża waħda jew iktar minn pożizzjoni dominanti fi ħdan is-suq intern, jew fi ħdan parti sostanzjali tiegħu, jkun inkompatibbli mas-suq intern u jkun projbit.

Eżempji ta’ abbuż bħal dan huma:

a)

l-impożizzjoni diretta jew indiretta ta’ prezzijiet inġusti ta’ l-akkwist jew tal-bejgħ, jew kondizzjonijiet oħra inġusti ta’ kummerċ,

b)

il-limitazzjoni tal-produzzjoni, tas-swieq jew ta’ l-iżvilupp tekniku bi ħsara għall-konsumaturi,

c)

l-applikazzjoni ta’ kondizzjonijiet differenti għal transazzjonijiet ekwivalenti ma’ partijiet oħra, l i b’ hekk jiġu mqiegħda fi żvantaġġ kompetittiv,

d)

is-suġġettar tal-konklużjoni ta’ kuntratti għall-aċċettazzjoni mill-parti l-oħra, ta’ obbligi addizzjonali li, jew min-natura tagħhom jew skond l-użu kummerċjali, ma jkollhom l-ebda konnessjoni mas-suġġett ta’ dawk il-kuntratti.”

Il-kawża prinċipali u d-domandi preliminari

4

Google hija sussidjarja ta’ Alphabet, li tikkontrolla lil Google Italy, stabbilita fl-Italja.

5

Google żviluppat Android OS, sistema operattiva (operating system) għal apparati mobile (mobile devices) ta’ manifatturi differenti. Din is-sistema, li tqiegħdet għad-dispożizzjoni taħt liċenzja open source, tista’, bħala prinċipju, tintuża mingħajr ħlas u tiġi mmodifikata, mingħajr ebda ħtieġa ta’ awtorizzazzjoni.

6

Android Auto, li tnediet minn Google fl‑2015, ġiet żviluppata għall-apparati mobile li jaħdmu bis-sistema operattiva Android OS sabiex l-utenti tagħhom ikun jista’ jkollhom aċċess, direttament fuq l-iskrin tas-sistema info tainment ta’ vettura bil-mutur, għal applikazzjonijiet f’dawn l-apparati.

7

Sabiex tiġi żgurata l-interoperabbiltà ta’ kull applikazzjoni ma’ Android Auto, filwaqt li jiġu evitati, għal dan il-għan, testijiet individwali aktarx twal u għaljin, Google toffri soluzzjonijiet għal kategoriji sħaħ ta’ applikazzjonijiet fil-forma ta’ “templates” (mudelli) għal kull soluzzjoni ta’ interoperabbiltà (iktar ’il quddiem il-“mudell”). Dawn il-mudelli jippermettu lil terzi joħolqu verżjonijiet tal-applikazzjonijiet tagħhom stess li jkunu interoperabbli ma’ Android Auto. Fl-aħħar tal‑2018, kienu disponibbli biss il-mudelli għall-applikazzjonijiet multimedjali (multimedia) u messaġġistiċi (messaging). Sabiex tissodisfa l-ħtiġijiet tal-utenti ta’ applikazzjonijiet ta’ navigazzjoni, Google żviluppat jew akkwistat ukoll applikazzjonijiet ta’ mmappjar u ta’ navigazzjoni, jiġifieri Google Maps u Waze, li huma interoperabbli ma’ Android Auto. Barra minn hekk, Google, f’ċerti każijiet, ippermettiet lil żviluppaturi terzi jiżviluppaw applikazzjonijiet ippersonalizzati fin-nuqqas ta’ mudell stabbilit minn qabel.

8

Enel X Italia Srl tagħmel parti mill-grupp Enel, li jamministra iktar minn 60 % tal-istazzjonijiet tal-iċċarġjar disponibbli għall-vetturi bil-mutur elettriċi fl-Italja, u tipprovdi servizzi għal tali ċċarġjar.

9

Fix-xahar ta’ Mejju 2018, Enel X Italia nediet l-applikazzjoni JuicePass, disponibbli għall-utenti ta’ apparati mobile li jaħdmu bis-sistema operattiva Android OS u li jistgħu jitniżżlu minn fuq Google Play. Din l-applikazzjoni toffri sensiela ta’ funzjonalitajiet għall-iċċarġjar ta’ vetturi bil-mutur elettriċi. B’mod partikolari, hija tippermetti lill-utenti ta’ dawn tal-aħħar ifittxu u jipprenotaw stazzjonijiet ta’ ċċarġjar fuq mappa, jittrasferixxu t-tfittxija lejn l-applikazzjoni Google Maps sabiex ikunu jistgħu jsuqu lejn l-istazzjon ta’ ċċarġjar magħżul; u jibdew, iwaqqfu u jissorveljaw is-sessjoni ta’ ċċarġjar u l-ħlas relatat.

10

Fix-xahar ta’ Settembru 2018, Enel X Italia talbet lil Google tieħu l-passi meħtieġa sabiex tiżgura l-interoperabbiltà ta’ JuicePass ma’ Android Auto, liema talba Google rrifjutat, minħabba li l-applikazzjonijiet multimedjali u messaġġistiċi huma l-uniċi applikazzjonijiet ta’ impriżi terzi interoperabbli ma’ Android Auto. Wara talba ġdida ta’ Enel X Italia, li saret fix-xahar ta’ Diċembru 2018, Google, fix-xahar ta’ Jannar 2019, reġgħet irrifjutat li tieħu dawn il-passi għal raġunijiet ta’ sigurtà u minħabba l-ħtieġa li r-riżorsi neċessarji jiġu allokati b’mod razzjonali għall-ħolqien ta’ mudell ġdid.

11

Fit‑12 ta’ Frar 2019, Enel X Italia adixxiet lill-AGCM u sostniet li l-aġir ta’ Google, billi rrifjutat b’mod mhux iġġustifikat li tippermetti li l-applikazzjoni JuicePass tintuża permezz ta’ Android Auto, kien jikkostitwixxi ksur tal-Artikolu 102 TFUE.

12

Fix-xahar ta’ Ottubru 2020, Google ppubblikat mudell għad-disinn ta’ verżjonijiet sperimentali ta’ applikazzjonijiet ta’ ċċarġjar ta’ vetturi bil-mutur elettriċi interoperabbli ma’ Android Auto.

13

Permezz ta’ deċiżjoni tas‑27 ta’ April 2021, l-AGCM qieset li l-aġir ta’ Google, billi fixklet u dewmet id-disponibbiltà ta’ JuicePass fuq Android Auto, kien jikkostitwixxi abbuż ta’ pożizzjoni dominanti fis-sens tal-Artikolu 102 TFUE. Din l-awtorità ordnat lil Google, b’mod partikolari, tippubblika l-verżjoni finali tal-mudell għall-iżvilupp ta’ applikazzjonijiet għall-iċċarġjar ta’ vetturi bil-mutur elettriċi u tiżviluppa dawk il-funzjonalitajiet li Enel X Italia tista’ tindika bħala essenzjali li jkunu neqsin f’din il-verżjoni. L-imsemmija awtorità imponiet ukoll multa ta’ EUR 102 084 433.91 fuq Alphabet, Google u Google Italy, in solidum.

14

Dawn il-kumpanniji ppreżentaw rikors kontra d-deċiżjoni tal-AGCM quddiem it-Tribunale amministrativo regionale per il Lazio (il-Qorti Amministrattiva Reġjonali għal-Lazio, l-Italja) li ċaħdet dan ir-rikors fl-intier tiegħu.

15

L-imsemmija kumpanniji appellaw minn din is-sentenza quddiem il-Consiglio di Stato (il-Kunsill tal-Istat, l-Italja), li huwa l-qorti tar-rinviju.

16

Din tal-aħħar tindika li l-AGCM qieset li, bi tweġiba għat-talba ta’ Enel X Italia, Google ma kinitx ipprovdiet is-soluzzjonijiet informatiċi xierqa u għalhekk kienet fixklet u dewmet b’mod mhux iġġustifikat id-disponibbiltà tal-applikazzjoni JuicePass fuq Android Auto. Dik il-qorti tippreċiża li l-AGCM qieset li l-aġir ta’ Google kellu, frott il-pożizzjoni dominanti tagħha, ċerta importanza f’dak li għandu x’jaqsam mal-protezzjoni tal-kompetizzjoni u mad-dinamika tas-suq, u dan billi Google kellha rwol ewlieni sabiex, b’mod iktar speċifiku, tagħti lill-utenti professjonali, f’dan il-każ l-iżviluppaturi, aċċess għall-pubbliku magħmul mill-utenti finali tal-applikazzjonijiet. B’mod partikolari, it-tipi u l-karatteristiċi speċifiċi tal-applikazzjonijiet li jistgħu jiġu ppubblikati fuq Android Auto kif ukoll iż-żmien għad-definizzjoni u għall-provvista tal-għodod meħtieġa ta’ programmazzjoni jiddependu esklużivament minn Google.

17

Il-qorti tar-rinviju tirrileva wkoll li, fil-fehma tal-AGCM, teżisti kompetizzjoni reali bejn l-applikazzjonijiet Google Maps u JuicePass, peress li dawn iż-żewġ applikazzjonijiet joffru servizzi ta’ tiftix u ta’ navigazzjoni fir-rigward tal-istazzjonijiet tal-iċċarġjar ta’ vetturi bil-mutur elettriċi. Teżisti wkoll, fil-fehma tal-AGCM, kompetizzjoni potenzjali bejn l-imsemmija applikazzjonijiet, peress li JuicePass toffri funzjonalitajiet li huma ġodda, iżda li fil-futur ikunu jistgħu jiġu integrati f’Google Maps. Dik il-qorti żżid tgħid li l-AGCM ikkunsidrat li, fid-dawl tas-sovrappożizzjoni parzjali bejn l-istess applikazzjonijiet u tal-integrazzjoni tal-applikazzjoni Google Maps f’Android Auto, u dan filwaqt li l-applikazzjoni JuicePass kienet ġiet eskluża minn Android Auto, ir-rifjut ta’ Google kellu jitqiegħed fil-kuntest ta’ rifjut ta’ interoperabbiltà, li jekwivali għal rifjut li wieħed jikkuntratta, liema rifjut wassal għal ksur tal-prinċipju ta’ ugwaljanza tal-kundizzjonijiet tal-kompetizzjoni, li jirriżulta mill-provvista ta’ vantaġġ żleali favur l-applikazzjoni ta’ Google, bi ħsara tal-applikazzjoni ta’ kompetitur ta’ din tal-aħħar.

