Kawża C-316/10
Danske Svineproducenter
vs
Justitsministeriet
(talba għal deċiżjoni preliminari mressqa mill-Vestre Landsret)
“It-tieni paragrafu tal-Artikolu 288 TFUE — Regolament (KE) Nru 1/2005 — Protezzjoni tal-annimali waqt it-trasport — Trasport f’vetturi ta’ annimali domestiċi tal-ispeċi suwina — Għoli minimu tal-kompartimenti — Spezzjoni matul il-vjaġġ — Densità tat-tagħbija — Dritt tal-Istati Membri li jadottaw regoli ddettaljati”
Sommarju tas-sentenza
1. Agrikoltura — Approssimazzjoni tal-leġiżlazzjonijiet — Protezzjoni tal-annimali matul it-trasport — Kundizzjonijiet ġenerali applikabbli — Għoli intern tal-kompartimenti
(Regolament tal-Kunsill (KE) Nru 1/2005)
2. Agrikoltura — Approssimazzjoni tal-leġiżlazzjonijiet — Protezzjoni tal-annimali matul it-trasport — Kundizzjonijiet ġenerali applikabbli — Kontroll regolari tal-kundizzjonijiet tal-benesseri tal-annimali matul it-trasport
(Regolament tal-Kunsill (KE) Nru 1/2005)
3. Agrikoltura — Approssimazzjoni tal-leġiżlazzjonijiet — Protezzjoni tal-annimali matul it-trasport — Kundizzjonijiet ġenerali applikabbli — Spazju fl-art disponibbli għal kull annimal
(Regolament tal-Kunsill (KE) Nru 1/2005)
1. Ir-Regolament Nru 1/2005, dwar il-protezzjoni tal-annimali waqt it-trasport u operazzjonijiet relatati, ma jipprekludix l-adozzjoni, minn Stat Membru, ta’ regoli applikabbli għat-trasport bit-triq ta’ ħnieżer li, sabiex isaħħaħ iċ-ċertezza legali, jippreċiża, fir-rigward tal-għan ta’ protezzjoni tal-benesseri tal-annimali u mingħajr ma jiġu stabbiliti kriterji eċċessivi f’dan ir-rigward, l-eżiġenzi previsti mill-imsemmi regolament f’dak li jikkonċerna l-għoli intern minimu tal-kompartimenti intiżi għall-annimali, sakemm dawn ir-regoli ma jwasslux għal spejjeż żejda jew diffikultajiet tekniċi b’mod li jisfavorixxu jew lill-produtturi tal-Istat Membru li jkun adotta dawn ir-regoli, jew lill-produtturi tal-Istati Membri l-oħra li jixtiequ jesportaw il-prodotti tagħhom lejn jew permezz l-ewwel Stat Membru, li hija l-qorti tar-rinviju li għandha tivverifika filwaqt li tieħu inkunsiderazzjoni l-livelli normalment aċċettati, fl-osservanza tar-Regolament Nru 1/2005, mill-Istati Membri li ma jkunux stabbilew dawn ir-regoli. Madankollu, ma jistgħux jiġu kkunsidrati bħala proporzjonati regoli tranżitorji iktar eżiġenti dwar l-għoli intern minimu tal-kompartimenti għal vjaġġi ta’ tul ta’ iktar minn tmien siegħat ta’ ħnieżer b’piż ta’ iktar minn 40 kg peress li l-istess Stat Membru adotta regoli inqas restrittivi fil-kuntest tas-sistema tad-dritt komuni
(ara l-punti 59, 60, 68 u d-dispożittiv)
2. Ir-Regolament Nru 1/2005, dwar il-protezzjoni tal-annimali waqt it-trasport u operazzjonijiet relatati, jipprekludi l-adozzjoni, minn Stat Membru, ta’ regoli applikabbli għat-trasport bit-triq ta’ ħnieżer li jippreċiżaw l-eżiġenzi previsti mill-imsemmi regolament dwar l-aċċess għall-annimali sabiex jiġu kkontrollati regolarment il-kundizzjonijiet ta’ benesseri, li jikkonċernaw biss il-vjaġġi ta’ iktar minn tmien siegħat.
Fil-fatt, kuntrarjament għal dak li jipprevali fil-kuntest tas-sistema stabbilita permezz tad-Direttiva 91/628 u r-Regolament Nru 411/98, id-dispożizzjonijiet tar-Regolament Nru 1/2005 dwar l-ispezzjoni tal-annimali matul it-trasport huma applikabbli għall-mezzi ta’ trasport kollha, indipendentement mit-tul tal-vjaġġ.
(ara l-punti 62, 68 u d-dispożittiv)
3. Ir-Regolament Nru 1/2005, dwar il-protezzjoni tal-annimali waqt it-trasport u operazzjonijiet relatati, ma jipprekludix l-adozzjoni, minn Stat Membru, ta’ regoli applikabbli għat-trasport bit-triq ta’ ħnieżer skont liema l-annimali għandu jkollhom spazju minimu varjabbli skont il-piż tagħhom, fejn dan l-ispazju jkun, għal kull annimal ta’ 100 kg, ta’ 0.42 m2 meta l-vjaġġ ikun ta’ inqas minn tmien siegħat u ta’ 0.50 m2 għal vjaġġ li jdum iktar.
(ara l-punt 68 u d-dispożittiv)
SENTENZA TAL-QORTI TAL-ĠUSTIZZJA (It-Tielet Awla)
21 ta’ Diċembru 2011 (*)
“It-tieni paragrafu tal-Artikolu 288 TFUE – Regolament (KE) Nru 1/2005 – Protezzjoni tal-annimali waqt it-trasport – Trasport f’vetturi ta’ annimali domestiċi tal-ispeċi suwina – Għoli minimu tal-kompartimenti – Spezzjoni matul il-vjaġġ – Densità tat-tagħbija – Dritt tal-Istati Membri li jadottaw regoli ddettaljati”
Fil-Kawża C‑316/10,
li għandha bħala suġġett talba għal deċiżjoni preliminari skont l-Artikolu 267 TFUE, imressqa mill-Vestre Landsret (id-Danimarka), permezz ta’ deċiżjoni tat-28 ta’ Ġunju 2010, li waslet fil-Qorti tal-Ġustizzja fl-1 ta’ Lulju 2010, kif emendeta permezz ta’ deċiżjoni tal-24 ta’ Awwissu 2010, li waslet fil-Qorti tal-Ġustizzja fis-26 ta’ Awwissu 2010, fil-proċedura
Danske Svineproducenter
vs
Justitsministeriet,
fil-preżenza ta’:
Union européenne du commerce de bétail et de la viande,
IL-QORTI TAL-ĠUSTIZZJA (It-Tielet Awla),
komposta minn K. Lenaerts, President tal-Awla, J. Malenovský, R. Silva de Lapuerta, E. Juhász u D. Šváby (rappporteur), Imħallfin,
Avukat Ġenerali: Y. Bot,
Reġistratur: A. Impellizzeri, Amministratur,
wara li rat il-proċedura bil-miktub u wara s-seduta tal-15 ta’ Settembru 2011,
wara li kkunsidrat l-osservazzjonijiet ippreżentati:
– għal Danske Svineproducenter, minn H. Sønderby Christensen, avukat,
– għal Union européenne du commerce de bétail et de la viande, minn J.‑F. Bellis, A. Bailleux, avukati, u E. Werlauff, avukat,
– għall-Gvern Daniż, minn V. Pasternak Jørgensen, bħala aġent, assistita minn P. Biering, avukat,
– għall-Kummissjoni Ewropea, minn B. Schima u H. Støvlbæk, bħala aġenti,
wara li rat id-deċiżjoni, meħuda wara li nstema’ l-Avukat Ġenerali, li l-kawża tinqata’ mingħajr konklużjonijiet,
tagħti l-preżenti
Sentenza
1 It-talba għal deċiżjoni preliminari hija dwar l-interpretazzjoni tat-tieni paragrafu tal-Artikolu 288 TFUE, tat-tieni paragrafu tal-Artkolu 3, punti (f) u (g), u l-Artikolu 37 tar-Regolament tal-Kunsill (KE) Nru 1/2005, tat-22 ta’ Diċembru 2004, dwar il-protezzjoni tal-annimali waqt it-trasport u operazzjonijiet relatati u li jemenda d-Direttivi 64/432/KEE u 93/119/KE u r-Regolament (KE) Nru 1255/97 (ĠU 2005, L 3, p. 1), kif ukoll tal-Kapitolu II, punti 1.1(f) u 1.2, u tal-Kapitolu VII, Titolu D tal-Anness I tal-imsemmi Regolament Nru 1/2005.
