Brussell, 17.12.2015

COM(2015) 655 final

RAPPORT TAL-KUMMISSJONI LILL-PARLAMENT EWROPEW U LILL-KUNSILL

dwar l-eżerċizzju tas-setgħa għall-adozzjoni ta' atti delegati mogħtija lill-Kummissjoni skont id-Direttiva 2004/109/KE tal-15 ta’ Diċembru 2004


RAPPORT TAL-KUMMISSJONI LILL-PARLAMENT EWROPEW U LILL-KUNSILL

dwar l-eżerċizzju tas-setgħa għall-adozzjoni ta' atti delegati mogħtija lill-Kummissjoni skont id-Direttiva 2004/109/KE tal-15 ta’ Diċembru 2004

1.Introduzzjoni

Id-Direttiva 2004/109/KE 1 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tal-15 ta’ Diċembru 2004 dwar l-armonizzazzjoni tar-rekwiżiti ta’ trasparenza f’dak li għandu x’jaqsam ma’ informazzjoni dwar emittenti li t-titoli tagħhom huma ammessi għall-kummerċ f’suq regolat u li temenda d-Direttiva 2001/34/KE stabbilixxiet rekwiżiti fir-rigward tal-iżvelar ta’ informazzjoni perjodika u kontinwa dwar emittenti li t-titoli tagħhom huma ammessi għall-kummerċ f’suq regolat fl-UE.

Id-Direttiva 2010/78/UE tal-24 ta’ Novembru 2010 emendat id-Direttiva 2004/109/KE u tat setgħat lill-Kummissjoni biex tadotta atti delegati kif imsemmi fl-Artikoli 2(3), 5(6), 9(7), 12(8), 13(2), 14(2), 17(4), 18(5), 19(4), 21(4), 23(4), 23(5), 23(7) tad-Direttiva 2004/109/KE. Dawn is-setgħat ingħataw lill-Kummissjoni għal perjodu ta’ erba' snin mill-4 ta’ Jannar 2011 sat-3 ta’ Jannar 2015.

2.Bażi Ġuridika

Dan ir-rapport huwa meħtieġ skont l-Artikolu 27(2a) tad-Direttiva 2004/109/KE. Skont dan l-Artikolu, il-Kummissjoni tfassal rapport fir-rigward tad-delega ta’ setgħa fl-aħħar sitt xhur qabel tmiem il-perjodu ta’ erba’ snin. Dan ir-rapport se jkopri l-perjodu mill-4 ta' Jannar 2001 sat-3 ta' Ottubru 2015.

3.Eżerċizzju tad-delega

Matul il-perjodu ta’ rappurtar, il-Kummissjoni eżerċitat biss l-awtonomizzazzjoni skont l-Artikolu 23(4). L-atti delegati li ġejjin ġew adottati:

Ir-Regolament Delegat tal-Kummissjoni (UE) Nru 310/2012 tal-21 ta’ Diċembru 2011 li jemenda r-Regolament (KE) Nru 1569/2007 li jistabbilixxi mekkaniżmu għad-determinazzjoni tal-ekwivalenza għall-istandards tal-kontabbiltà applikati mill-emittenti tal-pajjiż terz ta’ titoli skont id-Direttiva 2003/71/KE u 2004/109/KE tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill 2 ;

B'dan ir-Regolament delegat, il-Kummissjoni aġġornat il-kundizzjonijiet, stabbiliti fir-Regolament (KE) Nru 1569/2007, għall-aċċettazzjoni ta’ standards tal-kontabbiltà ta’ pajjiżi terzi għal perjodu limitat. Ir-Regolament delegat estenda wkoll il-perjodu, li għalih jista' jiġi applikat mekkaniżmu għar-rikonoxximent tal-ekwivalenza tal-Prinċipji ta’ Kontabbiltà Ġeneralment Aċċettati (GAAP) ta’ pajjiż terz għal perjodu limitat ta’ żmien, sal-31 ta’ Diċembru 2014.

Regolament Delegat tal-Kummissjoni (UE) 2015/1605 tat-12 ta' Ġunju 2015 li jemenda r-Regolament (KE) Nru 1569/2007 li jistabbilixxi mekkaniżmu għad-determinazzjoni tal-ekwivalenza għall-istandards tal-kontabbiltà applikati mill-emittenti tal-pajjiż terz ta' titoli skont id-Direttivi 2003/71/KE u 2004/109/KE tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill 3 .

B'dan ir-Regolament delegat il-Kummissjoni estendiet il-perjodu, li għalih jista' jiġi applikat mekkaniżmu għar-rikonoxximent tal-ekwivalenza tal-GAAP ta’ pajjiż terz għal perjodu limitat ta’ żmien, sal-31 ta’ Marzu 2016.

Fuq il-bażi tal-mekkaniżmu stabbilit fir-Regolament 1569/2007, il-Kummissjoni rrikonoxxiet il-GAAP tar-Repubblika tal-Indja bħala ekwivalenti għall-IFRS fl-Unjoni għal perjodu ta’ żmien limitat sal-31 ta’ Marzu 2016.

Ta' min jinnota li l-Kummissjoni adottat il-biċċa l-kbira tad-dispożizzjonijiet ta’ implimentazzjoni tad-Direttiva 2004/109/KE permezz ta' Direttiva tal-Kummissjoni 2007/14/KE tat-8 ta’ Marzu 2007 4 . Matul il-perjodu ta’ rapportar, il-Kummissjoni ma qisitx li kien meħtieġ li jiġu emendati d-dispożizzjonijiet tad-Direttiva 2007/14/KE. Għalhekk, il-biċċa l-kbira tas-setgħat imsemmija fl-Artikolu 27(2a) ma ntużawx. Madankollu, huwa meħtieġ li l-Kummissjoni żżomm l-ambitu attwali tal-awtonomizzazzjoni biex tadotta atti delegati sabiex jittejjeb il-funzjonament tad-Direttiva 2004/109/KE fejn meħtieġ, u biex ikun hemm reazzjoni rapida għall-iżviluppi potenzjali tas-swieq.

4.Konklużjoni

Il-Kummissjoni eżerċitat sew is-setgħat delegati tagħha biex tiżgura li d-dispożizzjonijiet meħtieġa kienu fis-seħħ. Il-Kummissjoni tistieden lill-Parlament Ewropew u lill-Kunsill jieħdu nota ta' dan ir-rapport.

(1)

ĠU L 390, 31.12.2004, p. 38.

(2)

ĠU L 103, 13.4.2012, p. 11-12

(3)

ĠU L 249, 25.9.2015, p. 3-4

(4)

Id-Direttiva tal-Kummissjoni 2007/14/KE tat-8 ta' Marzu 2007 li tistabbilixxi regoli dettaljati għall-implimentazzjoni ta’ xi dispożizzjonijiet tad-Direttiva 2004/109/KE dwar l-armonizzazzjoni tar-rekwiżiti ta' trasparenza f'dak li għandu x'jaqsam ma' informazzjoni dwar emittenti li t-titoli tagħhom huma ammessi għall-kummerċ f'suq regolat; ĠU L 69, 9.3.2007, p. 27-36