IL-KUMMISSJONI EWROPEA
Brussell, 21.2.2023
COM(2023) 101 final
RAPPORT TAL-KUMMISSJONI LILL-PARLAMENT EWROPEW U LILL-KUNSILL
L-implimentazzjoni tar-Regolament (UE) Nru 1379/2013 dwar l-organizzazzjoni komuni tas-swieq fil-prodotti tas-sajd u tal-akkwakultura
Werrej
1INTRODUZZJONI
2L-implimentazzjoni tar-Regolament dwar l-OKS u l-kontribut għall-ilħuq tal-għanijiet tal-PKS
2.1Organizzazzjonijiet professjonali
2.1.1Il-kontribut għall-ilħuq tal-objettivi tal-PKS
2.1.2Ir-regoli dwar l-istabbiliment ta’ OP, ta’ AOP, ta’ IBOs u ta’ organizzazzjonijiet professjonali tranżnazzjonali (OPT), tal-objettivi u tal-miżuri
2.1.3Ir-rikonoxximent tal-OP/tal-IBOs/tal-OPT
2.1.4Estensjoni tar-regoli
2.1.5Pjanijiet ta’ produzzjoni u ta’ kummerċjalizzazzjoni
2.1.6Stabbilizzazzjoni tas-swieq
2.2Standards tal-kummerċjalizzazzjoni
Il-kontribut għall-ilħuq tal-objettivi tal-PKS, u l-istabbiliment u l-konformità mal-istandards tal-kummerċjalizzazzjoni
2.3Informazzjoni għall-konsumaturi
2.3.1Il-kontribut għall-ilħuq tal-objettivi tal-PKS
2.3.2Informazzjoni obbligatorja
2.3.3Rapportar dwar l-ekotikkettar
2.3.4Informazzjoni volontarja addizzjonali
2.4Regoli tal-kompetizzjoni
Il-kontribut għall-ilħuq tal-objettivi u l-esklużjonijiet tal-PKS mir-regoli tal-kompetizzjoni
2.5Informazzjoni dwar is-suq
3Konklużjonijiet
Annessi
Anness 1 – Bażijiet ġuridiċi
Anness 2 – Konsultazzjoni pubblika
1INTRODUZZJONI
L-organizzazzjoni komuni tas-swieq (OKS) fil-prodotti tas-sajd u tal-akkwakultura (FAPs) ilha teżisti mill-1970. Hija l-eqdem pilastru tal-Politika Komuni tas-Sajd (PKS), li hija parti integrali minnu flimkien mal-miżuri ta’ konservazzjoni u finanzjarji.
L-OKS hija soġġetta għar-Regolament (UE) Nru 1379/2013 dwar l-organizzazzjoni komuni tas-swieq fil-prodotti tas-sajd u tal-akkwakultura (ir-“Regolament dwar l-OKS”) u r-Regolament (UE) Nru 1380/2013 dwar il-Politika Komuni tas-Sajd (ir-“Regolament dwar il-PKS”), b’mod partikolari l-Artikolu 35 tiegħu.
L-OKS ġiet irriformata flimkien mal-PKS fl-2013 u tfittex li tilħaq l-objettivi tal-PKS. Ir-riforma implikat sensiela ta’ bidliet fundamentali għall-Istati Membri u għas-settur tas-sajd u tal-akkwakultura, b’mod partikolari t-tisħiħ tar-rwol tal-organizzazzjonijiet tal-produtturi (OP) billi tat is-setgħa lill-operaturi u loġika ġdida ta’ intervent, filwaqt li temmet il-mekkaniżmi ta’ intervent tal-passat li bihom il-flus pubbliċi appoġġaw l-irtirar permanenti ta’ prodotti tas-sajd mill-konsum mill-bniedem jew il-qerda tagħhom.
L-OKS hija magħmula minn ħames oqsma ta’ azzjoni:
·organizzazzjonijiet professjonali: l-OP, l-assoċjazzjonijiet tagħhom (AOP) u l-organizzazzjonijiet interprofessjonali (IBOs);
·standards komuni ta’ kummerċjalizzazzjoni: dawn jistabbilixxu karatteristiċi uniformi għall-prodotti tas-sajd mibjugħin fl-UE, tkun xi tkun l-oriġini tagħhom, u jgħinu sabiex jiġi żgurat suq intern trasparenti li jipprovdi prodotti ta’ kwalità għolja;
·informazzjoni għall-konsumatur: informazzjoni obbligatorja li tissupplimenta t-tikkettar ġenerali tal-ikel soġġett għar-Regolament (UE) Nru 1169/2011 dwar l-għoti ta’ informazzjoni dwar l-ikel lill-konsumaturi u qafas ta’ informazzjoni volontarja, sabiex il-konsumaturi jiġu mmotivati jadottaw drawwiet ta’ konsum sostenibbli;
·regoli dwar il-kompetizzjoni: l-esklużjonijiet mill-applikazzjoni tagħhom huma permessi taħt ċerti kundizzjonijiet; u
·informazzjoni dwar is-suq: il-ġbir, l-ipproċessar u t-tixrid ta’ informazzjoni ekonomika dwar is-swieq tal-FAPs sabiex jiġu appoġġati l-istrateġiji u t-tfassil tal-politika tal-partijiet ikkonċernati.
Il-Fond Ewropew għall-Affarijiet Marittimi u s-Sajd (FEMS) u l-Fond Ewropew għall-Affarijiet Marittimi, is-Sajd u l-Akkwakultura (FEMSA) jappoġġaw l-implimentazzjoni tal-politika tas-suq tal-UE għall-FAPs.
Ir-Regolament dwar l-OKS ġie emendat tliet darbiet:
·l-ewwel, fl-2013, sabiex jiġu eżentati temporanjament il-prodotti offruti għall-bejgħ bl-imnut lill-konsumatur finali f’Mayotte minn ċerti obbligi ta’ tikkettar, bħala riżultat tal-fatt li Mayotte saret reġjun ultraperiferiku mill-2014;
·it-tieni, fl-2015, sabiex id-daqsijiet minimi ta’ referenza għall-konservazzjoni jiġu allinjati mad-daqsijiet minimi għall-kummerċjalizzazzjoni; u
·l-aktar reċenti, fl-2020, sabiex jiġu inkorporati miżuri ta’ kriżi bħala tweġiba għat-tfixkil fis-suq li rriżulta mill-kriżi tal-COVID-19; dawn il-miżuri servew l-istess skopijiet wara li faqqgħet il-gwerra ta’ aggressjoni Russa kontra l-Ukrajna.
Dan ir-rapport jiddeskrivi l-implimentazzjoni u r-riżultati tar-Regolament dwar l-OKS, f’konformità mal-Artikolu 48 ta’ dak ir-Regolament. Ir-rapport isegwi l-istruttura tar-Regolament dwar l-OKS. Għal kull taqsima, ikopri dawn li ġejjin:
·rendikont tal-implimentazzjoni tad-dispożizzjonijiet tal-OKS u l-kontribut tagħhom għall-ilħuq tal-objettivi tal-PKS;
·il-kisbiet ewlenin, b’mod partikolari dawk li jirriżultaw mir-riforma;
·l-isfidi u n-nuqqasijiet fl-implimentazzjoni tar-Regolament; u
·l-oqsma ta’ titjib taħt il-qafas legali attwali, jew barra minnu, li fihom strumenti oħrajn (aktar riċenti) jistgħu jindirizzaw b’mod aktar effettiv jew komplementari l-objettivi tal-OKS bħall-Patt Ekoloġiku tal-UE jew l-istrateġija mill-Għalqa sal-Platt.
2L-implimentazzjoni tar-Regolament dwar l-OKS u l-kontribut għall-ilħuq tal-għanijiet tal-PKS
2.1Organizzazzjonijiet professjonali
2.1.1Il-kontribut għall-ilħuq tal-objettivi tal-PKS
Bħala konsegwenza tar-rikonoxximent formali tagħhom, l-OP għandhom obbligi fir-rigward tal-implimentazzjoni tal-objettivi tal-PKS. Il-korollarju ta’ dawn l-obbligi huwa l-aċċess privileġġat għall-appoġġ finanzjarju u l-kapaċità ta’ bbenefikar mill-esklużjoni mir-regoli tal-kompetizzjoni skont il-kundizzjonijiet tar-Regolament dwar l-OKS. Dan ma jikkonċernax id-diversi tipi oħrajn ta’ korpi kollettivi ta’ produtturi fl-UE, fil-livelli lokali, nazzjonali jew tranżnazzjonali.
Illustrazzjoni 1 – Numru ta’ OP għal kull Stat Membru
Għalhekk, l-OP jifformaw il-pedament tas-settur tas-sajd u, sa ċertu punt anqas (għalkemm dejjem aktar), tal-akkwakultura. L-OP jappoġġaw l-immaniġjar ta’ kuljum tal-PKS u jippermettu l-implimentazzjoni kollettiva tagħha fil-livell tal-produtturi. Dan jinkiseb billi kull OP tintalab tfassal u timplimenta pjanijiet ta’ produzzjoni u ta’ kummerċjalizzazzjoni (PMPs). B’mod partikolari, ir-Regolament dwar l-OKS jipprevedi li dawn il-pjanijiet għandhom l-għan li jgħinu sabiex jintlaħqu l-objettivi assenjati għall-OKS mill-Artikolu 35 tar-Regolament dwar il-PKS, u l-objettivi kollha assenjati lill-OP mir-Regolament dwar l-OKS (l-Artikolu 7 tar-Regolament dwar l-OKS). Fuq din il-bażi, l-OP għandhom is-setgħa li jimmaniġġaw b’mod kollettiv l-attivitajiet tal-membri tagħhom taħt il-kundizzjoni stretta li jikkonformaw mal-obbligi ta’ konservazzjoni. Jikkontribwixxu għas-sigurtà tal-ikel billi jiżguraw id-disponibbiltà u s-sostenibbiltà ta’ firxa wiesgħa ta’ frott tal-baħar. B’dan il-mod, l-OP iwettqu missjoni ta’ servizz pubbliku u jottimizzaw l-opportunitajiet tas-suq tal-membri tagħhom.
