|
Il-Ġurnal Uffiċjali |
MT Serje L |
|
2023/2663 |
27.11.2023 |
REGOLAMENT(UE) 2023/2663 TAL-PARLAMENT EWROPEW U TAL-KUNSILL
tat-22 ta’ Novembru 2023
li jemenda r-Regolament (UE) Nru 978/2012 li japplika skema ta’ preferenzi tariffarji ġeneralizzati
IL-PARLAMENT EWROPEW U L-KUNSILL TAL-UNJONI EWROPEA,
Wara li kkunsidraw it-Trattat dwar il-Funzjonament tal-Unjoni Ewropea, u b’mod partikolari l-Artikolu 207(2) tiegħu,
Wara li kkunsidraw il-proposta tal-Kummissjoni Ewropea,
Wara li l-abbozz tal-att leġiżlattiv intbagħat lill-parlamenti nazzjonali,
Filwaqt li jaġixxu skont il-proċedura leġiżlattiva ordinarja (1),
Billi:
|
(1) |
Mill-1971 ’il hawn, l-Unjoni tat preferenzi ta’ kummerċ lill-pajjiżi li qed jiżviluppaw skont skema ta’ preferenzi tariffarji ġeneralizzati tagħha (l-iskema). |
|
(2) |
Ir-Regolament (UE) Nru 978/2012 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill (2) jipprevedi l-applikazzjoni tal-iskema sal-31 ta’ Diċembru 2023, bl-eċċezzjoni tal-arranġament speċjali għall-pajjiżi l-anqas żviluppati, li jkompli jiġi applikat mingħajr data ta’ skadenza. |
|
(3) |
Fit-22 ta’ Settembru 2021, il-Kummissjoni ppreżentat proposta għal regolament tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill dwar l-applikazzjoni ta’ skema ġeneralizzata ta’ preferenzi tariffarji u li jħassar ir-Regolament (UE) Nru 978/2012 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill (3) (ir-regolament suċċessiv propost). Ir-regolament suċċessiv propost għandu jidħol fis-seħħ fl-1 ta’ Jannar 2024. Madankollu, il-proċedura leġiżlattiva ordinarja rilevanti għadha għaddejja u hemm riskju li ma tiġix konkluża sal-31 ta’ Diċembru 2023. Sabiex tiġi żgurata kontinwità tal-applikazzjoni tal-iskema, huwa meħtieġ li jiġi estiż il-perjodu ta’ applikazzjoni tar-Regolament (UE) Nru 978/2012 lil hinn mill-31 ta’ Diċembru 2023 sal-mument li jiġi adottat u jibda japplika r-regolament suċċessiv propost. |
|
(4) |
L-estensjoni tal-perjodu ta’ applikazzjoni tar-Regolament (UE) Nru 978/2012 jenħtieġ li tipprovdi ż-żmien meħtieġ għall-ikkompletar tal-proċedura leġiżlattiva għall-adozzjoni tar-regolament suċċessiv propost. Għaldaqstant, il-perjodu tal-applikazzjoni tar-Regolament (UE) Nru 978/2012 jenħtieġ li jiġi estiż sal-31 ta’ Diċembru 2027. Fil-każ li r-regolament suċċessiv propost jidħol fis-seħħ u jibda japplika qabel dik id-data, jenħtieġ li l-estensjoni tal-perjodu ta’ applikazzjoni tar-Regolament (UE) Nru 978/2012 titqassar kif xieraq, filwaqt li jiġi pprovdut perjodu ta’ tranżizzjoni adegwat. Għal raġunijiet ta’ ċertezza legali u sabiex tiġi żgurata l-applikazzjoni kontinwa tar-Regolament (UE) Nru 978/2012, jenħtieġ li dan ir-Regolament jidħol fis-seħħ fil-jum tal-pubblikazzjoni tiegħu f’Il-Ġurnal Uffiċjali tal-Unjoni Ewropea u japplika mill-jum wara dak tal-pubblikazzjoni tiegħu, jew, jekk il-pubblikazzjoni issir wara l-31 ta’ Diċembru 2023, b’effett retroattiv mill-1 ta’ Jannar 2024, |
ADOTTAW DAN IR-REGOLAMENT:
Artikolu 1
Fl-Artikolu 43(3) tar-Regolament (UE) Nru 978/2012 is-sena “2023” hija sostitwita bis-sena “2027”.
Artikolu 2
Dan ir-Regolament għandu jidħol fis-seħħ fil-jum tal-pubblikazzjoni tiegħu f’Il-Ġurnal Uffiċjali tal-Unjoni Ewropea.
Dan ir-Regolament għandu japplika mill-jum wara dak tal-pubblikazzjoni tiegħu f’Il-Ġurnal Uffiċjali tal-Unjoni Ewropea jew mill-1 ta’ Jannar 2024, skont liema data tiġi l-ewwel.
Dan ir-Regolament għandu jorbot fl-intier tiegħu u japplika direttament fl-Istati Membri kollha.
Magħmul fi Strasburgu, it-22 ta’ Novembru 2023.
Għall-Parlament Ewropew
Il-President
R. METSOLA
Għall-Kunsill
Il-President
P. NAVARRO RÍOS
(1) Il-Pożizzjoni tal-Parlament Ewropew tal-5 ta’ Ottubru 2023 (għadha ma ġietx ippubblikata fil-Ġurnal Uffiċjali) u d-Deċiżjoni tal-Kunsill tat-23 ta’ Ottubru 2023.
(2) Ir-Regolament (UE) Nru 978/2012 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tal-25 ta’ Ottubru 2012 li japplika skema ta’ preferenzi tariffarji ġeneralizzati u li jħassar ir-Regolament tal-Kunsill (KE) Nru 732/2008 (ĠU L 303, 31.10.2012, p. 1).
(3) COM(2021) 579.
ELI: http://data.europa.eu/eli/reg/2023/2663/oj
ISSN 1977-074X (electronic edition)