|
11.12.2020 |
MT |
Il-Ġurnal Uffiċjali tal-Unjoni Ewropea |
L 417/340 |
RIŻOLUZZJONI (UE) 2020/1951 TAL-PARLAMENT EWROPEW
tal-14 ta’ Mejju 2020
li tinkludi l-kummenti li jagħmlu parti integrali mid-deċiżjoni dwar il-kwittanza għall-implimentazzjoni tal-baġit tal-Aġenzija Ewropea għas-Sigurtà u s-Saħħa fuq il-Post tax-Xogħol (li issa saret l-Aġenzija Ewropea għas-Sigurtà u s-Saħħa fuq il-Post tax-Xogħol (EU-OSHA)) għas-sena finanzjarja 2018
IL-PARLAMENT EWROPEW,
|
— |
wara li kkunsidra d-deċiżjoni tiegħu dwar il-kwittanza għall-implimentazzjoni tal-baġit tal-Aġenzija Ewropea għas-Sigurtà u s-Saħħa fuq il-Post tax-Xogħol (EU-OSHA) għas-sena finanzjarja 2018, |
|
— |
wara li kkunsidra l-Artikolu 100 u l-Anness V tar-Regoli ta’ Proċedura tiegħu, |
|
— |
wara li kkunsidra l-opinjoni tal-Kumitat għall-Impjiegi u l-Affarijiet Soċjali, |
|
— |
wara li kkunsidra r-rapport tal-Kumitat għall-Kontroll tal-Baġit (A9-0033/2020), |
|
A. |
billi, skont id-dikjarazzjoni tad-dħul u l-infiq tagħha (1), il-baġit finali tal-Aġenzija Ewropea għas-Sigurtà u s-Saħħa fuq il-Post tax-Xogħol (EU-OSHA) (l-“Aġenzija”) għas-sena finanzjarja 2018 kien ta’ EUR 15 425 700, li jfisser tnaqqis ta’ 1,47 % meta mqabbel mal-2017; billi l-baġit tal-Aġenzija huwa prinċipalment derivat mill-baġit tal-Unjoni (2); |
|
B. |
billi l-Qorti tal-Awdituri (il-“Qorti”), fir-rapport tagħha dwar il-kontijiet annwali tal-Aġenzija għas-sena finanzjarja 2018 (ir-“rapport tal-Qorti”), tistqarr li kisbet aċċertamenti raġonevoli li l-kontijiet annwali tal-Aġenzija huma affidabbli u li t-tranżazzjonijiet ta’ bażi huma legali u regolari; |
Ġestjoni baġitarja u finanzjarja
|
1. |
Jinnota b’sodisfazzjon li l-isforzi ta’ monitoraġġ baġitarju matul is-sena finanzjarja 2018 irriżultaw f’rata ta’ implimentazzjoni tal-baġit ta’ 99,58 %, li tirrappreżenta żieda ta’ 3,55 % meta mqabbla mal-2017; jinnota bi tħassib li r-rata ta’ eżekuzzjoni tal-approprjazzjonijiet ta’ pagament kienet ta’ 67,81 %, li tfisser tnaqqis ta’ 4,42 % meta mqabbel mal-2017; |
Prestazzjoni
|
2. |
Jinnota li l-Aġenzija tuża ċerti indikaturi ewlenin tal-prestazzjoni (KPIs) biex tkejjel il-prestazzjoni tagħha u biex ittejjeb il-ġestjoni baġitarja tagħha; jinnota, barra minn hekk, li fl-2018 l-Aġenzija adottat qafas ġdid għall-KPIs tagħha; jinnota li matul l-2019 l-Aġenzija impenjat ruħha flimkien mal-Fondazzjoni Ewropea għat-Titjib tal-Kondizzjonijiet tal-Ħajja u tax-Xogħol (Eurofound), iċ-Ċentru Ewropew għall-Iżvilupp ta’ Taħriġ Vokazzjonali (Cedefop) u l-Fondazzjoni Ewropea għat-Taħriġ (ETF), rieżami tal-metodoloġija għal indikaturi amministrattivi bil-ħsieb li tiġi eżaminata l-possibbiltà ta’ simplifikazzjoni; iħeġġeġ lill-Aġenzija tesplora aktar il-possibbiltajiet ta’ kollaborazzjoni interistituzzjonali u s-simplifikazzjoni tal-aħjar prattiki; |
|
3. |
Jinnota li l-EU-OSHA Programm strateġiku pluriennali 2014-2020 ġie estiż sal-2023; japprezza l-progress tal-Aġenzija fil-ksib tal-objettivi strateġiċi tagħha u jinnota li dawn huma allinjati ma’ objettivi usa’ tal-politika tal-Unjoni dwar is-saħħa u s-sikurezza okkupazzjonali (OSH); jinnota, barra minn hekk, li l-Aġenzija implimentat 93 % tal-programm ta’ ħidma annwali tagħha; |