Dan ir-rwol importanti tal-OP sabiex jgħinu fl-ilħuq tal-objettivi tal-PKS ta spinta lill-Kummissjoni Ewropea sabiex taħdem fuq il-promozzjoni tal-istabbiliment, tal-konsolidazzjoni u tal-finanzjament tal-OP madwar l-UE, b’mod partikolari fl-Istati Membri fejn il-produzzjoni primarja baqgħet fil-biċċa l-kbira mxerrda (l-akkwakultura, is-sajd fuq skala żgħira). Preżenza qawwija ta’ OP hija fattur deċiżiv għas-sopravvivenza u għall-prosperità tal-komunitajiet kostali u għat-tisħiħ tal-piż tal-produtturi primarji fir-rigward tal-industrija tal-ipproċessar jew tal-bejjiegħa bl-imnut. It-tfassil ta’ programmi nazzjonali tal-FEMS(A) kien kompitu kruċjali f’dan ir-rigward.
2.1.2Ir-regoli dwar l-istabbiliment ta’ OP, ta’ AOP, ta’ IBOs u ta’ organizzazzjonijiet professjonali tranżnazzjonali (OPT), tal-objettivi u tal-miżuri
Il-partijiet ikkonċernati tal-UE rrapportaw li l-għodod magħmulin disponibbli għall-OP skont ir-Regolament dwar l-OKS, u speċjalment il-PMPs, huma adattati sew sabiex jgħinuhom isegwu l-objettivi tagħhom, b’mod partikolari sabiex jorganizzaw aħjar l-istruttura tal-provvisti tal-ħut, sabiex itejbu l-introjti tas-sajjieda u tal-bdiewa, u jimplimentaw il-PKS fil-prattika. Madankollu, il-produtturi enfasizzaw nuqqas ta’ konsistenza fil-livell ta’ appoġġ, b’mod partikolari l-appoġġ finanzjarju, fost l-awtoritajiet nazzjonali. Dan joħloq lakuni sinifikanti fl-iżvilupp u fil-funzjonament tal-OP madwar l-Istati Membri, u sfidi sabiex jiġu żgurati kundizzjonijiet ekwi.
Sabiex tnaqqas dawn l-iżbilanċi, il-Kummissjoni għamlet sforzi kontinwi ta’ informazzjoni u ta’ sensibilizzazzjoni sabiex takkumpanja lil dawk kollha involuti fl-implimentazzjoni ta’ din l-għodda innovattiva (jiġifieri l-PMPs). Dawn l-isforzi bdew b’valutazzjoni dettaljata tal-programmi nazzjonali tal-FEMS u b’rakkomandazzjonijiet dwarhom. Wara, il-Kummissjoni baqgħet disponibbli b’mod permanenti sabiex tiċċara l-kunċetti, tneħħi l-inċertezzi, u tiffaċilita l-kondiviżjoni ta’ prattiki tajbin. Madankollu, irid jiġi rrikonoxxut li l-proċess ta’ tħejjija, ta’ implimentazzjoni u ta’ monitoraġġ qiegħed iseħħ bejn l-awtoritajiet nazzjonali u l-OP tagħhom, minħabba li fl-aħħar mill-aħħar huma għandhom jiddeċiedu dwar il-kontenut u l-livell ta’ appoġġ għat-tħejjija u għall-implimentazzjoni tal-PMPs, u huma jinsabu fl-aħjar pożizzjoni sabiex jagħmlu dan. Naturalment, dan jirriżulta f’ċertu grad ta’ nuqqas ta’ uniformità bejn il-pajjiżi.
Għal xi kategoriji ta’ produtturi (b’mod partikolari l-bdiewa u s-sajjieda kostali fuq skala żgħira), il-funzjonament tal-OP għadu joħloq sfida. Il-produtturi tal-akkwakultura jirrikonoxxu li r-reviżjoni tar-Regolament dwar l-OKS għenet sabiex jiġi pprovdut qafas legali aktar xieraq għall-OP tal-akkwakultura. Il-miżuri ta’ promozzjoni u ta’ komunikazzjoni mmexxijin mill-OP tal-akkwakultura kienu partikolarment ta’ suċċess. Madankollu, għad hemm numru limitat ta’ OP tal-akkwakultura fl-UE, u għalhekk ma humiex qed jirnexxu kompletament fir-raggruppament tal-provvista, u dan jista’ jgħinhom jiffaċċjaw il-konċentrazzjoni strutturali għolja tal-bejgħ bl-imnut. Il-promozzjoni tal-benefiċċji tal-istabbiliment ta’ OP fost il-produtturi tal-akkwakultura hija waħda mill-azzjonijiet skont il-linji gwida strateġiċi tal-UE għal akkwakultura tal-UE aktar sostenibbli u kompetittiva għall-2021-2030, ippubblikata fl-2021.
Ir-rapporti tal-Parlament Ewropew talbu wkoll għal struttura aħjar tas-setturi tas-sajd u tal-akkwakultura fuq skala żgħira, u għall-iżvilupp tal-IBOs.
Il-produtturi tas-sajd kostali fuq skala żgħira jirrapportaw li mhux dejjem jirċievu appoġġ amministrattiv u/jew finanzjarju xieraq sabiex jistabbilixxu u joperaw OP. Huma jirrapportaw ukoll li l-Istati Membri ma jqisux biżżejjed l-ispeċifiċitajiet tagħhom meta jistabbilixxu l-kriterji għar-rikonoxximent (eż. attività ekonomika suffiċjenti fiż-żona). Fi ħdan il-limiti tar-rwol tagħha f’dan il-proċess, il-Kummissjoni taħdem prinċipalment sabiex tiffaċilita d-djalogu u l-fehim fost il-partijiet, b’mod partikolari sabiex tiċċara l-kunċetti u l-aspetti regolatorji. Dan l-approċċ jidher li huwa effettiv u jgħin sabiex jiġi ffaċilitat il-proċess ta’ rikonoxximent tal-OP tas-sajjieda kostali fuq skala żgħira. Restrizzjoni oħra hija li marġini ta’ profitt aktar baxxi u riżorsi amministrattivi limitati tas-sajjieda kostali fuq skala żgħira jdgħajfu l-vijabbiltà finanzjarja tal-OP tagħhom u l-kapaċità tagħhom li jittrattaw rekwiżiti legali u amministrattivi marbutin mal-istabbiliment jew mat-tmexxija ta’ OP. Il-possibbiltà li l-produtturi tas-sajd fuq skala żgħira jissieħbu f’OP eżistenti, li tirriżulta f’OP imħallta (li tikkonsisti f’sajjieda fuq skala żgħira u f’sajjieda fuq skala medja sa kbira) ma hijiex is-soluzzjoni, lanqas, peress li mhux dejjem tindirizza l-ħtiġijiet speċifiċi tal-produtturi tas-sajd kostali fuq skala żgħira.
Hemm esperjenza limitata bl-IBOs, li jiġbru flimkien rappreżentanti minn tul il-katina tal-provvista (il-produzzjoni, l-ipproċessar u l-bejgħ bl-imnut), billi bilkemm jeżistu fis-settur. B’mod partikolari matul il-kriżi tal-COVID-19, l‑IBOs li jiffunzjonaw tajjeb urew li huma strument siewi sabiex jissaħħaħ il-funzjonament xieraq tal-katina tal-valur u sabiex l-impatt fuq il-passi differenti jittaffa b’mod kollettiv.
Il-possibbiltà li jiġu rrikonoxxuti l-OPT hija kkunsidrata rilevanti kemm mis-settur kif ukoll mill-awtoritajiet nazzjonali. Madankollu, erba’ OP biss ġew irrikonoxxuti formalment bħala tranżnazzjonali. Proġett pilota mwettaq fl-2020 enfasizza li, fil-prattika, nuqqas ta’ dispożizzjonijiet legali speċifiċi jikkawża xi diffikultajiet kemm għar-rikonoxximent kif ukoll għall-funzjonament ta’ dawn l-organizzazzjonijiet. Il-finanzjament ta’ dawn l-organizzazzjonijiet tranżnazzjonali huwa kwistjoni ewlenija peress li ma jeżisti l-ebda mekkaniżmu formali sabiex l-appoġġ finanzjarju ta’ organizzazzjoni tranżnazzjonali jinqasam jew jiġi organizzat bejn żewġ Stati Membri jew aktar. Il-Kummissjoni pprovdiet gwida lill-Istati Membri sabiex tiċċara l-possibbiltajiet eżistenti u torganizza l-kooperazzjoni għall-finanzjament ta’ tali organizzazzjonijiet.