2 Din it-talba tressqet fil-kuntest ta’ kawża bejn Danske Svineproducenter, organizzazzjoni professjonali ta’ persuni li jrabbu l-ħnieżer, u Justitsministeriet (Ministeru tal-Ġustizzja) dwar, b’mod partikolari, il-kompatibbiltà mar-Regolament Nru 1/2005 ta’ leġiżlazzjoni nazzjonali addizzjonali intiża sabiex tippreċiża dwar ċerti punti l-applikazzjoni tiegħu, bħad-digriet Nru 1729 tal-21 ta’ Diċembru 2006, dwar il-protezzjoni tal-annimali matul it-trasport (bekendtgørelse om beskyttelse af dyr under transport, Lovtidende 2006 A, iktar ’il quddiem id-“digriet Nru 1729/2006”), u l-konformità ta’ diversi dispożizzjonijiet ta’ dan id-digriet mal-imsemmi regolament.
Il-kuntest ġuridiku
Id-dritt tal-Unjoni
Ir-Regolament Nru 1/2005
3 Il-premessi 2, 6, 8, 10 u 11 tar-Regolament Nru 1/2005 jipprovdu:
“(2) Taħt id-Direttiva tal-Kunsill 91/628/KEE tad-19 ta’ Novembru 1991 dwar il-protezzjoni ta’ l-annimali waqt it-trasport [u li temenda d-Direttivi 90/425/KEE (ĠU Edizzjoni Speċjali bil-Malti, Kapitolu 3, Vol. 12, p. 133, iktar ’il quddiem id-‘Direttiva 91/628’)], il-Kunsill adotta regoli fil-qasam tat-trasport ta’ l-annimali sabiex jelimina barrieri tekniċi għall-kummerċ ta’ annimali ħajjin u sabiex jippermetti lil organizzazzjonijiet tas-suq joperaw b’mod stabbli, filwaqt li jiġi assigurat livell sodisfaċenti ta’ protezzjoni għall-annimali konċernati.
[…]
(6) Il-Kunsill stieden lill-Kummissjoni fid-19 ta’ Ġunju 2001 [...] sabiex tippreżenta proposti sabiex jiġu assigurati l-implimentazzjoni effettiva u l-infurzar strett ta’ leġislazzjoni Komunitarja, it-titjib tal-protezzjoni u l-benesseri ta’ l-annimali kif ukoll il-prevenzjoni ta’ l-okkorrenza u t-tixrid ta’ mard infettiv ta’ l-annimali, u sabiex jitpoġġew rekwiżiti aktar stretti għall-prevenzjoni ta’ l-uġiegħ u t-tbatija sabiex jiġu salvagwardjati l-benesseri u s-saħħa ta’ l-annimali matul u wara t-trasport.
[…]
(8) Il-Kumitat Xjentifiku dwar is-Saħħa ta’ l-Annimal u l-Benesseri ta’ l-Annimal adotta opinjoni dwar il-benesseri ta’ l-annimali matul it-trasport fil-11 ta’ Marzu 2002. Il-leġislazzjoni Komunitarja għandha għalhekk tiġi emendata sabiex tqis evidenza xjentifika ġdida filwaqt li tingħata prijorita għall-ħtieġa ta’ l-infurzar tagħha li għandha tkun assigurata kif xieraq fil-futur immedjat.
[…]
(10) Fid-dawl ta’ l-esperjenza miksuba taħt id-Direttiva [91/628] fl-armonizzazzjoni tal-leġislazzjoni dwar it-trasport ta’ l-annimali, u d-diffikultajiet li qamu minħabba d-differenzi fit-traspożizzjoni ta’ dik id-Direttiva fil-livell nazzjonali, huwa aktar xieraq li jiġu stabbiliti regoli Komunitarji f’dan il-qasam permezz ta’ Regolament. Sakemm jiġu adottati d-diposizzjonijiet dettaljati għal ċerti speċi li għandhom bżonnijiet partikulari u li jirrappreżentaw parti limitata ħafna tal-bhejjem tal-Komunità, huwa xieraq li l-Istati Membri jkollhom il-permess li jistabbilixxu jew iżommu regoli nazzjonali addizzjonali li japplikaw għat-trasport ta’ l-annimali ta’ tali speċi.
(11) Sabiex tiġi assigurata applikazzjoni effettiva u konsistenti ta’ dan ir-Regolament madwar il-Komunità fid-dawl tal-prinċipju bażiku tagħha skond liema l-annimali m’għandhomx jiġu trasportati b’mod li jista’ jikkawwża uġiegħ u tbatija żejda għalihom, huwa xieraq li jiġu stabbiliti disposizzjonijiet dettaljati li jindirizzaw il-bżonnijiet speċifiċi li jivverfikaw ruħhom rigward it-tipi varji ta’ trasport. Tali disposizzjonijiet dettaljati għandhom jiġu interpretati u applikati in konformità mal-prinċipju msemmi hawn il-quddiem u għandhom jiġu emendati fil-ħin meta, b’mod partikolari fid-dawl ta’ parir xjentifiku ġdid, jidhru li m’għadhomx jiżguraw konformità mal-prinċipju t’hawn fuq għal speċi jew tipi ta’ trasport partikolari.”
4 Skont l-Artikolu 1 tar-Regolament Nru 1/2005:
“1. Dan ir-Regolament għandu japplika għat-trasport ta’ annimali vertebrati ħajjin li jsir ġol-Komunità […]
[…]
3. Dan ir-Regolament m’għandux ikun ta’ ostakolu għal miżuri nazzjonali aktar iebsa intiżi għat-titjib tal-benesseri ta’ l-annimali matul it-trasport li jsir kompletament fit-territorju ta’ Stat Membru jew matul trasport bil-baħar li jitlaq minn territorju ta’ Stat Membru.
[…]”
5 L-Artikolu 3 intitolat “Kondizzjonijiet ġenerali għat-trasport ta’ l-annimali” jipprovdi:
“L-ebda persuna m’għandha titrasporta annimali jew twassal li annimali jiġu trasportati b’mod li jista’ jwassal għal korriment jew tbatija bla bżonn.”
Barra minn hekk, il-kondizzjonijiet li ġejjin għandhom jiġu rispettati:
[…]
f) […] it-trasport isir bla dewmien għall-post destinat u l-kondizzjonijiet tal-benesseri ta' l-annimali huma eżaminati regolarment u miżmuma b’mod xieraq;
g) għandhom jiġu pprovduti art u għoli biżżejjed għall-annimali, skond il-qies tagħhom u l-vjaġġ maħsub;
[…]”
6 Skont l-Artikolu 6(3) tal-imsemmi regolament:
“It-trasportaturi għandhom jitrasportaw annimali skond ir-regoli tekniċi stabbiliti fl-Anness I.”
7 Il-Kapitolu II tal-Anness I tar-Regolament Nru 1/2005 jinkludi l-ispeċifikazzjonijiet tekniċi dwar il-mezzi ta’ trasport. Il-punt 1 tiegħu, li jiġbor flimkien id-dispożizzjonijiet applikabbli għall-mezzi kollha ta’ trasport, huwa fformulat kif ġej:
“1.1 Mezzi tat-trasport, kontenituri u l-fittings tagħhom għandhom ikunu ddiżinati, mibnija, miżmuma u operati b’mod li:
[…]
f) jipprovdu aċċess għall-annimali sabiex ikunu jistgħu jiġu spezzjonati u kkurati;
[…]
1.2. Għandu jiġi pprovdut spazju biżżejjed fil-kompartiment ta’ l-annimali u f’kull livell tiegħu sabiex ikun assigurat li hemm ventilazzjoni adegwata fuq l-annimali meta jkunu f’pożizzjoni naturali bilwieqfa, mingħajr ma jkun imfixkel il-moviment naturali tagħhom bl-ebda mod.
[…]”
8 Il-Kapitolu III ta’ dan l-anness huwa dwar il-prattiki ta’ trasport. Il-punt 2 tiegħu, intitolat “Matul it-trasport”, jinkludi d-dispożizzjoni segwenti:
“2.1. L-allokazzjoni ta’ spazju għandu jikkonforma ta’ l-anqas mal-figuri stabbiliti, rigward l-annimali u l-mezzi tat-trasport imsemmija, fil-Kapitolu VII.”
