02016R1011 — MT — 29.06.2016 — 000.003
Dan it-test hu maħsub purament bħala għodda ta’ dokumentazzjoni u m’għandu l-ebda effett legali. L-istituzzjonijiet tal-Unjoni m'għandhom l-ebda responsabbiltà għall-kontenut tiegħu. Il-verżjonijiet awtentiċi tal-atti rilevanti, inklużi l-preamboli tagħhom, huma dawk ippubblikati fil-Ġurnal Uffiċjali tal-Unjoni Ewropea u disponibbli f’EUR-Lex. Dawk it-testi uffiċjali huma aċċessibbli direttament permezz tal-links inkorporati f’dan id-dokument
|
REGOLAMENT (UE) 2016/1011 TAL-PARLAMENT EWROPEW U TAL-KUNSILL tat-8 ta' Ġunju 2016 dwar l-indiċi użati bħala parametri referenzjarji fi strumenti finanzjarji u kuntratti finanzjarji jew dwar il-kejl tal-prestazzjoni ta' fondi ta' investiment u li jemenda d-Direttivi 2008/48/KE u 2014/17/UE u r-Regolament (UE) Nru 596/2014 (ĠU L 171 29.6.2016, p. 1) |
Ikkoreġut b'
REGOLAMENT (UE) 2016/1011 TAL-PARLAMENT EWROPEW U TAL-KUNSILL
tat-8 ta' Ġunju 2016
dwar l-indiċi użati bħala parametri referenzjarji fi strumenti finanzjarji u kuntratti finanzjarji jew dwar il-kejl tal-prestazzjoni ta' fondi ta' investiment u li jemenda d-Direttivi 2008/48/KE u 2014/17/UE u r-Regolament (UE) Nru 596/2014
(Test b'rilevanza għaż-ŻEE)
TITOLU I
SUĠĠETT, KAMP TA' APPLIKAZZJONI U DEFINIZZJONIJIET
Artikolu 1
Suġġett
Dan ir-Regolament jintroduċi qafas komuni biex tiġi żgurata l-preċiżjoni u l-integrità tal-indiċi użati bħala parametri referenzjarji fi strumenti finanzjarji u kuntratti finanzjarji, jew biex titkejjel il-prestazzjoni ta' fondi ta' investiment fl-Unjoni. Dan ir-Regolament b'hekk jikkontribwixxi għal funzjonament xieraq tas-suq intern filwaqt li jinkiseb livell għoli ta' protezzjoni tal-konsumatur u l-investitur.
Artikolu 2
Kamp ta' Applikazzjoni
1. Dan ir-Regolament japplika għall-forniment ta' parametri referenzjarji, il-kontribuzzjoni ta' data tal-input għal parametru referenzjarju u l-użu ta' parametru referenzjarju fl-Unjoni.
2. Dan ir-Regolament ma għandux japplika għal:
(a) bank ċentrali;
(b) awtorità pubblika, meta tikkontribwixxi data lil, tipprovdi, jew ikollha kontroll fuq il-forniment ta,' parametri referenzjarji għal finijiet ta' politika pubblika, inklużi miżuri ta' impjieg, attività ekonomika, u inflazzjoni;
(c) kontroparti ċentrali (CCP), fejn tipprovdi prezzijiet ta' referenza jew prezzijiet tas-saldu li jintużaw għal skopijiet ta' ġestjoni tar-riskju tas-CCP u tas-saldu;
(d) l-forniment ta' prezz ta' referenza uniku għal kwalunkwe strument finanzjarju elenkat fit-Taqsima C tal-Anness I għad-Direttiva 2014/65/UE;
(e) l-istampa, midja oħra u l-ġurnalisti meta dawn sempliċement jippubblikaw jew jirreferu għal xi parametru referenzjarju bħala parti mill-attivitajiet ġurnalistiċi tagħhom mingħajr ebda kontroll fuq il-forniment ta' dak il-parametru referenzjarju;
(f) persuna fiżika jew ġuridika li tagħti jew twiegħed li tagħti kreditu bħala parti mill-kummerċ, negozju jew professjoni ta' dik il-persuna, biss sa fejn dik il-persuna tippubblika jew tagħmel disponibbli għall-pubbliku r-rati ta' dik il-persuna tal-imgħax fuq self, fissi jew varjabbli, stabbilit permezz ta' deċiżjonijiet interni u applikabbli biss għal kuntratti finanzjarji ffirmati minn dik il-persuna jew kumpannija fl-istess grupp mal-klijenti rispettivi tagħhom;
(g) parametru referenzjarju tal-komoditajiet ibbażat fuq sottomissjonijiet minn kontributuri li huma fil-parti l-kbira tagħhom entitajiet mhux sorveljati u li fir-rigward tagħhom japplikaw iż-żewġ kondizzjonijiet li ġejjin:
(i) il-parametru referenzjarju huwa referenzjat minn strumenti finanzjarji li fir-rigward tagħhom tkun saret talba għal ammissjoni għan-negozjar f'ċentru tan-negozjar wieħed biss, kif definit fil-punt (24) tal-Artikolu 4(1) tad-Direttiva 2014/65/UE, jew li jiġu nnegozjati f'ċentru tan-negozjar bħal dan wieħed biss;
(ii) il-valur nozzjonali totali ta' strumenti finanzjarji li jirreferenzjaw il-parametru referenzjarju ma jaqbiżx EUR 100 miljun;
(h) fornitur tal-indiċi fir-rigward ta' indiċi fornut minnu meta dak il-fornitur tal-indiċi ma jkunx konxju u ma setax b'mod raġonevoli jkun konxju li dak l-indiċi qed jintuża għall-finijiet imsemmija fil-punt (3) tal-Artikolu 3(1).
Artikolu 3
Definizzjonijiet
1. Għall-finijiet ta' dan ir-Regolament, japplikaw id-definizzjonijiet li ġejjin:
(1) “indiċi” tfisser kwalunkwe ċifra:
(a) li tiġi ppubblikata jew titpoġġa għad-dispożizzjoni tal-pubbliku;
(b) li tiġi ddeterminata regolarment:
(i) totalment jew parzjalment permezz tal-applikazzjoni ta' formula jew kwalunkwe metodu ieħor ta' kalkolu, jew permezz ta' valutazzjoni; u
(ii) fuq il-bażi tal-valur ta' assi sottostanti wieħed jew aktar, jew ta' prezzijiet, inklużi stimi ta' prezzijiet, rati tal-imgħax reali jew stmati, kwotazzjonijiet u kwotazzjonijiet impenjati, jew valuri jew stħarriġ oħra;
(2) “fornitur tal-indiċi” tfisser persuna fiżika jew ġuridika li jkollha kontroll fuq il-forniment ta' indiċi;
(3) “parametru referenzjarju” tfisser kwalunkwe indiċi li b'referenza għalih jiġi ddeterminat l-ammont pagabbli skont strument finanzjarju jew kuntratt finanzjarju jew il-valur ta' strument finanzjarju, jew indiċi li jintuża biex titkejjel il-prestazzjoni ta' fond ta' investiment bil-għan tal-monitoraġġ tar-rendiment ta' tali indiċi jew biex tiġi ddefinita l-allokazzjoni tal-assi ta' portafoll jew biex jiġu kkalkulati t-tariffi fuq il-prestazzjoni;
(4) “familja ta' parametri referenzjarji” tfisser grupp ta' parametri referenzjarji forniti mill-istess amministratur u determinati minn data tal-input tal-istess natura li jipprovdu miżuri speċifiċi tas-suq jew tar-realtà ekonomika li jkunu l-istess jew simili;
(5) “forniment ta' parametru referenzjarju” tfisser:
(a) l-amministrazzjoni tal-arranġamenti għad-determinazzjoni ta' parametru referenzjarju;
(b) il-ġbir, l-analiżi jew l-ipproċessar tad-data tal-input għall-iskop tad-determinazzjoni ta' parametru referenzjarju; u
(c) d-determinazzjoni ta' parametru referenzjarju permezz tal-applikazzjoni ta' formula jew metodu ieħor ta' kalkolu jew b'valutazzjoni tad-data tal-input ipprovduta għal dan l-għan;
(6) “amministratur” tfisser persuna fiżika jew ġuridika li jkollha kontroll fuq il-forniment ta' parametru referenzjarju;
(7) “użu ta' parametru referenzjarju” tfisser:
(a) il-ħruġ ta' strument finanzjarju li jirreferenzja indiċi jew kombinazzjoni ta' indiċi;
(b) id-determinazzjoni tal-ammont pagabbli skont strument finanzjarju jew kuntratt finanzjarju billi jiġi referenzjat indiċi jew kombinazzjoni ta' indiċi;
(c) li tkun parti f'kuntratt finanzjarju li jirreferenzja indiċi jew kombinazzjoni ta' indiċi;
(d) l-għoti ta' rata tas-self kif iddefinit fil-punt (j) tal-Artikolu 3 tad-Direttiva 2008/48/KE kkalkulata bħala differenza jew mark-up fuq indiċi jew kombinazzjoni ta' indiċijiet u li tintuża biss bħala referenza f'kuntratt finanzjarju li għalih il-kreditur huwa parti;
(e) il-kejl tal-prestazzjoni ta' fond ta' investiment permezz ta' indiċi jew kombinazzjoni ta' indiċi bl-għan tal-monitoraġġ tar-rendiment ta' tali indiċi jew kombinazzjoni ta' indiċi, tad-definizzjoni tal-allokazzjoni tal-assi ta' portafoll, jew tal-komputazzjoni tat-tariffi tal-prestazzjoni;
(8) “kontribuzzjoni ta' data tal-input” tfisser il-forniment ta' kwalunkwe data tal-input mhux disponibbli immedjatament lill-amministratur, jew lil persuna oħra għall-finijiet li tgħaddi għand amministratur, li hija meħtieġa f'konnessjoni mad-determinazzjoni ta' parametru referenzjarju, u li hija fornuta għal dak l-għan;
(9) “kontributur” tfisser persuna fiżika jew ġuridika li tikkontribwixxi data tal-input;
(10) “kontributur taħt superviżjoni” tfisser entità taħt superviżjoni li tikkontribwixxi data tal-input lill-amministratur li jinsab fl-Unjoni;
(11) “sottomettenti” tfisser persuna fiżika impjegata mill-kontributur għall-iskop li tikkontribwixxi data tal-input;
(12) “valutatur” tfisser impjegat ta' amministratur ta' parametru referenzjarju tal-komoditajiet, jew kwalunkwe persuna fiżika oħra, li s-servizzi tagħha jitqiegħdu għad-dispożizzjoni tal-amministratur jew taħt il-kontroll tal-amministratur, li tkun responsabbli għall-applikazzjoni ta' metodoloġija jew ġudizzju għal data tal-input jew informazzjoni oħra sabiex tintlaħaq valutazzjoni konklużiva dwar il-prezz ta' ċerta komodità;
(13) “ġudizzju espert” tfisser l-eżerċizzju ta' diskrezzjoni mill-amministratur jew mill-kontributur fir-rigward tal-użu ta' data fid-determinazzjoni ta' parametru referenzjarju, inkluż l-estrapolazzjoni ta' valuri minn tranżazzjonijiet preċedenti jew relatati, l-aġġustament tal-valuri għall-fatturi li jistgħu jinfluwenzaw il-kwalità ta' data bħall-avvenimenti tas-suq jew l-indeboliment tal-kwalità tal-kreditu ta' xerrej jew bejjiegħ, u l-ippeżar tal-offerti ta' kumpaniji li huma akbar minn tranżazzjoni konkluża partikolari;
(14) “data tal-input” tfisser id-data dwar il-valur ta' assi sottostanti wieħed jew aktar, jew il-prezzijiet, inklużi stimi tal-prezzijiet kwotazzjonijiet, kwotazzjonijiet impenjati jew valuri oħra użati minn amministratur biex jiddetermina parametru referenzjarju;
(15) “data tat-tranżazzjonijiet” tfisser il-prezzijiet, ir-rati, l-indiċi jew il-valuri osservabbli li jirrappreżentaw tranżazzjonijiet bejn kontropartijiet mhux affiljati f'suq attiv soġġett għal forzi kompetittivi tal-forniment u d-domanda;
(16) “strument finanzjarju” tfisser kwalunkwe strument elenkat fit-Taqsima C tal-Anness I tad-Direttiva 2014/65/UE li għalih saret talba għal ammissjoni għan-negozjar f'ċentru tan-negozjar, kif definit fil-punt (24) tal-Artikolu 4(1) tad-Direttiva 2014/65/UE, jew li jiġi nnegozjat f'ċentru tan-negozjar kif definit fil-punt (24) tal-Artikolu 4(1) tad-Direttiva 2014/65/UE jew permezz ta' internalizzatur sistematiku, kif definit fil-punt (20) tal-Artikolu 4(1) ta' dik id-Direttiva;
(17) “entità taħt superviżjoni” tfisser kwalunkwe minn dawn li ġejjin:
(a) istituzzjoni tal-kreditu kif definiti fil-punt (1) tal-Artikolu 4(1) tar-Regolament (UE) Nru 575/2013 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill ( 1 );
(b) ditta tal-investiment kif definit fil-punt (1) tal-Artikolu 4(1) tad-Direttiva 2014/65/UE;
(c) impriża tal-assigurazzjoni kif definit fil-punt (1) tal-Artikolu 13 tad-Direttiva 2009/138/KE tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill ( 2 );
(d) impriżi tar-riassigurazzjoni kif definit fil-punt (4) tal-Artikolu 13 tad-Direttiva 2009/138/KE;
(e) UCITS kif definit fl-Artikolu 1(2) tad-Direttiva 2009/65/KE jew, fejn applikabbli, kumpanija tal-maniġment tal-UCITS kif definit fil-punt (b) tal-Artikolu 2(1) ta' dik id-Direttiva;
(f) maniġers ta' fondi ta' investiment alternattiv (AIFMs) kif definit fil-punt (b) tal-Artikolu 4(1) tad-Direttiva 2011/61/UE tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill ( 3 );
(g) istituzzjoni għall-provvista ta' irtirar okkupazzjonali kif definit fil-punt (a) tal-Artikolu 6 tad-Direttiva 2003/41/KE tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill ( 4 );
(h) kreditur kif definit fil-punt (b) tal-Artikolu 3 tad-Direttiva 2008/48/KE għall-finijiet tal-ftehimiet ta' kreditu taħt il-punt (c) tal-Artikolu 3 ta' dik id-Direttiva;
(i) istituzzjoni mhux ta' kreditu kif definit fil-punt (10) tal-Artikolu 4 tad-Direttiva 2014/17/UE għall-finijiet tal-ftehimiet ta' kreditu kif definiti fil-punt (3) tal-Artikolu 4 ta' dik id-Direttiva;
(j) operatur tas-suq kif definit fil-punt (18) tal-Artikolu 4(1) tad-Direttiva 2014/65/UE;
(k) CCP kif definit fil-punt (1) tal-Artikolu 2 tar-Regolament (UE) Nru 648/2012 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill ( 5 );
(l) repożitorju tat-tranżazzjonijiet kif definit fil-punt (2) tal-Artikolu 2 tar-Regolament (UE) Nru 648/2012;
(m) amministratur;
(18) “kuntratt finanzjarju” tfisser:
(a) kwalunkwe ftehim ta' kreditu kif definit fil-punt (c) tal-Artikolu 3 tad-Direttiva 2008/48/KE;
(b) kwalunkwe ftehim ta' kreditu kif definit fil-punt (3) tal-Artikolu 4 tad-Direttiva 2014/17/UE;
(19) “fond ta' investiment” tfisser AIF kif definit fil-punt (a) tal-Artikolu 4(1) tad-Direttiva 2011/61/UE, jew UCITS kif definit fl-Artikolu 1(2) tad-Direttiva 2009/65/KE;
(20) “korp maniġerjali” tfisser il-korp jew korpi ta' amministratur jew entità taħt superviżjoni oħra, li jinħatru skont id-dritt nazzjonali, li jingħataw is-setgħa li jistabbilixxu l-istrateġija, l-objettivi u d-direzzjoni kumplessiva tal-amministratur jew entità taħt superviżjoni oħra, u li jissorveljaw u jwettqu monitoraġġ fuq it-teħid ta' deċiżjonijiet maniġerjali u jinkludu persuni li effettivament jidderieġu l-operat tal-amministratur jew tal-entità taħt superviżjoni oħra;
(21) “konsumatur” tfisser persuna fiżika li, f'kuntratti finanzjarji koperti minn dan ir-Regolament, tkun qed taġixxi għal finijiet li huma lil hinn mis-sengħa, in-negozju jew il-professjoni tagħha;
(22) “parametru referenzjarju tar-rati tal-imgħax” tfisser parametru referenzjarju li għall-finijiet tal-punt (1)(b)(ii) ta' dan il-paragrafu huwa determinat abbażi tar-rata li biha l-banek jistgħu jsellfu lil, jew jissellfu mingħand, banek jew aġenti oħra, barra minn banek fis-suq monetarju.
(23) “parametru referenzjarju tal-komoditajiet” tfisser parametru referenzjarju fejn l-assi sottostanti għall-finijiet tal-punt (1)(b)(ii) ta' dan il-paragrafu huwa komodità skont it-tifsira tal-punt (1) tal-Artikolu 2 tar-Regolament tal-Kummissjoni (KE) Nru 1287/2006 ( 6 ), bl-esklużjoni tal-kwoti ta' emissjonijiet kif imsemmija fil-punt (11) tat-Taqsima C tal-Anness I tad-Direttiva 2014/65/UE;
(24) “parametru referenzjarju ta' data regolata” tfisser parametru referenzjarju determinat bl-applikazzjoni ta' formula minn:
(a) data tal-input ikkontribwita kompletament u direttament minn:
(i) ċentru tan-negozjar kif definit fil-punt (24) tal-Artikolu 4(1) tad-Direttiva 2014/65/UE jew ċentru tan-negozjar f'pajjiż terz li għalih il-Kummissjoni adottat deċiżjoni ta' implimentazzjoni li l-qafas legali u superviżorju ta' dak il-pajjiż huwa kkunsidrat li għandu effett ekwivalenti fis-sens tal-Artikolu 28(4) tar-Regolament (UE) Nru 600/2014 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill ( 7 ), jew suq regolat ikkunsidrat ekwivalenti taħt l-Artikolu 2a tar-Regolament (UE) Nru 648/2012, iżda f'kull każ biss b'referenza għal data ta' tranżazzjoni li tikkonċerna strumenti finanzjarji;
(ii) arranġament approvat ta' pubblikazzjoni kif definit fil-punt (52) tal-Artikolu 4(1) tad-Direttiva 2014/65/UE jew fornitur ta' tejp ikkonsolidat kif definit fil-punt (53) tal-Artikolu 4(1) tad-Direttiva 2014/65/UE, skont ir-rekwiżiti obbligatorji tat-trasparenza ta' wara n-negozjar, iżda b'referenza biss għad-data tat-tranżazzjoni li tikkonċerna strumenti finanzjarji nnegozjati f'ċentru tan-negozjar;
(iii) mekkaniżmu ta' rappurtar approvat kif definit fil-punt (54) tal-Artikolu 4(1) tad-Direttiva 2014/65/UE, iżda b'referenza biss għad-data tat-tranżazzjoni li tikkonċerna strumenti finanzjarji nnegozjati f'ċentru tan-negozjar u li tista' tiġi żvelata skont ir-rekwiżiti obbligatorji ta' trasparenza ta' wara n-negozjar;
(iv) skambju tal-elettriku kif imsemmi fil-punt (j) tal-Artikolu 37(1) tad-Direttiva 2009/72/KE tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill ( 8 );
(v) skambju ta' gass naturali kif imsemmi fil-punt (j)tal-Artikolu 41(1) tad-Direttiva 2009/73/KE tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill ( 9 );
(vi) pjattaforma tal-irkant imsemmija fl-Artikolu 26 jew 30 tar-Regolament tal-Kummissjoni (UE) Nru 1031/2010 ( 10 );
(vii) fornitur tas-servizzi li l-amministratur tal-parametri referenzjarji jkun esternalizzalu l-ġbir tad-data skont l-Artikolu 10, sakemm il-fornitur tas-servizzi jirċievi d-data kompletament u direttament minn entità msemmija fil-punti (i) sa (vi);
(b) valuri netti tal-assi ta' fondi ta' investiment;
(25) “parametru referenzjarju ta' importanza kritika” tfisser parametru referenzjarju għajr parametru referenzjarju ta' data regolata li jissodisfa kwalunkwe mill-kundizzjonijiet stabbiliti fl-Artikolu 20(1) u li jinsab fuq il-lista stabbilita mill-Kummissjoni bis-saħħa ta' dak l-Artikolu;
(26) “parametru referenzjarju sinifikanti” tfisser parametru referenzjarju li jissodisfa l-kundizzjonijiet stabbiliti fl-Artikolu 24(1);
(27) “parametru referenzjarju mhux sinifikanti” tfisser parametru referenzjarju li ma jissodisfax il-kundizzjonijiet stabbiliti fl-Artikolu 20(1) u 24(1);
(28) “jinsab” tfisser, fir-rigward ta' persuna ġuridika, il-pajjiż terz fejn jinsab l-uffiċċju reġistrat ta' dik il-persuna jew indirizz uffiċjali ieħor, filwaqt li f'rabta ma' persuna fiżika, il-pajjiż fejn dik il-persuna hija residenti għal finijiet ta' taxxa;
(29) “awtorità pubblika” tfisser:
(a) kwalunkwe gvern jew amministrazzjoni pubblika oħra, inklużi l-entitajiet inkarigati bl-amministrazzjoni tad-dejn pubbliku jew li jintervjenu fiha;
(b) kwalunkwe entità jew persuna li twettaq funzjonijiet amministrattivi pubbliċi skont id-dritt nazzjonali jew li jkollha responsabbiltajiet jew funzjonijiet pubbliċi jew tipprovdi servizzi pubbliċi, inklużi miżuri ta' impjieg, attivitajiet ekonomiċi u inflazzjoni, taħt il-kontroll ta' entità fis-sens tal-punt (a).
2. Il-Kummissjoni għandha tingħata s-setgħa li tadotta atti delegati, b'konformità mal-Artikolu 49 sabiex tispeċifika aktar l-elementi tekniċi tad-definizzjonijiet stabbiliti fil-paragrafu 1 ta' dan l-Artikolu, b'mod partikolari li jispeċifikaw x'jikkostitwixxi tqiegħed għad-dispożizzjoni tal-pubbliku għall-finijiet tad-definizzjoni ta' indiċi.
Meta applikabbli, il-Kummissjoni għandha tqis l-iżviluppi teknoloġiċi jew tas-suq u l-konverġenza internazzjonali tal-prassi superviżorja fir-rigward tal-parametri referenzjarji.
3. Il-Kummissjoni għandha tadotta atti ta' implimentazzjoni sabiex tiġi stabbilita u rieżaminata lista ta' awtoritajiet pubbliċi fl-Unjoni li jaqgħu fl-ambitu tad-definizzjoni fil-punt (29) tal-paragrafu 1 ta' dan l-Artikolu. Dawk l-atti ta' implimentazzjoni għandhom jiġu adottati kont il-proċedura ta' eżami msemmija fl-Artikolu 50(2).
Meta applikabbli, il-Kummissjoni għandha tqis l-iżviluppi teknoloġiċi jew tas-suq u l-konverġenza internazzjonali tal-prassi superviżorja fir-rigward tal-parametri referenzjarji.
TITOLU II
INTEGRITÀ U AFFIDABBILTÀ TAL-PARAMETRU REFERENZJARJU
KAPITOLU 1
Governanza u kontroll mill-amministraturi
Artikolu 4
Rekwiżiti ta' governanza u ta' kunflitti ta' interess
1. Amministratur għandu jkollu fis-seħħ arranġamenti ta' governanza robusti, li jinkludu struttura organizzattiva ċara definita b'mod ċar, trasparenti u rwoli u responsabbiltajiet konsistenti għall-persuni kollha involuti fil-forniment ta' parametru referenzjarju.
Amministraturi għandhom jieħdu l-passi adegwati biex jidentifikaw u jevitaw jew jamministraw kunflitti ta' interess bejniethom, inklużi l-maniġers tagħhom, l-impjegati jew kwalunkwe persuna direttament jew indirettament marbuta magħhom b'kontroll u l-kontributuri jew l-utenti u biex jiżguraw li, fejn ikunu meħtieġa kwalunkwe ġudizzju jew diskrezzjoni fil-proċess ta' determinazzjoni tal-parametru referenzjarju, dawn jiġu eżerċitati b'mod indipendenti u onest.
2. Il-forniment ta' parametru referenzjarju għandu jkun separat b'mod operazzjonali minn kwalunkwe parti min-negozju tal-amministratur li tista' toħloq kunflitt ta' interess reali jew potenzjali.
3. Meta jqum kunflitt ta' interess fi ħdan amministratur minħabba l-istruttura ta' sjieda ta' dan tal-aħħar, interessi ta' kontroll jew attivitajiet oħra mwettqa minn kull entità li għandha jew tikkontrolla amministratur jew minn entità li hija proprjetà tal-amministratur jew ikkontrollata mill-amministratur jew kwalunkwe wieħed mill-affiljati tal-amministratur, li ma jistgħux jiġu mitigati b'mod adegwat, l-awtorità kompetenti rilevanti tista' titlob lill-amministratur biex jistabbilixxi funzjoni ta' sorveljanza indipendenti li għandha tinkludi rappreżentanza bbilanċjata ta' partijiet ikkonċernati, inklużi l-utenti u l-kontributuri.
4. Jekk tali kunflitt ta' interess ma jkunx jista' jiġi ġestit b'mod adegwat, l-awtorità kompetenti rilevanti tista' teżiġi li l-amministratur itemm l-attivitajiet jew ir-relazzjonijiet li joħolqu il-kunflitt ta' interess jew ma jibqax iforni l-parametru referenzjarju.
5. Amministratur għandu jippubblika jew jiżvela l-kunflitti ta' interess eżistenti jew potenzjali kollha lill-utenti ta' parametru referenzjarju, lill-awtorità kompetenti rilevanti u, meta rilevanti, lill-kontributuri, inklużi kunflitti ta' interess li jinħolqu mis-sjieda jew il-kontroll tal-amministratur.
6. Amministratur għandu jistabbilixxi u jopera politiki u proċeduri adegwati, kif ukoll arranġamenti organizzattivi effettivi, għall-identifikazzjoni, l-iżvelar, il-prevenzjoni, il-ġestjoni u l-mitigazzjoni ta' kunflitti ta' interess sabiex jiġu protetti l-integrità u l-indipendenza ta' determinazzjonijiet tal-parametri referenzjarji. Tali politiki u proċeduri għandhom jiġu rieżaminati u aġġornati regolarment. Il-politiki u l-proċeduri għandhom iqisu u jindirizzaw il-kunflitti ta' interess, il-livell ta' diskrezzjoni eżerċitata fil-proċess ta' determinazzjoni tal-parametru referenzjarju u r-riskji li joħloq il-parametru referenzjarju, u għandhom:
(a) jiżguraw il-kunfidenzjalità tal-informazzjoni kkontribwita lill-amministratur jew prodotta minnu, soġġett għall-obbligi tal-iżvelar u tat-trasparenza taħt dan ir-Regolament; u
(b) speċifikament jimmitigaw il-kunflitti ta' interess minħabba s-sjieda jew il-kontroll tal-amministratur, jew minħabba interessi oħra fil-grupp tal-amministratur jew b'riżultat ta' persuni oħra li jistgħu jeżerċitaw influwenza jew kontroll fuq l-amministratur f'dak li għandu x'jaqsam mad-determinazzjoni tal-parametru referenzjarju.
7. Amministraturi għandhom jiżguraw li l-impjegati tagħhom u kwalunkwe persuna fiżika oħra li s-servizzi tagħha jitqiegħdu għad-dispożizzjoni tagħhom jew taħt il-kontroll tagħhom u li huma involuti direttament fil-forniment ta' parametru referenzjarju:
(a) ikollhom il-ħiliet, l-għarfien u l-esperjenza meħtieġa għad-dmirijiet assenjati lilhom u jkunu soġġetti għal maniġment u superviżjoni effettivi;
(b) ma jkunux soġġetti għal influwenza jew kunflitti ta' interess mhux dovuti u li l-kumpens u l-evalwazzjoni tal-prestazzjoni ta' dawn il-persuni ma joħolqux kunflitti ta' interess jew b'mod ieħor jaffettwaw l-integrità tal-proċess ta' determinazzjoni tal-parametru referenzjarju;
(c) ma jkollhom l-ebda interess jew konnessjoni kummerċjali li jikkompromettu l-attivitajiet tal-amministratur ikkonċernat;
(d) ikunu pprojbiti milli jikkontribwixxu għal determinazzjoni ta' parametru referenzjarju permezz ta' involviment f'offerti ta' prezz, f'offerti ta' akkwist u tranżazzjonijiet fuq bażi personali jew f'isem parteċipanti fis-suq, ħlief fejn tali mod ta' kontribuzzjoni jkun meħtieġ b'mod espliċitu bħala parti mill-metodoloġija tal-parametru referenzjarju u jkun soġġett għal regoli speċifiċi f'dan ir-rigward; u
(e) ikunu soġġetti għal proċeduri effettivi li jikkontrollaw l-iskambju ta' informazzjoni ma' impjegati oħra involuti f'attivitajiet li jistgħu joħolqu riskju ta' kunflitti ta' interess jew ma' partijiet terzi, meta dik l-informazzjoni tista' taffettwa l-parametru referenzjarju.
8. Amministratur għandu jistabbilixxi proċeduri ta' kontroll intern speċifiċi biex jiżgura l-integrità u l-affidabbiltà tal-impjegat jew tal-persuna li jiddeterminaw il-parametru referenzjarju, inkluż, mill-inqas, l-iffirmar mill-maniġment qabel it-tixrid tal-parametru referenzjarju.
Artikolu 5
Rekwiżiti tal-funzjoni ta' sorveljanza
1. Amministraturi għandhom jistabbilixxu u jżommu funzjoni ta' sorveljanza permanenti u effettiva sabiex jiżguraw sorveljanza tal-aspetti kollha tal-forniment tal-parametri referenzjarji tagħhom.
2. Amministraturi għandhom jiżviluppaw u jżommu proċeduri robusti fir-rigward tal-funzjoni ta' sorveljanza tagħhom, li għandhom jiġu magħmula disponibbli għall-awtoritajiet kompetenti rilevanti.
