IL-KUMMISSJONI EWROPEA
Brussell, 27.3.2023
COM(2023) 182 final
RAPPORT TAL-KUMMISSJONI LILL-PARLAMENT EWROPEW U LILL-KUNSILL
dwar ċerti aspetti li jikkonċernaw il-ħżin tal-gass abbażi tar-Regolament (UE) 2017/1938 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill
{SWD(2023) 73 final}
1.Introduzzjoni
Is-swieq tal-gass kienu diġà bdew juru tensjoni konsiderevoli fl-2021, u l-prezzijiet tal-gass żdiedu b’mod sinifikanti. L-aggressjoni militari tar-Russja kontra l-Ukrajna, li bdiet fi Frar 2022, ikkawżat sensiela ta’ interruzzjonijiet fil-provvista tal-gass u għamlet il-prezzijiet tal-gass fis-swieq globali ħafna aktar volatili. Għall-UE u għall-ġirien immedjati tagħha, li kienu jiddependu fuq il-provvista tal-gass Russu, dawn l-iżviluppi kienu jeħtieġu reazzjoni u miżuri b’saħħithom għall-indirizzar tal-provvista u tad-domanda.
Il-firxa tal-iżbilanċi fis-suq tal-gass u l-biża’ ta’ interruzzjonijiet serji fil-provvista, segwiti minn restrizzjonijiet potenzjalment serji fil-provvista kemm għall-industrija kif ukoll għall-unitajiet domestiċi, wasslu għal rispons regolatorju mingħajr preċedent. Dan ikkontribwixxa għas-sigurtà tal-provvista tal-gass u żgura li l-prezzijiet tal-gass immoderaw ruħhom fix-xitwa 2022/2023.
Il-ħżin tal-gass diġà kien parti importanti mill-pjanijiet ta’ tħejjija tal-Kummissjoni għall-gass biex tlaħħaq mad-domanda fix-xitwa 2022/2023 u għas-snin li ġejjin, kif enfasizzat ukoll fil-pjan REPowerEU u fil-Komunikazzjoni tal-Kummissjoni Niffrankaw il-gass għal xitwa sikura. B’mod speċifiku, il-ħażniet tal-gass mimlija sew jiżguraw li l-gass ikun disponibbli kemm għall-unitajiet domestiċi privati kif ukoll għan-negozji matul l-istaġun tat-tisħin tax-xitwa.
Bħala miżura oħra, ir-Regolament dwar il-Ħżin tal-Gass, adottat mill-koleġiżlaturi fis-27 ta’ Ġunju 2022, kien jirrikjedi li l-Istati Membri kollha b’kapaċità ta’ ħżin tal-gass jiżguraw li l-faċilitajiet tal-ħżin tal-gass taħt l-art tagħhom jimtlew sa mill-inqas 80 % tal-kapaċità tagħhom sal-1 ta’ Novembru 2022. Mill-2023 ’il quddiem, il-faċilitajiet tal-ħżin tal-gass se jkollhom jimtlew sa 90 % tal-kapaċità tagħhom sal-1 ta’ Novembru ta’ kull sena.
Bħala salvagwardja addizzjonali għal livell adegwat tal-mili tal-ħażniet tal-gass fis-snin li ġejjin, ir-Regolament dwar il-Ħżin tal-Gass jistipula li kull operatur tas-sistema tal-ħżin fl-UE jrid jiġi ċċertifikat. Din iċ-ċertifikazzjoni għandha tiġi rrifjutata jew għandha twassal għal rimedji jekk l-awtoritajiet rilevanti jikkonkludu li persuna jew entità li direttament jew indirettament tikkontrolla jew teżerċita kwalunkwe dritt fuq is-sistema tal-ħżin tista’ tipperikola s-sigurtà tal-provvista tal-enerġija tal-UE.
Dan ir-rapport iqis l-implimentazzjoni tar-Regolament dwar il-Ħżin tal-Gass abbażi ta’ informazzjoni mill-Istati Membri dwar il-miżuri tagħhom għall-ħżin tal-gass u l-proċeduri ta’ ċertifikazzjoni tagħhom, ikkomplementata minn data mill-Eurostat, f’konformità mal-Artikolu 17a tar-Regolament (UE) 2017/1938. Huwa akkumpanjat minn Dokument ta’ Ħidma tal-Persunal tal-Kummissjoni, li jipprovdi informazzjoni dettaljata dwar il-miżuri meħuda mill-Istati Membri biex jiżguraw li s-siti tal-ħżin tal-gass tagħhom ikunu mimlijin u analiżi tal-prezzijiet tal-gass fil-kuntest tal-implimentazzjoni tar-Regolament dwar il-Ħżin.
2.Il-bażi ġuridika u l-kuntest tar-rapport annwali
Fl-1 ta’ Novembru 2022, kienu mtlew 94,9 % tal-faċilitajiet tal-ħżin tal-gass tal-UE. Dan kien ferm ogħla mill-mira ta’ 80 %, u l-Istati Membri kollha laħqu l-mira tagħhom stabbilita mir-Regolament. Fil-31 ta’ Diċembru 2022, il-livell tal-mili fl-UE kien għadu 83,4 %. F’termini ta’ ħżin, l-UE dehret imħejjija sew għax-xitwa 2022/2023.