18

Quddiem il-qorti tar-rinviju, Alphabet, Google u Google Italy isostnu, b’mod partikolari, li l-AGCM ma eżaminatx b’mod korrett il-kundizzjonijiet li jippermettu li jiġi evalwat jekk rifjut ta’ provvista jkunx wieħed abbużiv u essenzjalment jixlu lil din l-awtorità li ma wettqitx analiżi tan-natura indispensabbli, għall-applikazzjoni JuicePass, tal-aċċess għal Android Auto. Huma jallegaw ukoll li l-aġir ta’ Google kien iġġustifikat minn kunsiderazzjonijiet oġġettivi u leġittimi.

19

Barra minn hekk, dawn il-kumpanniji jsostnu li, peress li l-aġir li huma mixlija bih jikkonċerna l-aċċess għal Android Auto, kien meħtieġ, sabiex jiġi kkonstatat abbuż minn pożizzjoni dominanti, li jiġi ddefinit is-suq rilevanti li topera fih Android Auto u li jiġi kkonstatat li din l-applikazzjoni kienet dominanti f’dan is-suq. Barra minn hekk, huma jqisu li l-AGCM la identifikat is-suq downstream rilevanti u lanqas il-pożizzjoni dominanti ta’ Google f’dan tal-aħħar, iżda sempliċement identifikat “ambjent kompetittiv” li fih l-applikazzjonijiet ta’ navigazzjoni jikkompetu mal-applikazzjonijiet ta’ ċċarġjar ta’ vetturi bil-mutur elettriċi, mingħajr ma wettqet l-analiżi meħtieġa sabiex jiġi konkluż li tali “ambjent kompetittiv” jikkostitwixxi suq rilevanti fid-dawl tad-dritt tal-kompetizzjoni. Fl-aħħar nett, huma jsostnu li ma huwiex possibbli li jiġi ddikjarat li teżisti relazzjoni ta’ kompetizzjoni bejn Google Maps u JuicePass.

20

Il-qorti tar-rinviju tindika li, fid-dawl tal-effetti li l-aġir ta’ Google jista’ jkollu fis-settur ekonomiku partikolari li hija tagħmel parti minnu, dan l-aġir jista’ jikkostitwixxi rifjut ta’ provvista abbużiv u jmur kontra l-Artikolu 102 TFUE.

21

Il-qorti tar-rinviju tirrileva li teżisti sitwazzjoni ta’ dominanza tas-suq minn Google permezz tas-sistema operattiva Android OS u ta’ Google Play, billi Android Auto hija biss żvilupp ta’ din is-sistema operattiva għas-sistema infotainment ta’ vettura bil-mutur. L-aċċess għal Android Auto jidher li huwa “indispensabbli” sabiex Enel X Italia tkun tista’ toffri lill-utenti finali applikazzjonijiet li jkunu jistgħu jintużaw b’mod faċli u sigur waqt li dawn l-utenti jsuqu tali vettura. F’dan ir-rigward, wieħed għandu jikkunsidra in-natura rapida tal-iżvilupp fis-settur diġitali, liema kunsiderazzjoni tista’ twassal sabiex jitqiesu bħala “meħtieġa” prodotti jew servizzi li jkunu inizjalment inħasbu biss sabiex jiġi ffaċilitat l-użu ta’ oġġetti diġà eżistenti.

22

Fil-fehma tal-qorti tar-rinviju, l-aġir ta’ Google jidher li jista’ jelimina l-kompetizzjoni fis-suq. Fil-fatt, fid-dawl tal-karatteristiċi tas-swieq diġitali, wieħed jista’ jsostni li, kieku l-aċċess għal Android Auto ma kienx sar possibbli għall-applikazzjoni JuicePass, din tal-aħħar kienet titlef l-interess tal-konsumaturi u li tali aġir seta’ jżomm lill-utenti milli jgawdu prodott aħjar li għalih tkun teżisti domanda potenzjali. Barra minn hekk, ma jidhirx li huwa eskluż li applikazzjoni ġenerika eżistenti, jiġifieri Google Maps, tkun tista’ tintegra l-funzjonijiet speċifiċi ta’ JuicePass. Barra minn hekk, ir-rifjut ta’ Google fil-konfront ta’ Enel X Italia ma jidhirx li huwa sostnut minn ġustifikazzjonijiet oġġettivi reali.

23

Għalhekk, il-qorti tar-rinviju tqis li, sabiex taqta’ t-tilwima li hija adita biha, huwa meħtieġ li tingħata kjarifika dwar l-interpretazzjoni tal-Artikolu 102 TFUE, u prinċipalment dwar il-ġurisprudenza li tirriżulta mis-sentenza tas‑26 ta’ Novembru 1998, Bronner (C‑7/97,EU:C:1998:569), li tirrigwarda rifjut ta’ aċċess għal infrastruttura ta’ impriża f’pożizzjoni dominanti. F’dan ir-rigward, dik il-qorti tqis li din il-ġurisprudenza ma tidhirx li tapplika direttament għal dan il-każ u għandha dubju jekk il-karatteristiċi speċifiċi tal-funzjonament tas-swieq diġitali jiġġustifikawx li wieħed jitbiegħed mill-kundizzjonijiet stabbiliti f’din is-sentenza f’sitwazzjoni bħal dik li hija adita biha jew, tal-inqas, li dawn jiġu interpretati b’mod flessibbli. L-imsemmija qorti għandha wkoll dubju dwar il-mod kif l-awtoritajiet tal-kompetizzjoni għandhom jiddefinixxu s-swieq inkwistjoni f’każ ta’ rifjut ta’ aċċess bħal dak li għandha quddiemha.

24

F’dawn iċ-ċirkustanzi, il-Consiglio di Stato (il-Kunsill tal-Istat) iddeċieda li jissospendi l-proċeduri quddiemu u li jagħmel lill-Qorti tal-Ġustizzja d-domandi preliminari li ġejjin:

“1)

Skont l-Artikolu 102 TFUE, ir-rekwiżit tan-natura indispensabbli tal-prodott suġġett għal rifjut ta’ provvista għandu jiġi interpretat fis-sens li l-aċċess għandu jkun indispensabbli għall-eżerċizzju ta’ attività partikolari f’suq viċin, jew huwa biżżejjed li l-aċċess ikun indispensabbli għal użu iktar konvenjenti tal-prodotti jew tas-servizzi offruti mill-impriża li titlob l-aċċess, bħal fil-każ fejn il-prodott suġġett għar-rifjut ikollu essenzjalment il-funzjoni li jrendi iktar sempliċi u konvenjenti t-tgawdija ta’ prodotti jew servizzi diġà eżistenti?

2)

Fil-kuntest ta’ aġir ikklassifikat bħala rifjut ta’ provvista, huwa possibbli li aġir jitqies bħala abbużiv, fis-sens tal-Artikolu 102 TFUE, f’kuntest fejn, minkejja n-nuqqas ta’ aċċess għall-prodott mitlub, (i) l-impriża li titlob il-prodott kienet diġà attiva fis-suq u kompliet tikber fl-istess suq għall-perijodu kollu tal-abbuż preżunt u (ii) operaturi oħra f’kompetizzjoni mal-impriża li titlob l-aċċess għall-prodott komplew joperaw fis-suq?

3)

Fil-kuntest ta’ abbuż li jikkonsisti fir-rifjut li jingħata l-aċċess għal prodott jew għal servizz assolutament indispensabbli, l-Artikolu 102 TFUE għandu jiġi interpretat fis-sens li l-ineżistenza tal-prodott jew tas-servizz fil-mument tat-talba ta’ provvista għandha tittieħed inkunsiderazzjoni bħala ġustifikazzjoni oġġettiva għar-rifjut stess, jew għall-inqas awtorità tal-kompetizzjoni hija marbuta li twettaq evalwazzjoni, abbażi ta’ elementi oġġettivi, taż-żmien neċessarju għal impriża dominanti sabiex tiżviluppa l-prodott jew is-servizz li għalih jintalab l-aċċess, jew huwa metieġ li l-impriża dominanti, minħabba r-responsabbiltà li għandha fis-suq, għandha l-obbligu li tikkomunika lil min jitlob l-aċċess iż-żmien neċessarju sabiex jiġi żviluppat il-prodott?

4)

L-Artikolu 102 TFUE għandu jiġi interpretat fis-sens li impriża dominanti, li tikkontrolla pjattaforma diġitali, tista’ tintrabat sabiex timmodifika l-prodotti tagħha stess, jew sabiex tiżviluppa oħrajn ġodda, bil-għan li tippermetti lil dawk li jitolbu dan, l-aċċess għal tali prodotti? F’tali każ, impriża dominanti hija marbuta li tieħu inkunsiderazzjoni r-rekwiżiti ġenerali tas-suq jew il-ħtiġijet tal-impriża biss li titlob l-aċċess għall-input assolutament indispensabbli, jew għall-inqas, minħabba r-responsabbiltà speċjali li tassumi fis-suq, għandha tistabbilixxi bil-quddiem kriterji oġġettivi għall-evalwazzjoni tat-talbiet li jsirulha u għall-gradazzjoni tal-ordni ta’ prijorità?

5)

Fil-kuntest ta’ abbuż li jikkonsisti fir-rifjut ta’ għoti ta’ aċċess għal prodott jew għal servizz assolutament indispensabbli, l-Artikolu 102 TFUE għandu jiġi interpretat fis-sens li awtorità tal-kompetizzjoni hija marbuta li tiddefinixxi u li tidentifika minn qabel is-suq rilevanti downstream ikkonċernat mill-abbuż, u dan jista’ jkun ukoll potenzjali biss?”

Fuq l-ammissibbiltà tat-talba għal deċiżjoni preliminari

25

Enel X Italia tqis li t-talba għal deċiżjoni preliminari hija inammissibbli minħabba li risposta tal-Qorti tal-Ġustizzja għad-domandi magħmula ma hijiex meħtieġa għas-soluzzjoni tat-tilwima fil-kawża prinċipali. Fil-fatt, il-qorti tar-rinviju diġà għamlet opinjoni dwar id-direzzjoni li hija biħsiebha tieħu u ma hijiex qiegħda titlob lill-Qorti tal-Ġustizzja tneħħi xi dubju dwar l-interpretazzjoni tal-Artikolu 102 TFUE, iżda qiegħda titlobha tadotta deċiżjoni li tikkonferma din l-opinjoni u li tkun tista’ tintuża bħala punt ta’ riferiment fi proċeduri futuri li jqajmu kwistjonijiet identiċi għal dawk imqajma fil-kawża prinċipali.

