European flag

Il-Ġurnal Uffiċjali
ta'l-Unjoni Ewropea

MT

Is-serje L


2024/2354

10.10.2024

RIŻOLUZZJONI (UE) 2024/2354 TAL-PARLAMENT EWROPEW

tal-11 ta’ April 2024

dwar il-kwittanza għall-implimentazzjoni tal-baġit tal-aġenziji tal-Unjoni Ewropea għas-sena finanzjarja 2022: prestazzjoni, ġestjoni finanzjarja u kontroll

IL-PARLAMENT EWROPEW,

—

wara li kkunsidra d-deċiżjonijiet tiegħu dwar il-kwittanza għall-implimentazzjoni tal-baġit tal-Aġenziji tal-Unjoni Ewropea għas-sena finanzjarja 2022,

—

wara li kkunsidra r-rapport tal-Kummissjoni dwar is-segwitu għall-kwittanza għas-sena finanzjarja 2021 (COM(2023)0384),

—

wara li kkunsidra r-rapport annwali tal-Qorti tal-Awdituri dwar l-aġenziji tal-UE għas-sena finanzjarja 2022, flimkien mar-risposti tal-aġenziji (1),

—

wara li kkunsidra r-Regolament (UE, Euratom) 2018/1046 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tat-18 ta’ Lulju 2018 dwar ir-regoli finanzjarji applikabbli għall-baġit ġenerali tal-Unjoni, li jemenda r-Regolamenti (UE) Nru 1296/2013, (UE) Nru 1301/2013, (UE) Nru 1303/2013, (UE) Nru 1304/2013, (UE) Nru 1309/2013, (UE) Nru 1316/2013, (UE) Nru 223/2014, (UE) Nru 283/2014, u d-deċiżjoni Nru 541/2014/UE u li jħassar ir-Regolament (UE, Euratom) Nru 966/2012 (2), u b’mod partikolari l-Artikoli 68 u 70 tiegħu,

—

wara li kkunsidra r-Regolament Delegat tal-Kummissjoni (UE) 2019/715 tat-18 ta’ Diċembru 2018 dwar ir-regolament finanzjarju qafas għall-korpi mwaqqfin skont it-TFUE u t-Trattat Euratom u msemmija fl-Artikolu 70 tar-Regolament (UE, Euratom) 2018/1046 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill (3), u b’mod partikolari l-Artikolu 105 tiegħu,

—

wara li kkunsidra l-Artikolu 100 u l-Anness V tar-Regoli ta’ Proċedura tiegħu,

—

wara li kkunsidra l-opinjonijiet tal-Kumitat għall-Impjiegi u l-Affarijiet Soċjali u tal-Kumitat għal-Libertajiet Ċivili, il-Ġustizzja u l-Intern,

—

wara li kkunsidra r-rapport tal-Kumitat għall-Kontroll tal-Baġit (A9-0118/2024),

A.

billi din ir-riżoluzzjoni tinkludi, għal kull korp skont it-tifsira tal-Artikolu 70 tar-Regolament (UE, Euratom) 2018/1046, l-osservazzjonijiet trasversali li jakkumpanjaw id-deċiżjonijiet ta’ kwittanza f’konformità mal-Artikolu 262 tar-Regolament (UE, Euratom) 2018/1046 u l-Artikolu 3 tal-Anness V tar-Regoli ta’ Proċedura tal-Parlament Ewropew;

B.

billi din ir-riżoluzzjoni tinkludi wkoll, għall-Aġenzija Fornitriċi tal-Euratom, l-osservazzjonijiet trażversali li jakkumpanjaw id-deċiżjoni ta’ kwittanza f’konformità mal-Artikolu 262 tar-Regolament (UE, Euratom) 2018/1046 u l-Artikolu 3 tal-Anness V tar-Regoli ta’ Proċedura tal-Parlament Ewropew;

C.

billi l-aġenziji tal-Unjoni għandhom jagħmlu enfasi fuq missjonijiet b’valur miżjud Ewropew ċar u l-organizzazzjoni ta’ tali missjonijiet għandha tiġi ottimizzata biex jiġu evitati duplikazzjonijiet fl-aħjar interessi tal-kontribwenti tal-Unjoni;

D.

billi fil-kuntest tal-proċedura ta’ kwittanza, l-awtorità ta’ kwittanza għandha l-għan li tenfasizza l-importanza sinifikanti li ttejjeb il-leġittimità demokratika tal-istituzzjonijiet tal-Unjoni; billi dan jinvolvi t-titjib tat-trasparenza u l-obbligu ta’ rendikont, kif ukoll l-implimentazzjoni ta’ bbaġitjar abbażi tal-prestazzjoni u l-iżgurar ta’ governanza tajba tar-riżorsi umani;

1.   

Jinnota li għat-33 aġenzija deċentralizzata tal-Unjoni, it-total kumulattiv għall-baġit tal-2022 ammonta għal madwar EUR 3 471 miljun f’approprjazzjonijiet ta’ impenn, li jirrappreżenta żieda ta’ 8,2 % meta mqabbel mal-2021, u ammonta għal EUR 3 035 miljun f’approprjazzjonijiet ta’ pagament, tnaqqis ta’ 1,78 % meta mqabbel mal-2021; jinnota, barra minn hekk, li mit-EUR 3 035 miljun f’approprjazzjonijiet ta’ pagament, madwar EUR 2 781 miljun ġew iffinanzjati mill-baġit ġenerali tal-Unjoni, li jirrappreżentaw 74,85 % tal-finanzjament totali tal-aġenziji fl-2022 (meta mqabbla mas-77,27 % fl-2021); jirrikonoxxi, barra minn hekk, li madwar EUR 935 miljun kienu ffinanzjati minn tariffi u imposti u minn kontribuzzjonijiet diretti minn pajjiżi parteċipanti (żieda ta’ 28,23 % meta mqabbla mal-2021);

2.   

Jinnota li l-baġit finali totali għall-2022 (wara l-baġits emendatorji) tal-aġenziji kollha deċentralizzati tal-Unjoni kien ta’ madwar 16 % ogħla minn dik għall-2021, filwaqt li r-rata tal-inflazzjoni fl-Unjoni laħqet sa 11,5 % f’Ottubru 2022; jinnota f’dan il-kuntest li ż-żieda fil-baġit ta’ xi aġenziji mill-2021 sal-2022 kienet sinifikanti, li tirrappreżenta aktar minn + 60 % (għall-ENISA, eu-LISA, l-EFCA), madwar 30 % jew aktar (għall-ELA, l-EEA, Frontex) u aktar minn + 20 % (għall-EUSPA, l-EUAA);

3.   

Jinnota l-konklużjoni tal-Qorti Ewropea tal-Awdituri (il-“Qorti”) fir-rapport annwali tagħha dwar l-aġenziji tal-Unjoni għas-sena finanzjarja 2022 (ir-“rapport tal-Qorti”), li l-verifika tal-Qorti tal-kontijiet annwali tal-aġenziji għas-sena finanzjarja ntemmet fil-31 ta’ Diċembru 2022 kellu riżultati inqas pożittivi mis-sena ta’ qabel (2021), bi dgħufijiet fil-proċeduri tal-akkwist pubbliku jibqgħu s-sors ewlieni ta’ pagamenti irregolari;

Riskji ewlenin identifikati mill-Qorti

4.

Jinnota mir-rapport tal-Qorti li r-riskju ġenerali għall-affidabbiltà tal-kontijiet tal-aġenziji, kif stabbilit bl-applikazzjoni tar-regoli kontabilistiċi adottati mill-uffiċjal tal-kontabbiltà tal-Kummissjoni u abbażi ta’ standards internazzjonali tal-kontabbiltà, huwa ġeneralment baxx, kif kien il-każ fl-2021;

5.

Jissottolinja li, skont ir-rapport tagħha, il-Qorti tqis li r-riskju ġenerali għal-legalità u r-regolarità tad-dħul li fuqu huma bbażati l-kontijiet tal-aġenziji huwa baxx għall-maġġoranza tal-aġenziji, u huwa medju għall-aġenziji parzjalment iffinanzjati minnhom infushom fejn huma applikabbli regolamenti speċifiċi għall-ġbir ta’ tariffi u kontribuzzjonijiet oħra tad-dħul, kif kien il-każ fl-2021;

6.

Jirrimarka li l-Qorti tqis li r-riskju għal-legalità u r-regolarità tal-pagamenti li fuqhom huma bbażati l-kontijiet tal-aġenziji b’mod ġenerali huwa medju, filwaqt li jvarja minn baxx għal għoli għal titoli speċifiċi tal-baġit; jinnota li l-Qorti tqis li r-riskju għat-Titolu I (Nefqa għall-Persunal) huwa ġeneralment baxx, għat-Titolu II (Nefqa Amministrattiva) huwa medju, u għat-Titolu III (Nefqa Operattiva) huwa baxx għal għoli, skont l-aġenzija inkwistjoni u n-natura tan-nefqa operattiva tagħha; jirrimarka li l-Qorti tqis ir-riskju fir-rigward tat-Titolu III simili għar-riskju tat-Titolu II, iżda peress li hemm ammonti ferm ogħla involuti taħt it-Titolu III, l-impatt jitqies li huwa ogħla;

7.

Jinnota bi tħassib li l-Qorti, għall-ħames sena konsekuttiva, tqis li r-riskju għal ġestjoni finanzjarja tajba huwa medju, primarjament assoċjat ma’ proċeduri ta’ akkwist pubbliku li ma żgurawx li jinkiseb l-aħjar valur possibbli għall-flus; jinnota, barra minn hekk, li l-fondi pubbliċi dejjem iridu jintużaw b’mod effettiv, filwaqt li jitqiesu l-interessi tal-kontribwenti;

8.

