European flag

Il-Ġurnal Uffiċjali
ta'l-Unjoni Ewropea

MT

Is-serje L


2024/1952

18.7.2024

DEĊIŻJONI TAL-KUMMISSJONI (UE) 2024/1952

tas-16 ta’ Lulju 2024

li tikkonferma l-parteċipazzjoni tal-Iżvezja fil-kooperazzjoni msaħħa għall-istabbiliment tal-Uffiċċju tal-Prosekutur Pubbliku Ewropew

IL-KUMMISSJONI EWROPEA,

Wara li kkunsidrat it-Trattat dwar il-Funzjonament tal-Unjoni Ewropea, u b’mod partikolari l-Artikoli 328(1) u 331(1) tiegħu,

Wara li kkunsidrat ir-Regolament tal-Kunsill (UE) 2017/1939 tat-12 ta’ Ottubru 2017 li jimplimenta kooperazzjoni msaħħa dwar l-istabbiliment tal-Uffiċċju tal-Prosekutur Pubbliku Ewropew (“l-UPPE”) (1),

Wara li kkunsidrat in-notifika mill-Iżvezja bl-intenzjoni tagħha li tipparteċipa fil-kooperazzjoni msaħħa għall-istabbiliment tal-UPPE permezz tal-ittra datata l-5 ta’ Ġunju 2024,

Billi:

(1)

Fit-3 ta’ April 2017 il-Belġju, il-Bulgarija, il-Kroazja, Ċipru, ir-Repubblika Ċeka, il-Finlandja, Franza, il-Ġermanja, il-Greċja, il-Litwanja, il-Lussemburgu, il-Portugall, ir-Rumanija, is-Slovakkja, is-Slovenja u Spanja nnotifikaw lill-Parlament Ewropew, lill-Kunsill u lill-Kummissjoni li xtaqu jistabbilixxu kooperazzjoni msaħħa rigward l-istabbiliment tal-UPPE. Barra minn hekk, permezz tal-ittri datati d-19 ta’ April 2017, l-1 ta’ Ġunju 2017, id-9 ta’ Ġunju 2017 u t-22 ta’ Ġunju 2017 rispettivament, il-Latvja, l-Estonja, l-Awstrija u l-Italja indikaw ix-xewqa tagħhom li jipparteċipaw fl-istabbiliment ta’ din il-kooperazzjoni msaħħa.

(2)

Fit-3 ta’ April 2017, l-awtorizzazzjoni biex titkompla l-kooperazzjoni msaħħa msemmija fl-Artikolu 20(2) tat-Trattat dwar l-Unjoni Ewropea (TUE) u fl-Artikolu 329(1) tat-Trattat dwar il-Funzjonament tal-Unjoni Ewropea (TFUE) tqieset li ngħatat skont it-tielet subparagrafu tal-Artikolu 86(1) TFUE.

(3)

Fit-12 ta’ Ottubru 2017, il-Kunsill adotta r-Regolament (UE) 2017/1939 li jimplimenta kooperazzjoni msaħħa dwar l-istabbiliment tal-Uffiċċju tal-Prosekutur Pubbliku Ewropew (“l-UPPE”).

(4)

Fl-20 ta’ Novembru 2017, ir-Regolament (UE) 2017/1939 daħal fis-seħħ.

(5)

Id-Deċiżjoni tal-Kummissjoni (UE) 2018/1094 (2) tal-1 ta’ Awwissu 2018 ikkonfermat il-parteċipazzjoni tan-Netherlands fil-kooperazzjoni msaħħa dwar l-istabbiliment tal-UPPE.

(6)

Id-Deċiżjoni tal-Kummissjoni (UE) 2018/1103 (3) tas-7 ta’ Awwissu 2018 ikkonfermat il-parteċipazzjoni ta’ Malta fil-kooperazzjoni msaħħa għat-twaqqif tal-Uffiċċju tal-Prosekutur Pubbliku Ewropew.

(7)

Id-Deċiżjoni tal-Kummissjoni (UE) 2024/807 (4) tad-29 ta’ Frar 2024 ikkonfermat il-parteċipazzjoni tal-Polonja fil-kooperazzjoni msaħħa dwar l-istabbiliment tal-UPPE.

