Official Journal L 048 , 19/02/1997 P. 0007 - 0007
Ir-Regolament tal-Kummissjoni (KE) Nru 288/97 tas-17 ta' Frar 1997 li jemenda l-Anness I tar-Regolament tal-Kunsill (KEE) Nru 2658/87 dwar in-nomenklatura tat-tariffa u statistika u dwar it-Tariffa Doganali Komuni u li jħassar numru ta' regolamenti dwar klassifikazzjoni IL-KUMMISSJONI TAL-KOMUNITAJIET EWROPEJ Wara li kkunsidrat it-Trattat li jistabbilixxi l-Komunitajiet Ewropej, Wara li kkunsidrat ir-Regolament tal-Kunsill (KEE) Nru 2658/87 tat-23 ta' Lulju 1987 dwar in-nomenklatura tat-tariffa u statistika u dwar it-Tariffa Doganali Komuni [1], kif emendata l-aħħar permezz tar-Regolament tal-Kummissjoni (KE) Nru 2493/96 [2], u b'mod partikolari l-Artikolu 9 tiegħu, Billi hu diffiċli tiddistingwi bejn xi zlazi b'bażi ta' ħxejjex li jaqgħu taħt l-intestatura 2103; billi, biex tiġi żgurata applikazzjoni uniformi tan-nomenklatura magħquda, għandha ssir disposizzjoni li tiddistingwi bejn iż-żewġ gruppi ta' prodotti; bl-imsemmijin zlazi normalment ikunu f'għamla ta' likwidi, emulsjonijiet jew sospensjonijiet bi ftit ferm materja solida li tidher; billi l-kriterju adattat biex issir din id-distinzjoni jista' jkun billi dawn jgħaddu minn għarbiel b'toqob ta' ċertu daqs; Billi nota addizzjonali għandha tiddaħħal fil-Kapitolu 21 tan-nomenklatura magħquda u l-emendi korrispondenti li saru għall-Anness I tar-Regolament (KEE) Nru 2658/87; Billi r-regolamenti jew partijiet mir-regolamenti li qabel kienu jservu biex dawn il-prodotti jkunu klassifikati fuq il-bażi ta' kriterji għajr li jiġu mgħoddija minn għarbiel tal-fildiferru, jiġifieri r-Regolamenti tal-Kummissjoni (KEE) Nru 314/90 [3], (KEE) Nru 3044/90 [4] u (KE) Nru 3055/94 [5], għandhom jiġu mħassra; Billi l-miżuri previsti f'dan ir-Regolament huma bi qbil ma' l-opinjoni tat-Taqsima dwar in-Nomenklatura tat-Tariffa u l-Istatistika tal-Kumitat tal-Kodiċi tad-Dwana, ADOTTAT DAN IR-REGOLAMENT: Artikolu 1 Il-Kapitolu 21 tan-nomenklatura magħquda anness mar-Regolament (KEE) Nru 2658/87 hu hawnhekk emendat kif ġej: 1. in-nota addizzjonali li ġejja għandha tiddaħħal: "1. Għall-finijiet tas-subintestaturi 21032000 u 21039090, l-espressjoni "zlazi"; ma tkoprix preparazzjoni ta' ħxejjex, frott jew partijiet oħra li jittieklu ta' pjanti jekk il-perċentwal ta' dawn l-ingredjenti li jgħaddu minn għarbiel tal-fildiferru, b'toqob ta' 5 mm, ikun, wara t-tlaħliħ fl-ilma b'temperatura ta' 20 °Ċ, inqas minn 80 % fil-piż, kkalkolat fuq il-preparazzjoni oriġinali."; 2. In-noti addizzjonali 1 sa 4 għandhom jerġgħu jiġu numerati 2 sa 5. Artikolu 2 Il-Punt 2 ta' l-Anness tar-Regolament (KEE) Nru 314/90, il-punt 1 ta' l-Anness għar-Regolament (KEE) Nru 3044/90 u r-Regolament (KE) Nru 3055/94 huma hawnhekk imħassra. Artikolu 3 Dan ir-Regolament għandu jidħol fis-seħħ fil-21 jum wara l-pubblikazzjoni tiegħu fil-Ġurnal Uffiċjali tal-Komunitajiet Ewropej. Dan ir-Regolament għandu jorbot fl-intier tiegħu u japplika direttament fl-Istati Membri kollha. Magħmul fi Brussel, fis-17 ta' Frar 1997. Ghall-Kummissjoni Mario Monti Membru tal-Kummissjoni [1] ĠU L 256, tas-7.9.1987, p. 1. [2] ĠU L 338, tat-28.12.1996, p. 27 [3] ĠU L 35, tas-7.2.1990, p. 9. [4] ĠU L 292, ta' l-24.10.1990, p. 5. [5] ĠU L 323, tas-16.12.1994, p. 8. --------------------------------------------------