26

Skont ġurisprudenza stabbilita, fil-kuntest tal-kooperazzjoni bejn il-Qorti tal-Ġustizzja u l-qrati nazzjonali stabbilita fl-Artikolu 267 TFUE, hija biss il-qorti nazzjonali, adita bit-tilwima u li għandha terfa’ r-responsabbiltà għad-deċiżjoni ġudizzjarja li tkun ser tittieħed, li għandha tevalwa, fid-dawl taċ-ċirkustanzi partikolari tal-kawża, kemm il-ħtieġa ta’ deċiżjoni preliminari sabiex tkun tista’ tagħti d-deċiżjoni tagħha kif ukoll ir-rilevanza tad-domandi li hija tagħmel lill-Qorti tal-Ġustizzja. Konsegwentement, meta d-domandi magħmula jkunu jikkonċernaw l-interpretazzjoni tad-dritt tal-Unjoni, il-Qorti tal-Ġustizzja tkun, bħala prinċipju, marbuta li tagħti deċiżjoni (sentenza tal‑4 ta’ Ottubru 2024, Bezirkshauptmannschaft Landeck (Tentattiv ta’ aċċess għad-data personali maħżuna fuq telefon ċellulari),C‑548/21, EU:C:2024:830, punt 46 u l-ġurisprudenza ċċitata).

27

Dan ifisser li domanda preliminari li tkun tirrigwarda d-dritt tal-Unjoni tgawdi preżunzjoni ta’ rilevanza. Ir-rifjut tal-Qorti tal-Ġustizzja li tagħti deċiżjoni dwar tali domanda huwa possibbli biss meta jkun jidher b’mod ċar li l-interpretazzjoni mitluba tad-dritt tal-Unjoni ma jkollha ebda rabta mal-fatti tal-kawża prinċipali jew mas-suġġett tagħha, meta l-problema tkun ta’ natura ipotetika jew inkella meta l-Qorti tal-Ġustizzja ma jkollhiex quddiemha l-punti ta’ fatt u ta’ liġi meħtieġa sabiex tirrispondi b’mod utli għad-domanda li tkun saritilha (sentenza tal‑4 ta’ Ottubru 2024, Bezirkshauptmannschaft Landeck (Tentattiv ta’ aċċess għad-data personali maħżuna fuq telefon ċellulari),C‑548/21, EU:C:2024:830, punt 47 u l-ġurisprudenza ċċitata).

28

F’dan il-każ, mid-deċiżjoni tar-rinviju jirriżulta li, minn naħa, it-tilwima fil-kawża prinċipali tirrigwarda l-applikazzjoni tal-Artikolu 102 TFUE minħabba r-rifjut ta’ Google li tilqa’ talba li kienet ressqitilha impriża terza sabiex tippermetti l-interoperabbiltà ta’ applikazzjoni li kienet żviluppat din l-impriża ma’ pjattaforma diġitali żviluppata minn Google u, min-naħa l-oħra, il-qorti tar-rinviju qiegħda tistaqsi dwar l-interpretazzjoni tal-Artikolu 102 TFUE fil-każ ta’ tali rifjut. L-ewwel nett, id-domandi ta’ dik il-qorti jirrigwardaw, essenzjalment u b’mod iktar speċifiku, il-kunċett ta’ “natura indispensabbli” tal-aċċess għall-prodott jew għas-servizz li jkun is-suġġett ta’ rifjut ta’ provvista, it-tieni nett, il-kwistjoni tal-effetti tal-aġir li qiegħda tinxela bih l-impriża li għandha pożizzjoni dominanti u wkoll il-kunċett ta’ “ġustifikazzjoni oġġettiva” u l-obbligi li jista’ jkollha din l-impriża, kif ukoll, fl-aħħar nett, id-definizzjoni tas-suq li fih jistgħu jinħolqu effetti antikompetittivi.

29

Barra minn hekk, id-deċiżjoni tar-rinviju tindika r-raġunijiet preċiżi li wasslu lill-qorti tar-rinviju sabiex tistaqsi dwar l-interpretazzjoni tal-Artikolu 102 TFUE u sabiex tqis li huwa meħtieġ li jsiru domandi preliminari lill-Qorti tal-Ġustizzja.

30

F’dawn iċ-ċirkustanzi, ma jidhirx b’mod ċar li l-interpretazzjoni mitluba tal-Artikolu 102 TFUE ma għandha ebda rabta mal-fatti tal-kawża prinċipali jew mas-suġġett tagħha jew li l-problema mqajma hija ta’ natura ipotetika.

31

Barra minn hekk, għandu jiġi rrilevat li, kif essenzjalment tfakkar fil-punt 18 tar-Rakkomandazzjonijiet lill-qrati nazzjonali dwar it-tressiq ta’ talbiet għal deċiżjoni preliminari (ĠU C, C/2024/6008), li, f’dan ir-rigward, huwa fformulat bi kliem identiku għal dak tal-punt 18 tar-rakkomandazzjonijiet ippubblikati fl‑2019 (ĠU 2019, C 380, p. 1), il-formulazzjoni mill-qorti tar-rinviju ta’ ċerti kunsiderazzjonijiet fir-rigward tar-risposti li għandhom jingħataw għad-domandi magħmula ma taffettwax l-ammissibbiltà ta’ dawn id-domandi.

32

Għaldaqstant, it-talba għal deċiżjoni preliminari hija ammissibbli.

Fuq id-domandi preliminari

Fuq l-ewwel domanda

33

Skont ġurisprudenza stabbilita, fil-kuntest tal-proċedura ta’ kooperazzjoni bejn il-qrati nazzjonali u l-Qorti tal-Ġustizzja stabbilita fl-Artikolu 267 TFUE, hija l-Qorti tal-Ġustizzja li għandha tagħti lill-qorti nazzjonali risposta utli li tippermetti lil din tal-aħħar taqta’ u tiddeċiedi t-tilwima li tkun tressqet quddiemha. Fid-dawl ta’ dan, il-Qorti tal-Ġustizzja għandha, jekk ikun hemm bżonn, tifformula mill-ġdid id-domandi li jkunu sarulha. F’dan ir-rigward, hija l-Qorti tal-Ġustizzja li għandha tislet mill-informazzjoni kollha pprovduta mill-qorti nazzjonali, u b’mod partikolari mill-motivazzjoni tad-deċiżjoni tar-rinviju, il-punti ta’ liġi tad-dritt tal-Unjoni li jkunu jeħtieġu interpretazzjoni fid-dawl tas-suġġett tat-tilwima (sentenza tat‑30 ta’ April 2024, M.N. (EncroChat),C‑670/22, EU:C:2024:372, punt 78 u l-ġurisprudenza ċċitata).

34

F’dan il-każ, kif jirriżulta mit-talba għal deċiżjoni preliminari, il-qorti tar-rinviju titlaq mill-premessa li Android Auto hija infrastruttura fis-settur diġitali u li, fid-data li fiha seħħ l-aġir li r-rikorrenti fil-kawża prinċipali huma mixlija bih, fis-sens li rrifjutaw li jippermettu l-interoperabbiltà ta’ applikazzjoni żviluppata minn impriża terza ma’ Android Auto, Google kellha pożizzjoni dominanti fis-suq li Android Auto tagħmel parti minnu. F’dan ir-rigward, għandu jitfakkar li, fil-kuntest tal-proċedura msemmija fl-Artikolu 267 TFUE, ibbażata fuq separazzjoni ċara tal-funzjonijiet bejn il-qrati nazzjonali u l-Qorti tal-Ġustizzja, hija biss il-qorti nazzjonali li għandha ġurisdizzjoni sabiex tikkonstata u tevalwa l-fatti tat-tilwima fil-kawża prinċipali (sentenza tat‑18 ta’ April 2024, Heureka Group (Komparaturi ta’ prezzijiet online),C‑605/21, EU:C:2024:324, punt 66 u l-ġurisprudenza ċċitata).

35

Minn din it-talba jirriżulta wkoll li l-qorti tar-rinviju qiegħda tistaqsi dwar il-kwistjoni jekk, fid-dawl tal-karatteristiċi speċifiċi tal-funzjonament tas-swieq diġitali kkonċernati minn sitwazzjoni bħal dik inkwistjoni fil-kawża prinċipali u fid-dawl tal-funzjoni ta’ pjattaforma diġitali bħal Android Auto, ikunx iġġustifikat li jitwarrbu jew, tal-inqas, li jiġu interpretati b’mod flessibbli, il-kundizzjonijiet stabbiliti b’mod partikolari fis-sentenza tas‑26 ta’ Novembru 1998, Bronner (C‑7/97, EU:C:1998:569), sabiex jiġi applikat l-Artikolu 102 TFUE għall-aġir ta’ impriża f’pożizzjoni dominanti li tkun żviluppat pjattaforma diġitali li tirrifjuta li tagħti aċċess, fuq talba ta’ impriża terza, għal din il-pjattaforma billi tiżgura l-interoperabbiltà ta’ din tal-aħħar ma’ applikazzjoni żviluppata minn din l-impriża terza, jiġifieri, essenzjalment, li tirrifjuta li tiżgura l-interoperabbiltà tal-imsemmija pjattaforma ma’ din l-applikazzjoni.

36

Għalhekk, għandu jitqies li, permezz tal-ewwel domanda tagħha, il-qorti tar-rinviju qiegħda essenzjalment tistaqsi jekk l-Artikolu 102 TFUE għandux jiġi interpretat fis-sens li r-rifjut, minn impriża f’pożizzjoni dominanti li tkun żviluppat pjattaforma diġitali, li tiżgura, fuq talba ta’ impriża terza, l-interoperabbiltà ta’ din il-pjattaforma ma’ applikazzjoni żviluppata minn din l-impriża terza jista’ jikkostitwixxi abbuż minn pożizzjoni dominanti minkejja li l-imsemmija pjattaforma ma tkunx indispensabbli għall-użu kummerċjali tal-imsemmija applikazzjoni f’suq downstream, iżda tkun ta’ natura li tagħmel l-istess applikazzjoni iktar attraenti għall-konsumaturi.

37

F’dan ir-rigward, għandu jitfakkar li l-Artikolu 102 TFUE jipprojbixxi, sa fejn il-kummerċ bejn Stati Membri jkun jista’ jiġi affettwat, il-fatt li impriża waħda jew iktar jabbużaw minn pożizzjoni dominanti fis-suq intern jew f’parti sostanzjali minnu. Dan l-artikolu huwa intiż li jevita li tiġi ristretta l-kompetizzjoni bi ħsara tal-interess ġenerali, tal-impriżi individwali u tal-konsumaturi, billi jiġi ssanzjonat l-aġir ta’ impriżi f’pożizzjoni dominanti li jirrestrinġi l-kompetizzjoni bbażata fuq il-mertu u jkun jista’ għalhekk jikkawża dannu dirett lil dawn tal-aħħar, jew li jxekkel jew joħloq distorsjoni ta’ din il-kompetizzjoni u jkun jista’ għalhekk jikkawżalhom dannu indirett (sentenza tal‑10 ta’ Settembru 2024, Google u Alphabet vs Il‑Kummissjoni (Google Shopping), C‑48/22 P, EU:C:2024:726, punt 87 u l-ġurisprudenza ċċitata).