3. Il-funzjoni ta' sorveljanza għandha topera b'integrità u għandu jkollha r-responsabbiltajiet li ġejjin, li għandhom jiġu aġġustati mill-amministratur abbażi tal-kumplessità, l-użu u l-vulnerabbiltà tal-parametru referenzjarju:
(a) rieżami tad-definizzjoni u l-metodoloġija tal-parametru referenzjarju tal-anqas annwalment;
(b) sorveljanza ta' kwalunkwe bidla fil-metodoloġija tal-parametru referenzjarju u possibbiltà li l-amministratur jintalab biex jikkonsulta dwar tali tibdil;
(c) sorveljanza tal-qafas ta' kontroll tal-amministratur, il-maniġment u l-operat tal-parametru referenzjarju, u, meta l-parametru referenzjarju jkun ibbażat fuq data tal-input minn kontributuri, il-kodiċi ta' kondotta msemmi fl-Artikolu 15;
(d) rieżami u approvazzjoni tal-proċeduri għall-waqfien tal-parametru referenzjarju, fosthom kwalunkwe konsultazzjoni dwar il-waqfien;
(e) sorveljanza ta' kwalunkwe parti terza involuta fil-forniment tal-parametru referenzjarju, inklużi l-aġenti tal-kalkolu jew tat-tixrid;
(f) valutazzjoni tal-awditi jew ir-rieżamijiet interni u esterni, u monitoraġġ tal-implimentazzjoni ta' azzjonijiet ta' rimedju identifikati;
(g) meta l-parametru referenzjarju jkun ibbażat fuq kontributuri, monitoraġġ tad-data tal-input u l-kontributuri u l-azzjonijiet tal-amministratur fil-kontestazzjoni jew il-validazzjoni tal-kontribuzzjonijiet tad-data tal-input;
(h) meta l-parametru referenzjarju jkun ibbażat fuq kontributuri, teħid ta' miżuri effettivi fir-rigward ta' kwalunkwe ksur tal-kodiċi ta' kondotta msemmi fl-Artikolu 15; u
(i) rappurtar lill-awtoritajiet kompetenti rilevanti ta' kwalunkwe kondotta ħażina mill-kontributuri meta l-parametru referenzjarju jkun ibbażat fuq data tal-input minn kontributuri, jew amministraturi, li l-funzjoni ta' sorveljanza ssir taf biha, u ta' kwalunkwe data tal-input anomala jew suspettuża.
4. Il-funzjoni ta' sorveljanza għandha titwettaq minn kumitat separat jew permezz ta' arranġament ieħor ta' governanza xierqa.
5. L-ESMA għandha tiżviluppa abbozz ta' standards tekniċi regolatorji biex tispeċifika l-proċeduri li jirrigwardaw il-funzjoni ta' sorveljanza u l-karatteristiċi tal-funzjoni ta' sorveljanza inkluża l-kompożizzjoni tagħha kif ukoll il-pożizzjonament tagħha fi ħdan l-istruttura organizzattiva tal-amministratur, sabiex jiġu żgurati l-integrità tal-funzjoni u l-assenza ta' kunflitti ta' interess. B'mod partikolari, l-ESMA għandha tiżviluppa lista mhux eżawrjenti ta' arranġamenti ta' governanza xierqa kif stabbilit fil-paragrafu 4.
L-ESMA għandha tagħmel distinzjoni bejn it-tipi differenti ta' parametri referenzjarji u setturi kif stipulat f'dan ir-Regolament u għandha tqis id-differenzi fl-istruttura ta' sjieda u ta' kontroll tal-amministraturi, in-natura, l-iskala u l-kumplessità tal-forniment tal-parametru referenzjarju, u r-riskju u l-impatt tal-parametru referenzjarju, anke fid-dawl tal-konverġenza internazzjonali tal-prassi superviżorja fir-rigward tar-rekwiżiti ta' governanza tal-parametri referenzjarji. Madankollu, l-abbozz ta' standards tekniċi regolatorji tal-ESMA ma għandux ikopri, jew japplika għal, amministraturi ta' parametri referenzjarji mhux sinifikanti.
L-ESMA għandha tissottometti dan l-abbozz ta' standards tekniċi regolatorji lill-Kummissjoni sal-1 ta' April 2017.
Il-Kummissjoni tingħata s-setgħa biex tadotta l-istandards tekniċi regolatorji msemmija fl-ewwel subparagrafu b'konformità mal-proċedura stabbilita fl-Artikoli 10 sa 14 tar-Regolament (UE) Nru 1095/2010.
6. L-ESMA tista' toħroġ linji gwida skont l-Artikolu 16 tar-Regolament (UE) Nru 1095/2010, indirizzati lil amministraturi ta' parametri referenzjarji mhux sinifikanti biex tispeċifika l-elementi msemmija fil-paragrafu 5 ta' dan l-Artikolu.
Artikolu 6
Rekwiżiti tal-qafas ta' kontroll
1. Amministraturi għandu jkollhom fis-seħħ qafas ta' kontroll li jiżgura li l-parametri referenzjarji tagħhom jiġu fornuti u ppubblikati jew magħmula disponibbli skont dan ir-Regolament.
2. Il-qafas ta' kontroll għandu jkun proporzjonat għal-livell ta' kunflitti ta' interess identifikat, il-grad ta' diskrezzjoni fil-forniment tal-parametru referenzjarju u n-natura tad-data tal-input tal-parametru referenzjarju.
3. Il-qafas ta' kontroll għandu jinkludi:
(a) maniġġar tar-riskju operattiv;
(b) kontinwità kummerċjali adegwata u effettiva u pjanijiet ta' rkupru minn diżastri;
(c) proċeduri ta' kontinġenza li huma fis-seħħ fil-każ ta' tfixkil fil-proċess ta' forniment tal-parametru referenzjarju.
4. Amministratur għandu jistabbilixxi miżuri biex:
(a) jiżgura li l-kontributuri jikkonformaw mal-kodiċi ta' kondotta msemmi fl-Artikolu 15 u mal-istandards applikabbli għad-data tal-input;
(b) tiġi monitorjata d-data tal-input inkluż, meta jkun fattibbli, il-monitoraġġ ta' data tal-input qabel il-pubblikazzjoni tal-parametru referenzjarju u l-validazzjoni ta' data tal-input wara l-pubblikazzjoni sabiex jiġu identifikati żbalji u anomaliji.
5. Il-qafas ta' kontroll għandu jkun dokumentat, rieżaminat u aġġornat kif xieraq u għandu jitqiegħed għad-dispożizzjoni tal-awtorità kompetenti rilevanti, u fuq talba, tal-utenti.
Artikolu 7
Rekwiżiti tal-qafas ta' responsabbiltà
1. Amministratur għandu jkollu fis-seħħ qafas ta' responsabbiltà, li jkopri ż-żamma tar-rekords, l-awditjar u r-rieżami, u proċess tal-ilmenti, li jipprovdi evidenza ta' konformità mar-rekwiżiti ta' dan ir-Regolament.
2. Amministratur għandu jaħtar funzjoni interna, bil-kapaċità meħtieġa li tirrieżamina u tirrapporta dwar il-konformità tal-amministratur mal-metodoloġija tal-parametru referenzjarju u ma' dan ir-Regolament.
3. Għal parametri referenzjarji ta' importanza kritika, amministratur għandu jaħtar awditur estern indipendenti biex jirrieżamina u jirrapporta dwar il-konformità tal-amministratur mal-metodoloġija tal-parametru referenzjarju u dan ir-Regolament, tal-anqas annwalment.
4. Fuq it-talba tal-awtorità kompetenti rilevanti, amministratur għandu jipprovdi lill-awtorità kompetenti rilevanti d-dettalji tar-rieżamijiet u r-rapporti previsti fil-paragrafu 2. Fuq it-talba tal-awtorità kompetenti rilevanti jew ta' kwalunkwe utent tal-parametru referenzjarju, amministratur għandu jippubblika d-dettalji tal-awditi previsti fil-paragrafu 3.
Artikolu 8
Rekwiżiti ta' żamma ta' rekords
1. Amministratur għandu jżomm rekords ta':
(a) id-data tal-input kollha inkluż l-użu ta' tali data;
(b) il-metodoloġija użata għad-determinazzjoni tal-parametru referenzjarju;
(c) kwalunkwe eżerċizzju ta' ġudizzju jew diskrezzjoni mill-amministratur u, meta applikabbli, mill-valutaturi, fid-determinazzjoni tal-parametru referenzjarju, inkluż ir-raġunament għall-ġudizzju jew id-diskrezzjoni msemmija;
(d) in-nuqqas ta' kunsiderazzjoni ta' kwalunkwe data tal-input, b'mod partikolari meta tkun ikkonformat mar-rekwiżiti tal-metodoloġija tal-parametru referenzjarju, u r-raġunament għal tali nuqqas ta' kunsiderazzjoni;
(e) bidliet oħra fil-metodoloġiji u l-proċeduri standard jew devjazzjonijiet minnhom, fosthom dawk magħmula matul perjodi ta' stress u tfixkil fis-suq;
(f) l-identitajiet tas-sottomettenti u tal-persuni fiżiċi impjegati mill-amministratur għad-determinazzjoni ta' parametru referenzjarju;
(g) id-dokumenti kollha dwar kwalunkwe lment, fosthom dawk sottomessi mill-ilmentatur; u
(h) il-konverżazzjonijiet telefoniċi jew tal-komunikazzjonijiet elettroniċi bejn kwalunkwe persuna impjegata mill-amministratur u l-kontributuri jew is-sottomettenti fir-rigward ta' parametru referenzjarju.
2. Amministratur għandu jżomm ir-rekords stipulati fil-paragrafu 1 għal mill-inqas ħames snin f'tali forma li jkunu jistgħu jiġu rreplikati u jinftiehmu għalkollox id-determinazzjoni ta' parametru referenzjarju u li jippermettu awditu jew evalwazzjoni tad-data tal-input, tal-kalkoli, il-ġudizzji u d-diskrezzjoni. Ir-rekords ta' konverżazzjonijiet telefoniċi jew komunikazzjonijiet elettroniċi rrekordjati skont il-punt (h) tal-paragrafu 1 għandhom jiġu pprovduti lill-persuni involuti fil-konverżazzjoni jew fil-komunikazzjoni fuq talba u għandhom jinżammu għal perjodu ta' tliet snin.
Artikolu 9
Mekkaniżmu ta' ġestjoni tal-ilmenti
1. Amministratur għandu jkollu fis-seħħ u jippubblika proċeduri biex jirċievi, jinvestiga u jżomm rekords dwar l-ilmenti li jsiru, inkluż dwar proċess ta' determinazzjoni tal-parametru referenzjarju.
2. Tali mekkaniżmu ta' ġestjoni tal-ilmenti għandu jiżgura li:
(a) l-amministratur iqiegħed għad-dispożizzjoni l-politika ta' ġestjoni tal-ilmenti, li permezz tagħha jistgħu jitressqu lmenti dwar jekk determinazzjoni ta' parametru referenzjarju speċifiku hijiex rappreżentattiva tal-valur tas-suq, dwar tibdil propost għall-proċess ta' determinazzjoni ta' parametru referenzjarju, dwar applikazzjoni tal-metodoloġija fir-rigward ta' determinazzjoni ta' parametru referenzjarju speċifiku, u dwar deċiżjonijiet oħra fir-rigward tal-proċess ta' determinazzjoni ta' parametru referenzjarju;
(b) l-ilmenti jiġu investigati b'mod f'waqtu u ġust u l-eżitu tal-investigazzjoni jiġi kkomunikat lill-ilmentatur f'perjodu raġonevoli ta' żmien sakemm tali komunikazzjoni ma tmurx kontra l-objettivi tal-politika pubblika, jew ir-Regolament (UE) Nru 596/2014; u
(c) l-inkjesta titwettaq indipendentement minn kwalunkwe persunal li jista' jkun jew seta' kien involut fis-suġġett tal-ilment.
Artikolu 10
Esternalizzazzjoni
1. L-amministraturi ma għandhomx jesternalizzaw funzjonijiet fil-forniment ta' parametru referenzjarju b'tali mod li materjalment jiġi mfixkel il-kontroll tal-amministratur fuq il-forniment tal-parametru referenzjarju jew il-kapaċità tal-awtorità kompetenti rilevanti li tissorvelja l-parametru referenzjarju.
2. Meta amministratur jesternalizza lil fornitur ta' servizz funzjonijiet jew kwalunkwe servizz u attività rilevanti fil-forniment ta' parametru referenzjarju, l-amministratur għandu jibqa' kompletament responsabbli għat-twettiq tal-obbligi tal-amministratur kollha skont dan ir-Regolament.
3. Meta sseħħ esternalizzazzjoni, l-amministratur għandu jiżgura li jiġu ssodisfati l-kundizzjonijiet li ġejjin:
(a) il-fornitur tas-servizz ikollu l-abbiltà, il-kapaċità u kwalunkwe awtorizzazzjoni meħtieġa bil-liġi, biex iwettaq il-funzjonijiet, is-servizzi jew l-attivitajiet esternalizzati b'mod affidabbli u professjonali;
(b) l-amministratur iqiegħed għad-dispożizzjoni tal-awtoritajiet kompetenti rilevanti l-identità u l-kompiti tal-fornitur tas-servizz li jipparteċipa fil-proċess tad-determinazzjoni tal-parametru referenzjarju;
(c) l-amministratur jieħu azzjoni xierqa jekk ikun jidher li l-fornitur tas-servizz jista' ma jkunx qiegħed iwettaq il-funzjonijiet esternalizzati b'mod effettiv u b'konformità mal-liġi applikabbli u mar-rekwiżiti regolatorji;
(d) l-amministratur iżomm l-għarfien espert meħtieġ biex jissorvelja l-funzjonijiet esternalizzati b'mod effettiv u biex jiġġestixxi r-riskji assoċjati mal-esternalizzazzjoni;
(e) il-fornitur tas-servizz jiżvela lill-amministratur kwalunkwe żvilupp li jista' jkollu impatt materjali fuq l-abbiltà tiegħu li jwettaq il-funzjonijiet esternalizzati b'mod effettiv u b'konformità mal-liġi applikabbli u mar-rekwiżiti regolatorji;
(f) il-fornitur tas-servizz jikkoopera mal-awtorità kompetenti rilevanti fir-rigward tal-attivitajiet esternalizzati, u l-amministratur u l-awtorità kompetenti rilevanti jkollhom aċċess effettiv għal data relatata mal-attivitajiet esternalizzati, kif ukoll għas-siti tal-operat tal-fornitur tas-servizz, u l-awtorità kompetenti rilevanti tkun tista' teżerċita dawk id-drittijiet ta' aċċess;
(g) l-amministratur jkun jista' jittermina l-arranġamenti ta' esternalizzazzjoni meta jkun meħtieġ;
(h) l-amministratur jieħu passi raġonevoli, inklużi pjanijiet ta' kontinġenza, biex jevita riskju operazzjonali eċċessiv marbut mal-parteċipazzjoni tal-fornitur tas-servizz fil-proċess ta' determinazzjoni tal-parametru referenzjarju.
KAPITOLU 2
Data tal-input, metodoloġija u rappurtar tal-ksur
Artikolu 11
Data tal-input
1. Il-forniment ta' parametru referenzjarju għandu jkun regolat bir-rekwiżiti li ġejjin fir-rigward tad-data tal-input tiegħu:
(a) id-data tal-input għandha tkun suffiċjenti biex tirrappreżenta b'mod eżatt u affidabbli is-suq jew ir-realtà ekonomika li l-parametru referenzjarju huwa maħsub biex ikejjel.
Id-data tal-input għandha tkun data tat-tranżazzjonijiet, jekk disponibbli u xierqa. Jekk id-data tat-tranżazzjonijiet ma tkunx suffiċjenti jew ma tkunx xierqa biex tirrappreżenta b'mod eżatt u affidabbli s-suq jew ir-realtà ekonomika li l-parametru referenzjarju hu maħsub biex ikejjel, tista' tintuża data tal-input li ma tkunx data tat-tranżazzjonijiet, inklużi stimi ta' prezzijiet, kwotazzjonijiet u kwotazzjonijiet impenjati, jew valuri oħrajn;
(b) id-data tal-input imsemmija fil-punt (a) għandha tkun verifikabbli;
(c) l-amministratur għandu jfassal u jippubblika linji gwida ċari dwar it-tipi ta' data tal-input, il-prijorità tal-użu ta' tipi differenti ta' data tal-input u l-eżerċizzju ta' ġudizzju espert, sabiex tiġi żgurata l-konformità mal-punt (a) u l-metodoloġija;
(d) meta parametru referenzjarju jkun ibbażat fuq data tal-input minn kontributuri, l-amministratur għandu jikseb, meta jkun xieraq, id-data tal-input minn panel jew kampjun affidabbli u rappreżentattiv ta' kontributuri sabiex jiżgura li l-parametru referenzjarju li jirriżulta jkun affidabbli u rappreżentattiv tas-suq jew tar-realtà ekonomika li l-parametru referenzjarju huwa maħsub biex ikejjel;
(e) amministratur ma għandux juża data tal-input minn kontributur jekk l-amministratur ikollu kwalunkwe indikazzjoni li l-kontributur ma jikkonformax mal-kodiċi ta' kondotta msemmi fl-Artikolu 15, u f'tali każ għandu jottjeni data disponibbli pubblika rappreżentattiva.
2. Amministraturi għandhom jiżguraw li l-kontrolli tagħhom fir-rigward tad-data tal-input jinkludu:
(a) kriterji li jiddeterminaw min jista' jikkontribwixxi data tal-input lill-amministratur u proċess għall-għażla tal-kontributuri;
(b) proċess għall-evalwazzjoni ta' data tal-input ta' kontributur, u biex il-kontributur jitwaqqaf milli jipprovdi aktar data tal-input, jew biex jiġu applikati penali oħra għal nonkonformità kontra l-kontributur, meta jkun xieraq; u
(c) proċess għall-validazzjoni ta' data tal-input, anke mqabbla ma' indikaturi jew data oħra, sabiex tiġi żgurata l-integrità u l-eżattezza tagħha.
3. Meta d-data tal-input ta' parametru referenzjarju tkun ikkontribwita minn funzjoni ta' uffiċċju tan-negozjar, jiġifieri kwalunkwe dipartiment, diviżjoni, grupp, jew persunal ta' kontributuri jew kwalunkwe wieħed mill-affiljati tiegħu li jwettaq kwalunkwe attività ta' pprezzar, negozju, bejgħ, kummerċjalizzazzjoni, reklamar, solleċitazzjoni, strutturar, jew attivitajiet ta' senserija, l-amministratur għandu:
(a) jikseb data minn sorsi oħra li tikkorrobora dik id-data tal-input; u
(b) jiżgura li l-kontributuri jkollhom fis-seħħ proċeduri ta' sorveljanza u verifika interni adegwati.
4. Meta amministratur iqis li d-data tal-input ma tirrappreżentax is-suq jew ir-realtà ekonomika li parametru referenzjarju hu maħsub biex ikejjel, dak l-amministratur għandu, f'perjodu raġonevoli, jibdel id-data tal-input, il-kontributuri jew il-metodoloġija biex jiżgura li d-data tal-input tirrappreżenta tali suq jew realtà ekonomika, jew inkella ma jibqax iforni dak il-parametru referenzjarju.
5. L-ESMA għandha tiżviluppa abbozz ta' standards tekniċi regolatorji biex tispeċifika aktar kif jista' jiġi żgurat li d-data tal-input hija adegwata u verifikabbli, kif meħtieġ skont il-punti (a) u (b) tal-paragrafu 1, kif ukoll il-proċeduri ta' sorveljanza u verifika interni ta' kontributur li l-amministratur huwa obbligat jiżgura li jkunu fis-seħħ, b'konformità mal-punt (b) tal-paragrafu 3, sabiex jiġu żgurati l-integrità u l-eżattezza tad-data tal-input. Madankollu, l-abbozz ta' standards tekniċi regolatorji tal-ESMA ma għandux ikopri, jew japplika għal, amministraturi ta' parametri referenzjarji mhux sinifikanti.
L-ESMA għandha tqis it-tipi differenti ta' parametri referenzjarji u setturi kif stipulat f'dan ir-Regolament, in-natura tad-data tal-input, il-karatteristiċi tas-suq jew tar-realtà ekonomika sottostanti, u l-prinċipju tal-proporzjonalità, il-vulnerabbiltà tal-parametri referenzjarji għall-manipulazzjoni kif ukoll il-konverġenza internazzjonali ta' prassi superviżorja fir-rigward tal-parametri referenzjarji.
L-ESMA għandha tissottometti dak l-abbozz ta' standards tekniċi regolatorji lill-Kummissjoni sal-1 ta' April 2017.
Il-Kummissjoni tingħata s-setgħa li tadotta l-istandards tekniċi regolatorji msemmija fl-ewwel subparagrafu b'konformità mal-proċedura stabbilita fl-Artikoli 10 sa 14 tar-Regolament (UE) Nru 1095/2010.
6. L-ESMA tista' toħroġ linji gwida skont l-Artikolu 16 tar-Regolament (UE) Nru 1095/2010, indirizzati lil amministraturi ta' parametri referenzjarji mhux sinifikanti biex tispeċifika l-elementi msemmija fil-paragrafu 5 ta' dan l-Artikolu.
Artikolu 12
Metodoloġija
1. Amministratur għandu juża metodoloġija għad-determinazzjoni ta' parametru referenzjarju li:
(a) tkun robusta u affidabbli;
(b) ikollha regoli ċari li jidentifikaw kif u meta tista' tiġi eżerċitata d-diskrezzjoni fid-determinazzjoni ta' dak il-parametru referenzjarju;
(c) tkun rigoruża, kontinwa u kapaċi għal validazzjoni, inkluż, fejn ikun xieraq, ittestjar retrospettiv ma' data tat-tranżazzjonijiet disponibbli;
(d) tkun reżiljenti u tiżgura li l-parametru referenzjarju jista' jiġi kkalkolat fl-aktar sett wiesa' ta' ċirkostanzi possibbli, mingħajr ma tikkomprometti l-integrità tiegħu;
(e) tkun traċċabbli u verifikabbli.
2. Meta jiżviluppa l-metodoloġija tal-parametru referenzjarju, l-amministratur tal-parametru referenzjarju għandu:
(a) iqis il-fatturi inklużi d-daqs u l-likwidità normali tas-suq, it-trasparenza tan-negozjar u l-pożizzjonijiet tal-parteċipanti fis-suq, il-konċentrazzjoni tas-suq, id-dinamika tas-suq, u l-adegwatezza ta' kwalunkwe kampjun li jirrappreżenta s-suq jew ir-realtà ekonomika li l-parametru referenzjarju huwa intenzjonat li jkejjel;
(b) jiddetermina x'jikkostitwixxi suq attiv għall-finijiet ta' dak il-parametru referenzjarju; u
(c) jistabbilixxi l-prijorità mogħtija lil tipi differenti ta' data tal-input.
3. Amministratur għandu jkollu fis-seħħ arranġamenti ppubblikati ċari li jidentifikaw iċ-ċirkostanzi li fihom il-kwantità jew il-kwalità tad-data tal-input jaqgħu taħt l-istandards meħtieġa għall-metodoloġija sabiex il-parametru referenzjarju jiġi determinat b'mod eżatt u affidabbli, u li jiddeskrivu jekk u kif il-parametru referenzjarju se jiġi kkalkolat f'tali ċirkostanzi.
Artikolu 13
Trasparenza tal-metodoloġija
1. Amministratur għandu jiżviluppa, jopera u jamministra l-parametru referenzjarju u l-metodoloġija b'mod trasparenti. Għal dak l-għan, l-amministratur għandu jippubblika jew jagħmel disponibbli l-informazzjoni li ġejja:
(a) l-elementi ewlenin tal-metodoloġija li l-amministratur juża għal kull wieħed mill-parametri referenzjarji forniti u ppubblikati jew, meta applikabbli, għal kull familja ta' parametri referenzjarji forniti u ppubblikati;
(b) dettalji dwar ir-rieżami intern u l-approvazzjoni ta' metodoloġija partikolari, kif ukoll il-frekwenza ta' tali rieżami;
(c) il-proċeduri għall-konsultazzjoni dwar kwalunkwe bidla materjali proposta fil-metodoloġija tal-amministratur u r-raġunament għal tali bidliet, inkluża definizzjoni ta' x'jikkostitwixxi bidla materjali u ċ-ċirkostanzi li fihom meta jkun jrid jinnotifika lill-utenti bi kwalunkwe tali bidla.
2. Il-proċeduri meħtieġa skont il-punt (c) tal-paragrafu 1 għandhom jipprovdu għal:
(a) avviż bil-quddiem, b'perjodu ta' żmien ċar, li jagħti l-opportunità biex jiġi analizzat l-impatt ta' tali tibdil materjali propost u jsiru kummenti dwaru; u
(b) il-kummenti msemmija fil-punt (a) ta' dan il-paragrafu, u r-reazzjoni tal-amministratur għal dawk il-kummenti, li isiru aċċessibbli wara kwalunkwe konsultazzjoni, ħlief meta tkun intalbet il-kunfidenzjalità mill-oriġinatur tal-kummenti.
3. L-ESMA għandha tiżviluppa abbozz ta' standards tekniċi regolatorji biex tispeċifika aktar l-informazzjoni li għandha tiġi pprovduta minn amministratur b'konformità mar-rekwiżiti stabbiliti fil-paragrafi 1 u 2, filwaqt li tiddistingwi bejn it-tipi differenti ta' parametri referenzjarji u setturi kif stipulat f'dan ir-Regolament. L-ESMA għandha tqis il-ħtieġa li jiġu żvelati dawk l-elementi tal-metodoloġija li jipprovdu biżżejjed dettall biex l-utenti jkunu jistgħu jifhmu kif parametru referenzjarju huwa pprovdut u jivvalutaw il-kwalità rappreżentattiva tiegħu, ir-rilevanza tiegħu għal utenti partikolari u l-adegwatezza tiegħu bħala referenza għal strumenti finanzjarji u kuntratti finanzjarji u l-prinċipju tal-proporzjonalità. Madankollu, l-abbozz ta' standards tekniċi regolatorji tal-ESMA ma għandux ikopri, jew japplika għal, amministraturi ta' parametri referenzjarji mhux sinifikanti.
L-ESMA għandha tissottometti dak l-abbozz ta' standards tekniċi regolatorji lill-Kummissjoni sal-1 ta' April 2017.
Il-Kummissjoni tingħata s-setgħa li tadotta l-istandards tekniċi regolatorji msemmija fl-ewwel subparagrafu b'konformità mal-Artikoli 10 sa 14 tar-Regolament (UE) Nru 1095/2010.
4. L-ESMA tista' toħroġ linji gwida b'konformità mal-Artikolu 16 tar-Regolament (UE) Nru 1095/2010, indirizzati lil amministraturi ta' parametri referenzjarji mhux sinifikanti biex tispeċifika aktar l-elementi msemmija fil-paragrafu 3 ta' dan l-Artikolu.
Artikolu 14
Rappurtar ta' ksur
1. Amministratur għandu jistabbilixxi sistemi adegwati u kontrolli effettivi li jiżguraw l-integrità tad-data tal-input sabiex ikun jista' jidentifika u jirrapporta lill-awtorità kompetenti nazzjonali kwalunkwe kondotta li tista' tinvolvi manipulazzjoni jew tentattiv ta' manipulazzjoni ta' parametru referenzjarju, skont ir-Regolament (UE) Nru 596/2014.
2. Amministratur għandu jimmonitorja d-data tal-input u l-kontributuri sabiex ikun jista' jinnotifika lill-awtorità kompetenti u jipprovdi l-informazzjoni rilevanti kollha fejn l-amministratur jissuspetta li, fir-rigward ta' parametru referenzjarju, kien hemm kwalunkwe kondotta li tista' tinvolvi manipulazzjoni jew tentattiv ta' manipulazzjoni ta' parametru referenzjarju skont ir-Regolament (UE) Nru 596/2014, inkluża kollużjoni biex isir hekk.
L-awtorità kompetenti tal-amministratur, meta applikabbli, għandha tittrasmetti tali informazzjoni lill-awtorità rilevanti skont ir-Regolament (UE) Nru 596/2014.
3. Amministraturi għandhom jkollu fis-seħħ proċeduri għall-maniġers tagħhom, l-impjegati tagħhom u kwalunkwe persuna fiżika oħra li s-servizzi tagħha jitqiegħdu għad-dispożizzjoni tagħhom jew taħt il-kontroll tagħhom biex jirrappurtaw ksur intern ta' dan ir-Regolament.
KAPITOLU 3
Kodiċi ta' kondotta u rekwiżiti għall-kontributuri
Artikolu 15
Kodiċi ta' kondotta
1. Meta parametru referenzjarju jkun ibbażat fuq data tal-input minn kontributuri, l-amministratur għandu jiżviluppa kodiċi ta' kondotta għal kull parametru referenzjarju li jispeċifika biċ-ċar ir-responsabbiltajiet tal-kontributuri fir-rigward tal-kontribut tad-data tal-input u għandu jiżgura li tali kodiċi ta' kondotta jikkonforma ma' dan ir-Regolament. L-amministratur għandu jkun sodisfatt li l-kontributuri jikkonformaw mal-kodiċi ta' kondotta fuq bażi kontinwa u mill-inqas kull sena u f'każ ta' bidliet fih.
2. Il-kodiċi ta' kondotta għandu jinkludi tal-anqas l-elementi li ġejjin:
(a) deskrizzjoni ċara tad-data tal-input li għandha tiġi pprovduta u r-rekwiżiti meħtieġa biex jiġi żgurat li data tal-input tiġi pprovduta b'konformità mal-Artikoli 11 u 14;
(b) identifikazzjoni tal-persuni li jistgħu jikkontribwixxu data tal-input lill-amministratur u l-proċeduri biex tiġi verifikata l-identità ta' kontributur u ta' kwalunkwe sottomettent, kif ukoll awtorizzazzjoni ta' kwalunkwe sottomettent li jikkontribwixxi data tal-input f'isem kontributur;
(c) politiki biex jiġi żgurat li kontributur jipprovdi d-data tal-input rilevanti kollha;
(d) is-sistemi u l-kontrolli li kontributur meħtieġ jistabbilixxi, inklużi:
(i) proċeduri għall-kontribuzzjoni ta' data tal-input, inklużi r-rekwiżiti biex il-kontributur jispeċifika jekk data tal-input hijiex data tat-tranżazzjonijiet u jekk id-data tal-input hijiex konformi mar-rekwiżiti tal-amministratur;
(ii) politiki dwar l-użu tad-diskrezzjoni fil-kontribuzzjoni ta' data tal-input;
(iii) kwalunkwe rekwiżit għall-validazzjoni tad-data tal-input qabel ma tingħata lill-amministratur;
(iv) politiki taż-żamma ta' rekords;
(v) rekwiżiti ta' rappurtar dwar data tal-input suspettuża;
(vi) rekwiżiti dwar il-ġestjoni tal-kunflitti ta' interess.
3. Amministraturi jistgħu jiżviluppaw kodiċi ta' kondotta uniku għal kull familja ta' parametri referenzjarji li jipprovdu.
4. F'każ li l-awtorità kompetenti rilevanti, fl-eżerċizzju tas-setgħat tagħha msemmija fl-Artikolu 41, issib li hemm elementi ta' kodiċi ta' kondotta li ma jikkonformawx ma' dan ir-Regolament, għandha tinnotifika lill-amministratur ikkonċernat. L-amministratur għandu jaġġusta l-kodiċi ta' kondotta biex jiżgura li jikkonforma ma' dan ir-Regolament fi żmien 30 jum tax-xogħol minn tali notifika.
5. Fi żmien 15-il jum mid-data tal-applikazzjoni tad-deċiżjoni li jiġi inkluż parametru referenzjarju ta' importanza kritika fil-lista msemmija fl-Artikolu 20(1), l-amministratur ta' dak il-parametru referenzjarju ta' importanza kritika għandu jinnotifika l-kodiċi ta' kondotta lill-awtorità kompetenti rilevanti. L-awtorità kompetenti rilevanti għandha tivverifika, fi żmien 30 jum tax-xogħol, jekk il-kontenut tal-kodiċi ta' kondotta jikkonformax ma' dan ir-Regolament. Fil-każ li l-awtorità kompetenti rilevanti ssib elementi li ma jikkonformawx ma' dan ir-Regolament, għandu japplika l-paragrafu 4 ta' dan l-Artikolu.
6. L-ESMA għandha tiżviluppa abbozz ta' standards tekniċi regolatorji biex tispeċifika aktar l-elementi tal-kodiċi ta' kondotta msemmija fil-paragrafu 2 għat-tipi differenti ta' parametri referenzjarji u biex jitqiesu l-iżviluppi fil-parametri referenzjarji u s-swieq finanzjarji.
