Edizzjoni Provviżorja
KONKLUŻJONIJIET TAL-AVUKAT ĠENERALI
BIONDI
ippreżentati fit‑30 ta’ Ottubru 2025 (1)
Kawżi magħquda C‑440/24 P u C‑441/24 P
Ir-Repubblika tal-Latvja
vs
Petr Aven (C‑440/24 P)
u
Mikhail Fridman (C‑441/24 P)
“Appell – Politika estera u ta’ sigurtà komuni – Miżuri restrittivi meħuda fid-dawl ta’ azzjonijiet li jipperikolaw jew jheddu l-integrità territorjali, is-sovranità u l-indipendenza tal-Ukraina – Iffriżar ta’ fondi – Inklużjoni fil-lista ta’ persuni, ta’ entitajiet u ta’ korpi kkonċernati – Artikolu 2(1)(a) u (d) tad-Deċiżjoni 2014/145/PESK – Kriterju tal-appoġġ lill-azzjonijiet jew politiki – Kriterju tal-appoġġ materjali jew finanzjarju lid-deċiżuri Russi responsabbli – Kriterju tal-vantaġġ meħud mingħand id-deċiżuri Russi responsabbli – Protezzjoni ġudizzjarja effettiva – Stħarriġ komplet mill-qorti tal-Unjoni tal-miżuri restrittivi – Rilevanza tal-kuntest fl-evalwazzjoni tal-fondatezza tar-raġunijiet għal inklużjoni – Nuqqas ta’ distakkament”
1. Dawn l-appelli, ippreżentati mir-Repubblika tal-Latvja li kienet intervenjenti quddiem il-Qorti Ġenerali tal-Unjoni Ewropea, jagħtu lill-Qorti tal-Ġustizzja l-opportunità li ttenni u tippreċiża l-portata tas-setgħa diskrezzjonali tal-Kunsill tal-Unjoni Ewropea, l-oneru tal-prova li jaqa’ fuqu u l-istandard ta’ stħarriġ ġudizzjarju li l-qorti tal-Unjoni hija obbligata tiggarantixxi.
2. B’hekk, ir-Repubblika tal-Latvja qiegħda titlob l-annullament tas-sentenzi Aven vs Il‑Kunsill (2) u Fridman vs Il‑Kunsill (3) (iktar ’il quddiem, ikkunsidrati flimkien, is-“sentenzi appellati”) li permezz tagħhom il-Qorti Ġenerali laqgħet, rispettivament, ir-rikorsi ta’ Petr Aven u ta’ Mikhail Fridman intiżi t-tnejn li huma li jiġu annullati, minn naħa, id-Deċiżjoni (PESK) 2022/337 (4) u r-Regolament ta’ Implimentazzjoni (UE) 2022/336 (5) (iktar ’il quddiem, ikkunsidrati flimkien, l-“atti inizjali kontenzjużi”) u, min-naħa l-oħra, id-Deċiżjoni (PESK) 2022/1530 (6) u r-Regolament ta’ Implimentazzjoni (UE) 2022/1529 (7) (iktar ’il quddiem, ikkunsidrati flimkien, l-“atti ta’ żamma kontenzjużi”), sa fejn dawn l-atti (iktar ’il quddiem, ikkunsidrati flimkien, l-“atti kontenzjużi”) jikkonċernawhom.
3. P. Aven u M. Fridman ġew inklużi fil-listi ta’ persuni li l-assi tagħhom għandhom jiġu ffriżati abbażi ta’ żewġ kriterji tal-Artikolu 2(1) tad-Deċiżjoni tal-Kunsill 2014/145/PESK tas‑17 ta’ Marzu 2014 dwar miżuri restrittivi fir-rigward ta’ azzjonijiet li jdgħajfu jew jheddu l-integrità territorjali, is-sovranità u l-indipendenza tal-Ukraina (ĠU 2014, L 78, p. 16), kif emendata bid-Deċiżjoni tal-Kunsill (PESK) 2022/329 tal‑25 ta’ Frar 2022 (ĠU 2022, L 50, p. 1). Fil-fatt, il-Kunsill inkluda lil P. Aven u lil M. Fridman għar-raġuni li, fil-fehma tiegħu, huma kienu qegħdin “jappoġġjaw” jew “jimplimentaw” azzjonijiet jew politiki li jipperikolaw jew jheddu l-integrità territorjali, is-sovranità u l-indipendenza tal-Ukraina, kif ukoll l-istabbiltà u s-sigurtà tagħha (Artikolu 2(1)(a) tad-Deċiżjoni 2014/145 emendata, iktar ’il quddiem il-“kriterju (a)”) u li huma kienu qegħdin “jappoġġaw, b’mod materjali jew finanzjarju”, lid-deċiżuri Russi responsabbli għall-annessjoni tal-Krimea jew għad-destabbilizzazzjoni tal-Ukraina jew li kienu qegħdin “jibbenefikaw” [jieħdu vantaġġ] minn dawn id-deċiżuri (Artikolu 2(1)(d) tad-Deċiżjoni 2014/145 emendata, iktar ’il quddiem il-“kriterju (d)”).
I. Il-fatti li wasslu għall-kawża u s-sentenzi appellati
4. Sa fejn għandhom x’jaqsmu l-fatti li wasslu għall-kawża, nirreferi għall-punti 2 sa 14 tas-sentenza Aven vs Il‑Kunsill, kif ukoll għall-punti 2 sa 14 tas-sentenza Fridman vs Il‑Kunsill.
5. Fir-rikors tiegħu quddiem il-Qorti Ġenerali, P. Aven invoka żewġ motivi, l-ewwel wieħed ibbażat fuq żbalji ta’ evalwazzjoni tal-Kunsill li wassluh sabiex jinkludih u jżommu b’mod żbaljat fil-listi kontenzjużi u t-tieni wieħed, immirat lejn l-atti ta’ żamma, ibbażat fuq ksur tal-obbligu li s-sitwazzjoni tiegħu tiġi eżaminata mill-ġdid b’mod perijodiku, kif ukoll tal-obbligu ta’ motivazzjoni. Il-Qorti Ġenerali eżaminat il-fondatezza tal-inklużjoni u taż-żamma ta’ P. Aven fl-imsemmija listi skont il-kriterji (a) u (d) fid-dawl, b’mod partikolari, tan-natura allegatament żbaljata tal-evalwazzjoni tal-fatti magħmula mill-Kunsill (8). Wara l-analiżi tagħha, hija kkonkludiet li ebda wieħed mill-motivi li jinsabu fl-atti kkontestati quddiemha ma kien issostanzjat b’mod suffiċjenti fid-dritt u li, għalhekk, la l-inklużjoni u lanqas iż-żamma ta’ P. Aven fil-listi ma kienu ġġustifikati (9). Konsegwentement, il-Qorti Ġenerali laqgħet l-ewwel motiv u annullat l-atti kontenzjużi sa fejn dawn kienu jikkonċernaw lil P. Aven.
6. Min-naħa tiegħu, M. Fridman qajjem l-istess żewġ motivi quddiem il-Qorti Ġenerali, li eżaminat biss l-ewwel wieħed ibbażat fuq żbalji ta’ evalwazzjoni. Wara li analizzat in-natura allegatament żbaljata tal-evalwazzjoni tal-fatti magħmula mill-Kunsill, il-Qorti Ġenerali waslet għall-konklużjoni li ebda wieħed mill-motivi li jinsabu fl-atti kkontestati ma kien issostanzjat b’mod suffiċjenti fid-dritt u li l-inklużjoni u ż-żamma ta’ M. Fridman fil-listi kontenzjużi ma kinux iġġustifikati (10). Konsegwentement, il-Qorti Ġenerali laqgħet l-ewwel motiv u annullat l-atti kontenzjużi sa fejn dawn kienu jikkonċernaw lil M. Fridman.
II. Il-proċedura quddiem il-Qorti tal-Ġustizzja u t-talbiet tal-partijiet
7. Fil-Kawża C‑440/24 P, ir-Repubblika tal-Latvja titlob li l-Qorti tal-Ġustizzja jogħġobha tannulla s-sentenza Aven vs Il‑Kunsill u tikkundanna lil kull parti għall-ispejjeż rispettivi tagħha. P. Aven jitlob li l-Qorti tal-Ġustizzja jogħġobha, prinċipalment, tiċħad l-appell bħala parzjalment manifestament inammissibbli u parzjalment manifestament infondat; sussidjarjament, tiċħad l-appell u, f’kull każ, tikkundanna lir-Repubblika tal-Latvja għall-ispejjeż.
8. Fil-Kawża C‑441/24 P, ir-Repubblika tal-Latvja titlob li l-Qorti tal-Ġustizzja jogħġobha tannulla s-sentenza Fridman vs Il‑Kunsill u tikkundanna lil kull parti għall-ispejjeż rispettivi tagħha. M. Fridman jitlob li l-Qorti tal-Ġustizzja jogħġobha, prinċipalment, tiċħad l-appell bħala parzjalment manifestament inammissibbli u parzjalment manifestament infondat; sussidjarjament, tiċħad l-appell u, f’kull każ, tikkundanna lir-Repubblika tal-Latvja għall-ispejjeż.
9. Permezz ta’ deċiżjonijiet tal-President tal-Qorti tal-Ġustizzja tad‑29 ta’ Ottubru 2024 u tas‑6 ta’ Novembru 2024, ir-Repubblika tal-Estonja u r-Repubblika tal-Litwanja ġew ammessi jintervjenu fil-kawżi insostenn tat-talbiet tar-Repubblika tal-Latvja f’dawn il-kawżi li sussegwentement ingħaqdu għall-finijiet tal-proċedura orali kif ukoll tas-sentenza (11).
III. Fuq l-appelli
10. F’kull wieħed miż-żewġ appelli tagħha, ir-Repubblika tal-Latvja tqajjem erba’ aggravji simili.
11. L-ewwel wieħed huwa bbażat fuq l-argument li l-Qorti Ġenerali injorat il-ġurisprudenza li tirriżulta mis-sentenza Kadi (12); it-tieni wieħed huwa bbażat fuq żnaturament tal-provi prodotti mill-Kunsill; it-tielet wieħed huwa bbażat fuq żball ta’ liġi fl-applikazzjoni tal-kriterju (d); u r-raba’ wieħed huwa bbażat fuq żball ta’ liġi inkwantu l-Qorti Ġenerali ma kklassifikatx in-nuqqas ta’ distakkament bħala appoġġ, fis-sens tal-kriterju (a).
A. Osservazzjonijiet preliminari
12. Qabel nanalizza dawn l-appelli, nixtieq nagħmel żewġ sensiliet ta’ kunsiderazzjonijiet preliminari.
1. Fuq l-intensità tal-istħarriġ ġudizzjarju u l-qafas analitiku
13. Id-diversi aggravji invokati fil-kuntest ta’ dawn l-appelli jistgħu jinġabru fil-qosor fi kwistjoni waħda: dik tal-livell ta’ stħarriġ ġudizzjarju li l-qrati tal-Unjoni għandhom jeżerċitaw fuq il-legalità tal-miżuri restrittivi adottati mill-Kunsill. Din ma hijiex kwistjoni ġdida. Il-qrati tal-Unjoni huma mistennija jsibu bilanċ delikat, iżda ġust, bejn prinċipji u normi ġuridiċi varji u potenzjalment kontradittorji.
14. Iż-żewġt ikfief tal-bilanċ huma, minn naħa, is-setgħa tal-Kunsill fil-qasam tal-adozzjoni ta’ miżuri restrittivi u, min-naħa l-oħra, il-protezzjoni tad-drittijiet tal-persuni milquta minn dawn il-miżuri.
15. Lanqas ma huwa possibbli li jiġi injorat il-fatt li dawn l-appelli ġew ippreżentati fil-kuntest tal-invażjoni tal-Ukraina – ksur sfaċċat tad-dritt internazzjonali u tal-Karta tan-Nazzjonijiet Uniti (13) u wieħed mill-ikbar theddidiet għas-sigurtà Ewropea u għall-ordni internazzjonali sa minn tmiem it-Tieni Gwerra Dinjija. Dan it-tħassib huwa fil komuni fl-argumenti tar-Repubblika tal-Latvja.
16. L-importanza tal-għanijiet li l-Kunsill ifittex li jilħaq u li jagħmlu parti mill-għan usa’ li jinżammu l-paċi u s-sigurtà internazzjonali, konformement mal-għanijiet tal-azzjoni esterna tal-Unjoni stabbiliti fl-Artikolu 21 TUE u maż-żieda progressiva fil-miżuri restrittivi, skont l-effettività tagħhom, adottati mill-Kunsill b’reazzjoni għall-azzjonijiet tal-Federazzjoni Russa li jiddestabbilizzaw lill-Ukraina, diġà ġiet irrikonoxxuta (14). L-għan tar-reġimi tal-miżuri restrittivi li jirriżultaw mill-atti kontenzjużi huwa li jagħmlu pressjoni massima fuq il-Federazzjoni Russa billi jħarrxu l-konsegwenzi tal-azzjonijiet tagħha li jfittxu li jipperikolaw l-integrità territorjali, is-sovranità u l-indipendenza tal-Ukraina.
17. Ma hemm l-ebda dubju dwar id-diskrezzjoni wiesgħa li jgawdi l-Kunsill sabiex jiddeċiedi jekk il-miżuri restrittivi humiex xierqa u sabiex jiddefinixxi l-kundizzjonijiet tagħhom. Inżid ngħid li din id-diskrezzjoni tkopri wkoll il-livell ta’ severità tal-imsemmija miżuri, kif ukoll in-natura, fil-prattika, bla limitu tagħhom, sabiex jiġi ddeterminat jekk dawn tal-aħħar jistgħux itemmu l-ksur serju ħafna tad-dritt internazzjonali mill-Federazzjoni Russa.
18. Madankollu, tali diskrezzjoni ma tistax teżenta lill-Kunsill milli jiżgura ruħu u juri li l-motivi li jkunu wasslu għall-inklużjoni u għaż-żamma tal-persuni suġġetti għal miżuri restrittivi, jiġifieri ta’ deċiżjonijiet individwali li jaffettwawhom negattivament b’mod kunsiderevoli, ikunu fondati (15).
19. F’dan ir-rigward, ninnota li l-Qorti Ġenerali, qabel analizzat il-fondatezza tal-inklużjoni u taż-żamma ta’ P. Aven u M. Fridman skont il-kriterji (a) u (d), għamlet xi osservazzjonijiet preliminari li jirriflettu bis-sħiħ il-qafas analitiku żviluppat mill-Qorti tal-Ġustizzja fil-ġurisprudenza tagħha.
20. Il-Qorti tal-Ġustizzja fakkret reċentement, minn naħa, li “għall-istħarriġ tal-legalità tal-motivi li fuqhom tkun ibbażata d-deċiżjoni li isem persuna jiġi inkluż jew jinżamm fil-lista ta’ persuni li huma s-suġġett ta’ miżuri restrittivi, l-effettività tal-istħarriġ ġudizzjarju ggarantit fl-Artikolu 47 tal-Karta tad-Drittijiet Fundamentali tal-Unjoni Ewropea teżiġi, b’mod partikolari, li l-qorti tal-Unjoni tiżgura li din id-deċiżjoni, li għandha portata individwali għall-persuna kkonċernata, tkun ibbażata fuq bażi fattwali suffiċjentement solida. Dan jimplika verifika tal-fatti allegati fl-espożizzjoni tal-motivi li hija l-bażi ta’ din id-deċiżjoni, b’mod li l-istħarriġ ġudizzjarju ma jkunx limitat għall-evalwazzjoni tal-plawżibbiltà astratta tal-motivi invokati, iżda jirrigwarda l-kwistjoni dwar jekk dawn il-motivi, jew tal-inqas, wieħed minnhom meqjus suffiċjenti minnu nnifsu sabiex isostni l-istess deċiżjoni, humiex issostanzjati” (16).