38

Jikkostitwixxi aġir bħal dan dak li, f’suq fejn il-livell ta’ kompetizzjoni jkun diġà ddgħajjef, preċiżament minħabba l-preżenza ta’ impriża waħda jew iktar f’pożizzjoni dominanti, ifixkel, permezz tal-użu ta’ mezzi differenti minn dawk li jirregolaw il-kompetizzjoni bejn l-impriżi bbażata fuq il-mertu, iż-żamma tal-livell ta’ kompetizzjoni eżistenti fis-suq jew l-iżvilupp ta’ din il-kompetizzjoni (sentenza tal‑10 ta’ Settembru 2024, Google u Alphabet vs Il‑Kummissjoni (Google Shopping), C‑48/22 P, EU:C:2024:726, punt 88 u l-ġurisprudenza ċċitata).

39

Fir-rigward ta’ prattiki fis-sens li jiġi rrifjutat li jingħata aċċess lil infrastruttura żviluppata minn impriża dominanti għall-bżonnijiet tal-attivitajiet tagħha stess u miżmuma minnha, mill-ġurisprudenza tal-Qorti tal-Ġustizzja jirriżulta li tali rifjut jista’ jikkostitwixxi abbuż minn pożizzjoni dominanti kemm‑il darba dan ir-rifjut mhux biss ikun jista’ jelimina kull kompetizzjoni fis-suq inkwistjoni min-naħa ta’ min ikun qiegħed jitlob l-aċċess u ma jkunx jista’ jiġi oġġettivament iġġustifikat, iżda wkoll li l-infrastruttura fiha nnifisha tkun indispensabbli għall-eżerċizzju tal-attività tiegħu, fis-sens li ma jkun jeżisti ebda sostitut reali jew potenzjali għal din l-infrastruttura (ara, f’dan is-sens, is-sentenzi tas‑26 ta’ Novembru 1998, Bronner,C‑7/97, EU:C:1998:569, punt 41, kif ukoll tal‑10 ta’ Settembru 2024, Google u Alphabet vs Il‑Kummissjoni (Google Shopping), C‑48/22 P, EU:C:2024:726, punt 89 u l-ġurisprudenza ċċitata).

40

F’dan ir-rigward, għandu jitfakkar li l-impożizzjoni ta’ dawn il-kundizzjonijiet, fil-punt 41 tas-sentenza tas‑26 ta’ Novembru 1998, Bronner (C‑7/97, EU:C:1998:569), kienet iġġustifikata miċ-ċirkustanzi speċifiċi għal din il-kawża, fis-sens li impriża dominanti rrifjutat li tagħti aċċess lil kompetitur għal infrastruttura li hija kienet żviluppat għall-bżonnijiet tal-attività tagħha stess, bl-esklużjoni ta’ kull aġir ieħor (sentenzi tal‑25 ta’ Marzu 2021, Deutsche Telekom vs Il‑Kummissjoni, C‑152/19 P, EU:C:2021:238, punt 45, u tal‑10 ta’ Settembru 2024, Google u Alphabet vs Il‑Kummissjoni (Google Shopping), C‑48/22 P, EU:C:2024:726, punt 90 u l-ġurisprudenza ċċitata).

41

Fil-fatt, il-konstatazzjoni li impriża dominanti tkun abbużat mill-pożizzjoni tagħha minħabba li tkun irrifjutat li tikkuntratta ma’ kompetitur għandha l-konsegwenza li din l-impriża tkun imġiegħla tikkuntratta ma’ dan il-kompetitur. Issa, tali obbligu huwa partikolarment ta’ ħsara għal-libertà li wieħed jikkuntratta u għad-dritt għall-proprjetà tal-impriża dominanti billi impriża, anki waħda dominanti, tibqa’, bħala prinċipju, libera li tirrifjuta li tikkuntratta u li tuża l-infrastruttura li hija tkun żviluppat għall-bżonnijiet tagħha stess (sentenzi tal‑25 ta’ Marzu 2021, Deutsche Telekom vs Il‑Kummissjoni, C‑152/19 P, EU:C:2021:238, punt 46, u tal‑10 ta’ Settembru 2024, Google u Alphabet vs Il‑Kummissjoni (Google Shopping), C‑48/22 P, EU:C:2024:726, punt 91).

42

Barra minn hekk, għalkemm, fuq medda qasira ta’ żmien, il-kundanna ta’ impriża talli tkun abbużat mill-pożizzjoni dominanti tagħha minħabba li tkun irrifjutat li tikkuntratta ma’ kompetitur għandha l-konsegwenza li tiffavorixxi l-kompetizzjoni, min-naħa l-oħra, fuq medda twila ta’ żmien, ikun ġeneralment favorevoli għall-iżvilupp tal-kompetizzjoni u fl-interess tal-konsumaturi li kumpannija tkun tista’ tirriżerva għall-użu tagħha l-infrastrutturi li hija tkun żviluppat għall-bżonnijiet tal-attività tagħha. Fil-fatt, li kieku l-aċċess għal installazzjoni ta’ produzzjoni, ta’ xiri jew ta’ distribuzzjoni kellu jingħata b’mod faċli ħafna, il-kompetituri ma jkollhom ebda inċentiv sabiex joħolqu installazzjonijiet kompetittivi. Barra minn hekk, impriża dominanti tkun inqas lesta li tinvesti f’infrastrutturi effikaċi jekk hija tkun tista’ tiġi mġiegħla, fuq sempliċi talba tal-kompetituri tagħha, li taqsam magħhom il-profitti li jsiru mill-investimenti tagħha stess (ara, f’dan is-sens, is-sentenzi tal‑25 ta’ Marzu 2021, Deutsche Telekom vs Il‑Kummissjoni, C‑152/19 P, EU:C:2021:238, punt 47, u tal‑25 ta’ Marzu 2021, Slovak Telekom vs Il‑Kummissjoni, C‑165/19 P, EU:C:2021:239, punt 47).

43

Konsegwentement, hija, b’mod partikolari, il-ħtieġa li l-impriżi f’pożizzjoni dominanti jkomplu jiġu inċentivati sabiex jinvestu fl-iżvilupp ta’ prodotti jew ta’ servizzi ta’ kwalità, fl-interess tal-konsumaturi, li, kif essenzjalment enfasizzat l-Avukata Ġenerali fil-punt 30 tal-konklużjonijiet tagħha, tiġġustifika l-applikazzjoni tal-kundizzjonijiet imfakkra fil-punt 39 ta’ din is-sentenza fil-każ fejn impriża f’pożizzjoni dominanti tkun żviluppat infrastruttura għall-bżonnijiet tal-attivitajiet tagħha stess u miżmuma minnha.

44

Min-naħa l-oħra, kif irrilevat l-Avukata Ġenerali fil-punt 35 tal-konklużjonijiet tagħha, meta impriża dominanti tkun żviluppat infrastruttura mhux biss għall-bżonnijiet tal-attivitajiet tagħha stess iżda bil-għan li tippermetti lil impriżi terzi jużaw din l-infrastruttura, il-kundizzjoni stabbilita mill-Qorti tal-Ġustizzja fil-punt 41 tas-sentenza tas‑26 ta’ Novembru 1998, Bronner (C‑7/97, EU:C:1998:569), fir-rigward tan-natura indispensabbli tal-imsemmija infrastruttura għall-eżerċizzju tal-attività ta’ min jitlob l-aċċess, fis-sens li ma jkun jeżisti ebda sostitut reali jew potenzjali għall-istess infrastruttura, ma tapplikax.

45

Fil-fatt, fit-tali każ la l-preżervazzjoni tal-libertà li wieħed jikkuntratta u tad-dritt għall-proprjetà tal-impriża f’pożizzjoni dominanti, u lanqas il-ħtieġa li din tal-aħħar tkompli tiġi inċentivata sabiex tinvesti fl-iżvilupp ta’ prodotti jew ta’ servizzi ta’ kwalità, ma jiġġustifikaw li l-klassifikazzjoni ta’ rifjut li jingħata aċċess lil impriża terza għall-infrastruttura inkwistjoni bħala wieħed abbużiv, fis-sens tal-Artikolu 102 TFUE, tiġi limitata għall-każijiet li fihom dan ir-rifjut ikun jagħmilha impossibbli għal din l-impriża tal-aħħar li teżerċita l-attività tagħha, billi tiżviluppa offerta vijabbli f’suq viċin.

46

Huwa biżżejjed li jiġi rrilevat, f’dan ir-rigward, li, jekk l-ispiża li tirriżulta mill-iżvilupp ta’ tali infrastruttura tkun batietha l-impriża f’pożizzjoni dominanti mhux biss għall-bżonnijiet tal-attivitajiet tagħha stess iżda sabiex din l-infrastruttura tkun tista’ tintuża minn impriżi terzi, il-fatt li l-impriża f’pożizzjoni dominanti tintalab tagħti aċċess lil impriża terza għall-imsemmija infrastruttura ma jbiddilx fundamentalment il-mudell ekonomiku li fuqu jissejjes l-iżvilupp ta’ din tal-aħħar.

47

Dan ifisser li, sabiex jiġi ddeterminat jekk il-kundizzjonijiet stabbiliti mill-Qorti tal-Ġustizzja fil-punt 41 tas-sentenza tas‑26 ta’ Novembru 1998, Bronner (C‑7/97, EU:C:1998:569), japplikawx għal kawża li tkun tirrigwarda r-rifjut ta’ aċċess għal infrastruttura, ikun meħtieġ li jiġi ddeterminat jekk din l-infrastruttura tkunx ġiet żviluppata mill-impriża f’pożizzjoni dominanti biss għall-bżonnijiet tal-attività tagħha stess u tkunx miżmuma minnha jew jekk, għall-kuntrarju, l-imsemmija infrastruttura tkunx ġiet żviluppata sabiex impriżi terzi jkunu jistgħu jagħmlu uża minnha, kif ikun jixhed il-fatt li din l-impriża f’pożizzjoni dominanti tkun diġà tat tali aċċess lil dawn l-impriżi.

48

F’dan il-każ, mid-deċiżjoni tar-rinviju jirriżulta li l-aċċess ta’ impriżi terzi għal Android Auto ngħata minn Google, li għamlet din il-pjattaforma diġitali kompatibbli għal kategoriji ta’ applikazzjonijiet, jew għal applikazzjonijiet speċifiċi li dawn l-impriżi terzi kienu żviluppaw. Issa, pjattaforma diġitali intiża sabiex tippermetti l-użu, fuq is-sistema infotainment ta’ vetturi bil-mutur, ta’ applikazzjonijiet żviluppati b’mod partikolari minn terzi u li jitniżżlu fuq l-apparati mobile tal-utenti, ma tistax titqies li tkun inħolqot biss għall-bżonnijiet ta’ din l-impriża f’pożizzjoni dominanti.