Jinnota li l-Qorti tqis li r-riskju għall-ġestjoni tal-baġit huwa baxx, filwaqt li l-awditu tal-Qorti juri riporti għoljin ta’ approprjazzjonijiet impenjati, li, madankollu, skont il-Qorti, kienu ġġustifikati min-natura pluriennali tal-operazzjonijiet jew minħabba raġunijiet lil hinn mill-kontroll tal-aġenziji; jistieden lill-Aġenziji jsaħħu l-ġestjoni tal-baġit tagħhom u l-ippjanar finanzjarju tagħhom billi jistipulaw KPIs finanzjarji ambizzjużi u jimmonitorjaw b’mod attiv il-prestazzjoni finanzjarja u baġitarja matul is-sena kollha sabiex iżommu r-riporti f’perċentwal aċċettabbli;

9.

Ifakkar li fl-2020 il-Qorti ttestjat proċeduri awtomatizzati tal-awditjar fil-qasam tal-awditjar tal-kontijiet ta’ diversi aġenziji eżekuttivi; jinnota li, fl-2021 il-Qorti estendiet l-użu ta’ tali proċeduri għall-aġenziji kollha, madankollu — fil-każ ta’ aġenziji deċentralizzati — il-Qorti applikat għaxar proċeduri relatati mas-salarji biss; jirrikonoxxi l-impenn tal-Qorti biex tespandi l-użu tat-teknoloġija tal-awditjar diġitali għal oqsma oħra u għall-aġenziji kollha; jilqa’; f’dan il-kuntest; il-proġett pilota mniedi mill-Qorti fl-2022 biex jiġu diġitalizzati aspetti tal-awditjar tal-akkwist pubbliku tal-aġenziji; jistieden lill-Qorti żżomm l-awtorità ta’ kwittanza informata dwar l-eżitu ta’ dak il-proġett pilota;

10.

Jilqa’ l-fatt li l-Qorti ddikjarat li fil-biċċa l-kbira tal-każijiet (67 minn 121 osservazzjoni li ma kinux tlestew fl-aħħar tal-2021) l-aġenziji ħadu azzjoni korrettiva biex jindirizzaw l-osservazzjonijiet tal-awditjar tas-snin preċedenti; jinnota bi tħassib, madankollu, żieda fin-numru ta’ osservazzjonijiet mis-snin preċedenti li baqgħu miftuħa fl-aħħar tas-sena, minn 48 fl-2021 għal 54 fl-2022; jistieden lill-aġenziji kollha kkonċernati jidentifikaw l-azzjonijiet korrettivi xierqa u jkomplu bl-isforzi tagħhom biex isegwu l-osservazzjonijiet tal-Qorti li għadhom għaddejjin jew li huma pendenti;

Ġestjoni baġitarja u finanzjarja

11.

Jissottolinja b’sodisfazzjon li, skont ir-rapport tal-Qorti, inħarġet opinjoni tal-awditjar mhux kwalifikata dwar l-affidabbiltà tal-kontijiet tal-aġenziji kollha; jinnota, barra minn hekk, li l-Qorti ħarġet opinjoni mhux kwalifikata dwar il-legalità u r-regolarità tad-dħul li fuqu huma bbażati l-kontijiet għall-aġenziji kollha; josserva li l-Qorti ħarġet opinjoni mhux kwalifikata dwar il-legalità u r-regolarità tal-pagamenti sottostanti għall-kontijiet għall-aġenziji kollha, ħlief għal erba’ aġenziji: iċ-Ċentru tat-Traduzzjoni għall-Korpi tal-Unjoni Ewropea (CdT), l-Aġenzija għat-Taħriġ fl-Infurzar tal-Liġi (CEPOL), iċ-Ċentru Ewropew għall-Prevenzjoni u l-Kontroll tal-Mard (ECDC) u l-Aġenzija għat-Tmexxija Operattiva ta’ Sistemi tal-IT fuq Skala Kbira fil- Żona ta’ Libertà, Sigurtà u Ġustizzja (eu-LISA); jinnota bi tħassib li l-opinjonijiet kwalifikati nħarġu mill-Qorti minħabba nfiq mhux konformi ta’ EUR 1,3 miljun (għas-CdT), EUR 4,26 miljun (għas-CEPOL), EUR 0,6 miljun (għall-ECDC) li wasslu lill-Qorti li jiġi stmat ammont totali ta’ nefqa ta’ nuqqas ta’ konformità li jirrappreżenta 2,8 % tal-approprjazzjonijiet ta’ pagament totali disponibbli fl-2022 u EUR 17,8 miljun (għall-eu-LISA);

12.

Jinnota li, fir-rigward tal-affidabbiltà tal-kontijiet, il-Qorti ħarġet paragrafu ta’ “enfasi fuq il-kwistjoni” għall-Aġenzija Ewropea għall-Mediċini (EMA), l-Aġenzija tal-Unjoni Ewropea għall-Ferroviji (ERA), l-Awtorità Ewropea tat-Titoli u s-Swieq (ESMA), l-Aġenzija tal-Unjoni Ewropea għall-Ażil (EUAA), l-Aġenzija tal-Unjoni Ewropea għall-Kooperazzjoni fil-Ġustizzja Kriminali (Eurojust), l-eu-LISA, l-Aġenzija Ewropea għall-Gwardja tal-Fruntiera u tal-Kosta (Frontex); jinnota li l-paragrafu “enfasi fuq il-kwistjoni” għall-EMA kien relatat mal-kwistjoni li għaddejja dwar il-ftehim ta’ kiri għall-bini preċedenti tagħha f’Londra li jdum sal-2039, mingħajr ebda dispożizzjoni għal terminazzjoni bikrija u obbligazzjonijiet potenzjali stmati għal EUR 366 miljun fil-31 ta’ Diċembru 2022, kif ukoll għall-inċertezzi dwar il-prestazzjoni finanzjarja tal-kumpanija parent aħħarija tas-sottokerrej ta’ dak il-bini; huwa konxju dwar il-fatt li fil-11 ta’ Jannar 2024, il-Kumitat għall-Baġit tal-Parlament Ewropew kellu skambju ta’ opinjonijiet mal-Awtorità rigward emenda potenzjali għas-sullokazzjoni għall-bini preċedenti f’Londra; jinnota li l-paragrafu tal-“enfasi fuq il-kwistjoni” għall-ERA u l-Eurojust kien relatat mal-implimentazzjoni ta’ sistema baġitarja, ta’ kontabbiltà u finanzjarja ġdida (SUMMA) bħala pilota għall-Kummissjoni; jinnota li l-paragrafu tal-“enfasi fuq il-kwistjoni” għall-EUAA kien relatat mal-impatt tal-gwerra illegali u mhux provokata ta’ aggressjoni Russa kontra l-Ukrajna fuq l-attivitajiet tal-EUAA; jinnota li l-paragrafu tal-“enfasi fuq il-kwistjoni” għall-eu-LISA kien relatat ma’ dewmien fl-implimentazzjoni tas-Sistema ta’ Dħul/Ħruġ u l-impatt relatat fuq l-operazzjonijiet tal-eu-LISA; jinnota li l-paragrafu tal-“enfasi fuq il-kwistjoni” għall-Frontex kien relatat mal-fatt li s-sistema tal-kontabbiltà tagħha ma kinitx ivvalidata għat-tieni sena konsekuttiva, kif ukoll ma’ kalkolu żbaljat tal-kontribuzzjonijiet minn pajjiżi li mhumiex fiż-żona Schengen u mhux fl-UE b’EUR 3,2 miljuni inqas milli suppost ħallsu lill-baġit tal-Frontex għall-2022; jinnota li l-paragrafu tal-“enfasi fuq il-kwistjoni” għall-ESMA kien relatat mal-inċertezza relatata mal-eżitu ta’ kawża u, skont ir-rapport tal-Qorti, dak il-paragrafu japplika wkoll bis-sħiħ għal-legalità u r-regolarità tal-pagamenti tal-ESMA;

13.

Jinnota l-osservazzjoni rikorrenti tal-Qorti relatata mal-kontribuzzjonijiet minn pajjiżi assoċjati ma’ Schengen (SAC), li metodi differenti fil-ftehimiet għall-kalkolu tal-kontribuzzjonijiet jinvolvu riskju ta’ implimentazzjoni żbaljata ta’ dawk il-ftehimiet ta’ kontribuzzjoni; jinnota; mir-rapport tal-Qorti; l-istedina tagħha lill-EUAA u l-Frontex biex jaħdmu mal-Kummissjoni biex jiċċaraw il-bażi legali għall-kalkolu tal-kontribuzzjonijiet tal-SAC għall-baġits ta’ dawk l-aġenziji, jekk meħtieġ billi jerġgħu jinnegozjaw ftehimiet mal-SAC, sabiex il-kontribuzzjonijiet tagħhom jirriflettu b’mod korrett id-daqs tal-ekonomiji tal-SAC meta mqabbla mad-daqs tal-ekonomija tal-Unjoni; jistieden f’dan il-kuntest lill-Kummissjoni tindirizza din il-kwistjoni fin-negozjati li ġejjin mal-SAC dwar ftehimiet ġodda li se jkopru l-parteċipazzjoni tal-SAC fil-ħidma tal-EUAA u Frontex, bil-ħsieb li tiġi żgurata aktar ċarezza fiha;

14.