2.1.3Ir-rikonoxximent tal-OP/tal-IBOs/tal-OPT
Wara d-dħul fis-seħħ tar-riforma tal-OKS, il-Kummissjoni pprovdiet gwida dwar il-proċedura ta’ rikonoxximent sabiex tgħin kemm lill-Istati Membri kif ukoll lis-settur f’dan il-proċess. B’mod parallel, u sabiex tiżgura l-konformità mar-regoli dwar l-OKS, il-Kummissjoni talbet lill-Istati Membri kollha jwettqu kontrolli fuq l-organizzazzjonijiet rikonoxxuti tagħhom, u ppruvat tarmonizza l-frekwenza ta’ dawn il-kontrolli madwar l-Istati Membri.
a.Il-kontrolli orizzontali tal-konformità u l-problemi identifikati
L-Artikolu 18 tar-Regolament dwar l-OKS jirrikjedi li l-Istati Membri jivverifikaw f’intervalli regolari li l-OP u l-IBOs jikkonformaw mar-regoli għar-rikonoxximent tagħhom. L-Artikolu 20 tar-Regolament dwar l-OKS jippermetti lill-Kummissjoni twettaq kontrolli. Għaldaqstant, fl-2016, il-Kummissjoni talbet lill-Istati Membri kollha kkonċernati jekk kinux wettqu l-kontrolli sabiex jaċċertaw il-konformità tal-OP u tal-IBOs mar-regoli dwar l-OKS, u x’kien l-eżitu ta’ dawn il-kontrolli. B’mod parallel jew b’riżultat ta’ dawn il-kontrolli, il-Kummissjoni fetħet tliet proċeduri EU Pilot u proċedura ta’ ksur sabiex tindirizza l-problemi identifikati ta’ nuqqas ta’ konformità. F’każ minnhom, il-Kummissjoni stess wettqet kontrolli fuq il-post dwar ir-rikonoxximent tal-OP.
F’xi każijiet, it-taħlita ta’ kontrolli mwettqin mill-Kummissjoni u dawk imwettqin mill-Istati Membri rriżultat fl-irtirar tar-rikonoxximent ta’ OP, pereżempju billi rriżulta li ċerti OP ma kinux ekonomikament attivi biżżejjed, kif meħtieġ fir-Regolament dwar l-OKS. Kien hemm ukoll każijiet li fihom l-awtoritajiet nazzjonali kienu jeħtieġu li ċerti OP ibiddlu l-istatuti, ir-regoli jew l-istruttura tas-sjieda tagħhom sabiex jikkonformaw mar-Regolament dwar l-OKS. Barra minn hekk, xi Stati Membri ppubblikaw gwida nazzjonali b’mod partikolari dwar il-kriterji għar-rikonoxximent tal-OP jew dwar il-monitoraġġ tal-OP rikonoxxuti.
Il-problemi ewlenin identifikati bħala nuqqasijiet fil-kontrolli nazzjonali dwar l-OP huma stabbiliti hawn taħt.
·Konformità mal-kundizzjoni tal-pluralità tal-membri: xi Stati Membri ma vverifikawx fid-dettall l-istruttura tas-sjieda tal-OP u, b’mod partikolari, is-sidien finali tal-membri tagħhom. Xi Stati Membri qiesu li ma huwiex neċessarju li jiġi vverifikat jekk din il-pluralità hijiex ġenwina u li l-pluralità formali tal-membri tal-OP hijiex biżżejjed. Madankollu, meta persuna fiżika jew ġuridika waħda biss fl-aħħar mill-aħħar tkun is-sid tat-totalità tal-kumpaniji u tal-bastimenti li joperaw fl-OP, il-funzjonament tas-sistema tal-OKS ikun kompromess u r-rekwiżiti tal-Artikolu 14(1) moqri flimkien mal-Artikolu 17 tar-Regolament dwar l-OKS ma jkunux jistgħu jiġu ssodisfati. Għalhekk, l-awtoritajiet nazzjonali għandhom iwettqu kontrolli sabiex jivverifikaw mhux biss l-identità tal-persuni ġuridiċi jew fiżiċi differenti li jkunu membri tal-OP, iżda wkoll tas-sidien finali tagħhom jew tal-persuni fiżiċi u ġuridiċi li għandhom l-ishma tal-membri tal-OP.
·Nuqqas ta’ evidenza xierqa dwar il-verifika tal-funzjonament demokratiku tal-OP kif meħtieġ mill-Artikolu 17(d) tar-Regolament dwar l-OKS. L-awtoritajiet nazzjonali kompetenti jridu jivverifikaw jekk l-istruttura ta’ governanza fis-seħħ tippermettix lill-membri jiskrutinizzaw l-organizzazzjoni u d-deċiżjonijiet tal-OP.
·Kontrolli insuffiċjenti fuq ir-regoli dwar l-ammissjoni ta’ membri ġodda jew l-irtirar tas-sħubija kif meħtieġ mill-Artikolu 17(f) tar-Regolament dwar l-OKS.
·In-nuqqas ta’ kriterji aġġornati għall-valutazzjoni ta’ jekk organizzazzjoni tkunx ekonomikament attiva biżżejjed f’qasam partikolari (rekwiżiti tal-Artikolu 14(1)(b) tar-Regolament dwar l-OKS).
·F’xi Stati Membri, il-frekwenza ppjanata tal-kontrolli ma kinitx biżżejjed.
Il-Kummissjoni biħsiebha tirrepeti l-kontrolli tagħha sabiex tivverifika li l-Istati Membri qegħdin jissodisfaw l-obbligi tagħhom li jwettqu kontrolli tal-OP tagħhom.
b.Diffikultajiet fir-rikonoxximent formali tal-OPT
Fir-rigward tal-każ speċifiku tal-OPT – b’mod partikolari l-OP – il-proġett pilota mwettaq fl-2020 enfasizza serje ta’ sfidi u ta’ nuqqasijiet li jiġġeneraw inċertezzi dwar:
·id-definizzjoni ta’ “tranżnazzjonali”, li ma hijiex prevista fir-Regolament dwar l-OKS; u
·kif ċerti rekwiżiti għar-rikonoxximent tal-OP iridu jiġu applikati għal organizzazzjonijiet tranżnazzjonali (eż. kriterji dwar attività ekonomika suffiċjenti).
Il-Kummissjoni pprovdiet kjarifika lill-Istati Membri u spjegat li l-Istati Membri jistgħu jiddeċiedu li jadottaw regoli jew definizzjonijiet speċifiċi u arranġamenti prattiċi għall-organizzazzjonijiet tranżnazzjonali jekk dawn ma jmorrux kontra r-Regolament dwar l-OKS jew il-leġiżlazzjoni tal-UE b’mod ġenerali.
2.1.4Estensjoni tar-regoli
It-Taqsima III tar-Regolament dwar l-OKS tipprevedi l-possibbiltà li ċerti regoli ta’ OP jiġu estiżi sabiex ikopru lill-produtturi li joperaw fil-qasam tal-attività tal-OP rilevanti li ma jkunux membri ta’ din l-OP. Din rari ntużat mill-2013 ’l hawn: il-Kummissjoni awtorizzat biss żewġ estensjonijiet tar-regoli. L-ostaklu ewlieni jidher li huwa l-perjodu ta’ applikazzjoni tal-estensjoni, li jvarja minn 60 jum għal 12-il xahar, li ma huwiex adattat sew għall-volatilità tas-suq. Għodda aktar flessibbli bil-possibbiltà li r-regola tiġi estiża għal perjodu ta’ żmien iqsar tkun aktar effettiva. Madankollu, din il-ħtieġa għal aktar flessibbiltà tmur kontra r-restrizzjonijiet taż-żmien bħala amministrazzjonijiet nazzjonali u l-Kummissjoni trid teżamina t-talbiet fid-dawl tar-rekwiżiti imposti mir-Regolament dwar l-OKS. Għalhekk, filwaqt li l-estensjoni tar-regoli hija potenzjalment għodda b’saħħitha li tibbenefika lis-settur kollu tal-produzzjoni, l-użu tagħha huwa limitat minħabba l-kumplessità intrinsika tiegħu.
Sabiex tagħmel l-estensjoni tar-regoli aktar faċli sabiex tiġi implimentata, il-Kummissjoni ppubblikat linji gwida. Fil-futur, jista’ jkun utli li tiġi pprovduta gwida aktar dettaljata dwar xi aspetti speċifiċi tal-proċedura, b’mod partikolari l-kriterji sabiex tintwera r-rappreżentattività tal-OP f’żona ġeografika partikolari. Sabiex tiġi żgurata l-konformità mat-terminu ta’ xahar sabiex tiġi awtorizzata jew miċħuda talba għal estensjoni tar-regoli, il-Kummissjoni tat ukoll is-setgħa lill-Kummissarju għall-Affarijiet Marittimi u s-Sajd sabiex jadotta deċiżjonijiet li jawtorizzaw jew jiċħdu l-estensjoni tar-regoli f’isem il-Kummissjoni.
2.1.5Pjanijiet ta’ produzzjoni u ta’ kummerċjalizzazzjoni
Bid-dħul fis-seħħ tar-Regolament rivedut dwar l-OKS, inbidel il-kuntest li fih joperaw l-OP: il-mekkaniżmi ta’ intervent tneħħew (ħlief għall-għajnuna għall-ħżin, ara hawn taħt), u l-appoġġ ġie ttrasferit għal strument xprunat mis-suq, il-PMPs.
Il-PMPs huma meħtieġa għall-OP kollha. Dawn huma għodod essenzjali tal-OKS riveduta sabiex jitrawwem l-appoġġ għas-sajjieda u għall-pixxikulturi sabiex jimplimentaw l-immaniġġar sostenibbli u kollettiv tal-attivitajiet tagħhom, u sabiex il-produzzjoni tagħhom tiġi allokata b’mod aktar effiċjenti, bl-għan li jiġu ssodisfati r-rekwiżiti tas-suq (fil-kwantità u fil-kwalità) u sabiex jiġu sfruttati l-opportunitajiet tas-suq. Meta jimplimentaw il-PMPs tagħhom, l-OP jistgħu jużaw firxa wiesgħa ta’ miżuri sabiex jilħqu l-objettivi tal-OKS u tal-PKS, inkluż l-immaniġġar tal-opportunitajiet tas-sajd (kwoti).