21. Minn naħa, hija affermat mill-ġdid li tali evalwazzjoni “għandha ssir billi jiġu eżaminati l-provi mhux b’mod iżolat, iżda fil-kuntest li jagħmlu parti minnu, peress li l-Kunsill jissodisfa l-oneru tal-prova impost fuqu jekk huwa jistabbilixxi quddiem il-qorti tal-Unjoni sensiela ta’ indizji suffiċjentement konkreti, preċiżi u konkordanti li jippermettu li tiġi stabbilita l-eżistenza ta’ rabta suffiċjenti bejn il-persuna suġġetta għal miżura ta’ ffriżar tal-fondi tagħha u r-reġim li kontrih tkun qed tittieħed azzjoni [...]. Barra minn hekk, hija l-awtorità kompetenti tal-Unjoni li għandha, fil-każ ta’ kontestazzjoni, tistabbilixxi l-fondatezza tal-motivi allegati kontra l-persuna kkonċernata, u mhux din tal-aħħar li tipproduċi l-prova negattiva tal-assenza ta’ fondatezza ta’ dawn il-motivi. Għalkemm ma huwiex meħtieġ li din l-awtorità tipproduċi quddiem il-qorti tal-Unjoni l-informazzjoni u l-provi kollha inerenti għall-motivi allegati, huwa madankollu importanti li l-informazzjoni jew il-provi prodotti jsostnu l-motivi allegati kontra l-persuna kkonċernata” (17).
22. Mill-ġurisprudenza tal-Qorti tal-Ġustizzja jirriżulta wkoll li, fl-istħarriġ ta’ miżuri restrittivi, il-qrati tal-Unjoni għandhom, skont il-ġurisdizzjonijiet tagħhom taħt it-Trattati, jiżguraw stħarriġ bħala prinċipju komplet tal-legalità tal-atti tal-Unjoni u dan japplika wkoll għall-istħarriġ tal-atti li jintroduċu miżuri restrittivi (18).
23. Huwa għalhekk fid-dawl ta’ dan il-qafas analitiku li għandhom jiġu eżaminati dawn l-appelli.
2. Fuq il-kriterji għal inklużjoni
24. Jeħtieġ issa nagħtu titwila lejn il-kriterji li uża l-Kunsill sabiex jinkludi u jżomm l-ismijiet ta’ P. Aven u M. Fridman fil-listi ta’ persuni li l-assi tagħhom għandhom jiġu ffriżati.
25. Dawn il-kriterji ġew iddefiniti mill-Kunsill, li għal dan il-għan irrikorra għas-setgħa ta’ evalwazzjoni wiesgħa mogħtija lilu f’dan il-qasam (19) u li ma hijiex ikkontestata hawnhekk. Hija d-Deċiżjoni 2022/329 li emendat il-kriterji għal inklużjoni, f’kuntest ikkaratterizzat mill-ħtieġa urġenti li jiġu adottati miżuri restrittivi addizzjonali fid-dawl tal-gravità tas-sitwazzjoni (20).
26. Il-Qorti Ġenerali ċaħdet b’mod espliċitu l-possibbiltà li l-inklużjoni u ż-żamma tagħhom – jiġifieri ta’ P. Aven u ta’ M. Fridman – setgħu kienu bbażati fuq kriterji oħra (21), kif issuġġerixxa l-Kunsill matul il-proċedura quddiem il-Qorti Ġenerali. Din il-konklużjoni ma tistax tiġi kkontestata fil-kuntest ta’ dawn l-appelli. Għalhekk, l-uniċi kriterji rilevanti għall-analiżi huma l-kriterji (a) u (d).
27. Għalhekk, mill-kriterju (a) jirriżulta li l-fondi u r-riżorsi ekonomiċi (22) tal-persuni fiżiċi li “jappoġġaw jew jimplimentaw” azzjonijiet jew politiki li jipperikolaw jew jheddu l-integrità territorjali, is-sovranità u l-indipendenza tal-Ukraina, jew l-istabbiltà jew is-sigurtà tagħha, għandhom jiġu ffriżati.
28. Min-naħa tiegħu, il-kriterju (d) huwa intiż, b’mod partikolari, li jiffriża l-fondi tal-persuni fiżiċi għaliex jew ikunu jagħtu appoġġ materjali jew finanzjarju lid-deċiżuri Russi responsabbli għall-annessjoni tal-Krimea jew għad-destabbilizzazzjoni tal-Ukraina, jew inkella għaliex jieħdu vantaġġ minn dawn id-deċiżuri.
29. Dawn l-atti ma fihom ebda definizzjoni tal-kunċetti ta’ “appoġġ”, ta’ “appoġġ materjali jew finanzjarju”, ta’ “deċiżuri Russi” jew xi tfisser li “wieħed jieħu vantaġġ”. Lanqas ma fihom informazzjoni sa fejn għandu x’jaqsam il-metodu ta’ prova (23).
30. Mill-punt 41 tas-sentenzi appellati jirriżulta li l-Qorti Ġenerali ddeċidiet li l-kriterju (a) “jeħtieġ li tiġi stabbilita l-eżistenza ta’ rabta, diretta jew indiretta, bejn l-attivitajiet jew l-azzjonijiet tal-persuna [...] kkonċernata u s-sitwazzjoni fl-Ukraina li tkun wasslet għall-adozzjoni tal-miżuri restrittivi inkwistjoni [...]. Dawn il-persuni għandhom, b’għemilhom, ikunu appoġġjaw persuni li jkunu nżammu responsabbli għal azzjonijiet jew politiki li jipperikolaw jew jheddu l-integrità territorjali, is-sovranità u l-indipendenza tal-Ukraina” [traduzzjoni mhux uffiċjali].
31. Mill-punt 42 ta’ dawn is-sentenzi jirriżulta li l-Qorti Ġenerali ddeċidiet li l-kriterju (d) “jirreferi b’mod immirat u selettiv għall-persuni fiżiċi [...] li, anki jekk, bħala tali, ma jkollhom ebda rabta mal-annessjoni tal-Krimea jew mad-destabbilizzazzjoni tal-Ukraina, jagħtu appoġġ materjali jew finanzjarju lid-deċiżuri Russi responsabbli għal dawn tal-aħħar, jew jieħdu vantaġġ minn dawn id-deċiżuri” [traduzzjoni mhux uffiċjali]. Fil-fehma tal-Qorti Ġenerali, il-kriterju (d) huwa magħmul minn żewġ elementi, jiġifieri l-appoġġ materjali jew finanzjarju lid-deċiżuri Russi responsabbli għal din l-annessjoni jew għal din id-destabbilizzazzjoni u l-fatt li jittieħed vantaġġ mingħand dawn id-deċiżuri. Dawn iż-żewġ kriterji ma humiex kumulattivi u, sa fejn għandu x’jaqsam il-vantaġġ, huwa biżżejjed li l-persuna kkonċernata tieħu vantaġġ mid-deċiżuri Russi mingħajr ma huwa meħtieġ li tiġi stabbilita rabta bejn il-vantaġġi li jibbenefikaw minnhom il-persuni jew l-entitajiet indikati u l-annessjoni tal-Krimea jew id-destabbilizzazzjoni tal-Ukraina.
B. Fuq l-ewwel aggravju fil-Kawżi C‑440/24 P u C‑441/24 P, ibbażat fuq żball ta’ liġi sa fejn il-Qorti Ġenerali allegatament injorat il-ġurisprudenza li tirriżulta mis-sentenza Kadi
1. Sunt tal-argumenti tal-partijiet
32. Qabel ma tressaq l-argumenti tagħha, ir-Repubblika tal-Latvja, sostnuta mir-Repubblika tal-Estonja u mir-Repubblika tal-Litwanja, tagħmel sensiela ta’ rimarki ġenerali dwar in-neċessità li tiġi stabbilita ġurisprudenza uniformi u li jittieħed inkunsiderazzjoni l-kuntest usa’ tar-reġim Russu u tal-influwenza tiegħu. Tali evalwazzjoni għandha ssir fid-dawl tar-rekwiżiti li jirriżultaw mill-Artikolu 3(1) u (5) u mill-Artikolu 21(1) u (2)(a) u (c) TUE.
33. Fil-fehma tar-Repubblika tal-Latvja, il-Qorti Ġenerali applikat b’mod żbaljat il-ġurisprudenza mfakkra fil-punt 31 tas-sentenzi appellati billi għamlet eżami individwali u iżolat tal-provi prodotti mill-Kunsill u dan meta dan l-eżami kellu jsir permezz ta’ analiżi konġunta globali fid-dawl tal-kuntest ta’ dawn il-provi.
34. B’hekk, ir-Repubblika tal-Latvja ssostni li l-istħarriġ ġudizzjarju tal-miżuri restrittivi kellu jsir fi tliet stadji. L-ewwel nett, il-Qorti Ġenerali kellha teżamina jekk wieħed mill-motivi invokati mill-Kunsill kienx jiġġustifika, fih innifsu, l-inklużjoni. Jekk ebda wieħed mill-motivi kkunsidrati individwalment ma seta’ jiġġustifika l-inklużjoni, il-Qorti Ġenerali kellha għalhekk teżamina l-provi flimkien. It-tieni nett, hija kellha tuża informazzjoni lil hinn mill-provi prodotti – element essenzjali fl-evalwazzjoni tal-legalità ta’ miżuri restrittivi. Il-kuntest estern huwa għodda għad-dispożizzjoni tal-Qorti Ġenerali li tippermettilha tevalwa l-provi meta dawn tal-aħħar ikunu inseparabbli minn sitwazzjoni partikolari (24) u meta l-Kunsill jiltaqa’ ma’ diffikultajiet fil-ġbir tal-provi, bħalma huwa l-każ fil-kuntest Russu. Il-provi tal-qrubija ta’ persuna ma’ gvern u tal-istatus tagħha ta’ “oligarka” f’reġim awtoritarju għandhom jiġu evalwati fid-dawl ta’ dan il-kuntest speċifiku, inkluż li d-dinja tal-kummerċ hija suġġetta għall-appoġġ lill-politiki ta’ reġim awtoritarju. Fil-fehma tagħha, il-Qorti Ġenerali ma ħaditx inkunsiderazzjoni informazzjoni li tiċċara dan il-kuntest u li l-Kunsill ipprovda fil-kontroreplika quddiem il-Qorti Ġenerali. Ir-Repubblika tal-Latvja tiċċita, b’mod partikolari, artiklu tal-istampa tal‑2012, rapport tal-Bank of Finland Institute for Emerging Economies, kif ukoll dikjarazzjoni ta’ P. Aven dwar l-ambjent ekonomiku Russu u l-involviment tad-deċiżuri fl-iżvilupp tal-imsemmi ambjent. Fl-aħħar nett, b’analoġija mas-sentenza Il‑Kunsill vs Bamba (25), il-Qorti Ġenerali kellha tikkonkludi li, fid-dawl tal-kuntest li jissostanzja r-rabta inseparabbli bejn l-ambjent ekonomiku Russu u l-mexxejja politiċi, il-motivazzjoni tal-atti kkontestati kienet suffiċjenti.
35. Preliminarjament, P. Aven u M. Fridman jissuġġerixxu lill-Qorti tal-Ġustizzja tagħmel użu mill-Artikolu 181 tar-Regoli tal-Proċedura. Barra minn hekk, huma jżommu, prinċipalment, li l-argumenti tar-Repubblika tal-Latvja taħt l-ewwel aggravju tagħha ma humiex ċari u jsostnu li huwa inammissibbli. Sussidjarjament, huma jqisu li l-argumenti tar-rikorrenti jammontaw għal talba lill-Qorti Ġenerali sabiex tissostitwixxi l-motivazzjoni tal-awtur tal-att ikkontestat bil-motivazzjoni tagħha – ħaġa li l-ġurisprudenza ma tippermettix (26). Il-motivazzjoni tal-Kunsill għandha tiġi evalwata biss abbażi tal-provi li jkun qagħad fuqhom il-Kunsill fil-mument li fih ikun ħa d-deċiżjoni tiegħu (27). P. Aven u M. Fridman isostnu li l-Qorti Ġenerali ma tistax tmur lil hinn mill-bażi dokumentali tal-Kunsill sabiex tieħu inkunsiderazzjoni l-funzjonament tar-reġim Russu. Fi kwalunkwe każ, anki li kieku l-Qorti Ġenerali kellha tagħmel tali analiżi, il-konklużjoni kienet tibqa’ l-istess.
2. Analiżi
36. Qabelxejn, għandu jiġi ddikjarat li, għall-kuntrarju ta’ dak li jsostnu P. Aven u M. Fridman, dawn l-appelli la jidhru manifestament inammissibbli u lanqas manifestament infondati, u ma jistgħux jiġu ttrattati permezz ta’ digriet adottat abbażi tal-Artikolu 181 tar-Regoli tal-Proċedura.
37. Għandu jiġi miċħud ukoll l-ilment ibbażat fuq l-inammissibbiltà ta’ dan l-ewwel aggravju. Fil-fatt, għall-kuntrarju ta’ dak li jsostnu P. Aven u M. Fridman, l-argumenti tar-rikorrenti huma kompletament ċari u faċilment jinftiehmu, kif jixhed ukoll il-fatt li P. Aven u M. Fridman waslu sabiex jieħdu pożizzjoni fuq il-mertu tal-imsemmi aggravju sabiex jikkonkludu li huwa infondat.
38. Sa fejn għandu x’jaqsam l-eżami tal-mertu tal-ewwel aggravju, ir-Repubblika tal-Latvja biħsiebha tikkontesta, b’mod ġenerali, il-mod kif il-Qorti Ġenerali għamlet l-analiżi tagħha. Hija tikkritikaha talli iżolat ir-raġunijiet għal inklużjoni u l-provi li suppost jissostanzjawhom u dan meta kellha tagħmel analiżi konġunta u globali tal-imsemmija raġunijiet u provi fid-dawl taċ-ċirkustanzi tagħhom. F’dan is-sens, l-ewwel aggravju huwa marbut mill-qrib mat-tieni aggravju tagħha.
39. Nipproponi li l-argumenti tar-Repubblika tal-Latvja dwar dan l-ewwel aggravju jinġabru f’żewġ kwistjonijiet: l-ewwel nett, il-kwistjoni tat-teħid inkunsiderazzjoni tal-għanijiet li jfittxu li jilħqu l-miżuri restrittivi; it-tieni nett, l-ilment li ġiet injorata l-ġurisprudenza Kadi minħabba eżami iżolat tal-provi u minħabba li ma tteħidx inkunsiderazzjoni l-kuntest estern.
40. L-ewwel nett, fir-rigward tal-argument tar-Repubblika tal-Latvja li l-evalwazzjoni tal-legalità tal-miżuri restrittivi għandha ssir fid-dawl tar-rekwiżiti li jirriżultaw mill-Artikoli 3 u 21 TUE, il-kwistjoni hawnhekk ma hijiex li wieħed jiċħad l-importanza tal-miżuri restrittivi sabiex iseħħu l-għanijiet u l-azzjonijiet tal-Unjoni fix-xena internazzjonali. Madankollu, irrid ngħid li r-reqqa tal-istħarriġ ġudizzjarju li tagħmel il-qorti tal-Unjoni, kif iddefinit mill-ġurisprudenza tal-Qorti tal-Ġustizzja, ukoll tissodisfa rekwiżit normattiv ewlieni peress li din tirriżulta mill-Artikolu 47 tal-Karta tad-Drittijiet Fundamentali. Fi kliem ieħor, anki meta jiġu invokati l-Artikoli 3 u 21 TUE, in-natura kompletament effettiva tal-istħarriġ ġudizzjarju tissussisti.
41. Barra minn hekk, għandu jitfakkar li dan l-istħarriġ ġudizzjarju huwa intiż li jiġi żgurat li l-Kunsill ikun issodisfa l-obbligi tiegħu. F’dan ir-rigward, infakkar li l-Kunsill huwa obbligat, meta jadotta miżuri restrittivi, jirrispetta d-drittijiet fundamentali (28), fosthom id-dritt għal amministrazzjoni tajba, li minnu jirriżulta d-dritt ta’ kull persuna li dak kollu li jirrigwardaha jiġi ttrattat b’mod imparzjali u ġust (29).
42. It-tieni nett, sa fejn għandhom x’jaqsmu l-obbligi tal-Qorti Ġenerali fil-mument li fih tagħti deċiżjoni dwar il-fondatezza tar-raġunijiet għall-inklużjoni jew għaż-żamma ta’ persuna fil-lista ta’ persuni li l-assi tagħhom għandhom jiġu ffriżati, infakkar li hija l-Qorti Ġenerali li għandha tiżgura ruħha li d-deċiżjonijiet ta’ inklużjoni jew ta’ żamma jkunu bbażati fuq bażi fattwali soda biżżejjed. Il-fatti allegati fl-espożizzjoni tar-raġunijiet għandhom jiġu vverifikati u wieħed ma jistax sempliċement jevalwa biss il-verosimiljanza astratta tagħhom. L-informazzjoni u l-provi prodotti mill-Kunsill għandhom ikunu jistgħu jissostanzjaw tal-inqas waħda mir-raġunijiet għal inklużjoni u l-qorti tal-Unjoni għandha tivverifika l-eżattezza materjali tagħhom u tevalwa s-saħħa probatorja tagħhom skont iċ-ċirkustanzi tal-każ u fid-dawl tal-osservazzjonijiet ippreżentati mill-persuna kkonċernata.