Jinnota bi tħassib l-osservazzjoni tal-Qorti rigward nuqqasijiet relatati ma’ diversi aspetti tal-ġestjoni baġitarja bħal livelli eċċessivi ta’ trasferiment ta’ approprjazzjonijiet, rati għoljin ta’ ħlasijiet tard u kwistjonijiet relatati ma’ miżati/dħul fil-każ ta’ 16-il aġenzija; jinnota b’mod partikolari; l-osservazzjoni tal-Qorti fir-rigward tar-riporti għolja strutturali u rikorrenti fil-każ ta’ ħames aġenziji (ACER, EFCA, ELA, eu-LISA u FRA); iġedded it-talba tiegħu favur ir-rispett tal-prinċipju baġitarju tal-annwalità; itenni r-rakkomandazzjoni tal-Qorti li l-aġenziji kkonċernati għandhom ikomplu jtejbu l-ippjanar baġitarju tagħhom u ċ-ċikli ta’ implimentazzjoni tagħhom biex jiġi evitat dewmien eċċessiv fl-implimentazzjoni tal-programmi ta’ ħidma jew tal-pjanijiet ta’ akkwist; jilqa’ l-azzjonijiet imnedija u l-miżuri implimentati fl-2022 minn diversi aġenziji (eż. ACER, eu-LISA u FRA) bil-għan li jtejbu l-ippjanar tal-baġit u ċ-ċikli ta’ implimentazzjoni tagħhom;

15.

Ifakkar, madankollu, li f’ċerti każijiet il-livell ta’ riporti għoljin huwa wkoll riżultat ta’ fatturi li mhumiex fil-kontroll tal-Aġenziji, bħan-natura tal-attivitajiet tagħhom li jespandu fuq perjodi pluriennali, jew il-ħtieġa li jirrikorru għal kuntratturi esterni matul perjodi li jestendu lil hinn mis-sena finanzjarja, minħabba nuqqas ta’ persunal;

16.

Jinnota mir-rapport tal-Qorti l-osservazzjoni li, fl-2022 diversi aġenziji (eż. l-ECDC u l-Europol) inkludew fil-pagamenti tagħhom lill-benefiċjarji tal-għotja rimborż tat-taxxa fuq il-valur miżjud (VAT) assoċjat mal-ispejjeż mitluba, u b’hekk kisru l-Artikolu 186(4) tar-Regolament Finanzjarju, peress li, fil-fehma tal-Qorti, il-benefiċjarji kienu awtoritajiet pubbliċi f’attivitajiet ta’ awtorità pubblika u għalhekk ma kinux intitolati għal rimborż tal-VAT; jinnota l-argumenti tal-aġenziji kkonċernati għaliex huma differenti mill-pożizzjoni tal-Qorti dwar din il-kwistjoni; itenni r-rakkomandazzjoni tal-Qorti lill-aġenziji biex jimmaniġġjaw l-għotjiet billi jiżguraw il-konformità mar-regoli applikabbli, b’mod partikolari fir-rigward tar-rimborż tal-VAT lill-benefiċjarji li huma awtoritajiet pubbliċi; jistieden lin-Network tal-Aġenziji tal-Unjoni Ewropea (EUAN) jistabbilixxi fehim komuni dwar ir-rimborż tal-VAT skont ir-regolament finanzjarju;

17.

Ifakkar fl-importanza tal-istabbiliment u ż-żamma ta’ djalogu attiv bejn il-Kummissjoni u l-aġenziji dwar l-allokazzjoni ta’ riżorsi adegwati u t-tfassil tal-pjanijiet ta’ stabbiliment rispettivi, b’mod partikolari għall-grad allokat għall-karigi;

Prestazzjoni

18.

Jinnota li l-aġenziji kollha jużaw diversi sistemi ta’ indikaturi ewlenin tal-prestazzjoni (KPIs), eżiti ippjanati jew miri strateġiċi stabbiliti bħala parti mill-kejl tal-prestazzjoni tagħhom; jisħaq li l-EUAN jista’ jgħin lill-aġenziji jużaw sistema komuni ta’ KPIs; jinnota li għal 15-il aġenzija, ir-rata ta’ implimentazzjoni tal-Programm ta’ Ħidma Annwali (AWP) tagħhom qabżet il-95 %, filwaqt li għal 14-il aġenzija dik ir-rata kienet taħt il-95 % fl-2022; itenni t-talba tiegħu lill-aġenziji kollha jirrapportaw lill-awtorità ta’ kwittanza dwar ir-rata ta’ implimentazzjoni tal-AWP tagħhom bħala ċifra konsolidata espressa f’perċentwal; japprezza l-fatt li l-KPI ġew issodisfati mill-Aġenziji u l-fatt li l-Aġenziji ġibdu l-attenzjoni għal miżuri li jistgħu jtejbu l-effiċjenza u l-effikaċja tal-ħidma tagħhom; madankollu, jirrakkomanda li l-Aġenziji jieħu nota tal-indikaturi li għadhom ma ntlaħqux jew li waqgħu lura; iħeġġeġ lill-aġenziji jużaw il-faċilitajiet tal-EUAN biex itejbu l-kisba ta’ dawn l-indikaturi;

19.

Jinnota l-kisbiet u s-suċċessi tal-aġenziji kollha fl-2022, l-ewwel sena tal-gwerra ta’ aggressjoni Russa mhux ipprovokata u mhux ġustifikat kontra l-Ukrajna; ifaħħar f’dan il-kuntest l-azzjonijiet rapidi meħuda mill-aġenziji, f’diversi oqsma bħall-ġustizzja u l-affarijiet interni (eż. l-EUAA, il-Frontex, il-Europol, il-FRA), is-superviżjoni tas-sistemi finanzjarji (eż. l-ESMA), is-sigurtà u d-difiża (eż. l-EASA), u l-impjiegi, l-affarijiet soċjali u l-inklużjoni (eż. Eurofound), minkejja l-isfidi maħluqa mhux biss mill-gwerra illegali fl-Ukrajna, iżda wkoll rati ta’ inflazzjoni rekord madwar l-Unjoni u l-kriżi tal-enerġija;

20.

Jisħaq fuq ir-rwol importanti li għandhom l-aġenziji tal-Unjoni biex jgħinu lill-istituzzjonijiet tal-Unjoni jfasslu u jimplimentaw il-politiki tal-Unjoni, u fit-twettiq ta’ kompiti tekniċi, xjentifiċi, operazzjonali u maniġerjali speċifiċi, kif ukoll riċerka bbażata fuq l-evidenza; itenni, f’dan ir-rigward, il-ħtieġa li l-aġenziji jiġu mgħammra f’livell proporzjonat għall-kompiti assenjati, b’numru suffiċjenti ta’ persunal, impjegat b’mod stabbli u li jkollu biżżejjed riżorsi materjali; itenni għalhekk il-ħtieġa li jiġu żgurati riżorsi umani u finanzjarji adegwati li jippermettulhom ikomplu jimplimentaw il-programmi ta’ ħidma tagħhom b’rata ta’ tlestija għolja ħafna;

21.

Jenfasizza r-rwol importanti tal-aġenziji tal-Ġustizzja u l-Affarijiet Interni (ĠAI) tal-UE, peress li huma indispensabbli għall-implimentazzjoni tal-politiki tal-Unjoni u l-appoġġ importanti li jiżguraw għall-istituzzjonijiet u l-korpi tal-Unjoni u l-Istati Membri fis-setturi tad-drittijiet fundamentali, is-sigurtà u l-ġustizzja, billi jwettqu kompiti operazzjonali, analitiċi, maniġerjali u superviżorji; itenni għalhekk il-bżonn li jiġu żgurati riżorsi finanzjarji u umani adegwati għall-aġenziji tal-ĠAI;

22.

Japprezza l-ħidma ta’ kwalità għolja mwettqa mill-aġenziji li jaħdmu fil-qasam tal-impjiegi, l-affarijiet soċjali u l-inklużjoni (Cedefop, Eurofound, EU-OSHA, ETF u ELA); ifakkar dwar il-mandati partikolari ta’ dawn l-aġenziji u l-kompożizzjoni speċifika tal-bordijiet ta’ tmexxija tagħhom abbażi tal-prinċipju tripartitiku u b’hekk tinkludi rappreżentanti tal-awtoritajiet nazzjonali u s-sħab soċjali; jirrikonoxxi li permezz tal-membri tagħhom il-bordijiet ta’ Tmexxija jiżguraw l-allinjament meħtieġ bejn il-ħidma tal-aġenziji u l-ħtiġijiet u l-prijoritajiet tal-partijiet ikkonċernati tagħhom; jinnota b’sodisfazzjon l-introduzzjoni ta’ laqgħat ibridi u l-użu ta’ proċeduri bil-miktub li jikkontribwixxu għat-tnaqqis tal-ispejjeż tal-laqgħat wiċċ imb wiċċ;

23.

Jisħaq li l-aġenziji huma l-aktar kwalifikati fil-valutazzjoni tal-użu tar-riżorsi sabiex jimplimentaw il-programmi ta’ ħidma annwali tagħhom u jwettqu l-mandati tagħhom b’mod effettiv; jisħaq fuq il-ħtieġa li l-aġenziji jikkooperaw ma’ xulxin sabiex jallokaw ir-riżorsi b’mod korrett; jenfasizza li l-aġenziji għandhom rwol kruċjali fl-appoġġ tal-proġetti t-tajbin f’konformità, pereżempju, mal-Patt Ekoloġiku Ewropew, il-Pilastru Ewropew tad-Drittijiet Soċjali jew il-Patt il-Ġdid tal-Unjoni dwar il-Migrazzjoni u l-Ażil;

24.