ESMA għandha tqis il-karatteristiċi differenti tal-parametri referenzjarji u tal-kontributuri, b'mod partikolari f'termini ta' differenzi fid-data tal-input u l-metodoloġiji, ir-riskji li d-data tal-input tiġi mmanipulata u l-konverġenza internazzjonali tal-prassi superviżorji fir-rigward ta' parametri referenzjarji.
L-ESMA għandha tissottometti dak l-abbozz ta' standards tekniċi regolatorji lill-Kummissjoni sal-1 ta' April 2017.
Il-Kummissjoni tingħata s-setgħa li tadotta l-istandards tekniċi regolatorji msemmija fl-ewwel subparagrafu b'konformità mal-proċedura stabbilita fl-Artikoli 10 sa 14 tar-Regolament (UE) Nru 1095/2010.
Artikolu 16
Rekwiżiti ta' governanza u kontroll għal kontributuri taħt superviżjoni
1. Ir-rekwiżiti ta' governanza u ta' kontroll li ġejjin għandhom japplikaw għal kontributur taħt superviżjoni:
(a) il-kontributur taħt superviżjoni għandu jiżgura li l-forniment ta' data tal-input ma jkun affettwat mill-ebda kunflitt ta' interess eżistenti u li fejn tkun meħtieġa kwalunkwe diskrezzjoni, din tiġi eżerċitata b'mod indipendenti u onest fuq il-bażi tal-informazzjoni rilevanti skont il-kodiċi ta' kondotta msemmi fl-Artikolu 15;
(b) il-kontributur taħt superviżjoni għandu jkollu fis-seħħ qafas ta' kontroll li jiżgura l-integrità, l-eżattezza u l-affidabbiltà tad-data tal-input u li d-data tal-input tiġi pprovduta f'konformità ma' dan ir-Regolament u l-kodiċi ta' kondotta msemmi fl-Artikolu 15.
2. Kontributur taħt superviżjoni għandu jkollu fis-seħħ sistemi u kontrolli effettivi sabiex tiġi żgurata l-integrità u l-affidabbiltà tal-kontribuzzjonijiet kollha ta' data tal-input lill-amministratur, inklużi:
(a) kontrolli dwar min jista' jissottometti data tal-input lil amministratur, inkluż, meta jkun proporzjonat, proċess ta' ffirmar minn persuna fiżika li jkollha pożizzjoni fi grad ogħla dik tas-sottomettenti;
(b) taħriġ xieraq għas-sottomettenti, li jkopri tal-anqas dan ir-Regolament u r-Regolament (UE) Nru 596/2014;
(c) miżuri għall-ġestjoni tal-kunflitti ta' interess, inkluża separazzjoni organizzattiva tal-impjegati meta jkun xieraq u kunsiderazzjoni ta' kif jitneħħew inċentivi, maħluqa mill-politiki ta' remunerazzjoni, biex jiġi mmanipulat kwalunkwe parametru referenzjarju;
(d) żamma ta' rekords, għal perjodu xieraq ta' żmien, tal-komunikazzjonijiet fir-rigward tal-forniment tad-data tal-input, ta' kull informazzjoni użata biex il-kontributur ikun jista' jagħmel kull sottomissjoni, u ta' kull kunflitt ta' interess eżistenti jew potenzjali, inkluż, iżda mhux limitat għal, l-esponiment tal-kontributur għal strumenti finanzjarji li jużaw parametru referenzjarju bħala referenza;
(e) iż-żamma ta' rekords ta' awditi interni u esterni.
3. Meta d-data tal-input tiddependi fuq ġudizzju espert, il-kontributuri taħt superviżjoni għandhom jistabbilixxu, minbarra s-sistemi u l-kontrolli msemmija fil-paragrafu 2, politiki li jiggwidaw kwalunkwe ġudizzju jew eżerċizzju tad-diskrezzjoni u għandhom jżommu rekords tar-raġunament għal kwalunkwe tali ġudizzju jew diskrezzjoni. Meta jkun proporzjonat, kontributuri taħt superviżjoni għandhom iqisu n-natura tal-parametru referenzjarju u d-data tal-input tagħha.
4. Kontributur taħt superviżjoni għandu jikkoopera bis-sħiħ mal-amministratur u l-awtorità kompetenti rilevanti fl-awditjar u s-superviżjoni tal-forniment ta' parametru referenzjarju u għandu jpoġġi għad-dispożizzjoni l-informazzjoni u r-rekords miżmuma skont il-paragrafi 2 u 3.
5. L-ESMA għandha tiżviluppa abbozz ta' standards tekniċi regolatorji li jispeċifikaw aktar ir-rekwiżiti li jikkonċernaw il-governanza, is-sistemi u l-kontrolli, u l-politiki stipulati fil-paragrafi 1, 2 u 3.
L-ESMA għandha tqis il-karatteristiċi differenti tal-parametri referenzjarji u l-kontributuri taħt superviżjoni, b'mod partikolari f'termini ta' differenzi fid-data tal-input provduta u l-metodoloġiji użati, ir-riskji ta' manipulazzjoni tad-data tal-input u n-natura tal-attivitajiet imwettqa mill-kontributuri taħt superviżjoni, u żviluppi fil-parametri referenzjarji u s-swieq finanzjarji fid-dawl tal-konverġenza internazzjonali tal-prassi superviżorji fir-rigward tal-parametri referenzjarji. Madankollu, l-abbozz ta' standards tekniċi regolatorji tal-ESMA ma għandux ikopri, jew japplika għal, kontributuri taħt superviżjoni ta' parametri referenzjarji mhux sinifikanti.
L-ESMA għandha tissottometti dak l-abbozz ta' standards tekniċi regolatorji lill-Kummissjoni sal-1 ta' April 2017.
Il-Kummissjoni tingħata s-setgħa li tadotta l-istandards tekniċi regolatorji msemmija fl-ewwel subparagrafu b'konformità mal-proċedura stabbilita fl-Artikoli 10 sa 14 tar-Regolament (UE) Nru 1095/2010.
6. L-ESMA tista' toħroġ linji gwida skont l-Artikolu 16 tar-Regolament (UE) Nru 1095/2010, indirizzati lil kontributuri għal parametri referenzjarji mhux sinifikanti biex tispeċifika l-elementi msemmija fil-paragrafu 5 ta' dan l-Artikolu.
TITOLU III
REKWIŻITI GĦAL TIPI DIFFERENTI TA' PARAMETRI REFERENZJARJI
KAPITOLU 1
Parametri referenzjarji ta' data regolata
Artikolu 17
Parametri referenzjarji ta' data regolata
1. L-Artikolu 11(1)(d) u (e), l-Artikolu 11(2) u (3), l-Artikolu 14(1) u (2), u l-Artikoli 15 u 16 ma għandhomx japplikaw għall-forniment ta', u l-kontribuzzjoni għal, parametri referenzjarji ta' data regolata. L-Artikolu 8(1)(a) ma għandux japplika għall-forniment ta' parametri referenzjarji ta' data regolata b'referenza għal data tal-input li hija kkontribwita kompletament u direttament kif speċifikat fil-punt (24) tal-Artikolu 3(1).
2. L-Artikoli 24 u 25 jew l-Artikolu 26 għandhom, kif applikabbli, japplikaw għall-forniment ta', u l-kontribuzzjoni għal parametri referenzjarji ta' data regolata li huma użati direttament jew indirettament fi ħdan kombinazzjoni ta' parametri referenzjarji bħala referenza għal strumenti finanzjarji jew kuntratti finanzjarji jew għall-kejl tal-prestazzjoni ta' fondi ta' investiment, b'valur totali sa massimu ta' EUR 500 biljun, abbażi tal-firxa kollha ta' maturitajiet jew termini tal-parametru referenzjarju, meta applikabbli.
KAPITOLU 2
Parametri referenzjarji tar-rati tal-imgħax
Artikolu 18
Parametri referenzjarji tar-rati tal-imgħax
Ir-rekwiżiti speċifiċi stabbiliti fl-Anness I għandhom japplikaw għall-forniment ta', u l-kontribuzzjoni għal, parametri referenzjarji tar-rati tal-imgħax flimkien ma', jew minflok, ir-rekwiżiti tat-Titolu II.
L-Artikoli 24, 25 u 26 ma għandhomx japplikaw għall-forniment ta', u l-kontribuzzjoni għal, parametri referenzjarji tar-rati tal-imgħax.
KAPITOLU 3
Parametri referenzjarji tal-komoditajiet
Artikolu 19
Parametri referenzjarji tal-komoditajiet
1. Ir-rekwiżiti speċifiċi stabbiliti fl-Anness II għandhom japplikaw minflok ir-rekwiżiti tat-Titolu II, bl-eċċezzjoni tal-Artikolu 10, għall-forniment ta', u l-kontribuzzjoni għal, parametri referenzjarji tal-komoditajiet, sakemm il-parametru referenzjarju in kwistjoni ma jkunx parametru referenzjarju ta' data regolata jew ikun ibbażat fuq sottomissjonijiet minn kontributuri li fil-maġġoranza tagħhom ikunu entitajiet taħt superviżjoni.
L-Artikoli 24, 25 u 26 ma għandhomx japplikaw għall-forniment tal-parametri referenzjarji tal-komoditajiet u l-kontribut għalihom.
2. Meta parametru referenzjarju tal-komoditajiet ikun parametru referenzjarju ta' importanza kritika u l-assi sottostanti jkun id-deheb, il-fidda jew il-platinu, għandhom japplikaw ir-rekwiżiti tat-Titolu II minflok l-Anness II.
KAPITOLU 4
Parametri referenzjarji ta' importanza kritika
Artikolu 20
Parametri referenzjarji ta' importanza kritika
1. Il-Kummissjoni għandha tadotta atti ta' implimentazzjoni f'konformità mal-proċedura ta' eżami msemmija fl-Artikolu 50(2) biex tistabbilixxi u tirrieżamina mill-inqas kull sentejn lista ta' parametri referenzjarji fornuti minn amministraturi li jinsabu fl-Unjoni li huma parametri referenzjarji ta' importanza kritika, sakemm tiġi ssodisfata waħda mill-kundizzjonijiet li ġejjin:
(a) il-parametru referenzjarju jintuża direttament jew indirettament fi ħdan kombinazzjoni ta' parametri referenzjarji bħala referenza għal strumenti finanzjarji jew kuntratti finanzjarji jew għall-kejl tal-prestazzjoni ta' fondi ta' investiment, b'valur totali ta' mill-inqas EUR 500 biljun abbażi tal-firxa kollha ta' maturitajiet jew termini tal-parametru referenzjarju, meta applikabbli;
(b) il-parametru referenzjarju huwa bbażat fuq sottomissjonijiet minn kontributuri li fil-maġġoranza tagħhom jinsabu fi Stat Membru wieħed u huwa rikonoxxut bħala ta' importanza kritika f'dak l-Istat Membru b'konformità mal-proċedura stabbilita fil-paragrafi 2, 3, 4 u 5 ta' dan l-Artikolu;
(c) il-parametru referenzjarju jissodisfa l-kriterji kollha li ġejjin:
(i) il-parametru referenzjarju jintuża direttament jew indirettament fi ħdan kombinazzjoni ta' parametri referenzjarji bħala referenza għal strumenti finanzjarji jew kuntratti finanzjarji jew għall-kejl tal-prestazzjoni ta' fondi ta' investiment, b'valur totali ta' mill-inqas EUR 400 biljun abbażi tal-firxa kollha ta' maturitajiet jew termini tal-parametru referenzjarju, iżda li ma jeċċedix il-valur previst fil-punt (a);
(ii) il-parametru referenzjarju ma għandu l-ebda sostitut xieraq orjentat lejn is-suq jew għandu ftit wisq minnhom;
(iii) fil-każ li l-parametru referenzjarju ma jibqax jiġi pprovdut, jew jiġi pprovdut abbażi ta' data tal-input li ma tibqax rappreżentattiva b'mod sħiħ tas-suq jew tar-realtà ekonomika sottostanti jew abbażi ta' data tal-input mhux affidabbli, ikun hemm impatti sinifikanti u negattivi fuq l-integrità tas-swieq, l-istabbiltà finanzjarja, il-konsumaturi, l-ekonomija reali, jew il-finanzjament ta' unitajiet domestiċi u negozji fi Stat Membru wieħed jew aktar.
Jekk parametru referenzjarju jissodisfa l-kriterji stipulati fil-punt (c)(ii) u (iii) iżda ma jissodisfax il-kriterju stipulat fil-punt (c)(i), l-awtoritajiet kompetenti tal-Istati Membri kkonċernati flimkien mal-awtorità kompetenti tal-Istat Membru fejn l-amministratur ikun stabbilit jistgħu jaqblu li tali parametru referenzjarju għandu jkun rikonoxxut bħala ta' importanza kritika skont dan is-subparagrafu. Fi kwalunkwe każ, l-awtorità kompetenti tal-amministratur għandha tikkonsulta lill-awtoritajiet kompetenti tal-Istati Membri kkonċernati. F'każ ta' nuqqas ta' qbil bejn l-awtoritajiet kompetenti, l-awtorità kompetenti tal-amministratur għandha tiddeċiedi jekk il-parametru referenzjarju għandu jiġi rikonoxxut bħala kritiku taħt dan is-subparagrafu, filwaqt li jitqiesu r-raġunijiet għan-nuqqas ta' qbil. L-awtoritajiet kompetenti, jew, fil-każ ta' nuqqas ta' qbil, l-awtorità kompetenti tal-amministratur, għandhom jittrasmettu l-valutazzjoni lill-Kummissjoni. Wara li tirċievi l-valutazzjoni, il-Kummissjoni għandha tadotta att ta' implimentazzjoni skont dan il-paragrafu. Barra minn hekk, fil-każ ta' nuqqas ta' qbil, l-awtorità kompetenti tal-amministratur għandha tittrasmetti l-valutazzjoni tagħha lill-ESMA li tista' tippubblika opinjoni.
2. Meta l-awtorità kompetenti ta' Stat Membru msemmi fil-punt (b) tal-paragrafu 1, tqis li amministratur taħt is-superviżjoni tagħha jipprovdi parametru referenzjarju li għandu jiġi rikonoxxut bħala ta' importanza kritika, għandha tinnotifika lill-ESMA u tittrasmetti valutazzjoni dokumentata.
3. Għall-finijiet tal-paragrafu 2, l-awtorità kompetenti għandha tivvaluta jekk il-waqfien tal-parametru referenzjarju jew il-forniment tiegħu abbażi ta' data tal-input jew ta' panel ta' kontributuri li ma għadhomx rappreżentattivi tas-suq jew tar-realtà ekonomika sottostanti jkollux impatt negattiv fuq l-integrità tas-swieq, l-istabbiltà finanzjarja, il-konsumaturi, l-ekonomija reali, jew il-finanzjament ta' unitajiet domestiċi u negozji fl-Istat Membru tagħha. L-awtorità kompetenti għandha tieħu inkunsiderazzjoni fil-valutazzjoni tagħha:
(a) il-valur ta' strumenti finanzjarji u kuntratti finanzjarji li jirreferenzjaw il-parametru referenzjarju u l-valur ta' fondi ta' investiment li jirreferenzjaw parametru referenzjarju għall-kejl tal-prestazzjoni tagħhom fl-Istat Membru u r-rilevanza tagħhom f'termini tal-valur totali tal-istrumenti finanzjarji u tal-kuntratti finanzjarji fis-seħħ, u tal-valur totali ta' fondi ta' investiment, fl-Istat Membru;
(b) il-valur ta' strumenti finanzjarji u kuntratti finanzjarji li jirreferenzjaw il-parametru referenzjarju u l-valur ta' fondi ta' investiment li jirreferenzjaw parametru referenzjarju għall-kejl tal-prestazzjoni tagħhom fl-Istat Membru u r-rilevanza tagħhom f'termini tal-prodott nazzjonali gross tal-Istat Membru;
(c) kwalunkwe ċifra oħra biex jiġi vvalutat b'mod oġġettiv l-impatt potenzjali tad-diskontinwità jew l-inaffidabbiltà tal-parametru referenzjarju fuq l-integrità tas-swieq, l-istabbiltà finanzjarja, il-konsumaturi, l-ekonomija reali il-finanzjament ta' unitajiet domestiċi u negozji fl-Istat Membru.
L-awtorità kompetenti għandha tirrieżamina l-valutazzjoni tagħha tal-importanza kritika tal-parametru referenzjarju mill-inqas kull sentejn, u għandha tinnotifika u tittrasmetti l-valutazzjoni ġdida lill-ESMA.
4. Fi żmien sitt ġimgħat minn meta tirċievi n-notifika msemmija fil-paragrafu 2, l-ESMA għandha toħroġ opinjoni dwar jekk il-valutazzjoni tal-awtorità kompetenti tikkonformax mar-rekwiżiti tal-paragrafu 3 u għandha tittrasmetti tali opinjoni lill-Kummissjoni, flimkien mal-valutazzjoni tal-awtorità kompetenti.
5. Il-Kummissjoni, wara li tirċievi l-opinjoni msemmija fil-paragrafu 4, għandha tadotta atti ta' implimentazzjoni f'konformità mal-paragrafu 1.
6. Il-Kummissjoni għandha tingħata s-setgħa li tadotta atti delegati f'konformità mal-Artikolu 49 sabiex:
(a) tispeċifika kif l-ammont nominali ta' strumenti finanzjarji għajr id-derivattivi, l-ammont nozzjonali ta' derivattivi u l-valur nett tal-assi ta' fondi ta' investiment għandhom jiġu vvalutati, inkluż fil-każ ta' referenza indiretta għal parametru referenzjarju fi ħdan kombinazzjoni ta' parametri referenzjarji, sabiex jiġu mqabbla mal-limiti msemmija fil-paragrafu 1 ta' dan l-Artikolu u fil-punt (a) tal-Artikolu 24(1);
(b) tirrieżamina l-metodu ta' kalkolu użat biex jiġu ddeterminati l-limiti msemmija fil-paragrafu 1 ta' dan l-Artikolu fid-dawl tal-iżviluppi regolatorji, fis-suq u fil-prezz kif ukoll l-adegwatezza tal-klassifikazzjoni ta' parametri referenzjarji b'valur totali ta' strumenti finanzjarji, kuntratti finanzjarji, jew investimenti finanzjarji li jirreferenzjawhom li huwa qrib il-limiti. Tali rieżami għandu jsir mill-inqas kull sentejn mill-1 ta' Jannar 2018];
(c) tispeċifika kif il-kriterji msemmija fil-punt (c)(iii) tal-paragrafu 1 ta' dan l-Artikolu għandhom jiġu applikati, filwaqt li titqies kwalunkwe data li tgħin biex jiġi vvalutat fuq bażi oġġettiva l-impatt potenzjali tad-diskontinwità jew l-inaffidabbiltà tal-parametru referenzjarju fuq l-integrità tas-swieq, l-istabbiltà finanzjarja, il-konsumaturi, l-ekonomija reali, jew il-finanzjament ta' unitajiet domestiċi u negozji fi Stat Membru wieħed jew aktar.
Meta applikabbli, il-Kummissjoni għandha tqis l-iżviluppi rilevanti teknoloġiċi jew tas-suq.
Artikolu 21
Amministrazzjoni obbligatorja ta' parametru referenzjarju ta' importanza kritika
1. Jekk amministratur ta' parametru referenzjarju ta' importanza kritika jkollu l-ħsieb li jieqaf iforni tali parametru referenzjarju huwa għandu:
(a) jinnotifika minnufih lill-awtorità kompetenti tiegħu; u
(b) fi żmien erba' ġimgħat minn tali notifika jissottometti valutazzjoni ta' kif il-parametru referenzjarju:
(i) għandu jingħadda lil amministratur ġdid; jew
(ii) għandu jieqaf milli jiġi fornit, filwaqt li titqies il-proċedura stabbilita fl-Artikolu 28(1).
Matul il-perjodu msemmi fil-punt (b) tal-ewwel subparagrafu, l-amministratur ma għandux iwaqqaf il-forniment tal-parametru referenzjarju.
2. Mal-wasla tal-valutazzjoni tal-amministratur imsemmija fil-paragrafu 1, l-awtorità kompetenti għandha:
(a) tinforma lill-ESMA u, meta applikabbli, lill-kulleġġ stabbilit taħt l-Artikolu 46; u
(b) fi żmien erba' ġimgħat, tagħmel il-valutazzjoni tagħha stess ta' kif il-parametru referenzjarju għandu jingħadda lil amministratur ġdid jew jieqaf milli jiġi fornit, filwaqt li titqies il-proċedura stabbilita f'konformità mal-Artikolu 28(1).
Matul il-perjodu ta' żmien imsemmi fil-punt (b) tal-ewwel subparagrafu ta' dan il-paragrafu, l-amministratur ma għandux iwaqqaf il-forniment tal-parametru referenzjarju mingħajr il-kunsens bil-miktub tal-awtorità kompetenti.
3. Wara t-tlestija tal-valutazzjoni msemmija fil-punt (b) tal-paragrafu 2, l-awtorità kompetenti għandu jkollha s-setgħa li tobbliga lill-amministratur ikompli jippubblika l-parametru referenzjarju sa meta:
(a) il-forniment tal-parametru referenzjarju jkun ingħadda lil amministratur ġdid;
(b) il-forniment tal-parametru referenzjarju jista' jitwaqqaf b'mod ordnat; jew
(c) il-parametru referenzjarju ma jkunx għadu ta' importanza kritika.
Għall-finijiet tal-ewwel subparagrafu, il-perjodu li matulu l-awtorità kompetenti tista' tobbliga lill-amministratur ikompli jippubblika l-parametru referenzjarju ma għandux jeċċedi 12-il xahar.
Sa tmiem dak il-perjodu l-awtorità kompetenti għandha tirrieżamina d-deċiżjoni tagħha li tobbliga lill-amministratur ikompli jippubblika l-parametru referenzjarju u tista', meta jkun meħtieġ, testendi l-perjodu ta' żmien b' perjodu xieraq li ma jaqbiżx 12-il xahar oħra. Il-perjodu massimu ta' amministrazzjoni obbligatorja ma għandux jeċċedi total ta' 24 xahar.
4. Mingħajr preġudizzju għall-paragrafu 1, f'każ li l-amministratur ta' parametru referenzjarju ta' importanza kritika għandu jiġi stralċat minħabba proċedimenti ta' insolvenza, l-awtorità kompetenti għandha tagħmel valutazzjoni ta' jekk u kif il-parametru referenzjarju ta' importanza kritika għandux jingħadda lil amministratur ġdid jew jistax jitwaqqaf il-forniment tiegħu b'mod ordnat, filwaqt li titqies il-proċedura stabbilita f'konformità mal-Artikolu 28(1).
Artikolu 22
Mitigazzjoni tas-setgħa tas-suq tal-amministraturi ta' parametri referenzjarji ta' importanza kritika
Mingħajr preġudizzju għall-applikazzjoni tad-dritt tal-kompetizzjoni tal-Unjoni, meta jipprovdi parametru referenzjarju ta' importanza kritika, l-amministratur għandu jieħu passi adegwati biex jiżgura li l-liċenzji ta', u informazzjoni dwar, il-parametru referenzjarju jiġu forniti lill-utenti kollha skont regoli trasparenti u mhux diskriminatorji bbażati fuq kriterji oġġettivi.
Artikolu 23
Kontribuzzjoni obbligatorja għal parametru referenzjarju ta' importanza kritika
1. Dan l-Artikolu għandu japplika għal parametri referenzjarji ta' importanza kritika bbażati fuq sottomissjoni minn kontributuri li fil-maġġoranza tagħhom huma entitajiet taħt superviżjoni.
2. Amministratur ta' parametru referenzjarju ta' importanza kritika wieħed jew aktar għandu, kull sentejn, jissottomettu lill-awtorità kompetenti tagħhom valutazzjoni tal-kapaċità ta' kull parametru referenzjarju ta' importanza kritika li jipprovdu għall-kejl tas-suq jew tar-realtà ekonomika sottostanti.
3. Jekk kontributur taħt superviżjoni għal parametru referenzjarju ta' importanza kritika jkollu l-intenzjoni li jieqaf jikkontribwixxi data tal-input, għandu jinnotifika fil-pront bil-miktub lill-amministratur tal-parametru referenzjarju, li għandu jgħarraf mingħajr dewmien lill-awtorità kompetenti ta' dak il-kontributur. Meta l-kontributur taħt superviżjoni jinsab fi Stat Membru ieħor, l-awtorità kompetenti tal-amministratur għandha tinforma, mingħajr dewmien, lill-awtorità kompetenti ta' dak il-kontributur. L-amministratur tal-parametru referenzjarju għandu jissottometti lill-awtorità kompetenti tiegħu valutazzjoni tal-implikazzjonijiet tal-kapaċità tal-parametru referenzjarju li jkejjel is-suq jew ir-realtà ekonomika sottostanti mill-aktar fis possibbli iżda mhux aktar tard minn 14-il jum wara n-notifika magħmula mill-kontributur taħt superviżjoni.
4. Mal-wasla ta' valutazzjoni tal-amministratur ta' parametru referenzjarju msemmi fil-paragrafi 2 u 3 ta' dan l-Artikolu u, abbażi ta' tali valutazzjoni, l-awtorità kompetenti tal-amministratur għandha tinforma fil-pront lill-ESMA u, meta applikabbli, lill-kulleġġ stabbilit taħt l-Artikolu 46, u tagħmel il-valutazzjoni tagħha stess dwar il-kapaċità tal-parametru referenzjarju li jkejjel is-suq u r-realtà ekonomika sottostanti, filwaqt li titqies il-proċedura tal-amministratur għall-waqfien tal-parametru referenzjarju stabbilit b'konformità mal-Artikolu 28(1).
5. Mid-data meta l-awtorità kompetenti tal-amministratur tkun innotifikata bl-intenzjoni ta' kontributur li jieqaf jikkontribwixxi data tal-input u sa meta titlesta l-valutazzjoni msemmija fil-paragrafu 4, hija għandu jkollha s-setgħa li teżiġi li l-kontributuri li għamlu n-notifika f'konformità mal-paragrafu 3 jkomplu jikkontribwixxu data tal-input, fi kwalunkwe każ għal perjodu ta' mhux aktar minn erba' ġimgħat, mingħajr ma timponi obbligu fuq entitajiet taħt superviżjoni li jinnegozjaw jew jikkommettu ruħhom għan-negozju.
6. F'każ li l-awtorità kompetenti, wara l-perjodu speċifikat fil-paragrafu 5 u abbażi tal-valutazzjoni tagħha stess imsemmija fil-paragrafu 4, tikkunsidra li r-rappreżentanza ta' parametru referenzjarju ta' importanza kritika tkun qed titqiegħed f'riskju, għandu jkollha s-setgħa li:
(a) teħtieġ lill-entitajiet taħt superviżjoni magħżula skont il-paragrafu 7 ta' dan l-Artikolu, inklużi entitajiet li għadhom mhumiex kontributuri għall-parametru referenzjarju ta' importanza kritika rilevanti, jikkontribwixxu data tal-input lill-amministratur skont il-metodoloġija tal-amministratur, il-kodiċi ta' kondotta msemmi fl-Artikolu 15 jew regoli oħra. Tali rekwiżit għandu jkun fis-seħħ għal perjodu xieraq ta' żmien li ma jaqbiżx 12-il xahar mid-data meta ttieħdet id-deċiżjoni inizjali li teħtieġ il-kontribuzzjoni obbligatorja skont il-paragrafu 5 jew, għal dawk l-entitajiet li jkunu għadhom mhumiex kontributuri, mid-data meta tittieħed id-deċiżjoni li teħtieġ il-kontribuzzjoni obbligatorja taħt dan il-punt;
(b) testendi l-perjodu ta' kontribuzzjoni obbligatorja b'perjodu ta' żmien xieraq li ma jaqbiżx 12-il xahar, wara rieżami taħt il-paragrafu 9 ta' kwalunkwe miżura adottata skont il-punt (a) ta' dan il-paragrafu;
(c) tiddetermina l-għamla li fiha, u ż-żmien sa meta, kull data tal-input għandha tiġi kkontribwita mingħajr ma timponi obbligu fuq entitajiet taħt superviżjoni li jinnegozjaw jew jikkommettu ruħhom għan-negozju;
(d) teħtieġ li l-amministratur ibiddel il-metodoloġija, il-kodiċi ta' kondotta msemmi fl-Artikolu 15, jew regoli oħra ta' parametru referenzjarju ta' importanza kritika.
Il-perjodu massimu ta' kontribuzzjonijiet obbligatorji taħt il-punti (a) u (b) tal-ewwel subparagrafu ma għandux jaqbeż ta' 24 xahar bħala total;
7. Għall-finijiet tal-paragrafu 6, entitajiet taħt superviżjoni li huma meħtieġa jikkontribwixxu data tal-input, għandhom jiġu magħżula mill-awtorità kompetenti tal-amministratur, b'kooperazzjoni mill-qrib tal-awtoritajiet kompetenti tal-entitajiet taħt superviżjoni, abbażi tad-daqs tal-parteċipazzjoni fis-suq reali u potenzjali tal-entità taħt superviżjoni li l-parametru referenzjarju huwa maħsub li jkejjel.
8. L-awtorità kompetenti ta' kontributur taħt superviżjoni li kien meħtieġ jikkontribwixxi għal parametru referenzjarju permezz ta' miżuri meħuda skont il-punt (a), (b) jew (c) tal-paragrafu 6 għandha tikkoopera mal-awtorità kompetenti tal-amministratur fl-infurzar tat-tali miżuri.
9. Sa tmiem il-perjodu msemmi fil-punt (a) tal-ewwel subparagrafu tal-paragrafu 6, l-awtorità kompetenti tal-amministratur għandha tirrieżamina l-miżuri adottati skont il-paragrafu 6. Hija għandha tirrevoka kwalunkwe waħda minnhom jekk tqis li:
(a) il-kontributuri x'aktarx ikomplu jikkontribwixxu data tal-input għal mill-inqas sena jekk il-miżura kellha tiġi revokata, li għandu jintwera b'mill-inqas:
(i) impenn bil-miktub mill-kontributuri lill-amministratur u lill-awtorità kompetenti li se jkomplu jikkontribwixxu data tal-input lill-parametru referenzjarju ta' importanza kritika għal mill-inqas sena jekk il-miżura kellha tiġi rrevokata;
(ii) rapport bil-miktub mill-amministratur lill-awtorità kompetenti li jipprovdi evidenza għall-valutazzjoni tiegħu li l-vijabbiltà kontinwata tal-parametru referenzjarju ta' importanza kritika tista' tiġi żgurata ladarba l-kontribuzzjoni obbligatorja tiġi rrevokata.
(b) il-forniment ta'parametru referenzjarju jista' jibqa' ladarba l-kontributuri li obbligati jikkontribwixxu data tal-input ikunu waqfu milli jikkontribwixxu;
(c) huwa disponibbli parametru referenzjarju ta' sostituzzjoni aċċettabbli u li l-utenti tal-parametru referenzjarju ta' importanza kritika jistgħu jaqilbu għal dan is-sostitut bl-inqas spejjeż u dan għandu jintwera, mill-inqas, b'rapport bil-miktub mill-amministratur li jispjega l-mezzi tat-tranżizzjoni għall-parametru referenzjarju ta' sostituzzjoni u l-kapaċità u l-ispejjeż tal-utenti biex jagħmlu transizzjoni għal dan il-parametru referenzjarju; jew
(d) l-ebda kontributur alternattiv xieraq ma jkun jista' jiġi identifikat u l-waqfien tal-kontribuzzjonijiet min-naħa tal-entitajiet rilevanti taħt superviżjoni jdgħajjef il-parametru referenzjarju b'tali mod li jkun meħtieġ il-waqfien tal-parametru referenzjarju.