9 Il-Kapitolu V tal-imsemmi anness, iddedikat b’mod partikolari għall-ħin tal-vjaġġ, jistabbilixxi fil-punt 1 tiegħu, li huwa dwar fost l-oħrajn l-annimali domestiċi tal-ispeċi suwina, ir-regoli segwenti:
“[…]
1.2. Il-ħin tal-vjaġġi għal annimali ta’ l-ispeċi msemmija f’punt 1.1. m’għandux jeċċedi tmien sigħat.
1.3. Il-ħin tal-vjaġġ massimu f’punt 1.2. jista’ jiġi estiż jekk ikunu sodisfatti r-rekwiżiti addizzjonali tal-Kapitoli VI.
[…]”
10 L-imsemmi Kapitolu VI jinkludi d-dispożizzjonijiet addizzjonali applikabbli għall-vjaġġi twal, b’mod partikolari ta’ annimali domestiċi tal-ispeċi suwina, stabbiliti f’erba’ punti.
11 Il-punt 1 ta’ dan il-kapitolu, li jikkonċerna l-vjaġġi kollha twal, jelenka l-eżiġenzi f’dak li jikkonċerna s-saqaf, l-art tal-vettura u l-qiegħa, l-ikel u s-separazzjonijiet kif ukoll il-kriterji minimi għal ċerti speċi. F’dan l-aħħar rigward, l-unika kundizzjoni applikabbli għall-ħnieżer hija li l-piż tal-annimali ttrasportati fil-kuntest ta’ vjaġġ twil ikun ta’ iktar minn 10 kg, sakemm ma jkunux ittrasportati flimkien ma’ ommhom. Il-punti 2 sa 4 tal-imsemmi kapitolu huma rispettivament dwar il-provvista tal-ilma għat-trasport permezz ta’ kontenituri, il-ventilazzjoni kif ukoll il-kontroll tat-temperatura għall-mezzi ta’ trasport bit-triq u l-użu tas-sistema ta’ navigazzjoni.
12 Il-Kapitolu VII tal-istess Anness I jistabilixxi r-regoli fil-qasam tad-densità tat-tagħbija. Dan huwa fformulat kif ġej:
“L-allokazzjoni ta’ spazju għal annimali għandhom mill-anqas ikunu konformi mal-figuri li ġejjin:
[…]
D. Qżieqeż
Trasport ferrovjarju u bit-triq
Il-qżieqeż kollha għandu jkollhom il-possibilità li jimteddu ta’ l-anqas u li jibqgħu fuq saqajhom.
L-ammont tat-tagħbija ta’ qżieqeż ta’ madwar il-100 kg m'għandux jeċċedi l-235 kg/m2, sabiex wieħed ikun konformi mal-kondizzjonijiet minimi.
Ir-razza, il-qies u l-kondizzjoni fiżika tal-qżieqeż tista’ tfisser li s-Superfiċi minima meħtieġa hawn fuq għanda tiżdied; żjieda massima ta’ 20 % tista’ tkun meħtieġa skond il-kondizzjonijiet meteoroloġiċi u l-ħin tal-vjaġġ.
[…]”
13 Skont l-Artikolu 37 tar-Regolament Nru 1/2005, id-disopożizzjonijiet imsemmija iktar ’il fuq huma applikabbli, bħala regola, mill-5 ta’ Jannar 2007. L-aħħar paragrafu ta’ dan l-artikolu jipprovdi:
“Dan ir-Regolament għandu jorbot fl-intier tiegħu u jkun direttament applikabbli fl-Istati Membri kollha.”
Id-Direttiva 91/628 u r-Regolament (KE) Nru 411/98
14 Id-Direttiva 91/628 ġiet abrogata bir-Regolament Nru 1/2005, skont l-Artikolu 33 ta’ dan tal-aħħar. Din id-direttiva tapplika għat-trasport b’mod partikolari tal-annimali domestiċi tal-ispeċi suwina ġewwa, b’destinazzjoni u b’oriġini minn kull Stat Membru.
15 Fir-rigward b’mod partikolari tal-ħnieżer, l-anness tad-Direttiva 91/628 jipprovdi, fil-Kapitolu I, punt 2(a) u (b), l-eżiġenzi li għandhom jiġu rrispettati dwar l-għoli minimu tal-kompartimenti intiżi għall-annimali f’termini simili għal dawk li jinsabu fir-Regolament Nru 1/2005.
16 Fil-Kapitolu VI ta’ dan l-anness, il-punt 47 tiegħu kien dwar id-densità tat-tagħbija. It-Titolu D ta’ dan il-punt, iddedikat għall-ħnieżer, kien ifformulat f’termini identiċi għal dawk tat-Titolu D tal-Kapitolu VII tal-Anness I tar-Regolament Nru 1/2005, riprodott fil-punt 12 ta’ din is-sentenza.
17 Il-punt 48, li jikkostitwixxi l-Kapitolu VII tal-imsemmi anness, dwar b’mod partikolari t-tul tal-vjaġġ, jinkludi d-dispożizzjonijiet segwenti:
“[…]
2. It-tul tal-vjaġġ [tal-annimali domestiċi tal-ispeċi suwina, fost l-oħrajn,] ma għandux jaqbeż it-tmien siegħat.
3. It-tul tal-vjaġġ massimu msemmi fil-punt 2 jista’ jiġi estiż jekk il-vettura li sservi għat-trasport tissodisfa l-kundizzjonijiet addizzjonali segwenti:
[…]
– aċċess dirett għall-annimali, [traduzzjoni mhux uffiċjali]
[…]”
18 Ir-Regolament tal-Kunsill (KE) Nru 411/98, tas-16 ta’ Frar 1998, fuq standards ta’ ħarsien tal-annimali addizzjonali applikabbli għall-vetturi tat-toroq użati għat-tagħbija ta’ annimali ħajjin fuq vjaġġi ta’ aktar minn tmien siegħat (ĠU Edizzjoni Speċjali bil-Malti, Kapitolu 3, Vol. 22, p. 294), adottat skont l-Artikolu 13(1), daħal fis-seħħ fl-1 ta’ Lulju 1999. Skont l-Artikolu 1 tiegħu moqri flimkien mal-punt 3 tal-Anness tiegħu, dan ir-regolament kien jimponi li tali vetturi, meta jintużaw għat-trasport b’mod partikolari tal-ħnieżer, ikunu “mgħammra sabiex f’kull ħin jista’ jkun hemm aċċess dirett għal kull annimal li qed jiġi ttrasportat sabiex jista’ jiġi spezzjonat u jingħata kull kura xierqa”.
19 Ir-Regolament Nru 411/98 ukoll ġie abrogat bir-Regolament Nru 1/2005, skont l-Artikolu 33 ta’ dan tal-aħħar.
20 Fis-sentenza tat-8 ta’ Mejju 2008, Danske Svineproducenter (C‑491/06, Ġabra p. I‑3339), il-Qorti tal-Ġustizzja ddeċidiet:
“1 Leġiżlazzjoni nazzjonali [...] li tinkludi data ċċifrata f’dak li jirrigwarda l-għoli tal-kompartimenti tal-annimali sabiex it-trasportaturi jkunu jistgħu jirreferu għal regoli iktar preċiżi minn dawk stabbiliti mid-Direttiva tal-Kunsill [...] tista’ tidħol fil-marġini ta’ diskrezzjoni mogħtija lill-Istati Membri mill-Artikolu 249 KE, bil-kundizzjoni li din il-leġiżlazzjoni, li tirrispetta l-għan ta’ protezzjoni tal-annimali waqt it-trasport imfittex minn din id-direttiva [...], ma tostakolax, bi ksur tal-prinċipju tal-proporzjonalità, it-twettiq tal-għanijiet ta’ eliminazzjoni tal-ostakoli tekniċi għall-kummerċ tal-annimali ħajjin u sabiex l-organizzazzjonijiet tas-suq ikunu jistgħu joperaw bla xkiel li l-imsemmija direttiva [...], trid tilħaq wkoll. Hija l-qorti tar-rinviju għandha tivverifika jekk l-imsemmija leġiżlazzjoni tirrispettax dawn il-prinċipji.
2) Il-Kapitolu VI, punt 47, Titolu D, tal-Anness tad-Direttiva 91/628 [...], għandu jiġi interpretat fis-sens li Stat Membru huwa awtorizzat jistabbilixxi sistema nazzjonali li tgħid li, fil-każ ta’ trasport ta’ tul ta’ iktar minn tmien sigħat, l-erja disponibbli għal kull annimal hija ta’ għallinqas 0,50 m2 għall-ħnieżer ta’ 100 kg.”