L-Artikolu 6d(5) tar-Regolament dwar il-Ħżin jiddikjara li l-Kummissjoni trid tippreżenta rapporti annwali lill-Parlament Ewropew u lill-Kunsill. Dawn ir-rapporti jridu jinkludu:
·ħarsa ġenerali lejn il-miżuri meħuda mill-Istati Membri biex jissodisfaw l-obbligi tal-ħżin;
·ħarsa ġenerali lejn iż-żmien meħtieġ għall-proċedura ta’ ċertifikazzjoni stabbilita fl-Artikolu 3a tar-Regolament (KE) Nru 715/2009;
·ħarsa ġenerali lejn il-miżuri mitluba mill-Kummissjoni sabiex tiġi żgurata l-konformità mat-trajettorji għall-mili u mal-miri tal-mili;
·analiżi tal-effetti potenzjali ta’ dan ir-Regolament fuq il-prezzijiet tal-gass u l-iffrankar potenzjali tal-gass fir-rigward tal-Artikolu 6b(4).
Ir-rapport jikkontribwixxi għat-twessigħ tal-bażi tal-għarfien dwar l-aħjar prattiki għall-mili tas-siti tal-ħżin.
3.Ħarsa ġenerali lejn il-miżuri meħuda mill-Istati Membri biex jissodisfaw l-obbligi tal-ħżin
Ir-Regolament dwar il-Ħżin tal-Gass jipprevedi li l-Istati Membri jridu jieħdu l-miżuri kollha meħtieġa biex jilħqu l-miri tal-mili. Dawn għandu jkollhom l-għan li jużaw miżuri bbażati fuq is-suq fejn possibbli biex jevitaw tfixkil bla bżonn fis-suq. Madankollu, il-miżuri jistgħu jinkludu miżuri regolatorji, inċentivi finanzjarji jew kumpens lill-parteċipanti fis-suq.
Ir-Regolament dwar il-Ħżin jipprovdi lista illustrattiva ta’ miżuri u għodod potenzjali li l-Istati Membri jistgħu jieħdu għal dak l-iskop. Biex tikseb feedback dwar dawn is-suġġerimenti, il-Kummissjoni bagħtet kwestjonarju lill-awtoritajiet rilevanti tal-Istati Membri fil-ħarifa tal-2022, fejn staqsiethom dwar il-miżuri li ħadu u l-għodod li użaw biex jiżguraw li jimtlew is-siti tal-ħżin tagħhom. Il-kwestjonarju talab ukoll l-opinjonijiet u l-valutazzjonijiet tal-Istati Membri dwar l-effettività tal-miżuri tagħhom u l-punti pożittivi u negattivi tagħhom.
Skont l-Istati Membri, il-miżuri li ġejjin ikkontribwew b’mod effettiv biex jimtlew is-siti tal-ħżin tagħhom fil-ħin:
1.L-impożizzjoni ta’ obbligu fuq l-operaturi tal-faċilitajiet tal-ħżin fuq il-livell minimu tal-mili li għandu jinkiseb, f’konformità mal-objettiv nazzjonali;
2.L-offerti tal-kapaċitajiet lill-parteċipanti fis-suq;
3.L-istabbiliment ta’ mekkaniżmu għal meta l-kapaċità totali sottoskritta tkun taħt il-livell minimu tal-mili, pereżempju termini miftiehma minn qabel mal-parteċipanti fis-suq għall-volum komplementari;
4.L-iżgurar li l-kapaċitajiet prenotati jintużaw b’mod effettiv billi jiġi applikat mekkaniżmu “tużah jew titilfu” jew billi jiġu imposti penali għan-nuqqas ta’ konformità;
5.Fl-aħħar nett, jekk ma jkunx probabbli li l-miżuri msemmija hawn fuq jipproduċu r-riżultati mixtieqa, id-deżinjazzjoni ta’ entità biex tixtri l-kapaċità nieqsa mis-suq tal-operaturi.
Barra minn hekk, b’referenza għall-Anness Ib tar-Regolament (UE) 2022/1032, l-Awstrija u l-Ġermanja kkonkludew ftehim dwar il-mira tal-mili u t-trajettorja għall-mili skont l-Artikolu 6a, peress li dawk l-Istati Membri jaqsmu r-responsabbiltà għall-faċilitajiet tal-ħżin Haidach u 7Fields.
Il-mekkaniżmu tal-kondiviżjoni tal-piżijiet tar-Regolament jipprevedi li l-Istati Membri mingħajr faċilitajiet tal-ħżin fit-territorji tagħhom jaħżnu volumi ta’ gass f’pajjiżi ġirien li jikkorrispondu għal mill-inqas 15 % tal-konsum annwali tagħhom. Madankollu, l-Istati Membri għamlu użu limitat minn strumenti kkoordinati biex jimlew il-ħażniet tal-gass.
F’Settembru 2022, l-Italja u l-Greċja ffirmaw memorandum ta’ qbil dwar il-ħżin tal-gass. Dan jippermetti lill-konsenjaturi mis-Sistema Nazzjonali Griega ta’ Trażmissjoni tal-Gass Naturali jaħżnu sa 1,14 TWh ta’ gass fl-Italja. Ftehimiet bħal dan huma kruċjali għall-Istati Membri li ma għandhom l-ebda kapaċità ta’ ħżin tal-gass fit-territorji tagħhom stess. Il-gvern Estonjan organizza x-xiri ta’ 1 TWh bħala riżerva strateġika nazzjonali li għandha tinħażen f’sit tal-ħżin fil-Latvja.
Matul is-seminar dwar l-implimentazzjoni tar-Regolament dwar il-Ħżin tal-Gass, ħafna assoċjazzjonijiet Ewropej li huma membri tal-Grupp ta’ Koordinazzjoni dwar il-Gass, filwaqt li rrikonoxxew l-effettività tar-Regolament, irrakkomandaw aktar użu ta’ għodod ibbażati fuq is-suq biex jimplimentawh b’mod effiċjenti, speċjalment biex jitnaqqsu l-ispejjeż tal-ħżin.