(8)

F’konformità mal-Artikolu 1 tad-Deċiżjoni ta’ Implimentazzjoni tal-Kummissjoni (UE) 2021/856 (5) tas-26 ta’ Mejju 2021, l-UPPE assuma l-kompiti investigattivi u ta’ prosekuzzjoni tiegħu fl-1 ta’ Ġunju 2021.

(9)

Fil-5 ta’ Ġunju 2024, l-Iżvezja nnotifikat lill-Kummissjoni bl-intenzjoni tagħha li tipparteċipa fil-kooperazzjoni msaħħa dwar l-istabbiliment tal-UPPE.

(10)

Ir-Regolament (UE) 2017/1939 ma jippreskrivi l-ebda kundizzjoni partikolari ta’ parteċipazzjoni fil-kooperazzjoni msaħħa dwar l-istabbiliment tal-UPPE.

(11)

F’konformità mal-ewwel subparagrafu tal-Artikolu 120(2) tar-Regolament (UE) 2017/1939, l-UPPE jeżerċita l-kompetenza tiegħu fir-rigward ta’ kull reat taħt il-kompetenza tiegħu li jseħħ wara d-data li fiha r-Regolament (UE) 2017/1939 daħal fis-seħħ. F’konformità mar-raba’ subparagrafu tal-Artikolu 120(2) tar-Regolament (UE) 2017/1939, għal dawk l-Istati Membri li jipparteċipaw fil-kooperazzjoni msaħħa permezz ta’ deċiżjoni adottata skont it-tieni jew it-tielet subparagrafu tal-Artikolu 331(1) TFUE, ir-Regolament (UE) 2017/1939 għandu japplika mid-data indikata fid-deċiżjoni kkonċernata.

(12)

Għar-reati msemmijin fl-Artikoli 22 u 23 tar-Regolament (UE) 2017/1939 li għadhom ma jaqgħux taħt il-kompetenza tal-UPPE minn mindu daħal inizjalment fis-seħħ dan ir-Regolament, l-UPPE jenħtieġ għaldaqstant li jeżerċita l-kompetenzi tiegħu fir-rigward tat-territorju jew taċ-ċittadini tal-Iżveżja, wara d-data li fiha dak ir-Regolament japplika fl-Iżvezja.

(13)

L-eżerċizzju tal-kompetenza tal-UPPE fl-Iżvezja huwa soġġett għad-dispożizzjonijiet rilevanti tar-Regolament (UE) 2017/1939, inkluż l-Artikolu 26 dwar il-bidu ta’ investigazzjonijiet u l-Artikolu 27 dwar id-dritt ta’ evokazzjoni.

(14)

L-awtoritajiet Żvediżi, il-Kunsill u l-UPPE jenħtieġ li jkollhom biżżejjed żmien biex jiffinalizzaw il-ħidma preparatorja li hija strettament meħtieġa biex l-UPPE jkun jista’ jopera b’mod effettiv fl-Iżvezja. B’mod partikolari, l-UPPE jenħtieġ li jkun jista’ jibda malajr l-attivitajiet operazzjonali tiegħu fl-Iżvezja, anki fil-kuntest ta’ investigazzjonijiet transfruntieri, b’mod partikolari billi jibda investigazzjonijiet, jekk ikun meħtieġ minn rapportar mill-istituzzjonijiet, il-korpi, l-uffiċċji u l-aġenziji tal-Unjoni u l-awtoritajiet kompetenti tal-Istati Membri f’konformità mal-Artikolu 24(1) tar-Regolament (UE) 2017/1939, jew billi jeżerċita d-dritt tiegħu ta’ evokazzjoni. Dan jirrikjedi mill-inqas il-ħatra tal-Prosekutur Ewropew mill-Iżvezja, li jista’, f’każijiet eċċezzjonali, jieħu deċiżjoni motivata biex iwettaq l-investigazzjoni personalment, f’konformità mal-Artikolu 28(4) tar-Regolament (UE) 2017/1939. Biex jiġi evitat li jsiru notifiki lill-UPPE meta dan ma jkunx jista’ jittrattahom jew li jiskadu l-limiti ta’ żmien, jenħtieġ li l-Artikoli 24 sa 27 u 31 tar-Regolament (UE) 2017/1939 japplikaw fl-Iżvezja mill-għoxrin jum tal-ħatra tal-Prosekutur Ewropew mill-Iżvezja f’konformità mal-Artikolu 16 ta’ dak ir-Regolament.