Id-dritt nazzjonali
21 Id-Digriet Nru 1729/2006 jimponi r-rispett ta’ ċerti regoli għat-trasport tal-ħnieżer.
22 F’dak li jikkonċerna l-għoli minimu tal-kompartimenti, l-Artikolu 9(1) ta’ dan id-digriet jipprovdi:
“Matul it-trasport ta’ ħnieżer ta’ iktar minn 40 kg, l-għoli intern bejn kull pont, imkejjel mill-punt l-iktar għoli tal-art sal-punt l-iktar baxx tas-saqaf ([pereżempju] l-parti ta’ taħt ta’ travu trasversali jew ta’ pastaż), għandu jissodisfa l-kundizzjonijiet minimi li ġejja:
|
Piż medju [(f’kg)] |
Għoli intern meta tintuża sistema ta’ ventilazzjoni mekkanika |
Għoli intern meta tintuża sistema oħra ta’ ventilazzjoni |
|
40 |
74 cm |
89 cm |
|
50 |
77 cm |
92 cm |
|
70 |
84 cm |
99 cm |
|
90 |
90 cm |
105 cm |
|
100 |
92 cm |
107 cm |
|
110 |
95 cm |
110 cm |
|
130 |
99 cm |
114 cm |
|
150 |
103 cm |
118 cm |
|
170 |
106 cm |
121 cm |
|
190 |
109 cm |
124 cm |
|
210 |
111 cm |
126 cm |
|
230 |
112 cm |
127 cm” |
23 Il-paragrafu 5 tal-istess artikolu jirregola l-għoli tal-ispezzjoni f’każ ta’ vjaġġ li jdum iktar minn tmien siegħat fit-termini segwenti:
“Meta t-tul ta’ trasport tal-ħnieżer ta’ 40 kg jew iktar ikun ta’ iktar minn tmien sigħat, il-vetturi użati għandhom ikunu mgħammra b’tali mod li, f’kull mument, għoli ta’ ispezzjoni fuq ġewwa ta’ tal-anqas ta’ 140 cm, imkejjel mill-punt l-iktar għoli tal-art sal-punt l-iktar baxx tas-saqaf ([pereżempju] l-parti ta’ taħt ta’ travu trasversali jew ta’ pastaż), jista’ jiġi stabbilit għal kull livell, [pereżempju] permezz ta’ saqaf li jitla’ u ta’ pontijiet mobbli jew ta’ kostruzzjonijiet simili. Meta jiġi stabbilit l-għoli ta’ spezzjoni intern ta’ 140 cm, l-għoli taħt is-saqaf tal-livelli l-oħra għandu jibqa’ jkun għallinqas dak previst fil-paragrafu 1 matul it-trasport ta’ annimali fuq numru ta’ pontijiet.”
24 L-eżiġenzi fil-qasam ta’ densità ta’ tagħbija huma stabbiliti fl-Anness 2 tad-Digriet Nru 1729/2006, li t-Titolu D tiegħu, iddedikat għall-majjali, huwa fformulat kif ġej:
“Trasport bil-ferrovija u trasport bit-triq, inkluż bl-irmonk
1. Trasport ta’ inqas minn tmien siegħat:
|
Piż ħaj (f’kg) |
Spazju (f’m2) għal kull annimal |
|
25 |
0.17 |
|
50 |
0.26 |
|
75 |
0.33 |
|
100 |
0.42 |
|
200 |
0.70 |
|
250 jew iktar |
0.80 |
Jista’ jkun neċessarju li jiżdied l-ispazju minimu indikat hawn fuq skont ir-razza, id-daqs u l-istat ta’ saħħa tal-annimal. Jista’ wkoll ikun neċessarju li jiżdied l-ispazju sa 20 % skont il-kundizzjonijiet meteoroloġiċi u t-tul tat-trasport.
2. Trasport ta’ iktar minn tmien siegħat:
|
Piż ħaj (f’kg) |
Spazju (f’m2) għal kull annimal |
|
25 |
0.20 |
|
50 |
0.31 |
|
75 |
0.39 |
|
100 |
0.50 |
|
200 |
0.84 |
|
250 jew iktar |
0.96 |
[…]”
25 It-tieni paragrafu tal-Artikolu 36(4) tal-imsemmija sentenza jinkludi dispożizzjoni tranżitorja li t-trasportaturi jistgħu jibbenefikaw minnha sal-15 ta’ Awwissu 2010 għall-vetturi fit-toroq li jkunu ġew irreġistrati sa mhux iktar tard mill-15 ta’ Awwissu 2005. Skont din id-dispożizzjoni:
“Fit-trasport [ta’ iktar minn tmien siegħat] ta’ ħnieżer li jiżnu 40 kg jew iktar, għall-għoli intern bejn kull pont, imkejjel mill-punt l-iktar għoli tal-art sal-punt l-iktar baxx tas-saqaf ([pereżempju] l-parti ta’ taħt ta’ travu trasversali jew ta’ pastaż), għandhom jiġu sodisfatti r-rekwiżiti minimi segwenti:
|
Piż medju f’kg |
Għoli intern meta tintuża sistema ta’ ventilazzjoni mekkanika |
Għoli intern meta tintuża sistema oħra ta’ ventilazzjoni |
|
Ħnieżer ta’ iktar minn 40 kg sa 110 kg |
100 cm |
107 cm |
|
Ħnieżer ta’ iktar minn 110 kg sa 150 kg |
110 cm |
118 cm |
|
Ħnieżer ta’ iktar minn 150 kg sa 230 kg |
112 cm |
127 cm |
|
Ħnieżer ta’ iktar minn 230 kg |
> 112 cm |
> 127 cm” |
Il-kawża prinċipali u d-domanda preliminari
26 Fl-14 ta’ Mejju 2005 Danske Svineproducenter ippreżentat quddiem il-Vestre Landsret (qorti reġjonali tal-Punent) rikors kontra l-Justitsministeriet, fejn sostniet li l-leġiżlazzjoni Daniża dwar it-trasport ta’ annimali li kienet fis-seħħ qabel id-Digriet Nru 1729/2006 kienet timponi, għat-trasport tal-ħnieżer, ċerti regoli dwar l-għoli minimu tal-kompartimenti, l-għoli minimu ta’ spezzjoni u d-densità massima tat-tagħbija li kienu kuntrarji għal diversi regoli tad-dritt Komunitarju, u b’mod partikolari d-dispożizzjonijiet tad-Direttiva 91/628. Wara l-ewwel deċiżjoni preliminari, il-Qorti tal-Ġustizzja ddeċidiet dwar l-interpretazzjoni, f’dan ir-rigward, ta’ din id-direttiva fis-sentenza Danske Svineproducenter, iċċitata iktar ’il fuq, f’termini riprodotti fil-punt 20 ta’ din is-sentenza.
27 Fil-kuntest tal-istess proċedura quddiem il-qorti tar-rinviju, ir-rikorrenti fil-kawża prinċipali sostniet sussegwentement li regoli simili li jinsabu fid-Digriet Nru 1729/2006, li issa saru applikabbli, huma kuntrarji għar-Regolament Nru 1/2005.
28 F’dan il-kuntest, il-Vestre Landsret reġgħet iddeċidiet li tissospendi l-proċeduri quddiemha u tagħmel lill-Qorti tal-Ġustizzja d-domanda preliminari segwenti:
“[It-tieni paragrafu tal-Artikolu 288]KE u l-Artikolu 37 tar-Regolament [...] Nru 1/2005 [...],kif ukoll [it-tieni paragrafu tal-] Artikolu 3(f) u (g) [ta’ dan ir-regolalment], flimkien mal-punt 1.1(f) u l-punt 1.2 tal-[Anness I tiegħu], flimkien mal-Parti D tal-Kapitolu VII [ta’ dan l-a]nness [...] għandhom jiġu interpretati fis-sens li l-Istati Membri huwa preklużi milli jadottaw dispożizzjonijiet nazjonali li jipprovdu rekwiżiti dettaljati [fil-qasam tat-trasport fit-triq ta’ ħnieżer] għall-għoli ta’ trasport intern, l-għoli ta’ spezzjoni u densità tat-tagħbija?”
Fuq id-domanda preliminari
Osservazzjonijiet preliminari
29 Danske Svineproducenter u l-Union européenne du commerce de bétail et de la viande jitolbu lill-Qorti tal-Ġustizzja tifformula mill-ġdid id-domanda magħmula mill-qorti tar-rinviju b’mod li twessa’ jew tippreċiża l-portata tagħha.