Jilqa’ l-kooperazzjoni u l-koordinazzjoni tal-ħidma bejn l-aġenziji li jittrattaw l-istess qasam, bħall-Awtoritajiet Superviżorji Ewropej (ASE), l-aġenziji tal-ĠAI, l-aġenziji fil-qasam tal-impjieg, l-affarijiet soċjali u l-inklużjoni, kif ukoll oħrajn, iżda wkoll il-kooperazzjoni trasversali bejn l-aġenziji minn oqsma ta’ politika differenti;

25.

Jinnota bi tħassib, mir-rapport tal-Qorti, tad-divulgazzjonijiet ta’ żewġ aġenziji (l-EUAA u l-EUSPA) li rrapportaw dwar l-impatt li l-aggressjoni mhux ipprovokata u mhux ġustifikata kontra l-Ukrajna kellha fuq l-attivitajiet tagħhom; jinnota, f’dan il-kuntest, iż-żieda fid-domanda għall-assistenza mill-Istati Membri li jaċċettaw rifuġjati mill-Ukrajna u l-interruzzjoni fl-użu tal-lanċaturi Russi Soyuz għas-satelliti Galileo;

Effiċjenza u kisbiet

26.

Jistieden lill-aġenziji jkomplu jiżviluppaw sinerġiji (f’oqsma bħar-riżorsi umani, l-akkwist, id-diġitalizzazzjoni, il-ġestjoni tal-bini, is-servizzi tal-IT u ċ-ċibersigurtà), kif ukoll il-kooperazzjoni u l-iskambju ta’ prattiki tajbin ma’ aġenziji oħra tal-Unjoni bil-għan li tittejjeb l-effiċjenza, b’mod partikolari minħabba l-impatt tal-gwerra fl-Ukrajna u t-tensjonijiet inflazzjonarji; jistieden lill-aġenziji kollha biex jistabbilixxu sistema u kriterji biex jimmonitorjaw b’modi oġġettivi u granulari u jirrapportaw lill-awtorità ta’ kwittanza dwar l-evoluzzjoni, minn sena għall-oħra, il-qligħ u/jew l-iffrankar irreġistrat mill-aġenziji f’termini tal-ħin, persunal, enerġija użata, eċċ.; jistieden lill-aġenziji kollha biex jikkoordinaw, inkluż mal-EUAN, sabiex jidentifikaw u jużaw għodda komuni li tippermetti r-rapportar ta’ tali kisbiet/iffrankar b’mod komparabbli;

27.

Jinsisti dwar ir-rwol importanti tal-EUAN fl-iżvilupp tas-sinerġiji, inkluż billi tgħin lill-aġenziji jottimizzaw l-użu tal-baġits tagħhom permezz ta’ koordinazzjoni, inter alia, ta’ proċeduri ta’ akkwist konġunti, sħubijiet, valutazzjoni mill-ġdid tal-prijoritajiet, u tnaqqis fl-ispejjeż; jirrikonoxxi f’dan il-kuntest ix-xogħol li sar mill-għaxar subnetworks tematiċi tal-EUAN; ifakkar ukoll li inizjattivi konġunti jġibu flimkien perspettivi diversi, inaqqsu d-duplikazzjoni tal-isforzi, itejbu l-apprendiment u jsaħħu r-relazzjoni bejn il-parteċipanti; iħeġġeġ lill-EUAN isaħħaħ ir-rwol tiegħu ta’ koordinazzjoni u jipproponi għodod aktar komuni li jistgħu jgħinu lill-aġenziji;

28.

Jilqa’ l-verifika orizzontali tal-Qorti li tipprovdi analiżi tar-risponsi tal-aġenziji għall-kriżijiet tal-klima u tal-enerġija u kif irrapportaw dwar il-prestazzjoni tagħhom fil-klima u l-enerġija; jinnota mir-rapport tal-Qorti u mit-tweġibiet tal-aġenziji għall-mistoqsijiet bil-miktub tal-Parlament li, fi tmiem l-2022, 10 aġenziji (6 fl-2021) kienu ċċertifikati mill-EMAS (Skema ta’ Ġestjoni u Verifika Ambjentali) u 22 aġenzija ma kinux iċċertifikati mill-EMAS (li l-proċess għaċ-ċertifikazzjoni EMAS kien għaddej għal 15-il aġenzija minnhom); jistieden lill-aġenziji kollha kkonċernati biex iħaffu l-proċess biex jirċievu ċ-ċertifikazzjoni tal-EMAS;

29.

Jinnota b’apprezzament li l-aġenziji kollha stabbilew miżuri f’diversi gradi sabiex inaqqsu l-impatt ambjentali tagħhom u jagħtu kontribut pożittiv għall-iżvilupp sostenibbli; ifaħħar lill-aġenziji (eż. ACER) li formalment adottaw (u implimentaw) pjan ta’ azzjoni għall-ekoloġizzazzjoni; itenni r-rakkomandazzjoni tiegħu għall-aġenziji kollha biex jadottaw pjanijiet ta’ azzjoni pluriennali li jinkludu impenji rigward it-tnaqqis tas-CO2 li jista’ jinkiseb, inter alia, bl-użu ta’ bini sostenibbli u spazji tax-xogħol, l-ottimizzazzjoni tal-konsum tal-enerġija, il-promozzjoni ta’ modi ta’ vjaġġar b’livell baxx ta’ karbonju, l-użu ta’ metodi ta’ ħidma ibridi, u l-prijoritizzazzjoni tax-xiri ta’ prodotti sostenibbli u servizzi; jistieden lill-aġenziji kollha jikkunsidraw l-aspetti ambjentali meta jkunu qed ifittxu spazju ġdid għall-uffiċċji; itenni r-rwol potenzjali tal-EUAN f’dan il-kuntest biex jassisti lill-aġenziji billi jistabbilixxi pjan ta’ azzjoni pluriennali ad hoc;

30.

Jilqa’ li 19 minn 33 Aġenzija deċentralizzata implimentaw pjanijiet korporattivi biex itejbu l-effiċjenza enerġetika u n-newtralità klimatika; jiddispjaċih madankollu mir-rapport tal-Qorti li 14 mit-33 Aġenzija deċentralizzata s’issa għadhom ma implimentaw l-ebda pjan korporattiv biex itejbu l-effiċjenza enerġetika u n-newtralità klimatika tal-operazzjonijiet tagħhom; jinnota li fl-2022 l-ebda aġenzija ma ppubblikat rapport dwar is-sostenibbiltà, filwaqt li s-Cedefop, l-EIT u l-Eurofound għandhom pjanijiet biex jagħmlu dan sal-2024; itenni f’dan il-kuntest ir-rakkomandazzjoni tal-Qorti u jħeġġeġ lill-aġenziji kollha biex itejbu n-newtralità klimatika u l-effiċjenza enerġetika tagħhom permezz ta’ pjanijiet korporattivi aġġornati li jipprevedu linji bażi u miri definiti b’mod ċar u kwantifikati għat-tnaqqis tal-impronta tal-karbonju u l-konsum tal-enerġija, kif ukoll biex jirrapportaw dwar il-klima, l-enerġija u l-prestazzjoni ambjentali permezz tal-pubblikazzjoni ta’ rapporti ta’ sostenibbiltà jew dikjarazzjonijiet ambjentali;

31.

Ifakkar fl-importanza li tiżdied id-diġitalizzazzjoni tal-aġenziji f’termini ta’ operazzjoni u ġestjoni interni, kif ukoll proċeduri, sabiex isir tranżizzjoni għal proċessi mingħajr karti; jinnota li dan l-iżvilupp pożittiv għandu impatt fuq il-kosteffettività; huwa kuntent li fl-2022, sar aktar progress fir-rigward tad-diġitalizzazzjoni u l-ottimizzazzjoni tal-flussi tax-xogħol u l-proċeduri tagħhom, b’mod partikolari fl-oqsma tar-riżorsi umani u l-proċeduri tal-akkwist; iħeġġeġ lill-aġenziji kollha jadottaw u jimplimentaw is-software tal-Firma Kwalifikata Avvanzata u tal-Firma Elettronika Kwalifikata biex jiksbu approvazzjonijiet u firem kemm minn kontropartijiet interni kif ukoll esterni fid-dokumenti tal-akkwist u dawk kuntrattwali; jitlob lill-EUAN jappoġġja l-inizjattivi kollha biex jitħaffef dan il-proċess ta’ diġitalizzazzjoni u jkompli jirrapporta lill-awtorità ta’ kwittanza dwar il-progress li sar fi kwistjonijiet ta’ diġitalizzazzjoni;

32.

Jistieden lill-Kummissjoni tiżgura użu aħjar tal-għarfien espert tal-Aġenziji f’oqsma ta’ politika rilevanti rigward, pereżempju, l-elaborazzjoni ta’ rapporti u studji, it-twettiq ta’ riċerka u stħarriġ, li jistgħu jippermettu użu aktar effiċjenti tar-riżorsi tal-baġit tal-Unjoni meta mqabbla ma’ soluzzjonijiet alternattivi; jenfasizza, f’dan ir-rigward, il-potenzjal mhux użat tal-aġenziji li jaħdmu fil-qasam tal-impjiegi, l-affarijiet soċjali u l-inklużjoni fl-għoti ta’ informazzjoni speċifika u rilevanti u l-istess prodotti ta’ kwalità bħall-konsulenti esterni, meta l-mandati tagħhom jippermettu dan;

Politika dwar il-persunal

33.