10. Fil-każ li parametru referenzjarju ta' importanza kritika se jieqaf jiġi fornit, kull kontributur taħt superviżjoni għal dak il-parametru referenzjarju ta' importanza kritika għandu jkompli jikkontribwixxi data tal-input għal perjodu ta' żmien iddeterminat mill-awtorità kompetenti, iżda li ma jaqbiżx il-perjodu massimu ta' 24 xahar stabbilit fit-tieni subparagrafu tal-paragrafu 6.
11. L-amministratur għandu jinnotifika lill-awtorità kompetenti rilevanti f'każ li xi kontributur jikser ir-rekwiżiti stipulati fil-paragrafu 6 ta' dan l-Artikolu, malli dan ikun raġonevolment possibbli.
12. Fil-każ li parametru referenzjarju huwa rikonoxxut li jkun ta' importanza kritika skont il-proċedura stabbilita fl-Artikolu 20(2), (3), (4) u (5), l-awtorità kompetenti tal-amministratur għandu jkollha s-setgħa li tirrikjedi data tal-input skont il-paragrafu 5, u l-punti (a), (b) u (c) tal-paragrafu 6, ta' dan l-Artikolu, biss mill-kontributuri taħt superviżjoni li jinsabu fl-Istat Membru tagħha.
KAPITOLU 5
Parametri referenzjarji sinifikanti
Artikolu 24
Parametri referenzjarji sinifikanti
1. Parametru referenzjarju li ma jissodisfax l-ebda waħda mill-kundizzjonijiet stabbiliti fl-Artikolu 20(1) ikun sinifikanti meta:
(a) jintuża direttament jew indirettament fi ħdan kombinazzjoni ta' parametri referenzjarji bħala referenza għal strumenti finanzjarji jew kuntratti finanzjarji jew għall-kejl tal-prestazzjoni ta' fondi ta' investiment b'valur medju totali ta' mill-inqas EUR 50 biljun abbażi tal-firxa kollha ta' maturitajiet jew termini tal-parametru referenzjarju fuq perjodu ta' sitt xhur, meta jkun japplika; jew
(b) huwa ma jkollu l-ebda sostitut xieraq immexxi mis-suq jew ikollu ftit wisq minnhom u, fil-każ li l-parametru referenzjarju ma jibqax jiġi pprovdut jew jiġi pprovdut abbażi ta' data tal-input li ma tkunx għada rappreżentattiva b'mod sħiħ tas-suq jew tar-realtà ekonomika sottostanti jew abbażi ta' data tal-input inaffidabbli, ikun hemm impatti sinifikanti u negattivi fuq l-integrità tas-swieq, l-istabbiltà finanzjarja, il-konsumaturi, l-ekonomija reali jew il-finanzjament ta' unitajiet domestiċi jew negozji fi Stat Membru wieħed jew aktar.
2. Il-Kummissjoni għandha tingħata s-setgħa li tadotta atti ddelegati b'konformità mal-Artikolu 49 sabiex tirrieżamina il-metodu ta' kalkolu użat biex jiddetermina l-limitu msemmi fil-punt (a) tal-paragrafu 1 ta' dan l-Artikolu fid-dawl tal-iżviluppi fis-suq, fil-prezzijiet u dawk regolatorji, kif ukoll l-adegwatezza tal-klassifikazzjoni tal-parametri referenzjarji b'valur totali ta' strumenti finanzjarji, kuntratti finanzjarji jew fondi ta' investiment li jirreferenzjahom li jkun qrib dak il-limitu. Tali rieżami għandu jsir mill-inqas kull sentejn mill-1 ta' Jannar 2018.
3. Amministratur għandu jinnotifika immedjatament lill-awtorità kompetenti tiegħu meta l-parametru referenzjarju sinifikanti tiegħu jaqa' taħt il-limitu msemmi fil-punt (a) tal-paragrafu 1.
Artikolu 25
Eżenzjonijiet minn rekwiżiti speċifiċi għal parametri referenzjarji sinifikanti
1. Amministratur jista' jagħżel li ma japplikax l-Artikolu 4(2), il-punti (c), (d) u (e) tal-Artikolu 4(7), il-punt (b) tal-Artikolu 11(3) jew l-Artikolu 15(2) għall-parametri referenzjarji sinifikanti tiegħu meta dak l-amministratur jqis li l-applikazzjoni ta' wieħed jew aktar minn dawk id-dispożizzjonijiet tkun sproporzjonata fid-dawl tan-natura jew l-impatt tal-parametru referenzjarju jew id-daqs tal-amministratur.
2. Fil-każ li l-amministratur jagħżel li ma japplikax rekwiżit wieħed jew aktar mid-dispożizzjonijiet msemmija fil-paragrafu 1, għandu immedjatament jinnotifika lill-awtorità kompetenti u jipprovdiha bl-informazzjoni kollha rilevanti li tikkonferma l-valutazzjoni tal-amministratur li l-applikazzjoni ta' wieħed jew aktar minn dawk id-dispożizzjonijiet tkun sproporzjonata fid-dawl tan-natura jew l-impatt tal-parametri referenzjarji jew id-daqs tal-amministratur.
3. Awtorità kompetenti tista' tiddeċiedi li l-amministratur ta' parametru referenzjarju sinifikanti madankollu japplika rekwiżit wieħed jew aktar stabbiliti fl-Artikolu 4(2), il-punti (c), (d) u (e) tal-Artikolu 4(7), il-punt (b) tal-Artikolu 11(3) u l-Artikolu 15(2) jekk tqis li dan ikun xieraq fid-dawl tan-natura jew l-impatt tal-parametri referenzjarji jew id-daqs tal-amministratur. Fil-valutazzjoni tagħha, l-awtorità kompetenti għandha, abbażi tal-informazzjoni pprovduta mill-amministratur, tqis il-kriterji li ġejjin:
(a) il-vulnerabbiltà tal-parametri referenzjarji għall-manipulazzjoni;
(b) in-natura tad-data tal-input;
(c) il-livell ta' kunflitti ta' interess;
(d) il-grad ta' diskrezzjoni tal-amministratur;
(e) l-impatt tal-parametru referenzjarju fuq is-swieq;
(f) in-natura, l-iskala u l-kumplessità tal-forniment tal-parametru referenzjarju;
(g) l-importanza tal-parametru referenzjarju għall-istabbiltà finanzjarja;
(h) il-valur ta' strumenti finanzjarji, kuntratti finanzjarji jew fondi ta' investiment li jirreferenzjaw il-parametru referenzjarju;
(i) id-daqs, il-forma ta' organizzazzjoni jew l-istruttura tal-amministratur.
4. Fi żmien 30 jum minn meta tirċievi notifika mill-amministratur taħt il-paragrafu 2, l-awtorità kompetenti għandha tinnotifika lil dak l-amministratur bid-deċiżjoni tagħha li tapplika rekwiżit addizzjonali skont il-paragrafu 3. Fil-każ li n-notifika lill-awtorità kompetenti ssir waqt il-proċedura ta' awtorizzazzjoni jew reġistrazzjoni, għandhom japplikaw l-iskadenzi stipulati fl-Artikolu 34.
5. Fl-eżerċizzju tas-setgħat superviżorji tagħha skont l-Artikolu 41, l-awtorità kompetenti għandha tirrieżamina b'mod regolari jekk il-valutazzjoni tagħha skont il-paragrafu 3 ta' dan l-Artikolu tkunx għadha valida.
6. Jekk l-awtorità kompetenti ssib, fuq bażi raġonevoli, li l-informazzjoni mressqa lilha skont il-paragrafu 2 ta' dan l-Artikolu ma tkunx kompluta jew li tkun meħtieġa informazzjoni supplementari, il-limitu ta' żmien ta' 30 jum imsemmi fil-paragrafu 4 ta' dan l-Artikolu għandu japplika biss mid-data li fiha tali informazzjoni komplementari tiġi pprovduta mill-amministratur, sakemm ma japplikawx l-iskadenzi tal-Artikolu 34 bis-saħħa tal-paragrafu 4 ta' dan l-Artikolu.
7. Meta amministratur ta' parametru referenzjarju sinifikanti ma jikkonformax ma' wieħed jew aktar mir-rekwiżiti stabbiliti fl-Artikolu 4(2), il-punti (c), (d) u (e) tal-Artikolu 4(7), il-punt (b) tal-Artikolu 11(3) u l-Artikolu 15(2), huwa għandu jippubblika u jżomm dikjarazzjoni ta' konformità li tiddikjara b'mod ċar għaliex huwa xieraq li dak l-amministratur ma jikkonformax ma' dawk id-dispożizzjonijiet.
8. L-ESMA għandha tiżviluppa abbozz ta' standards tekniċi ta' implimentazzjoni għall-iżvilupp ta' mudell għad-dikjarazzjoni ta' konformità msemmija fil-paragrafu 7.
L-ESMA għandha tressaq l-abbozz ta' standards tekniċi ta' implimentazzjoni msemmija fl-ewwel subparagrafu lill-Kummissjoni sal-1 ta' April 2017.
Il-Kummissjoni tingħata s-setgħa li tadotta l-istandards tekniċi ta' implimentazzjoni msemmija fl-ewwel subparagrafu skont l-Artikolu 15 tar-Regolament (UE) Nru 1095/2010.
9. L-ESMA għandha tiżviluppa abbozz ta' standards tekniċi regolatorji biex tispeċifika aktar il-kriterji msemmija fil-paragrafu 3.
L-ESMA għandha tressaq dak l-abbozz ta' standards tekniċi regolatorji lill-Kummissjoni sal-1 ta' April 2017.
Il-Kummissjoni tingħata s-setgħa li tadotta l-istandards tekniċi regolatorji msemmija fl-ewwel subparagrafu b'konformità mal-proċedura stabbilita fl-Artikoli 10 sa 14 tar-Regolament (UE) Nru 1095/2010.
KAPITOLU 6
Parametri referenzjarji mhux sinifikanti
Artikolu 26
Parametri referenzjarji mhux sinifikanti
1. Amministratur ta' parametru referenzjarju jista' jagħżel li ma japplikax l-Artikolu 4(2), il-punti (c), (d) u (e) tal-Artikoli 4(7), l-Artikoli 4(8), 5(2), 5(3), 5(4), 6(1), 6(3), 6(5), 7(2), il-punt (b) tal-Artikolu 11(1), il-punti (b) u (c) tal-Artikolu 11(2), u l-Artikoli 11(3), 13(2), 14(2), 15(2), 16(2) u (3) għall-parametri referenzjarji mhux sinifikanti tiegħu.
2. Amministratur għandu jinnotifika immedjatament lill-awtorità kompetenti tiegħu meta l-parametru referenzjarju mhux sinifikanti tal-amministratur jaqbeż il-limitu msemmi fil-punt (a) tal-paragrafu 24(1). F'dak il-każ, huwa għandu jikkonforma mar-rekwiżiti applikabbli għall-parametri referenzjarji sinifikanti fi żmien tliet xhur.
3. Meta amministratur ta' parametru referenzjarju mhux sinifikanti jagħżel li ma japplikax wieħed jew aktar mid-dispożizzjonijiet msemmija fil-paragrafu 1, huwa għandu jippubblika u jżomm dikjarazzjoni ta' konformità li għandha tiddikjara b'mod ċar għaliex huwa xieraq li dak l-amministratur ma jikkonformax ma' dawk id-dispożizzjonijiet. L-amministratur għandu jipprovdi d-dikjarazzjoni ta' konformità lill-awtorità kompetenti tiegħu.
4. L-awtorità kompetenti rilevanti għandha tirrieżamina d-dikjarazzjoni ta' konformità msemmija fil-paragrafu 3 ta' dan l-Artikolu. L-awtorità kompetenti tista' titlob ukoll informazzjoni addizzjonali mingħand l-amministratur fir-rigward tal-parametri referenzjarji mhux sinifikanti tagħhom skont l-Artikolu 41 u tista' tirrikjedi bidliet biex tiġi żgurata l-konformità ma' dan ir-Regolament.
5. L-ESMA għandha tiżviluppa abbozz ta' standards tekniċi ta' implimentazzjoni għall-iżvilupp ta' mudell għad-dikjarazzjoni ta' konformità msemmija fil-paragrafu 3.
L-ESMA għandha tressaq l-abbozz ta' standards tekniċi ta' implimentazzjoni msemmija fl-ewwel subparagrafu lill-Kummissjoni sal-1 ta' April 2017.
Il-Kummissjoni tingħata s-setgħa li tadotta l-istandards tekniċi ta' implimentazzjoni msemmija fl-ewwel subparagrafu skont l-Artikolu 15 tar-Regolament (UE) Nru 1095/2010.
TITOLU IV
TRASPARENZA U PROTEZZJONI TAL-KONSUMATUR
Artikolu 27
Dikjarazzjoni ta' parametru referenzjarju
1. Fi żmien ġimagħtejn mill-inklużjoni ta' amministratur fir-reġistru msemmi fl-Artikolu 36, l-amministratur għandu jippubblika, b'mezzi li jiżguraw aċċess ġust u faċli, dikjarazzjoni ta' parametru referenzjarju għal kull parametru referenzjarju jew, fejn applikabbli, għal kull familja ta' parametri referenzjarji li jistgħu jintużaw fl-Unjoni b'konformità mal-Artikolu 29.
Meta dak l-amministratur jibda jipproduċi parametru referenzjarju ġdid jew familja ġdida ta' parametri referenzjarji li jistgħu jintużaw fl-Unjoni skont l-Artikolu 29, l-amministratur għandu jippubblika, fi żmien ġimagħtejn u b'mezzi li jiżguraw aċċess ġust u faċli, dikjarazzjoni ta' parametru referenzjarju għal kull parametru referenzjarju ġdid jew, fejn applikabbli, familja ta' parametri referenzjarji.
L-amministratur għandu jirrieżamina u, fejn ikun meħtieġ, jaġġorna d-dikjarazzjoni ta' parametru referenzjarju għal kull parametru referenzjarju jew familja ta' parametri referenzjarji fil-każ ta' kwalunkwe tibdil fl-informazzjoni li għandha tiġi pprovduta skont dan l-Artikolu u mill-inqas kull sentejn.
Id-dikjarazzjoni ta' parametru referenzjarju għandha:
(a) b'mod ċar u bla ambigwità tiddefinixxi s-suq jew ir-realtà ekonomika mkejla mill-parametru referenzjarju u f'liema ċirkostanzi tali kejl jista' jsir inaffidabbli;
(b) tistabbilixxi l-ispeċifikazzjonijiet tekniċi li b'mod ċar u mhux ambigwu jidentifikaw l-elementi tal-kalkolu tal-parametru referenzjarju fejn tista' tiġi eżerċitata diskrezzjoni, il-kriterji applikabbli għall-eżerċizzju ta' din id-diskrezzjoni u l-kariga tal-persuni li jistgħu jeżerċitaw id-diskrezzjoni, u kif din id-diskrezzjoni tista' sussegwentement tiġi evalwata;
(c) tipprovdi notifika tal-possibbiltà li fatturi, inklużi fatturi esterni lil hinn mill-kontroll tal-amministratur, jistgħu jirrikjedu bidliet fil-parametru referenzjarju, jew il-waqfien tiegħu; u
(d) tagħti parir lill-utenti li t-tibdil għal, jew il-waqfien ta', parametru referenzjarju jista' jkollu impatt fuq il-kuntratti finanzjarji jew l-istrumenti finanzjarji referenzjati mal-parametru referenzjarju jew il-kejl tal-prestazzjoni ta' fondi ta' investiment.
2. Dikjarazzjoni tal-parametru referenzjarju għandha tinkludi tal-anqas:
(a) id-definizzjonijiet tat-termini ewlenin kollha marbuta mal-parametru referenzjarju;
(b) ir-raġunament wara l-adozzjoni tal-metodoloġija tal-parametru referenzjarju u l-proċeduri għar-rieżami u l-approvazzjoni tal-metodoloġija;
(c) il-kriterji u l-proċeduri użati għad-determinazzjoni tal-parametru referenzjarju, inkluża deskrizzjoni tad-data tal-input, il-prijorità mogħtija għal tipi differenti ta' data tal-input, id-data minima meħtieġa għad-determinazzjoni ta' parametru referenzjarju l-użu ta' kwalunkwe mudell jew metodu ta' estrapolazzjoni u kwalunkwe proċedura għall-ibbilanċjar mill-ġdid tal-komponenti tal-indiċi tal-parametru referenzjarju;
(d) il-kontrolli u r-regoli li jirregolaw kwalunkwe eżerċizzju ta' ġudizzju jew diskrezzjoni mill-amministratur jew minn kwalunkwe kontributur, biex tiġi żgurata l-konsistenza fl-użu ta' tali ġudizzju jew diskrezzjoni;
(e) il-proċeduri li jirregolaw id-determinazzjoni tal-parametru referenzjarju f'perijodi ta' stress, jew f'perijodi meta s-sorsi tad-data tat-tranżazzjonijiet jistgħu jkunu insuffiċjenti, mhux preċiżi jew mhux affidabbli u l-limitazzjonijiet potenzjali tal-parametru referenzjarju f'perjodi bħal dawn;
(f) il-proċeduri biex jiġu indirizzati żbalji fid-data tal-input, jew id-determinazzjoni tal-parametru referenzjarju, inkluż meta tkun meħtieġa determinazzjoni mill-ġdid tal-parametru referenzjarju; u
(g) l-identifikazzjoni ta' limitazzjonijiet potenzjali ta' parametru referenzjarju, inkluż l-operat tiegħu fi swieq illikwidi jew frammentati u l-konċentrazzjoni possibbli ta' inputs.
3. L-ESMA għandha tiżviluppa abbozz ta' standards tekniċi regolatorji biex tispeċifika aktar il-kontenut tad-dikjarazzjoni tal-parametru referenzjarju u l-każijiet li fihom ikun meħtieġ l-aġġornament ta' tali dikjarazzjoni.
L-EMSA għandha tiddistingwi bejn it-tipi differenti ta' parametri referenzjarji u setturi kif stipulat f'dan ir-Regolament u għandha tqis il-prinċipju tal-proporzjonalità.
L-ESMA għandha tressaq dak l-abbozz ta' standards tekniċi regolatorji lill-Kummissjoni sal-1 ta' April 2017.
Qiegħda tiġi ddelegata setgħa lill-Kummissjoni sabiex tadotta l-istandards tekniċi regolatorji msemmija fl-ewwel subparagrafu skont il-proċedura stabbilita fl-Artikoli 10 sa 14 tar-Regolament (UE) Nru 1095/2010.
Artikolu 28
Tibdil fi u waqfien ta' parametru referenzjarju
1. L-amministratur għandu jippubblika, flimkien mad-dikjarazzjoni tal-parametru referenzjarju msemmi fl-Artikolu 27, proċedura dwar x'azzjonijiet għandu jieħu l-amministratur f'każ ta' bidliet jew waqfien ta' parametru referenzjarju li jista' jintuża fl-Unjoni skont l-Artikolu 29(1). Il-proċedura tista' tiġi abbozzata, fejn applikabbli, għal familji ta' parametri referenzjarji u għandha tiġi aġġornata u ppubblikata kull meta sseħħ bidla materjali.
2. L-entitajiet taħt superviżjoni minbarra l-amministraturi kif imsemmi fil-paragrafu 1, li jużaw parametru referenzjarju għandhom jipproduċu u jżommu pjanijiet robusti bil-miktub li jistipulaw l-azzjonijiet li jieħdu f'każ li parametru referenzjarju jibdel materjalment jew li ma jibqax jiġi fornit. Fejn ikun fattibbli u xieraq, tali pjanijiet għandhom jinnominaw parametru referenzjarju alternattiv wieħed jew aktar li jista' jiġi referenzjat biex jissostitwixxi l-parametri referenzjarji li ma jibqgħux jiġu forniti, filwaqt li jiġi indikat għaliex tali parametri referenzjarji jkunu alternattivi xierqa. L-entitajiet taħt superviżjoni għandhom jipprovdu, fuq talba, lill-awtorità kompetenti rilevanti b'dawk il-pjanijiet u bi kwalunkwe aġġornament u għandhom jirriflettuhom fir-relazzjoni kuntrattwali mal-klijenti.
TITOLU V
UŻU TA' PARAMETRI REFERENZJARJI FL-UNJONI
Artikolu 29
Użu ta' parametru referenzjarju
1. Entità taħt superviżjoni tista' tuża parametru referenzjarju jew kombinazzjoni ta' parametri referenzjarji fl-Unjoni jekk il-parametru referenzjarju jiġi fornit minn amministratur li jkun jinsab fl-Unjoni u inkluż fir-reġistru msemmi fl-Artikolu 36 jew jkun parametru referenzjarju inkluż fir-reġistru msemmi fl-Artikolu 36.
2. Meta l-oġġett ta' prospett li jrid jiġi ppubblikat skont id-Direttiva 2003/71/KE jew id-Direttiva 2009/65/KE jkun titoli trasferibbli jew prodotti ta' investiment ieħor li jirreferenzjaw parametru referenzjarju, l-emittent, l-offerent jew il-persuna li titlob ammissjoni għal kummerċ f'suq regolat għandhom jiżguraw li l-prospett jinkludi wkoll informazzjoni ċara u prominenti li tiddikjara jekk parametru referenzjarju huwiex fornut minn amministratur inkluż fir-reġistru msemmi fl-Artikolu 36 ta' dan ir-Regolament.
Artikolu 30
Ekwivalenza
1. Sabiex parametru referenzjarju jew kombinazzjoni ta' parametri referenzjarji forniti minn amministratur li jinsab f'pajjiż terz ikunu jistgħu jintużaw fl-Unjoni skont l-Artikolu 29(1), il-parametru referenzjarju u l-amministratur għandhom jiġu inklużi fir-reġistru msemmi fl-Artikolu 36. Il-kondizzjonijiet li ġejjin għandhom jiġu sodisfatti sabiex jiġu inklużi fir-reġistru:
(a) deċiżjoni ta' ekwivalenza tiġi adottata mill-Kummissjoni skont il-paragrafu 2 jew 3 ta' dan l-Artikolu;
(b) l-amministratur ikun awtorizzat jew reġistrat, u huwa soġġett għal superviżjoni fil-pajjiż terz in kwistjoni;
(c) l-ESMA tiġi notifikata mill-amministratur dwar il-kunsens tiegħu li l-parametri referenzjarji attwali jew prospettivi tiegħu jistgħu jintużaw mill-entitaijiet taħt superviżjoni fl-Unjoni, dwar il-lista tal-parametri referenzjarji li fir-rigward tagħhom ikunu ta l-kunsens biex jintużaw fl-Unjoni u dwar l-awtorità kompetenti responsabbli għas-superviżjoni tiegħu fil-pajjiż terz; u
(d) l-arranġamenti ta' kooperazzjoni msemmija fil-paragrafu 4 ta' dan l-Artikolu huma operattivi;
2. Il-Kummissjoni tista' tadotta deċiżjoni ta' implimentazzjoni li tgħid li l-qafas ġuridiku u l-prassi superviżorja ta' pajjiż terz jiżguraw li:
(a) amministraturi awtorizzati jew reġistrati f'dak il-pajjiż terz ikunu konformi ma' rekwiżiti vinkolanti li huma ekwivalenti għar-rekwiżiti li jirriżultaw taħt dan ir-Regolament, b'mod partikolari meta jitqies jekk il-qafas ġuridiku u l-prassi superviżorja ta' pajjiż terz jiżgurawx il-konformità mal-prinċipji IOSCO għal parametri referenzjarji finanzjarji jew, fejn applikabbli, mal-prinċipji IOSCO għall-PRAs; u
(b) rekwiżiti vinkolanti huma soġġetti għal superviżjoni u infurzar effettivi fuq bażi kontinwa f'dak il-pajjiż terz.
Tali deċiżjoni ta' implimentazzjoni għandhom jiġu adottati skont il-proċedura ta' eżami msemmija fl-Artikolu 50(2).
3. Alternattivament, il-Kummissjoni tista' tadotta deċiżjoni ta' implimentazzjoni li tiddikjara li:
(a) ir-rekwiżiti vinkolanti f'pajjiż terz fir-rigward ta' amministraturi speċifiċi jew parametri referenzjarji speċifiċi jew familja ta' parametri referenzjarji huma ekwivalenti għar-rekwiżiti taħt dan ir-Regolament, b'mod partikolari meta jitqies jekk il-qafas ġuridiku u l-prassi superviżorja ta' pajjiż terz jiżgurawx il-konformità mal-prinċipji IOSCO għal parametri referenzjarji finanzjarji jew, fejn applikabbli, mal-Prinċipji IOSCO għall-PRAs; u
(b) tali amministraturi speċifiċi jew parametri referenzjarji speċifiċi jew familji ta' parametri referenzjarji huma soġġetti għal superviżjoni u infurzar effettivi fuq bażi kontinwa f'dak il-pajjiż terz.
Tali deċiżjoni ta' implimentazzjoni għandha tiġi adottata skont il-proċedura tal-eżami msemmija fl-Artikolu 50(2).
4. L-ESMA għandha tistabbilixxi arranġamenti ta' kooperazzjoni mal-awtoritajiet kompetenti tal-pajjiżi terzi li l-oqfsa ġuridiċi u l-prassi superviżorji tagħhom ikunu ġew rikonoxxuti bħala ekwivalenti skont il-paragrafu 2 jew 3. Dawn l-arranġamenti għandhom jispeċifikaw tal-inqas:
(a) il-mekkaniżmi għall-iskambju tal-informazzjoni bejn l-ESMA u l-awtoritajiet kompetenti tal-pajjiżi terzi konċernati, fosthom l-aċċess għall-informazzjoni rilevanti kollha dwar l-amministratur awtorizzat f'dak il-pajjiż terz li tintalab mill-ESMA;
(b) il-mekkaniżmu għal notifika fil-pront lill-ESMA meta awtorità kompetenti ta' pajjiż terz tqis li amministratur awtorizzat f'dak il-pajjiż terz u li tkun qiegħda twettaq superviżjoni tiegħu jkun qed jikser il-kundizzjonijiet tal-awtorizzazzjoni tiegħu jew leġiżlazzjoni nazzjonali oħra fil-pajjiż terz;
(c) il-proċeduri dwar il-koordinazzjoni tal-attivitajiet ta' superviżjoni fosthom ta' spezzjonijiet fil-post.
5. L-ESMA għandha tiżviluppa abbozz ta' standards tekniċi regolatorji biex tiddetermina l-kontenut minimu tal-arranġamenti ta' kooperazzjoni msemmija fil-paragrafu 4 biex tiżgura li l-awtoritajiet kompetenti u l-ESMA jkunu jistgħu jeżerċitaw is-setgħat superviżorji kollha tagħhom skont dan ir-Regolament:
L-ESMA għandha tissottometti dak l-abbozz ta' standards tekniċi regolatorji lill-Kummissjoni sal-1 ta' April 2017.
Qiegħda tiġi ddelegata setgħa lill-Kummissjoni sabiex tadotta l-istandards tekniċi regolatorji msemmija fl-ewwel subparagrafu skont il-proċedura stabbilita fl-Artikoli 10 sa 14 tar-Regolament (UE) Nru 1095/2010.
Artikolu 31
Irtirar ta' reġistrazzjoni ta' amministratur li jinsab f'pajjiż terz
1. L-ESMA għandha tirtira r-reġistrazzjoni ta' amministratur li jinsab f'pajjiż terz billi tneħħi dak l-amministratur mir-reġistru msemmi fl-Artikolu 36 meta jkollha raġunijiet fondati abbażi ta' evidenza dokumentata, li l-amministratur:
(a) qed jaġixxi b'manjiera li hija b'mod ċar ta' preġudizzju għall-interessi tal-utenti tal-parametri referenzjarji tiegħu jew għall-funzjonament ordnat tas-swieq; jew
(b) kiser b'mod serju l-leġiżlazzjoni nazzjonali jew dispożizzjonijiet oħra applikabbli għalih fil-pajjiż terz u li fuq il-bażi tagħhom il-Kummissjoni tkun adottat id-deċiżjoni ta' implimentazzjoni skont l-Artikolu 30(2) jew (3).
2. L-ESMA għandha tieħu deċiżjoni skont il-paragrafu 1 biss jekk ikunu ssodisfati l-kundizzjonijiet li ġejjin:
(a) L-ESMA tkun irreferiet il-kwistjoni lill-awtorità kompetenti tal-pajjiż terz u dik l-awtorità kompetenti ma tkunx ħadet il-miżuri xierqa meħtieġa biex tipproteġi lill-investituri u l-funzjonament b'mod ordnat tas-swieq fl-Unjoni jew tkun naqset milli turi li l-amministratur konċernat ikkonforma mar-rekwiżiti applikabbli għalih fil-pajjiż terz;
(b) L-ESMA tkun infurmat lill-awtorità kompetenti tal-pajjiż terz bl-intenzjoni tagħha li tirtira r-reġistrazzjoni tal-amministratur, tal-anqas 30 jum qabel l-irtirar.
3. L-ESMA għandha tinforma lill-awtoritajiet kompetenti l-oħra dwar kwalunkwe miżura adottata skont il-paragrafu 1 mingħajr dewmien u tippubblika d-deċiżjoni tagħha fis-sit elettroniku tagħha.
Artikolu 32
Rikonoxximent ta' amministratur li jinsab f'pajjiż terz
1. Sa dak il-mument li tiġi adottata deċiżjoni ta' ekwivalenza b'konformità mal-Artikolu 30(2) jew (3), parametru referenzjarju fornit minn amministratur li jinsab f'pajjiż terz jistgħu jintużaw minn entitajiet taħt superviżjoni fl-Unjoni sakemm l-amministratur jikseb rikonoxximent minn qabel mill-awtorità kompetenti tal-Istat Membru ta' referenza tiegħu b'konformità ma' dan l-Artikolu.
2. Amministratur li jinsab f'pajjiż terz li għandu l-intenzjoni li jikseb rikonoxximent minn qabel kif imsemmi fil-paragrafu 1 ta' dan l-Artikolu għandu jikkonforma mar-rekwiżiti stabbiliti f'dan ir-Regolament, ħlief għall-Artikolu 11(4) u l-Artikoli 16, 20, 21 u 23. L-amministratur jista' jissodisfa dik il-kondizzjoni billi japplika l-prinċipji IOSCO għall-parametri referenzjarji finanzjarji jew il-Prinċipji IOSCO għall-PRAs, kif applikabbli, bil-kundizzjoni li tali applikazzjoni tkun ekwivalenti għal konformità mar-rekwiżiti stabbiliti f'dan ir-Regolament, ħlief għall-Artikolu 11(4) u l-Artikoli 16, 20, 21 u 23.
Sabiex jiġi ddeterminat jekk il-kundizzjoni msemmija fl-ewwel subparagrafu hijiex issodisfata, u sabiex tiġi vvalutata l-konformità mal-prinċipji IOSCO għall-parametri referenzjarji finanzjarji jew il-prinċipji IOSCO għall-PRAs, kif applikabbli, l-awtorità kompetenti tal-Istat Membru ta' referenza tista' tiddependi fuq valutazzjoni ta' awditur estern indipendenti jew, meta l-amministratur li jinsab f'pajjiż terz ikun soġġett għal superviżjoni, fuq iċ-ċertifikazzjoni mogħtija mill-awtorità kompetenti tal-pajjiż terz fejn jinsab l-amministratur.