30 Għalhekk, minn naħa, ir-rikorrenti fil-kawża prinċipali tistieden lill-Qorti tal-Ġustizzja tirrispondi għal tliet domandi li jikkorrispondu għal dawk magħmula fil-kuntest tar-rinviju għal deċiżjoni preliminari li wassal għas-sentenza Danske Svineproducenter, iċċitata iktar ’il fuq.
31 Min-naħa l-oħra, l-Union européenne du commerce de bétail et de la viande tissuġġerixxi li tiġi fformulata mill-ġdid id-domanda preliminari b’mod li tinkludi wkoll il-prinċipju ta’ moviment liberu tal-merkanzija, il-prinċipju ta’ kooperazzjoni leali u l-Artikolu 30(2) tar-Regolament Nru 1/2005. Barra minn hekk, din id-domanda għandha tinkludi wkoll ir-regoli nazzjonali intiżi sabiex jistabbilixxu data f’ċifri li ma hijiex inkluża f’dan ir-regolament, u mhux eżiġenzi ddettaljati.
32 F’dan ir-rigward, għandu jitfakkar li, fil-kuntest tal-kooperazzjoni bejn il-Qorti tal-Ġustizzja u l-qrati nazzjonali, kif prevista fl-Artikolu 267 TFUE, hija biss il-qorti nazzjonali, li quddiemha titressaq il-kawża u li għandha tagħti d-deċiżjoni, li għandha tevalwa, fid-dawl taċ-ċirkustanzi partikolari tal-kawża li tinsab quddiemha, kemm il-ħtieġa ta’ deċiżjoni preliminari biex tkun f’pożizzjoni li tagħti d-deċiżjoni tagħha, kif ukoll ir-rilevanza tad-domandi li hija tagħmel lill-Qorti tal-Ġustizzja. Is-setgħa li jiġu ddeterminati d-domandi li għandhom isiru lill-Qorti tal-Ġustizzja hija mogħtija biss lill-qorti nazzjonali u l-partijiet ma jistgħux jibdlu l-kontenut tagħhom (ara, b’mod partikolari, is-sentenza tal-15 ta’ Ottubru 2009, Hochtief u Linde-Kca-Dresden, C‑138/08, Ġabra p. I‑9889, punti 20 u 21 kif ukoll il-ġurisprudenza ċċitata).
33 Barra minn hekk, bdil fis-sustanza tad-domandi preliminari jew risposta għad-domandi addizzjonali msemmija mir-rikorrenti fil-kawża prinċipali fl-osservazzjonijiet tagħhom ikun inkompatibbli mar-rwol mogħti lill-Qorti tal-Ġustizzja li tiżgura l-possibbiltà lill-gvernijiet tal-Istati Membri u lill-partijiet interessati li jippreżentaw osservazzjonijiet skont l-Artikolu 23 tal-Istatut tal-Qorti tal-Ġustizzja tal-Unjoni Ewropea, fid-dawl tal-fatt li, skont din id-dispożizzjoni, huma biss id-deċiżjonijiet tar-rinviju li jiġu nnotifikati lill-partijiet interessati (ara, f’dan is-sens, is-sentenza Hochtief u Linde-Kca-Dresden, iċċitata iktar ’il fuq, punt 22 u l-ġurisprudenza ċċitata).
34 Minn dan isegwi li l-Qorti tal-Ġustizzja ma tistax tilqa’ talbiet ta’ riformulazzjoni tad-domanda preliminari mressqa minn Danske Svineproducenter u l-Union européenne du commerce de bétail et de la viande.
35 Barra minn hekk, ma tistax tintlaqa’ t-talba sabiex tinbeda mill-ġdid il-proċedura mibdija minn Danske Svineproducenter, li wasslet fir-Reġistru tal-Qorti tal-Ġustizzja fid-9 ta’ Diċembru 2011. Fil-fatt, minn naħa, din it-talba hija essenzjalment ibbażata fuq is-sentenza li permezz tagħha l-Højesteret (il-Qorti Suprema) ċaħdet ir-rikors li din il-parti fil-kawża prinċipali kienet ippreżentat kontra d-deċiżjoni tar-rinviju intiż sabiex isiru domandi preliminari addizzjonali għal dik li tinsab f’din id-deċiżjoni. Issa, tali ċirkustanza hija, min-natura tagħha, nieqsa mir-relevanza għal dan ir-rinviju preliminari. Min-naħa l-oħra, fir-rigward tar-referenza għas-sentenza tas-6 ta’ Ottubru 2011, Astrid Preissl (C‑381/10, Ġabra p. I‑0000), għandu jiġi kkonstatat li l-ebda motivazzjoni ma tindika kif din is-sentenza tiġġustifika li tinfetaħ il-proċedura mill-ġdid fil-kuntest ta’ dan ir-rinviju preliminari.
Risposta tal-Qorti tal-Ġustizzja
36 Permezz tad-domanda tagħha, il-qorti tar-rinviju tistaqsi lill-Qorti tal-Ġustizzja, essenzjalment, jekk ir-Regolament Nru 1/2005 għandux jiġi interpretat fis-sens li jipprekludi l-adozzjoni, minn Stat Membru, ta’ miżuri li jistabbilixxu, għat-trasport fit-triq ta’ ħnieżer, regoli f’forma ta’ ċifri, f’dak li jikkonċerna, l-ewwel nett, l-għoli intern tal-kompartimenti intiżi għall-annimali, it-tieni nett, l-ispezzjoni tal-annimali matul il-vjaġġ u, it-tielet nett, l-ispazju disponibbli għal kull annimal, fejn l-imsemmija regoli jvarjaw, jekk ikun il-każ, skont jekk jirregolawx vjaġġi li t-tul tagħhom jaqbeż jew ma jaqbiżx it-tmien siegħat. B’mod preċiż, l-imsemmija qorti tqabbel tali regoli ma’, rispettivament, it-tieni paragrafu tal-Artikolu 3(g) flimkien mal-Anness I, Kapitolu II, punt 1.2, it-tieni paragrafu tal-Artikolu 3(f) flimkien mal-Anness I, Kapitolu II, punt 1.1(f) u t-tieni paragrafu tal-Artikolu 3(g) flimkien mal-Anness I, Kapitolu VII, Titolu D tal-imsemmi regolament.
37 Għaldaqstant, permezz tal-formulazzjoni tad-domanda tagħha, moqrija fid-dawl tal-iżviluppi tad-deċiżjoni tar-rinviju, l-imsemmija qorti tenfasizza li, fis-sentenza Danske Svineproducenter, iċċitata iktar ’il fuq, il-Qorti tal-Ġustizzja diġà ddeċidiet dwar il-kompatibbiltà tal-miżuri nazzjonali bħal dawk inkwistjoni fil-kawża prinċipali mad-Direttiva 91/628, li d-dispożizzjonijiet tagħha għandhom similaritajiet kbar ma’ dawk tar-Regolament Nru 1/2005 dwar l-aspetti kkonċernati minn tali miżuri. F’dan il-kuntest, il-Vestre Landsret tistaqsi dwar l-eventwali relevanza tal-fatt li l-qasam issa huwa rregolat fil-livell tal-Unjoni permezz ta’ regolament, u mhux permezz ta’ direttiva, fir-rigward il-possibbiltà għall-Istati Membri li jadottaw miżuri ta’ din in-natura.
38 F’dan ir-rigward għandu jiġi rrelevat li, skont it-tieni u t-tielet paragrafi tal-Artikolu 288 TFUE, filwaqt li d-direttivi jorbtu l-Istati Membri f’dak li jikkonċerna r-riżultat li għandu jintlaħaq filwaqt li jħallu lill-awtoritajiet nazzjonali l-kompetenza dwar il-forma u l-mezzi, ir-regolamenti huma obbligatorji fl-elementi kollha tagħhom u huma direttament applikabbli fl-Istati Membri.
39 Għalhekk, kemm minħabba n-natura tagħhom, kif ukoll minħabba l‑funzjoni tagħhom fl-iskema tas-sorsi tad-dritt tal-Unjoni, id-dispożizzjonijiet ta’ regolamenti għandhom, ġeneralment, effett immedjat fl-ordinamenti ġuridiċi nazzjonali mingħajr ma jkun meħtieġ li l-awtoritajiet nazzjonali jieħdu miżuri ta’ applikazzjoni (ara s-sentenza tal-24 ta’ Ġunju 2004, Handlbauer, C‑278/02, Ġabra p. I‑6171, punt 25 u l-ġurisprudenza ċċitata).