43. Barra minn hekk, l-evalwazzjoni tal-legalità tar-raġunijiet għal inklużjoni tista’ ssir ukoll billi l-provi ma jiġux eżaminati b’mod iżolat, iżda jiġu eżaminati fil-kuntest tagħhom, billi l-Kunsill jissodisfa l-oneru tal-prova li jinkombi fuqu kemm‑il darba jipproduċi quddiem il-qorti tal-Unjoni assjem ta’ indizji konkreti, preċiżi u konkordanti biżżejjed sabiex tkun tista’ tiġi stabbilita l-eżistenza ta’ rabta suffiċjenti bejn il-persuna suġġetta għal miżura li tiffriża l-fondi tagħha u r-reġim li kontrih tkun qiegħda tittieħed azzjoni (30). B’hekk, l-użu tal-kuntest jippermetti lill-Kunsill jissodisfa l-oneru tal-prova f’sitwazzjonijiet fejn l-aċċess għall-informazzjoni jkun diffiċli, bħalma huwa l-każ, pereżempju, fis-sentenza Anbouba vs Il‑Kunsill (31).
44. Il-kuntest jista’, bla dubju, jintuża sabiex tiġi evalwata l-legalità tar-raġunijiet għal inklużjoni (32) u wkoll sabiex tiġi evalwata il-fondatezza tar-raġunijiet għal inklużjoni. Mill-banda l-oħra, għad illi l-kuntest jista’ jissostanzja raġuni jew prova, ma jista’ qatt jissostitwixxiha l-waħda jew l-oħra.
45. Fis-sentenza Anbouba vs Il‑Kunsill, ir-raġunijiet għall-inklużjoni tal-persuna kkonċernata kienu jikkonċernaw ċertu numru ta’ indizji marbuta, b’mod partikolari, ma’ ċerti pożizzjonijiet okkupati mill-persuna kkonċernata fl-ekonomija Sirjana. Dawn ir-raġunijiet kienu bbażati fuq fatti li, fil-mument tal-inklużjoni, kienu magħrufa u rilevanti. Ikkunsidrati waħedhom, dawn il-fatti ma kinux juru appoġġ; ikkunsidrati flimkien u ċċarati mill-kuntest tagħhom, huma saru assjem ta’ indizji konkreti, preċiżi u konkordanti biżżejjed sabiex ikun jista’ jiġi stabbilit li din il-persuna kienet tagħti appoġġ ekonomiku lir-reġim Sirjan (33).
46. Fil-fehma tiegħi, id-diffikultà f’dawn l-appelli hija l-fatt li r-raġunijiet għall-inklużjoni ta’ P. Aven u M. Fridman u l-provi li jissostanzjawhom kienu bbażati fuq fatturi li ma setgħux juru appoġġ fis-sens tal-kriterju (a) jew (d) jew vantaġġ fis-sens tal-kriterju (d). Fi kliem ieħor, fi tmiem l-analiżi tal-Qorti Ġenerali fis-sentenzi appellati, ma kien fadal xejn x’jiġi ċċarat mill-kuntest.
47. Il-pożizzjoni tar-Repubblika tal-Latvja hija din li ġejja: peress li P. Aven u M. Fridman huma oligarki Russi, huma setgħu jilħqu tali livell ta’ suċċess ekonomiku biss billi jappoġġjaw jew billi appoġġjaw – u għalhekk billi jieħdu vantaġġ minn – ir-reġim Russu b’mod ġenerali u dak ta’ V. Putin b’mod partikolari.
48. Huwa iktar minn probabbli li din id-dikjarazzjoni hija waħda fattwalment korretta.
49. Xorta jibqa’ l-fatt li l-istandard Ewropew ta’ protezzjoni ġudizzjarja huwa iktar eżiġenti u li jekk l-istħarriġ għandu jkun wieħed komplet, għandu jieħu inkunsiderazzjoni l-kontenut tal-kriterji għal inklużjoni u jiżgura ruħu li r-raġunijiet għal inklużjoni, il-provi li jissostanzjawhom u l-kriterju nnifsu jkunu jallinjaw flimkien. L-istħarriġ komplet ma jistax jiġi rrikonċiljat ma’ preżunzjoni li tirreferi għall-kuntest.
50. Interpretazzjoni tal-provi fid-dawl tal-kuntest ma tistax tkun talment kostruttiva li twassal sabiex jiġi żnaturat il-kriterju nnifsu.
51. Barra minn hekk, ir-retroxena li tat ir-Repubblika tal-Latvja, li tirriproduċi parzjalment dik li tirriżulta mill-kontroreplika tal-Kunsill quddiem il-Qorti Ġenerali, ma tistax taħbi l-fatt li dan il-kuntest ma ġiex irrapportat fl-atti kontenzjużi (34). Għalhekk, il-Kunsill kien obbligat iġib raġunijiet preċiżi u konkreti – jekk ikun il-każ, assjem ta’ indizji konkreti, preċiżi u konkordanti – marbuta ma’ fatti li jistgħu jikkaratterizzaw aġir bħal dak li jirreferu għalih il-kriterji (a) u (d), kif fakkart fil-bidu tal-analiżi.
52. Għalhekk, fil-fehma tiegħi, il-Qorti Ġenerali ġustament iddeċidiet li d-diversi raġunijiet stabbiliti fil-punt 44 tas-sentenzi appellati, għad illi setgħu jistabbilixxu xi forma ta’ qrubija ma’ V. Putin jew mal-enturaġġ tiegħu, ma kinux jippermettu li jintwera la li P. Aven u M. Fridman kienu appoġġjaw azzjonijiet jew politiki li jikkompromettu l-Ukraina, fis-sens tal-kriterju (a), u lanqas li huma kienu ħadu vantaġġ minn dawn id-deċiżuri fis-sens tal-kriterju (d) (35).
53. Sa fejn il-kriterji kkunsidrati huma ta’ natura ġenerali u d-dispożizzjonijiet li jistabbilixxuhom ma fihom ebda definizzjoni ta’ xi jfisser “appoġġ” lill-azzjonijiet jew politiki li jdgħajfu jew jheddu l-integrità territorjali, is-sovranità u l-indipendenza tal-Ukraina, ta’ xi jfisser “appoġġ materjali jew finanzjarju lid-deċiżuri Russi responsabbli għall-annessjoni tal-Krimea jew għad-destabbilizzazzjoni tal-Ukraina” jew xi tfisser li “wieħed jieħu vantaġġ” mill-imsemmija deċiżuri, u lanqas ma jippreċiżaw kif għandhom jiġu prodotti dawn il-provi, ma hemm ebda raġuni, fil-fehma tiegħi, għaliex wieħed għandu jitbiegħed mil-linja ġurisprudenzjali li l-evalwazzjoni tal-fondatezza tal-inklużjoni ta’ persuna fil-lista ta’ persuni u ta’ entitajiet li huma s-suġġett ta’ miżuri restrittivi teħtieġ dejjem provi li juru li l-persuna kkonċernata tat appoġġ ekonomiku lir-reġim jew li hija bbenefikat minn dan tal-aħħar (36). Fil-fatt, mill-formulazzjoni tal-kriterji (a) u (d) ma tirriżulta ebda preżunzjoni ta’ appoġġ lir-reġim Russu, jew ta’ vantaġġ meħud mingħand id-deċiżuri Russi, sempliċement minħabba l-istatus ta’ P. Aven u M. Fridman fl-ekonomija Russa (37).
54. Sa fejn għandu x’jaqsam l-argument ibbażat fuq il-fatt li l-istħarriġ ġudizzjarju tal-miżuri restrittivi huwa stħarriġ li jinqasam fi tliet stadji, kif deskritti mill-appellanti, ninnota li dan ma jsib ebda sostenn fil-ġurisprudenza tal-Qorti tal-Ġustizzja.
55. B’mod partikolari, id-dikjarazzjoni li, għalkemm ebda waħda mir-raġunijiet ikkunsidrata għaliha nnifisha ma tista’ tiġġustifika l-inklużjoni, hija l-Qorti Ġenerali li għandha teżamina l-provi kollha, qajla tista’, fil-fehma tiegħi, tiġi rrikonċiljata mal-prinċipju, imtenni kemm‑il darba, li jekk il-qorti tal-Unjoni tqis li, tal-inqas, waħda mir-raġunijiet imsemmija hija preċiża u konkreta biżżejjed, li hija ssostanzjata u li hija fiha nnifisha bażi suffiċjenti sabiex issostni din id-deċiżjoni, il-fatt li r-raġunijiet l-oħra ma jkunux hekk ma jistax jiġġustifika l-annullament tal-imsemmija deċiżjoni (38). Jekk raġuni waħda tista’ tkun biżżejjed, jeħtieġ li, tal-inqas, raġuni waħda tkun fondata. Issa, f’sitwazzjoni fejn ebda waħda mir-raġunijiet ma tkun issostanzjata, il-konklużjoni ta’ analiżi li tikkunsidrahom flimkien ma tistax tkun differenti.
56. Sa fejn għandu x’jaqsam l-argument ibbażat fuq is-sentenza National Iranian Oil Company vs Il‑Kunsill, dan ma jreġix. Ir-Repubblika tal-Latvja biħsiebha ssostni li l-Qorti tal-Ġustizzja aċċettat, fil-punt 78 ta’ dik is-sentenza, li l-kuntest “estern” huwa għodda għad-dispożizzjoni tal-Qorti Ġenerali sabiex din tkun tista’ tevalwa l-provi meta dawn ikunu inseparabbli minn sitwazzjoni partikolari u meta l-Kunsill jiltaqa’ ma’ diffikultajiet fil-ġbir tal-provi, kif inhu l-każ fil-kuntest Russu.
57. Issa, minn naħa, fil-punt 78 tas-sentenza National Iranian Oil Company vs Il‑Kunsill, għalkemm il-Qorti tal-Ġustizzja aċċettat il-possibbiltà li wieħed jirreferi għall-kuntest fl-interpretazzjoni ta’ deċiżjonijiet adottati fil-qasam tal-politika estera u ta’ sigurtà komuni, dan huwa possibbli fil-kuntest tal-eżami tal-legalità tal-kriterji għal inklużjoni, u mhux ukoll ta’ dak tal-provi li jissostanzjaw ir-raġunijiet għal inklużjoni. Min-naħa l-oħra, mis-sentenzi appellati ma jirriżultax li l-Kunsill kellu l-ħsieb li jallega li ltaqa’ ma’ diffikultajiet fil-ksib tal-provi (39).
58. Dwar l-argument li l-Qorti Ġenerali kellha tieħu inkunsiderazzjoni l-kuntest estern tal-miżuri restrittivi li jikkonċernaw lil P. Aven u M. Fridman u li l-informazzjoni pprovduta mill-Kunsill fil-kontroreplika tiegħu quddiem il-Qorti Ġenerali kellha tittieħed inkunsiderazzjoni bħala prova li tista’ turi li, fid-dawl tal-kuntest, il-motivazzjoni tal-atti kkontestati kienet waħda suffiċjenti, jidher ċar li dan l-argument jitnissel minn konfużjoni ta’, minn naħa, l-istħarriġ tal-osservanza tal-obbligu ta’ motivazzjoni u, min-naħa l-oħra, l-eżami tal-fondatezza tal-inklużjoni, li jeħtieġ li jiġi vverifikat jekk il-provi prodotti mill-Kunsill għall-finijiet tal-inklużjoni humiex stabbiliti u jekk jistgħux jiġġustifikaw l-adozzjoni ta’ dawn il-miżuri (40). Issa, l-istħarriġ li għamlet il-Qorti Ġenerali fiż-żewġ sentenzi appellati kien jikkonċerna biss dan l-eżami.
59. Għar-raġunijiet kollha premessi, nipproponi li l-ewwel aggravju jiġi miċħud bħala infondat.
C. Fuq it-tieni aggravju fil-Kawżi C‑440/24 P u C‑441/24 P, ibbażat fuq żnaturament tal-provi prodotti mill-Kunsill
1. Sunt tal-argumenti tal-partijiet
60. Permezz tat-tieni aggravju tagħha li hija tqis li jorbot mill-qrib mal-ewwel wieħed, ir-Repubblika tal-Latvja, sostnuta mill-intervenjenti, targumenta, essenzjalment, li l-Qorti Ġenerali żnaturat il-provi prodotti mill-Kunsill billi ma eżaminathomx fil-kuntest tagħhom.
61. Sa fejn għandu x’jaqsam il-punt 74 tas-sentenza Aven vs Il‑Kunsill, l-interpretazzjoni adottata tal-provi Nri 3 u 7 kienet tmur kontra l-għan li jfittxu li jilħqu l-miżuri adottati mill-Kunsill u l-kwistjoni jekk sanzjonijiet Amerikani ġewx finalment adottati jew le ma hijiex rilevanti għall-finijiet tad-determinazzjoni tal-valur probatorju tal-provi prodotti mill-Kunsill li kienu intiżi li jixħtu dawl fuq ir-relazzjoni mill-qrib bejn P. Aven u V. Putin u l-fatt li P. Aven sar parti integrali mir-reġim Russu.
62. Sa fejn għandhom x’jaqsmu l-provi Nri 4 u 12, il-Qorti Ġenerali interpretat il-fatti b’mod mekkaniku filwaqt li kemm il-Kummissjoni ta’ Inkjesta “Salié”, kif ukoll il-lobbying ta’ V. Putin affavur ta’ Alfa Bank, wieħed mill-banek privati Russi ewlenin, juru li P. Aven kellu, minn żmien, relazzjonijiet mill-qrib u speċjali mar-reġim Russu, kif ukoll appoġġ reċiproku u inseparabbli.
63. Il-provi Nri 10 u 11 kienu juru mill-ġdid il-qrubija bejn P. Aven u V. Putin peress li kienet ikkonċernata t-tifla ta’ dan tal-aħħar.
64. Sa fejn għandhom x’jaqsmu l-provi Nri 2 u 3, dawn jixhdu l-parteċipazzjoni ta’ P. Aven fl-isforzi tal-Kremlin sabiex jitneħħew is-sanzjonijiet tal-Punent u l-involviment ta’ P. Aven f’numru ta’ diskussjonijiet mal-Gvern Russu.
65. Minn dawn il-provi kollha jirriżulta li P. Aven ma jaġixxix indipendentement mill-Gvern Russu iżda, għall-kuntrarju, jagħmel parti mir-reġim Russu li miegħu huwa marbut b’mod inseparabbli u li, bħala diplomatiku, ma setax jinjora l-politiki, id-direzzjonijiet u l-prijoritajiet ta’ dan ir-reġim. Ir-responsabbiltajiet u l-kompiti mogħtija lil P. Aven jixhdu dan.
66. Sa fejn għandhom x’jaqsmu l-provi Nri 8 u 9, eżami ta’ dawn il-provi fil-kuntest tagħhom kien jippermetti lill-Qorti Ġenerali tikkonstata li dan ma kienx is-sempliċi eżerċizzju ta’ rimedju legali ggarantit kostituzzjonalment, u dan fid-dawl tat-tnaqqir tal-Istat tad-dritt u tal-indipendenza tal-Prosekutur Ġenerali u tal-konċentrazzjoni tas-setgħat f’idejn il-President Russu. Il-Qorti Ġenerali jidher li kienet iktar konvinta mill-valur probatorju ta’ parir legali li jevalwa l-ittra li P. Aven bagħat lill-President Russu mingħajr ma ħadet inkunsiderazzjoni l-kundizzjonijiet li taħthom ingħata dan il-parir.
67. Sa fejn għandha x’taqsam is-sentenza Fridman vs Il‑Kunsill, ir-Repubblika tal-Latvja tqis li l-Qorti Ġenerali żbaljat meta ċaħdet il-valur probatorju tal-prova Nru 7 li turi, madankollu, lobbying ta’ V. Putin affavur ta’ Alfa Group Turkija li jippremja l-lealtà ta’ Alfa Group – konglomerat li twaqqaf fl‑1989 u li jinkludi lil Alfa Bank –, mar-reġim Russu. Issa, tali lobbying juri b’mod ċar li M. Fridman kellu, minn żmien, relazzjonijiet mill-qrib u speċjali mar-reġim Russu. Għall-kuntrarju ta’ dak li ddeċidiet il-Qorti Ġenerali fil-punt 49 tas-sentenza Fridman vs Il‑Kunsill, ir-raġuni bbażata fuq appoġġ politiku fl‑2005 għandu jittieħed inkunsiderazzjoni sabiex tiġi ġġustifikata l-inklużjoni ta’ M. Fridman.
