|
24.11.2021 |
MT |
Il-Ġurnal Uffiċjali tal-Unjoni Ewropea |
C 474/159 |
P9_TA(2021)0060
Talba għat-tneħħija tal-immunità ta' Antoni Comín i Oliveres
Deċiżjoni tal-Parlament Ewropew tad-9 ta' Marzu 2021 dwar it-talba għat-tneħħija tal-immunità ta' Antoni Comín i Oliveres (2020/2025(IMM))
(2021/C 474/18)
Il-Parlament Ewropew,
|
— |
wara li kkunsidra t-talba għat-tneħħija tal-immunità, imressqa fit-13 ta' Jannar 2020 u trażmessa mill-President tat-Tribunal Supremo Spanjol, (il-Qorti Suprema) u fformulata mill-President tat-Tieni Awla tat-Tribunal Supremo Spanjol b'rabta mal-proċedimenti speċjali Nru 3/20907/2017 fl-10 ta' Jannar 2020; wara li kkunsidra t-tħabbira tat-talba msemmija għat-tneħħija tal-immunità fis-seduta plenarja fis-16 ta' Jannar 2020, |
|
— |
wara li sema' lil Antoni Comín i Oliveres, skont l-Artikolu 9(6) tar-Regoli ta' Proċedura tiegħu, |
|
— |
wara li kkunsidra l-Artikoli 8 u 9 tal-Protokoll Nru 7 dwar il-Privileġġi u l-Immunitajiet tal-Unjoni Ewropea kif ukoll l-Artikolu 6(2) tal-Att tal-20 ta' Settembru 1976 dwar l-elezzjoni tal-Membri tal-Parlament Ewropew b'suffraġju universali dirett, |
|
— |
wara li kkunsidra s-sentenzi mogħtija mill-Qorti tal-Ġustizzja tal-Unjoni Ewropea fil-21 ta' Ottubru 2008, fid-19 ta' Marzu 2010, fis-6 ta' Settembru 2011, fis-17 ta' Jannar 2013 u fid-19 ta' Diċembru 2019 (1), |
|
— |
wara li kkunsidra d-deċiżjoni tal-Junta Electoral Central ta' Spanja (Bord Elettorali Ċentrali) tat-13 ta' Ġunju 2019 (2), |
|
— |
wara li kkunsidra t-tħabbira li saret fil-plenarja fit-13 ta' Jannar 2020 li skontha, insegwitu tas-sentenza tal-Qorti tal-Ġustizzja tal-Unjoni Ewropea tad-19 ta' Diċembru 2019, il-Parlament ħa att tal-elezzjoni ta' Antoni Comín i Oliveres bħala Membru tal-Parlament Ewropew b'effett mit-2 ta' Lulju 2019, |
|
— |
wara li kkunsidra l-Artikolu 71(1) u (2) tal-Kostituzzjoni Spanjola, |
|
— |
wara li kkunsidra l-Artikoli 5(2) u 6(1) u l-Artikolu 9 tar-Regoli ta' Proċedura tiegħu, |
|
— |
wara li kkunsidra r-rapport tal-Kumitat għall-Affarijiet Legali (A9-0021/2021), |
|
A. |
billi l-President tat-Tieni Awla tat-Tribunal Supremo Spanjol talab it-tneħħija tal-immunità ta' Antoni Comín i Oliveres, Membru tal-Parlament Ewropew, fir-rigward tal-Artikolu 9, l-ewwel paragrafu, punt (b), tal-Protokoll Nru 7 dwar il-Privileġġi u l-Immunitajiet tal-Unjoni Ewropea b'rabta mal-proċediment speċjali Nru 3/20907/2017 – il-proċedimenti kriminali għal allegat reat ta' sedizzjoni, kif stabbilit fl-Artikoli 544 u 545 tal-Kodiċi Kriminali Spanjol, u għal reat ta' miżapproprjazzjoni ta' fondi pubbliċi previst fl-Artikolu 432 tal-Kodiċi Kriminali Spanjol moqri flimkien mal-Artikolu 252 tiegħu; |
|
B. |