Jekk u sal-punt li amministratur ikun jista' juri li parametru referenzjarju li jforni huwa parametru referenzjarju ta' data regolata jew parametru referenzjarju tal-komoditajiet li mhuwiex ibbażat fuq sottomissjonijiet minn kontributuri li jkunu fil-maġġoranza tagħhom entitajiet taħt superviżjoni, ma għandu jkun hemm l-ebda obbligu fuq l-amministratur biex jikkonforma ma' rekwiżiti mhux applikabbli għall-forniment ta' parametri referenzjarji ta' data regolata u ta' parametri referenzjarji tal-komoditajiet kif previst fl-Artikolu 17 u l-Artikolu 19(1) rispettivament.
3. Amministratur li jinsab f'pajjiż terz u li għandu l-intenzjoni li jikseb rikonoxximent minn qabel kif imsemmi fil-paragrafu 1 għandu jkollu rappreżentant legali stabbilit fl-Istat Membru ta' referenza tiegħu. Ir-rappreżentant legali għandu jkun persuna fiżika jew ġuridika li tinsab fl-Unjoni, u li, espressament tkun maħtura minn amministratur li jinsab f'pajjiż terz, taġixxi f'isem tali amministratur vis-à-vis l-awtoritajiet u kwalunkwe persuna oħra fl-Unjoni fir-rigward tal-obbligi tal-amministratur skont dan ir-Regolament. Ir-rappreżentant legali għandu jwettaq il-funzjoni ta' sorveljanza relatata mal-attività ta' forniment ta' parametri referenzjarji mwettqa mill-amministratur skont dan ir-Regolament, flimkien mal-amministratur u, f'dak ir-rigward, għandu jkun responsabbli lejn l-awtorità kompetenti tal-Istat Membru ta' referenza.
4. L-Istat Membru ta' referenza ta' amministratur li jinsab f'pajjiż terz għandu jiġi determinat kif ġej:
(a) meta amministratur ikun parti minn grupp li jkun fih entità taħt superviżjoni li tkun tinsab fl-Unjoni, l-Istat Membru ta' referenza għandu jkun l-Istat Membru fejn tkun tinsab dik l-entità taħt superviżjoni. Din l-entità taħt superviżjoni għandha tinħatar bħala r-rappreżentant legali għall-finijiet tal-paragrafu 3;
(b) jekk il-punt (a) ma japplikax, meta amministratur ikun parti minn grupp li jkun fih aktar minn entità taħt superviżjoni waħda li jinsabu fl-Unjoni, l-Istat Membru ta' referenza għandu jkun l-Istat Membru fejn ikunu jinsabu l-ogħla numru ta' entitajiet taħt superviżjoni, jew fil-każ li jkun hemm numru indaqs ta' entitajiet taħt superviżjoni, l-Istat Membru ta' referenza għandu jkun dak fejn il-valur ta' strumenti finanzjarji, kuntratti finanzjarji jew fondi ta' investimenti li jirreferenzjaw il-parametru referenzjarji huma l-ogħla. Waħda mill-entitajiet taħt superviżjoni li jkunu jinsabu fl-Istat Membru ta' referenza ddeterminat skont dan il-punt għandha tinħatar bħala r-rappreżentant legali għall-finijiet tal-paragrafu 3;
(c) jekk il-punti (a) u (b) ta' dan il-paragrafu ma jkunux japplikaw, meta parametru referenzjarju wieħed jew aktar ipprovduti mill-amministratur jintużaw bħala referenza għal strumenti finanzjarji ammessi għan-negozjar f'ċentru tan-negozjar kif definit fil-punt (24) tal-Artikolu 4(1) tad-Direttiva 2014/65/UE, fi Stat Membru wieħed jew aktar, l-Istat Membru ta' referenza għandu jkun l-Istat Membru fejn l-istrument finanzjarju li jirreferenzja kwalunkwe wieħed minn dawk il-parametri referenzjarji jkun ġie ammess għan-negozjar jew ikun ġie nnegozjat f'ċentru tan-negozjar għall-ewwel darba u jkun għadu qed jiġi nnegozjat. Jekk l-istrumenti finanzjarji rilevanti jkunu ġew ammessi għan-negozjar jew ikunu ġew innegozjati għall-ewwel darba simultanjament f'ċentri tan-negozjar fi Stati Membri differenti, u jkunu għadhom qed jiġu nnegozjati, l-Istat Membru ta' referenza għandu jkun dak fejn il-valur ta' strumenti finanzjarji, kuntratti finanzjarji jew fondi ta' investiment li jirreferenzjaw il-parametru referenzjarji huma l-ogħla;
(d) jekk il-punti (a), (b) u (c) ma jkunux japplikaw, meta parametru referenzjarju wieħed jew aktar ipprovduti mill-amministratur jintużaw minn entitajiet taħt superviżjoni f'aktar minn Stat Membru wieħed, l-Istat Membru ta' referenza għandu jkun l-Istat Membru fejn ikunu jinsabu l-ikbar numru ta' tali entitajiet taħt superviżjoni, jew fil-każ li jkun hemm numru indaqs ta' entitajiet taħt superviżjoni, l-Istat Membru ta' referenza għandu jkun dak fejn il-valur ta' strumenti finanzjarji, kuntratti finanzjarji jew fondi ta' investiment li jirreferenzjaw il-parametru referenzjarji huma l-ogħla.;
(e) jekk il-punti (a), (b), (c) u (d) ma jkunux japplikaw u jekk l-amministratur ikun daħal fi ftehim li jagħti l-kunsens għall-użu ta' parametru referenzjarju li jipprovdi ma' entità taħt superviżjoni, l-Istat Membru ta' referenza għandu jkun l-Istat Membru fejn tkun tinsab tali entità taħt superviżjoni.
5. Amministratur li jkun jinsab f'pajjiż terz u li jkollu l-intenzjoni li jikseb rikonoxximent minn qabel kif imsemmi fil-paragrafu 1 għandu japplika għar-rikonoxximent mal-awtorità kompetenti tal-Istat Membru ta' referenza tiegħu. L-amministratur applikant għandu jipprovdi l-informazzjoni kollha meħtieġa biex jissodisfa lill-awtorità kompetenti li jkun stabbilixxa, fil-mument tar-rikonoxximent, l-arranġamenti kollha meħtieġa biex jiġu ssodisfati r-rekwiżiti msemmija fil-paragrafu 2 u għandu jipprovdi l-lista tal-parametri referenzjarji attwali jew prospettivi tiegħu li jistgħu jintużaw fl-Unjoni u għandu, fejn applikabbli, jindika l-awtorità kompetenti responsabbli għas-superviżjoni tiegħu fil-pajjiż terz.
Fi żmien 90 jum ta' xogħol minn meta tirċievi l-applikazzjoni msemmija fl-ewwel subparagrafu ta' dan il-paragrafu, l-awtorità kompetenti għandha tivverifika li l-kundizzjonijiet stabbiliti fil-paragrafi 2, 3 u 4 huma ssodisfati.
Jekk l-awtorità kompetenti tikkunsidra li l-kondizzjonijiet stabbiliti fil-paragrafi 2, 3 u 4 mhumiex sodisfatti, hi għandha tirrifjuta t-talba ta' rikonoxximent u tniżżel ir-raġunijiet għal dak ir-rifjut. Barra minn hekk, Ma għandu jingħata l-ebda rikonoxximent ħlief jekk jiġu ssodisfati l-kundizzjonijiet addizzjonali li ġejjin:
(a) meta amministratur li jkun jinsab f'pajjiż terz ikun soġġett għal superviżjoni, ikun hemm arranġament ta' kooperazzjoni xieraq fis-seħħ bejn l-awtorità kompetenti tal-Istat Membru ta' referenza u l-awtorità kompetenti tal-pajjiż terz fejn jinsab l-amministratur, b'konformità mal-istandards tekniċi regolatorji adottati skont l-Artikolu 30(5), sabiex jiġi żgurat skambju effiċjenti ta' informazzjoni li jippermetti lill-awtorità kompetenti twettaq dmirijietha skont dan ir-Regolament;
(b) l-eżerċizzju effettiv mill-awtorità kompetenti tal-funzjonijiet ta' superviżjoni tagħha skont dan ir-Regolament ma jkunx ipprojbit la mil-liġijiet, ir-regolamenti jew id-dispożizzjonijiet amministrattivi tal-pajjiż terz fejn ikun jinsab l-amministratur, u lanqas mil-limitazzjonijiet fis-setgħat ta' superviżjoni u ta' investigazzjoni tal-awtoritajiet ta' superviżjoni ta' dak il-pajjiż terz.
6. Fil-każ li l-awtorità kompetenti tal-Istat Membru ta' referenza tqis li amministratur li jinsab f'pajjiż terz iforni parametru referenzjarju li jissodisfa l-kondizzjonijiet ta' parametru referenzjarju sinifikanti jew mhux sinifikanti kif previst fl-Artikoli 24 u 26 rispettivament, hija għandha, mingħajr dewmien bla bżonn, tinnotifika lill-ESMA b'dan. Hi għandha ssejjes tali valutazzjoni b'informazzjoni pprovduta mill-amministratur fl-applikazzjoni rilevanti għar-rikonoxximent.
Fi żmien xahar mill-wasla tan-notifika msemmija fl-ewwel subparagrafu, l-ESMA għandha toħroġ parir lill-awtorità kompetenti dwar it-tip tal-parametru referenzjarju u r-rekwiżiti applikabbli għall-forniment tiegħu, kif previst fl-Artikoli 24, 25 u 26. Il-parir jista', b'mod partikolari, jindirizza jekk l-EMSA tikkunsidra li l-kundizzjonijiet għal tali tip humiex issodisfati abbażi tal-informazzjoni pprovduta mill-amministratur fl-applikazzjoni għar-rikonoxximent.
Il-perjodu ta' żmien imsemmi fil-paragrafu 5 għandu jiġi sospiż mid-data meta l-ESMA tirċievi n-notifika sa meta l-ESMA tkun ħarġet parir skont dan il-paragrafu.
Jekk l-awtorità kompetenti tal-Istat Membru ta' referenza tipproponi li jingħata r-rikonoxximent, kontra l-parir tal-ESMA msemmi fit-tieni subparagrafu, hi għandha tinforma lill-ESMA b'dan, filwaqt li tiddikjara r-raġunijiet tagħha. L-ESMA għandha tippubblika l-fatt li awtorità kompetenti ma tikkonformax jew mhix biħsiebha tikkonforma ma' dak il-parir. L-ESMA tista' tiddeċiedi wkoll, skont il-każ individwali, li tippubblika r-raġunijiet mogħtija mill-awtorità kompetenti għaliex ma kkonformatx ma' dak il-parir. L-awtorità kompetenti kkonċernata għandha tirċievi preavviż dwar tali pubblikazzjoni.
7. L-awtorità kompetenti tal-Istat Membru ta' referenza għandha tinnotifika lill-ESMA dwar kwalunkwe deċiżjoni li tirrikonoxxi amministratur li jinsab f'pajjiż terz fi żmien ħamest ijiem ta' xogħol, flimkien mal-lista ta' parametri referenzjarji pprovduti mill-amministratur li jistgħu jintużaw fl-Unjoni u, fejn applikabbli, l-awtorità kompetenti responsabbli għas-superviżjoni tiegħu fil-pajjiż terz.
8. L-awtorità kompetenti tal-Istat Membru ta' referenza għandha tissospendi jew, fejn xieraq, tirtira r-rikonoxximent mogħti skont il-paragrafu 5 jekk ikollha raġunijiet fondati abbażi ta' evidenza dokumentata, biex tqis li, l-amministratur qed jaġixxi b'manjiera li hija b'mod ċar ta' preġudizzju għall-interessi tal-utenti tal-parametri referenzjarji tiegħu jew għall-funzjonament ordnat tas-swieq jew li l-amministratur ikun kiser b'mod serju r-rekwiżiti rilevanti stipulati f'dan ir-Regolament, jew li l-amministratur ikun għamel dikjarazzjonijiet foloz jew uża kwalunkwe mezz irregolari ieħor biex jikseb ir-rikonoxximent.
9. L-ESMA tista' tiżviluppa abbozz ta' standards tekniċi regolatorji biex tiddetermina l-forma u l-kontenut tal-applikazzjoni msemmija fil-paragrafu 5 u, b'mod partikolari, il-preżentazzjoni tal-informazzjoni rikjesta fil-paragrafu 6.
Fl-eventwalità li tali abbozz ta' standards tekniċi regolatorji jiġi żviluppat, l-ESMA għandha tissottomettih lill-Kummissjoni.
Il-Kummissjoni tingħata s-setgħa sabiex tadotta l-istandards tekniċi regolatorji msemmija fl-ewwel subparagrafu skont il-proċedura stabbilita fl-Artikoli 10 sa 14 tar-Regolament (UE) Nru 1095/2010.
Artikolu 33
Approvazzjoni ta' parametri referenzjarji pprovduti f'pajjiż terz
1. Amministratur li jkun jinsab fl-Unjoni u jkun awtorizzat jew irreġistrat skont l-Artikolu 34, jew kwalunkwe entità taħt superviżjoni oħra li tkun tinsab fl-Unjoni bi rwol ċar u definit sew fil-qafas ta' kontroll jew responsabbiltà tal-amministratur ta' pajjiż terz, li tkun tista' timmonitorja b'mod effettiv il-forniment ta' parametru referenzjarju tista' tapplika lill-awtorità kompetenti rilevanti għall-approvazzjoni ta' parametru referenzjarju jew familja ta' parametri referenzjarji pprovduti f'pajjiż terz għall-użu tagħhom fl-Unjoni, sakemm jiġu ssodisfati l-kundizzjonijiet kollha li ġejjin:
(a) l-amministratur jew entità taħt superviżjoni oħra li jagħtu l-approvazzjoni jkunu vverifikaw u jkunu kapaċi juru fuq bażi kontinwa lill-awtorità kompetenti tagħhom li l-forniment tal-parametru referenzjarju jew tal-familja ta' parametri referenzjarji li jridu jiġu approvati jissodisfaw, fuq bażi obbligatorja jew volontarja, ir-rekwiżiti li tal-inqas ikunu stretti daqs ir-rekwiżiti ta' dan ir-Regolament;
(b) l-amministratur jew entità taħt superviżjoni oħra li jagħtu l-approvazzjoni jkollhom il-kompetenza meħtieġa biex jimmonitorjaw b'mod effettiv l-attività tal-forniment ta' parametru referenzjarju f'pajjiż terz b'mod effettiv u biex jimmaniġġjaw ir-riskji assoċjati;
(c) ikun hemm raġuni oġġettiva biex il-parametru referenzjarju jew il-familja ta' parametri referenzjarji jiġu forniti f'pajjiż terz u biex tali parametri referenzjarji jew familja ta' parametri referenzjarji jiġu approvati għall-użu tagħhom fl-Unjoni.
Għall-finijiet tal-punt (a), meta tkun qed tivvaluta jekk il-forniment tal-parametru referenzjarju jew tal-familja ta' parametri referenzjarji li se jiġu approvati jissodisfawx rekwiżiti li tal-inqas ikunu stretti daqs ir-rekwiżiti ta' dan ir-Regolament, l-awtorità kompetenti tista' tqis jekk il-konformità tal-forniment tal-parametru referenzjarju jew tal-familja ta' parametri referenzjarji mal-prinċipji IOSCO għall-parametri referenzjarji finanzjarji jew mal-prinċipji IOSCO għall-PRAs, kif applikabbli, tkunx ekwivalenti għall-konformità mar-rekwiżiti ta' dan ir-Regolament.
2. Amministratur jew entità taħt superviżjoni oħra li tagħmel applikazzjoni għal approvazzjoni kif imsemmi fil-paragrafu 1 għandhom jipprovdu l-informazzjoni kollha meħtieġa biex jissodisfaw lill-awtorità kompetenti li, fiż-żmien tal-applikazzjoni, il-kundizzjonijiet kollha msemmija f'dak il-paragrafu huma ssodisfati.
3. Fi żmien 90 jum ta' xogħol minn meta tasal l-applikazzjoni għal approvazzjoni msemmija fil-paragrafu 1, l-awtorità kompetenti rilevanti għandha teżamina l-applikazzjoni u tadotta deċiżjoni jew biex tawtorizza l-approvazzjoni jew biex tirrifjutaha. Parametru referenzjarju approvat jew familja ta' parametri referenzjarji approvati għandhom jiġu notifikati mill-awtoritajiet kompetenti lill-ESMA.
4. Parametru referenzjarju approvat jew familja ta' parametri referenzjarji approvati għandhom jitqiesu bħala parametru referenzjarju jew familja ta' parametri referenzjarji forniti mill-amministratur jew entità taħt superviżjoni oħra li jagħtu l-approvazzjoni. L-amministratur jew entità taħt superviżjoni oħra li jagħtu l-approvazzjoni ma għandhomx jużaw l-approvazzjoni bil-ħsieb li jevitaw ir-rekwiżiti ta' dan ir-Regolament.
5. Amministratur jew entità taħt superviżjoni li jkunu talbu l-approvazzjoni ta' parametru referenzjarju jew familja ta' parametri referenzjarji forniti f'pajjiż terz għandhom jibqgħu kompletament responsabbli għal tali parametru referenzjarju jew familja ta' parametri referenzjarji u għall-konformità mal-obbligi taħt dan ir-Regolament.
6. Meta l-awtorità kompetenti tal-amministratur jew entità taħt superviżjoni oħra li jagħtu l-approvazzjoni jkollha raġunijiet tajba biex tqis li l-kundizzjonijiet stabbiliti skont il-paragrafu 1 ta' dan l-Artikolu ma għadhomx jiġu ssodisfati, hi għandu jkollha s-setgħa li tirrikjedi li l-amministratur jew entità taħt superviżjoni oħra li jkunu taw l-approvazzjoni jtemmu l-approvazzjoni, u għandha tinforma lill-ESMA b'dan. L-Artikolu 28 għandu japplika fil-każ ta' waqfien tal-approvazzjoni.
7. Il-Kummissjoni għandha tingħata s-setgħa li tadotta atti delegati skont l-Artikolu 49 dwar miżuri biex jiġu determinati l-kundizzjonijiet li abbażi tagħhom l-awtoritajiet kompetenti rilevanti jistgħu jivvalutaw jekk hemmx raġuni oġġettiva għall-forniment ta' parametru referenzjarju jew familja ta' parametri referenzjarji f'pajjiż terz u l-approvazzjoni tagħhom għall-użu tagħhom fl-Unjoni. Il-Kummissjoni għandha tqis elementi bħalma huma l-ispeċifiċitajiet tas-suq jew tar-realtà ekonomika sottostanti li l-parametru referenzjarju huwa maħsub li jkejjel, il-ħtieġa ta' prossimità tal-forniment ta' parametru referenzjarju għal tali suq jew realtà ekonomika, il-ħtieġa ta' prossimità tal-forniment tal-parametru referenzjarju lill-kontributuri, id-disponibbiltà materjali ta' data tal-input minħabba żoni ta' ħin differenti, u l-ħiliet speċifiċi meħtieġa fil-forniment tal-parametru referenzjarju.
TITOLU VI
AWTORIZZAZZJONI, REĠISTRAZZJONI U SUPERVIŻJONI TAL-AMMINISTRATURI
KAPITOLU 1
Awtorizzazzjoni u reġistrazzjoni
Artikolu 34
Awtorizzazzjoni u reġistrazzjoni ta' amministratur
1. Persuna fiżika jew ġuridika li tinsab fl-Unjoni li jkollha l-intenzjoni taġixxi bħala amministratur għandha tapplika għal reġistrazzjoni mal-awtorità kompetenti maħtura skont l-Artikolu 40 tal-Istat Membru fejn tkun tinsab dik il-persuna, sabiex tirċievi:
(a) awtorizzazzjoni jekk tforni jew għandha l-intenzjoni li tforni indiċijiet li jintużaw jew li huma maħsuba biex jintużaw bħala parametri referenzjarji fis-sens ta' dan ir-Regolament;
(b) reġistrazzjoni jekk hija entità taħt superviżjoni, li mhix l-amministratur, li tipprovdi jew għandha l-intenzjoni li tipprovdi indiċijiet li huma użati jew maħsuba biex jintużaw bħala parametri referenzjarji fis-sens ta' dan ir-Regolament, bil-kundizzjoni li l-attività tal-forniment ta' parametru referenzjarju ma jkunx ipprojbit mid-dixxiplina settorjali li tapplika għall-entità taħt superviżjoni u li l-ebda wieħed mill-indiċijiet fornuti jikkwalifikaw bħala parametru referenzjarju ta' importanza kritika; jew
(c) reġistrazzjoni jekk tipprovdi jew għandha l-intenzjoni li tipprovdi biss l-indiċijiet li jikkwalifikaw bħala parametri referenzjarji mhux sinifikanti.
2. Amministratur awtorizzat jew irreġistrat għandu jikkonforma f'kull waqt mal-kundizzjonijiet stabbiliti f'dan ir-Regolament u għandu jinnotifika lill-awtorità kompetenti bi kwalunkwe bidla materjali fihom.
3. L-applikazzjoni msemmija fil-paragrafu 1 għandha ssir fi żmien 30 jum tax-xogħol minn kwalunkwe ftehim li tagħmel entità taħt superviżjoni biex tuża indiċi fornut mill-applikant bħala referenza għal strument finanzjarju jew kuntratt finanzjarju jew biex titkejjel il-prestazzjoni ta' fond ta' investiment.
4. L-applikant għandu jipprovdi l-informazzjoni kollha meħtieġa biex jissodisfa lill-awtorità kompetenti li l-applikant jkun stabbilixxa, meta tingħata l-awtorizzazzjoni jew issir ir-reġistrazzjoni, l-arranġamenti meħtieġa kollha sabiex jissodisfa r-rekwiżiti stabbiliti f'dan ir-Regolament
5. Fi żmien 15-il jum ta' xogħol minn meta tasal l-applikazzjoni, l-awtorità kompetenti rilevanti għandha tivvaluta jekk l-applikazzjoni hijiex kompluta u tinnotifika lill-applikant kif xieraq. Jekk l-applikazzjoni ma tkunx kompluta, l-applikant għandu jissottometti l-informazzjoni addizzjonali meħtieġa mill-awtorità kompetenti rilevanti. Il-limitu ta' żmien imsemmi f'dan il-paragrafu għandu japplika mid-data ta' meta tali informazzjoni addizzjonali tiġi pprovduta mill-applikant.
6. L-awtorità kompetenti rilevanti għandha:
(a) teżamina l-applikazzjoni għal awtorizzazzjoni u tadotta deċiżjoni biex tawtorizza jew tirrifjuta li tawtorizza l-applikant fi żmien erba' xhur mill-wasla ta' applikazzjoni kompluta.
(b) teżamina l-applikazzjoni għar-reġistrazzjoni u tadotta deċiżjoni li tirreġistra jew li tirrifjuta li tirreġistra l-applikant fi żmien 45 jum tax-xogħol mill-wasla ta' applikazzjoni kompluta.
Fi żmien ħamest ijiem ta' xogħol wara l-adozzjoni ta' deċiżjoni msemmija fl-ewwel subparagrafu, l-awtorità kompetenti għandha tinnotifika lill-applikant. Meta l-awtorità kompetenti tirrifjuta li tawtorizza jew li tirreġistra lill-applikant, hija tagħti r-raġunijiet għad-deċiżjoni tagħha.
7. L-awtorità kompetenti għandha tinnotifika lill-ESMA dwar kwalunkwe deċiżjoni li tawtorizza jew tirreġistra applikant fi żmien ħamest ijiem tax-xogħol mid-data ta' adozzjoni ta' tali deċiżjoni.
8. L-ESMA għandha tiżviluppa abbozz ta' standards tekniċi regolatorji li jispeċifikaw aktar l-informazzjoni li trid tiġi pprovduta fl-applikazzjoni għal awtorizzazzjoni u fl-applikazzjoni għal reġistrazzjoni, filwaqt li jitqies li l-awtorizzazzjoni u r-reġistrazzjoni huma proċessi distinti fejn awtorizzazzjoni tirrikjedi aktar valutazzjoni estensiva tal-applikazzjoni tal-amministratur, il-prinċipju tal-proporzjonalità, in-natura tal-entitajiet taħt superviżjoni li qed japplikaw għar-reġistrazzjoni skont il-punt (b) tal-paragrafu 1 u l-ispejjeż tal-applikanti u l-awtoritajiet kompetenti.
L-ESMA għandha tissottometti dak l-abbozz ta' standards tekniċi regolatorji lill-Kummissjoni sal-1 ta' April 2017.
Qiegħda tiġi ddelegata setgħa lill-Kummissjoni sabiex tadotta l-istandards tekniċi regolatorji msemmija fl-ewwel subparagrafu skont il-proċedura stabbilita fl-Artikoli 10 sa 14 tar-Regolament (UE) Nru 1095/2010.
Artikolu 35
Irtirar jew sospensjoni ta' awtorizzazzjoni jew reġistrazzjoni
1. L-awtorità kompetenti tista' tirtira jew tissospendi l-awtorizzazzjoni jew ir-reġistrazzjoni ta' amministratur jekk l-amministratur:
(a) b'mod espliċitu jirrinunzja għall-awtorizzazzjoni jew ir-reġistrazzjoni jew ma jkun forna l-ebda parametru referenzjarju matul it-12-il xahar ta' qabel;
(b) ikun kiseb l-awtorizzazzjoni jew ir-reġistrazzjoni, jew ikun approva parametru referenzjarju, billi għamel dikjarazzjonijiet foloz jew bi kwalunkwe mezz irregolari ieħor;
(c) ma jkunx għadu jissodisfa l-kundizzjonijiet li ġie awtorizzat jew irreġistrat skonthom; jew
(d) ikun kiser serjament jew ripetutament id-dispożizzjonijiet ta' dan ir-Regolament.
2. L-awtorità kompetenti għandha tinnotifika lill-ESMA dwar id-deċiżjoni tagħha fi żmien ħamest ijiem ta' xogħol mill-adozzjoni ta' tali deċiżjoni.
L-ESMA għandha minnufih taġġorna r-reġistru previst fl-Artikolu 36.
3. Wara l-adozzjoni ta' deċiżjoni biex tiġi sospiża l-awtorizzazzjoni jew ir-reġistrazzjoni ta' amministratur, u meta l-waqfien tal-parametru referenzjarju jirriżulta f'avveniment ta' force majeure, jew iwaqqa' jew inkella jikser it-termini ta' kwalunkwe kuntratt finanzjarju jew strument finanzjarju, jew ir-regoli ta' kwalunkwe fond ta' investiment, li jirreferenzja dak il-parametru referenzjarju, kif speċifikat fl-att delegat adottat fl-Artikolu 51(6), il-forniment tal-parametru referenzjarju in kwistjoni jista' jiġi permess mill-awtorità kompetenti rilevanti tal-Istat Membru fejn ikun jinsab l-amministratur sakemm tiġi rtirata d-deċiżjoni tas-sospensjoni. Matul dak il-perjodu ta' żmien, l-użu ta' dan il-parametru referenzjarju minn entitajiet taħt superviżjoni għandu jiġi permess biss għal kuntratti finanzjarji, strumenti finanzjarji u fondi ta' investiment li diġà jirreferenzjaw il-parametru referenzjarju.
4. Wara l-adozzjoni ta' deċiżjoni biex tiġi rtirata l-awtorizzazzjoni jew ir-reġistrazzjoni ta' amministratur, għandu japplika l-Artikolu 28(2).
Artikolu 36
Reġistru tal-amministraturi u l-parametri referenzjarji
1. L-ESMA għandha tistabbilixxi u żżomm reġistru pubbliku li jkun fih l-informazzjoni li ġejja:
(a) l-identitajiet tal-amministraturi awtorizzati jew irreġistrati skont l-Artikolu 34 u, l-awtoritajiet kompetenti responsabbli għas-superviżjoni tagħhom;
(b) l-identitajiet ta' amministraturi li jikkonformaw mal-kundizzjonijiet stabbiliti fl-Artikolu 30(1), il-lista ta' parametri referenzjarji msemmija fil-punt (c) tal-Artikolu 30(1) u l-awtoritajiet kompetenti tal-pajjiż terz responsabbli għas-superviżjoni tagħhom;
(c) l-identitajiet tal-amministraturi li jkunu akkwistaw ir-rikonoxximent skont l-Artikolu 32, il-lista ta' parametri referenzjarji msemmija fl-Artikolu 32(7) u, fejn applikabbli, l-awtoritajiet kompetenti tal-pajjiż terz responsabbli għas-superviżjoni tagħhom;
(d) il-parametri referenzjarji li huma approvati skont il-proċedura stabbilita fl-Artikolu 33, l-identitajiet tal-amministraturi tagħhom, u l-identitajiet tal-amministraturi li jagħtu l-approvazzjoni jew tal-entitajiet taħt superviżjoni li jagħtu l-approvazzjoni.
2. Ir-reġistru msemmi fil-paragrafu 1 għandu jkun aċċessibbli pubblikament fuq is-sit elettroniku tal-ESMA u għandu jiġi aġġornat minnufih, kif meħtieġ.
KAPITOLU 2
Kooperazzjoni superviżorja
Artikolu 37
Delega ta' kompiti bejn l-awtoritajiet kompetenti
1. Skont l-Artikolu 28 tar-Regolament (UE) Nru 1095/2010 awtorità kompetenti tista' tiddelega l-kompiti tagħha skont dan ir-Regolament lill-awtorità kompetenti ta' Stat Membru ieħor bil-kunsens minn qabel tagħha.
L-awtoritajiet kompetenti għandhom jinnotifikaw lill-ESMA dwar kwalunkwe proposta ta' delega 60 jum qabel ma tali delega tidħol fis-seħħ.
2. L-awtorità kompetenti tista' tiddelega xi kompiti tagħha skont dan ir-Regolament lill-ESMA soġġett għall-qbil tal-ESMA.
3. L-ESMA għandha tinnotifika lill-Istati Membri dwar proposta ta' delega fi żmien sebat ijiem. L-ESMA għandha tippubblika d-dettalji ta' kwalunkwe delega li jsir qbil dwarha fi żmien ħamest ijiem ta' xogħol min-notifika.
Artikolu 38
Divulgazzjoni ta' informazzjoni minn Stat Membru ieħor
Awtorità kompetenti tista' tiddivulga informazzjoni riċevuta minn awtorità kompetenti oħra biss jekk:
(a) tkun kisbet il-qbil bil-miktub ta' dik l-awtorità kompetenti u l-informazzjoni tiġi ddivulgata biss għall-finijiet li tkun qablet magħhom dik l-awtorità kompetenti; jew
(b) tali divulgazzjoni tkun meħtieġa għal proċedimenti legali.
Artikolu 39
Kooperazzjoni dwar spezzjonijiet fil-post u investigazzjonijiet
1. Awtorità kompetenti rilevanti tista' titlob l-assistenza ta' awtorità kompetenti oħra fir-rigward ta' spezzjonijiet fil-post jew investigazzjonijiet. L-awtorità kompetenti li tirċievi t-talba għandha tikkoopera sa fejn hu possibbli u xieraq.
2. Awtorità kompetenti li tkun qed tagħmel talba msemmija fil-paragrafu 1 għandha tinforma lill-ESMA b'dan. Fil-każ ta' investigazzjoni jew spezzjoni b'effett transkonfinali, l-awtoritajiet kompetenti jistgħu jitolbu lill-ESMA sabiex tikkoordina l-ispezzjoni fil-post jew l-investigazzjoni.