68. Billi l-provi Nri 1 u 2 kienu jikkonċernaw il-kwalità ta’ M. Fridman bħala azzjonist biljunarju ta’ Alfa Bank, il-Qorti Ġenerali, għal darba oħra, injorat il-kuntest usa’ li hija kellha tieħu inkunsiderazzjoni (41), minkejja li dawn il-provi kienu jistabbilixxu l-istatus ta’ M. Fridman fl-ekonomija Russa.
69. Il-qrubija ta’ M. Fridman mal-President Russu tidher ukoll mill-provi Nri 5 u 6.
70. Il-prova Nru 2 turi b’mod ċar li M. Fridman ipparteċipa fl-isforzi tal-Kremlin sabiex jitneħħew is-sanzjonijiet tal-Punent. Huwa ssostanzjat li M. Fridman ma jaġixxix indipendentement mill-Gvern Russu iżda, għall-kuntrarju, jagħmel parti mir-reġim Russu li miegħu huwa marbut b’mod inseparabbli. Bħala diplomatiku tiegħu, huwa ma jistax jinjora l-politiki, id-direzzjonijiet u l-prijoritajiet ta’ dan ir-reġim. Ir-responsabbiltajiet u l-kompiti fdati lil M. Fridman jissostanzjaw relazzjonijiet mill-qrib u inseparabbli bejn V. Putin u M. Fridman.
71. Fl-aħħar nett, huwa l-eżami tal-provi kollha li kien ivvizzjat peress li l-Qorti Ġenerali kkunsidrathom biss minn lenti fundamentalment alterata.
72. P. Aven u M. Fridman jsostnu, prinċipalment, li dan it-tieni aggravju huwa inammissibbli u, sussidjarjament, li huwa wkoll manifestament infondat.
2. Analiżi
73. Għandha titfakkar il-ġurisprudenza stabbilita tal-Qorti tal-Ġustizzja li, skont l-Artikolu 256(1) TFUE u l-ewwel paragrafu tal-Artikolu 58 tal-Istatut tal-Qorti tal-Ġustizzja tal-Unjoni Ewropea, l-appell huwa limitat għall-kwistjonijiet ta’ liġi. Il-Qorti Ġenerali għandha ġurisdizzjoni esklużiva sabiex, minn naħa, tikkonstata l-fatti, ħlief fil-każ fejn l-ineżattezza materjali tal-konstatazzjonijiet tagħha tkun tirriżulta mill-atti tal-proċess li jkunu ġew ippreżentati quddiemha u sabiex, min-naħa l-oħra, tevalwa dawn il-fatti kif ukoll il-provi. L-evalwazzjoni ta’ dawn il-fatti u provi ma tikkostitwixxix, għalhekk, kwistjoni ta’ liġi suġġetta, bħala tali, għall-istħarriġ tal-Qorti tal-Ġustizzja fl-istadju ta’ appell, ħlief f’każ li dawn jiġu żnaturati. Barra minn hekk, meta appellant jallega li l-Qorti Ġenerali żnaturat il-fatti jew il-provi, huwa jrid jindika preċiżament il-provi li jkunu ġew żnaturati minn din tal-aħħar u juri l-iżbalji ta’ analiżi li, fil-fehma tiegħu, ikunu wasslu għal dan l-iżnaturament. Fl-aħħar nett, żnaturament għandu juri b’mod manifest in-natura żbaljata tal-evalwazzjoni tal-provi eżistenti, mingħajr ma jkun meħtieġ li ssir evalwazzjoni ġdida tal-fatti u tal-provi (42).
74. Għall-kuntrarju ta’ dak li jsostnu P. Aven u M. Fridman, it-tieni aggravju huwa ammissibbli peress li l-argumenti tar-Repubblika tal-Latvja jissodisfaw ir-rekwiżiti li għadni kif fakkart, peress li din tal-aħħar issostni, b’mod preċiż u ddettaljat, li l-Qorti Ġenerali żnaturat sensiela sħiħa ta’ provi minħabba l-fatt li ma ħaditx inkunsiderazzjoni l-kuntest tagħhom.
a) Fuq l-allegazzjoni ta’ żnaturament tal-provi li jikkonċernaw lil P. Aven
75. Sa fejn għandhom x’jaqsmu l-provi li jirriżultaw mid-dokumenti Nri 3 u 7, il-Qorti Ġenerali eżaminat ir-raġuni li P. Aven kellu laqgħa ma’ V. Putin fl‑2016 fejn dan tal-aħħar avżah bil-possibbiltà li l-Istati Uniti tadotta sanzjonijiet addizzjonali kontrih jew kontra Alfa Bank. Il-Qorti Ġenerali qieset, għalhekk, li dawn il-provi kienu intiżi li juru li P. Aven kien ħa vantaġġ mid-deċiżuri Russi fis-sens tal-kriterju (d) (43). Madankollu, il-Qorti Ġenerali kkonkludiet, fil-punt 74 tas-sentenza Aven vs Il‑Kunsill, li, minkejja li P. Aven ma huwiex jikkontesta l-fatti, mill-proċess tal-provi ma kienx jirriżulta li s-sanzjonijiet Amerikani addizzjonali kienu ġew finalment adottati.
76. Issa, is-sempliċi informazzjoni ta’ eventwalità, mingħajr ma jkun ittieħed vantaġġ b’mod konkret, ma tqisitx li setgħet tistabbilixxi l-vantaġġ u l-fatt li l-kuntest ikun ittieħed inkunsiderazzjoni ma jibdilx din il-konklużjoni. Il-kriterju (d) ma huwiex ifformulat fis-sens li jkopri s-sempliċi possibbiltà ta’ vantaġġ. Għandu jiġi kkonstatat li l-konklużjoni li waslet għaliha l-Qorti Ġenerali fil-punt 74 tas-sentenza Aven vs Il‑Kunsill ma hijiex manifestament żbaljata u, għaldaqstant, ma tikkostitwixxix żnaturament.
77. Kif issostni r-Repubblika tal-Latvja, huwa ċertament possibbli li wieħed isostni li effettività aqwa tal-miżuri restrittivi u ssodisfar iktar rapidu tal-għanijiet li huma jfittxu li jilħqu jippermettu l-inklużjoni ta’ persuni inkluż f’tali każijiet. Madankollu, huwa l-Kunsill li għandu jifformula l-kriterju f’dan is-sens.
78. Sa fejn għandhom x’jaqsmu l-provi li jirriżultaw mid-dokumenti Nri 4 u 12, ir-Repubblika tal-Latvja tikkritika lill-Qorti Ġenerali talli interpretat il-fatti b’mod mekkaniku. Insibha bi tqila nifhem kif interpretazzjoni mekkanika tal-fatti – jiġifieri qrib iżżejjed tal-fatti – jista’ jirriżulta li hija manifestament żbaljata.
79. Fi kwalunkwe każ u fl-ewwel lok, fir-rigward tar-raġuni bbażata fuq il-fatt li V. Putin ippremja lil Alfa Group, li P. Aven huwa azzjonist importanti tiegħu, għal-lealtà tiegħu billi, fl‑2005, ta appoġġ politiku lill-pjanijiet ta’ investiment tal-grupp fit-Turkija, il-Qorti Ġenerali qieset li din ir-raġuni kienet intiża li tistabbilixxi li P. Aven ħa vantaġġ mid-deċiżuri Russi fis-sens tal-kriterju (d). Il-Qorti Ġenerali ddeċidiet li d-deċiżuri Russi li jagħtu l-vantaġġi msemmija f’dan il-kriterju kellhom ikunu bdew il-preparazzjonijiet għall-annessjoni tal-Krimea u għad-destabbilizzazzjoni tal-Ukraina sabiex ikun jista’ jitqies li l-benefiċjarji tal-imsemmija vantaġġi ma setgħux ma kinux jafu bl-involviment ta’ dawn id-deċiżuri f’dawn il-preparazzjonijiet. Peress li qieset li dawn il-politiki u dawn l-azzjonijiet ġew implimentati b’effett mill-aħħar ta’ Frar 2014, il-Qorti Ġenerali ddeċidiet li r-raġuni għall-appoġġ politiku li nkiseb fl‑2005 ma setax jittieħed inkunsiderazzjoni. Il-kwistjoni jekk l-evalwazzjoni tal-Qorti Ġenerali li tirriżulta mill-punt 48 tas-sentenza Aven vs Il‑Kunsill hijiex fondata hija kwistjoni ta’ liġi li hija s-suġġett tat-tielet aggravju, li għall-analiżi tiegħu qiegħed nirreferi. Sa fejn għandu x’jaqsam il-kumplament tal-evalwazzjoni tal-prova Nru 12, ma ġie żvelat ebda żnaturament minħabba li ma tteħidx inkunsiderazzjoni l-kuntest.
80. Fit-tieni lok, il-Qorti Ġenerali ddeċidiet ukoll li r-raġuni bbażata fuq il-fatt li P. Aven kien għen lil V. Putin fil-kuntest tal-Kummissjoni ta’ Inkjesta Salié kienet intiża li tistabbilixxi appoġġ materjali jew finanzjarju lid-deċiżuri Russi fis-sens tal-kriterju (d).
81. Filwaqt li kkonstatat li l-fatti kienu jmorru lura għas-snin 1991 u 1992, il-Qorti Ġenerali ċaħdet din ir-raġuni billi qieset li din kienet tikkonċerna perijodu mbiegħed wisq minn dak tal-inklużjoni u taż-żamma ta’ P. Aven sabiex ikun jista’ jittieħed inkunsiderazzjoni, b’mod partikolari għaliex f’din id-data, il-preparazzjonijiet għall-annessjoni tal-Krimea u għad-destabbilizzazzjoni tal-Ukraina ma kinux bdew. It-teħid inkunsiderazzjoni tal-kuntest ma jistax ibiddel tali konklużjoni.
82. Bla ħsara tal-eżami tat-tielet aggravju, għandu jiġi konkluż li ma hemmx żnaturament sa fejn għandhom x’jaqsmu l-provi Nri 4 u 12.
83. Sa fejn għandhom x’jaqsmu l-provi li jirriżultaw mid-dokumenti Nri 8 u 9, għandu jiġi nnotat, qabelxejn, li l-analiżi tal-Qorti Ġenerali ma kkonċernatx il-prova Nru 9 (44).
84. Fir-rigward tar-raġuni li P. Aven kiteb ittra lil V. Putin sabiex jilmenta dwar deċiżjoni tal-Qorti ta’ Arbitraġġ ta’ Moska mogħtija fil-kuntest ta’ proċedura li tikkonċerna l-interessi tal-impriża tiegħu u li V. Putin ta istruzzjonijiet lill-Prosekutur Ġenerali tar-Russja sabiex jinvestiga din l-affari, il-Qorti Ġenerali qieset li din kienet intiża li turi li P. Aven kien ħa vantaġġ mid-deċiżuri Russi, fis-sens tal-kriterju (d) (45).
85. Il-prova Nru 8 hija artiklu li deher fuq sit Internet fl‑2019 li l-kontenut tiegħu huwa ddettaljat fil-punt 62 tas-sentenza Aven vs Il‑Kunsill. Mill-punt ta’ wara ta’ dik is-sentenza jirriżulta li P. Aven ma huwiex jikkontesta din l-informazzjoni.
86. Madankollu, il-Qorti Ġenerali ma qisitx li tali prova setgħet tikkaratterizza vantaġġ, fis-sens tal-kriterju (d), peress li l-possibbiltà li wieħed jindirizza lill-President Russu f’dawn iċ-ċirkustanzi u għal dan il-għan hija prevista fil-kostituzzjoni u li mill-prova Nru 8 ma setax jiġi stabbilit li P. Aven kien ħa vantaġġ partikolari minn dan il-proċess.
87. Jaf jidher aktarx inġenwu li wieħed iqis li, fl-aħħar mill-aħħar, il-fatti rrapportati mill-prova Nru 8 ma huma xejn ħlief l-eżerċizzju ta’ rimedju legali u dan meta l-Federazzjoni Russa ma għadhiex Stat tad-dritt. Nifhem perfettament dak li r-Repubblika tal-Latvja qiegħda tipprova tiddefendi bl-argumenti tagħha. Madankollu, fil-fehma tiegħi, dan jagħmel in-nuqqas tal-Kunsill wieħed saħansitra iktar sfaċċat. Kien il-Kunsill li kellu jwettaq il-motiv bi provi li jistgħu juru n-nuqqas ta’ separazzjoni tal-poteri, in-nuqqas ta’ indipendenza ġudizzjarja jew it-tnaqqir tal-Istat tad-dritt, sabiex nuża kliem l-appellanti, ħaġa li huwa probabbli li seta’ jasal għaliha faċilment.
88. Għalhekk, l-evalwazzjoni tal-Qorti Ġenerali tal-prova Nru 8 ma jidhirx li twassal għal żnaturament.
89. Fl-aħħar nett, sa fejn għandu x’jaqsam il-valur probatorju tal-parir legali li pproduċa P. Aven, għandu jiġi kkonstatat li r-Repubblika tal-Latvja qiegħda taqra ħażin il-punt 66 tas-sentenza Aven vs Il‑Kunsill, peress li minn dan il-punt sempliċement jirriżulta li l-fatt biss li parti tkun ipproduċiet dokument għall-finijiet tad-difiża tagħha ma jistax ineħħilu kull valur probatorju. Li kellu jiġi deċiż mod ieħor, jiġri li l-mezzi ta’ difiża tal-persuni kkonċernati jitnaqqsu kunsiderevolment. Tali dokument jidher li għandu saħħa probatorja relattiva, ħaġa li l-Qorti Ġenerali rrikonoxxiet perfettament. Fi kwalunkwe każ, ma huwiex abbażi ta’ dan il-parir biss li l-Qorti Ġenerali kkonkludiet li r-raġuni ma kinitx issostanzjata. Fil-fatt, il-Qorti Ġenerali qieset li l-fatti stabbiliti mill-Kunsill ma kinux biżżejjed sabiex jintwera li t-talba ta’ P. Aven u l-konsegwenzi tagħha kienu jikkostitwixxu vantaġġ li jmur lil hinn mill-eżerċizzju ta’ rimedju ordinarju mhux biss minħabba l-parir legali prodott, iżda wkoll minħabba l-informazzjoni disponibbli fuq is-sit Internet tal-presidenza Russa (46). Il-prova Nru 8 ġiet imqabbla ma’ provi kuntrarji – liema tqabbil huwa l-veru prinċipju ta’ drittijiet tad-difiża –, iżda, madankollu, ma ġietx żnaturata.
90. Sa fejn għandhom x’jaqsmu l-provi Nri 10 u 11, dawn kienu jfittxu li jissostanzjaw ir-raġuni li kienu jeżistu rabtiet bejn Alfa Group u V. Putin minħabba t-tifla ta’ dan tal-aħħar (47).
91. Minn dawn il-provi jirriżulta li t-tifla l-kbira ta’ V. Putin ħadet ħsieb proġett karitatevoli mmexxi miċ-ċentru ta’ riċerka li fiha hija kellha dottorat u li kellu l-għan li jgħin lil tfal morda. Dan il-proġett kien iffinanzjat minn Alfa Bank (48).
92. Kien mingħajr ma żnaturat dawn il-provi li l-Qorti Ġenerali ddeċidiet li dawn ma kinux biżżejjed la sabiex jiġi stabbilit għemil ta’ appoġġ materjali jew finanzjarju, jew vantaġġ meħud minn P. Aven fil-kuntest tar-relazzjonijiet tiegħu ma’ V. Putin fis-sens tal-kriterju (d) (49), u lanqas sabiex jintwera appoġġ fis-sens tal-kriterju (a), peress li r-relazzjonijiet li jista’ jkun hemm ma’ bint V. Putin jistgħu, l-iktar l-iktar, jissostanzjaw ċerta qrubija bejn P. Aven u dan tal-aħħar. Issa, la mill-kriterju (a) u lanqas mill-kriterju (d) ma jirriżulta li s-sempliċi qrubija ma’ deċiżuri Russi tikkostitwixxi raġuni għal inklużjoni.