billi l-atti soġġetti għal prosekuzzjoni allegatament twettqu fl-2017; billi d-digriet ta' prosekuzzjoni f'dan il-każ inħareġ fil-21 ta' Marzu 2018 u ġie ikkonfermat b'digrieti sussegwenti li ċaħdu l-appelli; billi l-investigazzjoni ngħalqet b'digriet tad-9 ta' Lulju 2018 li ġie kkonfermat bħala finali fil-25 ta' Ottubru 2018; billi b'digriet tad-9 ta' Lulju 2018, Antoni Comín i Oliveres, fost l-oħrajn, ġie ddikjarat ħati ta' disprezz lejn l-awtorità tal-qorti u ġie deċiż li l-proċediment fil-konfront tiegħu u ta' persuni oħra jiġi sospiż sakemm dawn ikunu nstabu; |
|
C. |
billi insegwitu tas-sentenza tal-Qorti tal-Ġustizzja tal-Unjoni Ewropea tad-19 ta' Diċembru 2019, il-Parlament ħa att tal-elezzjoni ta' Antoni Comín i Oliveres bħala Membru tal-Parlament Ewropew b'effett mit-2 ta' Lulju 2019; |
|
D. |
billi l-istatus ta' Membru tal-Parlament Ewropew inkiseb b'effett mit-13 ta' Ġunju 2019; billi t-talba għat-tneħħija tal-immunità għalhekk tikkonċerna fatti u prosekuzzjoni li jippreċedu l-kisba tal-istatus u, konsegwentement, l-immunità bħala Membru tal-Parlament Ewropew; |
|
E. |
billi l-Kumitat għall-Affarijiet Legali ħa att tad-dokumenti ppreżentati lill-Membri tal-Kumitat minn Antoni Comín i Oliveres fis-sens tal-Artikolu 9 (6) tar-Regoli ta' Proċedura u kkunsidrati minnu bħala rilevanti għall-proċedura; |
|
F. |
billi l-awtoritajiet tal-Istati Membri jiddeċiedu dwar l-adegwatezza tal-proċedimenti ġudizzjarji; |
|
G. |
billi mhijiex fil-kompetenza tal-Parlament Ewropew li jeżamina l-merti tas-sistemi ġuridiċi u ġudizzjarji nazzjonali; |
|
H. |
billi l-Parlament Ewropew ma għandu l-ebda kompetenza biex jivvaluta jew jeżamina l-ġuriżdizzjoni tal-awtoritajiet ġudizzjarji nazzjonali inkarigati mill-proċedimenti kriminali inkwistjoni; |
|
I. |
billi skont il-liġi Spanjola kif interpretata mill-qrati nazzjonali u kif ikkomunikata lill-Parlament mill-Istat Membru inkwistjoni, it-Tieni Awla Kriminali tat-Tribunal Supremo Spanjol hija l-awtorità kompetenti biex titlob it-tneħħija tal-immunità ta' Membru tal-Parlament Ewropew; |
|
J. |
billi l-proċedimenti ma trattaw ebda opinjoni espressa jew vot mitfugħ fil-qadi tad-dmirijiet ta' Membru tal-Parlament Ewropew għall-finijiet tal-Artikolu 8 tal-Protokoll Nru 7 dwar il-Privileġġi u l-Immunitajiet tal-Unjoni Ewropea; |
|
K. |
billi l-Artikolu 9, l-ewwel paragrafu, punt (a), tal-Protokoll Nru 7 dwar il-Privileġġi u l-Immunitajiet tal-Unjoni Ewropea jiddikjara li l-Membri tal-Parlament Ewropew, igawdu fit-territorju tal-Istat tagħhom stess, l-immunitajiet mogħtija lill-membri tal-parlament ta' dak l-istat; |
|
L. |
billi l-Artikolu 71(1) u (2) tal-Kostituzzjoni Spanjola jipprevedi li:
|
|
M. |