L-OP u l-Istati Membri ġeneralment jirrikonoxxu l-PMPs bħala għodod innovattivi, effettivi u flessibbli. Fl-ewwel ftit snin ta’ implimentazzjoni wara d-dħul fis-seħħ tal-OKS riformata, tfaċċaw xi diffikultajiet fir-rigward tal-finanzjament u tal-kontenut tal-pjanijiet. Minħabba li l-adozzjoni tal-FEMS ġiet ittardjata b’diversi xhur, bosta OP ma kellhomx viżjoni ċara tal-appoġġ finanzjarju li setgħu jistennew, u dan dewwem l-ewwel PMPs jew naqqas il-livell ta’ ambizzjoni tagħhom.
In-natura tal-miżuri li jistgħu jiġu implimentati u b’mod partikolari l-eliġibbiltà tagħhom għall-appoġġ finanzjarju pubbliku kienet ukoll element ta’ inċertezza għall-amministrazzjonijiet u għall-OP nazzjonali. Mhux biss minħabba li din l-għodda kienet novità, iżda wkoll minħabba li introduċiet loġika differenti fir-rigward tal-eliġibbiltà tal-miżuri li jistgħu jiġu varati: l-eliġibbiltà tagħhom tiddependi fuq id-destinazzjoni tagħhom u mhux fuq in-natura tagħhom, u għalhekk kwalunkwe nefqa tkun potenzjalment eliġibbli dment li tgħin sabiex jintlaħqu l-objettivi tal-OP. L-interazzjonijiet frekwenti mal-amministrazzjonijiet nazzjonali, mal-OP u mar-rappreżentanti tas-settur għamluha possibbli li l-proċess kollu jittejjeb progressivament, li issa jitqies bħala sodisfaċenti u li qiegħed iħalli l-frott. Skont l-Artikolu 66 tar-Regolament dwar il-FEMS, l-appoġġ finanzjarju għall-PMPs kien obbligatorju. Għalkemm dan l-obbligu ma ġiex irriportat fir-Regolament dwar il-FEMSA, l-Istati Membri kkonċernati kollha esprimew ir-rieda tagħhom li jkomplu jew li jsaħħu l-appoġġ finanzjarju għall-PMPs tal-OP tagħhom. Minkejja dan, irid jiġi enfasizzat li l-livell ta’ appoġġ jista’ jvarja b’mod sinifikanti minn Stat Membru għal ieħor, u dan joħloq kwistjonijiet ta’ kundizzjonijiet ekwi għall-OP li jridu jirrispettaw l-istess regoli. Il-Kummissjoni se tkompli l-ħidma tagħha sabiex tqajjem kuxjenza dwar il-ħafna raġunijiet għaliex finanzjament xieraq huwa importanti, sabiex jitnaqqsu d-disparitajiet. Madankollu, id-differenzi fl-approċċi u fit-trattamenti huma inerenti f’sistema li hija mfassla sabiex tissodisfa ħtiġijiet u rekwiżiti speċifiċi fil-livelli nazzjonali u reġjonali.
Il-PMPs urew ukoll li huma għodod effettivi għall-allokazzjoni u għall-immaniġjar tal-kwoti fost il-membri tal-OP. Il-PMPs iridu jikkonsistu, fost affarijiet oħrajn, fi programm ta’ produzzjoni u jridu jispeċifikaw miżuri li għandhom jittieħdu mill-OP sabiex tiżgura l-attivitajiet tas-sajd sostenibbli tal-membri tagħha. Dan ifisser li l-OP jistgħu jiddeċiedu dwar il-kwantitajiet li għandhom jiġu allokati u l-aħjar żmien għall-attivitajiet tas-sajd. Pereżempju, ir-riżervar ta’ ċerti kwantitajiet ta’ awwisti għall-aħħar tas-sena jgħin sabiex jiġi evitat li l-istokkijiet jiġu eżawriti kmieni wisq u jippermetti lill-membri kkonċernati jitolbu prezzijiet ogħla matul l-istaġun ta’ tmiem is-sena.
Il-kontenut tal-PMPs u l-monitoraġġ tal-implimentazzjoni tagħhom huma proċess li jseħħ bejn l-OP u l-awtoritajiet kompetenti tagħhom. Madankollu, hemm konverġenza ċara f’termini ta’ status tajjeb tal-istokkijiet (80 % tal-ispeċijiet koperti mill-kwoti ġestiti mill-OP), b’mod partikolari fil-Baħar tat-Tramuntana u fl-Atlantiku tal-Grigal, u prestazzjoni ekonomika tajba tal-flotta, tal-anqas sal-kriżijiet riċenti li laqtu lis-settur (il-COVID-19 u l-invażjoni tal-Ukrajna mir-Russja). Dan juri li l-immaniġġar kollettiv tal-kwoti mill-OP hija sistema tassew effettiva għall-immaniġġar ta’ riżorsa komuni. Bl-istess mod, kull darba li xokk estern jolqot lis-settur, il-PMPs ippermettew lill-OP jadattaw malajr l-attivitajiet u l-istrateġiji ta’ kummerċjalizzazzjoni tal-membri tagħhom għall-iżviluppi f’daqqa fis-suq, u b’hekk iżidu b’mod sinifikanti r-reżiljenza tas-settur.
2.1.6Stabbilizzazzjoni tas-swieq
F’ċerti ċirkostanzi, is-sitt mekkaniżmi ta’ intervent fis-suq li kienu jeżistu sal-2013 wasslu għall-qerda jew għall-irtirar tal-prodotti mill-konsum mill-bniedem. Għalhekk, kienu saru politikament inaċċettabbli u ekonomikament subottimali. L-OKS riveduta naqqset dawn il-mekkaniżmi ta’ intervent tas-suq għal mekkaniżmu ta’ ħżin uniku, li kien disponibbli matul 5 snin (2014-2018). Dan il-mekkaniżmu temporanju ppermetta lill-OP jadattaw u jimxu progressivament lejn il-PMPs. Intuża biss marġinalment, u kkonferma li l-OP setgħu jadattaw malajr għall-għodod il-ġodda tas-suq.
Il-kriżi tal-COVID-19 irriżultat f’għeluq f’daqqa tal-biċċa l-kbira tal-iżbokki għal FAPs ġodda. Dan għamilha xierqa li tiġi rrestawrata l-possibbiltà li wieħed jirrikorri għall-mekkaniżmu tal-għajnuna għall-ħżin u li dan jiġi estiż sabiex ikopri l-OP tal-akkwakultura (oriġinarjament kienet riżervata għall-OP tas-sajd). Il-mekkaniżmu reġa’ sar disponibbli fl-1 ta’ Frar 2020 u ntemm fl-istess żmien bħall-miżuri ta’ kriżi tal-COVID-19 l-oħrajn, fil-31 ta’ Diċembru 2020.
Għalkemm l-OP jiżguraw ippjanar effiċjenti tal-attivitajiet, għal ċerti speċijiet, mekkaniżmu ta’ ħżin jibqa’ għodda rilevanti. Madankollu, dejjem tqies li r-restawr ta’ dan il-mekkaniżmu fuq bażi permanenti jkun diżinċentiv sabiex jinżamm ippjanar strateġiku rigoruż permezz tal-PMPs.
2.2Standards tal-kummerċjalizzazzjoni
Il-kontribut għall-ilħuq tal-objettivi tal-PKS, u l-istabbiliment u l-konformità mal-istandards tal-kummerċjalizzazzjoni
Il-Kapitolu III tar-Regolament dwar l-OKS ikopri standards komuni tal-kummerċjalizzazzjoni għall-FAPs. L-FAPs koperti mill-qafas tal-istandards tal-kummerċjalizzazzjoni u maħsubin għall-konsum mill-bniedem għandhom jikkonformaw ma’ dawn l-istandards.
L-objettivi tal-istandards huma deskritti fil-premessa 18 tar-Regolament dwar l-OKS. B’mod speċifiku, l-istandards tal-kummerċjalizzazzjoni għandhom jippermettu li s-suq jiġi fornit bi prodotti sostenibbli u jgħinu sabiex jintlaħaq il-potenzjal sħiħ tas-suq intern fl-FAPs. Barra minn hekk, għandhom jiffaċilitaw l-attivitajiet ta’ kummerċjalizzazzjoni bbażati fuq kompetizzjoni ġusta, u b’hekk jgħinu sabiex tittejjeb il-profittabilità tal-produzzjoni.
L-istandards tal-kummerċjalizzazzjoni inkorporati fir-Regolament dwar l-OKS tal-2013, oriġinarjament kienu ġew adottati fis-snin tmenin u disgħin. Dawn jispeċifikaw karatteristiċi armonizzati għat-tonn ippreservat / għall-plamtu ppreservat u għas-sardin ippreservat, u qafas armonizzat ta’ tqassim skont id-daqs għall-prodotti tas-sajd friski u mkessħin, inklużi rekwiżiti minimi ta’ freskezza u ta’ daqs. L-istandards japplikaw kemm għall-prodotti tal-UE kif ukoll għal dawk importati.
Fl-2019, il-Kummissjoni wettqet evalwazzjoni ddedikata tal-implimentazzjoni tal-istandards sabiex tivvaluta jekk l-istandards eżistenti kinux għadhom adatti għall-iskop tagħhom. L-evalwazzjoni sabet li l-istandards tal-kummerċjalizzazzjoni huma ġeneralment rilevanti u effiċjenti u jżidu l-valur fil-limiti tal-kamp ta’ applikazzjoni attwali u tal-kriterji sottostanti tagħhom. Madankollu, identifikat nuqqasijiet fil-qafas eżistenti f’termini tal-kapaċità tagħha li tilħaq l-objettivi tar-Regolament dwar l-OKS. B’mod partikolari, instab li l-qafas għandu biss rwol limitat fl-iżgurar li l-prodotti kkummerċjalizzati fl-UE jkunu sostenibbli. L-evalwazzjoni u l-konsultazzjonijiet sottostanti tagħha identifikaw ukoll opportunitajiet għas-simplifikazzjoni, għar-razzjonalizzazzjoni u għall-modernizzazzjoni tal-istandards. Fl-aħħar nett, l-evalwazzjoni indikat livell relattivament baxx ta’ kontroll mill-awtoritajiet nazzjonali sabiex jiżguraw il-konformità mal-istandards.