(15)

Il-parteċipazzjoni tal-Iżvezja fil-kooperazzjoni msaħħa jenħtieġ li tiġi kkonfermata malajr sabiex tiġi żgurata l-ħatra f’waqtha tal-Prosekutur Ewropew mill-Iżvezja, li huwa essenzjali biex l-UPPE jibda l-operazzjonijiet tiegħu fl-Iżvezja. Għalhekk jenħtieġ li din id-Deċiżjoni tidħol fis-seħħ l-għada tal-jum tal-pubblikazzjoni tiegħu f’Il-Ġurnal Uffiċjali tal-Unjoni Ewropea.

ADOTTAT DIN ID-DEĊIŻJONI:

Artikolu 1

Il-parteċipazzjoni tal-Iżvezja fil-kooperazzjoni msaħħa għall-istabbiliment tal-UPPO hija kkonfermata.

Artikolu 2

(1)   Ir-Regolament (UE) 2017/1939 għandu japplika fl-Iżvezja mill-jum tad-dħul fis-seħħ ta’ din id-Deċiżjoni.

(2)   B’deroga mill-paragrafu 1, l-Artikoli minn 24 sa 27 u 31 tar-Regolament (UE) 2017/1939 għandhom japplikaw fl-Iżvezja mill-għoxrin jum tal-ħatra tal-Prosekutur Ewropew mill-Iżvezja f’konformità mal-Artikolu 16 ta’ dak ir-Regolament.

Artikolu 3

Din id-Deċiżjoni għandha tidħol fis-seħħ fil-jum wara dak tal-pubblikazzjoni tagħha f’Il-Ġurnal Uffiċjali tal-Unjoni Ewropea.

Magħmul fi Brussell, is-16 ta’ Lulju 2024.

Għall-Kummissjoni

Il-President

Ursula VON DER LEYEN


(1)   ĠU L 283, 31.10.2017, p. 1.

(2)  Id-Deċiżjoni tal-Kummissjoni (UE) 2018/1094 tal-1 ta’ Awwissu 2018 li tikkonferma l-parteċipazzjoni tan-Netherlands fil-kooperazzjoni msaħħa dwar l-istabbiliment tal-Uffiċċju tal-Prosekutur Pubbliku Ewropew (ĠU L 196, 2.8.2018, p. 1).

(3)  Id-Deċiżjoni tal-Kummissjoni (UE) 2018/1103 tas-7 ta’ Awwissu 2018 li tikkonferma l-parteċipazzjoni ta' Malta fil-kooperazzjoni msaħħa għat-twaqqif tal-Uffiċċju tal-Prosekutur Pubbliku Ewropew (ĠU L 201, 8.8.2018, p. 2).

(4)  Id-Deċiżjoni tal-Kummissjoni (UE) 2024/807 tad-29 ta’ Frar 2024 li tikkonferma l-parteċipazzjoni tal-Polonja fil-kooperazzjoni msaħħa għat-twaqqif tal-Uffiċċju tal-Prosekutur Pubbliku Ewropew (ĠU L, 2024/807, 29.2.2024, ELI: http://data.europa.eu/eli/dec/2024/807/oj).

(5)  Id-Deċiżjoni ta’ Implimentazzjoni tal-Kummissjoni (UE) 2021/856 tas-25 ta’ Mejju 2021 li tiddetermina d-data minn meta l-Uffiċċju tal-Prosekutur Pubbliku Ewropew jassumi l-kompiti ta’ investigazzjoni u ta’ prosekuzzjoni tiegħu (ĠU L 188, 28.5.2021, p. 100).


ELI: http://data.europa.eu/eli/dec/2024/1952/oj

ISSN 1977-074X (electronic edition)