40 Madankollu, uħud mid-dispożizzjonijiet tagħhom jistgħu jkunu jeħtieġu, sabiex jiġu implementati, l-adozzjoni ta’ miżuri ta’ applikazzjoni mill-Istati Membri (sentenza Handlbauer, iċċitata iktar ’il fuq, punt 26 u ġurisprudenza ċċitata).
41 Barra minn hekk, minn ġurisprudenza stabbilita jirriżulta li l-Istati Membri jistgħu jadottaw miżuri ta’ applikazzjoni ta’ regolament jekk ma jostakolawx l-applikabbiltà diretta tiegħu, jekk ma jaħbux in-natura Komunitarja tiegħu u jekk jispeċifikaw l-eżerċizzju ta’ diskrezzjoni mogħtija minn dan ir-regolament filwaqt li jibqgħu fil-parametri tad-dispożizzjonijiet tiegħu (sentenza tal-14 ta’ Ottubru 2004, Il-Kummissjoni vs Il-Pajjiżi l-Baxxi, C‑113/02, Ġabra p. I‑9707, punt 16 u l-ġurisprudenza ċċitata).
42 Madankollu, il-fatt li l-leġiżlazzjoni tal-Unjoni fil-qasam tal-protezzjoni tal-annimali fit-trasport issa tinsab f’regolament ma jfissirx neċessarjament li kull miżura nazzjonali li tapplika dan ir-regolament hija attwalment ipprojbita.
43 Sabiex jiġi ddeterminat jekk miżura nazzjonali ta’ applikazzjoni tar-Regolament Nru 1/2005 hijiex konformi mad-dritt tal-Unjoni, għandu jsir referiment għad-dispożizzjonijiet relevanti ta’ dan ir-regolament sabiex jiġi vverifikat jekk dawn id-dispożizzjonijiet, interpretati fid-dawl tal-għanijiet tiegħu, jipprojbixxux, jimponux jew jippermettux lill-Istati Membri li jiġu deċiżi ċerti miżuri ta’ applikazzjoni u, b’mod partikolari f’din l-aħħar ipoteżi, jekk il-miżura kkonċernata taqax fil-kuntest tal-marġni ta’ diskrezzjoni rrikonoxxut lil kull Stat Membru.
44 Fir-rigward tal-għanijiet tar-Regolament Nru 1/2005, għandu jiġi rrelevat li, jekk, ċertament, l-eliminazzjoni ta’ ostakoli tekniċi għall-iskambju ta’ annimali ħajjin u l-funzjonament xieraq tal-organizzazzjonijiet tas-suq, invokati fit-tieni premessa tiegħu, jaqgħu taħt il-finalità ta’ dan ir-regolament bl-istess mod kif jaqgħu taħt dawk tad-Direttiva 91/628, fosthom il-proroga, madankollu mill-premessi 2, 6 u 11 tal-imsemmi regolament jirriżulta li, bħal fil-każ tad-direttiva, l-għan prinċipali tiegħu huwa l-protezzjoni tal-annimali matul it-trasport. F’dan ir-rigward, il-konstatazzjoni li saret fil-punt 29 tas-sentenza Danske Svineproducenter, iċċitata iktar ’il fuq, f’dak li jikkonċerna l-għanijiet ta’ din id-direttiva jibqa’ validu għar-Regolament Nru 1/2005.
45 Huwa fid-dawl ta’ dawn il-kunsiderazzjonijiet li jaqbel li tiġi eżaminata l-kompatibbiltà ma’ dan ir-regolament tal-miżuri nazzjonali bħal dawk fil-kawża prinċipali, li jistabbilixxu, għat-trasport fit-triq tal-ħnieżer, regoli fil-forma ta’ ċifri f’dak li jikkonċerna l-għoli intern tal-kompartimenti, l-ispezzjoni tal-annimali matul il-vjaġġ u l-ispazju disponibbli għal kull annimal.
Għoli intern tal-kompartimenti
46 Fir-rigward tal-għoli intern tal-kompartimenti intiżi għall-annimali f’vetturi tat-triq użati għat-trasport tal-ħnieżer, il-leġiżlazzjoni inkwistjoni fil-kawża prinċipali tinkludi żewġ tipi ta’ normi differenti. Minn naħa, l-Artikolu 9(1) tad-Digriet Nru 1729/2006, li huwa applikabbli jkun kemm ikun twil il-vjaġġ, jistabbilixxi regoli f’dak li jikkonċerna l-għoli intern minimu tal-kompartimenti skont il-piż tal-annimali ttrasportati. Min-naħa l-oħra, l-Artikolu 36(4) ta’ dan id-digriet jistabbilixxi, b’mod tranżitorju, regoli tal-istess natura, iżda iktar eżiġenti, li madankollu japplikaw biss għall-vjaġġi ta’ iktar minn tmien siegħat. Tali normi huma identiċi għal dawk eżeminati fil-kuntest tas-sentenza Danske Svineproducenter, iċċitata iktar ’il fuq, kif jirriżulta mill-punti 14, 15 u 34 ta’ din is-sentenza.
47 Dan l-aspett tat-trasport bit-triq tal-ħnieżer huwa rregolat mit-tieni paragrafu tal-Artikolu 3(g) tar-Regolament Nru 1/2005 kif ukoll il-Kapitoli II, punt 1.2 u VII, Titolu D, l-ewwel sentenza, tal-Anness I. Mid-dispożizzjonijiet kollha jirriżulta li, fil-vetturi tat-triq użati għat-trasport tal-ħnieżer, l-għoli intern tal-kompartimenti intiżi għall-annimali għandu jkun biżżejjed sabiex dawn ikunu jistgħu joqogħdu fuq saqajhom fil-pożizzjoni naturali tagħhom, fid-dawl tad-daqs tagħhom u tal-vjaġġ previst, u għandha tiġi żgurata ventilazzjoni adegwata fuq rashom meta jkunu fuq saqajhom fil-pożizzjoni naturali tagħhom mingħajr ma l-movimenti naturali tagħhom ma jkunu ostakolati. Kif ġie kkonstatat fil-punt 15 ta’ din is-sentenza, tali dispożizzjonijiet huma analogi għal dawk tad-Direttiva 91/628, interpretati mis-sentenza Danske Svineproducenter, iċċitata iktar ’il fuq.
48 Sa fejn dan ir-regolament ma jistabbilixxix b’mod preċiż l-għoli tal-kompartimenti interni u li d-dispożizzjonijiet relevanti f’dan ir-rigward huma analogi għal dawk tad-Direttiva 91/628, għandu jiġi rrikonoxxut lill-Istati Membri ċertu marġni ta’ diskrezzjoni f’dan ir-rigward, identiku għal dak li huwa rrikonoxxut lilhom fil-kuntest ta’ din id-direttiva permezz tal-imsemmija sentenza.
49 Barra minn hekk, kif isostni l-Gvern Daniż, l-adozzjoni minn Stat Membru ta’ regoli li jippreċiżaw konkretament, fil-livell nazzjonali, il-portata tal-eżiġenzi fformulati f’termini ġenerali mir-Regolament Nru 1/2005 hija ta’ natura li ssaħħaħ iċ-ċertezza legali, sa fejn dawn ir-regoli jistabbilixxu kriterji li jżidu l-previdibbiltà tal-eżiġenzi ta’ dan ir-regolament u li għalhekk, jikkontribwixxu kemm għall-osservanza tagħhom mill-operaturi ekonomiċi kkonċernati kif ukoll għall-effettività u għall-għan tal-kontrolli li għandhom isiru mill-awtoritajiet kompetenti għal dan il-għan.
50 Għaldaqstant, l-adozzjoni ta’ miżuri nazzjonali li jistabbilixxu regoli f’forma ta’ ċifri f’dak li jikkonċerna l-għoli intern tal-kompartimenti ma hijiex, fiha nfisha, kuntrarja għall-imsemmi regolament.
51 Madankollu, huwa importanti li tali regoli jkunu konformi kemm mad-dispożozzjonijiet u l-għanijiet tar-Regolament Nru 1/2005 kif ukoll mal-prinċipji ġenerali tad-dritt tal-Unjoni, b’mod partikolari mal-prinċipju ta’ proporzjonalità.