49

B’hekk, bla ħsara ta’ verifika mill-qorti tar-rinviju, jidher li Android Auto ma ġietx żviluppata minn Google biss għall-bżonnijiet tal-attività tagħha stess, peress li aċċess għal din il-pjattaforma diġitali huwa miftuħ għal impriżi terzi, b’tali mod li l-kundizzjoni stabbilita mill-Qorti tal-Ġustizzja fil-punt 41 tas-sentenza tas‑26 ta’ Novembru 1998, Bronner (C‑7/97, EU:C:1998:569), fir-rigward tan-natura indispensabbli għall-eżerċizzju tal-attività ta’ min jitlob l-aċċess, ma tapplikax bil-għan li jiġi eżaminat jekk ir-rifjut, minn impriża li tkun żviluppat pjattaforma diġitali, li tagħti aċċess lil impriża terza li tkun żviluppat applikazzjoni għal din il-pjattaforma, billi tiżgura l-interoperabbiltà ta’ din tal-aħħar ma’ din l-applikazzjoni, ikunx jikkostitwixxi abbuż minn pożizzjoni dominanti fis-sens tal-Artikolu 102 TFUE.

50

Dan ifisser li dan ir-rifjut jista’ jikkostitwixxi abbuż minn pożizzjoni dominanti minkejja li l-imsemmija pjattaforma diġitali ma tkunx indispensabbli għall-użu kummerċjali tal-applikazzjoni kkonċernata f’suq downstream, fis-sens li ma jkun jeżisti ebda sostitut reali jew potenzjali għall-użu ta’ din tal-aħħar permezz tal-istess pjattaforma.

51

Fil-fatt, f’tali ipoteżi, kif essenzjalment irrilevat l-Avukata Ġenerali fil-punti 46 u 48 tal-konklużjonijiet tagħha, ikollu jiġi ddeterminat, fid-dawl tal-ġurisprudenza mfakkra fil-punti 38 u 39 tal-istess sentenza, jekk ir-rifjut mill-impriża f’pożizzjoni dominanti, detentriċi tal-pjattaforma diġitali kkonċernata, li tagħti aċċess għal din il-pjattaforma lil impriża terza li tkun żviluppat applikazzjoni, billi tiżgura l-interoperabbiltà tal-imsemmija pjattaforma ma’ din l-applikazzjoni, ikollux l-effett attwali jew potenzjali li jeskludi, ixekkel jew idewwem l-iżvilupp fis-suq ta’ prodott jew ta’ servizz li jkun, tal-inqas potenzjalment, f’kompetizzjoni ma’ prodott jew servizz ipprovdut jew li jista’ jiġi pprovdut mill-impriża f’pożizzjoni dominanti u jekk ikunx jikkostitwixxi aġir li jirrestrinġi l-kompetizzjoni bbażata fuq il-mertu, u b’hekk ikun jista’ jikkawża dannu lill-konsumaturi.

52

Fid-dawl tal-kunsiderazzjonijiet kollha premessi, ir-risposta għall-ewwel domanda għandha tkun li l-Artikolu 102 TFUE għandu jiġi interpretat fis-sens li r-rifjut, minn impriża f’pożizzjoni dominanti li tkun żviluppat pjattaforma diġitali, li tiżgura, fuq talba ta’ impriża terza, l-interoperabbiltà ta’ din il-pjattaforma ma’ applikazzjoni żviluppata minn din l-impriża terza, jista’ jikkostitwixxi abbuż minn pożizzjoni dominanti, minkejja li l-imsemmija pjattaforma ma tkunx indispensabbli għall-użu kummerċjali tal-imsemmija applikazzjoni f’suq downstream, iżda li tkun tista’ tagħmel l-istess applikazzjoni iktar attraenti għall-konsumaturi, u dan meta l-istess pjattaforma ma tkunx ġiet żviluppata mill-impriża f’pożizzjoni dominanti biss għall-bżonnijiet tal-attività tagħha stess.

Fuq it-tieni domanda

53

Permezz tat-tieni domanda tagħha, il-qorti tar-rinviju qiegħda essenzjalment tistaqsi jekk l-Artikolu 102 TFUE għandux jiġi interpretat fis-sens li l-fatt kemm li l-impriża li tkun żviluppat applikazzjoni u tkun talbet lil impriża f’pożizzjoni dominanti tiżgura l-interoperabbiltà ta’ din tal-aħħar ma’ pjattaforma diġitali, li din l-impriża tal-aħħar tkun detentriċi tagħha, u kemm li kompetituri tal-ewwel impriża jkunu baqgħu attivi fis-suq li taħtu taqa’ din l-applikazzjoni u jkunu żviluppaw il-pożizzjoni tagħhom fih, minkejja li ma jkunux ibbenefikaw minn tali interoperabbiltà ma’ din il-pjattaforma, jindika fih innifsu li r-rifjut min-naħa tal-impriża f’pożizzjoni dominanti li tilqa’ din it-talba ma setax jipproduċi effetti antikompetittivi.

54

F’dan ir-rigward, sabiex ikun jista’ jitqies, f’każ partikolari, li aġir għandu jiġi kklassifikat bħala “abbuż minn pożizzjoni dominanti” fis-sens tal-Artikolu 102 TFUE, huwa meħtieġ, bħala regola ġenerali, li jintwera li, permezz tal-użu ta’ mezzi differenti minn dawk li jirregolaw il-kompetizzjoni bejn l-impriżi bbażata fuq il-mertu, dan l-aġir ikollu l-effett attwali jew potenzjali li jirrestrinġi din il-kompetizzjoni billi jeskludi mis-suq jew mis-swieq ikkonċernati impriżi kompetituri daqstantieħor effiċjenti jew billi jipprekludi l-iżvilupp tagħhom f’dawn is-swieq, minkejja li dawn tal-aħħar jistgħu jkunu kemm dawk is-swieq fejn tkun qiegħda tinżamm il-pożizzjoni dominanti kif ukoll dawk is-swieq, relatati jew viċini, fejn l-imsemmi aġir ikun jista’ jipproduċi l-effetti attwali jew potenzjali tiegħu (sentenza tal‑10 ta’ Settembru 2024, Google u Alphabet vs Il‑Kummissjoni (Google Shopping), C‑48/22 P, EU:C:2024:726, punt 165 u l-ġurisprudenza ċċitata).

55

Il-klassifikazzjoni ta’ aġir ta’ impriża f’pożizzjoni dominanti bħala wieħed abbużiv ma teħtieġx li jintwera li r-riżultat tal-aġir ta’ tali impriża, intiż li jeskludi lill-kompetituri tagħha mis-suq ikkonċernat, ikun intlaħaq u, sussegwentement, li jintwera wkoll l-effett ta’ esklużjoni konkreta fis-suq. Fil-fatt, l-Artikolu 102 TFUE huwa intiż li jissanzjona l-abbuż, minn impriża waħda jew iktar, minn pożizzjoni dominanti fis-suq intern jew f’parti sostanzjali tiegħu, irrispettivament minn jekk dan ikunx ħalla frott jew le (ara, f’dan is-sens, is-sentenza tat‑12 ta’ Mejju 2022, Servizio Elettrico Nazionale et, C‑377/20, EU:C:2022:379, punt 53 kif ukoll il-ġurisprudenza ċċitata).

56

Għalhekk, awtorità tal-kompetizzjoni tista’ tikkonstata ksur tal-Artikolu 102 TFUE billi tistabbilixxi li, matul il-perijodu li fih ikun seħħ l-aġir inkwistjoni, dan tal-aħħar kellu, fiċ-ċirkustanzi tal-każ, il-kapaċità li jirrestrinġi l-kompetizzjoni bbażata fuq il-mertu minkejja li ma jkun ħalla ebda effett (sentenza tad‑19 ta’ Jannar 2023, Unilever Italia Mkt.Operations,C‑680/20, EU:C:2023:33, punt 41).

57

Madankollu, din il-konstatazzjoni għandha, bħala prinċipju, tkun ibbażata fuq provi konkreti, li jkunu juru, lil hinn mis-sempliċi ipoteżi, il-kapaċità effettiva tal-prattika inkwistjoni li tipproduċi tali effetti u l-eżistenza ta’ dubju f’dan ir-rigward għandha tiffavorixxi lill-impriża li tkun adottat tali prattika (sentenza tad‑19 ta’ Jannar 2023, Unilever Italia Mkt.Operations,C‑680/20, EU:C:2023:33, punt 42 u l-ġurisprudenza ċċitata).

58

Fil-fatt, iż-żamma tal-istess livell ta’ kompetizzjoni fis-suq ikkonċernat, jew saħansitra l-iżvilupp tal-kompetizzjoni f’dan is-suq, ma tfissirx neċessarjament li l-aġir inkwistjoni ma jistax jipproduċi effetti antikompetittivi, billi tali nuqqas ta’ effetti jista’ jirriżulta minn kawżi oħra u jista’ jkun dovut, b’mod partikolari, għal bidliet li jkunu seħħew fis-suq rilevanti minn meta l-imsemmi aġir jkun inbeda jew għall-inkapaċità tal-impriża f’pożizzjoni dominanti li twettaq l-istrateġija li tkun wasslet għal tali aġir (sentenza tat‑12 ta’ Mejju 2022, Servizio Elettrico Nazionale et, C‑377/20, EU:C:2022:379, punt 54). B’mod partikolari, minn naħa, in-natura abbużiva tal-aġir inkwistjoni ma tistax tiddependi mill-kapaċità tal-kompetituri fis-suq ikkonċernat li jtaffu tali effetti u, min-naħa l-oħra, ma jistax jiġi eskluż li, fin-nuqqas tal-imsemmi aġir, il-kompetizzjoni f’dan is-suq setgħet tiżviluppa iktar.

59

F’dan il-każ, il-fatt invokat minn Google li Enel X Italia u l-kompetituri ta’ din tal-aħħar żammew il-preżenza tagħhom fis-suq li taħtu taqa’ l-applikazzjoni JuicePass, jew saħansitra żiduha, ma jfissirx fih innifsu li r-rifjut ta’ aċċess għal Android Auto minn Google ma setax jipproduċi effetti antikompetittivi. Dan il-fatt, kemm‑il darba jkun effettivament ipprovat, liema prova għandha tiġi vverifikata mill-qorti tar-rinviju, jista’ madankollu jikkostitwixxi indizju li l-aġir ta’ Google inkwistjoni fil-kawża prinċipali ma setax jipproduċi l-allegati effetti ta’ esklużjoni.

60

F’dan ir-rigward, fil-każ ta’ applikazzjoni marbuta mas-servizzi ta’ ċċarġjar ta’ vetturi bil-mutur, bħal dik inkwistjoni fil-kawża prinċipali, jistgħu jkunu partikolarment rilevanti provi li jistgħu jiġu prodotti sabiex jintwera l-interess li seta’ jkollha, għall-utenti ta’ vetturi bil-mutur elettriċi, applikazzjoni bħal JuicePass, li tinkludi b’mod partikolari l-funzjonalitajiet deskritti fil-punt 9 ta’ din is-sentenza, u dan minkejja l-fatt li din l-applikazzjoni ma setgħetx tintuża fuq is-sistema infotainment ta’ dawn il-vetturi permezz ta’ Android Auto.