Fuq il-bażi tal-evalwazzjoni u tal-kwistjoni identifikata ta’ nuqqas ta’ indirizzar suffiċjenti tas-sostenibbiltà, il-Kummissjoni nediet reviżjoni tal-qafas tal-istandards tal-kummerċjalizzazzjoni u ppubblikat valutazzjoni tal-impatt tal-bidu f’April 2020. Minħabba l-aspett tas-sostenibbiltà, ir-reviżjoni tal-istandards ġiet inkluża fil-pjan ta’ azzjoni tal-Istrateġija tal-Kummissjoni mill-Għalqa sal-Platt.
Il-Kummissjoni organizzat konsultazzjoni pubblika minn Novembru 2020 sa Frar 2021 u ppubblikat ir-riżultati fuq is-sit web tagħha. B’mod parallel, saru konsultazzjonijiet immirati mal-partijiet ikkonċernati. Il-konsultazzjonijiet ikkonfermaw il-benefiċċji potenzjali ta’ qafas tal-UE għall-informazzjoni tal-konsumatur dwar is-sostenibbiltà tal-prodotti tal-ikel, inklużi l-prodotti tas-sajd. Kif imħabbar fl-istrateġija mill-Għalqa sal-Platt, huwa importanti li titkompla l-ħidma fuq l-inizjattiva tas-sistema tal-ikel sostenibbli li l-Kummissjoni qiegħda tippjana li tipproponi fl-2023 għal approċċ armonizzat tal-UE għall-produzzjoni tal-ikel sostenibbli.
2.3Informazzjoni għall-konsumaturi
2.3.1Il-kontribut għall-ilħuq tal-objettivi tal-PKS
Sabiex l-OKS tilħaq l-objettivi tagħha fis-sħuħija tagħhom, huwa essenzjali li l-konsumaturi jiġu informati, permezz ta’ kampanji ta’ kummerċjalizzazzjoni u edukattivi, dwar il-valur li wieħed jiekol FAPs, il-varjetà wiesgħa ta’ speċijiet disponibbli, u dwar l-importanza li wieħed ikun jista’ jifhem l-informazzjoni li tidher fuq it-tikketti. Barra minn hekk, sabiex il-konsumaturi jkunu jistgħu jagħmlu għażliet informati, għandhom jirċievu informazzjoni ċara u komprensiva dwar il-prodotti mibjugħin fis-suq tal-UE. Dawn iridu jikkonformaw mal-istess regoli, irrispettivament mill-oriġini tagħhom.
Għal dan l-għan, il-Kapitolu IV tar-Regolament dwar l-OKS (“Informazzjoni għall-konsumatur”) ifittex li jipprovdi informazzjoni lill-konsumaturi permezz tat-tikkettar tal-frott tal-baħar bħala aspett ewlieni sabiex jixpruna għażliet ta’ xiri aktar sostenibbli u, b’hekk, jikkontribwixxi għall-ilħuq tal-objettiv ta’ sostenibbiltà tal-PKS. Barra minn hekk, il-konsumaturi huma atturi importanti fil-governanza tas-sostenibbiltà minħabba li jagħmlu għażliet u għandhom preferenzi ta’ xiri. Sabiex tiġi pprovduta informazzjoni lill-konsumatur dwar l-FAPs kollha, jeħtieġ li l-informazzjoni ewlenija tingħadda tul il-katina tal-provvista. Dan jista’ jinkiseb biss permezz ta’ sistema ta’ traċċabbiltà xierqa għall-FAPs kollha. Għal dan l-għan, f’Mejju 2018, il-Kummissjoni pproponiet
li ssaħħaħ ir-regoli dwar it-traċċabbiltà li kienu fis-seħħ mill-2009 (stabbiliti fir-Regolament tal-UE dwar il-Kontroll tas-Sajd), sabiex tkopri l-FAPs kollha. It-traċċabbiltà u t-trasparenza relatata huma neċessarji sabiex tiġi żgurata l-konformità mar-regoli applikabbli tal-PKS. Bl-appoġġ ta’ sistema ta’ tikkettar xierqa, jistgħu jiggarantixxu li l-informazzjoni pprovduta lill-konsumaturi tkun tista’ tiġi fdata u tkun affidabbli. Huma indispensabbli wkoll fil-ġlieda kontra l-frodi alimentari, inkluż it-tikkettar ħażin.
Ir-Regolament dwar l-OKS jistabbilixxi regoli dwar l-informazzjoni obbligatorja u volontarja li għandha tiġi pprovduta għal FAPs ippakkjati minn qabel u mhux ippakkjati minn qabel imsemmijin fil-punti (a), (b), (c) u (e) tal-Anness I tiegħu. Jintroduċi informazzjoni obbligatorja ġdida u aktar dettaljata, pereżempju l-obbligu li jsir rapport dwar l-irkaptu tas-sajd u ż-żona dettaljata tal-qbid/tat-trobbija, jew l-involviment espliċitu ta’ fornituri tal-ikel tal-massa fit-tikkettar. Ir-Regolament dwar l-OKS jipprovdi li l-fornituri tal-ikel tal-massa jridu jibbenefikaw mill-istess grad ta’ informazzjoni bħall-konsumaturi finali. Għalhekk, il-fornituri tal-ikel tal-massa jkunu jinsabu f’pożizzjoni sabiex jagħmlu għażliet aktar sostenibbli u jikkontribwixxu sabiex jinformaw aħjar il-konsum tal-frott tal-baħar barra mid-dar.
Fl-2016, il-Kummissjoni nediet sistema ta’ informazzjoni
sabiex tiffaċilita l-aċċess għal denominazzjonijiet kummerċjali tal-ispeċijiet fl-Istati Membri kollha u t-tqabbil tagħhom, li fiha tiġbor id-deżinjazzjonijiet kummerċjali kollha rikonoxxuti f’kull Stat Membru, u informazzjoni utli oħra, bħall-ismijiet xjentifiċi, il-metodi ta’ produzzjoni u ż-żoni ta’ qbid. Sabiex tiffaċilita l-fehim u l-implimentazzjoni tar-regoli dwar l-informazzjoni għall-konsumatur, il-Kummissjoni ppubblikat gwida għall-partijiet ikkonċernati fl-2014, u lista aġġornata ta’ mistoqsijiet u ta’ tweġibiet fl-2019
.
B’mod ġenerali, ir-Regolament dwar l-OKS fuq it-tikkettar tal-frott tal-baħar laħaq għanijiet importanti sabiex itejjeb is-sensibilizzazzjoni tal-konsumaturi. Madankollu, għad hemm oqsma li fihom hemm nuqqas ta’ qbil, l-aktar fuq il-kamp ta’ applikazzjoni (prodotti pproċessati, kavjar, invertebrati ppreparati), l-informazzjoni dwar l-oriġini/il-provenjenza, l-informazzjoni li hija rilevanti għas-sostenibbiltà tal-prodott, u l-informazzjoni volontarja.
2.3.2Informazzjoni obbligatorja
L-Artikolu 35 tar-Regolament dwar l-OKS jistipula li l-marki jew it-tikketti fuq l-FAPs imsemmijin fil-punti (a), (b), (c) u (e) tal-Anness I tiegħu li huma kkummerċjalizzati fl-UE jridu jindikaw:
·id-deżinjazzjoni kummerċjali tal-ispeċi u l-isem xjentifiku tagħha;
·il-metodu ta’ produzzjoni;
·iż-żona fejn inqabad jew trabba l-prodott, u l-kategorija tal-irkaptu tas-sajd użat matul is-sajd sabiex jinqabdu l-prodotti;
·jekk il-prodott kienx iddifrostjat; u
·id-data ta’ durabilità minima, meta tkun xierqa.
Kif jiżvela l-istħarriġ Speċjali tal-Ewrobarometru dwar id-drawwiet tal-konsumaturi tal-UE rigward l-FAPs fl-2021, l-informazzjoni obbligatorja meqjusa bħala l-aktar siewja mill-konsumaturi hija d-data “uża qabel” jew “tajjeb qabel l-aħħar” (69 %); l-isem tal-prodott u tal-ispeċi (57 %); u jekk il-prodott ikunx selvaġġ jew imrobbi (54 %). 24 % biss identifikaw l-irkaptu tas-sajd użat bħala informazzjoni li għandha tissemma.
Il-konsultazzjoni mmirata dwar l-implimentazzjoni tar-Regolament dwar l-OKS uriet li r-rekwiżiti obbligatorji għall-informazzjoni tal-konsumatur huma mfaħħrin ħafna bħala miżura eċċellenti li minnha jibbenefikaw il-partijiet ikkonċernati u l-konsumaturi tal-UE.