52 Dan il-prinċipju, li japplika b’mod partikolari għall-awtoritajiet leġiżlattivi u regolamentari tal-Istati Membri meta japplikaw id-dritt tal-Unjoni, jeżiġi li l-mezzi implementati permezz ta’ dispożizzjoni jkunu tali li jwettqu l-għan intiż u ma jmorrux lil hinn minn dak li huwa neċessarju sabiex dan jintlaħaq (ara, f’dan is-sens, is-sentenza tal-24 ta’ Ġunju 2010, Pontini et, C‑375/08, Ġabra p. I‑5767, punt 87 u l-ġurisprudenza ċċitata). L-imsemmi prinċipju jimplika fost oħrajn li, fil-preżenza ta’ leġiżlazzjoni tal-Unjoni li għandha diversi għanijiet fosthom wieħed li huwa prinċipali, Stat Membru li jadotta regola fil-kuntest tal-marġni ta’ diskrezzjoni li tikkonferilu dispożizzjoni ta’ din il-leġiżlazzjoni, għandu jirrispetta dan l-għan prinċipali mingħajr ma jfixkel it-twettiq tal-għanijiet l-oħra tal-imsemmija leġiżlazzjoni. Għaldaqstant, fir-rigward ta’ dawn l-għanijiet l-oħra, tali regola nazzjonali għandha tkun tali li tiżgura t-twettiq tal-imsemmi għan prinċipali u ma tmurx lil hinn minn dak li hu neċessarju sabiex jintlaħaq (ara, b’analoġija, is-sentenza Danske Svineproducenter, iċċitata iktar ’il fuq, punti 31, 32 u 40).
53 Hemm lok li ssir verifika f’dan ir-rigward għal kull wieħed mit-tipi ta’ regoli li huma kkonċernati hawnhekk.
54 Fir-rigward, fl-ewwel lok, tad-dispożizzjonijiet li jippreċiżaw l-għoli intern minimu tal-kompartimenti bħal dawk inkwistjoni fil-kawża prinċipali, għandu jiġi kkonstatat li r-regoli li dawn jistabbilixxu huma tali li jwettqu l-għan prinċipali ta’ protezzjoni tal-annimali matul it-trasport li jrid jilħaq ir-Regolament Nru 1/2005 (ara, b’analoġija, is-sentenza Danske Svineproducenter, iċċitata iktar ’il fuq, punt 46).
55 Madankollu għandu jiġi rrelevat li regoli ta’ din in-natura, peress li għandhom l-għan li japplikaw għat-trasport kollu tal-ħnieżer li jsir, anki jekk parzjalment, fuq it-territorju tal-Istat Membru li jistabbilihom, huma tali li jippreġudikaw it-twettiq tal-għanijiet ta’ eliminazzjoni tal-ostakoli tekniċi għall-iskambji ta’ annimali ħajjin u tal-funzjonament xieraq tal-organizzazzjonijiet tas-suq li għandu anki r-Regolament Nru 1/2005. Għaldaqstant, għandu jiġi vverifikat jekk, fir-rigward ta’ dawn l-għanijiet, tali regoli humiex neċessarji u proporzjonati għall-għan prinċipali ta’ protezzjoni tal-annimali matul it-trasport intiż minn dan ir-regolament mingħajr ma l-applikazzjoni tagħhom tillimita l-moviment liberu tal-merkanzija kemm fl-importazzjoni kif ukoll fl-esportazzjoni (ara, b’analoġija, is-sentenza Danske Svineproducenter, iċċitata iktar ’il fuq, punt 43) b’mod sproporzjonat (ara, b’analoġija, is-sentenza tal-25 ta’ Frar 2010, Müller Fleisch, C‑562/08, Ġabra p. I‑1391, punti 38 u 42).
56 Għaldaqstant, regoli f’forma ta’ ċifri li jikkonċernaw l-għoli intern minimu tal-kompatrimenti bħal dawk stabbiliti mid-Digriet Nru 1729/2006 għandhom ikunu proporzjonati għall-għan ta’ protezzjoni tal-annimali matul it-trasport u ma jmorrux lil hinn minn dak li huwa neċessarju sabiex jintlaħaq.
57 F’dan ir-rigward, b’mod partikolari huwa importanti li jiġi vverifikat jekk l-imsemmija regoli jirrispettawx l-eżiġenzi minimi li jipprovdu, minn naħa, li l-ħnieżer kollha għandhom ikunu jistgħu joqogħdu fuq saqajhom fil-pożizzjoni naturali tagħhom u, min-naħa l-oħra, li jkollhom spazju biżżejjed ġewwa l-kompartiment u li kull wieħed minn dawn il-livelli għandu jkun tali li jiggarantixxi ventilazzjoni adegwata fuq ir-ras tal-annimali meta jkunu fuq saqajhom fil-pożizzjoni naturali tagħhom, mingħajr ma l-movimenti naturali tagħhom fl-ebda każ ma jiġu ostakolati.
58 Barra minn hekk, huwa importanti wkoll li jiġi vverifikat li l-imsemmija regoli ma jwasslux għal spejjeż żejda jew għal diffikultajiet tekniċi li jisfavorixxu jew lill-produtturi tal-Istat Membru li jkun adottahom, jew lill-produtturi tal-Istati Membri l-oħra li jkunu jixtiequ jesportaw il-prodotti tagħhom lejn jew permezz tal-ewwel Stat Membru (ara, b’analoġija, is-sentenza Danske Svineproducenter, iċċitata iktar ’il fuq, punt 45).
59 Fin-nuqqas ta’ elementi ta’ evalwazzjoni fil-proċess mibgħut lill-Qorti tal-Ġustizzja, hija l-qorti tar-rinviju li għandha tagħmel il-verifiki meħtieġa f’dan ir-rigward filwaqt li tieħu inkunsiderazzjoni l-livelli normalment aċċettati, fl-osservanza tar-Regolament Nru 1/2005, mill-Istati Membri li ma jkunux stabbilew dawn ir-regoli.
60 Fil-kuntest ta’ dan l-eżami, din il-qorti għandha b’mod partikolari tivverfika li l-istabbiliment tad-dispożizzjonijiet tranżitorji dwar l-għoli intern minimu tal-kompartimenti għal vjaġġi ta’ iktar minn tmien siegħat fl-Artikolu 36(4) tad-Digriet Nru 1729/2006 jirrispondi għall-għanijiet tal-imsemmi regolament u ma jmurx lil hinn minn dak li huwa neċessarju sabiex jintlaħqu dawn l-għanijiet fid-dawl tal-fatt li, fil-kuntest tas-sistema tad-dritt komuni, l-Artikolu 9(1) ta’ dan id-digriet jistabbilixxi, f’dan il-qasam, regoli inqas vinkolanti.
Spezzjoni tal-annimali matul il-vjaġġ
61 Skont l-Artikolu 9(5) tad-Digriet Nru 1729/2006, il-vetturi tat-triq użati għat-trasport tal-ħnieżer li l-piż tagħhom ikun jaqbeż l-40 kg għal vjaġġi li t-tul tagħhom jaqbeż it-tmien siegħat għandhom jiġu mfassla b’mod li jkun jista’ jiġi stabbilit għoli ta’ spezzjoni tal-inqas ta’ 140 cm fi kwalunkwe ħin f’kull livell.
62 F’dan ir-rigward, ir-Regolament Nru 1/2005 jipprovdi, fit-tieni paragrafu tal-Artikolu 3(f) tiegħu moqri flimkien mal-Kapitolu II, punt 1.1(f) tal-Anness I tiegħu, li l-mezzi ta’ trasport intiżi għat-trasport tal-annimali għandhom jiġu mfassla b’mod li jippermettu aċċess għall-annimali sabiex ikunu jistgħu jiġu dejjem ikkontrollati b’mod regolari l-kundizzjonijiet ta’ benesseri tagħhom. Issa, għandu jiġi kkonstatat li, kuntrarjament għal dak li jipprevali fil-kuntest tas-sistema stabbilita permezz tad-Direttiva 91/628 u r-Regolament Nru 411/98, id-dispożizzjonijiet tar-Regolament Nru 1/2005 dwar l-ispezzjoni tal-annimali matul it-trasport huma applikabbli għall-mezzi ta’ trasport kollha, indipendentement mit-tul tal-vjaġġ.
63 Konsegwentement, miżura nazzjonali li tistabbilixxi eżiġenzi partikolari f’dan il-qasam applikabbli biss għall-vjaġġi li t-tul tagħhom huwa ta’ iktar minn tmien siegħat hija kuntrarja għall-imsemmija dispożizzjonijiet tar-Regolament Nru 1/2005, peress li aċċess għall-annimali sabiex jiġi kkontrollati b’mod regolari l-kundizzjonijiet ta’ benesseri tagħhom għandu jkun possibbli matul il-vjaġġ kollu.