Jinnota li, fl-2022, it-33 aġenzija deċentralizzata rrapportaw li jimpjegaw total ta’ 10 146 membru tal-persunal, li jinkludu uffiċjali, aġenti temporanji, aġenti kuntrattwali u esperti nazzjonali sekondati (SNEs) (meta mqabbla ma’ 9 631 fl-2021), li jirrappreżentaw żieda ta’ 5,34 % meta mqabbla mal-2021; jinnota mir-rapport tal-Qorti li l-biċċa l-kbira miż-żieda fl-għadd ta’ membri tal-persunal li ġew impjegati mill-2021 ’il hawn hija attribwibbli għall-iżvilupp kontinwu tal-aġenziji li ġew stabbiliti reċentement (pereżempju, l-ELA) u għat-tkabbir tal-aġenziji li ġew assenjati kompiti ġodda (l-EFCA, l-EUAA u l-Frontex); ifaħħar lill-aġenziji (EIGE u EUSPA) li kisbu rata ta’ eżekuzzjoni ta’ 100 % tat-tabella tal-persunal tagħhom fl-2022;

34.

Jinnota li f’ħames aġenziji ġew irreġistrati każijiet ta’ eżawriment (b’kollox 16) u li diversi impjegati wettqu sigħat supplimentari fi 19-il aġenzija fl-2022 (13 fl-2021); jenfasizza li mhux il-każijiet kollha ta’ eżawriment jiġu rreġistrati uffiċjalment; jinnota b’mod partikolari li numru kbir ta’ impjegati għamlu s-sahra fl-EFSA (81 % tal-persunal) u l-Eurofound (97 % tal-persunal);

35.

Jinnota bi tħassib li, fl-2022, ir-rata ta’ dawran tal-persunal kienet aktar minn 5 % fi 15 minn 33 aġenzija, filwaqt li erbgħa minnhom qabżu r-rata ta’ 10 %; ifaħħar lill-aġenziji (pereżempju l-EBA) għall-miżuri mmirati li ħadu biex jipprevjenu rati għoljin ta’ dawran tal-impjegati; jenfasizza l-importanza li l-aġenziji kollha jimplimentaw miżuri bil-ħsieb li jtejjbu l-ġestjoni u ż-żamma tat-talent; jistrieħ fuq l-EUAN biex ikun forum għall-aġenziji membri tiegħu fir-rigward tal-iskambju ta’ prattiki tajba u, fejn possibbli, li jingħaqdu l-forzi f’din il-kwistjoni;

36.

Jinnota li l-bilanċ ġeografiku tal-persunal tal-aġenziji deċentralizzati tal-Unjoni jsegwi l-popolazzjoni tal-Istati Membri bħala perċentwal tal-EU27 ftit aktar mill-qrib mill-bilanċ ġeografiku tal-persunal tal-Kummissjoni; jesprimi dispjaċir għas-sottorappreżentanza għal seba’ Stati Membri, rappreżentanza żejda għal sbatax-il Stat Membru u bilanċ approssimattiv għal tliet Stati Membri; ifakkar li l-Aġenziji jeħtieġ li jieħdu miżuri konkreti sabiex il-bilanċ ġeografiku jitejjeb; jinnota mill-istudju dwar “L-użu ta’ aġenti kuntrattwali f’aġenziji deċentralizzati” ppubblikat fil-15 ta’ Mejju 2023 (minn hawn ’il quddiem l-“Istudju”) li l-attrazzjoni finanzjarja tal-karigi CA f’diversi reġjuni tista’ tħalli impatt fuq id-diversità ġeografika tal-applikanti;

37.

Jenfasizza li l-bilanċ ġeografiku għadu sfida għal diversi aġenziji li għalihom perċentwal konsiderevoli tal-persunal tagħhom huma ċittadini tal-Istat Membru fejn jinsabu l-aġenziji, eż. BEREC (58 % Latvjani), Cedefop (47 % Griegi), EFSA (49 % Taljani), EU-OSHA (46 % Spanjoli); jirrikonoxxi li l-aġenziji jużaw proċeduri ta’ selezzjoni bbażati fuq il-mertu, fejn fil-preżenza ta’ merti ugwali, l-aġenziji jiffavorixxu kandidati b’nazzjonalitajiet sottorappreżentati; jistieden lill-aġenziji jieħdu l-miżuri meħtieġa biex ikollhom rappreżentanza ġeografika bilanċjata u ġusta;

38.

Jirrikonoxxi li l-attrazzjoni tat-talent u l-iżgurar ta’ forza tax-xogħol ġeografikament diversa huma marbuta mal-ispeċifiċitajiet individwali tal-aġenziji (eż. il-post, l-infrastruttura, l-edukazzjoni, il-qasam tal-politika), kif ukoll ma’ fatturi esterni li jillimitaw (eż. kompetizzjoni mas-settur privat, inċertezza tax-xogħol minħabba kuntratti fuq żmien qasir, koeffiċjenti ta’ korrezzjoni baxxi); jinnota b’apprezzament mir-rapport ta’ segwitu tal-EUAN għall-kwittanza għall-2021, l-azzjonijiet meħuda mill-EUAN biex jirrimedja n-nuqqas ta’ attrazzjoni u jtejjeb ir-rappreżentattività tal-persunal tal-aġenziji f’termini ta’ età, ġeneru u oriġini ġeografika;

39.

Jinnota bi tħassib l-osservazzjonijiet mir-rapport tal-Qorti dwar id-dgħufijiet relatata mal-konċessjonijiet lill-ENS, l-għotjiet ta’ traineeship u l-proċeduri ta’ reklutaġġ u jinnota li l-Qorti għamlet 8 osservazzjonijiet li minnhom tlieta kienu konnessi ma’ pagamenti irregolari; jistieden lill-aġenziji kkonċernati jtejbu l-kontrolli ex-ante tagħhom sabiex il-pagamenti isiru bbażati fuq evidenza dokumentata u r-regoli fis-seħħ;

40.

Jinnota distribuzzjoni kemmxejn imtejba bejn il-ġeneri fl-2022, meta mqabbla mal-2021 fil-livell tal-maniġment superjuri u intermedju, b’66,59 % irġiel u 33,41 % nisa (68 % u 32 %, rispettivament fl-2021) u fi ħdan il-membri tal-bord maniġerjali, b’60,33 % irġiel u 39,67 % nisa (62 % u 38 %, rispettivament fl-2021); jinnota li l-bilanċ bejn il-ġeneri rrapportat għall-persunal b’mod ġenerali ddeterjora, b’54,26 % irġiel u 46,74 % nisa (50,3 % u 49,7 %, rispettivament fl-2021); jitlob lill-aġenziji jaħdmu fuq li jtejbu aktar il-bilanċ bejn il-ġeneri fil-maniġment superjuri; itenni l-appelli tiegħu lill-Kummissjoni u lill-Istati Membri biex josservaw il-bilanċ bejn il-ġeneri meta jinnominaw u jaħtru membri tal-maniġment jew tal-bordijiet amministrattivi; ifakkar fl-ambizzjoni tal-aġenziji li jallinjaw mal-Kummissjoni biex jilħqu bilanċ bejn il-ġeneri ta’ 50 % fil-livelli kollha tal-maniġment tagħhom sal-aħħar tal-2024;

41.

Jinnota li l-aġenziji kollha stabbilew miżuri biex itejbu l-benessri tal-persunal fil-bilanċ bejn ix-xogħol u l-ħajja privata; jinnota li l-għadd u l-impatt ta’ tali miżuri jvarjaw b’sinifikanti minn aġenzija għall-oħra u li ma jidher li jeżisti l-ebda qafas komuni ta’ referenza fost l-aġenziji; jistieden lill-EUAN jikkoordina l-isforzi għall-iżvilupp ta’ qafas komuni ta’ referenza f’dan ir-rigward; jinnota b’sodisfazzjon li maġġoranza kbira ta’ aġenziji stabbilixxew miżuri għall-integrazzjoni ta’ persuni b’diżabilità, fejn tali miżuri jvarjaw minn adattamenti fiżiċi bħall-bini li jsir aċċessibbli għas-siġġijiet tar-roti u l-installazzjoni ta’ rampi fil-punti ta’ aċċess prinċipali, għal adattamenti fil-postijiet tax-xogħol tal-persunal, arranġamenti speċifiċi tax-xogħol għall-impjegati b’diżabilità, u l-provvista ta’ tagħmir speċifiku bbażat fuq bżonnijiet individwali; jilqa’ barra minn hekk miżuri oħra li jinkludu l-integrazzjoni ta’ prattiki inklużivi fil-politiki tar-riżorsi umani, bħall-inkoraġġiment tal-applikazzjonijiet minn kandidati b’diżabilità, l-iżgurar li l-proċeduri ta’ reklutaġġ ma jkunux diskriminatorji fil-każ ta’ diżabilitajiet, il-forniment ta’ taħriġ għall-persunal tar-riżorsi umani u l-Bordijiet tal-Għażla dwar kwistjonijiet ta’ diversità u inklużjoni u toffri gwida dwar l-iskoperta u l-ġlieda kontra preġudizzji inkonxji; jistieden lill-aġenziji b’baġits akbar jirriflettu l-investiment tagħhom f’miżuri għall-integrazzjoni ta’ persuni b’diżabilità u għat-titjib tal-benessri tal-persunal fuq ix-xogħol u l-bilanċ bejn ix-xogħol u l-ħajja privata, kif xieraq;

42.