L-Istati Membri għamlu investimenti mingħajr preċedent matul l-2022 biex jagħmlu l-infrastruttura Ewropea tal-gass aktar reżiljenti u biex iżidu l-aċċess għall-gass naturali likwifikat (LNG) f’reġjuni dipendenti ħafna fuq il-gass Russu. Għalhekk, is-sitwazzjoni fl-2023 evolviet b’mod sinifikanti u l-Istati Membri issa jistgħu jagħmlu użu aħjar mill-għodod ibbażati fuq is-suq u jistgħu jiddependu inqas fuq għodod aktar “intervenzjonisti” li kienu meħtieġa minħabba n-nuqqas ta’ infrastruttura jew biex jipprevjenu l-manipulazzjoni tas-suq minn operaturi tal-ħżin mhux tal-UE.
B’riżultat tal-miżuri kollha, il-mira tal-mili ta’ 80 % għall-2022 inqabżet. Sal-1 ta’ Novembru 2022, imtlew 94,9 % tal-faċilitajiet tal-ħżin tal-gass tal-UE, u l-Istati Membri kollha laħqu aktar minn 80 % (ara t-tabella u l-illustrazzjoni ta’ hawn taħt). Il-Latvja, li kienet l-uniku Stat Membru b’ċifra inqas minn 80 %, ikkwalifikat għal obbligu ta’ ħżin imnaqqas minħabba l-kapaċità kbira ta’ ħżin meta mqabbla mal-konsum nazzjonali. Il-livell tal-mili milħuq mil-Latvja qabeż bil-kbir il-mira mnaqqsa tagħha ta’ Novembru stabbilita fir-rigward tal-konsum tagħha stess.
Tabella: Il-livelli tal-mili fl-1 ta’ Novembru 2022
|
|
Livell tal-mili (%)
|
Volum ta’ ħidma (gass) (TWh)
|
|
AT
|
93,1
|
95,5
|
|
BE
|
100
|
7,6
|
|
BG
|
90,4
|
5,8
|
|
CZ
|
94,9
|
43,8
|
|
DE
|
99,2
|
245,2
|
|
DK
|
99,3
|
9,9
|
|
ES
|
94,8
|
35,3
|
|
FR
|
100
|
132,6
|
|
HR
|
97,0
|
4,8
|
|
HU
|
86,0
|
67,7
|
|
IT
|
95,5
|
193,4
|
|
LV
|
57,7
|
24,1
|
|
NL
|
91,8
|
138,9
|
|
PL
|
98,9
|
36,4
|
|
PT
|
98,3
|
4,0
|
|
RO
|
96,8
|
32,8
|
|
SE
|
92,9
|
0,1
|
|
SK
|
91,3
|
38,8
|
|
UE
|
94,9
|
1 116,21
|
Sors: Bażi tad-data tal-AGSI fl-1 ta’ Novembru 2022
Illustrazzjoni: Il-livell tal-mili tal-ħżin tal-UE u t-trajettorja tal-UE għall-2022
4.Siti tal-ħżin fl-UE li qabel kienu proprjetà ta’ Gazprom jew li kienu operati minnha
Fl-2021, Gazprom kienet proprjetarja jew kienet topera madwar 10 % tal-kapaċità tal-ħżin tal-UE. Is-siti tal-ħżin ta’ Gazprom, ma ġewx mimlija mill-ġdid qabel il-bidu tax-xitwa 2021/2022 u kienu kważi mbattla fl-aħħar tal-istaġun meta l-gass jiġi rtirat mill-ħżin. Dawn is-siti ta’ Gazprom, kienu responsabbli għat-tnaqqis tal-livell medju tal-mili tas-siti tal-ħżin tal-UE b’6 sa 8 punti perċentwali fi tmiem l-2021 meta mqabbla mas-snin preċedenti.
Il-graff li ġejja turi l-iżvilupp tal-volumi tal-gass f’siti tal-ħżin li kienu proprjetà ta’ Gazprom jew li kienu operati minnha (linja miksura oranġjo) u s-siti l-oħrajn tal-UE (linja miksura blu). Il-linja s-sewda turi l-gass maħżun tas-siti kollha tal-UE flimkien.
Illustrazzjoni: L-iżvilupp tal-volumi tal-gass f’siti tal-ħżin li kienu proprjetà ta’ Gazprom jew li kienu operati minnha
Fis-sajf tal-2022, l-Istati Membri b’siti tal-ħżin li kienu proprjetà ta’ Gazprom jew li kienu operati minnha ħadu miżuri biex jipproteġu s-sigurtà tal-enerġija tagħhom:
·Il-Ġermanja nnazzjonalizzat is-siti tagħha ta’ Gazprom, li qabel kienu proprjetà ta’ Gazprom Germania. L-isem tal-entità l-ġdida huwa SEFE Securing Energy for Europe GmbH.
·Is-sit tal-Awstrija ngħata lil operatur ieħor skont ir-regoli introdotti reċentement “tużah jew titilfu”. Fis-17 ta’ Frar 2023, il-Ġermanja u l-Awstrija ffirmaw ftehim biex jieħdu responsabbiltà konġunta għall-użu u l-mili tal-faċilitajiet tal-ħżin tal-gass naturali Haidach u 7Fields u biex jittrasportaw volumi ta’ gass maħżun f’każ ta’ skarsezzi. Il-ftehim isegwi memorandum ta’ qbil miftiehem bejn Berlin u Vjenna f’Lulju 2022. Fil-passat, iż-żewġ faċilitajiet tal-ħżin, li jinsabu fl-Awstrija, kienu diġà ntużaw kemm mill-kumpaniji Ġermaniżi kif ukoll minn dawk Awstrijaċi.