93. Sa fejn għandhom x’jaqsmu l-provi Nri 2 u 3, ir-Repubblika tal-Latvja ssostni, essenzjalment, li dawn il-provi juru li P. Aven ma jaġixxix indipendentement mill-Gvern Russu, li minnu jagħmel parti, għaliex huwa marbut miegħu b’mod inseparabbli.
94. Tali argument ma jikkonvinċix li l-provi Nri 2 u 3 ġew żnaturati peress li r-raġuni għall-inklużjoni ta’ P. Aven ma hijiex il-fatt li huwa jappartjeni lill-Gvern Russu u lanqas il-fatt li huwa għandu relazzjoni tant mill-qrib ma’ dan tal-aħħar li ma jistax jiġi sseparat minnu. Infakkar li l-uniċi kriterji li eżaminat il-Qorti Ġenerali fis-sentenza Aven vs Il‑Kunsill huma l-kriterji (a) u (d) u li l-assoċjazzjoni għandha bażi legali oħra (50).
95. Barra minn hekk, mill-prova Nru 2 jirriżulta li l-laqgħa f’Washington DC saret fl‑2018, jiġifieri 4 snin qabel l-adozzjoni tal-atti inizjali. Fid-dawl tad-distanza temporali li tifred dan l-avveniment mill-ewwel inklużjoni ta’ P. Aven (51), dan il-fatt waħdu ma setax isostni n-natura kurrenti tal-aġir ikkritikat fil-mument tal-inklużjoni (52).
96. Għalhekk, għandu jiġi konkluż li ma kien hemm ebda żnaturament sa fejn għandhom x’jaqsmu l-provi li jikkonċernaw lil P. Aven.
b) Fuq l-allegazzjoni ta’ żnaturament tal-provi li jikkonċernaw lil M. Fridman
97. Sa fejn għandhom x’jaqsmu l-ilmenti bbażati fuq żnaturament tal-provi Nri 7, 5 u 6, nirreferi, mutatis mutandis, għall-analiżi tiegħi ta’ dawn il-provi sa fejn dawn kienu jikkonċernaw lil P. Aven.
98. Sa fejn għandhom x’jaqsmu l-provi Nri 1 u 2, ir-Repubblika tal-Latvja ssostni li l-kwalità ta’ M. Fridman bħala azzjonist biljunarju kienet stabbilita. Il-Qorti Ġenerali allegatament injorat, b’mod partikolari fil-punt 53 tas-sentenza Fridman vs Il‑Kunsill, il-kuntest li minnu jirriżulta li din il-kwalità waħedha hija biżżejjed sabiex jiġi stabbilit appoġġ lil azzjonijiet politiċi fis-sens tal-kriterju (a), jew appoġġ lid-deċiżuri Russi jew vantaġġ meħud mingħand dawn tal-aħħar fis-sens tal-kriterju (d). Dawn il-provi jistabbilixxu l-istatus ta’ M. Fridman fi ħdan l-ekonomija Russa u l-pożizzjoni tiegħu fi ħdan ir-reġim Russu.
99. Dawn l-argumenti jirriflettu b’mod ċar l-ewwel aggravju, li qiegħed nirreferi għall-analiżi tiegħu.
100. Mill-punt 51 tas-sentenza Fridman vs Il-Kunsill jirriżulta li l-provi Nri 1 u 2 jindikaw li M. Fridman huwa azzjonist importanti ta’ Alfa Group li jinkludi lil Alfa Bank li M. Fridman huwa wkoll azzjonist tiegħu. M. Fridman huwa indikat bħala wieħed mill-biljunarji tal-grupp u wieħed mill-mexxejja ta’ Alfa Group.
101. Il-Qorti Ġenerali ma żnaturat ebda prova billi ddeduċiet minn dawn il-provi li huma kienu jistabbilixxu li M. Fridman kien azzjonist importanti ta’ Alfa Group (53) u lanqas ma żnaturathom billi qabblithom mal-kriterji għal inklużjoni sabiex tiddeduċi minn dan li huma ma setgħux jissostanzjaw li M. Fridman kien appoġġja azzjonijiet jew politiki fis-sens tal-kriterju (a) jew ta appoġġ materjali jew finanzjarju lid-deċiżuri Russi jew ħa vantaġġ minn dawn tal-aħħar fis-sens tal-kriterju (d) (54). Fil-fatt, fin-nuqqas ta’ provi fl-atti kontenzjużi li jistgħu jistabbilixxu rabta bejn il-pożizzjoni li jokkupa negozjant fl-ekonomija Russa u l-eżistenza neċessarja ta’ appoġġ sabiex jirnexxilu jokkupa din il-pożizzjoni u sabiex jibqa’ jokkupaha, il-fatti ssostanzjati mill-provi Nri 1 u 2 ma jikkorroborawx ir-raġunijiet għal inklużjoni u jidhru skonnessi mill-kriterji (a) u (d) li huma l-uniċi li mmotivaw l-inklużjoni ta’ M. Fridman fil-lista ta’ persuni li l-assi tagħhom għandhom jiġu ffriżati.
102. Mill-analiżi kollha premessa jirriżulta li t-tieni aggravju għandu jiġi miċħud minħabba n-natura infondata tiegħu.
D. Fuq it-tielet aggravju fil-Kawżi C‑440/24 P u C‑441/24 P, ibbażat fuq żball ta’ liġi fl-interpretazzjoni u fl-applikazzjoni tal-kriterju (d)
103. Ir-Repubblika tal-Latvja, sostnuta fl-argumenti tagħha mir-Repubblika tal-Estonja u mir-Repubblika tal-Litwanja, taqsam dan it-tielet aggravju f’żewġ partijiet. Permezz tal-ewwel parti, hija tikkritika lill-Qorti Ġenerali talli ddeċidiet li l-kriterju (d) seta’ japplika biss kemm‑il darba d-deċiżuri Russi jkunu diġà bdew il-preparazzjonijiet għall-annessjoni tal-Krimea jew għad-destabbilizzazzjoni tal-Ukraina. It-tieni parti hija bbażata fuq żball ta’ liġi sa fejn, fil-fehma tagħha, il-Qorti Ġenerali ma ħaditx inkunsiderazzjoni r-rabta inseparabbli bejn ir-reġim Russu u l-oligarki.
1. Fuq l-ewwel parti tat-tielet aggravju
104. Ir-Repubblika tal-Latvja ssostni, essenzjalment, li l-Qorti Ġenerali adottat interpretazzjoni stretta wisq tas-sentenza Rotenberg vs Il‑Kunsill (55) li tmur kontra l-ġurisprudenza dwar l-evalwazzjoni tal-validità tar-raġunijiet għal inklużjoni. Tali evalwazzjoni teżiġi li l-provi jiġu eżaminati fil-kuntest tagħhom. Barra minn hekk, minn din il-ġurisprudenza jirriżulta li l-Kunsill jissodisfa l-oneru tal-prova li jinkombi fuqu jekk jirreferi għal assjem ta’ indizji konkreti, preċiżi u konkordanti li jippermettu li tiġi stabbilita rabta suffiċjenti bejn il-persuna kkonċernata u r-reġim (56). Jekk il-provi kellhom jiġu kkunsidrati biss mill-mument li fih id-deċiżuri jkunu bdew il-preparazzjonijiet għall-annessjoni tal-Krimea u għad-destabbilizzazzjoni tal-Ukraina, il-kuntest tal-miżuri restrittivi ma jitteħidx inkunsiderazzjoni. L-azzjonijiet u l-politiki msemmija fil-kriterju (d) kienu ppjanati qabel l‑2014. Barra minn hekk, is-sentenza Rotenberg vs Il‑Kunsill ma għandhiex tiġi applikata għall-miżuri adottati wara t‑22 ta’ Frar 2022. Qabel ma r-Russja invadiet lill-Ukraina, il-kriterju rilevanti kien dak ta’ “appoġġ attiv”. Id-Deċiżjoni 2022/329 emendat il-kriterju li issa jsemmi biss appoġġ. Il-ġurisprudenza ċċitata iktar ’il fuq tikkonċerna għalhekk kriterju għal inklużjoni differenti.
105. P. Aven u M. Fridman isostnu li din l-ewwel parti hija parzjalment inammissibbli, peress li sa dakinhar ir-Repubblika tal-Latvja qatt ma sostniet li l-politiki u l-azzjonijiet tar-Russja kienu diġà ppjanati qabel l-aħħar ta’ Frar 2014. Għall-bqija, P. Aven u M. Fridman isostnu li din il-parti hija infondata.
106. L-argument ibbażat fuq l-inammissibbiltà ta’ din l-ewwel parti għandu jiġi miċħud, peress li l-Qorti tal-Ġustizzja ddeċidiet ripetutament li appellant jista’ jippreżenta appell billi jinvoka aggravji li jirriżultaw mis-sentenza appellata u li jkunu intiżi li jikkritikaw, fid-dritt, il-fondatezza tagħha (57). Jista’, għalhekk, jitqies li l-kritika tal-appellanti hija intiża li tikkontesta l-interpretazzjoni tal-Qorti Ġenerali tas-sentenza Rotenberg vs Il‑Kunsill għall-finijiet tad-determinazzjoni tal-portata tal-kriterju (d).
107. Fil-mertu, fil-punt 48 tas-sentenzi appellati, il-Qorti Ġenerali qieset li, sabiex il-kriterju (d) ikun jista’ japplika, id-deċiżuri Russi li mingħandhom ikunu ttieħdu l-vantaġġi li jgawdu l-persuni kkonċernati għandhom, tal-inqas, ikunu diġà bdew il-preparazzjonijiet għall-annessjoni tal-Krimea jew għad-destabbilizzazzjoni tal-Lvant tal-Ukraina. Il-Qorti Ġenerali ddeċidiet li huwa biss mill-mument li fih id-deċiżuri jkunu bdew dawn il-preparazzjonijiet li jista’ jitqies li l-benefiċjarji tal-imsemmija vantaġġi kienu jafu bl-involviment tad-deċiżuri u setgħu jobsru li r-riżorsi tagħhom ikunu fil-mira ta’ miżuri restrittivi sabiex dawn jinżammu milli jagħtu appoġġ lill-imsemmija deċiżuri. Mis-sentenza Rotenberg vs Il‑Kunsill li tgħid li l-politiki u l-attivitajiet imsemmija ġew implimentati mill-aħħar ta’ Frar 2014, il-Qorti Ġenerali ddeduċiet minn dan li r-raġuni bbażata fuq appoġġ politiku fl‑2005 mogħti minn V. Putin ma setgħetx – anki li kellu jitqies li tassew ingħata – tittieħed inkunsiderazzjoni sabiex tiġi ġġustifikata l-inklużjoni ta’ P. Aven u M. Fridman fil-listi kontenzjużi (58).
108. Mill-formulazzjoni tal-kriterju (d) jirriżulta li dan jirreferi għall-persuni fiżiċi li “jappoġġaw, b’mod materjali jew finanzjarju, jew li jibbenefikaw minn persuni Russi li jieħdu d-deċiżjonijiet responsabbli għall-annessjoni tal-Krimea jew għad-destabbilizzazzjoni tal-Ukrajna” jew li “jibbenefikaw minn persuni Russi li jieħdu [dawn] [i]d-deċiżjonijiet”. Kif iddeċidiet il-Qorti Ġenerali fil-punt 42 tas-sentenzi appellati, “[dan] il-kriterju jkopri b’mod immirat u selettiv il-persuni fiżiċi [...] li, minkejja li ma jkollhom, bħala tali, ebda rabta mal-annessjoni tal-Krimea jew mad-destabbilizzazzjoni tal-Ukraina” [traduzzjoni mhux uffiċjali], jagħtu tali appoġġ jew jieħdu tali vantaġġ minn dawn id-deċiżuri, peress li dawn iż-żewġ fatturi ma humiex kumulattivi. Il-Qorti Ġenerali ddeċidiet ukoll b’mod korrett li l-imsemmi kriterju “ma jeħtieġx li l-persuni [...] personalment jieħdu vantaġġ mill-annessjoni tal-Krimea jew mid-destabbilizzazzjoni tal-Ukraina” (59) [traduzzjoni mhux uffiċjali], iżda huwa biżżejjed li huma jieħdu vantaġġ minn wieħed mid-deċiżuri Russi responsabbli għal dawn l-avvenimenti mingħajr ma jkun meħtieġ li tiġi stabbilita rabta bejn il-vantaġġi u l-imsemmija avvenimenti.
109. Id-definizzjoni adottata mill-Qorti Ġenerali tal-kriterju (d) tidher li hija waħda korretta.
110. Mill-formulazzjoni tal-kriterju (d) jirriżulta li l-appoġġ materjali u finanzjarju għandu jkun ingħata lid-deċiżuri Russi responsabbli għall-annessjoni tal-Krimea jew għad-destabbilizzazzjoni tal-Ukraina. Il-vantaġġ għandu jkun ittieħed mingħand dawn l-istess deċiżuri. Issa, sabiex l-imsemmija deċiżuri – li lanqas ma huma ddeterminati – ikunu jistgħu jitqiesu bħala responsabbli, jeħtieġ li l-fatt li huma jkunu nżammu responsabbli jkun effettivament seħħ.
111. Abbażi tas-sentenza Rotenberg vs Il‑Kunsill, il-Qorti Ġenerali ddeċidiet li l-“politiki u attivitajiet” li jsemmi l-kriterju (d) ġew implimentati mill-aħħar ta’ Frar 2014 (60), mingħajr ma tat deċiżjoni dwar id-data li b’effett minnha seta’ jitqies li d-deċiżuri Russi kienu ppreparaw l-annessjoni tal-Krimea u d-destabbilizzazzjoni tal-Ukraina. Madankollu, il-Qorti Ġenerali, billi qieset li l-provi relatati mal-Kummissjoni ta’ Inkjesta Salié (sa fejn għandu x’jaqsam P. Aven) u dawk relatati mal-appoġġ politiku mogħti fl‑2005 minn V. Putin lill-investiment barrani ta’ Alfa Group (sa fejn għandhom x’jaqsmu P. Aven u M. Fridman) ma setgħux jissostanzjaw l-inklużjoni ta’ P. Aven u M. Fridman taħt l-imsemmi kriterju minħabba l-fatt li dawn kienu seħħew fi żmien meta l-preparazzjonijiet għall-annessjoni tal-Krimea u għad-destabbilizzazzjoni tal-Ukraina ma kinux inbdew, neċessarjament iddatat il-bidu tal-preparazzjonijiet għall-annessjoni tal-Krimea u għad-destabbilizzazzjoni tal-Ukraina wara l‑2005.
112. Mingħajr ma jkun meħtieġ, fil-fehma tiegħi, li l-Qorti tal-Ġustizzja tiddeċiedi dwar id-data eżatta li fiha bdew il-preparazzjonijiet għal dawn l-avvenimenti, għandu jiġi kkonstatat dan li ġej.
113. Il-Qorti tal-Ġustizzja diġà ddeċidiet li l-“Kunsill [...] jista’ jieħu inkunsiderazzjoni, sabiex jevalwa jekk persuna tissodisfax kriterju ta’ inklużjoni bħall-kriterju (a) jew il-kriterju (d), informazzjoni jew provi relatati ma’ ċirkustanzi preċedenti għad-data ta’ adozzjoni tal-att li jimponi jew iżomm miżuri restrittivi, sa fejn din l-informazzjoni jew provi jsostnu l-motivi li jsostnu dan l-att u jikkontribwixxu sabiex jiġi stabbilit li, minkejja li għadda ż-żmien u fid-dawl taċ-ċirkustanzi rilevanti kollha speċifiċi għal kull każ, il-persuna kkonċernata tissodisfa l-kriterju ta’ inklużjoni inkwistjoni [...]. B’mod partikolari, ma jistax jiġi eskluż li tali informazzjoni u provi jistgħu jittieħdu inkunsiderazzjoni sabiex tiġi stabbilita, fid-dawl tal-kriterju ta’ inklużjoni kkonċernat, kontinwità bejn, minn naħa, is-sitwazzjoni preċedenti tal-persuna kkonċernata u, min-naħa l-oħra, is-sitwazzjoni attwali tagħha” (61).
114. B’hekk, l-assjem ta’ indizji konkreti, preċiżi u konkordanti biżżejjed li jippermettu li tiġi stabbilita rabta suffiċjenti bejn il-persuna fil-mira tal-miżuri ta’ ffriżar ta’ fondi u r-reġim li kontrih tkun qiegħda tittieħed azzjoni li jista’ jipproduċi l-Kunsill jista’, ċertament, ikun ibbażat fuq provi antiki, li jippreċedu d-data tal-adozzjoni tal-atti ta’ inklużjoni kemm‑il darba, fi kwalunkwe każ, tkun stabbilita wkoll kontinwità bejn dawn il-provi u s-sitwazzjoni dakinhar tal-inklużjoni.