Jinnota li 17-il aġenzija diġà adottaw il-Karta dwar id-Diversità u l-Inklużjoni (D&I) li kienet ġiet approvata mill-Grupp ta’ Ħidma (WGDI) iddedikata għal kwistjonijiet fil-qasam tad-D&I; jistieden lill-bqija tal-aġenziji biex jadottaw dik il-Karta mingħajr dewmien; jilqa’ l-evoluzzjoni attiva tal-Grupp ta’ Ħidma (WGDI) iddedikat għal kwistjonijiet fil-qasam tad-diversità u l-inklużjoni (D&I) maħluqa mill-EUAN; jinnota b’apprezzament f’dan il-kuntest id-diversi attivitajiet u avvenimenti organizzati mill-EUAN fl-2022, bħal: — taħditiet online dwar “Redefining Leadership — Women at the helm of the EU Agencies (Id-definizzjoni mill-ġdid tat-Tmexxija — In-Nisa mat-tmun tal-Aġenziji tal-UE)”, dwar “Overcoming alpha leadership culture: how everyone can become a successful leader (Negħlbu l-kultura tat-tmexxija alpha: kif kulħadd jista’ jsir mexxej ta’ suċċess)”, u fit-tifkira tal-Jum Internazzjonali tal-Persuni b’Diżabilità, taħt l-isem “Insibu s-Saħħa tagħna fil-Vulnerabbiltà”; — l-EUAN D&I Awards li se jippremjaw inizjattivi amministrattivi u tar-riżorsi umani li jrawmu l-għarfien u l-implimentazzjoni tal-prattiki D&I li qed iseħħu bħalissa fi ħdan l-aġenziji; jistieden lill-EUAN jipprovdi lill-awtorità ta’ kwittanza bir-riżultati tal-istħarriġ dwar id-D&I fost il-persunal tal-aġenziji; jistieden lill-EUAN jibqa’ jirrapporta lill-awtorità tal-kwittanza dwar il-progress li sar fi kwistjonijiet relatati mad-D&I;

43.

Ifakkar fl-importanza li tiġi żviluppata politika tar-riżorsi umani fit-tul dwar il-bilanċ bejn ix-xogħol u l-ħajja privata, il-gwida tul il-ħajja u l-offerta ta’ possibbiltajiet ta’ taħriġ speċifiku għall-iżvilupp tal-karriera, il-bilanċ bejn il-ġeneri fil-livelli kollha tal-persunal, it-telexogħol, id-dritt għall-iskonnessjoni, it-titjib tal-bilanċ ġeografiku biex ikun hemm rappreżentanza xierqa mill-Istati Membri kollha, u r-reklutaġġ u l-integrazzjoni ta’ persuni b’diżabbiltà kif ukoll il-promozzjoni tat-trattament ugwali tagħhom l-opportunitajiet offruti lilhom;

44.

Jinnota li l-aġenziji kollha stabbilew politika u miżuri għall-persunal kollu tagħhom biex jipprevjenu u jiġġieldu l-fastidju, u xi wħud mill-aġenziji għandhom miżuri speċifiċi fis-seħħ (pereżempju korsijiet ta’ taħriġ, sensibilizzazzjoni jew taħriġ) għall-maniġment superjuri u intermedju; jinnota wkoll li 8 aġenziji rrapportaw li fl-2022 kellhom 23 każ ta’ fastidju għaddej jew magħluq; josserva li f’xi aġenziji (pereżempju l-ECDC, l-ENISA, l-EUAA), għal proċeduri relatati mal-persunal (pereżempju każijiet ta’ fastidju), jintalab appoġġ minn ditti tal-liġi esterni speċjalizzati fil-liġi tas-Servizz Ċivili tal-Unjoni (Regolamenti tal-Persunal tal-Unjoni), anke meta l-aġenziji jkollhom id-dipartiment/l-unità tas-servizzi legali tagħhom stess; jinnota mir-rapport ta’ segwitu tal-EUAN għall-kwittanza għall-2021 li fil-maġġoranza tal-każijiet, l-aġenziji ma ffaċċjaw l-ebda każ ta’ fastidju fejn kellhom bżonn ifittxu appoġġ minn ditti legali jew konsulenti esterni;

45.

Jinnota li l-Qorti Suprema tal-Litwanja, fid-deċiżjoni tagħha tat-23 ta’ Frar 2022, ikkonfermat is-sentenza tal-Qorti tal-Ġustizzja tal-Unjoni Ewropea fil-Kawża C-948/19 li kkunsidrat ħaddiema temporanji permezz ta’ aġenziji tal-Unjoni bħala parti mill-kamp ta’ applikazzjoni tal- applikazzjoni tad-Direttiva 2008/104/KE tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill (4); jistieden lill-aġenziji kollha jagħtu prijorità lill-persunal permanenti fuq il-konsulenti esterni, sabiex jiġu żgurati kundizzjonijiet tax-xogħol ta’ kwalità għolja, u biex l-għarfien u l-esperjenza ma jintilfux;

46.

Ifakkar li l-aġenziji deċentralizzati għandhom il-possibbiltà li sa 65 % tan-numru totali tal-persunal tagħhom ikun jikkonsisti f’aġenti kuntrattwali (CAs), skont ir-Regolamenti tal-Persunal tal-Unjoni, dispożizzjoni li timmira lejn il-flessibbiltà; jinnota f’dan il-kuntest mill-iskambju ta’ fehmiet espressi waqt is-smigħ pubbliku (imsejjaħ “Persunal u riżorsi oħra f’aġenziji, Korpi u Impriżi Konġunti tal-Unjoni”, minn hawn ’il quddiem is-“Smigħ Pubbliku”) li sar fil-Parlament fis-27 ta’ Ġunju 2023, kif ukoll mill-Istudju, li l-proċeduri uniformi tal-Kummissjoni għad-definizzjoni tan-numru ta’ CAs ma jħallu l-ebda flessibbiltà biex jingaġġaw CAs ibbażati fuq valutazzjoni tal-ammont ta’ xogħol f’konformità mal-mandat tal-aġenziji u jillimitaw il-kapaċità tagħhom li jadattaw għall-ħtiġijiet emerġenti b’mod aġili; jinnota wkoll mis-Smigħ Pubbliku li l-ispejjeż assoċjati mas-servizzi tal-persunal interim, użati biex jindirizzaw il-ħtiġijiet u l-assenzi tan-negozju fuq żmien qasir, jaqbżu b’mod sinifikanti l-ispejjeż assoċjati mas-CAs li hija sfida fid-dawl tas-sentenza tal-Qorti tal-Ġustizzja tal-Unjoni Ewropea tal-11 ta’ Novembru 2021 (Kawża C-948/19), meta wieħed iqis li din tobbliga lill-aġenziji jsegwu l-prinċipju ta’ paga ugwali għal kompiti ugwali, irrispettivament mis-sitwazzjoni kuntrattwali tagħhom; itenni t-talba tiegħu lill-aġenziji biex jiddependu kemm jista’ jkun possibbli fuq persunal permanenti sabiex jiggarantixxu kundizzjonijiet tax-xogħol ta’ kwalità, u jipprevjenu t-telf tal-għarfien u l-esperjenza u fuq il-Kummissjoni biex tiżgura allokazzjonijiet xierqa ta’ riżorsi umani;

47.

Jinnota mill-Istudju li f’termini ta’ kompożizzjoni tal-forza tax-xogħol, in-numru ta’ CAs qed jiżdied matul l-aħħar għaxar snin fl-aġenziji deċentralizzati, kemm f’termini assoluti kif ukoll bħala sehem relattiv tal-forza tax-xogħol totali: minn 17 % fl-2012 għal 21 % fl-2021, filwaqt li n-numru ta’ persunal ta’ CA fil-kategorija IV ra l-akbar żieda maż-żmien (b’sehem sa 46 % fil-gruppi ta’ funzjoni kollha fl-2019), li potenzjalment jindika li l-aġenziji jistgħu jkunu qed jimpjegaw CAs biex iwettqu kompiti ewlenin fi ħdan il-mandat tal-aġenziji; jifhem li l-ingaġġ ta’ CAs bħala parti integrali tal-forza tax-xogħol jgħin lill-aġenziji jindirizzaw l-eżawriment tal-għażliet għal gwadann ta’ effiċjenza filwaqt li jakkomodaw l-ambitu akbar tar-responsabbiltajiet b’inqas karigi; jirrimarka madankollu għall-fatt li diskrepanzi fit-tipi ta’ kuntratti għal kompiti simili għandhom implikazzjonijiet importanti għall-esperjenza tax-xogħol ġenerali ta’ CAs u l-motivazzjoni tagħhom u r-rotazzjoni ogħla ta’ CAs li jaħdmu fi rwoli aktar speċjalizzati jistgħu joħolqu sfidi għaż-żamma tal-għarfien organizzattiv; jinnota barra minn hekk mill-Istudju d-differenzi bejn is-salarji ta’ CA u ta’ dawk lokali madwar l-Istati Membri, filwaqt li għal xi aġenziji (l-EEA, l-Eurofound, l-Europol) is-salarji tas-CA tal-gruppi ta’ funzjoni kollha kienu aktar baxxi mis-salarji medji fl-Istati Membri (DK, IE, NL), filwaqt li s-salarji ta’ CAs impjegati f’aġenziji oħra (eż. ENISA, EIGE) kienu ogħla mis-salarji lokali (EL, LT); josserva li l-proċess ta’ reklutaġġ għal CAs ivarja minn tlieta sa disa’ xhur jew aktar u d-differenzi bejn is-salarji għall-varjetà ta’ rwoli jistgħu jkollhom impatt fuq il-proċeduri ta’ reklutaġġ u r-rati ta’ suċċess tagħhom;

Prevenzjoni u ġestjoni tal-kunflitti ta’ interess u trasparenza

48.