Madankollu, hemm xi punti li għandhom jiġu kkunsidrati. L-ewwel nett, ħafna partijiet ikkonċernati talbu li FAPs ipproċessati (li jirrappreżentaw aktar minn 22 % tal-konsum tal-UE) jiġu inklużi fil-kamp ta’ applikazzjoni tal-Artikolu 35 tar-Regolament dwar l-OKS. Skont dawn, ma hemm l-ebda ġustifikazzjoni għall-eżenzjoni tal-prodotti pproċessati mir-rekwiżiti ta’ informazzjoni li huma importanti għall-konsumaturi u li għandhom rwol ewlieni fil-valutazzjoni tas-sostenibbiltà tal-prodotti. Barra minn hekk, skont ħafna partijiet ikkonċernati, xi inkonsistenzi (eż. prodotti li jiġu identifikati bil-kodiċi NM u mhux bit-trasformazzjoni li għaddew minnha: kavjar, invertebrati) għandhom impatt negattiv fuq l-ilħuq tal-objettivi ta’ traċċabbiltà u ta’ sostenibbiltà. It-tieni, il-biċċa l-kbira tar-rispondenti għall-konsultazzjoni rrapportaw nuqqas ta’ implimentazzjoni tar-rekwiżiti obbligatorji għall-informazzjoni għall-konsumatur. L-implimentazzjoni madwar l-UE titqies li ma hijiex uniformi, u dan huwa partikolarment sinifikanti f’xi segmenti bħall-bejjiegħa tal-ħut u l-fornituri tal-ikel tal-massa. Xi organizzazzjonijiet mhux governattivi u sajjieda enfasizzaw li l-kontrolli nazzjonali ma humiex biżżejjed sabiex jiġi żgurat infurzar xieraq. Fl-aħħar nett, l-esperti li jaħdmu fil-Kumitat Xjentifiku, Tekniku u Ekonomiku għas-Sajd (STECF) indikaw li l-informazzjoni għall-konsumaturi skont ir-Regolament dwar l-OKS għandha tittejjeb sabiex tkun tista’ ssir valutazzjoni robusta tas-sostenibbiltà tal-prodotti. Dan jikkonċerna b’mod partikolari informazzjoni aktar dettaljata dwar iż-żona tal-qbid u l-irkaptu tas-sajd għall-prodotti tas-sajd peress li l-kategoriji attwali jidhru li ma humiex biżżejjed, u dwar is-sistema tal-produzzjoni għall-prodotti tal-akkwakultura.
Għall-finijiet tal-Artikolu 37 tar-Regolament dwar l-OKS, is-sistema ta’ informazzjoni tal-Kummissjoni dwar id-deżinjazzjonijiet kummerċjali
tipprovdi aċċess ibbażat fuq l-internet u risponsiv, fl-24 lingwa uffiċjali kollha tal-UE, għal informazzjoni li tista’ titfittex dwar l-FAPs, prinċipalment fuq il-bażi tar-relazzjoni bejn id-deżinjazzjonijiet kummerċjali u l-ismijiet xjentifiċi kif speċifikati mill-Istati Membri fil-listi nazzjonali tagħhom. Dan is-servizz għadu attiv u jiġi aġġornat perjodikament.
L-indikazzjoni taż-żona tal-qbid jew tal-produzzjoni f’konformità mal-Artikolu 38 tar-Regolament dwar l-OKS tqajjem dibattitu, speċjalment meta tkun issupplimentata b’informazzjoni volontarja addizzjonali dwar l-oriġini. Fl-2019, il-Kummissjoni ordnat studju dwar l-imġiba
sabiex tifhem aħjar sa liema punt id-dikjarazzjonijiet tal-oriġini fuq l-FAPs jissodisfaw il-ħtiġijiet tal-konsumaturi. L-istudju identifika xi nuqqasijiet (nuqqas ta’ konsistenza, informazzjoni irrilevanti jew vaga, eċċ.) li jwasslu sabiex id-dikjarazzjonijiet volontarji dwar l-oriġini pjuttost joħolqu konfużjoni.
2.3.3Rapportar dwar l-ekotikkettar
L-Artikolu 36 tar-Regolament dwar l-OKS kien jirrikjedi li l-Kummissjoni tippreżenta rapport lill-Parlament Ewropew u lill-Kunsill dwar l-għażliet għal skema ta’ ekotikketti madwar l-UE kollha għall-FAPs. Il-Kummissjoni adottat ir-rapport f’Mejju 2016.
Ir-rapport enfasizza għadd ta’ kwistjonijiet relatati mal-ekotikketti. L-ewwel nett, sabiex l-ekotikketta tkun kredibbli, irid ikun hemm proċess ta’ ċertifikazzjoni robust. It-tieni, il-proliferazzjoni perċepita tal-ekotikketti u l-użu parallel ta’ għodod ta’ komunikazzjoni oħrajn jistgħu jwasslu għal konfużjoni fost il-konsumaturi. Fl-aħħar nett, il-kostijiet marbutin maċ-ċertifikazzjoni jistgħu jkunu sostanzjali għall-produtturi filwaqt li l-bejgħ ta’ prodotti ekottikkettati jista’ joħloq swieq ġodda għall-prodotti.
Fuq din il-bażi, ir-rapport tal-Kummissjoni stabbilixxa żewġ għażliet għal azzjoni politika potenzjali:
·l-istabbiliment ta’ skema ta’ ekotikketta awtonoma madwar l-UE kollha għall-FAPs; jew
·l-istabbiliment ta’ rekwiżiti minimi għal ekotikketti privati f’termini ta’ kriterji ta’ sostenibbiltà u l-proċess ta’ ċertifikazzjoni sottostanti.
Fil-Parlament Ewropew u fil-Kunsill, il-fehmiet fuq ir-rapport varjaw, u b’mod aktar speċifiku fuq it-triq preferuta ’l quddiem. Konsegwentement, il-koleġiżlaturi fl-aħħar mill-aħħar irrifjutaw iż-żewġ għażliet ta’ politika. Sadanittant, it-tieni għażla ġiet indirizzata b’mod aktar wiesa’ mill-proposta tal-Kummissjoni dwar l-għoti tas-setgħa lill-konsumaturi għat-tranżizzjoni ekoloġika.
2.3.4Informazzjoni volontarja addizzjonali
L-Artikolu 39 tar-Regolament dwar l-OKS jistipula li l-informazzjoni li ġejja tista’ tiġi pprovduta fuq bażi volontarja, b’mod ċar, mhux ambigwu u verifikabbli:
·id-data tal-qbid/tal-ħsad;
·id-data tal-ħatt l-art jew informazzjoni dwar il-port tal-ħatt l-art;
·aktar dettalji dwar l-irkaptu tas-sajd;
·l-istat tal-bandiera tal-bastiment;
·informazzjoni ambjentali;
·informazzjoni etika/soċjali;
·tekniki u prattiki tal-produzzjoni; u
·kontenut nutrizzjonali (għall-ikel mhux ipproċessat b’ingredjent wieħed biss).
Din il-lista hija miftuħa u ma tipprojbixxix b’mod espliċitu possibbiltajiet oħrajn.
L-istħarriġ Speċjali tal-Ewrobarometru dwar id-drawwiet tal-konsumaturi tal-UE rigward l-FAPs
juri li l-interess tal-konsumaturi fl-informazzjoni volontarja huwa ffokat fuq id-data tal-qabda jew tal-produzzjoni (76 % tar-rispondenti), ħafna qabel kwalunkwe informazzjoni oħra bħall-informazzjoni ambjentali (44 %), l-informazzjoni dwar il-pajjiż tal-bastiment, dwar is-sajjieda jew dwar il-pixxikulturi (33 % kull waħda), jew il-port tal-ħatt l-art jew l-informazzjoni etika (26 % kull waħda).
Madankollu, is-settur iqis li ż-żieda ta’ aktar dati (qbid, ħatt l-art) tista’ toħloq konfużjoni kbira għall-konsumaturi. Barra minn hekk, il-kwalità tal-FAPs hija ggarantita minn kriterji ta’ freskezza, li ma humiex meqjusin bħala importanti għall-prodotti pproċessati. Meta jiġi indikat il-port tal-ħatt l-art jew l-Istat tal-bandiera tal-bastimenti, hemm tħassib dwar il-fehim ħażin tal-informazzjoni dwar l-oriġini.
Il-proposta tal-Kummissjoni għal Direttiva fir-rigward tal-għoti tas-setgħa lill-konsumaturi għat-tranżizzjoni ekoloġika permezz ta’ protezzjoni mtejba kontra prattiki żleali u permezz ta’ informazzjoni aħjar issuġġeriet rekwiżiti ġodda għall-għoti volontarju ta’ asserzjonijiet ambjentali.
2.4Regoli tal-kompetizzjoni
Il-kontribut għall-ilħuq tal-objettivi u l-esklużjonijiet tal-PKS mir-regoli tal-kompetizzjoni
Skont l-Artikolu 41 tar-Regolament dwar l-OKS, l-OP jistgħu jiġu esklużi mill-applikazzjoni tar-regoli tal-kompetizzjoni kif speċifikati fl-Artikolu 101(1) tat-Trattat dwar il-Funzjonament tal-UE (TFUE) sabiex jilħqu l-objettivi tagħhom, bil-kundizzjoni li dan ikun neċessarju sabiex jintlaħqu l-objettivi stabbiliti fl-Artikolu 39 tat-TFUE u ma jkunx jimplika xi obbligu li jintalbu prezzijiet identiċi, ma jwassalx għall-frammentazzjoni tas-swieq fi kwalunkwe forma fl-UE, ma jeskludix il-kompetizzjoni u ma jeliminax il-kompetizzjoni fir-rigward ta’ proporzjon sostanzjali tal-prodotti inkwistjoni. Din l-esklużjoni hija għodda essenzjali sabiex tippermetti xi prattiki fl-implimentazzjoni tal-PMPs bħall-kontroll tal-kwantitajiet imqegħdin fis-suq mill-membri sabiex jistabbilizzaw is-swieq u l-prezzijiet, jikkonformaw mal-obbligi ta’ konservazzjoni u jevitaw il-ħela tal-ikel.