115. Inżid ngħid li, kif irrilevat il-Qorti Ġenerali fir-rigward tal-kriterju (a) (62), il-kriterju (d) jimplika, bl-użu tal-preżent indikattiv, li l-appoġġ materjali jew finanzjarju jkun qiegħed jingħata lid-deċiżuri Russi responsabbli dakinhar tal-inklużjoni u taż-żamma. L-istess japplika għall-vantaġġ meħud.
116. B’hekk, minkejja li l-appoġġ politiku mogħti fl‑2005 minn V. Putin lil Alfa Group fl-investiment barrani tiegħu kellu jitqies li seħħ f’perijodu li fih kienu bdew il-preparazzjonijiet għall-annessjoni tal-Krimea u għad-destabbilizzazzjoni tal-Ukraina, xorta jibqa’ l-fatt li l-Kunsill kellu jistabbilixxi li, minkejja li għadda ż-żmien, P. Aven u M. Fridman komplew jieħdu vantaġġ minnu, fis-sens tal-kriterju (d), fil-mument tal-inklużjoni u taż-żamma tagħhom.
117. Għaldaqstant, din l-ewwel parti tat-tielet aggravju hija, fil-fehma tiegħi, ineffettiva.
2. Fuq it‑tieni parti tat‑tielet aggravju
118. Permezz tat-tieni parti ta’ dan l-aggravju, ir-Repubblika tal-Latvja ssostni, essenzjalment, li l-Qorti Ġenerali interpretat b’mod strett wisq l-espressjoni “jibbenefikaw” [jieħdu vantaġġ] li tirriżulta mill-kriterju (d). Il-qrubija għad-deċiżuri Russi diġà hija vantaġġ fil-kuntest Russu minħabba r-rabta inseparabbli bejn il-gvern Russu u l-elit Russu. L-ambjent ekonomiku Russu u l-eżempji ta’ kooperazzjoni ta’ P. Aven u M. Fridman ma’ V. Putin huma żewġ indizji ta’ din is-sitwazzjoni. Ir-rabta inseparabbli bejn l-ambjent ekonomiku Russu u l-mexxejja politiċi ġiet enfasizzata mill-Kunsill fil-punti 89 u 91 tar-risposta tiegħu quddiem il-Qorti Ġenerali u fil-punti 14 u 16 tal-kontroreplika tiegħu quddiem il-Qorti Ġenerali. Il-provi eżaminati flimkien mal-informazzjoni misluta mill-kuntest jixhdu rabta inseparabbli bejn P. Aven u M. Fridman, minn naħa, u d-deċiżuri Russi, min-naħa l-oħra. Din il-qrubija ġiet żvelata u rrikonoxxuta, b’mod partikolari fil-punt 45 tas-sentenzi appellati. Hija sostnuta wkoll mill-eżerċizzju fuq perijodu twil ta’ attivitajiet li għandhom l-effett li jsostnu jew li jagħtu vantaġġ lil V. Putin, kif juru l-provi Nri 3, 4, 10 u 11 sa fejn għandu x’jaqsam P. Aven u Nri 2, 5 u 6 sa fejn għandu x’jaqsam M. Fridman. L-appoġġ ta’ P. Aven u M. Fridman lil V. Putin ippermetielhom jiksbu trattament preferenzjali. Anki jekk il-provi Nru 12 sa fejn għandu x’jaqsam P. Aven u Nru 7 sa fejn għandu x’jaqsam M. Fridman jaqgħu taħt perijodu rrilevanti, huma jipprovdu informazzjoni dwar il-qagħda tar-relazzjoni tagħhom mad-deċiżuri Russi, dwar il-qrubija tagħhom ma’ dawn tal-aħħar u dwar il-vantaġġi li huma ħadu mingħandhom. Din il-qrubija, li nżammet fuq medda twila ta’ żmien, kienet tippermetti li jiġi appoġġjat l-investiment, li tingħata għajnuna sabiex jiġu mmanuvrati proċeduri pendenti u li jingħataw pariri u informazzjoni minn V. Putin.
119. Min-naħa tagħhom, P. Aven u M. Fridman iqisu li, fil-punt 84 tas-sentenza Aven vs Il‑Kunsill u fil-punt 66 tas-sentenza Fridman vs Il‑Kunsill, il-Qorti Ġenerali sempliċement ikkonkludiet li allegazzjoni partikolari kienet infondata fid-dawl tal-kriterju (d), wara li ċaħdet il-fondatezza ta’ din l-istess allegazzjoni fid-dawl tal-kriterju (a). Mill-bqija, din il-parti ma tagħmel ebda kritika fid-dritt u hija sempliċement intiża li l-Qorti tal-Ġustizzja tintalab tagħmel eżami ġdid tal-fatti.
120. Sa fejn ir-Repubblika tal-Latvja biħsiebha terġa’ tittratta l-evalwazzjoni tal-provi Nri 3, 4, 10, 11 u 12 sa fejn għandu x’jaqsam P. Aven u Nri 2, 5, 6 u 7 sa fejn għandu x’jaqsam M. Fridman, nirreferi għall-analiżi tat-tieni aggravju.
121. Għall-bqija, infakkar li l-kriterju (d) jistabbilixxi raġuni għal inklużjoni minħabba vantaġġ li għandu jittieħed mill-persuna kkonċernata mingħand id-deċiżuri Russi u li n-natura konkreta tiegħu għandha tiġi ssostanzjata. L-argument tal-appellanti huwa li l-provi li jistabbilixxu li P. Aven u M. Fridman huma qrib dawn id-deċiżuri għandhom jitqiesu li jissostanzjaw vantaġġ fis-sens tal-kriterju (d). F’dan ir-rigward, infakkar li mill-formulazzjoni tal-kriterju (d) ma jirriżultax li l-qrubija hija raġuni għal inklużjoni. Dan lanqas ma jirriżulta mill-ambjent regolatorju immedjat tad-dispożizzjoni li tipprevedi l-imsemmi kriterju.
122. Peress li l-kriterju (d) huwa fformulat b’mod ġenerali u ma fih ebda preċiżazzjonijiet dwar kif għandhom jiġu prodotti dawn il-provi, l-evalwazzjoni tal-fondatezza tal-inklużjoni ta’ persuna fil-lista tal-persuni suġġetti għal miżuri restrittivi teħtieġ dejjem provi li juru li l-persuna kkonċernata ħadet vantaġġ mid-deċiżuri Russi (63).
123. Għall-kuntrarju ta’ dak li ssostni r-Repubblika tal-Latvja, ma teżisti ebda preżunzjoni, fil-formulazzjoni ta’ dan il-kriterju, li l-qrubija mad-deċiżuri Russi neċessarjament twassal għal vantaġġi fis-sens tal-kriterju (d). L-argument tar-Repubblika tal-Latvja huwa intiż li juri n-natura inseparabbli tar-rabta bejn il-Gvern Russu u l-elit ekonomiku Russu li possibbilment inżammet mar-reġim minn personalitajiet li jokkupaw pożizzjoni ekonomika ewlenija fir-Russja (64). Iżda l-oneru tal-prova li jinkombi fuq il-Kunsill ma jikkonċernax din ir-rabta inseparabbli. Kien il-Kunsill li kellu jipproduċi provi, f’perijodu ta’ żmien rilevanti, ta’ benefiċċju individwali li P. Aven u M. Fridman kienu qegħdin igawdu bis-saħħa tad-deċiżuri Russi.
124. Issa, il-punt 89 tar-risposta tal-Kunsill quddiem il-Qorti Ġenerali fil-kawża Aven vs Il-Kunsill (65) jippreżenta l-kontenut tal-artikolu li jikkostitwixxi l-prova Nru 1 f’taqsima ta’ din ir-risposta ddedikata għall-kredibbiltà u għall-affidabbiltà tal-provi. Mill-punt 21 tas-sentenzi appellati jirriżulta li dan l-artikolu jistabbilixxi l-kontroll ta’ Alfa Group minn P. Aven u M. Fridman u l-fatt li ttieħdu passi legali kontrihom għal allegazzjonijiet ta’ korruzzjoni u ta’ aġir illegali. L-appell ma jikkontestax din il-produzzjoni tad-dokument Nru 1. La l-kontroll ta’ Alfa Group u lanqas l-allegazzjonijiet ta’ korruzzjoni jew ta’ aġir illegali ma jidhru li jistgħu jikkaratterizzaw vantaġġ meħud mingħand deċiżuri Russi fis-sens tal-kriterju (d).
125. Fir-rigward tal-punt 91 tar-risposta tal-Kunsill quddiem il-Qorti Ġenerali fil-kawża Aven vs Il‑Kunsill (66), dan jirreferi għall-Anness A.23 tar-rikors ta’ P. Aven quddiem il-Qorti Ġenerali u għall-Anness B.13 tar-risposta tal-Kunsill quddiem il-Qorti Ġenerali f’din il-kawża (67) li tirreferi għas-saħħa ekonomika, jew saħansitra dik politika ta’ P. Aven u M. Fridman, permezz ta’ dikjarazzjonijiet li wkoll huma ta’ natura ġenerali u li ma jikkonċernawx perijodu qrib dak tal-inklużjoni.
126. Sa fejn għandhom x’jaqsmu l-punti 14 u 16 tal-kontrorepliki tal-Kunsill quddiem il-Qorti Ġenerali fil-kawżi Aven vs Il‑Kunsill u Fridman vs Il‑Kunsill, dawn jagħmlu dikjarazzjonijiet ġenerali dwar ir-rabtiet eżistenti bejn il-Kremlin u l-oligarki Russi li, minkejja li għamilhom P. Aven (68), ma jgħidu xejn dwar in-natura konkreta u individwali tal-vantaġġ meħud minnu. L-istess konstatazzjoni tapplika għall-qari tal-punt 16 tal-imsemmija kontrorepliki.
127. Mill-premess jirriżulta li l-Qorti Ġenerali ma għamlet ebda żball ta’ liġi meta kkonkludiet li ċerti raġunijiet setgħu possibbilment jistabbilixxu li P. Aven u M. Fridman huma qrib id-deċiżuri Russi responsabbli – li xi drabi dan lanqas biss ma ġie kkontestat – mingħajr ma jirnexxilhom juru li dawn ħadu vantaġġ minn dawn id-deċiżuri Russi, fis-sens tal-kriterju (d).
128. Kieku kellu jiġi deċiż mod ieħor, jiġifieri li kellu l-vantaġġ neċessarjament jirriżulta mill-pożizzjoni tal-persuna fl-ekonomija Russa mingħajr ebda prova oħra, wieħed jista’ jiddubita jekk teżistix differenza bejn il-kriterju (d) u l-kriterju (g) (69).
129. Fir-rigward tan-natura inseparabbli invokata, din, fil-fehma tiegħi, tirreferi wkoll għal kriterju ieħor, li ġie miċħud mill-Qorti Ġenerali fis-sentenzi appellati mingħajr ma dan ġie kkontestat fl-istadju tal-appelli (70).
130. Għalhekk, nipproponi li l-Qorti tal-Ġustizzja tiddeċiedi li din it-tieni parti hija infondata, u, għaldaqstant, li tiddeċiedi li t-tielet aggravju huwa infondat.
E. Fuq ir-raba’ aggravju fil-Kawżi C‑440/24 P u C‑441/24 P, ibbażat fuq żball ta’ liġi sa fejn il-Qorti Ġenerali ma eżaminatx fil-kuntest l-allegazzjoni dwar in-nuqqas ta’ distakkament
131. Ir-Repubblika tal-Latvja, sostnuta mir-Repubblika tal-Estonja u mir-Repubblika tal-Litwanja, targumenta, essenzjalment, li l-Qorti Ġenerali interpretat ħażin il-ġurisprudenza msemmija fil-punt 82 tas-sentenza Aven vs Il‑Kunsill u fil‑punt 64 tas-sentenza Fridman vs Il‑Kunsill (71) peress li ma eżaminatx l-allegazzjoni tal-Kunsill li P. Aven u M. Fridman ma ddistakkawx ruħhom mir-reġim Russu fil-kuntest ta’ provi oħra. Id-distakkament ta’ persuna mir-reġim Russu huwa wieħed mill-mezzi li permezz tagħhom persuna suġġetta għal miżuri restrittivi tkun tista’ tillimita l-applikabbiltà tagħhom. L-effett li jipproduċi d-distakkament jiġġustifika li dan tal-aħħar jiġi interpretat b’mod strett, jiġifieri l-waqfien ta’ kull appoġġ lir-reġim ikkonċernat jew kooperazzjoni miegħu li jirriżultaw minn għażla tal-persuna fil-mira tal-miżuri restrittivi li l-konsegwenzi tagħha ma jkunux jistgħu jiġu rrimedjati fil-futur qarib. Għalkemm ir-Repubblika tal-Latvja tirrikonoxxi li n-nuqqas ta’ distakkament ma jistax jiġġustifika, waħdu, l-introduzzjoni ta’ miżuri restrittivi, il-ġurisprudenza tal-Qorti Ġenerali tiddistingwi bejn każijiet partikolari. Il-provi prodotti mill-Kunsill juru rabta tant mill-qrib bejn P. Aven u M. Fridman, minn naħa, u r-reġim, min-naħa l-oħra, li, fin-nuqqas ta’ distakkament minn dan tal-aħħar, ma jkunx possibbli li jitneħħew il-miżuri restrittivi. Għalhekk, il-Qorti Ġenerali ma evalwatx in-nuqqas ta’ distakkament ta’ P. Aven u M. Fridman mir-reġim Russu fis-sitwazzjoni partikolari ta’ persuni bi status speċjali fi ħdan dan ir-reġim u fil-kuntest tar-rabta inseparabbli bejn ir-reġimi politiċi u ekonomiċi Russi. In-nuqqas ta’ azzjoni ta’ tali persuni ma jistax jiġi kkunsidrat ħlief appoġġ lir-reġim. Ir-Repubblika tal-Latvja żżid tgħid li l-parteċipazzjoni ta’ P. Aven fil-laqgħa tal-oligarki wara l-invażjoni tal-Ukraina, li sejjaħ V. Putin fl‑24 ta’ Frar 2022, huwa wkoll fattur li għandu jittieħed inkunsiderazzjoni. Ir-Repubblika tal-Latvja tistieden lill-qrati tal-Unjoni jifhmu l-portata tal-isfida fis-sitwazzjoni ġeopolitika kurrenti u jikkonstataw li evalwazzjoni tas-sitwazzjoni formali biss u iżolata mill-kuntest tagħha ma hijiex adattata għal din l-isfida.
132. Wara li fakkru li huma kienu jagħmlu parti mill-ftit negozjanti Russi li wrew ruħhom pubblikament kontra l-gwerra, P. Aven u M. Fridman isostnu, l-ewwel nett, li s-sentenza msemmija fil-punt 82 tas-sentenza Aven vs Il‑Kunsill u fil-punt 64 tas-sentenza Fridman vs Il‑Kunsill ma timponi ebda obbligu li jiġi eżaminat l-argument tal-Kunsill li huma ma ddistakkawx ruħhom mir-reġim Russu. Minn dawn l-istess punti jirriżulta, madankollu, li l-Qorti Ġenerali eżaminat l-argument tal-Kunsill sabiex tikkonkludi li l-allegat nuqqas li tittieħed pożizzjoni kontra l-invażjoni tal-Ukraina ma setgħetx titqies bħala għemil ta’ appoġġ fis-sens tal-kriterju (a). Fi kwalunkwe każ, P. Aven u M. Fridman jikkunsidraw dan ir-raba’ aggravju bħala superfluwu peress li l-kritika tal-Kunsill li l-punti 82 u 64 tas-sentenzi appellati jwieġbu għaliha ma tistax tikkontesta l-evalwazzjoni li għamlet il-Qorti Ġenerali tal-prova dwar il-parteċipazzjoni tagħhom f’delegazzjoni mibgħuta Washington. Peress li l-bqija tal-aggravju hija biss stedina ġdida lill-Qorti tal-Ġustizzja sabiex tagħmel eżami mill-ġdid tal-fatti, P. Aven u M. Fridman jitolbu li dan l-aggravju jiġi miċħud bħala parzjalment inammissibbli u bħala parzjalment manifestament infondat.