61

Fid-dawl tal-kunsiderazzjonijiet kollha premessi, ir-risposta għat-tieni domanda għandha tkun li l-Artikolu 102 TFUE għandu jiġi interpretat fis-sens li l-fatt kemm li l-impriża li tkun żviluppat applikazzjoni u tkun talbet lil impriża f’pożizzjoni dominanti tiżgura l-interoperabbiltà tagħha ma’ pjattaforma diġitali li din l-impriża tal-aħħar tkun detentriċi tagħha, u kemm li kompetituri tal-ewwel impriża jkunu baqgħu attivi fis-suq li taħtu taqa’ din l-applikazzjoni u jkunu żviluppaw il-pożizzjoni tagħhom fih, minkejja li ma jkunux ibbenefikaw minn tali interoperabbiltà, ma jindikax fih innifsu li r-rifjut mill-impriża f’pożizzjoni dominanti li tilqa’ din it-talba ma setax jipproduċi effetti antikompetittivi. Għandu jiġi evalwat jekk dan l-aġir tal-impriża dominanti jkunx seta’ jxekkel iż-żamma jew l-iżvilupp tal-kompetizzjoni fis-suq ikkonċernat, billi jittieħdu inkunsiderazzjoni ċ-ċirkustanzi fattwali rilevanti kollha.

Fuq it-tielet u r-raba’ domanda

62

Preliminarjament, l-ewwel nett, mit-talba għal deċiżjoni preliminari jirriżulta li Google rċeviet talba mingħand Enel X Italia sabiex applikazzjoni li din tal-aħħar kienet żviluppat tkun tista’ tintuża permezz ta’ Android Auto, u dan kien jimplika l-iżvilupp min-naħa ta’ Google ta’ mudell li jippermetti li tiġi żgurata l-interoperabbiltà ma’ din il-pjattaforma tal-applikazzjonijiet marbuta mas-servizzi ta’ ċċarġjar ta’ vetturi bil-mutur elettriċi. Huwa minnu, kif spjegat il-qorti tar-rinviju, li sussegwentement Google żviluppat mudell għad-disinn ta’ verżjonijiet sperimentali ta’ applikazzjonijiet ta’ ċċarġjar ta’ vetturi bil-mutur elettriċi għall-użu fuq Android Auto, wara li ġiet adita l-AGCM iżda qabel l-adozzjoni tad-deċiżjoni ta’ din l-awtorità. Madankollu, fid-data tat-talba indirizzata lil Google ma kienx jeżisti mudell għall-kategorija tal-applikazzjonijiet marbuta mas-servizzi ta’ ċċarġjar ta’ tali vetturi.

63

Għaldaqstant, id-dubji tal-qorti tar-rinviju li wassluha sabiex tagħmel it-tielet u r-raba’ domanda jirrigwardaw l-impatt, għall-finijiet tal-klassifikazzjoni tal-aġir inkwistjoni bħala abbuż minn pożizzjoni dominanti fis-sens tal-Artikolu 102 TFUE, tan-nuqqas ta’ eżistenza tal-mudell għall-kategorija tal-applikazzjonijiet marbuta mas-servizzi ta’ ċċarġjar ta’ vetturi elettriċi li jippermettu li tiġi żgurata l-interoperabbiltà ta’ dawn l-applikazzjonijiet ma’ Android Auto, fid-data tat-talba għal dan l-aċċess, u jirrigwardaw ukoll kwalunkwe obbligu li jista’ jkun hemm li jiġi żviluppat tali mudell.

64

It-tieni nett, għandu jiġi rrilevat li, permezz tal-aħħar parti tar-raba’ domanda, il-qorti tar-rinviju qiegħda essenzjalment tistaqsi jekk l-Artikolu 102 TFUE għandux jiġi interpretat fis-sens li, fil-każ fejn impriża f’pożizzjoni dominanti tkun obbligata tiżviluppa mudell għal kategorija ta’ applikazzjonijiet sabiex tagħti aċċess għal pjattaforma diġitali li hija tkun detentiċi tagħha, mitlub minn impriża terza, billi tiżgura l-interoperabbiltà bejn l-applikazzjonijiet ikkonċernati u din il-pjattaforma, u fid-dawl tar-responsabbiltà partikolari li din l-impriża f’pożizzjoni dominanti għandha fis-suq, din tal-aħħar għandha, quddiem għadd ta’ talbiet għal aċċess minn impriżi terzi, tistabbilixxi kriterji oġġettivi sabiex teżamina dawn l-applikazzjonijiet u tikklassifikahom f’ordni ta’ prijorità.

65

Madankollu, la mit-talba għal deċiżjoni preliminari u lanqas mill-proċess li l-Qorti tal-Ġustizzja għandha quddiemha ma jirriżulta li ġew indirizzati lil Google talbiet minn impriżi terzi, liema talbiet saru wkoll b’mod simultanju, sabiex tiżviluppa mudelli li jippermettu li tiġi żgurata l-interoperabbiltà ta’ Android Auto ma’ applikazzjonijiet żviluppati minn dawn l-impriżi.

66

Issa, għalkemm id-domandi preliminari li jirrigwardaw id-dritt tal-Unjoni jibbenefikaw minn preżunzjoni ta’ rilevanza, il-ġustifikazzjoni tar-rinviju għal deċiżjoni preliminari ma hijiex li r-rinviju jippermetti li jsiru opinjonijiet konsultattivi dwar domandi ġenerali jew ipotetiċi, iżda li jkun meħtieġ għas-soluzzjoni effettiva ta’ tilwima (sentenza tal‑14 ta’ Jannar 2021, The International Protection Appeals Tribunal et, C‑322/19 u C‑385/19, EU:C:2021:11, punt 53, kif ukoll il-ġurisprudenza ċċitata).

67

Għaldaqstant, billi l-aħħar parti tar-raba’ domanda hija, fir-realtà, intiża li tikseb opinjoni konsultattiva tal-Qorti tal-Ġustizzja, hija għalhekk inammissibbli.

68

It-tielet nett, għandu jiġi osservat li, fir-rigward tal-aspetti l-oħra tagħhom, it-tielet u r-raba’ domanda jirrigwardaw il-ġustifikazzjonijiet oġġettivi li impriża f’pożizzjoni dominanti tista’ tinvoka fir-rigward ta’ aġir partikolari, fis-sens li jiġu rrifjutati l-provvista jew l-iżvilupp ta’ mudell għal applikazzjonijiet żviluppati minn impriżi terzi li jippermetti li dawn tal-aħħar jintużaw permezz ta’ pjattaforma diġitali li din l-impriża f’pożizzjoni dominanti tkun detentriċi tagħha, u li jkun jista’ jaqa’ taħt il-projbizzjoni stabbilita fl-Artikolu 102 TFUE, u jirrigwardaw ukoll l-oneru tal-prova li jgħabbi lill-imsemmija impriża u lill-awtorità tal-kompetizzjoni kompetenti, rispettivament.

69

F’dawn iċ-ċirkustanzi, għandu jitqies li, permezz tat-tielet u tar-raba’ domanda tagħha, li għandhom jiġu eżaminati flimkien, il-qorti tar-rinviju qiegħda essenzjalment tistaqsi jekk l-Artikolu 102 TFUE għandux jiġi interpretat fis-sens li, fejn l-aġir ta’ impriża f’pożizzjoni dominanti li tirrifjuta li tippermetti l-interoperabbiltà ta’ applikazzjoni żviluppata minn impriża terza ma’ pjattaforma diġitali li l-impriża f’pożizzjoni dominanti tkun detentriċi tagħha jkun jista’ jiġi kklassifikat bħala abbuż, fis-sens ta’ din id-dispożizzjoni, din l-impriża tal-aħħar tista’ tinvoka b’suċċess bħala ġustifikazzjoni oġġettiva għar-rifjut tagħha n-nuqqas ta’ eżistenza ta’ mudell li jippermetti li tiġi żgurata din l-interoperabbiltà fid-data li fiha l-impriża terza tkun talbet tali aċċess, jew jekk l-impriża f’pożizzjoni dominanti tkunx tista’ tkun obbligata tiżviluppa dan il-mudell. Barra minn hekk, dik il-qorti tistaqsi jekk, f’din it-tieni ipoteżi, l-Artikolu 102 TFUE għandux jiġi interpretat fis-sens li l-impriża f’pożizzjoni dominanti hija obbligata, minn naħa, tieħu inkunsiderazzjoni l-bżonnijiet ġenerali tas-suq jew il-bżonnijiet tal-impriża li tkun qiegħda titlob l-istess aċċess u, min-naħa l-oħra, tinformaha biż-żmien meħtieġ għall-iżvilupp tal-imsemmi mudell jew jekk l-awtorità tal-kompetizzjoni tkunx obbligata twettaq il-verifika, abbażi ta’ fatturi oġġettivi, taż-żmien meħtieġ għall-impriża f’pożizzjoni dominanti sabiex tiżviluppa tali mudell.

70

Mill-ġurisprudenza tal-Qorti tal-Ġustizzja relatata mal-Artikolu 102 TFUE jirriżulta li impriża li jkollha pożizzjoni dominanti tista’ tiġġustifika aġir li jkun jista’ jaqa’ taħt il-projbizzjoni stabbilita f’dan l-artikolu (sentenzi tas‑27 ta’ Marzu 2012, Post Danmark,C‑209/10, EU:C:2012:172, punt 41, u tal‑21 ta’ Diċembru 2023, European Superleague Company,C‑333/21, EU:C:2023:1011, punt 202 kif ukoll il-ġurisprudenza ċċitata).

71

B’mod partikolari, tali impriża tista’ turi, għal dan il-għan, jew li l-aġir tagħha jkun oġġettivament meħtieġ, jew li l-effett ta’ esklużjoni li jwassal għalih ikun jista’ jiġi kkontrobilanċjat, jew saħansitra oltrepassat, permezz ta’ żieda fl-effiċjenza li minnha jibbenefikaw ukoll il-konsumaturi (sentenzi tas‑27 ta’ Marzu 2012, Post Danmark,C‑209/10, EU:C:2012:172, punt 40, u tal‑21 ta’ Diċembru 2023, European Superleague Company,C‑333/21, EU:C:2023:1011, punt 201 kif ukoll il-ġurisprudenza ċċitata).