|
4. |
Jilqa’ l-fatt li fl-2018 l-Aġenzija tat bidu għal evalwazzjoni ex post għall-attività tagħha bl-isem “tbassir fuq skala kbira”; jirrikonoxxi li l-eżitu ta’ din l-evalwazzjoni se jkun partikolarment utli fil-kuntest taċ-ċiklu ta’ tbassir il-ġdid u l-Kampanja dwar il-Postijiet tax-Xogħol li Jġibu ’l Quddiem is-Saħħa tal-2022-2024/5 dwar OSH u d-Diġitalizzazzjoni; iħeġġeġ lill-Aġenzija tkompli tesplora modi possibbli ta’ kondiviżjoni tal-kompiti fost aġenziji oħra, b’enfasi partikolari fuq il-kondiviżjoni ta’ riżorsi fuq kompiti li jikkoinċidu fost aġenziji oħra b’attivitajiet simili; |
|
5. |
Jilqa’ l-fatt li l-Aġenzija taqsam b’mod proattiv il-kompiti ma’ aġenziji oħra f’dak li jikkonċerna suġġetti bħas-sigurtà, il-ġestjoni tal-faċilitajiet jew is-servizzi bankarji, u li ngħaqdet ma’ sejħa interistituzzjonali għall-offerti għal servizzi ta’ evalwazzjoni u feedback tal-partijiet ikkonċernati mnedija mill-Eurofound; |
|
6. |
Jirrikonoxxi l-kontributi tal-Aġenzija għall-ġlieda kontra l-kanċer okkupazzjonali u fit-tmexxija tal-akbar kampanja fid-dinja ta’ saħħa u sigurtà fuq il-post tax-xogħol u jilqa’ s-suċċess inizjali tal-“Kampanja ta’ Postijiet tax-Xogħol li Jġibu ’l Quddiem is-Saħħa dwar is-Sustanzi Perikolużi” li tnediet fl-2018 u li diġà ilha għaddejja f’aktar minn 30 pajjiż; |
|
7. |
Jilqa’ l-ħidma tal-Aġenzija b’rabta mal-proġett tagħha “Riabilitazzjoni u ritorn għax-xogħol wara kanċer”, li tlesta fl-2018 bl-għan li jingħataw rakkomandazzjonijiet biex jiġu indirizzati d-diffikultajiet li s-superstiti tal-kanċer jiffaċċjaw meta jirritornaw lura għax-xogħol wara li jtemmu t-trattament tal-kanċer u l-isfidi ta’ OSH li min iħaddimhom jista’ jiltaqa’ magħhom; |
|
8. |
Japprezza l-kontributi tal-Aġenzija fil-laqgħat ta’ konsultazzjoni dwar ir-reviżjoni tad-direttivi dwar il-karċinoġeni u l-mutaġeni u għas-sħubija tagħha mal-grupp konsultattiv stabbilit mill-Kummissjoni fid-dawl tal-istabbiliment tal-Awtorità Ewropea tax-Xogħol; |
|
9. |
Jinnota b’dispjaċir li, skont ir-rapport tal-Qorti, ir-riporti għall-2019 għat-Titolu II (nefqa amministrattiva) kienu ta’ 35 % (meta mqabbla ma’ 40 % fl-2017) filwaqt li għat-Titolu III (nefqa operazzjonali) kienu għoljin daqs 46 % (meta mqabbla ma’ 40 % fl-2017), li kien f’kontradizzjoni mal-prinċipju baġitarju tal-annwalità; ifakkar li tali riporti għoljin ġew irrappurtati wkoll għas-snin finanzjarji 2016 u 2017 u jistieden lill-Aġenzija tanalizza r-raġunijiet sottostanti u ttejjeb l-ippjanar tal-baġit skont dan; jinnota t-tweġiba tal-Aġenzija li tispeċifika l-possibbiltà li tiżdied u tiġi ġġustifikata lista ta’ xiri addizzjonali potenzjali fil-qasam tal-IT fir-rigward ta’ riporti għat-Titolu II u li tindika n-natura ppjanata ta’ riporti fir-rigward tal-ipprogrammar ta’ proġetti ta’ riċerka fuq skala kbira, fuq sentejn, għat-Titolu III sabiex jinkiseb impatt aktar sinifikanti bir-riżorsi disponibbli; |