3. Meta awtorità kompetenti tirċievi talba mingħand awtorità kompetenti oħra biex twettaq spezzjoni fil-post jew investigazzjoni, tista':
(a) twettaq l-ispezzjoni jew l-investigazzjoni fil-post hija stess;
(b) tippermetti lill-awtorità kompetenti li bagħtet it-talba tipparteċipa fl-ispezzjoni fil-post jew l-investigazzjoni;
(c) taħtar awdituri jew esperti biex jappoġġaw jew iwettqu spezzjoni jew investigazzjoni fuq il-post.
KAPITOLU 3
Rwol tal-awtoritajiet kompetenti
Artikolu 40
Awtoritajiet kompetenti
1. Għall-amministraturi u l-entitajiet taħt superviżjoni, kull Stat Membru għandu jaħtar l-awtorità kompetenti rilevanti responsabbli għat-twettiq tad-dmirijiet taħt dan ir-Regolament u għandu jinforma lill-Kummissjoni u lill-ESMA bihom.
2. Meta Stat Membru jaħtar iżjed minn awtorità kompetenti waħda, huwa għandu jiddetermina b'mod ċar ir-rwoli rispettivi tagħhom u għandu jaħtar awtorità waħda biex tkun responsabbli għall-koordinazzjoni tal-kooperazzjoni u l-iskambju tal-informazzjoni mal-Kummissjoni, l-ESMA u l-awtoritajiet kompetenti l-oħra tal-Istati Membri.
3. L-ESMA għandha tippubblika fil-websajt tagħha lista tal-awtoritajiet kompetenti maħtura skont il-paragrafi 1 u 2.
Artikolu 41
Setgħat tal-awtoritajiet kompetenti
1. Sabiex jaqdu dmirijiethom skont dan ir-Regolament, l-awtoritajiet kompetenti għandu jkollhom, f'konformità mal-liġi nazzjonali, mill-inqas is-setgħat superviżorji u investigattivi li ġejjin:
(a) ikollhom aċċess għal kwalunkwe dokument u data oħra fi kwalunkwe forma u li jirċievu jew jieħdu kopja tagħhom;
(b) jitolbu jew jeżiġu informazzjoni mingħand kwalunkwe persuna involuta fil-forniment ta', u l-kontribuzzjoni għal, parametru referenzjarju inkluż kwalunkwe fornitur ta' servizz li jkunu ġew esternalizzati lilu funzjonijiet, servizzi jew attivitajiet fil-forniment ta' parametru referenzjarju kif previst fl-Artikolu 10, kif ukoll is-superjuri tagħhom, u jekk meħtieġ, isejħu u jistaqsu lil kwalunkwe persuna bħal din bl-għan li jiksbu informazzjoni;
(c) jitolbu, fir-rigward ta' parametri referenzjarji tal-komoditajiet, informazzjoni mingħand kontributuri dwar is-swieq spot skont, fejn applikabbli, formati standardizzati u rapporti dwar it-tranżazzjonijiet, u aċċess dirett għas-sistemi tan-negozjanti;
(d) iwettqu spezzjonijiet fil-post jew investigazzjonijiet, f'siti ħlief fir-residenzi privati ta' persuni fiżiċi;
(e) jidħlu f'siti tal-persuni ġuridiċi, mingħajr preġudizzju għar-Regolament (UE) Nru 596/2014, sabiex jikkonfiskaw dokumenti u data oħra fi kwalunkwe forma, fejn ikun hemm suspett raġonevoli li dokumenti u data oħra marbuta mas-suġġett tal-ispezzjoni jew l-investigazzjoni jistgħu jkunu rilevanti biex jiġi evidenzjat ksur ta' dan ir-Regolament. Meta tkun meħtieġa awtorizzazzjoni minn qabel mill-awtorità ġudizzjarja tal-Istat Membru konċernat, skont il-liġi nazzjonali, tali setgħa għandha tintuża biss wara li tkun inkisbet awtorizzazzjoni minn qabel;
(f) jitolbu reġistrazzjonijiet eżistenti ta' konverżazzjonijiet telefoniċi, komunikazzjonijiet elettroniċi jew reġistri tat-traffiku tad-data ieħor miżmuma minn entitajiet taħt superviżjoni;
(g) jitolbu l-iffriżar jew is-sekwestru ta' assi jew iż-żewġ affarijiet;
(h) jeħtieġu waqfien temporanju ta' kwalunkwe prassi li l-awtorità kompetenti tqis li tmur kontra dan ir-Regolament;
(i) jimponu projbizzjoni temporanja fuq l-eżerċizzju ta' attività professjonali;
(j) jieħdu l-miżuri kollha meħtieġa biex jiġi żgurat li l-pubbliku jkun infurmat korrettament dwar il-forniment ta' parametru referenzjarju, fosthom billi jeżiġu li l-amministratur rilevanti jew il-persuna li tkun ippubblikat jew qassmet il-parametru referenzjarju, jew it-tnejn li huma, jippubblikaw dikjarazzjoni korrettiva dwar kontribuzzjonijiet jew ċifri passati tal-parametru referenzjarju.
2. Awtoritajiet kompetenti għandhom jeżerċitaw il-funzjonijiet u s-setgħat tagħhom, imsemmija fil-paragrafu 1 ta' dan l-Artikolu, u s-setgħat li jimponu s-sanzjonijiet imsemmija fl-Artikolu 42, b'konformità mal-oqfsa legali nazzjonali tagħhom, fi kwalunkwe minn dawn il-modi li ġejjin:
(a) direttament;
(b) f'kollaborazzjoni ma' awtoritajiet oħra jew intrapriżi tas-suq;
(c) fir-responsabbiltà tagħhom b'delega lil dawn l-awtoritajiet jew l-intrapriżi tas-suq;
(d) permezz ta' applikazzjoni lill-awtoritajiet ġudizzjarji kompetenti.
Għall-eżerċitar ta' dawk is-setgħat, l-awtoritajiet kompetenti għandu jkollhom fis-seħħ salvagwardji adegwati u effettivi fir-rigward tad-dritt għal difiża u d-drittijiet fundamentali.
3. L-Istati Membri għandhom jiżguraw li jkunu fis-seħħ miżuri xierqa sabiex l-awtoritajiet kompetenti jkollhom is-setgħat superviżorji u investigattivi li jkunu jeħtieġu biex iwettqu dmirijiethom.
4. Amministratur jew kwalunkwe entità oħra taħt superviżjoni li jqiegħdu informazzjoni għad-dispożizzjoni tal-awtorità kompetenti skont il-paragrafu 1 ma għandhomx jitqiesu li qed jiksru xi restrizzjoni dwar żvelar ta' informazzjoni imposta bi kwalunkwe dispożizzjoni kuntrattwali, leġiżlattiva, regolatorja jew amministrattiva.
Artikolu 42
Sanzjonijiet amministrattivi u miżuri amministrattivi oħra
1. Mingħajr preġudizzju għas-setgħat superviżorji tal-awtoritajiet kompetenti skont l-Artikolu 41, u d-dritt tal-Istati Membri li jipprovdu u jimponu sanzjonijiet kriminali, l-Istati Membri għandhom, b'konformità mal-liġi nazzjonali, jipprevedu li l-awtoritajiet kompetenti jkollhom is-setgħa li jimponu sanzjonijiet amministrattivi xierqa u miżuri amministrattivi oħra fir-rigward ta' mill-inqas il-ksur li ġej:
(a) kwalunkwe ksur tal-Artikoli 4, 5, 6, 7, 8, 9, 10, 11, 12, 13, 14, 15, 16, 21, 23, 24, 25, 26, 27, 28, 29 u 34 fejn japplikaw; u
(b) kwalunkwe nuqqas ta' kooperazzjoni jew konformità f'investigazzjoni jew ma' spezzjoni jew talba koperta mill-Artikolu 41.
Dawk is-sanzjonijiet amministrattivi u l-miżuri amministrattivi oħra għandhom ikunu effettivi, proporzjonati u dissważivi.
2. Fil-każ ta' ksur imsemmi fil-paragrafu 1, l-Istati Membri għandhom, f'konformità mad-dritt nazzjonali, jagħtu lill-awtoritajiet kompetenti s-setgħa li jimponu mill-inqas is-sanzjonijiet amministrattivi u miżuri amministrattivi oħra li ġejjin:
(a) ordni li teħtieġ lill-amministratur jew l-entità taħt superviżjoni responsabbli mill-ksur sabiex twaqqaf l-imġiba u sabiex ma tirripetix dik il-kondotta;
(b) ir-restituzzjoni tal-profitti miksuba jew tat-telf evitat bis-saħħa tal-ksur, meta dawn ikunu jistgħu jiġu ddeterminati;
(c) twissija pubblika li tindika l-amministratur jew l-entità taħt superviżjoni responsabbli u n-natura tal-ksur;
(d) irtirar jew sospensjoni tal-awtorizzazzjoni jew ir-reġistrazzjoni ta' amministratur;
(e) projbizzjoni temporanja li tipprojbixxi kwalunkwe persuna fiżika, li tinżamm responsabbli għal tali ksur, milli teżerċita funzjonijiet ta' mmaniġġar ma' amministraturi jew kontributuri taħt superviżjoni;
(f) l-impożizzjoni tas-sanzjonijiet amministrattivi pekunjarji massimi ta' mill-anqas tliet darbiet l-ammont tal-profitti miksuba jew it-telf evitat bis-saħħa tal-ksur, meta dawn ikunu jistgħu jiġu ddeterminati;
(g) fir-rigward ta' persuna fiżika s-sanzjonijiet amministrattivi pekunjarji massimi ta' mill-anqas:
(i) għall-ksur tal-Artikoli 4, 5, 6, 7, 8, 9, 10, il-punti (a), (b), (c) u (e) tal-Artikolu 11(1), l-Artikolu 11(2) u (3), u l-Artikoli 12, 13,14, 15, 16, 21, 23, 24, 25, 26, 27, 28, 29 u 34, EUR 500 000 jew fl-Istati Membri li l-munita uffiċjali tagħhom mhijiex l-Euro, il-valur korrispondenti fil-munita nazzjonali fit-30 ta' Ġunju 2016; jew
(ii) għall-ksur tal-punt (d) tal-Artikolu 11(1) jew tal-Artikolu 11(4), EUR 100 000 jew fl-Istati Membri li l-munita uffiċjali tagħhom mhijiex l-Euro, il-valur korrispondenti fil-munita nazzjonali fit-30 ta' Ġunju 2016;
(h) fir-rigward ta' persuna ġuridika s-sanzjonijiet amministrattivi pekunjarji massimi ta' mill-anqas:
(i) għall-ksur tal-Artikoli 4, 5, 6, 7, 8, 9, 10, il-punti (a), (b), (c) u (e) tal-Artikolu 11(1), l-Artikolu 11(2) u (3), u l-Artikoli 12, 13,14, 15, 16, 21, 23, 24, 25, 26, 27, 28, 29 u 34, jew EUR 1 000 000 jew, fl-Istati Membri li l-munita uffiċjali tagħhom mhijiex l-Euro, il-valur korrispondenti fil-munita nazzjonali fit-30 ta' Ġunju 2016, jew 10 % tal-fatturat annwali totali tagħha skont l-aħħar kontijiet disponibbli approvati mill-korp maniġerjali, skont liema ammont ikun ogħla. jew
(ii) għall-ksur tal-punt (d) tal-Artikolu 11(1) jew tal-Artikolu 11(4), jew EUR 250 000 jew, fl-Istati Membri li l-munita uffiċjali tagħhom mhijiex l-Euro, il-valur korrispondenti fil-munita nazzjonali fit-30 ta' Ġunju 2016, jew 2 % tal-fatturat annwali totali tagħha skont l-aħħar kontijiet disponibbli approvati mill-korp maniġerjali, skont liema ammont ikun l-ogħla.
Għall-finijiet tal-punt (h)(i) jew (ii), meta l-persuna ġuridika tkun impriża prinċipali jew sussidjarja ta' impriża prinċipali li trid tħejji kontijiet finanzjarji konsolidati skont id-Direttiva 2013/34/UE tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill ( 11 ), il-fatturat annwali totali rilevanti jkun il-fatturat annwali totali jew tat-tip korrispondenti ta' dħul skont id-Direttiva tal-Kunsill 86/635/KEE ( 12 ) għall-banek u d-Direttiva tal-Kunsill 91/674/KEE ( 13 ) għall-kumpaniji tal-assigurazzjoni skont l-aħħar kontijiet konsolidati disponibbli approvati mill-korp maniġerjali tal-impriża prinċipali aħħarija, jew jekk il-persuna tkun assoċjazzjoni, 10 % tal-fatturat aggregat tal-membri tagħha.
3. Sal-1 ta' Jannar 2018, l-Istati Membri għandhom jinnotifikaw ir-regoli fir-rigward tal-paragrafi 1 u 2 lill-Kummissjoni u lill-ESMA.
L-Istati Membri jistgħu jiddeċiedu li ma jistabbilixxux regoli għal sanzjonijiet amministrattivi kif previst fil-paragrafu 1 fejn il-ksur imsemmi f'dak il-paragrafu huwa soġġett għal sanzjonijiet kriminali skont id-dritt nazzjonali tagħhom. F'dak il-każ, l-Istati Membri għandhom jikkommunikaw lill-Kummissjoni u lill-ESMA d-dispożizzjonijiet tad-dritt kriminali rilevanti flimkien man-notifika msemmija fl-ewwel subparagrafu ta' dan il-paragrafu.
Huma għandhom jinnotifikaw lill-Kummissjoni u lill-ESMA minnufih dwar kwalunkwe emenda sussegwenti fihom.
4. L-Istati Membri jistgħu jagħtu lill-awtoritajiet kompetenti skont id-dritt nazzjonali s-setgħat li jimponu sanzjonijiet minbarra dawk imsemmija fil-paragrafu 1 u jistgħu jipprevedu livelli ogħla ta' sanzjonijiet minn dawk stabbiliti fil-paragrafu 2.
Artikolu 43
Eżerċizzju tas-setgħat ta' superviżjoni u l-impożizzjoni ta' sanzjonijiet
1. L-Istati Membri għandhom jiżguraw li, meta jiddeterminaw it-tip u l-livell ta' sanzjonijiet amministrattivi u miżuri amministrattivi oħra, l-awtoritajiet kompetenti jikkunsidraw iċ-ċirkostanzi rilevanti kollha, inklużi fejn xieraq:
(a) is-serjetà u d-dewmien tal-ksur;
(b) il-kritikalità tal-parametru referenzjarju għall-istabbiltà finanzjarja u l-ekonomija reali;
(c) il-grad ta' responsabbiltà tal-persuna responsabbli;
(d) is-saħħa finanzjarja tal-persuna responsabbli, kif indikat, partikolarment, mill-fatturat annwali totali tal-persuna ġuridika responsabbli jew mid-dħul annwali tal-persuna fiżika responsabbli;
(e) il-livell tal-profitti miksuba jew tat-telf evitat mill-persuna responsabbli, sa fejn dawn jistgħu jiġu ddeterminati;
(f) il-livell ta' kooperazzjoni tal-persuna responsabbli mal-awtorità kompetenti, mingħajr preġudizzju għall-ħtieġa li tiġi żgurata l-eliminazzjoni tal-profitti miksuba jew tat-telf evitat minn dik il-persuna;
(g) ksur preċedenti mill-persuna konċernata;
(h) miżuri meħuda, wara l-ksur, minn persuna responsabbli sabiex tiġi evitata r-ripetizzjoni tal-ksur.
2. Fl-eżerċizzju tas-setgħat tagħhom li jimponu sanzjonijiet amministrattivi u miżuri amministrattivi oħra taħt l-Artikolu 42, l-awtoritajiet kompetenti għandhom jikkooperaw mill-qrib biex jiżguraw li s-setgħat superviżorji u investigattivi u s-sanzjonijiet amministrattivi u miżuri amministrattivi oħra jipproduċu r-riżultati mixtieqa minn dan ir-Regolament. Huma għandhom jikkoordinaw ukoll l-azzjoni tagħhom sabiex jevitaw il-possibbiltà tad-duplikazzjoni u s-sovrappożizzjoni meta japplikaw is-setgħat superviżorji u investigattivi u sanzjonijiet amministrattivi, inklużi sanzjonijiet pekunjarji u miżuri amministrattivi oħra f'każijiet transkonfinali.
Artikolu 44
Obbligu ta' kooperazzjoni
1. Meta l-Istati Membri jkunu għażlu, skont l-Artikolu 42, li jistabbilixxu sanzjonijiet kriminali għal ksur tad-dispożizzjonijiet imsemmija f'dak l-Artikolu, huma għandhom jiżguraw li jkunu fis-seħħ il-miżuri xierqa sabiex l-awtoritajiet kompetenti jkollhom is-setgħat kollha meħtieġa biex jikkomunikaw mal-awtoritajiet ġudizzjarji fi ħdan il-ġurisdizzjoni tagħhom biex jirċievu informazzjoni speċifika relatata mal-investigazzjonijiet jew proċedimenti kriminali mibdija għal ksur possibbli ta' dan ir-Regolament. Dawk l-awtoritajiet kompetenti għandhom jipprovdu dik l-informazzjoni lill-awtoritajiet kompetenti oħra u lill-ESMA, sabiex jissodisfaw l-obbligu tagħhom li jikkooperaw ma' xulxin u l-ESMA għall-finijiet ta' dan ir-Regolament.
2. L-awtoritajiet kompetenti għandhom jipprovdu assistenza lill-awtoritajiet kompetenti ta' Stati Membri oħra. B'mod partikolari, huma għandhom jiskambjaw informazzjoni u jikkooperaw fi kwalunkwe investigazzjoni jew attività ta' superviżjoni. L-awtoritajiet kompetenti jistgħu jikkooperaw ukoll mal-awtoritajiet kompetenti ta' Stat Membru ieħor fir-rigward tal-iffaċilitar tal-irkupru ta' sanzjonijiet pekunjarji.
Artikolu 45
Pubblikazzjoni tad-deċiżjonijiet
1. Soġġett għall-paragrafu 2, awtorità kompetenti għandha tippubblika kwalunkwe deċiżjoni li timponi sanzjoni amministrattiva jew miżura amministrattiva oħra fir-rigward ta' ksur ta' dan ir-Regolament fis-sit elettroniku uffiċjali tagħha immedjatament wara li l-persuna soġġetta għal dik id-deċiżjoni tkun ġiet infurmata b'dik id-deċiżjoni. Tali pubblikazzjoni għandha tinkludi tal-inqas informazzjoni dwar it-tip u n-natura tal-ksur u l-identità tal-persuni soġġetti għal din id-deċiżjoni.
L-ewwel subparagrafu ma japplikax għal deċiżjonijiet li jimponu miżuri li huma ta' natura investigattiva.
2. Meta awtorità kompetenti tikkunsidra li l-pubblikazzjoni tal-identità tal-persuna ġuridika jew tad-data personali ta' persuna fiżika tkun sproporzjonata wara valutazzjoni individwali tal-każ mwettqa fuq il-proporzjonalità tal-pubblikazzjoni ta' din id-data, jew meta tali pubblikazzjoni thedded l-istabbiltà tas-swieq finanzjarji jew investigazzjoni fis-seħħ, għandha tagħmel kwalunkwe minn dawn li ġejjin:
(a) tiddifferixxi l-pubblikazzjoni tad-deċiżjoni sa tali żmien meta r-raġunijiet għad-differiment jieqfu jeżistu;
(b) tippubblika d-deċiżjoni fuq bażi anonima f'konformità mad-dritt nazzjonali fejn tali pubblikazzjoni anonima tiżgura protezzjoni effettiva tad-data personali konċernata;
(c) ma tippubblikax id-deċiżjoni għal kollox fil-każ li l-awtorità kompetenti hija ta l-opinjoni li l-pubblikazzjoni skont il-punt (a) jew (b) se tkun insuffiċjenti biex tiżgura:
(i) li ma tiġix mhedda l-istabbilità tas-swieq finanzjarji; jew
(ii) il-proporzjonalità tal-pubblikazzjoni ta' tali deċiżjonijiet fir-rigward ta' miżuri li jitqiesu ta' natura minuri.
Fejn awtorità kompetenti tiddeċiedi li tippubblika deċiżjoni fuq bażi anonima kif imsemmi fil-punt (b) tal-ewwel subparagrafu, tista' tipposponi l-pubblikazzjoni tad-data rilevanti għal perijodu ta' żmien raġonevoli, jekk jista' jkun previst li r-raġunijiet għal pubblikazzjoni anonima għandhom jieqfu jeżistu f'dak il-perjodu.
3. Meta d-deċiżjoni tkun soġġetta għal appell quddiem l-awtorità nazzjonali ġudizzjarja, amministrattiva jew awtorità oħra, l-awtorità kompetenti xorta għandha tippubblika, immedjatament, fuq is-sit elettroniku uffiċjali tagħha din l-informazzjoni u kwalunkwe informazzjoni sussegwenti dwar ir-riżultat ta' tali appell. Kwalunkwe deċiżjoni li tannulla deċiżjoni preċedenti li tiġi imposta sanzjoni jew miżura għandha tiġi ppubblikata wkoll.
4. L-awtorità kompetenti għandha tiżgura li kwalunkwe deċiżjoni li hija ppubblikata, f'konformità ma' dan l-Artikolu, tibqa' aċċessibbli fuq is-sit elettroniku uffiċjali tagħha għal perjodu ta' mill-inqas ħames snin wara l-pubblikazzjoni tagħha. Data personali li tkun tinsab fil-pubblikazzjoni għandha tinżamm fuq is-sit elettroniku uffiċjali tal-awtorità kompetenti għall-perjodu li hu meħtieġ skont ir-regoli applikabbli dwar il-protezzjoni tad-data biss.
5. L-Istati Membri għandhom jipprovdu lill-ESMA kull sena b'informazzjoni aggregata li tirrigwarda s-sanzjonijiet amministrattivi u l-miżuri amministrattivi oħra kollha imposti skont l-Artikolu 42. Dak l-obbligu ma japplikax għal miżuri ta' natura investigattiva. L-ESMA għandha tippubblika dik l-informazzjoni f'rapport annwali.
Meta l-Istati Membri jkunu għażlu, b'konformità mal-Artikolu 42, li jistabbilixxu sanzjonijiet kriminali għal ksur tad-dispożizzjonijiet imsemmija f'dak l-Artikolu, l-awtoritajiet kompetenti għandhom jipprovdu lill-ESMA kull sena b'data anonimizzata u aggregata li tirrigwarda l-investigazzjonijiet kriminali kollha li jkunu twettqu u s-sanzjonijiet kriminali imposti. L-ESMA għandha tippubblika d-data dwar is-sanzjonijiet kriminali imposti f'rapport annwali.
Artikolu 46
Kulleġġi
1. Fi żmien 30 jum tax-xogħol mill-inklużjoni ta' parametru referenzjarju msemmi fil-punti (a) u (c) tal-Artikolu 20(1) f'lista ta' parametri referenzjarji ta' importanza kritika, bl-eċċezzjoni tal-parametri referenzjarji fejn il-maġġoranza tal-kontributuri mhumiex entitajiet taħt superviżjoni, l-awtorità kompetenti għandha tistabbilixxi kulleġġ.
2. Il-Kulleġġ għandu jkun magħmul mill-awtorità kompetenti tal-amministratur, l-ESMA u l-awtoritajiet kompetenti tal-kontributuri taħt superviżjoni.
3. L-awtoritajiet kompetenti ta' Stati Membri oħra għandhom id-dritt ikunu membri tal-kulleġġ meta, li kieku l-parametru referenzjarju ta' importanza kritika in kwistjoni kellu ma jibqax jiġi fornut, ikun hemm impatt negattiv sinifikanti fuq l-integrita' tas-suq, l-istabbiltà finanzjarja, il-konsumaturi, l-ekonomija reali jew il-funzjonament ta' unitajiet domestiċi u negozji ta' dawk l-Istati Membri.
Meta awtorità kompetenti jkollha l-intenzjoni li ssir membru ta' kulleġġ, hija għandha tressaq talba lill-awtorità kompetenti tal-amministratur li jkun fiha evidenza li r-rekwiżiti tal-ewwel subparagrafu ta' dan il-paragrafu huma ssodisfati. L-awtorità kompetenti rilevanti tal-amministratur għandha tikkunsidra t-talba u tinnotifika lill-awtorità li tkun ressqet it-talba fi żmien 20 jum ta' xogħol minn meta tasal it-talba jekk hija tikkunsidrax li dawk ir-rekwiżiti ġew issodisfati. Meta tqis li dawk ir-rekwiżiti ma jkunux ġew issodisfati, l-awtorità li tkun ressqet it-talba tista' tirreferi l-kwistjoni lill-ESMA skont il-paragrafu 9.
4. L-ESMA għandha tikkontribwixxi għall-promozzjoni u l-monitoraġġ tal-funzjonament effiċjenti, effettiv u konsistenti tal-kulleġġi msemmija f'dan l-Artikolu skont l-Artikolu 21 tar-Regolament (UE) Nru 1095/2010. Għal dak l-għan, l-ESMA għandha tipparteċipa kif xieraq u titqies bħala awtorità kompetenti għal dak l-għan.
Meta l-ESMA taġixxi skont l-Artikolu 17(6) tar-Regolament (UE) Nru 1095/2010 fir-rigward ta' parametru referenzjarju ta' importanza kritika, din għandha tiżgura skambju xieraq ta' informazzjoni u kooperazzjoni mal-membri l-oħra tal-kulleġġ.
5. L-awtorità kompetenti ta' amministratur għandha tippresjedi l-laqgħat tal-kulleġġ, tikkoordina l-azzjonijiet tal-kulleġġ u tiżgura skambju effiċjenti ta' informazzjoni bejn il-membri tal-kulleġġ.
Meta amministratur iforni aktar minn parametru referenzjarju ta' importanza kritika wieħed, l-awtorità kompetenti ta' dak l-amministratur tista' tistabbilixxi kulleġġ uniku fir-rigward tal-parametri referenzjarji kollha fornuti minn dak l-amministratur.
6. L-awtorità kompetenti tal-amministratur għandha tistabbilixxi arranġamenti bil-miktub fil-qafas tal-kulleġġ fir-rigward tas-suġġetti li ġejjin:
(a) l-informazzjoni li għandha tiġi skambjata bejn l-awtoritajiet kompetenti;
(b) il-proċess tat-teħid tad-deċiżjonijiet bejn l-awtoritajiet kompetenti u l-perjodu ta' żmien li fih għandha tittieħed kull deċiżjoni;
(c) il-każijiet li fihom l-awtoritajiet kompetenti jridu jikkonsultaw lil xulxin;
(d) il-kooperazzjoni li għandha tingħata skont l-Artikolu 23(7) u (8).
7. L-awtorità kompetenti tal-amministratur għandha tqis kif dovut kwalunkwe parir mogħti mill-ESMA rigward l-arranġamenti bil-miktub skont il-paragrafu 6 qabel ma taqbel dwar it-test finali tagħhom. L-arranġamenti bil-miktub għandhom ikunu stipulati f'dokument uniku li jkun fih ir-raġunijiet sħaħ għal kwalunkwe tbegħid sinifikattiv mill-parir tal-ESMA. L-awtorità kompetenti tal-amministratur għandha tittrasmetti l-arranġamenti bil-miktub lill-membri tal-kulleġġ u lill-ESMA.
8. Qabel ma tittieħed kwalunkwe miżura msemmija fl-Artikolu 23(6), (7) u (9), u l-Artikoli 34, 35 u 42, l-awtorità kompetenti ta' amministratur għandha tikkonsulta lill-membri tal-kulleġġ. Il-membri tal-kulleġġ għandhom jagħmlu dak kollu li huwa raġonevolment fis-setgħa tagħhom biex jilħqu ftehim fi ħdan il-perjodu ta' żmien speċifikat fl-arranġamenti bil-miktub imsemmija fil-paragrafu 6 ta' dan l-Artikolu.
Kwalunkwe deċiżjoni tal-awtorità kompetenti tal-amministratur li tieħu tali miżuri għandha tqis l-impatt fuq l-Istati Membri l-oħra kkonċernati, b'mod partikolari fir-rigward tal-impatt potenzjali fuq l-istabbiltà tas-sistemi finanzjarji tagħhom.
Fir-rigward ta' deċiżjoni biex tiġi rtirata l-awtorizzazzjoni jew ir-reġistrazzjoni ta' amministratur skont l-Artikolu 35, fejn il-waqfien ta' parametru referenzjarju jirriżulta f'avveniment ta' force majeure, jiffrustra jew inkella jikser it-termini ta' kwalunkwe kuntratt finanzjarju jew strument finanzjarju jew ir-regoli ta' kwalunkwe fond ta' investiment li jirreferenzja dak il-parametru referenzjarju fl-Unjoni, fi ħdan it-tifsira speċifikata mill-Kummissjoni fi kwalunkwe att delegat adottat skont l-Artikolu 51(6), l-awtoritajiet kompetenti fi ħdan il-kulleġġ għandhom jikkunsidraw jekk għandhomx jiġu adottati miżuri li jimmitigaw l-effetti msemmija f'dan il-paragrafu, inkluż:
(a) bidla fil-kodiċi tal-kondotta imsemmija fl-Artikolu 15, il-metodoloġija jew regoli oħra tal-parametru referenzjarju;
(b) perjodu tranżitorju, li matulu l-proċeduri previsti skont l-Artikolu 28(2) għandhom japplikaw.
9. Fin-nuqqas ta' qbil bejn il-membri ta' kulleġġ, l-awtoritajiet kompetenti jistgħu jirreferu lill-ESMA kwalunkwe sitwazzjoni minn dawn li ġejjin:
(a) meta l-awtorità kompetenti ma tkunx ikkomunikat informazzjoni essenzjali;
(b) meta, wara talba li ssir skont il-paragrafu 3, l-awtorità kompetenti tal-amministratur tkun innotifikat lill-awtorità li tkun ressqet it-talba li r-rekwiżiti ta' dak il-paragrafu ma ġewx issodisfati jew meta ma tkunx aġixxiet fi żmien raġonevoli fir-rigward tat-tali talba;
(c) meta l-awtoritajiet kompetenti ma jirnexxilhomx jilħqu ftehim dwar il-kwistjonijiet stipulati fil-paragrafu 6;
(d) meta jkun hemm nuqqas ta' qbil rigward il-miżura li trid tittieħed f'konformità mal-Artikoli 34, 35 u 42;
(e) meta jkun hemm nuqqas ta' qbil rigward il-miżura li trid tittieħed f'konformità mal-Artikoli 23(6);
(f) meta jkun hemm nuqqas ta' qbil rigward il-miżura li trid tittieħed f'konformità mat-tielet subparagrafu tal-paragrafu 8 ta' dan l-Artikolu.
10. Fis-sitwazzjonijiet imsemmija fil-punti (a), (b), (c), (d) u (f) tal-paragrafu 9, jekk il-kwistjoni ma tiġix solvuta fi żmien 30 jum wara r-riferiment lill-ESMA, l-awtorità kompetenti ta' amministratur għandha tieħu d-deċiżjoni finali u tipprovdi spjegazzjoni dettaljata bil-miktub tad-deċiżjoni tagħha lill-awtoritajiet kompetenti msemmija f'dak il-paragrafu u lill-ESMA.
Il-perjodu ta' żmien imsemmi fil-punt (a) tal-Artikolu 34(6) għandu jkun sospiż mid-data ta' riferiment lill-ESMA sakemm tittieħed deċiżjoni f'konformità mal-ewwel subparagrafu ta' dan il-paragrafu.
Meta l-ESMA tikkunsidra li l-awtorità kompetenti tal-amministratur tkun ħadet kwalunkwe miżura msemmija fil-paragrafu 8 ta' dan l-Artikolu li tista' ma tkunx f'konformità mad-dritt tal-Unjoni, hi għandha taġixxi b'konformità mal-Artikolu 17 tar-Regolament (UE) Nru 1095/2010.