Jinnota li, bl-eċċezzjoni ta’ aġenzija waħda, l-aġenziji kollha għandhom stabbilita politika għall-prevenzjoni u l-ġestjoni tal-kunflitti ta’ interess; jilqa’ l-passi meħuda mill-biċċa l-kbira tal-aġenziji biex isaħħu l-proċeduri u l-kontrolli interni tagħhom li jkopru sitwazzjonijiet potenzjali ta’ “revolving doors” u jiżguraw konformità sħiħa mar-regoli applikabbli previsti fir-Regolamenti tal-Persunal tal-Unjoni; jinnota mir-rapport ta’ segwitu tal-EUAN għall-kwittanza għall-2021, li l-membri tal-aġenziji tal-bordijiet ta’ ġestjoni ġejjin, fil-biċċa l-kbira tal-każijiet, minn istituzzjonijiet pubbliċi fil-livell nazzjonali, li jpoġġi l-kunflitt ta’ interess potenzjali f’livell relattivament baxx; jinnota mill-istess rapport li fil-biċċa l-kbira, il-membri tal-bord ta’ tmexxija huma responsabbli għall-governanza u s-superviżjoni (fi ftit każijiet biss jieħdu deċiżjonijiet operazzjonali) u meta dawn il-membri jkunu se jaħdmu f’industriji regolati, ċerti miżuri restrittivi indirizzati lilhom huma meħuda, filwaqt li jitqies li m’hemm l-ebda obbligu legali għal dawk il-membri li, pereżempju, japplikaw għall-awtorizzazzjoni biex jassumu impjieg; jistieden lill-EUAN jipprovdi lill-Parlament b’lista eżawrjenti ta’ tali miżuri restrittivi li jittieħdu fil-prattika mill-aġenziji; josserva fl-aħħar nett mill-Istudju, li s-CAs ma jidhirx li huma f’riskju ogħla li jikkontribwixxu għall-kwistjoni tar-“revolving doors”;

49.

Jinnota mir-rapport ta’ segwitu tal-EUAN għall-kwittanza għall-2021 li f’xi każijiet, l-aġenziji jqisu l-grad ta’ esponiment tagħhom għal riskju ta’ kunflitti ta’ interess u pressjoni tal-lobbisti bħala baxx, minħabba l-missjonijiet tagħhom, il-kompiti li jwettqu u l-ambjent u l-kuntest li joperaw fih, li għandu impatt fuq il-konsiderazzjoni tagħhom sa liema punt jeħtieġu strateġija kontra l-korruzzjoni, filwaqt li aġenziji oħra, minħabba l-esponiment ogħla tagħhom għal tali riskju, introduċew strateġiji kontra l-korruzzjoni b’mod sħiħ, f’xi każijiet żviluppati mal-OLAF; itenni, f’dan il-kuntest il-ħtieġa li jiġu aġġornati regolarment ir-regoli dwar it-trasparenza, l-inkompatibbiltajiet, il-kunflitti ta’ interessi u sitwazzjonijiet ta’ “revolving doors”, u l-lobbjar illegali, kif ukoll l-istrateġiji kontra l-frodi; jinnota mir-rapport ta’ segwitu tal-aġenziji għall-kwittanza għall-2021, li l-biċċa l-kbira tal-aġenziji ma jippjanawx li jiżviluppaw strateġija interna kontra l-korruzzjoni, filwaqt li fil-każ ta’ xi aġenziji (eż. l-EBA, l-EIOPA), l-istrateġiji tagħhom kontra l-frodi jinkludu strateġija kontra l-korruzzjoni;

50.

Jilqa’ l-pubblikazzjoni tar-rekord tal-laqgħat kollha tar-rappreżentanti ta’ interess, il-partijiet ikkonċernati u l-lobbisti mal-aġenziji fejn tali laqgħat huma applikabbli; jistieden lill-aġenziji (eż. l-EASA) li ma għamlux paġna web għall-pubblikazzjoni ta’ tali laqgħat biex jagħmlu dan mingħajr dewmien; jinnota li, minħabba n-natura tan-negozju tagħhom, xi aġenziji (pereżempju l-BEREC, is-CEPOL, is-CdT, l-EU-OSHA) ma jorganizzawx laqgħat mal-lobbisti;

51.

Jinnota li l-aġenziji kollha jitolbu dikjarazzjonijiet ta’ interess għall-membri tal-bord tat-tmexxija u l-maniġment superjuri tagħhom u li jippubblikawhom fuq is-sit web tagħhom; jinnota wkoll li l-biċċa l-kbira tal-aġenziji jippubblikaw fuq is-sit web tagħhom il-curriculum vitae (CV) jew deskrizzjoni qasira tal-isfond tal-membri tal-bord tat-tmexxija tagħhom, tal-persunal maniġerjali, tal-esperti esterni u tal-esperti interni; jenfasizza li fil-każ ta’ xi aġenziji (eż. is-Cedefop, l-EFSA, l-ELA, l-ENISA), is-CVs ta’ xi wħud mill-membri tal-bord ta’ ġestjoni u s-sostituti mhumiex ippubblikati; jistieden lil dawk l-aġenziji jippubblikaw dawk is-CVs kollha fuq is-siti web tagħhom mingħajr dewmien;

52.

Jenfasizza li l-biċċa l-kbira tal-aġenziji rrapportaw li ma kellhomx każijiet ta’ kunflitti ta’ interess fl-2022, filwaqt li 9 aġenziji rrapportaw każijiet bħal dawn; jinnota li l-każijiet investigati kienu jikkonċernaw impjieg preċedenti (ACER), nuqqas li jiġu ddikjarati interessi finanzjarji rigward, pereżempju, onorarji riċevuti jew interess ta’ membru tal-familja mill-qrib (l-EMA), proċeduri ta’ reklutaġġ (l-EMSA), involviment ta’ membri tal-bord ta’ ġestjoni fi proċeduri relatati mal-persunal (l-Eurojust) u impjieg wara li jħallu s-servizz (l-Europol); ifaħħar ir-rata ġenerali ta’ għeluq tal-aġenziji (19-il każ konkluż minn 21 rrapportati u investigati) ta’ tali każijiet, b’miżuri ta’ rispons meħuda bil-ħsieb li jiġi evitat impatt negattiv fuq l-interessi ta’ dawk l-aġenziji fl-2022; itenni l-importanza li jkun hemm fis-seħħ regoli u oqfsa interni robusti li għandhom l-għan li jipprevjenu kwalunkwe fenomenu ta’ fastidju, kunflitt ta’ interess jew “revolving doors”, biex b’hekk jiġu żgurati l-ogħla standards etiċi u tiżdied il-fiduċja pubblika fl-istituzzjonijiet tal-Unjoni;

53.

Jinnota li l-aġenziji kollha għandhom politika dwar l-informaturi fis-seħħ; josserva li ġew irrapportati u investigati 52 każ ta’ whistleblowing, li minnhom 47 każ ġew konklużi (inklużi 37 żvelar ta’ informazzjoni protetta esterna riċevuti mill-EMA) u 2 każi (Frontex) taħt investigazzjoni mill-OLAF fl-2022; jistieden lill-aġenziji kollha biex jiżguraw li jkollhom kanali ta’ rapportar speċifiċi, sikuri u effettivi fis-seħħ f’konformità mar-rekwiżiti rilevanti tad-Direttiva (UE) 2019/1937 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill (5) dwar il-whistleblowing;

Akkwist

54.

Jinnota bi tħassib kbir li l-Qorti osservat 48 dgħufija fl-akkwist pubbliku fl-2022 (meta mqabbel ma’ 34 fl-2021 u 18 fl-2020) u li l-għadd ta’ aġenziji kkonċernati qed jiżdied u hemm 24 aġenzija kkonċernata fl-2022 (meta mqabbla ma’ 22 aġenzija fl-2021 u 14-il aġenzija fl-2020); jinsab imħasseb li tali dgħufijiet jibqgħu l-akbar sors ta’ pagamenti irregolari, li jirriżultaw minn proċeduri ta’ akkwist irregolari rrapportati fl-2022 jew fis-snin preċedenti; itenni r-rakkomandazzjoni tal-Qorti li, meta jimplimentaw kuntratti qafas, l-aġenziji kkonċernati għandhom jużaw biss kuntratti speċifiċi biex jakkwistaw prodotti jew servizzi koperti mill-kuntratt qafas assoċjat; ikompli jtenni r-rakkomandazzjoni tal-Qorti li l-aġenziji kkonċernati għandhom itejbu aktar il-proċeduri ta’ akkwist pubbliku tagħhom, filwaqt li jiżguraw konformità sħiħa mar-regoli applikabbli, inkluż fir-rigward tal-kundizzjonijiet għall-modifika tal-kuntratti eżistenti;

55.