133. L-eċċezzjoni ta’ inammissibbiltà li jqajmu P. Aven u M. Fridman għandha tiġi miċħuda minnufih. Fil-fatt, ir-Repubblika tal-Latvja ma hijiex titlob lill-Qorti tal-Ġustizzja tagħmel eżami ġdid tal-fatti. Ir-raba’ aggravju jikkonċerna l-kwistjoni ta’ liġi jekk in-nuqqas ta’ distakkament jistax jiġi kklassifikat bħala “appoġġ” fl-istħarriġ tal-fondatezza tal-inklużjoni fil-lista tal-persuni li għandhom ikunu suġġetti għal miżuri restrittivi taħt il-kriterju (a) (72). Fir-rigward tal-klassifikazzjoni ġuridika ta’ tali astensjoni fid-dawl tal-kriterju (a), l-aggravju għandu jitqies ammissibbli.
134. Fuq il-mertu, mis-sentenzi appellati jirriżulta li l-Qorti Ġenerali eżaminat l-argument tal-Kunsill li P. Aven u M. Fridman ma kinux ħadu pożizzjoni ċara kontra l-invażjoni tal-Ukraina fil-kuntest tal-analiżi tar-raġuni li huma kienu pparteċipaw fl-isforzi tal-Kremlin sabiex ineħħu s-sanzjonijiet tal-Punent billi pparteċipaw fil-laqgħa tal-Atlantic Council f’Mejju 2018. Infakkar li l-Qorti Ġenerali kkunsidrat li din il-parteċipazzjoni ma setgħetx tikkostitwixxi appoġġ (73), fil-jum li fih ġew adottati l-atti inizjali, ta’ P. Aven u M. Fridman lill-azzjonijiet u politiki li jikkompromettu s-sovranità tal-Ukraina.
135. Il-Qorti Ġenerali fakkret li n-nuqqas ta’ distakkament seta’ jkun fattur li għandu jittieħed inkunsiderazzjoni “insostenn taż-żamma ta’ miżuri restrittivi” (74) kemm‑il darba dan in-nuqqas ikun jikkostitwixxi biss wieħed mill-indizji tal-assjem li l-Kunsill kellu jipproduċi. Is-sentenza reċenti tal-Qorti tal-Ġustizzja fil-kawża Timchenko vs Il‑Kunsill donnha tikkonferma dan (75). Issa, f’dan l-istadju tal-analiżi tal-Qorti Ġenerali, ebda waħda mir-raġunijiet eżaminati ma kienet tidher issostanzjata. Għaldaqstant, li jiġi deċiż mod ieħor minn kif għamlet il-Qorti Ġenerali fil-punt 82 tas-sentenza Aven vs Il‑Kunsill u fil-punt 64 tas-sentenza Fridman vs Il‑Kunsill kien neċessarjament iwassal sabiex in-nuqqas ta’ distakkament jinftiehem bħala aġir individwali ekwivalenti għal għemil pożittiv u attwali ta’ appoġġ. Issa, din ma hijiex il-portata tal-kriterju (a) u r-Repubblika tal-Latvja tirrikonoxxi dan (76).
136. L-argument tal-Kunsill dwar in-nuqqas ta’ distakkament ma jistax ikollu l-effett li jtawwal l-effetti tal-allegat appoġġ mill‑2018 sal-jum tal-inklużjoni.
137. Għalkemm nifhem l-impenn tal-appellanti li jseħħu l-għanijiet imfittxija mill-miżuri restrittivi li hija ttenni hawnhekk, tali seħħ tal-imsemmija għanijiet ma jistax jiġġustifika li n-nuqqas ta’ distakkament mir-reġimi jew mis-sitwazzjonijiet li tittieħed azzjoni kontrihom ikun per se, b’mod awtomatiku, kolpevoli jew, fi kwalunkwe każ, jikxef appoġġ fis-sens tal-kriterju (a), b’mod partikolari minħabba l-fatt li dawn ir-reġimi huma ġeneralment ikkaratterizzati mir-repressjoni brutali ta’ kull espressjoni ta’ opinjoni kuntrarja.
138. Barra minn hekk, fil-fehma tiegħi, bażi fattwali kkostitwita biss min-nuqqas ta’ distakkament ma hijiex soda biżżejjed u ma tissodisfax l-istandards stabbiliti mill-ġurisprudenza (77).
139. Fl-aħħar nett, sa fejn għandha x’taqsam il-parteċipazzjoni ta’ P. Aven fil-laqgħa tal‑24 ta’ Frar 2022 fil-Kremlin, din ma tissemmiex fir-raġunijiet imfissra fl-atti kontenzjużi. Bħala prova, hija setgħet tissostanzja r-raġuni dwar l-istatus ta’ P. Aven (78) bħala oligarka minħabba l-qrubija tiegħu mal-Kremlin u l-kollużjoni bejn l-isferi politiċi u ekonomiċi li turi tali parteċipazzjoni, iżda kien appoġġ li kien jeħtieġ jiġi stabbilit. Il-parteċipazzjoni f’din il-laqgħa tagħti wkoll wieħed x’jifhem li P. Aven huwa assoċjat ma’ persuni fil-mira ta’ miżuri restrittivi, iżda l-Qorti Ġenerali ddeċidiet li mill-motivazzjoni tal-atti kontenzjużi kien jirriżulta li l-uniċi kriterji li abbażi tagħhom ġiet deċiża l-inklużjoni ta’ P. Aven u M. Fridman huma l-kriterji (a) u (d) (79). Fuq kollox, mill-punt 144 tar-risposta tal-Kunsill quddiem il-Qorti Ġenerali jirriżulta li l-Kunsill semma l-parteċipazzjoni ta’ P. Aven fil-laqgħa tal‑24 ta’ Frar 2022 sabiex essenzjalment jikkontradixxi t-tentattivi ta’ dan tal-aħħar li jiċħad li huwa kien jagħmel parti mill-grupp tal‑50 oligarki.
140. Għalhekk, nipproponi li r-raba’ aggravju jiġi miċħud minħabba n-natura infondata tiegħu.
F. Osservazzjonijiet konklużivi
141. Mill-analiżi tiegħi tal-appelli f’dawn il-kawżi magħquda jirriżulta li dawn tal-aħħar għandhom jiġu miċħuda. Għalhekk, għandu jiġi kkonstatat li, kif iddeċidiet il-Qorti Ġenerali, l-atti kontenzjużi inkludew u sussegwentement żammew, bla ebda raġuni, lil P. Aven u lil M. Fridman fil-listi tal-persuni suġġetti għal miżuri restrittivi.
142. Il-preminenza tad-dritt tal-Unjoni, tal-komunità bbażata fuq l-Istat tad-dritt li huwa jistabbilixxi u tal-valuri tal-Unjoni li huwa jirrappreżenta għandhom jiġu affermati mill-ġdid b’mod akkanit meta l-belliġerenti jiġu jħabbtulna biebna.
143. Għandu jingħad ċar u tond li dak li kien mistenni mill-Kunsill la huwa standard eċċessiv u lanqas prova impossibbli (80). L-analiżi tal-Qorti Ġenerali fis-sentenzi appellati hija bi qbil mal-impenn tal-Qorti tal-Ġustizzja fis-sentenza Kadi li tagħmel stħarriġ komplet tal-miżuri restrittivi u li żżomm bilanċ ġust. Malli jiġu adottati deċiżjonijiet individwali li jimponu miżuri restrittivi fuq individwi, il-faċċata politika ta’ dawn il-miżuri tixxaqqaq u b’hekk id-dritt tal-Unjoni jkun jista’ jipproteġi bis-sħiħ lill-individwu. U din il-protezzjoni ma tistax tvarja skont l-importanza ekonomika jew politika tal-persuni kkonċernati, u lanqas skont il-kwistjonijiet ineżami (81).
IV. Fuq l-ispejjeż
144. Skont l-Artikolu 138(1) tar-Regoli tal-Proċedura tal-Qorti tal-Ġustizzja, li, bis-saħħa tal-Artikolu 184 tal-istess regoli, japplika għall-proċedura tal-appell, il-parti li titlef il-kawża għandha tiġi kkundannata għall-ispejjeż, kemm‑il darba dawn ikunu ntalbu.
145. Peress li P. Aven u M. Fridman talbu li r-Repubblika tal-Latvja tiġi kkundannata għall-ispejjeż, din tal-aħħar hija kkundannata għall-ispejjeż fil-Kawżi magħquda C‑440/24 P u C‑441/24 P.
146. Skont l-Artikolu 140(1) tar-Regoli tal-Proċedura, li, bis-saħħa tal-Artikolu 184 ta’ dawn ir-regoli, japplika wkoll għall-proċedura tal-appell, ir-Repubblika tal-Estonja u r-Repubblika tal-Litwanja għandhom ibatu l-ispejjeż rispettivi tagħhom.
V. Konklużjoni
147. Fid-dawl tal-kunsiderazzjonijiet premessi, nipproponi li l-Qorti tal-Ġustizzja taqta’ u tiddeċiedi kif ġej:
(1) L-appelli huma miċħuda.
(2) Ir-Repubblika tal-Latvja hija kkundannata għall-ispejjeż f’dawn il-kawżi magħquda.
(3) Ir-Repubblika tal-Estonja u r-Repubblika tal-Litwanja għandhom ibatu l-ispejjeż tagħhom.
1 Lingwa oriġinali: il-Franċiż.
2 Sentenza tal‑10 ta’ April 2024 (T‑301/22, iktar ’il quddiem is-“sentenza Aven vs Il‑Kunsill”, EU:T:2024:214).
3 Sentenza tal‑10 ta’ April 2024 (T‑304/22, iktar ’il quddiem is-“sentenza Fridman vs Il‑Kunsill”, EU:T:2024:215).
4 Deċiżjoni tal-Kunsill (PESK) 2022/329 tal‑25 ta’ Frar 2022 li temenda d-Deċiżjoni 2014/145/PESK dwar miżuri restrittivi fir-rigward ta’ azzjonijiet li jipperikolaw jew jheddu l-integrità territorjali, is-sovranità u l-indipendenza tal-Ukrajna (ĠU 2022, L 50, p. 1).
5 Regolament ta’ Implimentazzjoni tal-Kunsill (UE) 2022/336 tat‑28 ta’ Frar 2022 li jimplimenta r-Regolament (UE) Nru 269/2014 dwar miżuri restrittivi fir-rigward ta’ azzjonijiet li jdgħajfu jew jheddu l-integrità territorjali, is-sovranità u l-indipendenza tal-Ukrajna (ĠU 2022, L 58, p. 1, rettifika fil-ĠU 2022, L 67, p. 113)
6 Deċiżjoni tal-Kunsill (PESK) 2022/1530 tal‑14 ta’ Settembru 2022 li temenda d-Deċiżjoni 2014/145/PESK dwar miżuri restrittivi fir-rigward ta’ azzjonijiet li jdgħajfu jew jheddu l-integrità territorjali, is-sovranità u l-indipendenza tal-Ukrajna (ĠU 2022, L 239, p. 149).
7 Regolament ta’ Implimentazzjoni tal-Kunsill (UE) 2022/1529 tal‑14 ta’ Settembru 2022 li jimplimenta r-Regolament (UE) Nru 269/2014 dwar miżuri restrittivi fir-rigward ta’ azzjonijiet li jdgħajfu jew jheddu l-integrità territorjali, is-sovranità u l-indipendenza tal-Ukrajna (ĠU 2022, L 239, p. 1).
8 Ara l-punti 39 et seq. tas-sentenza Aven vs Il‑Kunsill.
9 Ara l-punt 87 tas-sentenza Aven vs Il‑Kunsill.
10 Ara l-punt 69 tas-sentenza Fridman vs Il‑Kunsill.
11 Skont id-deċiżjoni tal-President tal-Qorti tal-Ġustizzja tal‑31 ta’ Jannar 2025.
12 Sentenza tat‑18 ta’ Lulju 2013, Il‑Kummissjoni et vs Kadi (C‑584/10 P, C‑593/10 P u C‑595/10 P, iktar ’il quddiem is-“sentenza Kadi”, EU:C:2013:518).
13 Ara r-Riżoluzzjoni tal-Assemblea Ġenerali tan-Nazzjonijiet Uniti intitolata “Aggressjoni kontra l-Ukraina” tal‑1 ta’ Marzu 2022 (A/ES‑11/L.1).
14 Ara s-sentenza tal‑25 ta’ Ġunju 2020, VTB vs Il‑Kunsill (C‑729/18 P, EU:C:2020:499, punti 59 u 82).
15 B’hekk, il-Qorti tal-Ġustizzja ddeċidiet – għad illi f’qasam differenti ħafna – li “anki stħarriġ ġudizzjarju ta’ portata limitata jirrikjedi li l-istituzzjonijiet tal-Unjoni, awturi tal-att inkwistjoni, ikunu f’pożizzjoni li jistabbilixxu quddiem il-Qorti tal-Ġustizzja li l-att kien ġie adottat permezz ta’ eżerċizzju effettiv tas-setgħa diskrezzjonali tagħhom, li jippreżupponi t-teħid inkunsiderazzjoni tal-elementi u taċ-ċirkustanzi kollha rilevanti tas-sitwazzjoni li dan l-att kien intiż li jirregola. Minn dan jirriżulta li dawn l-istituzzjonijiet għandhom, tal-inqas, ikunu f’pożizzjoni li jipprovdu u jesponu b’mod ċar u mhux ekwivoku d-data bażika li kellha tittieħed inkunsiderazzjoni sabiex fuqha jiġu bbażati l-miżuri kkontestati tal-imsemmi att u li fuqha kien jiddependi l-eżerċizzju tas-setgħa diskrezzjonali tagħhom” (sentenza tat‑3 ta’ Diċembru 2019, Ir‑Repubblika Ċeka vs Il‑Parlament u Il‑Kunsill (C‑482/17, EU:C:2019:1035, punt 81, kif ukoll il-ġurisprudenza ċċitata)).
16 Sentenza tal‑1 ta’ Awwissu 2025, Timchenko vs Il‑Kunsill (C‑702/23 P, EU:C:2025:605, punt 38). Ara, fl-istess sens, il-punt 30 tas-sentenzi appellati.
17 Sentenza tal‑1 ta’ Awwissu 2025, Timchenko vs Il‑Kunsill (C‑702/23 P, EU:C:2025:605, punt 39 u l-ġurisprudenza ċċitata). Ara, fl-istess sens, il-punt 31 sa 33 tas-sentenzi appellati.
18 Ara, għal affermazzjoni mill-ġdid reċenti, is-sentenza tat‑3 ta’ Lulju 2025, Grodno Azot u Khimvolokno Plant vs Il‑Kunsill (C‑326/24 P, EU:C:2025:522, punt 34 u l-ġurisprudenza ċċitata).
19 Ara, fost oħrajn, is-sentenzi tal‑1 ta’ Marzu 2016, National Iranian Oil Company vs Il‑Kunsill (C‑440/14 P, EU:C:2016:128, punt 77 u l-ġurisprudenza ċċitata); tas‑7 ta’ April 2016, Akhras vs Il‑Kunsill (C‑193/15 P, EU:C:2016:219, punt 51 u l-ġurisprudenza ċċitata) u tas‑17 ta’ Settembru 2020, Rosneft et vs Il‑Kunsill (C‑732/18 P, EU:C:2020:727, punti 91 u 105).
20 Ara l-premessi 8 sa 11 tad-Deċiżjoni 2022/329. Dwar il-kuntest ta’ urġenza, ara wkoll il-konklużjonijiet tal-Avukata Ġenerali Medina fil-kawża Khudaverdyan vs Il‑Kunsill (C‑704/23 P, EU:C:2025:410, punt 84).
21 Ara l-punt 27 tas-sentenzi appellati.
22 Għall-bqija tal-analiżi, b’“iffriżar ta’ fondi” ser inkun qiegħed nirreferi għall-iffriżar ta’ fondi u ta’ riżorsi ekonomiċi.
23 Jidher li din hija prassi komuni tal-Kunsill fil-qasam: ara, pereżempju, is-sentenza tal‑21 ta’ April 2015, Anbouba vs Il‑Kunsill (C‑605/13 P, EU:C:2015:248, punt 42).
24 Ir-Repubblika tal-Latvja tinvoka hawnhekk is-sentenza tal‑1 ta’ Marzu 2016, National Iranian Oil Company vs Il‑Kunsill (C‑440/14 P, EU:C:2016:128, punt 78 u l-ġurisprudenza ċċitata).
