Trattat Li Jistabbilixxi kostituzzjoni għall-Ewropa - PARTI I - TITOLU V - EŻERĊIZZJU TAL-KOMPETENZI TA' L-UNJONI - KAPITOLU I - DISPOSIZZJONIJIET KOMUNI - Artikolu I-33
Official Journal 310 , 16/12/2004 P. 0026 - 0027
Artikolu I-33 Atti ġuridiċi ta' l-Unjoni 1. Biex jeżerċitaw il-kompetenzi ta' l-Unjoni l-istituzzjonijiet għandhom jużaw bħala strumenti legali, skond il-Parti III, il-liġi Ewropea, l-liġi kwadru Ewropea, r-regolament Ewropew, id-deċiżjoni Ewropea, r-rakkomandazzjonijiet u l-opinjonijiet. Liġi Ewropea hija att leġislattiv ta' applikazzjoni ġenerali. Għandha torbot fl-intier tagħha u hija direttament applikabbli f'kull Stat Membru. Liġi kwadru Ewropea hija att leġislattiv li jorbot lil kull Stat Membru destinatarju, fir-rigward tar-riżultat mistenni, iżda tħalli l-għażla tal-forma u l-metodi lill-awtoritajiet nazzjonali. Regolament Ewropew huwa att mhux leġislattiv ta' applikazzjoni ġenerali għall-implimentazzjoni ta' atti leġislattivi u ta' ċerti disposizzjonijiet tal-Kostituzzjoni. Jista' jkun jew jorbot fl-intier tiegħu u direttament applikabbli fl-Istati Membri kollha, jew jorbot, lil kull Stat Membru destinatarju, kwantu għar-riżultat mistenni, iżda jħalli l-għażla tal-forma u l-metodi lill-awtoritajiet nazzjonali. Deċiżjoni Ewropea hija att mhux leġislattiv, li jorbot fl-intier tiegħu. Deċiżjoni li tispeċifika lil min hija indirizzata għandha torbot lil dawk biss. Ir-rakkomandazzjonijiet u l-opinjonijiet m'għandhomx l-effett li jorbtu. 2. Meta jiġu kkunsidrati abbozzi ta' atti leġislattivi, l-Parlament Ewropew u l-Kunsill għandhom jastjenu milli jadottaw atti li mhumiex previsti mill-proċedura leġislattiva għall-qasam in kwistjoni. --------------------------------------------------