|
10. |
Jenfasizza li t-trasparenza u s-sensibilizzazzjoni taċ-ċittadini fir-rigward tal-eżistenza tal-aġenziji huma essenzjali għar-responsabbiltà demokratika tagħhom; iqis li l-użu u l-faċilità tal-użu tad-data u r-riżorsi tal-aġenziji huma ta’ importanza fundamentali; jitlob, għalhekk, li ssir valutazzjoni dwar kif id-data u r-riżorsi qed jiġu ppreżentati u magħmula disponibbli bħalissa, u dwar kemm iċ-ċittadini tal-Unjoni jsibuha faċli biex jidentifikawhom, jagħrfuhom u jużawhom; ifakkar li s-sensibilizzazzjoni tal-pubbliku f’dan ir-rigward tista’ titqajjem mill-Istati Membri permezz tal-iżvilupp ta’ pjan komprensiv biex jintlaħqu aktar ċittadini tal-Unjoni; |
|
11. |
Jappoġġa l-politiki tal-Aġenzija favur l-iżgurar ta’ miżuri kosteffettivi u favur l-ambjent biex titnaqqas il-marka tal-karbonju tagħha fuq il-post tax-xogħol permezz tal-proċeduri ta’ akkwist pubbliku tagħha u l-implimentazzjoni tat-telexogħol u s-sensibilizzazzjoni u l-iżvilupp tal-kultura elettronika; |
Politika dwar il-persunal
|
12. |
Jinnota li, fil-31 ta’ Diċembru 2018, it-tabella tal-persunal kienet esegwita sa 100 %, bil-ħatra ta’ 40 aġent temporanju minn 40 aġent temporanju li kienu awtorizzati taħt il-baġit tal-Unjoni (meta mqabbel mal-40 post awtorizzat fl-2017); jinnota li, barra minn hekk, 25 aġent kuntrattwali ħadmu għall-Aġenzija fl-2018; |
|
13. |
Jinnota li huma meħtieġa aktar sforzi biex jinkiseb bilanċ bejn is-sessi fost il-maniġers superjuri (tliet irġiel u mara waħda) u fuq il-bord ta’ ġestjoni (42 raġel u 35 mara); |
|
14. |
Jinnota li l-Aġenzija għandha politika dwar il-protezzjoni tad-dinjità tal-persuna u l-prevenzjoni tal-fastidju; jinnota li wara l-każ tal-investigazzjoni dwar il-fastidju li nbdiet fl-2016 u li ġiet konkluża fl-2017, l-Aġenzija implimentat diversi azzjonijiet li jinkludu, b’mod partikolari, sessjonijiet regolari ta’ sensibilizzazzjoni għall-persunal tagħha u l-istabbiliment ta’ netwerk ta’ kunsillieri kunfidenzjali, bħala miżuri ta’ mitigazzjoni; |
Akkwisti
|
15. |
Jinnota li l-Aġenzija qed tħaddan id-diġitizzazzjoni fl-akkwist u bdiet timplimenta l-akkwist elettroniku f’Novembru 2018 bit-tnedija tal-ewwel offerta elettronika tagħha, u li matul l-2019 l-Aġenzija bdiet ukoll tuża modulu ġdid tal-pakkett tal-akkwist elettroniku, is-sottomissjoni elettronika; jinnota wkoll li l-Aġenzija għandha l-intenzjoni li tesplora l-użu ulterjuri tal-pakkett tal-akkwist elettroniku kollu tul l-2019 u l-2020; |
|
16. |
Jinnota li, wara r-rapport tal-Qorti, l-Aġenzija ffirmat kuntratt qafas għall-forniment ta’ servizzi ta’ konsulenza tal-IT mill-2014 sal-2017 li għalihom il-prezzijiet kienu kontinġenti għall-ħin iddedikat għall-proġetti u mhux marbuta mal-kunsinna, u li fuqhom l-Aġenzija għandha possibbiltajiet ta’ monitoraġġ limitat, l-Aġenzija kienet qed tapplika l-parir tal-Qorti għall-kuntratti qafas attwali tagħha dwar l-ICT u l-konsulenza billi fejn hu xieraq tagħmel użu minn kuntratti speċifiċi “quoted times and means” (fi żminijiet u b’mezzi kkwotati); |