72

Fl-ewwel lok, il-qorti tar-rinviju tistaqsi jekk impriża f’pożizzjoni dominanti li tirrifjuta l-aċċess ta’ impriża terza għal pjattaforma diġitali u sa fejn dan ir-rifjut ikun jista’ jipproduċi effetti antikompetittivi, tkunx tista’ tinvoka b’suċċess bħala ġustifikazzjoni oġġettiva tar-rifjut tagħha n-nuqqas ta’ eżistenza ta’ mudell għal kategorija ta’ applikazzjonijiet li jippermettu li tiġi żgurata l-interoperabbiltà bejn dawn l-applikazzjonijiet u din il-pjattaforma fid-data li fiha jkun intalab dan l-aċċess jew jekk l-imsemmija impriża tkunx tista’ tiġi obbligata tiżviluppa dan il-mudell sabiex din l-impriża terza tkun tista’ tikseb l-imsemmi aċċess.

73

Kif essenzjalment irrilevat l-Avukata Ġenerali fil-punti 64 u 65 tal-konklużjonijiet tagħha, ir-rifjut, min-naħa tal-impriża f’pożizzjoni dominanti, li tiġi żgurata l-interoperabbiltà ta’ applikazzjoni ma’ pjattaforma diġitali, minħabba n-nuqqas ta’ eżistenza ta’ mudell għall-kategorija tal-applikazzjonijiet ikkonċernati, jista’ jkun oġġettivament iġġustifikat meta l-għoti ta’ tali interoperabbiltà permezz ta’ dan il-mudell ikun, fih innifsu u fid-dawl tal-proprjetajiet tal-applikazzjoni li għaliha tkun intalbet l-interoperabbiltà, iqiegħed f’perikolu l-integrità tal-pjattaforma kkonċernata jew is-sigurtà tal-użu tagħha, jew meta jkun impossibbli, għal raġunijiet tekniċi oħra, li tiġi żgurata din l-interoperabbiltà billi jiġi żviluppat l-imsemmi mudell.

74

Min-naħa l-oħra, minbarra tali sitwazzjonijiet, in-nuqqas ta’ eżistenza tal-mudell għall-kategorija tal-applikazzjonijiet ikkonċernati jew id-diffikultajiet marbuta mal-iżvilupp tiegħu li tista’ tħabbat wiċċha magħhom l-impriża f’pożizzjoni dominanti ma jistgħux jikkostitwixxu fihom infushom ġustifikazzjoni oġġettiva għar-rifjut ta’ aċċess min-naħa ta’ din l-impriża. Madankollu, billi jittieħdu inkunsiderazzjoni ċ-ċirkustanzi rilevanti kollha f’dan ir-rigward, il-bżonn li jiġi ddedikat perijodu ta’ żmien raġonevoli għal dan l-iżvilupp u għalhekk li ma tkunx tista’ tiġi implimentata immedjatament l-interoperabbiltà mitluba, jista’ jitqies li jkun oġġettivament meħtieġ u proporzjonat, billi jittieħdu inkunsiderazzjoni, fl-istess ħin, il-bżonnijiet tal-impriża li tkun qiegħda titlob l-aċċess għall-pjattaforma tal-impriża f’pożizzjoni dominanti kif ukoll id-diffikultajiet li tkun irriskontrat din l-impriża tal-aħħar sabiex tiżviluppa dan il-mudell.

75

F’dan ir-rigward, huma b’mod partikolari rilevanti l-livell ta’ diffikultà teknika sabiex jiġi żviluppat il-mudell għall-kategorija tal-applikazzjonijiet ikkonċernati, li jippermetti l-aċċess mitlub, limitazzjonijiet marbuta mal-impossibbiltà li wieħed ikollu, fi żmien qasir, uħud mir-riżorsi, b’mod partikolari dawk umani, meħtieġa sabiex jiġi żviluppat dan il-mudell fid-dawl tal-bżonnijiet tal-impriża li tkun qiegħda titlob dan l-aċċess, jew inkella restrizzjonijiet esterni għall-impriża f’pożizzjoni dominanti li jkollhom impatt fuq il-kapaċità tagħha li tiżviluppa l-istess mudell, bħal pereżempju dawk relatati mal-qafas leġiżlattiv applikabbli.

76

Madankollu, kif essenzjalment irrilevat l-Avukata Ġenerali fil-punti 74 u 75 tal-konklużjonijiet tagħha, l-iżvilupp ta’ tali mudell li jiżgura l-interoperabbiltà mitluba jista’ jirrappreżenta spiża għall-impriża f’pożizzjoni dominanti. L-Artikolu 102 TFUE, madankollu, ma jżommx li din l-impriża milli titlob korrispettiv finanzjarju xieraq mingħand l-impriża li tkun talbet l-interoperabbiltà. Tali korrispettiv għandu jkun ġust u proporzjonat, billi jippermetti lill-impriża f’pożizzjoni dominanti, fid-dawl tal-ispiża reali ta’ tali żvilupp, tikseb benefiċċju xieraq. L-iffissar tal-ammont ta’ dan il-korrispettiv huwa bla ħsara għat-teħid inkunsiderazzjoni ta’ dan tal-aħħar waqt kull applikazzjoni ta’ regoli oħra tad-dritt tal-Unjoni li jirregolaw, jekk ikun il-każ, ir-remunerazzjoni tal-impriża f’pożizzjoni dominanti għall-akkwist, mill-impriża li tkun talbet l-interoperabbiltà, ta’ utenti finali għall-applikazzjoni tiegħu.

77

Fl-aħħar nett, in-nuqqas ta’ tweġiba mill-impriża f’pożizzjoni dominanti għat-talba ta’ impriża terza intiża sabiex din l-impriża f’pożizzjoni dominanti tiżgura l-interoperabbiltà tal-pjattaforma diġitali li hija tkun detentriċi tagħha ma’ applikazzjoni żviluppata minn din l-impriża terza jista’ jikkostitwixxi indizju li r-rifjut li tiġi żgurata tali interoperabbiltà ma jkunx oġġettivament iġġustifikat.

78

Fit-tieni lok, għandu jiġi enfasizzat li, għalkemm l-oneru tal-prova fir-rigward tal-eżistenza taċ-ċirkustanzi li jikkostitwixxu ksur tal-Artikolu 102 TFUE jaqa’ fuq l-awtoritajiet tal-kompetizzjoni, kemm fil-livell Ewropew u kemm f’dak nazzjonali, hija, madankollu, kif tfakkar fil-punti 70 u 71 ta’ din is-sentenza, l-impriża dominanti kkonċernata li għandha tqajjem kwalunkwe eċċezzjoni ta’ ġustifikazzjoni oġġettiva u li ġġib argumenti u tipproduċi provi f’dan ir-rigward.

79

Ladarba dan ir-rekwiżit jkun ġie ssodisfat mill-impriża f’pożizzjoni dominanti, hija mbagħad l-awtorità tal-kompetizzjoni kkonċernata, kemm‑il darba tkun biħsiebha tikkonstata l-eżistenza ta’ abbuż minn pożizzjoni dominanti, li għandha turi li l-argumenti u l-provi invokati minn din l-impriża ma jkunux jreġu u, għaldaqstant, li l-ġustifikazzjoni invokata ma tkunx tistax tintlaqa’.

80

F’dan ir-rigward, f’sitwazzjoni bħal dik inkwistjoni fil-kawża prinċipali, hija l-awtorità tal-kompetizzjoni kompetenti, fid-dawl b’mod partikolari tar-raġunijiet ikkomunikati, mill-impriża f’pożizzjoni dominanti, lill-impriża terza sabiex jiġi ġġustifikat ir-rifjut li tiġi żgurata l-interoperabbiltà ta’ applikazzjoni żviluppata minn din tal-aħħar ma’ pjattaforma diġitali li l-impriża f’pożizzjoni dominanti tkun detentriċi tagħha, fil-konfront ta’ din l-impriża terza, u billi jittieħdu inkunsiderazzjoni ċ-ċirkustanzi rilevanti kollha, li għandha tivverifika n-natura oġġettivament meħtieġa tar-rifjut, min-naħa ta’ din l-impriża f’pożizzjoni dominanti, li tiżviluppa mudell għall-kategorija tal-applikazzjonijiet ikkonċernati, li jippermetti din l-interoperabbiltà, u li għandha tevalwa n-natura proporzjonata ta’ dan ir-rifjut.

81

Fid-dawl tal-kunsiderazzjonijiet kollha premessi, ir-risposta għat-tielet u għar-raba’ domanda għandha tkun li l-Artikolu 102 TFUE għandu jiġi interpretat fis-sens li, meta l-aġir ta’ impriża f’pożizzjoni dominanti li tirrifjuta li tiżgura l-interoperabbiltà ta’ applikazzjoni żviluppata minn impriża terza ma’ pjattaforma diġitali li l-impriża f’pożizzjoni dominanti tkun detentriċi tagħha jkun jista’ jiġi kklassifikat bħala abbuż, fis-sens ta’ din id-dispożizzjoni, din l-impriża tal-aħħar tkun tista’ tinvoka b’suċċess bħala ġustifikazzjoni oġġettiva tar-rifjut tagħha n-nuqqas ta’ eżistenza ta’ mudell li jippermetti li tiġi żgurata din l-interoperabbiltà fid-data li fiha l-impriża terza tkun talbet tali aċċess, meta l-għoti ta’ tali interoperabbiltà permezz ta’ dan il-mudell ikun, fih innifsu u fid-dawl tal-proprjetajiet tal-applikazzjoni li għaliha tkun intalbet l-interoperabbiltà, iqiegħed f’perikolu l-integrità tal-pjattaforma kkonċernata jew is-sigurtà tal-użu tagħha, jew inkella meta jkun impossibbli, għal raġunijiet tekniċi oħra, li tiġi żgurata din l-interoperabbiltà bl-iżvilupp tal-imsemmi mudell. Jekk dan ma jkunx il-każ, l-impriża f’pożizzjoni dominanti tkun obbligata tiżviluppa tali mudell, fi żmien raġonevoli meħtieġ għal dan il-għan u permezz, jekk ikun il-każ, ta’ korrispettiv finanzjarju xieraq, li jieħu inkunsiderazzjoni l-bżonnijiet tal-impriża terza li tkun talbet dan l-iżvilupp, l-ispiża reali ta’ dan tal-aħħar u d-dritt tal-impriża f’pożizzjoni dominanti li tikseb benefiċċju xieraq.

Fuq il-ħames domanda

82

Permezz tal-ħames domanda tagħha, il-qorti tar-rinviju qiegħda essenzjalment tistaqsi jekk l-Artikolu 102 TFUE għandux jiġi interpretat fis-sens li, sabiex tiġi evalwata l-eżistenza ta’ abbuż ta’ impriża f’pożizzjoni dominanti li tirrifjuta li tiżgura l-interoperabbiltà ta’ applikazzjoni żviluppata minn impriża terza ma’ pjattaforma diġitali li l-impriża f’pożizzjoni dominanti tkun detentriċi tagħha, awtorità tal-kompetizzjoni hija obbligata tiddefinixxi s-suq downstream li fih dan ir-rifjut ikun jista’ jipproduċi effetti antikompetittivi, anki jekk dan is-suq ikun biss wieħed potenzjali.