25 Sentenza tal‑15 ta’ Novembru 2012 (C‑417/11 P, EU:C:2012:718, punti 59 sa 62).
26 Hawnhekk, P. Aven u M. Fridman jibbażaw ruħhom, b’mod partikolari, fuq is-sentenzi tal‑4 ta’ Ġunju 2020, L‑Ungerija vs Il‑Kummissjoni (C‑456/18 P, EU:C:2020:421, punti 70 sa 73), u tas‑6 ta’ Ottubru 2021, World Duty Free Group u Spanja vs Il‑Kummissjoni (C‑51/19 P u C‑64/19 P, EU:C:2021:793, punt 70).
27 Hawnhekk, P. Aven u M. Fridman jibbażaw ruħhom fuq is-sentenza tas‑6 ta’ Settembru 2013, Bateni vs Il‑Kunsill (T‑42/12 u T‑181/12, EU:T:2013:409, punti 47 sa 56).
28 Ara, b’mod partikolari, is-sentenzi tad‑19 ta’ Diċembru 2018, Azarov vs Il‑Kunsill (C‑530/17 P, EU:C:2018:1031, punt 27), tal‑11 ta’ Lulju 2019, Azarov vs Il‑Kunsill (C‑416/18 P, EU:C:2019:602, punt 28), kif ukoll tas‑26 ta’ Settembru 2019, Klymenko vs Il‑Kunsill (C‑11/18 P, EU:C:2019:786, punt 22).
29 Ara s-sentenza tad‑29 ta’ Novembru 2018, Bank Tejarat vs Il‑Kunsill (C‑248/17 P, EU:C:2018:967, punt 85).
30 Sentenza tal‑1 ta’ Awwissu 2025, Timchenko vs Il‑Kunsill (C‑702/23 P, EU:C:2025:605, punt 39 u l-ġurisprudenza ċċitata).
31 Ara s-sentenza tal‑21 ta’ April 2015 (C‑605/13 P, EU:C:2015:248, punt 46).
32 Ara s-sentenza tal‑1 ta’ Marzu 2016, National Iranian Oil Company vs Il‑Kunsill (C‑440/14 P, EU:C:2016:128, punt 78).
33 Ara s-sentenza tal‑21 ta’ April 2015, Anbouba vs Il‑Kunsill (C‑605/13 P, EU:C:2015:248, punt 51).
34 Fil-qafas ta’ reġim ieħor ta’ miżuri restrittivi, il-kuntest kien ġie rrapportat fl-atti tal-Kunsill sabiex jiġi spjegat il-kontenut tal-kriterju nnifsu. B’hekk, dan il-kuntest seta’ jikkostitwixxi parametru għad-dispożizzjoni tal-qorti tal-Unjoni. Il-Qorti tal-Ġustizzja kienet għalhekk iddeċidiet li minn dan il-kriterju, moqri fid-dawl tal-kuntest imsemmi fl-att, ma kienx jirriżulta li l-Kunsill kien obbligat jipproduċi l-prova ta’ rabta bejn l-istatus ta’ negozjant ewlieni u r-reġim Sirjan: ara s-sentenza tad‑9 ta’ Lulju 2020, Haswani vs Il‑Kunsill (C‑241/19 P, EU:C:2020:545, punt 69).
35 Ara l-punt 45 tas-sentenzi appellati.
36 Ara, b’analoġija, is-sentenza tad‑9 ta’ Lulju 2020, Haswani vs Il‑Kunsill (C‑241/19 P, EU:C:2020:545, punt 62 u l-ġurisprudenza ċċitata).
37 Ara, b’analoġija, is-sentenza tad‑9 ta’ Lulju 2020, Haswani vs Il‑Kunsill (C‑241/19 P, EU:C:2020:545, punt 63 u l-ġurisprudenza ċċitata).
38 Ara s-sentenza tat‑28 ta’ Novembru 2013, Il‑Kunsill vs Manufacturing Support & Procurement Kala Naft (C‑348/12 P, EU:C:2013:776, punt 72).
39 Dawn id-diffikultajiet, li kieku ġew invokati, kienu jkunu jistgħu jiġġustifikaw ċerta varjazzjoni fl-oneru tal-prova li jaqa’ fuq il-Kunsill minħabba l-bilanċ delikat li fuqu jitwieżnu l-miżuri restrittivi, b’mod ġenerali, u t-tfittxija kontinwa ta’ bilanċ bejn, minn naħa, il-preżervazzjoni tal-paċi u tas-sigurtà internazzjonali u, min-naħa l-oħra, il-protezzjoni tad-drittijiet u tal-libertajiet fundamentali tal-persuni u entitajiet inklużi (ara s-sentenza tat‑18 ta’ Lulju 2013, Il‑Kummissjoni et vs Kadi (C‑584/10 P, C‑593/10 P u C‑595/10 P, EU:C:2013:518, punt 131). Dwar l-ammissibbiltà ta’ varjazzjoni fl-oneru tal-prova, ara l-konklużjonijiet tal-Avukat Ġenerali Bot fil-kawżi Anbouba vs Il‑Kunsill (C‑605/13 P u C‑630/13 P, EU:C:2015:2, punti 204 et seq.). Huwa interessanti li jiġi nnotat, f’dan ir-rigward, li l-appellant stess aċċetta li s-sitwazzjoni Sirjana “[kienet] tikkomplika l-amministrazzjoni tal-prova” (ara l-punt 204 ta’ dawn il-konklużjonijiet). Barra minn hekk, il-Qorti tal-Ġustizzja ħadet inkunsiderazzjoni din is-sitwazzjoni meta ġiet biex tevalwa jekk il-Kunsill kienx issodisfa l-oneru tal-prova li dak iż-żmien kien jaqa’ fuqu (sentenza tal‑21 ta’ April 2015, Anbouba vs Il‑Kunsill (C‑605/13 P, EU:C:2015:248, punt 52)).
40 Ara, b’mod partikolari, is-sentenza tal‑15 ta’ Novembru 2012, Il‑Kunsill vs Bamba (C‑417/11 P, EU:C:2012:718, punt 61). Minn din is-sentenza jirriżulta li l-Qorti tal-Ġustizzja rreferiet għall-kuntest tal-miżuri restrittivi li jikkonċernaw lill-persuna kkonċernata, kif kien intwera mill-Kunsill fl-anness tal-appell tiegħu, sabiex tevalwa jekk il-motivazzjoni tal-imsemmija miżuri kinitx waħda suffiċjenti jew le (ara s-sentenza tal‑15 ta’ Novembru 2012, Il‑Kunsill vs Bamba (C‑417/11 P, EU:C:2012:718, punt 62)).
41 Abbażi tal-ġurisprudenza li tirriżulta mis-sentenza tal‑20 ta’ Lulju 2017, Badica u Kardiam vs Il‑Kunsill (T‑619/15, EU:T:2017:532).
42 Ara s-sentenzi tat‑28 ta’ April 2022, Yieh United Steel vs Il‑Kummissjoni (C‑79/20 P, EU:C:2022:305, punti 52 u 53), u tat‑13 ta’ Marzu 2025, Shuvalov vs Il‑Kunsill (C‑271/24 P, EU:C:2025:180, punti 33 u 34).
43 Il-Qorti Ġenerali jidher li segwiet, f’dan is-sens, l-indikazzjonijiet tal-Kunsill, li stabbilixxa huwa stess, mir-risposta tiegħu quddiem il-Qorti Ġenerali, għal liema kriterju kienet tikkorrispondi kull raġuni.
44 Ara l-punt 21 tas-sentenza Aven vs Il‑Kunsill.
45 Ara l-punt 61 tas-sentenza Aven vs Il‑Kunsill.
46 Ara l-punt 63 tas-sentenza Aven vs Il‑Kunsill.
47 Ara l-punt 58 tas-sentenza Aven vs Il‑Kunsill.
48 Ara l-punt 57 tas-sentenza Aven vs Il‑Kunsill.
49 Ara l-punti 58 u 59 tas-sentenza Aven vs Il‑Kunsill.
50 Ara l-punt 26 ta’ dawn il-konklużjonijiet. Il-kriterju tal-assoċjazzjoni jissemma fl-aħħar parti tal-Artikolu 2(1) tad-Deċiżjoni Nru 2014/145 emendata.
51 Ara, f’sens simili, is-sentenza tat‑18 ta’ Lulju 2013, Il-Kummissjoni et vs Kadi (C‑584/10 P, C‑593/10 P u C‑595/10 P, EU:C:2013:518, punt 156).
52 Ara, b’kuntrast, l-analiżi tal-Qorti Ġenerali tal-provi kontra RT France fis-sentenza tas‑27 ta’ Lulju 2022, RT France vs Il‑Kunsill (T‑125/22, EU:T:2022:483, punti 176 sa 188).
53 Ara l-punt 52 tas-sentenza Fridman vs Il‑Kunsill.
54 Ara l-punt 53 tas-sentenza Fridman vs Il‑Kunsill.
55 Sentenza tat‑30 ta’ Novembru 2016 (T‑720/14, iktar ’il quddiem is-“sentenza Rotenberg vs Il‑Kunsill”, EU:T:2016:689).
56 Hawnhekk l-appellanti tinvoka b’mod partikolari s-sentenzi tal‑21 ta’ April 2015, Anbouba vs Il‑Kunsill (C‑605/13 P, EU:C:2015:248, punti 50 sa 52), u tal‑21 ta’ April 2015, Anbouba vs Il‑Kunsill (C‑630/13 P, EU:C:2015:247, punti 51 sa 53).
57 Ara s-sentenza tal‑11 ta’ Ġunju 2024, Il‑Kummissjoni vs Deutsche Telekom (C‑221/22 P, EU:C:2024:488, punt 29 u l-ġurisprudenza ċċitata).
58 Ara l-punt 49 tas-sentenzi appellati.
59 Ara l-punt 42 tas-sentenzi appellati.
60 Ara l-punt 48 tas-sentenzi appellati. Billi jirreferi għall-“politiki u attivitajiet”, dan il-punt iktar jaqa’ fil-kamp lessikali tal-kriterju (a) milli f’dak tal-kriterju (d), li kien, madankollu, dak analizzat.
61 Ara s-sentenza tat‑13 ta’ Marzu 2025, Shuvalov vs Il‑Kunsill (C‑271/24 P, EU:C:2025:180, punt 40 u l-ġurisprudenza ċċitata).
62 Ara l-punt 80 tas-sentenza Aven vs Il‑Kunsill u l-punt 62 tas-sentenza Fridman vs Il‑Kunsill.
63 Ara, b’analoġija, is-sentenza tad‑9 ta’ Lulju 2020, Haswani vs Il‑Kunsill (C‑241/19 P, EU:C:2020:545, punt 62 u l-ġurisprudenza ċċitata).
64 Ara, b’analoġija, is-sentenza tad‑9 ta’ Lulju 2020, Haswani vs Il-Kunsill (C‑241/19 P, EU:C:2020:545, punt 63).
65 Jiġifieri l-punt 87 tar-risposta tal-Kunsill quddiem il-Qorti Ġenerali fil-kawża Fridman vs Il‑Kunsill.
66 Jiġifieri l-punt 89 tar-risposta tal-Kunsill quddiem il-Qorti Ġenerali fil-kawża Fridman vs Il‑Kunsill.
67 Jiġifieri l-Anness A.23 tar-rikors ta’ M. Fridman quddiem il-Qorti Ġenerali u l-Anness B.6 tar-risposta tal-Kunsill quddiem il-Qorti Ġenerali fil-kawża Fridman vs Il‑Kunsill.
68 Skont l-allegazzjonijiet tal-Kunsill: ara l-punt 14 tal-kontroreplika tal-Kunsill quddiem il-Qorti Ġenerali.
69 Biex infakkar, dan il-kriterju (g) kien jirreferi għal “negozjanti ewlenin jew persuni ġuridiċi, entitajiet jew korpi involuti fis-setturi ekonomiċi li jipprovdu sors sostanzjali ta’ dħul lill-Gvern tal-Federazzjoni Russa, li hija responsabbli għall-annessjoni tal-Krimea u għad-destabbilizzazzjoni tal-Ukrajna”. Ir-rabta li stabbilixxa l-Kunsill bejn in-negozjanti ewlenin u r-reġim Russu hija speċifikata fid-Deċiżjoni tal-Kunsill 2025/904 tat‑13 ta’ Mejju 2025 li temenda d-Deċiżjoni 2014/145/PESK (ĠU 2025, L 904, p. 1) (ara, b’mod partikolari, il-premessi 1 u 2 ta’ din id-deċiżjoni).
70 Ara l-punt 26 ta’ dawn il-konklużjonijiet.
71 Jiġifieri s-sentenza tas‑27 ta’ April 2022, Ilunga Luyoyo vs Il‑Kunsill (T‑108/21, EU:T:2022:253).
72 Ara, fl-istess sens, is-sentenza tal‑1 ta’ Awwissu 2025, Timchenko vs Il‑Kunsill (C‑702/23 P, EU:C:2025:605, punt 27), u l-konklużjonijiet tal-Avukata Ġenerali Medina f’din il-kawża (C‑702/23 P, EU:C:2025:273, punt 33).
73 Ir-riferiment għan-natura attiva tal-appoġġ, fil-punt 81 tas-sentenza Aven vs Il‑Kunsill, joħloq konfużjoni sfortunata peress li minn analiżi storika tal-kriterju (a) jirriżulta li tali riferiment kien tħassar fil-mument li fih ġew adottati l-miżuri restrittivi kontra P. Aven. Il-punt 63 tas-sentenza Fridman vs Il‑Kunsill ma jirreferix għan-natura attiva tal-appoġġ.
74 Ara l-punt 82 tas-sentenza Aven vs Il‑Kunsill u l-punt 64 tas-sentenza Fridman vs Il‑Kunsill. In-nuqqas ta’ distakkament jista’ wkoll jittieħed inkunsiderazzjoni fil-mument tal-inklużjoni inizjali.
75 Sentenza tal‑1 ta’ Awwissu 2025, Timchenko vs Il‑Kunsill (C‑702/23 P, EU:C:2025:605, punt 36). Mill-bqija, dan huwa wkoll il-każ fil-qasam tal-akkordji illegali, fejn in-nuqqas ta’ distakkament pubbliku ta’ impriża jikkostitwixxi biss “waħda mill-provi fost oħrajn li għandhom jittieħdu inkunsiderazzjoni bil-għan li jiġi stabbilit jekk impriża effettivament komplietx tipparteċipa fi ksur jew, kuntrarjament, waqfet milli tipparteċipa” (ara s-sentenza tas‑17 ta’ Settembru 2015, Total Marketing Services vs Il‑Kummissjoni (C‑634/13 P, EU:C:2015:614, punt 23 u l-ġurisprudenza ċċitata)).
76 Ara l-punt 76 tal-appell fil-Kawża C‑440/24 P u l-punt 66 tal-appell fil-Kawża C‑441/24 P.
77 Ara, b’mod partikolari, is-sentenza tad‑19 ta’ Diċembru 2018, Azarov vs Il‑Kunsill (C‑530/17 P, EU:C:2018:1031, punt 28).
78 B’dan qiegħed nifhem il-kunsiderazzjonijiet preliminari tal-espożizzjoni tal-motivi, jiġifieri l-ewwel erba’ sentenzi.
79 Ara l-punt 26 ta’ dawn il-konklużjonijiet.
80 Ninnota li l-motivi li jikkonċernaw lil P. Aven u M. Fridman ġew aġġornati u mwessgħa b’mod kunsiderevoli bir-Regolament tal-Kunsill (UE) 2025/527 tal‑14 ta’ Marzu 2025 li jimplimenta r-Regolament Nru 269/2014 (ĠU L, 2025/527).
81 Ma nistax inpoġġiha aħjar minn dak li qal reċentement, għad illi f’ordinament ġuridiku differenti minn tagħna, Lord Leggatt fl-opinjoni kuntrarja tiegħu dwar is-sentenza tal-Qorti Suprema tar-Renju Unit fil-kawża Shvidler vs Secretary of State for Foreign, Commonwealth and Development Affairs [2025] UKSC 30 tad‑29 ta’ Lulju 2025: “[t]he courts are failing in their duty if they simply rubber-stamp assertions made by the executive to justify invading individual liberties without subjecting those assertions to critical scrutiny” (traduzzjoni libera: “Il-qrati jonqsu mid-dmir tagħhom jekk sempliċement japprovaw mingħajr ebda diskussjoni l-evalwazzjonijiet tal-eżekuttiv sabiex jiġġustifikaw ksur tal-libertajiet individwali mingħajr ma jissuġġettaw dawn l-evalwazzjonijiet għal eżami kritiku”).