Prevenzjoni u ġestjoni tal-kunflitti ta’ interess u trasparenza
|
17. |
Jagħraf il-miżuri eżistenti tal-Aġenzija u l-isforzi kontinwi biex jiġu żgurati t-trasparenza, il-prevenzjoni u l-ġestjoni tal-kunflitti ta’ interess; jinnota, barra minn hekk, li l-Aġenzija adottat kemm il-mudell ta’ deċiżjoni dwar l-iżvelar ta’ informazzjoni protetta li għalih il-Kummissjoni ikkonkludiet ftehim ex ante fl-2018 kif ukoll, b’analoġija fl-2019, id-deċiżjoni tal-Kummissjoni dwar attivitajiet esterni u assenjazzjoni u dwar attivitajiet okkupazzjonali wara t-tluq mis-servizz; |
Kontroll intern
|
18. |
Jinnota li l-Aġenzija qed tħejji pjan ta’ azzjoni biex tindirizza xi oqsma potenzjali għal titjib indirizzat fir-rapport tal-awditjar tas-servizz tal-awditjar intern (IAS) tal-2018 dwar “Kampanji għall-Postijiet tax-Xogħol Ħielsa mill-Periklu u l-appoġġ għall-IT fl-EU-OSHA”; jinnota li, f’dan ir-rigward, l-IAS ħareġ erba’ rakkomandazzjonijiet, li l-ebda waħda minnhom ma kienet kritika jew importanti ħafna, u li fl-aħħar tal-2018, l-IAS għalaq tliet rakkomandazzjonijiet u r-raba’ waħda tinsab fil-proċess li titlesta fl-2019; |
|
19. |
Jinnota li evalwazzjoni esterna tal-aġenziji tal-Unjoni li jaqgħu taħt il-mandat tad-Direttorat Ġenerali tal-Kummissjoni għall-Impjiegi, Affarijiet Soċjali u Inklużjoni (EU-OSHA, il-Eurofound, is-Cedefop, u l-ETF) twettqet fl-2018 f’isem il-Kummissjoni dwar ir-rilevanza, l-effikaċja, l-effiċjenza, il-koerenza u l-valur miżjud tagħhom għal-Unjoni; jinnota li l-feedback ġenerali tal-partijiet ikkonċernati miġbur ikkonferma r-rispons tal-Aġenzija għall-ħtiġijiet ġenerali u speċifiċi tas-sħab u l-intermedjarji tagħha u l-kważi kunsens li l-attivitajiet tagħha ta’ komunikazzjoni, netwerking u l-involviment tal-partijiet ikkonċernati huma effettivi, effiċjenti u koerenti ħafna; |
|
20. |
Jistieden lill-Aġenzija tiffoka fuq it-tixrid tar-riżultati tar-riċerka tagħha lill-pubbliku, u tikkomunika mal-pubbliku permezz tal-midja soċjali u mezzi oħra tal-midja; |
|
21. |
Jinnota li bil-proklamazzjoni tal-pilastru Ewropew dwar id-drittijiet soċjali fi tmiem l-2017, l-Aġenzija tingħata rwol importanti fl-implimentazzjoni tal-prinċipji tagħha; |
Kummenti oħra
|
22. |
Jinnota li l-Aġenzija wettqet analiżi tal-impatt probabbli tal-ħruġ tar-Renju Unit mill-Unjoni fuq l-organizzazzjoni, l-operazzjonijiet u l-kontijiet tagħha u li twettqet analiżi bir-reqqa tal-funzjonijiet ewlenin kollha tal-Aġenzija; jinnota, barra minn hekk, li r-riżultat tal-analiżi wera li kien hemm impatt żgħir fuq l-operazzjonijiet tal-Aġenzija, irrispettivament mit-tip ta’ ftehim futur bejn ir-Renju Unit u l-Unjoni; |
|
23. |
Jirreferi, rigward kummenti oħrajn ta’ natura orizzontali li jakkumpanjaw id-deċiżjoni tiegħu dwar il-kwittanza, għar-riżoluzzjoni tiegħu tal-14 ta’ Mejju 2020 (3) dwar il-prestazzjoni, il-ġestjoni finanzjarja u l-kontroll tal-aġenziji. |
(1) ĠU C 120, 29.3.2019, p. 191.
(2) ĠU C 120, 29.3.2019, p. 192.
(3) Testi adottati, P9_TA(2020)0121.