·Fin-Netherlands, il-gvern ħatar entità mmexxija mill-Istat imsejħa Energiebeheer Nederland biex tittrasporta l-gass lejn il-faċilità tal-ħżin ta’ Bergermeer bl-użu ta’ kapaċità ta’ ħżin mhux użata, inkluża l-kapaċità li kienet proprjetà ta’ Gazprom.
·Iċ-Ċekja applikat il-prinċipju “tużah jew titilfu” biex il-parteċipanti fis-suq b’kapaċità ta’ ħżin żejda, ogħla minn ċertu livell limitu, jiġu mġiegħla jagħtu lura slots għall-injezzjoni lill-gvern. Skont dan il-prinċipju, il-kapaċità ta’ ħżin ta’ Gazprom fis-sit ta’ Damborice ġiet irtirata u mqiegħda taħt il-miżuri speċjali tal-irkant tal-gvern. Dawn jinkludu l-possibbiltà ta’ rkanti bla ħlas u pagamenti lin-negozjanti bi skambju għall-ħżin tal-gass.
B’riżultat tal-miżuri, is-siti tal-ħżin li qabel kienu proprjetà ta’ Gazprom jew li kienu operati minnha mtlew sa medja ta’ 94 % sal-1 ta’ Novembru 2022 meta mqabbla ma’ livell tal-mili ta’ 26 % fl-1 ta’ Novembru 2021.
It-tabella ta’ hawn taħt turi l-effettività tal-miżuri tal-Istati Membri, li abolixxew jew li naqqsu l-influwenza ta’ Gazprom fuq il-ħżin tal-gass. Tqabbel il-kapaċità ta’ ħżin aggregat li kienet proprjetà ta’ Gazprom jew li kienet operata minnha għal kull pajjiż f’Novembru 2021 u f’Novembru 2022.
Tabella: Il-kapaċità tas-siti tal-ħżin li kienu proprjetà ta’ Gazprom jew li kienu operati minnha skont il-pajjiż fl-2021 u l-livelli tal-mili korrispondenti f’Novembru 2021 u f’Novembru 2022
|
Pajjiż
|
Kapaċità li kienet proprjetà ta’/operata minn Gazprom fl-2021 (TWh)
|
Livell tal-mili fl-1 ta’ Novembru 2021
|
Livell tal-mili fl-1 ta’ Novembru 2022
|
|
AT
|
32,3
|
20 %
|
91 %
|
|
CZ
|
2,2
|
45 %
|
85 %
|
|
DE
|
58,2
|
27 %
|
94 %
|
|
NL
|
19,3
|
30 %
|
99 %
|
|
TOTAL
|
112,0
|
26 %
|
94 %
|
5.Għodda għall-aggregazzjoni tad-domanda skont ir-Regolament tal-Kunsill (UE) 2022/2576
Ir-Regolament (UE) 2022/2576, adottat mill-Kunsill fid-19 ta’ Diċembru 2022 wara proposta mill-Kummissjoni, jipprevedi għodda għall-aggregazzjoni tad-domanda li se tappoġġa lill-pajjiżi tal-UE fl-iżgurar ta’ provvisti suffiċjenti tal-gass fil-ħin għax-xitwa 2023-2024. Barra minn hekk, il-mekkaniżmu ta’ xiri konġunt introdott mir-Regolament se jkun kruċjali biex jiġi evitat li l-kumpaniji Ewropej jagħmlu offerta għall-istess gass u jgħollu l-prezzijiet b’mod eċċessiv bħala konsegwenza.
Il-pajjiżi tal-UE huma mitluba jaggregaw id-domanda għall-volumi tal-gass ekwivalenti għal 15 % tal-obbligi rispettivi tagħhom fir-rigward tal-mili tal-faċilitajiet tal-ħżin. Lil hinn minn 15 %, l-aggregazzjoni se tkun volontarja iżda bbażata fuq l-istess mekkaniżmu.
Għal dan l-iskop, il-Kummissjoni tat kuntratt lil fornitur ta’ servizz biex jistabbilixxi s-servizzi meħtieġa bil-għan li jaggrega d-domanda għall-gass minn kumpaniji Ewropej u jqabbilha fil-ħin mal-aktar offerti tal-provvista kompetittivi għall-istaġun tal-mili tal-ħażniet li jmiss. Wara li d-domanda tkun tqabblet mal-provvista, il-kumpaniji jistgħu jikkonkludu b’mod volontarju kuntratti ta’ xiri mal-fornituri tal-gass, jew individwalment jew b’mod konġunt. Dan huwa partikolarment ta’ benefiċċju għal kumpaniji iżgħar u kumpaniji minn pajjiżi mingħajr kosta b’inqas firxa globali jew setgħa ta’ negozjar. Ix-xiri konġunt jista’ jkun ta’ benefiċċju wkoll għall-industrija li tikkonsma l-gass, bħall-fertilizzanti u ċ-ċeramika.
Biex jistabbilixxu l-mekkaniżmu ta’ xiri konġunt, l-Istati Membri tal-UE, il-Partijiet Kontraenti tal-Komunità tal-Enerġija u l-atturi industrijali mill-UE jingħaqdu f’fora differenti sabiex jipprovdu l-għarfien espert u l-pariri tagħhom lill-Kummissjoni. Huma jagħmlu dan permezz ta’ bord ta’ tmexxija ad hoc, gruppi reġjonali u grupp konsultattiv tal-industrija.