billi t-talba għat-tneħħija tal-immunità tindika, f'dak li jikkonċerna l-applikazzjoni tal-Artikolu 71 tal-Kostituzzjoni Spanjola u b'mod speċifiku l-istadju tal-proċedimenti ġudizzjarji li għalihom mhuwiex obbligatorju li tinkiseb awtorizzazzjoni parlamentari biex jinfetħu proċedimenti kriminali fil-konfront ta' persuna akkużata li tikseb l-istatus ta' membru parlamentari, li d-domanda għat-tneħħija tal-immunità mhijiex meħtieġa f'każijiet fejn l-istatus ta' membru parlamentari jinkiseb waqt li jkun għaddej proċess miftuħ preċedentement jew f'każijiet fejn membru tal-parlament jassumi l-kariga wara li jkun ġie formalment imħarrek; billi għalhekk mhuwiex meħtieġ li tintalab it-tneħħija tal-immunità fis-sens tal-Artikolu 9, l-ewwel paragrafu, punt (a), tal-Protokoll Nru 7 dwar il-Privileġġi u l-Immunitajiet tal-Unjoni Ewropea sabiex jittieħdu miżuri fit-territorju ta' Spanja; |
|
N. |
billi mhuwiex il-kompitu tal-Parlament Ewropew li jinterpreta d-dispożizzjonijiet nazzjonali dwar il-privileġġi u l-immunitajiet tal-Membri tal-Parlament; |
|
O. |
billi l-Artikolu 9, l-ewwel paragrafu, punt (b), tal-Protokoll Nru 7 dwar il-Privileġġi u l-Immunitajiet tal-Unjoni Ewropea jiddikjara li l-Membri tal-Parlament Ewropew, igawdu fit-territorju ta' kull Stat Membru ieħor, l-immunità minn kull tip ta' detenzjoni u minn proċedimenti legali; |
|
P. |
billi fl-4 ta' Novembru 2019 it-Tieni Awla tat-Tribunal Supremo Spanjol ordnat li toħroġ "għall-iskop tal-iżvolġiment xieraq tal-proċedimenti kriminali […]: mandat(i) ta' arrest nazzjonali, mandat(i) ta' arrest Ewropew jew mandat(i) ta' arrest internazzjonali għall-finijiet tal-estradizzjoni fir-rigward ta', fost l-oħrajn, Antoni Comín i Oliveres, li ġie ddikjarat ħati ta' disprezz lejn l-awtorità tal-qorti; billi, kif spjegat fit-talba għat-tneħħija tal-immunità, fl-10 ta' Jannar 2020, l-appell kontra din id-deċiżjoni ġie miċħud fir-rigward tar-revoka tal-“mandati nazzjonali rilevanti ta' tiftix, arrest u detenzjoni, kif ukoll tal-mandati ta' arrest internazzjonali u Ewropej” u ġie aċċettat l-appell “kontra l-ordni tal-4 ta' Novembru 2019, skont l-interpretazzjoni mogħtija mill-QĠUE fis-sentenza tagħha tad-19 ta' Diċembru 2019 li tirrikonoxxi l-privileġġi u l-immunitajiet tal-appellant(i) fis-sens tal-Artikolu 9 tal-Protokoll Nru 7 għat-Trattat dwar il-Funzjonament tal-Unjoni Ewropea, fil-kapaċità tiegħu/tagħhom bħala Membru/i tal-Parlament Ewropew”, u ġie deċiż ukoll li tintalab mill-Parlament Ewropew it-tneħħija tal-immunità ta' Antoni Comín i Oliveres “sabiex tipproċedi għall-eżekuzzjoni tal-mandat(i) ta' arrest Ewropew li nħarġu” u li l-awtorità ta' eżekuzzjoni fil-Belġju tiġi informata b'dan; |
|
Q. |
billi skont l-Artikolu 9(8) tar-Regoli ta' Proċedura, il-Kumitat għall-Affarijiet Legali fl-ebda ċirkustanza ma għandu jippronunzja ruħu dwar il-ħtija jew l-innoċenza tal-Membru, u lanqas dwar jekk l-opinjonijiet u l-atti attribwiti lill-Membru jiġġustifikawx jew le l-prosekuzzjoni tiegħu, anke jekk, waqt li jkun qed jeżamina t-talba, il-Kumitat jikseb tagħrif dettaljat tal-fatti tal-każ; |
|
R. |