Din l-esklużjoni mir-regoli tal-kompetizzjoni tista’ tiġi implimentata biss minn entitajiet li huma intitolati li jagħmlu dan skont ir-Regolament dwar l-OKS u li ġew rikonoxxuti mill-Istati Membri skont l-Artikolu 6 ta’ dak ir-Regolament. Għalhekk, il-korpi kollettivi tal-produtturi mhux rikonoxxuti (eż. kooperattivi, cofradías) ma jistgħux jibbenefikaw minnha. Il-kontrolli tal-konformità tal-OP imwettqin mill-Kummissjoni wrew li l-attivitajiet marbutin mal-produzzjoni, mal-ipproċessar u mal-kummerċjalizzazzjoni tal-ħatt l-art tas-sajjieda xi drabi kienu jiġu ġestiti minn/permezz ta’ korpi mhux rikonoxxuti. F’dawn il-każijiet, l-awtoritajiet kompetenti tal-Istati Membri ntalbu jieħdu l-miżuri neċessarji.
Xi organizzazzjonijiet ma jaċċettawx din il-limitazzjoni u jitolbu emenda tar-Regolament dwar l-OKS sabiex isiru eliġibbli wkoll għall-esklużjoni mir-regoli tal-kompetizzjoni u għall-aċċess għall-finanzjament. Madankollu, l-OP jissodisfaw kompiti definiti b’mod ċar li huma strumentali fl-implimentazzjoni tal-PKS. Għal dan l-għan, iridu jikkonformaw ma’ qafas legali strett u komuni taħt is-superviżjoni tal-awtoritajiet nazzjonali tagħhom.
2.5Informazzjoni dwar is-suq
Sabiex jgħin fiż-żieda tat-trasparenza u tal-effiċjenza tas-suq, ir-Regolament dwar l-OKS jipprevedi li l-Kummissjoni trid tiġbor u tipproċessa informazzjoni ekonomika dwar is-swieq tal-UE fl-FAPs u xxerridha lill-partijiet ikkonċernati u lill-pubbliku ġenerali (l-Artikolu 42 tar-Regolament dwar l-OKS).
Għal dan l-għan, il-Kummissjoni stabbiliet l-Osservatorju Ewropew tas-Suq tal-Prodotti tas-Sajd u tal-Akkwakultura (EUMOFA). L-EUMOFA ilu żviluppat mill-2010 fil-forma ta’ azzjoni preparatorja. Sit web u bażi tad-data dedikati ilhom online minn April 2013 u ilhom kompletament operazzjonali sa mid-dħul fis-seħħ tar-reviżjoni tal-OKS.
L-EUMOFA jipprovdi intelliġenza dwar is-suq lill-operaturi tas-settur tas-sajd, fl-aktar sens wiesa’, sabiex jifhmu aħjar ix-xejriet tas-suq. L-EUMOFA għandu wkoll l-għan li jappoġġa l‑proċessi tat-tfassil u l-implimentazzjoni tal-politika pubblika mill-awtoritajiet pubbliċi u mill-partijiet ikkonċernati. Barra minn hekk, għandu l-għan li jkun ta’ benefiċċju għall-korpi ta’ riċerka, għall-partijiet ikkonċernati u għall-pubbliku ġenerali billi jżid l-aċċess għall-intelliġenza u għad-data dwar is-suq.
Dan l-osservatorju huwa partikolarment rilevanti peress li ma hemm l-ebda alternattiva fil-livell tal-UE sabiex tiġi pprovduta informazzjoni dwar suq kumpless u dinamiku li huwa kkaratterizzat minn dipendenza qawwija fuq l-importazzjonijiet minn pajjiżi terzi (ir-rata ta’ awtosuffiċjenza hija ta’ 38.9 % u ta’ 11 % biss għall-aktar 5 speċijiet ikkonsmati) u minn kummerċ sinifikanti fl-UE (il-flussi kummerċjali fl-UE huma akbar mill-importazzjonijiet minn pajjiżi terzi). Il-provvista tal-UE ta’ FAPs għall-konsum mill-bniedem, li tinkludi kemm il-produzzjoni domestika kif ukoll l-importazzjonijiet, tammonta għal kważi 13-il miljun tunnellata f’ekwivalenti ta’ piż ħaj. In-nies fl-UE jikkonsmaw madwar 23 kg FAPs għal kull persuna fis-sena.
L-EUMOFA jista’ jitqies bħala osservatorju ta’ referenza għall-komoditajiet tal-ikel. Huwa wkoll l-aktar bażi tad-data komprensiva dwar il-flussi kummerċjali internazzjonali tal-FAPs. Il-pjattaforma bbażata fuq l-internet tipprovdi data ekonomika ta’ kuljum dwar il-passi kollha tal-katina tal-valur. L-osservatorju huwa wkoll ċentru ta’ għarfien espert li jwettaq analiżijiet tas-suq u joħroġ pubblikazzjonijiet dwar serje ta’ suġġetti li huma ta’ interess għall-industrija u għall-partijiet ikkonċernati istituzzjonali. Jippubblika wkoll materjal analitiku sabiex jappoġġa t-tfassil tal-politika. Kellu rwol importanti fl-informar lill-partijiet ikkonċernati tas-suq matul il-kriżijiet reċenti (il-COVID-19 u l-invażjoni tal-Ukrajna mir-Russja) billi pprovda viżibbiltà u kjarifika dwar l-iżviluppi tas-suq.
Matul l-aħħar sena, l-EUMOFA ġġenera madwar 3 000 żjara fix-xahar fis-sit web tiegħu minn aktar minn 140 pajjiż. In-numru ta’ pubblikazzjonijiet li jikkwotaw lill-EUMOFA qiegħed jikber, u dawn il-pubblikazzjonijiet qegħdin isiru aktar diversi (eż. rapporti pubbliċi, pubblikazzjonijiet xjentifiċi u akkademiċi, stampa speċjalizzata). Id-disseminazzjoni wiesgħa tal-għarfien espert tal-EUMOFA juri li l-osservatorju huwa affidabbli u rikonoxxut ferm.
Sabiex twettaq l-obbligu tagħha li tipprovdi intelliġenza dwar is-suq, il-Kummissjoni wettqet stħarriġ regolari tal-Ewrobarometru dwar id-drawwiet tal-konsumaturi tal-UE fir-rigward tal-FAPs (fl-2017, fl-2019 u fl-2021).
3Konklużjonijiet
Il-politika komuni tas-suq għall-FAPs, kif stabbilita mir-Regolament dwar l-OKS, tgħin b’mod effettiv sabiex jintlaħqu l-objettivi tal-PKS, speċjalment f’termini ta’ kompetittività, ta’ stabbiltà tas-suq, ta’ trasparenza u ta’ żgurar ta’ provvista diversa ta’ frott tal-baħar lill-konsumaturi.
L-organizzazzjonijiet professjonali – b’mod partikolari l-OP, li tqiesu bħala atturi ewlenin fl-implimentazzjoni tal-objettivi tal-OKS sa mill-bidu nett – urew li huma strumentali fit-titjib tal-kundizzjonijiet tas-suq għall-provvisti tal-frott tal-baħar, u b’hekk fiż-żieda tal-introjtu tal-produtturi. Fir-rigward tal-għoti tas-setgħa lill-OP skont l-OKS, il-Kummissjoni wettqet l-ewwel ċiklu komprensiv ta’ kontrolli dwar il-kundizzjonijiet għar-rikonoxximent sabiex tiżgura l-konformità u l-kapaċitajiet operazzjonali tal-OP. Dawn il-kontrolli se jiġu ripetuti.
L-OP u l-amministrazzjonijiet nazzjonali kellhom bżonn ta’ ftit snin sabiex jadattaw għall-operat skont il-PMPs minħabba l-karattru innovattiv u n-natura obbligatorja tagħhom. Issa s-sistema hija ġeneralment meqjusa kompletament operazzjonali u rilevanti ħafna sabiex jintlaħqu l-objettivi tal-OKS, sabiex tiġi implimentata l-PKS fil-prattika u sabiex jinħatfu l-opportunitajiet tas-suq. Madankollu, għad hemm diffikultajiet, b’mod partikolari fir-rigward tat-trattament differenzjali mill-amministrazzjonijiet nazzjonali, sew jekk f’termini ta’ finanzjament, ta’ appoġġ amministrattiv jew ta’ eliġibbiltà tal-miżuri. Dawn l-aspetti jistgħu jikkostitwixxu ostaklu għall-OP sabiex iwettqu bis-sħiħ il-missjonijiet tagħhom u jeħtieġu assistenza kontinwa mill-Kummissjoni. L-appoġġ għall-istabbiliment u għall-finanzjament tal-OPT jitqies ukoll bħala aspett li għandu jittejjeb, li l-Kummissjoni diġà wettqet billi pprovdiet gwida lill-Istati Membri u lill-OP.
L-OKS kellha rwol pożittiv fiż-żieda tal-kompetittività billi pprovdiet qafas leġiżlattiv komuni rregolat bl-istess standards ta’ kummerċjalizzazzjoni. Madankollu, dawn l-istandards ma humiex qegħdin jippromwovu biżżejjed il-prodotti sostenibbli. Kif imħabbar fl-istrateġija mill-Għalqa sal-Platt, huwa importanti li titkompla l-ħidma fuq l-inizjattiva tas-sistema tal-ikel sostenibbli li l-Kummissjoni qiegħda tippjana li tipproponi fl-2023 għal approċċ armonizzat tal-UE għall-produzzjoni tal-ikel sostenibbli.
Id-dispożizzjonijiet dwar l-informazzjoni għall-konsumaturi huma ġeneralment meqjusin xierqa għall-iskop tagħhom, anki jekk ċerti nuqqasijiet ikomplu jeħtieġu xi attenzjoni, bħad-differenzi fil-kopertura u fil-konformità għal xi ħwienet. It-tikkettar se jibqa’ punt ta’ tilwim fil-katina tal-provvista peress li l-fehmiet u l-prijoritajiet huma diverġenti. Madankollu, tkun meħtieġa informazzjoni aktar speċifika sabiex il-konsumatur jingħata s-setgħa li jifforma idea ġusta dwar is-sostenibbiltà tal-prodotti.