6.Ħarsa ġenerali lejn iż-żmien meħtieġ għall-proċedura ta’ ċertifikazzjoni
L-Istati Membri għandhom jiżguraw li kull operatur tas-sistema tal-ħżin, inklużi l-operaturi tas-sistema tal-ħżin li huma kkontrollati mill-operaturi tas-sistema ta’ trażmissjoni, ikun iċċertifikat mill-awtorità regolatorja nazzjonali jew minn awtorità oħra ddeżinjata mill-Istat Membru. Dan sabiex jiġi żgurat li s-sigurtà tal-provvista tal-enerġija jew kwalunkwe interess essenzjali ieħor ta’ sigurtà fl-UE jew fi kwalunkwe Stat Membru ma jkunux ipperikolati minn influwenza fuq l-operatur tas-sistema tal-ħżin.
Ir-Regolament dwar il-Ħżin jipprevedi li l-awtorità ta’ ċertifikazzjoni toħroġ abbozz ta’ deċiżjoni ta’ ċertifikazzjoni fir-rigward tal-operaturi tas-sistemi tal-ħżin li joperaw faċilitajiet tal-ħżin tal-gass taħt l-art b’kapaċità ta’ aktar minn 3,5 TWh meta, irrispettivament mill-għadd ta’ operaturi tas-sistema tal-ħżin, il-faċilitajiet tal-ħżin totali kienu mtlew fil-31 ta’ Marzu 2021 u fil-31 ta’ Marzu 2022 f’livell li, bħala medja, kien inqas minn 30 % tal-kapaċità massima tagħhom jew fi żmien 150 jum ta’ xogħol mid-data tal-wasla ta’ notifika. Għal dawn is-siti tal-ħżin, l-awtorità ta’ ċertifikazzjoni għandha tkun diġà ppruvat toħroġ abbozz ta’ deċiżjoni ta’ ċertifikazzjoni sal-1 ta’ Novembru 2022.
Għall-operaturi l-oħrajn kollha tas-sistema tal-ħżin, l-awtorità ta’ ċertifikazzjoni trid toħroġ abbozz ta’ deċiżjoni ta’ ċertifikazzjoni sat-2 ta’ Jannar 2024 jew fi żmien 18-il xahar mid-data tal-wasla ta’ notifika.
Il-Kummissjoni trid tagħti opinjoni dwar l-abbozz ta’ deċiżjoni ta’ ċertifikazzjoni lill-awtorità ta’ ċertifikazzjoni fi żmien 25 jum ta’ xogħol minn tali notifikazzjoni. Imbagħad, l-awtorità ta’ ċertifikazzjoni trid tqis l-opinjoni tal-Kummissjoni bir-reqqa.
L-awtorità ta’ ċertifikazzjoni trid toħroġ id-deċiżjoni ta’ ċertifikazzjoni fi żmien 25 jum ta’ xogħol mill-wasla tal-opinjoni tal-Kummissjoni.
F’Ottubru 2022 ġie ppreżentat abbozz wieħed biss ta’ deċiżjoni ta’ ċertifikazzjoni lill-Kummissjoni, mill-Kummissjoni Federali Belġjana għar-Regolamentazzjoni dwar l-Elettriku u l-Gass (CREG).
Biex tappoġġa lill-Istati Membri bil-ħruġ ta’ abbozzi ta’ ċertifikazzjonijiet, il-Kummissjoni organizzat sessjoni speċjali tal-Grupp ta’ Koordinazzjoni dwar il-Gass biex tipprovdi gwida prattika lill-operaturi u lis-sidien ta’ ċertifikazzjoni tal-ħażniet. Il-Kummissjoni fakkret li ċ-ċertifikazzjoni għandha tnaqqas kwalunkwe riskju għas-sigurtà tal-provvista tal-gass fil-livell reġjonali, nazzjonali jew tal-UE kollha li jirriżulta, fost affarijiet oħra, minn:
(a) sjieda, provvista jew relazzjonijiet kummerċjali oħra li jistgħu jaffettwaw b’mod negattiv l-inċentivi u l-ħila tal-operatur tas-sistema tal-ħżin li jimla l-faċilità tal-ħżin tal-gass taħt l-art;
(b) id-drittijiet u l-obbligi tal-UE fir-rigward ta’ pajjiż mhux tal-UE li jirriżultaw skont id-dritt internazzjonali, inkluż kwalunkwe ftehim konkluż ma’ xi pajjiż mhux tal-UE wieħed jew aktar li l-UE hija parti miegħu u li jindirizza l-kwistjoni tas-sigurtà tal-provvista tal-enerġija;
(c) id-drittijiet u l-obbligi tal-Istati Membri kkonċernati fir-rigward ta’ pajjiż mhux tal-UE li jirriżultaw skont ftehimiet konklużi mill-Istati Membri kkonċernati ma’ pajjiż mhux tal-UE wieħed jew aktar, sa fejn dawk il-ftehimiet ikunu konformi mad-dritt tal-UE; jew
(d) kwalunkwe fatt u ċirkostanza speċifika oħra tal-każ.
Issir enfasi fuq ir-riskju tas-sigurtà tal-provvista li jirriżulta mis-sjieda li jista’ jaffettwa b’mod negattiv il-ħila li jimtlew il-faċilitajiet tal-ħżin. Element ċentrali wieħed għall-abbozz tad-deċiżjoni ta’ ċertifikazzjoni huwa l-kunċett ta’ “influwenza deċiżiva”, li huwa s-sjieda jew id-dritt li jintużaw l-assi kollha ta’ impriża jew parti minnhom, jew drittijiet jew kuntratti li jikkonferixxu influwenza deċiżiva fuq il-kompożizzjoni, il-votazzjoni jew id-deċiżjonijiet tal-organi ta’ impriża.