billi skont l-Artikolu 5(2) tar-Regoli ta' Proċedura, l-immunità parlamentari mhix privileġġ personali ta' Membru iżda hija garanzija tal-indipendenza tal-Parlament kollu kemm hu u tal-Membri tiegħu; |
|
S. |
billi l-iskop tal-immunità parlamentari huwa li l-Parlament u l-Membri tiegħu jiġu protetti minn proċedimenti legali fir-rigward tal-attivitajiet imwettqa fil-qadi tad-dmirijiet parlamentari u li ma tistgħax tiġi separata minn dawk id-dmirijiet; |
|
T. |
billi jidher ċar li l-akkuża ma għandha l-ebda relazzjoni mal-pożizzjoni ta' Antoni Comín i Oliveres bħala Membru tal-Parlament Ewropew iżda hija relatata mal-pożizzjoni preċedenti tiegħu bħala Ministru Reġjonali għas-Saħħa tal-Govern (gvern reġjonali Katalan); |
|
U. |
billi Antoni Comín i Oliveres huwa wieħed mill-individwi fost grupp ta' individwi li huma f'sitwazzjoni simili fejn qed jiġu mħarrka u akkużati bir-reati inkwistjoni, u l-unika differenza hija li huwa attwalment igawdi minn immunità bħala Membru tal-Parlament Ewropew; billi għalhekk wieħed għandu jżomm f'moħħu li Antoni Comín i Oliveres mhuwiex l-unika persuna mħarrka fil-kawża inkwistjoni; |
|
V. |
billi l-fatti inkriminati twettqu fl-2017 u l-proċedimenti kriminali inkwistjoni fil-konfront ta' Antoni Comín i Oliveres bdew fl-2018; billi abbażi ta' dan, ma jistax jingħad li l-proċedimenti ġudizzjarji tnehdew bl-intenzjoni li jxekklu l-attività politika futura ta' Antoni Comín i Oliveres bħala Membru tal-Parlament Ewropew, meta dak iż-żmien l-istatus tiegħu bħala Membru tal-Parlament Ewropew kien għadu ipotetiku u futur; |
|
W. |
billi f'dan il-każ, il-Parlament għalhekk ma sab l-ebda evidenza ta' fumus persecutionis, jiġifieri elementi fattwali li jindikaw li l-intenzjoni sottostanti tal-proċediment legali tista' tkun li ssir ħsara lill-attività politika ta' Membru, u b'hekk lill-Parlament Ewropew; |
|
1. |
Jiddeċiedi li jneħħi l-immunità ta' Antoni Comín i Oliveres fis-sens tal-Artikolu 9, l-ewwel paragrafu, punt (b), tal-Protokoll Nru 7 dwar il-Privileġġi u l-Immunitajiet tal-Unjoni Ewropea; |
|
2. |
Jagħti istruzzjonijiet lill-President tiegħu biex jgħaddi minnufih din id-deċiżjoni u r-rapport tal-kumitat responsabbli tiegħu lill-awtoritajiet Spanjoli u lil Antoni Comín i Oliveres. |
(1) Is-sentenza tal-Qorti tal-Ġustizzja tal-21 ta' Ottubru 2008, Marra vs De Gregorio u Clemente, C-200/07 u C-201/07, ECLI:EU:C:2008:579; is-sentenza tal-Qorti Ġenerali tad-19 ta' Marzu 2010, Gollnisch vs Parliament, T-42/06, ECLI:EU:T:2010:102; is-sentenza tal-Qorti tal-Ġustizzja tas-6 ta' Settembru 2011, Patriciello, C-163/10, ECLI: EU:C:2011:543; is-sentenza tal-Qorti Ġenerali tas-17 ta' Jannar 2013, Gollnisch vs Parliament, T-346/11 u T-347/11, ECLI:EU:T:2013:23; is-sentenza tal-Qorti tal-Ġustizzja tad-19 ta' Diċembru 2019, Junqueras Vies, C-502/19, ECLI:EU:C:2019:1115.
(2) Boletín Oficial del Estado, Nru 142, tal-14 ta' Ġunju 2019, p. 62477-62478.