Il-possibbiltà li l-OP jidderogaw mir-regoli tal-kompetizzjoni skont il-kundizzjonijiet tar-Regolament dwar l-OKS tidher li hija neċessarja sabiex il-profittabbiltà tiġi kkombinata mal-obbligu tal-OP li jilħqu objettivi ta’ konservazzjoni u ta’ mmaniġjar tal-istokkijiet. Il-kapaċità li l-OP jipprogrammaw il-kwantitajiet imqegħdin fis-suq mill-membri tagħhom hija għodda essenzjali sabiex jinżammu l-prezzijiet f’livelli xierqa u tiġi evitata l-ħela tal-ikel.
Bl-istabbiliment ta’ osservatorju Ewropew tas-suq, il-Kummissjoni stabbiliet standards fir-rigward tal-intelliġenza dwar is-suq. Is-servizzi pprovduti mill-EUMOFA servew ħafna skopijiet għall-partijiet ikkonċernati. Dawn kienu apprezzati ħafna fi żminijiet ta’ kriżi, li matulhom l-osservatorju għen speċifikament sabiex jinforma t-tfassil tal-politika u l-istrateġiji tal-industrija.
L-implimentazzjoni tad-dispożizzjonijiet tal-OKS uriet li jrid ikun hemm fiduċja u fehim bejn l-awtoritajiet, is-settur u s-soċjetà ċivili. Ġew stabbiliti skambji regolari, b’mod partikolari mal-Kunsill Konsultattiv għas-Swieq, sabiex jinftiehmu aħjar l-impatti ta’ ċerti avvenimenti fuq is-suq u l-ħtiġijiet tas-settur. Dan id-djalogu għandu jitkompla u jissaħħaħ sabiex titħaffef l-implimentazzjoni tal-OKS.
Bħala konklużjoni, ir-Regolament dwar l-OKS u l-mod kif ġie implimentat mir-riforma jistgħu jitqiesu b’mod ġenerali bħala ta’ suċċess. L-OKS għaddiet minn politika tas-suq ibbażata fuq l-intervent li ntirtet mill-politika agrikola komuni għal politika dinamika orjentata lejn is-suq xprunata minn partijiet ikkonċernati tas-suq li ngħataw is-setgħa. Din it-tranżizzjoni wriet li hija rilevanti sabiex jiġu żgurati s-sostenibbiltà u l-profittabilità fit-tul tas-settur bħala parti minn implimentazzjoni rigoruża tal-PKS. L-oqsma għat-titjib huma identifikati sew u l-Kummissjoni se tindirizzahom billi tikkoopera mill-qrib mal-partijiet ikkonċernati u mal-amministrazzjonijiet nazzjonali sabiex timmassimizza l-impatt tal-għodod eżistenti tas-suq, tiżgura l-konformità u tindirizza n-nuqqasijiet.
Annessi
Anness 1 – Bażijiet ġuridiċi
Ir-riforma tal-organizzazzjoni komuni tas-swieq (OKS) implikat simplifikazzjoni drastika tal-qafas legali.
Sa tmiem l-2013, l-OKS kienet regolata b’dawn:
·ir-Regolament tal-Kunsill (KE) Nru 104/2000;
·aktar minn 20 Regolament ta’ implimentazzjoni tal-Kummissjoni li jipprovdu regoli dettaljati; u
·diversi regolamenti tal-Kunsill.
F’Jannar 2014, daħal fis-seħħ ir-Regolament il-ġdid dwar l-OKS. B’kollox tħassru 19-il Regolament tal-Kummissjoni u bħalissa l-OKS hija regolata bl-atti li ġejjin:
·ir-Regolament (UE) Nru 1379/2013 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tal-11 ta’ Diċembru 2013 dwar l-organizzazzjoni komuni tas-swieq fil-prodotti tas-sajd u tal-akkwakultura (ir-“Regolament dwar l-OKS”);
·ir-Regolament ta’ Implimentazzjoni tal-Kummissjoni (UE) Nru 1418/2013 dwar il-pjanijiet ta’ produzzjoni u kummerċjalizzazzjoni;
·ir-Regolament ta’ Implimentazzjoni tal-Kummissjoni (UE) Nru 1419/2013 dwar l-għarfien tal-organizzazzjonijiet tal-produtturi u l-organizzazzjonijiet interprofessjonali;
·ir-Rakkomandazzjoni tal-Kummissjoni 2014/117/UE dwar it-twaqqif u l-implimentazzjoni tal-Pjanijiet ta’ Produzzjoni u Kummerċjalizzazzjoni; u
·tliet regolamenti tal-Kunsill dwar l-istandards tal-kummerċjalizzazzjoni (u regolament ta’ implimentazzjoni tal-Kummissjoni wieħed) li baqgħu fis-seħħ:
oir-Regolament (KE) Nru 2406/96 li jistabbilixxi standards komuni għall-marketing għal ċerti prodotti tal-industrija tas-sajd;
oir-Regolament tal-Kummissjoni (KEE) Nru 3703/85 li jipprovdi regoli dettaljati għall-applikazzjoni ta’ livelli komuni fis-suq għal ċertu ħut frisk u mkessaħ;
oir-Regolament tal-Kunsill (KEE) Nru 1536/92 li jippreskrivi l-istandards ta’ marketing komuni għat-tonn u għall-plamtu/tumbrell priservat; u
or-Regolament tal-Kunsill (KEE) Nru 2136/89 li jippreskrivi standards komuni ta’ marketing għal sardin ippriservat u deskrizzjonijiet kummerċjali għal sardin ippriservat u prodotti tat-tip tas-sardin.
Ir-Regolament dwar l-OKS ġie emendat fi tliet okkażjonijiet; l-aktar reċenti sabiex jiġu introdotti miżuri ta’ kriżi sabiex iwieġbu għall-kriżi tal-COVID-19:
·ir-Regolament tal-Kunsill (UE) Nru 1385/2013 tas-17 ta’ Diċembru 2013;
·ir-Regolament (UE) Nru 2015/812 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tal-20 ta’ Mejju 2015; u
·r-Regolament (UE) Nru 2020/560 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tat-23 ta’ April 2020.
Anness 2 – Konsultazzjoni pubblika
Fis-17 ta’ Diċembru 2021, il-Kummissjoni Ewropea nediet konsultazzjoni mmirata (skadenza l-14 ta’ Marzu 2022) sabiex tiġbor l-esperjenzi u l-kummenti tal-partijiet ikkonċernati tas-settur dwar l-implimentazzjoni tar-Regolament dwar l-OKS.
·Il-Kummissjoni rċiviet madwar 125 tweġiba għall-kwestjonarju dwar l-OKS.
·L-għodod tas-suq ipprovduti mir-Regolament dwar l-OKS ġeneralment tqiesu rilevanti u rriżultaw pożittivi fil-kapaċità tagħhom li jikkontribwixxu għall-ilħuq tal-objettivi tal-PKS.
·B’mod partikolari, ir-rwol importanti devolut lill-organizzazzjonijiet tal-produtturi sabiex jimmaniġġaw b’mod kollettiv l-attivitajiet tal-produtturi huwa kisba kbira tal-politika tas-suq riformata. Il-pjanijiet ta’ produzzjoni u ta’ kummerċjalizzazzjoni tal-organizzazzjonijiet tal-produtturi huma għodod flessibbli u effettivi sabiex jintlaħqu l-objettivi tas-suq tal-OKS. Il-partijiet ikkonċernati enfasizzaw li għad hemm lok għal titjib, pereżempju dwar l-appoġġ finanzjarju għal dawn il-pjanijiet, li jista’ jvarja sostanzjalment minn pajjiż għal ieħor, u dwar mekkaniżmi li ma humiex kompletament adatti għal organizzazzjonijiet tranżnazzjonali.
·L-informazzjoni għall-konsumaturi, b’mod partikolari t-tikkettar, ġeneralment titqies bħala adattata għall-iskop tagħha, għalkemm f’xi każijiet, numru kbir ta’ tikketti ekoloġiċi u informazzjoni speċifika wisq tpoġġi xi limiti fuq il-leġibbiltà tad-dikjarazzjonijiet.
·Il-kontribut tal-osservatorju tas-suq (EUMOFA) sabiex tiżdied it-trasparenza u jittejjeb il-fehim tal-iżviluppi tas-suq jirċievi tifħir b’mod ġenerali.
Fl-10 ta’ Ġunju 2022, il-Kummissjoni għalqet dan il-proċess ta’ konsultazzjoni b’avveniment mal-partijiet ikkonċernati dwar il-funzjonament tal-Politika Komuni tas-Sajd (PKS) u l-organizzazzjoni komuni tas-swieq fi Brussell (il-parteċipazzjoni mill-bogħod kienet possibbli).
Saru diskussjonijiet u interazzjonijiet bejn il-partijiet ikkonċernati f’żewġ sessjonijiet plenarji tematiċi bi preżentazzjonijiet qosra u b’panels ta’ rappreżentanti tal-partijiet ikkonċernati. Is-sessjonijiet tematiċi koprew l-objettivi soċjali, ekonomiċi u ambjentali tal-PKS minn naħa, u l-innovazzjoni, ir-reżiljenza u l-governanza fis-sajd min-naħa l-oħra.
L-eżiti ta’ dan il-proċess ta’ konsultazzjoni fformaw kontribut essenzjali għar-rapport dwar il-funzjonament tal-OKS.