7.Ħarsa ġenerali lejn il-miżuri mitluba mill-Kummissjoni sabiex tiġi żgurata l-konformità mat-trajettorji għall-mili u l-miri tal-mili
Ir-Regolament dwar il-Ħżin tal-Gass jipprevedi mekkaniżmu ta’ monitoraġġ u infurzar biex jinżamm rendikont tal-livelli tal-mili fl-Istati Membri. Dan jiżgura progress kontinwu fil-mili mill-ġdid tal-ħżin filwaqt li jħalli ċertu grad ta’ flessibbiltà biex jiġi injettat aktar jew inqas gass skont il-prezzijiet tas-suq f’dak iż-żmien. Dan ir-rekwiżit jintroduċi miri intermedjarji ta’ xahrejn, iżda jippermetti devjazzjoni fi ħdan marġni ta’ tolleranza ta’ 5 %.
Jekk Stat Membru jiddevja b’mod sostanzjali u sostnut mit-trajettorja għall-mili u jipperikola l-mira tal-mili, il-Kummissjoni, wara li tikkonsulta mal-Grupp ta’ Koordinazzjoni dwar il-Gass u mal-Istati Membri kkonċernati, toħroġ Rakkomandazzjoni lil dak l-Istat Membru jew lill-Istati Membri l-oħrajn ikkonċernati dwar il-miżuri li għandhom jittieħdu immedjatament. Jekk ikun hemm nuqqasijiet kontinwi fir-rigward tar-rispett tal-miri minimi tal-mili skont ir-Rakkomandazzjoni, il-Kummissjoni tista’ toħroġ Deċiżjoni dwar is-segwitu.
L-Istati Membri kollha kkonformaw mal-miri intermedjarji stabbiliti għall-2022 u l-livell minimu tal-mili tagħhom ma esperjenzax devjazzjoni sostanzjali jew sostnuta mill-mira. Għalhekk, il-Kummissjoni ma kellhiex għalfejn tieħu miżuri fl-2022 biex tiżgura l-konformità mat-trajettorji għall-mili u mal-miri tal-mili.
Fil-25 ta’ Novembru 2022, permezz ta’ Regolament ta’ Implimentazzjoni, il-Kummissjoni stabbiliet il-miri intermedji tal-mili tal-ħażniet tal-gass li l-Istati Membri jridu jissodisfaw fl-2023 sabiex jilħqu l-mira tal-ħżin tal-gass ta’ 90 % sal-1 ta’ Novembru 2023. Kif previst skont ir-Regolament dwar il-Ħżin tal-Gass, ir-Regolament ta’ Implimentazzjoni ddefinixxa l-miri intermedji għall-1 ta’ Frar, għall-1 ta’ Mejju, għall-1 ta’ Lulju u għall-1 ta’ Settembru 2023 għal dawk l-Istati Membri b’ħażna taħt l-art fit-territorju tagħhom u konnessa maż-żona tas-suq tagħhom. Dawn il-miri kienu bbażati fuq il-proposti magħmula mill-Istati Membri, ir-rati ta’ mili tal-ħames snin preċedenti u l-valutazzjoni tal-Kummissjoni tas-sitwazzjoni ġenerali tas-sigurtà tal-provvista.
Il-Kummissjoni kkonsultat ukoll lill-Grupp ta’ Koordinazzjoni dwar il-Gass u lill-Kumitat għall-Ħżin tal-Gass li ġie stabbilit reċentement. Anki għas-sena 2023, soġġett għal marġni ta’ ħames punti perċentwali, dawn il-miri vinkolanti huma l-livelli limitu minimi li jeħtieġ li jiġu rrispettati mill-Istati Membri biex jiġi żgurat ċertu livell ta’ sigurtà tal-provvista u biex jiġi żgurat il-mili mill-ġdid tal-faċilitajiet tal-ħżin għax-xitwa 2023-2024.
Tabella:
Miri intermedji għall-2023 għall-Istati Membri b’faċilitajiet tal-ħżin tal-gass taħt l-art, kif adottati mir-Regolament ta’ Implimentazzjoni tal-Kummissjoni (UE) 2022/2301
|
Stat Membru
|
Mira intermedja tal-1 ta’ Frar
|
Mira intermedja tal-1 ta’ Mejju
|
Mira intermedja tal-1 ta’ Lulju
|
Mira intermedja tal-1 ta’ Settembru
|
|
AT
|
49 %
|
37 %
|
52 %
|
67 %
|
|
BE
|
30 %
|
5 %
|
40 %
|
78 %
|
|
BG
|
45 %
|
29 %
|
49 %
|
71 %
|
|
CZ
|
45 %
|
25 %
|
30 %
|
60 %
|
|
DE
|
45 %
|
10 %
|
30 %
|
65 %
|
|
DK
|
45 %
|
40 %
|
60 %
|
80 %
|
|
ES
|
59 %
|
62 %
|
68 %
|
76 %
|
|
FR
|
41 %
|
7 %
|
35 %
|
81 %
|
|
HR
|
46 %
|
29 %
|
51 %
|
83 %
|
|
HU
|
51 %
|
37 %
|
65 %
|
86 %
|
|
IT
|
45 %
|
36 %
|
54 %
|
72 %
|
|
LV
|
45 %
|
41 %
|
63 %
|
90 %
|
|
NL
|
49 %
|
34 %
|
56 %
|
78 %
|
|
PL
|
45 %
|
30 %
|
50 %
|
70 %
|
|
PT
|
70 %
|
70 %
|
80 %
|
80 %
|
|
RO
|
40 %
|
41 %
|
67 %
|
88 %
|
|
SE
|
45 %
|
5 %
|
5 %
|
5 %
|
|
SK
|
45 %
|
25 %
|
27 %
|
67 %
|
Sabiex tistabbilixxi l-livelli tal-mili, il-Kummissjoni qieset l-istimi tal-Istati Membri u valutazzjoni tal-livell tekniku minimu meħtieġ, filwaqt li qieset il-kapaċità tal-mili u tal-irtirar ta’ kull sit sabiex jintlaħaq livell ta’ 90 % sal-1 ta’ Novembru 2023.
