European flag

Il-Ġurnal Uffiċjali
ta'l-Unjoni Ewropea

MT

Serje L


2024/592

16.2.2024

DEĊIŻJONI TAL-KUNSILL (UE) 2024/592

tat-23 ta’ Jannar 2024

li tagħti s-setgħa lil Franza biex tinnegozja ftehim bilaterali mal-Alġerija dwar kooperazzjoni ġudizzjarja fi kwistjonijiet ċivili relatati mal-liġi tal-familja

IL-KUNSILL TAL-UNJONI EWROPEA,

Wara li kkunsidra t-Trattat dwar il-Funzjonament tal-Unjoni Ewropea, u b’mod partikolari l-Artikolu 81(3) tiegħu,

Wara li kkunsidra l-proposta tal-Kummissjoni Ewropea,

Wara li l-abbozz tal-att leġiżlattiv intbagħat lill-parlamenti nazzjonali,

Wara li kkunsidra l-opinjoni tal-Parlament Ewropew (1),

Filwaqt li jaġixxi skont proċedura leġiżlattiva speċjali,

Billi:

(1)

Permezz ta’ ittra tat-8 ta’ Diċembru 2016, Franza talbet li tingħata s-setgħa mill-Unjoni biex tkun awtorizzata tinnegozja ftehim bilaterali mal-Alġerija dwar kooperazzjoni ġudizzjarja f’materji ċivili u kummerċjali. L-għan kien li jiġu mmodernizzati u kkonsolidati t-tliet ftehimiet bilaterali tal-1962, tal-1964 u tal-1980 li huma fis-seħħ.

(2)

Franza pprovdiet informazzjoni lill-Kummissjoni li turi li minħabba r-rabtiet ekonomiċi, kulturali, storiċi, soċjali u politiċi eċċezzjonali li għandha mal-Alġerija, Franza għandha interess speċifiku li tinnegozja ftehim bilaterali mal-Alġerija, li l-abbozz tiegħu ġie trażmess lill-Kummissjoni.

(3)

B’mod partikolari, Franza pprovdiet data dwar l-għadd kbir ta’ ċittadini Alġerini li jirrisjedu fit-territorju tagħha u dwar l-għadd ta’ ċittadini Franċiżi li jgħixu fl-Alġerija kif ukoll dwar l-importanza speċifika tal-iskambji kummerċjali bejn iż-żewġ pajjiżi.

(4)

Ir-relazzjonijiet bejn l-Unjoni u l-Alġerija huma bbażati fuq il-Ftehim Ewro-Mediterranju li jistabbilixxi Assoċjazzjoni bejn il-Komunità Ewropea u l-Istati Membri tagħha, min-naħa l-waħda, u r-Repubblika Demokratika tal-Poplu tal-Alġerija, min-naħa l-oħra (2) (il-“Ftehim Ewro-Mediterranju ta’ Assoċjazzjoni”), li daħal fis-seħħ fl-2005. Il-Ftehim Ewro-Mediterranju ta’ Assoċjazzjoni jikkostitwixxi l-qafas legali li jirregola r-relazzjonijiet bejn il-partijiet f’materji ekonomiċi, kummerċjali, politiċi, soċjali u kulturali.

(5)

L-Artikolu 85 tal-Ftehim Ewro-Mediterranju jistipula li l-kooperazzjoni fl-oqsma legali u ġudizzjarji hija essenzjali u aġġunt neċessarju mal-forom l-oħra ta’ kooperazzjoni bejn l-Unjoni u l-Alġerija previsti mill-Ftehim Ewro-Mediterranju, u li tali kooperazzjoni jaf tkun tinkludi, fejn xieraq, in-negozjar ta’ ftehimiet f’dawk l-oqsma.