83

Għandu jitfakkar li d-determinazzjoni tas-suq rilevanti, fil-kuntest tal-applikazzjoni tal-Artikolu 102 TFUE, tikkostitwixxi, bħala prinċipju, prerekwiżit għall-evalwazzjoni dwar jekk l-impriża kkonċernata tgawdix pożizzjoni dominanti jew le (ara, f’dan is-sens, is-sentenza tal‑21 ta’ Frar 1973, Europemballage u Continental Can vs Il‑Kummissjoni, 6/72, EU:C:1973:22, punt 32), liema evalwazzjoni għandha l-għan li tiddefinixxi l-perimetru li fih għandha tiġi evalwata l-kwistjoni dwar jekk din l-impriża tkunx tista’ taġixxi, b’mod apprezzabbli, indipendentement mill-kompetituri tagħha, mill-klijenti tagħha u mill-konsumaturi tagħha (ara, f’dan is-sens, is-sentenzi tad‑9 ta’ Novembru 1983, Nederlandsche Banden‑Industrie‑Michelin vs Il‑Kummissjoni, 322/81, EU:C:1983:313, punt 37, kif ukoll tas‑27 ta’ Ġunju 2024, Il‑Kummissjoni vs Servier et, C‑176/19 P, EU:C:2024:549, punt 381).

84

Sabiex tiġi evalwata n-natura abbużiva ta’ rifjut kif deskritt fil-punt 82 ta’ din is-sentenza, għandha ssir distinzjoni bejn żewġt iswieq, jiġifieri, minn naħa, is-suq li taħtu taqa’ l-pjattaforma diġitali u li fih l-impriża, detentriċi ta’ din tal-aħħar, ikollha pożizzjoni dominanti, liema suq jikkostitwixxi ġeneralment is-suq upstream, u, min-naħa l-oħra, is-suq li fih l-applikazzjoni tintuża għall-produzzjoni ta’ prodott ieħor jew għall-provvista ta’ servizz ieħor mill-impriża li tkun qiegħda titlob l-interoperabbiltà ta’ din l-applikazzjoni ma’ din il-pjattaforma u li fih jistgħu jseħħu l-effetti antikompetittivi tal-aġir tal-impriża f’pożizzjoni dominanti, liema suq jikkostitwixxi suq viċin, b’mod partikolari dak downstream.

85

Fil-kuntest tal-applikazzjoni tal-Artikolu 102 TFUE, l-identifikazzjoni tas-suq downstream ma teħtieġx neċessarjament definizzjoni preċiża tas-suq tal-prodotti u tas-suq ġeografiku. F’ċerti ċirkustanzi, huwa biżżejjed li suq potenzjali, jew saħansitra suq ipotetiku, ikun jista’ jiġi identifikat (sentenza tad‑29 ta’ April 2004, IMS Health,C‑418/01, EU:C:2004:257, punt 44). Fil-fatt, meta s-suq downstream ikkonċernat ikun għadu qiegħed jiżviluppa jew ikun qiegħed jevolvi b’mod mgħaġġel u meta, konsegwentement, il-portata tiegħu ma tkunx iddefinita kompletament fid-data li fiha l-impriża f’pożizzjoni dominanti tadotta l-aġir allegatament abbużiv, ikun biżżejjed li l-awtorità tal-kompetizzjoni tidentifika dan is-suq, anki jekk ikun biss wieħed potenzjali. Sussegwentement, din l-awtorità għandha, filwaqt li tieħu inkunsiderazzjoni l-karatteristiċi u l-portata potenzjali tal-imsemmi suq, turi li dan l-aġir ikun jista’ jipproduċi effetti antikompetittivi fl-istess suq, anki jekk ikun hemm biss kompetizzjoni potenzjali bejn il-prodotti jew is-servizzi tal-impriża f’pożizzjoni dominanti u, fil-każ ta’ aġir fis-sens li impriża din tal-aħħar tirrifjuta l-interoperabbiltà mitluba minn impriża terza ma’ pjattaforma diġitali li l-impriża f’pożizzjoni dominanti tkun detentriċi tagħha, il-prodotti jew is-servizzi tal-impriża li tkun qiegħda titlob din l-interoperabbiltà.

86

Fid-dawl tal-kunsiderazzjonijiet premessi, l-Artikolu 102 TFUE għandu jiġi interpretat fis-sens li, sabiex tiġi evalwata l-eżistenza ta’ abbuż ta’ impriża f’pożizzjoni dominanti li tirrifjuta li tiżgura l-interoperabbiltà ta’ applikazzjoni żviluppata minn impriża terza ma’ pjattaforma diġitali li l-impriża f’pożizzjoni dominanti tkun detentriċi tagħha, awtorità tal-kompetizzjoni tista’ sempliċement tidentifika s-suq downstream li fih dan ir-rifjut ikun jista’ jipproduċi effetti antikompetittivi, anki jekk dan is-suq downstream ikun biss suq potenzjali, billi tali identifikazzjoni ma teħtieġx neċessarjament definizzjoni preċiża tas-suq ta’ prodotti u tas-suq ġeografiku inkwistjoni.

Fuq l-ispejjeż

87

Peress li l-proċedura għandha, fir-rigward tal-partijiet fil-kawża prinċipali, in-natura ta’ kwistjoni mqajma quddiem il-qorti tar-rinviju, hija dik il-qorti li għandha tiddeċiedi fuq l-ispejjeż. L-ispejjeż sostnuti għas-sottomissjoni tal-osservazzjonijiet lill-Qorti tal-Ġustizzja, barra dawk tal-imsemmija partijiet, ma jistgħux jitħallsu lura.

 

Għal dawn il-motivi, Il-Qorti tal-Ġustizzja (Awla Manja) taqta’ u tiddeċiedi:

 

1)

L-Artikolu 102 TFUE għandu jiġi interpretat fis-sens li r-rifjut, minn impriża f’pożizzjoni dominanti li tkun żviluppat pjattaforma diġitali, li tiżgura, fuq talba ta’ impriża terza, l-interoperabbiltà ta’ din il-pjattaforma ma’ applikazzjoni żviluppata minn din l-impriża terza, jista’ jikkostitwixxi abbuż minn pożizzjoni dominanti, minkejja li l-imsemmija pjattaforma ma tkunx indispensabbli għall-użu kummerċjali tal-imsemmija applikazzjoni f’suq downstream, iżda tkun ta’ natura li tagħmel l-istess applikazzjoni iktar attraenti għall-konsumaturi, u dan meta l-istess pjattaforma ma tkunx ġiet żviluppata mill-impriża f’pożizzjoni dominanti biss għall-bżonnijiet tal-attività tagħha stess.

 

2)

L-Artikolu 102 TFUE għandu jiġi interpretat fis-sens li l-fatt kemm li l-impriża li tkun żviluppat applikazzjoni u talbet lil impriża f’pożizzjoni dominanti tiżgura l-interoperabbiltà tagħha ma’ pjattaforma diġitali li din l-impriża tal-aħħar tkun detentriċi tagħha, u kemm li kompetituri tal-ewwel impriża jkunu baqgħu attivi fis-suq li taħtu taqa’ din l-applikazzjoni u żviluppaw il-pożizzjoni tagħhom fih, minkejja li ma jkunux ibbenefikaw minn tali interoperabbiltà, ma jindikax fih innifsu li r-rifjut mill-impriża f’pożizzjoni dominanti li tilqa’ din it-talba ma setax jipproduċi effetti antikompetittivi. Għandu jiġi evalwat jekk dan l-aġir tal-impriża f’pożizzjoni dominanti jkunx seta’ jxekkel iż-żamma jew l-iżvilupp tal-kompetizzjoni fis-suq ikkonċernat, billi jittieħdu inkunsiderazzjoni ċ-ċirkustanzi fattwali rilevanti kollha.

 

3)

L-Artikolu 102 TFUE għandu jiġi interpretat fis-sens li, meta aġir ta’ impriża f’pożizzjoni dominanti li tirrifjuta li tiżgura l-interoperabbiltà ta’ applikazzjoni żviluppata minn impriża terza ma’ pjattaforma diġitali li l-impriża f’pożizzjoni dominanti tkun detentriċi tagħha jkun jista’ jiġi kklassifikat bħala abbuż, fis-sens ta’ din id-dispożizzjoni, din l-impriża tal-aħħar tkun tista’ tinvoka b’suċċess bħala ġustifikazzjoni oġġettiva tar-rifjut tagħha n-nuqqas ta’ eżistenza ta’ mudell li jippermetti li tiġi żgurata din l-interoperabbiltà inkwistjoni fid-data li fiha l-impriża terza tkun talbet tali aċċess, meta l-għoti ta’ tali interoperabbiltà permezz ta’ dan il-mudell ikun, fih innifsu u fid-dawl tal-proprjetajiet tal-applikazzjoni li għaliha tkun intalbet l-interoperabbiltà, iqiegħed f’perikolu l-integrità tal-pjattaforma kkonċernata jew is-sigurtà tal-użu tagħha, jew inkella meta jkun impossibbli, għal raġunijiet tekniċi oħra, li tiġi żgurata din l-interoperabbiltà bl-iżvilupp tal-imsemmi mudell. Jekk dan ma jkunx il-każ, l-impriża f’pożizzjoni dominanti tkun obbligata tiżviluppa tali mudell, fi żmien raġonevoli meħtieġ għal dan il-għan u permezz, jekk ikun hemm bżonn, ta’ korrispettiv finanzjarju xieraq, li jieħu inkunsiderazzjoni l-bżonnijiet tal-impriża terza li tkun talbet dan l-iżvilupp, l-ispiża reali ta’ dan tal-aħħar u d-dritt tal-impriża f’pożizzjoni dominanti li tikseb benefiċċju xieraq.

 

4)

L-Artikolu 102 TFUE għandu jiġi interpretat fis-sens li, sabiex tiġi evalwata l-eżistenza ta’ abbuż ta’ impriża f’pożizzjoni dominanti li tirrifjuta li tiżgura l-interoperabbiltà ta’ applikazzjoni żviluppata minn impriża terza ma’ pjattaforma diġitali li l-impriża f’pożizzjoni dominanti tkun detentriċi tagħha, awtorità tal-kompetizzjoni tista’ sempliċement tidentifika s-suq downstream li fih dan ir-rifjut ikun jista’ jipproduċi effetti antikompetittivi, anki jekk dan is-suq downstream ikun biss suq potenzjali, billi tali identifikazzjoni ma teħtieġx neċessarjament definizzjoni preċiża tas-suq ta’ prodotti u tas-suq ġeografiku inkwistjoni.

 

Firem


( *1 ) Lingwa tal-kawża: it-Taljan.