8.Analiżi tal-effetti potenzjali fuq il-prezzijiet tal-gass u l-iffrankar tal-gass
Analiżi kawżali rigoruża tkun teħtieġ data minn xenarju kontrofattwali, fejn ir-Regolament dwar il-Ħżin ma kienx jeżisti iżda fatturi oħra (eż. żviluppi globali) li jinfluwenzaw il-provvista u d-domanda tal-gass Ewropej matul il-perjodu li fih ir-Regolament dwar il-Ħżin kien fis-seħħ ma nbidlux. L-informazzjoni għal xenarju kontrofattwali ma kinitx disponibbli b’mod dettaljat biżżejjed. Għaldaqstant, il-Kummissjoni wettqet analiżi preskrittiva u inqas kawżali.
Għalkemm il-livell massimu tal-prezz seħħ f’nofs Awwissu/tard f’Awwissu, ma setgħet tiġi stabbilita l-ebda rabta diretta bejn il-mili tal-ħażniet tal-gass u ż-żieda fil-prezz. Pereżempju, iż-żidiet drastiċi fil-prezzijiet seħħew f’mument ta’ rati ta’ injezzjoni ta’ ħżin pjuttost tas-soltu u fissi. B’kuntrast għal dan, meta bdiet toqrob l-iskadenza finali biex tintlaħaq il-mira tal-mili fl-1 ta’ Novembru, li rriżultat fi sforzi addizzjonali għall-ħżin tal-gass minħabba l-bidu tal-istaġun tat-tisħin, il-prezzijiet kienu diġà sostanzjalment aktar baxxi f’Ottubru u f’Novembru meta mqabbla max-xhur preċedenti.
L-illustrazzjoni ta’ hawn taħt turi l-proporzjon tal-valuri tal-2022 fuq il-medja tal-2019-2021 kemm għall-injezzjonijiet tal-ħżin kif ukoll għall-prezzijiet. Proporzjon tal-prezz ta’ 1 ifisser li l-prezzijiet tal-2022 kienu ugwali għall-medja tal-2019-2021. Proporzjon akbar minn 1 ifisser li l-prezzijiet kienu ogħla fl-2022; proporzjon ta’ 5 ifisser li l-prezzijiet kienu ħames darbiet ogħla fl-2022 mill-medja tal-2019-2021. L-istess kalkolu japplika għal-linja dwar l-injezzjoni tal-ħżin.
Skont din l-illustrazzjoni, il-prezzijiet massimi relattivi ma kinux jikkoinċidu mal-livelli massimi relattivi tal-injezzjoni ta’ ħżin. B’kuntrast għal dan, id-data disponibbli tindika li l-fluttwazzjonijiet fil-provvista seta’ kellhom rwol aktar sinifikanti fiż-żidiet drastiċi fil-prezzijiet tal-gass.
Madankollu, ma nistgħux neskludu li l-mili determinat tal-ħżin mill-operaturi b’interventi regolatorji jew mingħajrhom mill-Istati Membri bħala parti mir-Regolament dwar il-Ħżin iffaċilita żieda qawwija temporanja tal-prezzijiet. Il-Kummissjoni hija konxja mill-asserzjonijiet li riforniment aktar gradwali tal-ħżin, inkluż bl-użu tal-flessibbiltà li rriżultat mill-miri intermedjarji tal-2022 stabbiliti fil-livell tal-UE, seta’ għen biex jiġu mmitigati l-iżviluppi fil-prezzijiet.
Abbażi tad-data disponibbli, ma hija possibbli l-ebda konklużjoni ċara dwar rabta potenzjali bejn il-miri tal-ħżin u l-iżviluppi fil-prezzijiet. L-injezzjoni kontinwa tal-ħżin naqqset ir-riskju li l-livelli tal-ħżin potenzjalment jitnaqqsu għal livell perikoluż.
Id-Dokument ta’ Ħidma tal-Persunal tal-Kummissjoni li jakkumpanja dan ir-rapport jipprovdi aktar dettalji dwar il-metodoloġija u r-riżultati kwantitattivi tal-analiżi.
Barra minn hekk, wara l-adozzjoni tar-Regolament dwar it-Tnaqqis tad-Domanda għall-Gass, l-Istati Membri naqqsu d-domanda għall-gass tagħhom bi 19 % bejn Awwissu 2022 u Jannar 2023 meta mqabbla mal-medja tal-aħħar ħames snin (ara l-illustrazzjoni ta’ hawn taħt). Dan ikkumpensa b’mod sinifikanti għan-nuqqas ta’ gass Russu, bi 42 biljun metru kubu ta’ gass iffrankati bejn Awwissu 2022 u Jannar 2023, u pprovda flessibbiltà għas-suq tal-gass. Fi sfond ta’ tensjoni fis-suq tal-gass, ġie rikonoxxut fil-laqgħa tal-Grupp ta’ Koordinazzjoni dwar il-Gass fi Frar 2023 li t-tnaqqis fid-domanda kien l-aktar miżura effiċjenti peress li ż-żieda fil-provvista hija limitata mill-kapaċitajiet ta’ produzzjoni globali u hija soġġetta għal kompetizzjoni globali.
Matul is-sajf tal-2022, it-tnaqqis fid-domanda ffaċilita l-injezzjonijiet tal-ħżin, filwaqt li l-miżuri għat-tnaqqis fid-domanda llimitaw l-irtirar matul ix-xitwa 2022/2023. Għalhekk, dan żgura li kien hemm biżżejjed livelli tal-ħżin biex ilaħħqu ma’ perjodi ta’ kesħa fix-xitwa.