(6)

Ir-relazzjoni tal-Unjoni ma’ pajjiżi terzi fir-rigward tal-kooperazzjoni ġudizzjarja f’materji ċivili u kummerċjali tiddependi fuq il-qafas legali żviluppat mill-Konferenza tal-Aja dwar id-Dritt Internazzjonali Privat (l-“HCCH”), f’konformità mal-prinċipju tal-multilateraliżmu. Madankollu, l-Alġerija mhijiex membru tal-HCCH u sa issa rrifjutat li taderixxi mal-konvenzjonijiet ewlenin tagħha.

(7)

Għalkemm l-Alġerija mhijiex membru tal-HCCH u ma aderixxietx għall-konvenzjonijiet ewlenin tagħha, l-abbozz ta’ ftehim jidher li huwa fil-biċċa l-kbira ispirat mis-sistema stabbilita mill-Konvenzjonijiet tal-Aja u mil-leġiżlazzjoni tal-Unjoni adottata dwar l-istess materji.

(8)

Uħud mill-materji li għandhom jiġu ttrattati fl-abbozz ta’ ftehim bejn Franza u l-Alġerija jaffettwaw l-acquis rilevanti tal-Unjoni rigward materji tal-liġi tal-familja. Konsegwentement, il-materji koperti minn tali impenji internazzjonali jaqgħu fi ħdan il-kompetenza esterna esklużiva tal-Unjoni. L-Istati Membri ma jistgħux jinnegozjaw tali impenji, jew jidħlu fihom, għajr jekk jingħataw setgħa, skont l-Artikolu 2(1) tat-Trattat dwar il-Funzjonament tal-Unjoni Ewropea (TFUE), mil-leġiżlatur tal-Unjoni biex jagħmlu dan, f’konformità mal-proċedura leġiżlattiva msemmija fl-Artikolu 81(3) TFUE.

(9)

Peress li l- Unjoni għandha kompetenza fuq il-maġġoranza tal-kwistjonijiet li għandhom jiġu ttrattati fl-abbozz ta’ ftehim bejn Franza u l-Alġerija,, Franza għandha tirrapporta regolarment lill-Kummissjoni dwar it-tmexxija tan-negozjati dwar il-ftehim bilaterali. Kemm Franza kif ukoll il-Kummissjoni ser iżommu lill-Kunsill infurmat dwar l-iżviluppi fuq bażi regolari.

(10)

Ma hemm l-ebda indikazzjoni li l-ftehim futur bejn Franza u l-Alġerija neċessarjament ser jaffettwa lill-acquis tal-Unjoni b’mod negattiv. Madankollu, jixraq li jiġu previsti linji gwida ta’ negozjar bl-għan li jiġi minimizzat ir-riskju ta’ tali effetti negattivi.

(11)

F’konformità mal-Artikoli 1 u 2 tal-Protokoll Nru 21 dwar il-pożizzjoni tar-Renju Unit u l-Irlanda fir-rigward tal-ispazju ta’ libertà, sigurtà u ġustizzja anness mat-Trattat dwar l-Unjoni Ewropea (TUE) u mat-TFUE, u mingħajr preġudizzju għall-Artikolu 4 ta’ dak il-Protokoll, l-Irlanda mhijiex qed tieħu sehem fl-adozzjoni ta’ din id-Deċiżjoni u mhijiex marbuta biha jew soġġetta għall-applikazzjoni tagħha.

(12)

F’konformità mal-Artikoli 1 u 2 tal-Protokoll Nru 22 dwar il-pożizzjoni tad-Danimarka, anness mat-TUE u mat-TFUE, id-Danimarka mhijiex qed tieħu sehem fl-adozzjoni ta’ din id-Deċiżjoni u mhijiex marbuta biha jew soġġetta għall-applikazzjoni tagħha,

ADOTTA DIN ID-DEĊIŻJONI:

Artikolu 1

B’dan Franza tingħata s-setgħa li tinnegozja ftehim bilaterali mal-Alġerija dwar kooperazzjoni ġudizzjarja f’materji ċivili relatati mal-liġi tal-familja, dment li jiġu segwiti l-linji gwida ta’ negozjar li ġejjin:

(a)

Franza tinforma lill-Alġerija li l-Kummissjoni tista’ tieħu sehem fin-negozjati bħala osservatur, u li l-Kummissjoni ser tiġi infurmata bi kwalunkwe progress u riżultati miksuba matul id-diversi stadji tan-negozjati;

(b)

Franza tħeġġeġ lill-Alġerija biex tikkunsidra taderixxi mal-konvenzjonijiet ewlenin li jikkonċernaw materji tal-liġi tal-familja żviluppati mill-Konferenza tal-Aja dwar id-Dritt Internazzjonali Privat (il-“Konvenzjonijiet tal-Aja”) u li tibda analiżi tal-aktar mezzi xierqa biex jitneħħew l-ostakli li żammew lill-Alġerija milli taderixxi mal-Konvenzjonijiet tal-Aja;

(c)

Franza tinforma lill-Alġerija li, wara l-konklużjoni tan-negozjati, tkun meħtieġa l-għoti ta’ setgħa mill-Kunsill qabel ma Franza titħalla tikkonkludi l-ftehim;

(d)

Franza tinforma lill-Alġerija li l-għoti ta’ setgħa mill-Kunsill biex jiġi konkluż il-ftehim, wara proposta mill-Kummissjoni, jista’ jipprevedi li l-ftehim għandu jkollu validità limitata fiż-żmien, bil-possibbiltà ta’ mekkaniżmu ta’ tiġdid taċitu li għandu jiġi indikat fid-deċiżjoni tal-Kunsill dwar il-konklużjoni tal-ftehim;

(e)

tiddaħħal dispożizzjoni fil-ftehim li tipprevedi denunzja sħiħa jew parzjali tal-ftehim jew sostituzzjoni diretta tad-dispożizzjonijiet rilevanti tal-ftehim fil-każ tal-konklużjoni ta’ ftehim sussegwenti bejn l-Unjoni, jew l-Unjoni u l-Istati Membri tagħha, minn naħa waħda, u l-Alġerija, min-naħa l-oħra, jew tal-adeżjonijiet tal-Alġerija mal-Konvenzjonijiet rilevanti ta’ The Hague;

(f)

tiddaħħal dispożizzjoni fil-ftehim li tgħid li kwalunkwe deċiżjoni rikonoxxuta fi Franza skont dan il-ftehim ma tistax sussegwentement tiċċirkola fi Stati Membri oħra skont il-liġi tal-Unjoni;

(g)

tiid-dispożizzjonijiet tal-ftehim jikkonformaw mal-acquis rilevanti tal-Unjoni u mal-Konvenzjonijiet ta’ The Hague rilevanti;

(h)

Franza tinforma lill-Alġerija li, skont l-iżvilupp tan-negozjati, jistgħu jkunu meħtieġa linji gwida ta’ negozjar oħra fi żmien debitu.

Artikolu 2

Franza għandha twettaq in-negozjati f’konsultazzjoni mal-Kummissjoni.

Franza għandha tirrapporta regolarment lill-Kummissjoni dwar il-passi meħuda skont din id-Deċiżjoni u tikkonsultaha fuq bażi regolari. Kull meta l-Kummissjoni titlobha, Franza għandha tirrapportalha bil-miktub dwar it-twettiq u l-eżitu tan-negozjati.

Artikolu 3

Din id-Deċiżjoni hija indirizzata lir-Repubblika Franċiża.

Magħmul fi Brussell, it-23 ta’ Jannar 2024.

Għall-Kunsill

Il-President

D. CLARINVAL


(1)  Opinjoni tat-12 ta’ Diċembru 2023 (għadha mhix ippubblikata fil-Ġurnal Uffiċjali).

(2)   ĠU L 265, 10.10.2005, p. 2.


ELI: http://data.europa.eu/eli/dec/2024/592/oj

ISSN 1977-074X (electronic edition)