11. Fis-sitwazzjonijiet imsemmija fil-punt (e) tal-paragrafu 9 ta' dan l-Artikolu, u mingħajr preġudizzju għall-Artikolu 258 TFUE, l-ESMA tista' taġixxi f'konformità mas-setgħat mogħtija lilha skont l-Artikolu 19 tar-Regolament (UE) Nru 1095/2010.
Is-setgħa tal-awtorità kompetenti ta' amministratur skont l-Artikolu 23(6) tista' tiġi eżerċitata sa tali żmien meta l-ESMA tkun ippubblikat id-deċiżjoni tagħha.
Artikolu 47
Kooperazzjoni mal-ESMA
1. L-awtoritajiet kompetenti għandhom jikkooperaw mal-ESMA għall-finijiet ta' dan ir-Regolament, skont ir-Regolament (UE) Nru 1095/2010.
2. L-awtoritajiet kompetenti għandhom jipprovdu lill-ESMA, mingħajr dewmien, l-informazzjoni kollha meħtieġa biex twettaq dmirijietha, skont l-Artikolu 35 tar-Regolament (UE) Nru 1095/2010.
3. L-ESMA għandha tiżviluppa abbozzi ta' standards tekniċi ta' implimentazzjoni sabiex tistabbilixxi l-proċeduri u l-forom għall-iskambju ta' informazzjoni kif imsemmi fil-paragrafu 2.
L-EMSA għandha tressaq l-abbozz tal-istandards tekniċi ta' implimentazzjoni msemmija fl-ewwel subparagrafu lill-Kummissjoni sal-1 ta' April 2017.
Il-Kummissjoni tingħatalha s-setgħa li tadotta l-istandards tekniċi ta' implimentazzjoni msemmija fl-ewwel subparagrafu, skont l-Artikolu 15 tar-Regolament (UE) Nru 1095/2010;
Artikolu 48
Sigriet professjonali
1. Kwalunkwe informazzjoni kunfidenzjali li tasal, tiġi skambjata jew trażmessa skont dan ir-Regolament għandha tkun soġġetta għall-kundizzjonijiet tas-sigriet professjonali stabbiliti fil-paragrafu 2.
2. L-obbligu tas-sigriet professjonali japplika għall-persuni kollha li jaħdmu jew li ħadmu għall-awtorità kompetenti jew għal kwalunkwe awtorità jew impriża tas-suq jew persuna fiżika jew ġuridika li l-awtorità kompetenti tkun iddelegat xi setgħat, inklużi l-awdituri u l-esperti kuntrattati mill-awtorità kompetenti.
3. L-informazzjoni koperta bis-sigriet professjonali ma tistax tiġi żvelata lill-ebda persuna jew awtorità oħra ħlief permezz tad-dispożizzjonijiet stabbiliti bil-liġi tal-Unjoni jew dik nazzjonali.
4. L-informazzjoni kollha skambjata bejn l-awtoritajiet kompetenti skont dan ir-Regolament li tikkonċerna l-operat jew il-kundizzjonijiet operattivi u kwistjonijiet ekonomiċi jew personali oħra għandha titqies kunfidenzjali u tkun soġġetta għar-rekwiżiti tas-sigriet professjonali, ħlief fejn l-awtorità kompetenti tiddikjara, meta ssir il-komunikazzjoni, li din l-informazzjoni tista' tiġi divulgata jew fejn din id-divulgazzjoni hija meħtieġa fi proċedimenti legali.
TITOLU VII
ATTI DELEGATI U TA' IMPLIMENTAZZJONI
Artikolu 49
Eżerċizzju tad-delega
1. Is-setgħa ta' adozzjoni ta' atti delegati hija mogħtija lill-Kummissjoni soġġett għall-kondizzjonijiet stabbiliti f'dan l-Artikolu.
2. Is-setgħa ta' adozzjoni ta' atti delegati msemmija fl-Artikoli 3(2), 20(6), 24(2), 33(7), 51(6) u 54(3) hija mogħtija lill-Kummissjoni għal perjodu ta' żmien indeterminat mit-30 ta' Ġunju 2016.
3. Id-delega ta' setgħa msemmija fl-Artikoli 3(2), 20(6), 24(2), 33(7), 51(6) u 54(3) tista' tiġi revokata fi kwalunkwe mument mill-Parlament Ewropew jew mill-Kunsill. Deċiżjoni li tirrevoka għandha ttemm id-delega ta' setgħa speċifikata f'dik id-deċiżjoni. Din għandha ssir effettiva fil-jum wara l-pubblikazzjoni tad-deċiżjoni f'Il-Ġurnal Uffiċjali tal-Unjoni Ewropea jew f'data aktar tard speċifikata fiha. Ma għandhiex taffettwa l-validità ta' kwalunkwe att delegat diġà fis-seħħ.
4. Qabel ma tadotta att delegat, il-Kummissjoni għandha tikkonsulta mal-esperti nominati minn kull Stat Membru f'konformità mal-prinċipji stipulati fil-Ftehim Interistituzzjonali dwar it-Tfassil Aħjar tal-Liġijiet tat-13 ta' April 2016.
5. Hekk kif tadotta att delegat, il-Kummissjoni tinnotifikah simultanjament lill-Parlament Ewropew u lill-Kunsill.
6. Att delegat adottat skont l-Artikoli 3(2), 20(6), 24(2), 33(7), 51(6) u 54(3) għandu jidħol fis-seħħ biss jekk ma tiġix espressa oġġezzjoni mill-Parlament Ewropew jew mill-Kunsill f'perjodu ta' tliet xhur min-notifika ta' dak l-att lill-Parlament Ewropew u lill-Kunsill jew jekk, qabel ma jiskadi dak il-perjodu, il-Parlament Ewropew u l-Kunsill ikunu t-tnejn infurmaw lill-Kummissjoni li mhumiex sejrin joġġezzjonaw. Dak il-perjodu għandu jiġi estiż bi tliet xhur fuq inizjattiva tal-Parlament Ewropew jew tal-Kunsill.
Artikolu 50
Proċedura tal-Kumitat
1. Il-Kummissjoni għandha tkun megħjuna mill-Kumitat Ewropew tat-Titoli. Dan il-kumitat għandu jkun kumitat skont it-tifsira tar-Regolament (UE) Nru 182/2011.
2. Meta ssir referenza għal dan il-paragrafu, japplika l-Artikolu 5 tar-Regolament (UE) Nru 182/2011, wara li jkunu kkunsidrati d-dispożizzjonijiet tal-Artikolu 8 tiegħu.
TITOLU VIII
DISPOŻIZZJONIJIET TRANŻITORJI U FINALI
Artikolu 51
Dispożizzjonijiet tranżitorji
1. Fornitur tal-indiċi li jforni parametru referenzjarju fit-30 ta' Ġunju 2016 japplika għal awtorizzazzjoni jew reġistrazzjoni skont l-Artikolu 34 sal-1 ta' Jannar 2020.
2. Sal-1 ta' Jannar 2020, l-awtorità kompetenti tal-Istat Membru fejn jinsab il-fornitur tal-indiċi li japplika għal awtorizzazzjoni skont l-Artikolu 34 għandu jkollu s-setgħa li jiddeċiedi li jirreġistra lil dak il-fornitur tal-indiċi bħala amministratur anki jekk ma tkunx entità taħt superviżjoni, skont il-kondizzjonijiet li ġejjin:
(a) dak il-fornitur tal-indiċi ma għandux jipprovdi parametru referenzjarju ta' importanza kritika;
(b) l-awtorità kompetenti tkun konxja, fuq bażi raġonevoli, li l-indiċi jew indiċijiet pprovduti mill-fornitur tal-indiċi ma għandhomx użu mifrux, skont it-tifsira ta' dan ir-Regolament, fl-Istat Membru fejn jinsab il-fornitur tal-indiċi kif ukoll fi Stati Membri oħra.
L-awtorità kompetenti għandha tinnotifika lill-ESMA dwar id-deċiżjoni tagħha adottata skont l-ewwel subparagrafu.
L-awtorità kompetenti għandha żżomm evidenza tar-raġunijiet wara d-deċiżjoni tagħha adottata skont l-ewwel subparagrafu, f'tali forma li fiha jkunu jistgħu jiġu mifhuma bis-sħiħ l-evalwazzjonijiet tal-awtorità kompetenti li l-indiċi jew indiċijiet pprovduti mill-fornitur tal-indiċi ma għandhomx użu mifrux, inkluż kwalunkwe data tas-suq, sentenza jew tagħrif ieħor, kif ukoll informazzjoni rċevuta mill-fornitur tal-indiċi.
3. Fornitur tal-indiċi jista' jibqa' jipproduċi parametru referenzjarju eżistenti li jista' jibqa' jintuża minn entitajiet taħt superviżjoni sal-1 ta' Jannar 2020, jew fejn il-fornitur tal-indiċi jressaq applikazzjoni għal awtorizzazzjoni jew reġistrazzjoni skont il-paragrafu 1, sakemm u sa meta din l-awtorizzazzjoni jew reġistrazzjoni tiġi rifjutata.
4. Fejn parametru referenzjarju eżistenti ma jissodisfax ir-rekwiżiti ta' dan ir-Regolament, iżda t-tmiem jew tibdil f'dak il-parametru referenzjarju biex jissodisfa r-rekwiżiti ta' dan ir-Regolament iwassal għal avveniment ta' force majeure, iwaqqa' jew inkella jikser it-termini ta' kwalunkwe kuntratt finanzjarju jew strument finanzjarju jew ir-regoli ta' kwalunkwe fond ta' investiment, li jirreferenzja dak il-parametru referenzjarju, l-użu ta' parametru referenzjarju għandu jkun permess mill-awtorità kompetenti tal-Istat Membru fejn jinsab il-fornitur tal-indiċi. L-ebda strument finanzjarju, kuntratt finanzjarju jew kejl tal-prestazzjoni ta' fond ta' investiment ma għandhom iżidu referenza ma' tali parametru referenzjarju eżistenti sal-1 ta' Jannar 2020.
5. Sakemm il-Kummissjoni ma tkunx adottat deċiżjoni ta' ekwivalenza kif imsemmi fl-Artikolu 30(2) jew (3) jew sakemm l-amministratur ikun ġie rikonoxxut skont l-Artikolu 32, jew parametru referenzjarju ġie approvat skont l-Artikolu 33, l-użu fl-Unjoni minn entitajiet taħt superviżjoni, ta' parametru referenzjarju provdut minn amministratur li jinsab f'pajjiż terz, fejn il-parametru referenzjarju diġà jintuża fl-Unjoni bħala referenza għal strumenti finanzjarji, kuntratti finanzjarji, jew għall-qies tal-prestazzjoni ta' fond ta' investiment, għandu jiġi permess biss għall-tali strumenti finanzjarji, il-kuntratti finanzjarji u l-kejl tal-prestazzjoni ta' fond ta' investiment li diġà jirreferenzjaw il-parametru referenzjarju fl-Unjoni fi, jew li jżidu referenza għal tali parametru referenzjarju qabel l-1 ta' Jannar 2020. L-ebda strument finanzjarju jew kuntratt finanzjarju ġdid fl-Unjoni ma għandu jibda jirreferenzja ma' parametru referenzjarju wara d-dħul fis-seħħ ta' dan ir-Regolament.
6. Il-Kummissjoni għandha tingħata s-setgħa li tadotta atti delegati skont l-Artikolu 49 dwar il-miżuri sabiex jiġu determinati l-kundizzjonijiet li abbażi tagħhom l-awtorità kompetenti rilevanti tista' tivvaluta jekk it-twaqqif jew it-tibdil ta' parametru referenzjarju eżistenti biex jikkonforma mar-rekwiżiti ta' dan ir-Regolament jistax iwassal għal avveniment ta' force majeure, jiffrustra jew inkella jikser it-termini ta' kwalunkwe kuntratt finanzjarju jew strument finanzjarju jew ir-regoli ta' kwalunkwe fond ta' investiment li jirreferenzja tali parametru referenzjarju.
Artikolu 52
Skadenza għall-aġġornament tal-prospetti u d-dokumenti ta' informazzjoni ewlenin
L-Artikolu 29(2) huwa mingħajr preġudizzju għall-prospetti eżistenti approvati skont id-Direttiva 2003/71/KE qabel l-1 ta' Jannar 2018. Għal prospetti approvati qabel l-1 ta' Jannar 2018 skont id-Direttiva 2009/65/KE, id-dokumenti sottostanti għandhom jiġu aġġornati fl-ewwel opportunità jew mhux aktar tard minn 12-il xahar wara dik id-data.
Artikolu 53
Rieżamijiet tal-ESMA
1. L-ESMA għandha tfittex li tibni kultura u prassi superviżorji konsistenti Ewropej komuni, u tiżgura li jkun hemm approċċi konsistenti bejn l-awtoritajiet kompetenti f'dak li għandu x'jaqsam mal-applikazzjoni tal-Artikoli 32 u 33. Għal dak l-għan, rikonoxximenti mogħtija skont l-Artikoli 32 u l-approvazzjonijiet awtorizzati skont l-Artikoli 33 għandhom jiġu rieżaminati mill-ESMA kull sentejn.
L-ESMA għandha toħroġ opinjoni lill-kull awtorità kompetenti li rrikonoxxiet amministratur ta' pajjiż terz jew approvat parametru referenzjarju ta' pajjiż terz li tivvaluta kif l-awtorità kompetenti tapplika r-rekwiżiti rilevanti tal-Artikoli 32 u 33 rispettivament u r-rekwiżiti ta' kwalunkwe att delegat rilevanti u r-rekwiżiti ta' kwalunkwe standard tekniku regolatorju jew implimentattiv rilevanti bbażat dan ir-Regolament.
2. L-ESMA għandu jkollha l-poter li titlob evidenza dokumentata minn awtorità kompetenti għal kwalunkwe deċiżjoni adottata skont l-ewwel subparagrafu tal-Artikolu 51(2), l-Artikolu 24(1) u l-Artikolu 25(2).
Artikolu 54
Rieżami
1. Sal-1 ta' Jannar 2020, il-Kummissjoni għandha tirrieżamina u tippreżenta rapport lill-Parlament Ewropew u lill-Kunsill dwar dan ir-Regolament u partikolarment dwar:
(a) il-funzjonament u l-effikaċja tar-reġim tal-parametri referenzjarji ta' importanza kritika, ta' amministrazzjoni obbligatorja u l-kontribuzzjoni obbligatorja skont l-Artikoli 20, 21 u 23 u d-definizzjoni ta' parametru referenzjarju ta' importanza kritika fil-punt (25) tal-Artikolu 3(1);
(b) l-effikaċja tal-awtorizzazzjoni, ir-reġistrazzjoni u s-superviżjoni tar-reġim skont it-Titolu VI u tal-kulleġġi skont l-Artikolu 46, u l-adegwatezza tas-superviżjoni ta' ċerti parametri referenzjarji minn korp tal-Unjoni;
(c) il-funzjonament u l-effikaċja tal-Artikolu 19(2), b'mod partikolari l-kamp ta' applikazzjoni tiegħu.
2. Il-Kummissjoni għandha tirrieżamina l-evoluzzjoni ta' prinċipji internazzjonali applikabbli għal parametri referenzjarji u ta' oqfsa legali u prassi superviżorji f'pajjiżi terzi dwar il-forniment ta' parametri referenzjarji u tirrapporta lill-Parlament u lill-Kunsill kull ħames snin wara l-1 ta' Jannar 2018. Dak ir-rapport għandu jivvaluta b'mod partikolari jekk hemmx bżonn li dan ir-Regolament jiġi emendat u għandu jiġi akkumpanjat minn proposta leġiżlattiva, jekk adatt.
3. Il-Kummissjoni għandha tingħata s-setgħa li tadotta atti delegati skont l-Artikolu 49 biex testendi l-perjodu ta' 42 xahar imsemmi fl-Artikolu 51(2) b'24 xahar, jekk ir-rapport imsemmi fil-punt (b) tal-paragrafu 1 ta' dan l-Artikolu jipprovdi evidenza li r-reġim ta' reġistrazzjoni tranżitorju skont l-Artikolu 51(2) ma jkunx ta' ħsara għal kultura superviżorja komuni Ewropea u għal prassi superviżorji u approċċi konsistenti fost l-awtoritajiet kompetenti.
Artikolu 55
Notifika tal-parametri referenzjarji referenzjati u l-amministraturi tagħhom
Meta parametru referenzjarju jiġi referenzjat fi strument finanzjarju kopert bl-Artikolu 4(1) tar-Regolament (UE) Nru 596/2014, in-notifiki skont l-Artikolu 4(1) ta' dak ir-Regolament għandhom jinkludu l-isem tal-parametru referenzjarju referenzjat u l-amministratur tiegħu.
Artikolu 56
Emendi għar-Regolament (UE) Nru 596/2014
Ir-Regolament (UE) Nru 596/2014 huwa emendat kif ġej:
(1) L-Artikolu 19 huwa emendat kif ġej:
(a) jiddaħħal il-paragrafu li ġej:
“1a. L-obbligu ta' notifika msemmi fil-paragrafu 1 ma għandux japplika għal tranżazzjonijiet fi strumenti finanzjarji marbuta ma' ishma jew strumenti ta' dejn ta' emittent imsemmija f'dak il-paragrafu fejn fiż-żmien tat-tranżazzjoni tiġi sodisfatta kwalunkwe waħda mill-kundizzjonijiet li ġejjin:
(a) l-istrument finanzjarju huwa unità jew sehem f'impriża ta' investiment kollettiv li fiha l-espożizzjoni għal emittent ta' ishma jew strumenti ta' dejn ma għandhiex taqbeż l-20 % tal-assi miżmuma minn impriża ta' investiment kollettiv;
(b) l-istrument finanzjarju jipprovdi espożizzjoni għal portafoll ta' assi li fihom l-espożizzjoni għal emittent ta' ishma jew strumenti ta' dejn ma għandhiex taqbeż l-20 % tal-portafoll tal-assi;
(c) l-istrument finanzjarju huwa unità jew sehem f'impriża ta' investiment kollettiv jew jipprovdi espożizzjoni għal portafoll ta' assi u l-persuna li għandha responsabbiltajiet maniġerjali jew persuna assoċjata mill-qrib ma' tali persuna ma tkunx taf, u b'mod raġonevoli ma tistax tkun taf, il-kompożizzjoni tal-investimenti jew l-espożizzjoni ta' din l-impriża ta' investiment kollettiv jew portafoll ta' assi f'relazzjoni mal-ishma jew strumenti ta' dejn tal-emittent, u barra minn hekk mhemmx raġuni biex dik il-persuna temmen li l-emittent ta' ishma jew ta' strumenti ta' dejn jeċċedi l-limiti fil-punt (a) jew (b).
Jekk l-informazzjoni dwar il-kompożizzjoni ta' investiment tal-impriża ta' investiment kollettiv jew l-espożizzjoni għall-portafoll ta' assi tkun disponibbli, persuna li għandha responsabbiltà maniġerjali jew persuna assoċjata mill-qrib ma' tali persuna għandha tagħmel l-isforzi raġonevoli kollha biex tagħmel użu minn dik l-informazzjoni.”;
(b) fil-paragrafu 7, jiddaħħal is-subparagrafu li ġej wara t-tieni subparagrafu:
“Għall-finijiet tal-punt (b), it-tranżazzjonijiet imwettqa f'ishma jew strumenti ta' dejn ta' emittent jew derivattivi jew strumenti finanzjarji oħra marbuta magħhom minn maniġers ta' impriża ta' investiment kollettiv li fihom persuna li għandha responsabbiltajiet maniġerjali jew persuna assoċjata mill-qrib magħhom investiet, ma għandhomx għalfejn ikunu notifikati fejn il-maniġer tal-impriża ta' investiment kollettiv jopera b'diskrezzjoni sħiħa, li jeskludi l-maniġer milli jirċievi kwalunkwe istruzzjoni jew suġġerimenti dwar il-kompożizzjoni tal-portafoll direttament jew indirettament mingħand l-investituri f'dik l-impriża ta' investiment kollettiv.”.
(2) L-Artikolu 35 huma emendat kif ġej:
(a) fil-paragrafi (2) u (3), il-kliem “u l-Artikolu 19(13) u (14)” huma sostitwiti bi “, l-Artikolu 19(13) u (14) u l-Artikolu 38”.
(b) il-paragrafu (5) huwa sostitwit b'dan li ġej:
“5. Att delegat adottat bis-saħħa l-Artikolu 6(5) jew (6), l-Artikolu 12(5), it-tielet subparagrafu tal-Artikolu 17(2), l-Artikolu 17(3), l-Artikolu 19(13) jew (14) jew l-Artikolu 38, għandu jidħol fis-seħħ biss jekk ma tiġix espressa oġġezzjoni la mill-Parlament Ewropew jew mill-Kunsill fi żmien perjodu ta' tliet xhur min-notifika ta' dak l-att lill-Parlament Ewropew u lill-Kunsill jew jekk, qabel ma jiskadi dak il-perjodu, il-Parlament Ewropew u l-Kunsill ikunu t-tnejn infurmaw lill-Kummissjoni li mhumiex se joġġezzjonaw. Dak il-perjodu għandu jiġi estiż bi tliet xhur fuq inizjattiva tal-Parlament Ewropew jew tal-Kunsill.”.
(3) Fl-Artikolu 38, jiżdiedu l-paragrafi li ġejjin:
“Sat-3 ta' Lulju 2019, il-Kummissjoni, wara li tikkonsulta lill-ESMA, għandha tippreżenta rapport lill-Parlament Ewropew u lill-Kunsill dwar il-livell tal-limiti stipulati fl-Artikolu 19(1a)(a) u (b) fir-rigward ta' transazzjonijiet tal-amministraturi fejn l-ishma tal-emittent jew strumenti ta' dejn jiffurmaw parti minn impriża ta' investiment kollettiv jew jipprovdu espożizzjoni għal portafoll ta' assi, bil-għan li jiġi valutat jekk dan il-livell ikunx xieraq jew għandux jiġi aġġustat.
Il-Kummissjoni għandha tingħata s-setgħa li tadotta atti delegati skont l-Artikolu 35 għall-aġġustament tal-limiti fl-Artikolu 19(1a)(a) u (b), jekk tiddetermina f'dak ir-rapport li dawk il-limiti għandhom jiġu aġġustati.”.
Artikolu 57
Emendi għad-Direttiva 2008/48/KE
Id-Direttiva 2008/48/KE hi emendata kif ġej:
(1) Fl-Artikolu 5(1), jiddaħħal is-subparagrafu li ġej wara t-tieni subparagrafu:
“Fejn il-ftehim ta'kreditu jirreferenzja parametru referenzjarju kif definit fil-punt 3 tal-Artikolu 3(1) tar-Regolament (UE) 2016/1011 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill ( *1 ), l-isem tal-parametru referenzjarju u l-amministratur tiegħu u l-implikazzjonijiet potenzjali fuq il-konsumatur għandhom jiġu pprovduti mill-kreditur jew, fejn applikabbli, mill-intermedjarju tal-kreditu, lill-konsumatur f'dokument separat li jista' jiġi anness mal-formola tal-Informazzjoni Standard Ewropea dwar il-Kreditu lill-Konsumatur.
(2) Fl-Artikolu 27(1), jiddaħħal is-subparagrafu li ġej wara t-tieni subparagrafu:
“Sal-1 ta' Lulju 2018, l-Istati Membri għandhom jadottaw u jippubblikaw d-dispożizzjonijiet meħtieġa biex jikkonformaw mat-tielet subparagrafu tal-Artikolu 5(1) u għandhom jikkomunikawhom lill-Kummissjoni. Huma għandhom japplikaw dawk id-dispożizzjonijiet mill-1 ta' Lulju 2018.”.
Artikolu 58
Emendi għad-Direttiva 2014/17/UE
Id-Direttiva 2014/17/UE hija emendata kif ġej:
(1) Fit-tieni subparagrafu tal-Artikolu 13(1) jiddaħħal il-punt li ġej:
“(ea) meta kuntratti jirreferenzjaw parametru referenzjarju kif definit fil-punt (3) tal-Artikolu 3(1) tar-Regolament (UE) 2016/1011 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill ( *2 ) huma disponibbli, l-ismijiet tal-parametri referenzjarji u tal-amministraturi tagħhom u l-implikazzjonijiet potenzjali fuq il-konsumatur;
(2) Fl-Artikolu 42(2), jiddaħħal is-subparagrafu li ġej wara l-ewwel subparagrafu:
“Sal-1 ta' Lulju 2018, l-Istati Membri għandhom jadottaw u jippubblikaw id-dispożizzjonijiet meħtieġa biex jikkonformaw mal-punt (ea) tat-tieni subparagrafu tal-Artikolu 13(1), u għandhom jikkomunikawhom lill-Kummissjoni. Huma għandhom japplikaw dawk id-dispożizzjonijiet mill-1 ta' Lulju 2018.”;
(3) Fl-Artikolu 43(1), jiżdied is-subparagrafu li ġej:
“Il-punt (ea) tat-tieni subparagrafu tal-Artikolu 13(1) ma għandux japplika għal kuntratti ta' kreditu eżistenti qabel l-1 ta' Lulju 2018.”.
Artikolu 59
Dħul fis-seħħ
Dan ir-Regolament għandu jidħol fis-seħħ fil-jum ta' wara dak tal-pubblikazzjoni tiegħu f'Il-Ġurnal Uffiċjali tal-Unjoni Ewropea.
Huwa japplika mill-1 ta' Jannar 2018.
Minkejja t-tieni paragrafu ta' dan l-Artikolu, l-Artikoli 3(2), 5(5), 11(5), 13(3), 15(6), 16(5), l-Artikolu 20 (minbarra l-punt (b) tal-paragrafu (6)), l-Artikoli 21 u 23, l-Artikoli 25(8), 25(9), 26(5), 27(3), 30(5), 32(9), 33(7), 34(8), l-Artikolu 46, u l-Artikoli 47(3) u 51(6) għandhom japplikaw mit-30 ta' Ġunju 2016.
Minkejja t-tieni paragrafu ta' dan l-Artikolu, l-Artikolu 56 għandu japplika mit-3 ta' Lulju 2016.
Dan ir-Regolament għandu jorbot fl-intier tiegħu u japplika direttament fl-Istati Membri kollha.
ANNESS I
PARAMETRI REFERENZJARJI TAR-RATI TAL-IMGĦAX
Data preċiża u suffiċjenti
1. Għall-finijiet tal-punti (a) u (c) tal-Artikolu 11(1), b'mod ġenerali l-prijorità tal-użu ta' data tal-input għandha tkun kif ġej:
(a) it-tranżazzjonijiet tal-kontributur fis-suq sottostanti li l-parametri referenzjarji huwa maħsub biex ikejjel jew, jekk dan ma jkunx biżżejjed, it-tranżazzjonijiet tiegħu fi swieq relatati, bħal:
— is-suq tad-depożiti interbankarji mhux garantiti;
— swieq tad-depożiti mhux garantiti oħrajn, inklużi ċertifikati ta' depożiti u karti kummerċjali; u
— swaps tal-indiċi mil-lum għall-għada ta' swieq oħra, ftehimiet ta' riakkwist, forwards tal-kambju, futures tar-rati tal-imgħax u opzjonijiet, sakemm dawk it-tranżazzjonijiet jissodisfaw ir-rekwiżiti tad-data tal-input fil-kodiċi ta' kondotta;
(b) l-osservazzjonijiet tal-kontributur dwar tranżazzjonijiet ta' partijiet terzi fis-swieq deskritti fil-punt (a).
(c) kwotazzjonijiet impenjati;
(d) kwotazzjonijiet indikattivi jew ġudizzji esperti.
2. Għall-finijiet tal-punt (a) tal-Artikolu 11(1) u l-Artikolu 11(4), id-data tal-input tista' tiġi aġġustata.
B'mod partikolari, id-data tal-input tista' tiġi aġġustata bl-applikazzjoni tal-kriterji li ġejjin:
(a) kemm it-tranżazzjonijiet kienu qrib iż-żmien tal-għoti tad-data tal-input u l-impatt ta' kwalunkwe avveniment fis-suq bejn meta saru t-tranżazzjonijiet u meta ngħatat id-data tal-input;
(b) interpolazzjoni jew l-estrapolazzjoni minn data tat-tranżazzjonijiet;
(c) aġġustamenti biex jirriflettu bidliet fil-pożizzjonijiet tal-kreditu tal-kontributuri u ta' parteċipanti oħra tas-suq.
Funzjoni ta' sorveljanza
3. Ir-rekwiżiti li ġejjin għandhom japplikaw minflok ir-rekwiżiti tal-Artikolu 5(4) u (5):.
(a) L-amministratur ta' parametru referenzjarju tar-rati tal-imgħax ikollu kumitat indipendenti ta' sorveljanza. Id-dettalji tas-sħubija ta' dak il-kumitat isiru pubbliċi, flimkien ma' kwalunkwe dikjarazzjoni ta' kunflitti ta' interess u l-proċessi għall-elezzjoni jew in-nomina tal-membri tiegħu.
(b) Il-kumitat ta' sorveljanza tal-anqas jiltaqa' kull erba' xhur u għandu jżomm il-minuti ta' kull waħda minn dawn il-laqgħat;
(c) Il-kumitat ta' sorveljanza għandu jiffunzjona b'integrità u għandu jkollu r-responsabbiltajiet kollha previsti fl-Artikolu 5(3).
Awditjar
4. L-amministratur ta' parametru referenzjarju tar-rati tal-imgħax għandu jaħtar awditur estern indipendenti biex jirrieżamina u jirrapporta dwar il-konformità tal-amministratur mal-metodoloġija tal-parametru referenzjarju u dan ir-Regolament. L-awditu estern tal-amministratur għandu jsir għall-ewwel darba sitt xhur wara l-introduzzjoni tal-kodiċi ta' kondotta u mbagħad kull sentejn.
Il-kumitat ta' sorveljanza jista' jeħtieġ awditu estern tal-kontributur ta' parametru referenzjarju tar-rati tal-imgħax jekk ma jkunx sodisfatt b'xi aspetti tal-kondotta tiegħu.
Sistemi u kontrolli tal-kontributuri
5. Ir-rekwiżiti li ġejjin japplikaw għall-kontributuri tal-parametri referenzjarji tar-rati tal-imgħax flimkien mar-rekwiżiti stipulati fl-Artikolu 16. L-Artikolu 16(5) ma għandux japplika.
6. Kull sottomettent ta' kontributur u l-maniġers diretti ta' dak is-sottomettent għandhom jikkonfermaw bil-miktub li qraw il-kodiċi ta' kondotta u li se jikkonformaw miegħu.