Għalhekk, mill-bidu tax-xitwa 2022/2023, il-flessibbiltà maħluqa mit-tnaqqis fid-domanda għenet biex jitnaqqsu l-prezzijiet tal-gass minn livelli għoljin rekord għal livelli ta’ qabel il-gwerra fi Frar 2023.
9.Konklużjoni
L-Istati Membri għamlu sforzi sostanzjali u mingħajr preċedent fl-2022 biex jerġgħu jimlew il-ħażniet. Il-mira ta’ 80 % tar-Regolament tal-UE dwar il-Ħżin għall-2022 inqabżet. Sal-1 ta’ Novembru 2022, imtlew 94,9 % tal-faċilitajiet tal-ħżin tal-gass tal-UE. Fi tmiem l-2022, il-livell medju kien għadu għoli, jiġifieri 83,4 %. Dan il-livell għoli tal-mili għen ħafna biex tissaħħaħ is-sigurtà tal-provvista fix-xitwa 2022/23, li min-naħa tagħha naqqset il-primjum tar-riskju fis-suq tal-gass fi tmiem is-sena.
L-Istati Membri ħadu l-miżuri kollha meħtieġa biex jilħqu l-miri tal-mili, inklużi l-miri intermedjarji. Xi Stati Membri laħqu livelli tal-mili ferm ogħla mill-miri tagħhom. L-Istati Membri kollha laħqu t-trajettorji tal-mili u l-miri tal-mili minimi tagħhom tal-UE fl-2022. Il-mekkaniżmu tal-miri intermedjarji minimi għen biex jagħti lill-Istati Membri biżżejjed lok biex jistabbilixxu l-miżuri tagħhom stess.
L-Istati Membri kollha bil-ħażniet użaw sensiela ta’ miżuri, kif previst fir-Regolament dwar il-Ħżin. Il-piż tal-miżuri differenti jvarja bejn l-Istati Membri. Bħala l-ewwel għażla, huma użaw miżuri bbażati fuq is-suq. Aktar miżuri ppreferuti kienu jinkludu l-obbligu li jinħażnu xi volumi minimi ta’ gass, l-offerti ta’ kapaċitajiet lill-parteċipanti fis-suq, flimkien ma’ inċentivi biex jimtlew il-faċilitajiet tal-ħżin u biex jiġi żgurat li l-kapaċitajiet kuntrattati jintużaw b’mod effettiv.
Bl-obbligu li jiġu ċċertifikati l-operaturi u s-sidien tal-ħżin, ir-Regolament dwar il-Ħżin kellu l-għan li jgħin biex tiġi evitata kwalunkwe influwenza detrimentali ta’ pajjiżi mhux tal-UE fuq il-mili tas-siti tal-ħżin. Fl-2022, ġie ppreżentat abbozz ta’ ċertifikazzjoni lill-Kummissjoni, segwit minn opinjoni pożittiva.
Għalkemm ma ġie ċċertifikat l-ebda sit tal-ħżin ieħor, l-Istati Membri ħadu miżuri fi stadju bikri biex jipprevjenu lill-pajjiżi mhux tal-UE milli jinfluwenzaw b’mod negattiv il-mili tas-siti tal-ħżin. Huma rrapportaw li s-sidien tal-ħażniet li kienu qegħdin jiġu nazzjonalizzati u dwar il-ħatra ta’ entitajiet tal-Istat responsabbli għall-mili. Għalkemm l-Istati Membri għad iridu jippreżentaw l-abbozzi tad-deċiżjonijiet ta’ ċertifikazzjoni tagħhom lill-Kummissjoni, bħalissa ma hemm l-ebda evidenza li l-mili tal-faċilitajiet tal-ħżin għas-sigurtà tal-provvista għadu f’riskju. Il-biċċa l-kbira taċ-ċertifikazzjonijiet se jkollhom jinħarġu fl-2023 biex jiġi żgurat in-nuqqas ta’ influwenza detrimentali fuq is-sidien u l-operaturi tal-ħażniet.
Abbażi tad-data disponibbli, huwa impossibbli li jiġi konkluż jekk, u sa liema punt, il-miri tal-mili stabbiliti mir-Regolament dwar il-Ħżin tal-Gass kellhomx effett fuq il-prezzijiet tal-gass. Dawn jiddependu fuq ħafna fatturi relatati man-nuqqas ta’ ħżin bħall-provvisti tal-pipelines, id-disponibbiltà tal-LNG, l-iffrankar tal-gass, it-temp u l-primjum marbut mas-sigurtà tar-riskji tal-provvista perċepiti mis-suq. Abbażi tal-kontributi riċevuti, jidher li hemm lok għal miżuri nazzjonali li jimplimentaw il-miri tal-UE b’modi aktar effiċjenti biex jiġu evitati t-trajettorji għall-mili li jinfluwenzaw l-iżvilupp tal-prezzijiet b’mod negattiv.
Bir-Regolament dwar il-Ħżin, din hija l-ewwel darba li l-Istati Membri qed iwettqu u jimplimentaw miżuri ta’ ħżin f’qafas komuni li jippermetti u jinkoraġġixxi kombinazzjonijiet ta’ miżuri bbażati fuq is-suq u regolatorji biex jiġi żgurat livell minimu tal-mili. Din hija wkoll l-ewwel darba li l-Istati Membri qed jiżviluppaw arranġamenti speċifiċi biex jaqsmu r-riżorsi tal-ħżin u l-kostijiet relatati bejn il-fruntieri, għalkemm dan għadu limitat. Fi tmiem ix-xitwa 2022/2023, il-Kummissjoni beħsiebha titlob lill-Istati Membri jirrapportaw dwar l-esperjenzi tagħhom b’dawn l-arranġamenti.