64 Barra minn hekk, għandu jiżdied li, kif jirriżulta, mutatis mutandis, mill-punti 54 sa 59 ta’ din is-sentenza, regoli f’forma ta’ ċifri li jiffissaw l-għoli minimu ta’ spezzjoni sabiex jippermetti tali aċċess għandhom jirrispondu għall-għanijiet tar-Regolament Nru 1/2005 u jkunu proporzjonati għal dawn tal-aħħar.
Spazju disponibbli għal kull annimal
65 Skont l-Anness 2, Titolu D, punti 1 u 2 tas-sentenza inkwistjoni fil-kawża prinċipali, f’każ ta’ trasport ta’ ħnieżer fit-triq, l-annimali għandu jkollhom spazju minimu varjabbli skont il-piż tagħhom, fejn dan l-ispazju huwa, għal ħanżir ta’ 100 kg, ta’ 0.42 m2 meta t-tul tal-vjaġġ ikun inqas minn tmien siegħat u ta’ 0.50 m2 għall-vjaġġi ta’ iktar minn tmien siegħat.
66 Dan l-aspett tat-trasport tal-annimali ħajjin huwa rregolat mit-tieni paragrafu tal-Artikolu 3(g) tar-Regolament Nru 1/2005, li jipprovdi “għandhom jiġu pprovduti art u għoli biżżejjed għall-annimali, skond il-qies tagħhom u l-vjaġġ maħsub”. Fir-rigward, b’mod partikolari, tal-ħnieżer, l-Anness I, Kapitolu VII, Titolu D ta’ dan ir-regolament jippreċiża li, sabiex jippermetti li dawn jorqdu u jibqgħu fuq saqajhom fil-pożizzjoni naturali tagħhom, “[l]-ammont tat-tagħbija ta’ qżieqeż ta’ madwar il-100 kg m’għandux jeċċedi l-235 kg/m2” fejn dan l-ispazju mal-art, ikkwalifikat bħala minimu, ikun jista’ jiżdied b’20 % skont, b’mod partikolari, it-tul tal-vjaġġ. Għal annimali ta’ 100 kg, dawn il-valuri jikkorrispondu rispettivament għal spazju disponibbli ta’ 0,42 m2 u ta’ 0.50 m2.
67 Għalhekk għandu jiġi kkonstatat li regoli f’forma ta’ ċifri dwar id-densità massima tat-tagħbija kif stabbiliti fl-Anness 2, punti 1 u 2 tad-Digriet Nru 1729/2006 huma konformi mar-regoli minimi u massimi stabbiliti mir-Regolament Nru 1/2005 (ara, b’analoġija, is-sentenza Danske Svineproducenter, iċċitata iktar ’il fuq, punt 50).
68 Fid-dawl tal-kunsiderazzjonijiet kollha li jippreċedu, ir-risposta għad-domanda magħmula għandha tkun li r-Regolament Nru 1/2005 għandu jiġi interpretat fis-sens li:
– dan ir-regolament ma jipprekludix l-adozzjoni, minn Stat Membru, ta’ regoli applikabbli għat-trasport bit-triq ta’ ħnieżer li, sabiex isaħħaħ iċ-ċertezza legali, jippreċiża, fir-rigward tal-għan ta’ protezzjoni tal-benesseri tal-annimali u mingħajr ma jiġu stabbiliti kriterji eċċessivi f’dan ir-rigward, l-eżiġenzi previsti mill-imsemmi regolament f’dak li jikkonċerna l-għoli intern minimu tal-kompartimenti intiżi għall-annimali, sakemm dawn ir-regoli ma jwasslux għal spejjeż żejda jew diffikultajiet tekniċi b’mod li jisfavorixxu jew lill-produtturi tal-Istat Membru li jkun adotta dawn ir-regoli, jew lill-produtturi tal-Istati Membri l-oħra li jixtiequ jesportaw il-prodotti tagħhom lejn jew permezz l-ewwel Stat Membru, li hija l-qorti tar-rinviju li għandha tivverifika; madankollu, ma jistgħux jiġu kkunsidrati bħala proporzjonati regoli bħal dawk stabbiliti fid-dispożizzjonijiet tranżitorji li jinsabu fl-Artikolu 36(4) tad-digriet Nru 1729/2006 peress li l-istess Stat Membru adotta regoli inqas restrittivi, bħal dawk li jinsabu fl-Artikolu 9(1) ta’ din is-sentenza, fil-kuntest tas-sistema tad-dritt komuni.
– dan ir-regolament jipprekludi l-adozzjoni, minn Stat Membru, ta’ regoli applikabbli għat-trasport bit-triq ta’ ħnieżer li jippreċiżaw l-eżiġenzi previsti mill-imsemmi regolament dwar l-aċċess għall-annimali sabiex jiġu kkontrollati regolarment il-kundizzjonijiet ta’ benesseri, li jikkonċernaw biss il-vjaġġi ta’ iktar minn tmien siegħat, u
– dan ir-regolament ma jipprekludix l-adozzjoni minn Stat Membri, ta’ regoli li jipprovdu li, f’każ ta’ trasport ta’ ħnieżer bit-triq, l-annimali għandu jkollhom spazju minimu varjabbli skont il-piż tagħhom, fejn dan l-ispazju jkun, għal kull annimal ta’ 100 kg, ta’ 0.42 m2 meta l-vjaġġ ikun ta’ inqas minn tmien siegħat u ta’ 0.50 m2 għal vjaġġ li jdum iktar.
Fuq l-ispejjeż
69 Peress li l-proċedura għandha, fir-rigward tal-partijiet fil-kawża prinċipali, in-natura ta’ kwistjoni mqajma quddiem il-qorti tar-rinviju, hija din il-qorti li tiddeċiedi fuq l-ispejjeż. L-ispejjeż sostnuti għas-sottomissjoni tal-osservazzjonijiet lill-Qorti tal-Ġustizzja, barra dawk tal-imsemmija partijiet, ma jistgħux jitħallsu lura.
Għal dawn il-motivi, Il-Qorti tal-Ġustizzja (It-Tielet Awla) taqta’ u tiddeċiedi:
Ir-Regolament tal-Kunsill (KE) Nru 1/2005, tat-22 ta’ Diċembru 2004, dwar il-protezzjoni tal-annimali waqt it-trasport u operazzjonijiet relatati u li jemenda d-Direttivi 64/432/KEE u 93/119/KE u r-Regolament (KE) Nru 1255/97 għandu jiġi interpretat fis-sens li:
– dan ir-regolament ma jipprekludix l-adozzjoni, minn Stat Membru, ta’ regoli applikabbli għat-trasport bit-triq ta’ ħnieżer li, sabiex isaħħaħ iċ-ċertezza legali, jippreċiża, fir-rigward tal-għan ta’ protezzjoni tal-benesseri tal-annimali u mingħajr ma jiġu stabbiliti kriterji eċċessivi f’dan ir-rigward, l-eżiġenzi previsti mill-imsemmi regolament f’dak li jikkonċerna l-għoli intern minimu tal-kompartimenti intiżi għall-annimali, sakemm dawn ir-regoli ma jwasslux għal spejjeż żejda jew diffikultajiet tekniċi b’mod li jisfavorixxu jew lill-produtturi tal-Istat Membru li jkun adotta dawn ir-regoli, jew lill-produtturi tal-Istati Membri l-oħra li jixtiequ jesportaw il-prodotti tagħhom lejn jew permezz l-ewwel Stat Membru, li hija l-qorti tar-rinviju li għandha tivverifika;
– dan ir-regolament jipprekludi l-adozzjoni, minn Stat Membru, ta’ regoli applikabbli għat-trasport bit-triq ta’ ħnieżer li jippreċiżaw l-eżiġenzi previsti mill-imsemmi regolament dwar l-aċċess għall-annimali sabiex jiġu kkontrollati regolarment il-kundizzjonijiet ta’ benesseri, li jikkonċernaw biss il-vjaġġi ta’ iktar minn tmien siegħat;
– dan ir-regolament ma jipprekludix l-adozzjoni minn Stat Membri, ta’ regoli li jipprovdu li, f’każ ta’ trasport ta’ ħnieżer bit-triq, l-annimali għandu jkollhom spazju minimu varjabbli skont il-piż tagħhom, fejn dan l-ispazju jkun, għal kull annimal ta’ 100 kg, ta’ 0.42 m2 meta l-vjaġġ ikun ta’ inqas minn tmien siegħat u ta’ 0.50 m2 għal vjaġġ li jdum iktar.
Firem
* Lingwa tal-kawża: id-Daniż.