7. Is-sistemi u l-kontrolli ta' kontributur jinkludu:
(a) deskrizzjoni tar-responsabbiltajiet f'kull ditta, inklużi linji ta' rappurtar u responsabbiltà interni, inkluż fejn qegħdin is-sottomettenti u l-maniġers u l-ismijiet tal-individwi rilevanti u s-supplenti;
(b) proċeduri interni għall-iffirmar tal-kontribuzzjonijiet tad-data tal-input;
(c) proċeduri dixxiplinari fir-rigward ta' tentattivi ta' manipulazzjoni, jew nuqqas ta' rappurtar, manipulazzjoni reali jew tentattiv minn partijiet esterni għall-proċess tal-kontribuzzjoni;
(d) proċeduri effikaċi tal-immaniġġar tal-kunflitti ta' interess u kontrolli tal-komunikazzjoni, kemm fi ħdan il-kontributuri u bejn il-kontributuri u partijiet terzi oħra, biex tiġi evitata kwalunkwe influwenza esterna mhux xierqa fuq dawk responsabbli għas-sottomissjoni tar-rati. Is-sottomettenti jaħdmu f'postijiet fiżikament separati minn operaturi tas-suq tad-derivattivi tar-rati tal-imgħax;
(e) proċeduri effettivi biex jimpedixxu jew jikkontrollaw l-iskambju ta' informazzjoni bejn persuni involuti f'attivitajiet li jinvolvu riskju ta' kunflitt ta' interess meta l-iskambju ta' dik l-informazzjoni jista' jaffettwa d-data tal-parametru referenzjarju kontribwita;
(f) regoli biex tiġi evitata kollużjoni bejn il-kontributuri, u bejn il-kontributuri u l-amministraturi tal-parametri referenzjarji;
(g) miżuri li jimpedixxu, jew jillimitaw, kwalunkwe persuna milli teżerċita influwenza mhux xierqa fuq il-mod ta' kif persuni involuti fl-għoti ta' data tal-input iwettqu dawn l-attivitajiet;
(h) it-tneħħija ta' kwalunkwe rabta diretta bejn ir-rimunerazzjoni tal-impjegati involuti fl-għoti tad-data tal-input u r-rimunerazzjoni ta', jew id-dħul iġġenerat minn, persuni involuti f'attività oħra, fejn jista' jinħoloq kunflitt ta' interess marbut ma' dawk l-attivitajiet;
(i) kontrolli biex tiġi identifikata kwalunkwe tranżazzjoni b'lura wara l-għoti tad-data tal-input.
8. Il-kontributur ta' parametru referenzjarju tar-rati tal-imgħax għandu jżomm rekords dettaljati ta':
(a) l-aspetti rilevanti kollha tal-kontribuzzjonijiet tad-data tal-input;
(b) il-proċess li jirregola d-determinazzjoni tad-data tal-input u l-iffirmar tad-data tal-input;
(c) l-ismijiet tas-sottomettenti u r-responsabbiltajiet tagħhom;
(d) kwalunkwe komunikazzjoni bejn is-sottomettenti u persuni oħra, inklużi operaturi tas-suq u sensara interni u esterni, b'relazzjoni mad-determinazzjoni jew il-kontribuzzjoni tad-data tal-input;
(e) kwalunkwe interazzjoni tas-sottomettenti mal-amministratur jew ma' kwalunkwe aġent tal-kalkolu;
(f) kwalunkwe mistoqsija dwar id-data tal-input u r-riżultat ta' dawk il-mistoqsijiet;
(g) rapporti dwar is-sensittività tal-kotba tat-tranżazzjonijiet ta' swaps tar-rata tal-imgħax u kwalunkwe ktieb ieħor ta' tranżazzjonijiet ta' derivattivi b'esponiment sinifikanti għall-iffissar tar-rata tal-imgħax interbankarji fir-rigward tad-data tal-input
9. Ir-rekords għandhom jinżammu f'mezz li jippermetti li l-ħażna tal-informazzjoni tkun aċċessibbli għal referenza fil-futur b'sekwenza dokumentata tal-awditjar.
10. Il-funzjoni tal-konformità tal-kontributur ta' parametru referenzjarju tar-rati tal-imgħax għandha tirrapporta kwalunkwe sejba, inklużi tranżazzjonijiet b'lura lill-maniġment fuq bażi regolari.
11. Id-data tal-input u l-proċeduri għandhom ikunu soġġetti għal rieżamijiet interni fuq bażi regolari.
12. Għandu jsir awditu estern tad-data tal-input tal-kontributur ta' parametru referenzjarju tar-rati tal-imgħax, tal-konformità mal-kodiċi ta' kondotta u d-dispożizzjonijiet ta' dan ir-Regolament għall-ewwel darba sitt xhur wara l-introduzzjoni tal-kodiċi ta' kondotta, u mbagħad kull sentejn.
ANNESS II
PARAMETRI REFERENZJARJI TAL-KOMODITAJIET
Metodoloġija
1. L-amministratur ta' parametru referenzjarju tal-komoditajiet għandu jifformalizza, jiddokumenta, u jippubblika kwalunkwe metodoloġija li l-amministratur juża għall-kalkolu ta' parametru referenzjarju. Bħala minimu, tali metodoloġija għandha tinkludi u tiddeskrivi dawn li ġejjin:
(a) il-kriterji u l-proċeduri kollha li jintużaw biex jiġi żviluppat il-parametru referenzjarju, inkluż kif l-amministratur juża data tal-input inkluż il-volum speċifiku, it-tranżazzjonijiet konklużi u rapportati, offerti ta' prezz jew offerti ta' akkwist u kwalunkwe informazzjoni oħra dwar is-suq fil-valutazzjoni tiegħu jew fil-perjodi jew l-intervalli tal-valutazzjoni, għaliex tintuża unità speċifika ta' referenza, kif l-amministratur jiġbor din id-data tal-input, il-linji gwida li jikkontrollaw l-eżerċizzju tal-ġudizzju mill-valutaturi u kwalunkwe informazzjoni oħra, bħal preżunzjonijiet, mudelli jew estrapolazzjonijiet minn data miġbura, li jitqiesu biex issir il-valutazzjoni;
(b) il-proċeduri u l-prassi li huma maħsuba biex jiżguraw konsistenza bejn il-valutaturi tiegħu fl-eżerċizzju tagħhom ta' ġudizzju;
(c) l-importanza relattiva li tingħata lil kull kriterju użat fil-kalkolu tal-parametru referenzjarju, b'mod partikolari t-tip ta' data tal-input użata, u t-tip ta' kriterju użat biex jiggwida l-ġudizzju sabiex tiġi żgurata l-kwalità u l-integrità tal-kalkolu tal-parametru referenzjarju;
(d) kriterji biex jiġi identifikat l-ammont minimu ta' data tat-tranżazzjonijiet meħtieġ għall-kalkolu ta' parametru referenzjarju partikolari. Jekk dan il-limitu ma jiġix previst, jingħataw ir-raġunijiet għaliex mhuwiex stabbilit limitu minimu, inkluż l-istipular tal-proċeduri li għandhom jintużaw fejn l-ebda data tat-transazzjonijiet teżisti;
(e) kriterji li jindirizzaw il-perjodi tal-valutazzjoni fejn id-data sottomessa tkun taħt il-limitu tad-data tat-tranżazzjonijiet rakkomandat tal-metodoloġija jew l-istandards ta' kwalità mitluba mill-amministratur, inkluż kwalunkwe metodu alternattiv ta' valutazzjoni inklużi mudelli teoretiċi ta' stima. Dawk il-kriterji għandhom jispjegaw il-proċeduri li għandhom jintużaw fejn ma tkun teżisti l-ebda data tat-tranżazzjonijiet;
(f) kriterji għall-puntwalità fil-kontribuzzjonijiet tad-data tal-input u l-mezzi għal dawn il-kontribuzzjonijiet ta' data tal-input kemm jekk elettronikament, bit-telefown jew b'mod ieħor;
(g) kriterji u proċeduri li jindirizzaw il-perjodi tal-valutazzjoni fejn kontributur wieħed jew aktar jissottometti data tal-input li tikkostitwixxi proporzjon sinifikanti mid-data tal-input totali għal dak il-parametru referenzjarju. L-amministratur għandu jiddefinixxi wkoll f'dawk il-kriterji u l-proċeduri dak li jikkostitwixxi proporzjon sinifikanti għal kull kalkolu ta' parametru referenzjarju;
(h) kriterji li permezz tagħhom id-data tat-tranżazzjonijiet tista' tiġi eskluża mill-kalkolu ta' parametru referenzjarju.
2. L-amministratur ta' parametru referenzjarju tal-komoditajiet għandu jippubblika jew jagħmel disponibbli l-elementi ewlenin tal-metodoloġija li l-amministratur juża għal kull parametru referenzjarju tal-komoditajiet fornit u ppubblikat jew, meta jkun applikabbli, għal kull familja ta' parametri referenzjarji forniti u ppubblikati.
3. Flimkien mal-metodoloġija msemmija fil-paragrafu 2, l-amministratur ta' parametru referenzjarju tal-komoditajiet għandu jiddeskrivi u jippubblika wkoll dawn kollha li ġejjin:
(a) ir-raġunijiet tal-adozzjoni ta' metodoloġija partikulari, inkluż kwalunkwe tekniki ta' aġġustament fil-prezz u ġustifikazzjoni għall-perjodu ta' żmien jew intervall li fih huwa aċċettat li d-data tal-input tkun indikatur affidabbli tal-valuri fiżiċi tas-suq;
(b) il-proċedura għal rieżami u approvazzjoni interni ta' metodoloġija partikolari, kif ukoll il-frekwenza ta' tali rieżami; u
(c) il-proċedura għal rieżami estern ta' metodoloġija partikolari, inklużi l-proċeduri biex tinkiseb l-aċċettazzjoni fis-suq tal-metodoloġija permezz ta' konsultazzjoni mal-utenti dwar bidliet importanti fil-proċessi tal-kalkolu tagħhom tal-parametru referenzjarju.
Bidliet fil-metodoloġija
4. L-amministratur ta' parametru referenzjarju tal-komoditajiet għandu jadotta u jippubblika lill-utenti proċeduri espliċiti u r-raġunijiet għal kwalunkwe bidla materjali proposta fil-metodoloġija tiegħu. Dawk il-proċeduri għandhom ikunu konsistenti mal-għan prevalenti li amministratur irid jiżgura l-integrità kontinwa tal-kalkoli tal-parametru referenzjarju tiegħu u jimplimenta bidliet għal mod korrett għas-suq partikolari li miegħu huma marbuta dawn il-bidliet. Dawn il-proċeduri jipprevedu:
(a) avviż bil-quddiem f'perjodu ta' żmien ċar li jagħti lill-utenti opportunità biżżejjed biex janalizzaw u jikkummentaw dwar l-impatt ta' dawn il-bidliet proposti, wara li jitqiesu ċ-ċirkustanzi kumplessivi tal-kalkolu tal-amministratur;
(b) li l-kummenti tal-utenti, u tweġiba mingħand l-amministratur għal dawk il-kummenti, isiru disponibbli għall-utenti kollha tas-suq wara kwalunkwe perjodu ta' konsultazzjoni, ħlief jekk il-kummentatur ikun talab il-kunfidenzjalità.
5. L-amministratur ta' parametru referenzjarju tal-komoditajiet għandu jeżamina regolarment il-metodoloġiji tiegħu bil-għan li jiġi żgurat li dawn jirriflettu b'mod kredibbli s-suq fiżiku li qed jiġi vvalutat u għandu jinkludi proċess biex jitqiesu l-opinjonijiet tal-utenti rilevanti.
Kwalità u integrità l-kalkoli tal-parametru referenzjarju
6. L-amministratur ta' parametru referenzjarju tal-komoditajiet għandu:
(a) jispeċifika l-kriterji li jiddefinixxu l-komodità fiżika li hija s-suġġett ta' metodoloġija partikulari;
(b) jagħti prijorità lid-data tal-input fl-ordni li ġejja, fejn konsistenti mal-metodoloġiji tiegħu:
(i) tranżazzjonijiet konklużi u rappurtati;
(ii) offerti ta' prezz u offerti ta' akkwist;
(iii) informazzjoni oħra.
Jekk tranżazzjonijiet konklużi u rappurtati ma jingħatawx prijorità, ir-raġunijiet għandhom jiġu spjegati kif meħtieġ fil-punt 7(b).
(c) juża biżżejjed miżuri maħsuba biex jużaw data tal-input sottomessa u meqjusa fil-kalkolu tal-parametru referenzjarju, li hija in bona fide, li jfisser li l-partijiet li ssottomettew id-data tal-input ikunu wettqu, jew ikunu lesti jwettqu tranżazzjonijiet li jiġġeneraw tali data tal-input u li t-tranżazzjonijiet konklużi kienu eżegwiti b'mod distakkat bejniethom u tingħata attenzjoni partikolari għal tranżazzjonijiet bejn affiljati;
(d) jistabbilixxu u jużaw proċeduri biex jidentifikaw data anomala jew suspettuża tat-tranżazzjonijiet u jżommu rekords ta' deċiżjonijiet biex jeskludu data tat-tranżazzjonijiet mill-proċess tal-kalkolu tal-parametru referenzjarju tal-amministratur;
(e) jinkoraġġixxu lill-kontributuri jissottomettu d-data tal-input kollha tagħhom li taqa' taħt il-kriterji tal-amministratur għal dak il-kalkolu. L-amministraturi għandhom ifittxu, sa fejn ikunu jistgħu u huwa raġonevoli, li jiżguraw li d-data tal-input sottomessa tkun rappreżentattiva tat-tranżazzjonijiet attwali konklużi tal-kontributuri; u
(f) jużaw sistema ta' miżuri xierqa biex jiżguraw li l-kontributuri jikkonformaw mal-istandards tal-kwalità applikabbli tal-amministratur u ma' standards ta' integrità għad-data tal-input.
7. L-amministratur ta' parametru referenzjarju tal-komoditajiet għandu jiddeskrivi u jippubblika għal kull kalkolu, sal-punt raġonevoli mingħajr ma jikkomprometti l-pubblikazzjoni dovuta tal-parametru referenzjarju:
(a) spjegazzjoni qasira, biżżejjed biex tiffaċilita l-fehim tal-abbonat jew tal-awtorità kompetenti tal-parametru referenzjarju dwar kif ġie żviluppat il-kalkolu, fosthom, bħala minimu, id-daqs u l-likwidità tas-suq fiżiku li qed jiġi vvalutat (bħall-għadd u l-volum tat-tranżazzjonijiet sottomessi), il-firxa u l-volum medju u l-firxa u l-medja tal-prezz, u l-perċentwali indikattivi ta' kull tip ta' data tal-input li ġiet meqjusa fil-kalkolu; termini li jirreferu għall-metodoloġija tal-ipprezzar jiġu inklużi bħal “ibbażati fuq it-tranżazzjonijiet”, “ibbażati fuq il-firxa” jew “interpolati/estrapolati”; u
(b) spjegazzjoni qasira ta' sa fejn, u l-bażi li fuqha intuża fi kwalunkwe ġudizzju li jinkludi l-esklużjonijiet ta' data li mill-bqija kkonformat mar-rekwiżiti tal-metodoloġija rilevanti għal dak il-kalkolu, filwaqt li jibbaża l-prezzijiet fuq firxiet jew interpolazzjoni, estrapolazzjoni, jew ponderazzjoni ta' prezz tal-offerti jew offerti ta' akkwist ogħla mit-tranżazzjonijiet konklużi, jekk ikun hemm.
Integrità tal-proċess ta' rappurtar
8. L-amministratur ta' parametru referenzjarju tal-komoditajiet għandu:
(a) jispeċifika l-kriterji li jiddefinixxu min jista' jissottometti data tal-input lill-amministratur;
(b) ikollu fis-seħħ proċeduri tal-kontroll tal-kwalità biex jevalwa l-identità ta' kontributur u kwalunkwe sottomettent li jirrapporta data tal-input u l-awtorizzazzjoni ta' tali sottomettent biex tirrapporta data tal-input f'isem il-kontributur;
(c) jispeċifika l-kriterji applikati lill-impjegati ta' kontributur li jistgħu jissottomettu data tal-input lil amministratur f'isem kontributur; jinkoraġġixxi lill-kontributuri jissottomettu data tat-transazzjonijiet mill-funzjonijiet back office u jfittex data ta' korroborazzjoni minn sorsi oħra fejn id-data tat-tranżazzjonijiet tasal direttament mingħand operatur tas-suq; u
(d) jimplimenta kontrolli interni u proċeduri bil-miktub biex jidentifika komunikazzjonijiet bejn kontributuri u valutaturi li jippruvaw jinfluwenzaw kalkolu għall-benefiċċju ta' xi pożizzjoni kummerċjali (kemm jekk tal-kontributur, l-impjegati tiegħu jew kwalunkwe parti terza), tentattiv biex valutatur jikser ir-regoli jew il-linji gwida tal-amministratur jew jiġu identifikati kontributuri li jinvolvu ruħhom f'sekwenza ta' sottomissjonijiet anomali jew data tat-tranżazzjonijiet suspettuża. Dawn il-proċeduri għandhom jinkludu, sa fejn possibbli, provvediment għall-eskalazzjoni tal-inkjesta mill-amministratur fil-kumpanija tal-kontributur. Il-kontrolli jinkludu indikaturi ta' kontroverifika mis-suq biex tiġi vvalidata l-informazzjoni sottomessa.
Valutaturi
9. Fir-rigward tar-rwol ta' valutatur, l-amministratur ta' parametru referenzjarju tal-komoditajiet għandu:
(a) jadotta u jkollu fis-seħħ regoli u linji gwida interni espliċiti għall-għażla tal-valutaturi, inkluż il-livell minimu ta' taħriġ, esperjenza u ħiliet tagħhom, kif ukoll il-proċess għar-rieżami perjodiku tal-kompetenza tagħhom;
(b) ikollu fis-seħħ arranġamenti sabiex jiżgura li jkunu jistgħu jsiru l-kalkoli fuq bażi konsistenti u regolari;
(c) jippjana għall-kontinwità u s-suċċessjoni fir-rigward tal-valutaturi tiegħu sabiex ikun żgurat li l-kalkoli jsiru b'mod konsistenti u minn impjegati li jkollhom livelli ta' għarfien espert rilevanti; u
(d) jistabbilixxi proċeduri ta' kontroll intern sabiex tiġi żgurata l-integrità u l-kredibbiltà tal-kalkoli. Bħala minimu, dawn il-kontrolli u l-proċeduri interni għandhom jeħtieġu superviżjoni kontinwa tal-valutaturi biex jiżguraw li l-metodoloġija ġiet applikata b'mod xieraq u proċeduri għall-iffirmar intern minn superviżur qabel ma l-prezzijiet ikunu jistgħu jiġu disseminati fis-suq.
Rendikonti tal-Entrati
10. L-amministratur ta' parametru referenzjarju tal-komoditajiet għandu jkollu regoli u proċeduri biex jiddokumenta kontemporanjament informazzjoni rilevanti, inkluż:
(a) id-data tal-input kollha;
(b) il-ġudizzji li jagħmlu l-valutaturi biex jaslu għall-kalkolu ta' kull parametru referenzjarju;
(c) jekk kalkolu eskludiex tranżazzjoni partikolari, li mill-bqija kkonforma mar-rekwiżiti tal-metodoloġija rilevanti għal dak il-kalkolu, u r-raġunijiet għaliex għamel hekk;
(d) l-identità ta' kull valutatur u ta' kwalunkwe persuna oħra li ssottomettiet jew inkella ġġenerat kwalunkwe informazzjoni fil-punti (a), (b) jew (c).
11. L-amministratur ta' parametru referenzjarju tal-komoditajiet għandu jkollu regoli u proċeduri stabbiliti sabiex ikun żgurat li rendikont tal-entrati tal-informazzjoni rilevanti jinżamm tal-anqas għal ħames snin sabiex jiddokumenta l-kostruzzjoni tal-kalkoli tiegħu.
Kunflitti ta' Interess
12. L-amministratur ta' parametru referenzjarju tal-komoditajiet għandu jistabbilixxi politiki u proċeduri adegwati għall-identifikazzjoni, id-divulgazzjoni, il-ġestjoni, jew il-mitigazzjoni u l-evitar ta' kwalunkwe kunflitt ta' interess u l-protezzjoni tal-integrità u l-indipendenza tal-kalkoli. Dawk il-politiki u l-proċeduri għandhom jiġu rieżaminati u aġġornati regolarment u għandhom:
(a) jiżguraw li l-kalkoli ta' parametru referenzjarju ma jkunux influwenzati bl-eżistenza, jew bil-potenzjal, ta' relazzjoni jew interess kummerċjali jew ta' negozju personali bejn l-amministratur jew l-affiljati tiegħu, il-persunal tiegħu, il-klijenti, kwalunkwe parteċipant tas-suq jew persuni marbuta magħhom;
(b) jiżguraw li l-interessi personali u l-konnessjonijiet kummerċjali tal-persunal tal-amministratur ma jitħallewx jikkompromettu l-funzjonijiet tal-amministratur, inkluż lil hinn mill-impjieg, fl-ivvjaġġar u billi jiġu aċċettati divertiment, rigali u ospitalità provduti mill-klijenti tal-amministratur jew minn parteċipanti oħra fis-suq tal-komoditajiet;
(c) jiżguraw, fir-rigward tal-kunflitti identifikati, segregazzjoni xierqa tal-funzjonijiet fl-amministratur permezz ta' superviżjoni, kumpens, sistemi ta' aċċess u flussi tal-informazzjoni;
(d) jipproteġu l-kunfidenzjalità tal-informazzjoni sottomessa lill-amministratur, jew prodotta minnu, soġġetta għall-obbligi tad-divulgazzjoni tal-amministratur;
(e) jipprojbixxu lill-maniġers, lill-valutaturi u lil impjegati oħra tal-amministratur milli jikkontribwixxu għal kalkolu ta' parametru referenzjarju permezz ta' involviment f'offerti ta' prezz jew f'offerti ta' akkwist u tranżazzjonijiet, kemm fuq bażi personali kif ukoll f'isem xi parteċipanti tas-suq; u
(f) effettivament jindirizzaw kwalunkwe kunflitt ta' interess identifikat li jista' jeżisti bejn il-forniment mill-amministratur tal-parametru referenzjarju (inklużi l-impjegati kollha li jwettqu jew b'xi mod jipparteċipaw fil-kalkolu tal-parametru referenzjarju), u kwalunkwe operat ieħor tal-amministratur.
13. L-amministratur ta' parametru referenzjarju tal-komoditajiet għandu jiżgura li l-operazzjonijiet kummerċjali l-oħra tiegħu jkollhom fis-seħħ proċeduri u mekkaniżmi xierqa maħsuba biex jimminimizzaw il-probabbiltà li kunflitt ta' interess jaffettwa l-integrità tal-kalkoli tal-parametru referenzjarju.
14. L-amministratur ta' parametru referenzjarju tal-komoditajiet għandu jiżgura li jkollu fis-seħħ il-linji ta' rapportar mifruda bejn il-maniġers, il-valutaturi u impjegati oħra tiegħu u mill-maniġers sal-ogħla livell ta' maniġment tal-amministratur u l-bord tiegħu biex jiżgura:
(a) li l-amministratur jimplimenta b'mod sodisfaċenti r-rekwiżiti ta' dan ir-Regolament; u
(b) li r-responsabbiltajiet huma definiti b'mod ċar u ma jkunux f'kunflitt jew jikkawżaw perċezzjoni ta' kunflitt.
15. L-amministratur ta' parametru referenzjarju tal-komoditajiet għandu jiddivulga mal-utenti tiegħu kunflitt ta' interess li jirriżulta mis-sjieda tal-amministratur malli jsir jaf bih.
Ilmenti
16. L-amministratur ta' parametru referenzjarju tal-komoditajiet għandu jkollu fis-seħħ u jippubblika politika dwar l-immaniġġar tal-ilmenti li tistabbilixxi proċeduri biex jirċievi, jinvestiga u jżomm rekords dwar l-ilmenti li jsiru dwar il-proċess tal-kalkolu tal-amministratur. Tali mekkaniżmi ta' lment jiżguraw li:
(a) l-abbonati tal-parametru referenzjarju jistgħu jressqu lmenti dwar jekk il-kalkolu ta' parametru referenzjarju speċifiku huwiex rappreżentattiv tal-valur tas-suq, it-tibdil propost fil-kalkolu ta' parametru referenzjarju, l-applikazzjonijiet ta' metodoloġija fir-rigward ta' kalkolu ta' parametru referenzjarju speċifiku u deċiżjonijiet editorjali oħra fir-rigward tal-proċessi ta' kalkolu ta' parametru referenzjarju;
(b) jkun hemm fis-seħħ skeda fil-mira għall-immaniġġar tal-ilmenti;
(c) ilmenti formali li jsiru kontra amministratur u l-persunal tiegħu jiġu investigati minn dak l-amministratur fil-waqt u b'mod ġust;
(d) l-inkjesta titwettaq indipendentement minn kwalunkwe persunal li jista' jkun involut fis-suġġett tal-ilment;
(e) l-amministratur jimmira li jlesti l-investigazzjoni tiegħu fl-iqsar żmien;
(f) l-amministratur jinnotifika lill-ilmentatur u lil kwalunkwe parti rilevanti oħra dwar ir-riżultat tal-investigazzjoni bil-miktub u fi żmien raġonevoli;
(g) ikun hemm rikors għand parti terza indipendenti maħtura mill-amministratur, jekk xi lmentatur ma jkunx sodisfatt bil-mod kif ġie trattat ilment mill-amministratur rilevanti jew mid-deċiżjoni tal-amministratur f'sitwazzjoni mhux aktar tard minn sitt xhur minn meta sar l-ilment oriġinali; u
(h) id-dokumenti kollha dwar ilment, inklużi dawk sottomessi mill-ilmentatur kif ukoll ir-rekord tal-amministratur stess, jinżammu għal minimu ta' ħames snin.
17. Tilwim dwar determinazzjonijiet fl-ipprezzar ta' kuljum, li mhumiex ilmenti formali, jiġu riżolti mill-amministratur ta' parametru referenzjarju tal-komoditajiet b'referenza għall-proċeduri standard xierqa tiegħu. Jekk ilment jirriżulta f'bidla fil-prezz, id-dettalji ta' dik il-bidla fil-prezz għandhom jiġu kkomunikati lis-suq mill-aktar fiss possibbli.
Awditjar estern
18. L-amministratur ta' parametru referenzjarju tal-komoditajiet għandu jaħtar awditur estern indipendenti b'esperjenza xierqa u kapaċità biex jirrieżamina u jirrapporta dwar kemm l-amministratur qed isegwi l-metodoloġija dikjarata tiegħu mal-kriterji u mar-rekwiżiti ta' dan ir-Regolament. L-awditi għandhom isiru kull sena u jiġu ppubblikati tliet xhur wara li kull awditu jkun ikkompletat b'awditi interim ulterjuri mwettqa kif xieraq.
( 1 ) Ir-Regolament (UE) Nru 575/2013 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tas- 26 ta' Ġunju 2013 dwar ir-rekwiżiti prudenzjali għall-istituzzjonijiet ta' kreditu u d-ditti tal-investiment u li jemenda r-Regolament (UE) Nru 648/2012 (ĠU L 176, 27.6.2013, p. 1).
( 2 ) Id-Direttiva 2009/138/KE tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tal-25 ta' Novembru 2009 dwar il-bidu u l-eżerċizzju tan-negozju tal-assigurazzjoni u tar-riassigurazzjoni (Solvibbiltà II) (ĠU L 335, 17.12.2009, p. 1).
( 3 ) Id-Direttiva 2011/61/UE tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tat-8 ta' Ġunju 2011 dwar Maniġers ta' Fondi ta' Investiment Alternattivi u li temenda d-Direttivi 2003/41/KE u 2009/65/KE u r-Regolamenti (KE) Nru 1060/2009 u (UE) Nru 1095/2010 (ĠU L 174, 1.7.2011, p. 1).
( 4 ) Id-Direttiva 2003/41/KE tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tat-3 ta' Ġunju 2003 dwar l-attivitajiet u s-superviżjoni ta' istituzzjonijiet għall-provvista ta' irtirar okkupazzjonali (ĠU L 235, 23.9.2003, p. 10).
( 5 ) Ir-Regolament (UE) Nru 648/2012 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tal-4 ta' Lulju 2012 dwar derivati OTC, kontropartijiet ċentrali u repożitorji tad-data dwar it-tranżazzjonijiet (ĠU L 201, 27.7.2012, p. 1).
( 6 ) Ir-Regolament tal-Kummissjoni (KE) Nru 1287/2006 tal-10 ta' Awwissu 2006 li jimplimenta d-Direttiva 2004/39/KE tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill dwar l-obbligi tad-ditti ta' investiment li jżommu r-reġistri, ir-rapportaġġ tat-tranżazzjonijiet, it-trasparenza tas-suq, l-ammissjoni tal-istrumenti finanzjarji għan-negozjar, u t-termini ddefiniti għall-finijiet ta' dik id-Direttiva (ĠU L 241, 2.9.2006, p. 1).
( 7 ) Ir-Regolament (UE) Nru 600/2014 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tal-15 ta' Mejju 2014 dwar is-swieq tal-istrumenti finanzjarji u li jemenda r-Regolament (UE) Nru 648/2012 (ĠU L 173, 12.6.2014, p. 84).
( 8 ) Id-Direttiva 2009/72/KE tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tat-13 ta' Lulju 2009 dwar ir-regoli komuni għas-suq intern fil-qasam tal-elettriku u li temenda d-Direttiva 2003/54/KE (ĠU L 211, 14.8.2009, p. 55).
( 9 ) Id-Direttiva 2009/73/KE tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tat-13 ta' Lulju 2009 dwar ir-regoli komuni għas-suq intern tal-gass u li tħassar id-Direttiva 2003/55/KE (ĠU L 211, 14.8.2009, p. 94).
( 10 ) Ir-Regolament tal-Kummissjoni (UE) Nru 1031/2010 tat-12 ta' Novembru 2010 dwar l-għażla taż-żmien, l-amministrazzjoni u aspetti oħra ta' rkantar ta' kwoti ta' emissjonijiet ta' gassijiet serra skont id-Direttiva 2003/87/KE tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill li tistabbilixxi skema għall-iskambju ta' kwoti ta' emissjonijiet ta' gassijiet serra ġewwa l-Komunità, (ĠU L 302, 18.11.2010, p. 1).
( 11 ) Id-Direttiva 2013/34/UE tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tas-26 ta' Ġunju 2013 dwar id-dikjarazzjonijiet finanzjarji annwali, id-dikjarazzjonijiet finanzjarji kkonsolidati u r-rapporti relatati ta' ċerti tipi ta' impriżi, u li temenda d-Direttiva 2006/43/KE tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill u li tħassar id-Direttivi tal-Kunsill 78/660/KEE u 83/349/KEE (ĠU L 182, 29.6.2013, p. 19).
( 12 ) Id-Direttiva tal-Kunsill 86/635/KEE tat-8 ta' Diċembru 1986 dwar il-kontijiet annwali u l-kontijiet konsolidati tal-banek u istituzzjonijiet finanzjarji oħrajn (ĠU L 372, 31.12.1986, p. 1).
( 13 ) Id-Direttiva tal-Kunsill 91/674/KEE tad-19 ta' Diċembru 1991 dwar il-kontijiet annwali u l-kontijiet konsolidati ta' intrapriżi tal-assigurazzjoni (ĠU L 374, 31.12.1991, p. 7).
( *1 ) Regolament (UE) 2016/1011 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill ta'8 ta' Ġunju 2016 dwar l-indiċi użati bħala parametri referenzjarji fi strumenti finanzjarji u kuntratti finanzjarji jew dwar il-kejl tal-prestazzjoni ta' fondi ta' investiment u li temenda d-Direttiva 2008/48/KE u 2014/17/UE u r-Regolament (UE) Nru 596/2014 (ĠU L 171, 29.6.2016, p. 1).”.
( *2 ) Regolament (UE) 2016/1011 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill ta'8 ta' Ġunju 2016 dwar l-indiċi użati bħala parametri referenzjarji fi strumenti finanzjarji u kuntratti finanzjarji jew dwar il-kejl tal-prestazzjoni ta' fondi ta' investiment u li temenda d-Direttiva 2008/48/KE u 2014/17/UE u r-Regolament (UE) Nru 596/2014 (ĠU L 171, 29.6.2016, p. 1).”;