Jilqa’ ż-żieda fl-użu tal-għodod tal-akkwist elettroniku mill-aġenziji tal-Unjoni; jinnota li l-aktar moduli komuni tal-e-PRIOR użati mill-aġenziji huma s-sejħiet għall-offerti elettroniċi, is-sottomissjoni elettronika u l-fatturazzjoni elettronika; jinnota barra minn hekk li fl-2022, 20 aġenzija adottaw u implimentaw l-Għodda ta’ Ġestjoni tal-Akkwist Pubbliku, 7 aġenziji kienu qed jittestjawha u 23 aġenzija implimentaw l-għodod kwalifikati tal-firma elettronika; jistieden lill-aġenziji kollha jimplimentaw dawk l-għodod, jaħdmu aktar lejn id-diġitalizzazzjoni sħiħa tal-proċessi ta’ akkwist tagħhom u jżommu lill-awtorità ta’ kwittanza aġġornata dwar il-progress f’din il-kwistjoni;

56.

Ifakkar fl-importanza li kull proċedura ta’ akkwist tiżgura kompetizzjoni ġusta bejn l-offerenti u biex jiġu akkwistati oġġetti u servizzi bl-aħjar prezz, filwaqt li jiġu rrispettati l-prinċipji ta’ trasparenza, proporzjonalità, trattament ugwali u nondiskriminazzjoni; jistieden lill-aġenziji kollha jimplimentaw l-għodod tal-IT għall-akkwist elettroniku żviluppati mill-Kummissjoni; jitlob lill-aġenziji kollha jkomplu jtejbu l-proċeduri ta’ akkwist pubbliku tagħhom kif ukoll imexxu bl-eżempju u jagħmlu użu mill-klawżola soċjali fid-Direttiva eżistenti tal-UE dwar l-Akkwist Pubbliku biex jiżguraw li l-operaturi ekonomiċi involuti fil-kuntratti pubbliċi jikkonformaw mal-obbligi applikabbli kollha fl-oqsma tal-liġi ambjentali, soċjali u tax-xogħol stabbiliti mid-dritt tal-Unjoni, il-liġi nazzjonali jew ftehim kollettiv, jew mid-dispożizzjonijiet internazzjonali applikabbli tal-liġi ambjentali, soċjali jew tax-xogħol;

Kontroll intern

57.

Jinnota bi tħassib is-sejbiet tal-Qorti fil-qasam tas-sistemi ta’ ġestjoni u kontroll (minbarra kwistjonijiet ta’ akkwist u HR), fejn fl-2022 ġew osservati dgħufijiet fir-rigward tan-nuqqasijiet fil-kwalità u l-kompletezza tad-data, l-infiq li ġie implimentat mingħajr delegazzjoni xierqa tas-setgħa ta’ uffiċjal tal-awtorizzazzjoni, in-nuqqas ta’ verifiki ex post/ex ante adegwati, u d-dgħufijiet fil-ġestjoni ta’ benefiċċji, għotjiet u impenji; jinnota li mit-total ta’ 24 sejba f’dawn l-oqsma, 3 kienu marbuta ma’ pagamenti irregolari; jinsisti bil-qawwa fuq ir-rekwiżit ta’ sistemi ta’ ġestjoni u kontroll effettivi biex jiġu evitati tali nuqqasijiet; itenni t-talba tiegħu għat-tisħiħ tas-sistemi ta’ ġestjoni u kontroll biex jiġi żgurat il-funzjonament xieraq tal-aġenziji;

58.

Jinnota li fi tmiem l-2022, l-aġenziji kollha rrapportaw li kienu implimentaw il-qafas ta’ kontroll intern (QKI) rivedut, ibbażat fuq is-COSO u li kienu wettqu l-valutazzjoni annwali tal-QKI; itenni t-talba tiegħu lill-aġenziji kollha jipprovdu bħala minimu r-riżultati tal-valutazzjoni fil-livell tal-komponenti, filwaqt li jħeġġeġ madankollu lill-aġenziji jirrapportaw b’livell aktar dettaljat bħal skont il-prinċipju tal-kontroll intern;

59.

Jinnota li fl-2022, skont ir-rapport tal-Qorti dwar is-segwitu tal-osservazzjonijiet tas-snin preċedenti, 64 osservazzjoni ngħalqu u 57 osservazzjoni kienu għadhom qed jiġu implimentati jew pendenti; jistieden lill-aġenziji jimplimentaw b’mod diliġenti l-osservazzjonijiet u jtejbu aktar l-oqfsa ta’ kontroll intern tagħhom; jinnota finalment li 8 aġenziji rrappurtaw li kellhom 23 każ ttrattati mill-OLAF fl-2022, bi 11 minn dawk il-każijiet magħluqa dik is-sena;

Oħrajn

60.

Jilqa’ l-passi ulterjuri li ttieħdu mill-aġenziji fl-2022 biex isaħħu ċ-ċibersigurtà tagħhom u l-protezzjoni tar-rekords diġitali fil-pussess tagħhom; ifaħħar lill-aġenziji (l-ECDC, l-ECHA, l-EIGE, l-ENISA) li adottaw jew aġġornaw il-politiki tagħhom dwar iċ-ċibersigurtà u s-sigurtà tal-informazzjoni, fid-dawl tar-regolamenti tal-Unjoni dwar iċ-ċibersigurtà u s-sigurtà tal-informazzjoni fl-istituzzjonijiet u l-korpi tal-Unjoni; jinnota li xi aġenziji (eż. is-CEPOL) għadhom ma adottawx tali politiki minħabba nuqqas fit-tabella tal-persunal tagħhom ta’ karigi allokati li jkunu meħtieġa biex jiġu implimentati dawk ir-regolamenti; jistieden lill-aġenziji kkonċernati jsibu soluzzjonijiet temporanji (bħal qsim tar-riżorsi rilevanti ma’ aġenziji oħra) malajr kemm jista’ jkun u jidentifikaw mod għal soluzzjoni permanenti; jitlob lill-EUAN jiffaċilita skambju aħjar bejn l-aġenziji f’dan il-kuntest; jistieden lill-aġenziji kkonċernati jżommu lill-awtorità ta’ kwittanza informata dwar il-progress li sar f’din il-kwistjoni;

61.

Jinnota mill-iskambju ta’ fehmiet espressi waqt is-Smigħ Pubbliku li (1) it-theddid ċibernetiku qiegħed dejjem jiżdied u l-baġit tal-ENISA jenħtieġ li jiżdied kif xieraq, anki jekk ma tkunx fdata b’kompiti ġodda, iżda sempliċement tgħaddi minn żieda fl-ambitu tagħhom; (2) bl-atti taċ-ċibersolidarjetà u r-reżiljenza ċibernetika tal-Kummissjoni, l-ENISA tirċievi kompiti ġodda mingħajr riżorsi addizzjonali; (3) huwa importanti ħafna li titwettaq u tiġi formalizzata flimkien mal-aġenziji, permezz ta’ metodu ċar u trasparenti, valutazzjoni tar-riżorsi meħtieġa meta l-mandati tal-aġenziji jiġu raffurzati jew l-ambitu tagħhom jiżdied; jistieden lill-Kummissjoni tqis dawn l-aspetti u jfakkar li, fejn tidħol iċ-ċibersigurtà, jeħtieġ li jsiru investimenti minn kull aġenzija sabiex tkun konformi mar-rekwiżiti legali;

62.

Jilqa’ l-passi li saru mill-aġenziji biex jiddivulgaw u jippubblikaw ir-riżultati tal-ħidma tagħhom permezz ta’ diversi mezzi, inklużi s-siti web u l-media soċjali tagħhom; jistieden lill-aġenziji jkomplu bl-isforzi tagħhom biex jirrapportaw informazzjoni rilevanti dwar il-prestazzjoni liċ-ċittadini tal-Unjoni u lill-pubbliku ġenerali b’lingwaġġ ċar u aċċessibbli biex jiġu żgurati trasparenza u responsabbiltà pubblika akbar billi jintużaw aħjar il-mezzi tal-media u tal-media soċjali; jistenna li l-aġenziji jirrapportaw lill-awtorità tal-kwittanza f’dak ir-rigward;

63.

Jilqa’ l-komunikazzjoni tal-Kummissjoni bit-titolu “Il-kompetittività fit-tul tal-UE: inħarsu lil hinn mill-2030” li għandha l-għan li tirrazzjonalizza u tissimplifika r-rekwiżiti ta’ rapportar b’25 % għal kull wieħed mill-oqsma tematiċi ekoloġiċi, diġitali u ekonomiċi, u jitlob lill-aġenziji tal-Unjoni jirristrutturaw il-proċeduri interni tagħhom biex inaqqsu l-piżijiet amministrattivi mhux meħtieġa;

64.

Jagħti istruzzjonijiet lill-President tiegħu biex tgħaddi din ir-riżoluzzjoni lill-aġenziji soġġetti għal din il-proċedura ta’ kwittanza, lill-Kunsill, lill-Kummissjoni kif ukoll lill-Qorti tal-Awdituri, u biex jiżgura li tiġi ppubblikata f’Il-Ġurnal Uffiċjali tal-Unjoni Ewropea (serje L).

(1)   ĠU C, C/2023/594, 27.10.2023.

(2)   ĠU L 193, 30.7.2018, p. 1.

(3)   ĠU L 122, 10.5.2019, p. 1.

(4)  Id-Direttiva 2008/104/KE tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tad-19 ta’ Novembru 2008 dwar xogħol temporanju permezz ta’ aġenzija (ĠU L 327, 5.12.2008, p. 9)

(5)  Id-Direttiva (UE) 2019/1937 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tat-23 ta’ Ottubru 2019 dwar il-protezzjoni ta’ persuni li jirrapportaw dwar ksur tal-liġi tal-Unjoni (ĠU L 305, 26.11.2019, p. 17).


ELI: http://data.europa.eu/eli/res/2024/2354/oj

ISSN 1977-074X (electronic edition)