|
25.8.2007 |
MT |
Il-Ġurnal Uffiċjali ta’ l-Unjoni Ewropea |
L 220/25 |
DEĊIŻJONI TAL-KUMMISSJONI
ta’ l-24 ta’ Awwissu 2007
dwar il-kontribut finanzjarju mill-Komunità għal miżuri ta' emerġenza għall-ġlieda kontra l-marda vesikulari tal-ħnieżer fl-Italja fl-2006 u l-2007
(notifikata taħt id-dokument numru C(2007) 3957)
(It-test bit-Taljan biss huwa awtentiku)
(2007/587/KE)
IL-KUMMISSJONI TAL-KOMUNITAJIET EWROPEJ,
Wara li kkunsidrat it-Trattat li jistabbilixxi l-Komunità Ewropea,
Wara li kkunsidrat id-Deċiżjoni tal-Kunsill 90/424/KEE tas-26 ta' Ġunju 1990 dwar in-nefqa fil-kamp veterinarju (1), u b' mod partikolari l-Artikolu 3(3) tagħha,
Billi:
|
(1) |
Seħħew tifqigħat tal-marda vesikulari tal-ħnieżer fl-Italja fl-2006 u l-2007. Il-preżenza ta’ din il-marda tirrappreżenta riskju serju għall-popolazzjoni tal-bhejjem tal-Komunità. |
|
(2) |
Sabiex il-marda ma tinxteridx u biex tingħata għajnuna għall-eradikazzjoni tagħha kemm jista’ jkun malajr, il-Komunità għandha tikkontribwixxi lejn in-nefqa eliġibbli mġarrba mill-Istat Membru għall-miżuri ta' emerġenza li ttieħdu fil-ġlieda kontra l-marda, kif inhu previst fid-Deċiżjoni 90/424/KEE. |
|
(3) |
Il-ħlas tal-kontribut finanzjarju tal-Komunità għall-miżuri ta’ emerġenża għall-qerda tal-marda vesikulari tal-ħnieżer hu suġġett għar-regoli stipulati fir-Regolament tal-Kummissjoni (KE) Nru 349/2005 tat-28 ta’ Frar 2005 li jistabbilixxi r-regoli rigward il-finanzjament Komunitarju għall-interventi urġenti u l-ġlieda kontra ċertu mard ta’ l-annimali kif imsemmi fid-Deċiżjoni tal-Kunsill 90/424/KEE (2). |
|
(4) |
Fl-4 ta’ Ġunju 2007, l-Italja ppreżentat stima approssimattiva finali ta’ l-ispejjeż li ġġarrbu biex tinqered il-marda. |
|
(5) |
L-awtoritajiet Taljani ssodisfaw bis-sħiħ l-obbligi tekniċi u amministrattivi tagħhom kif stipulati fl-Artikolu 3 tad-Deċiżjoni 90/424/KEE u l-Artikolu 6 tar-Regolament (KE) Nru 349/2005. |
|
(6) |
Il-ħlas tal-kontribut finanzjarju mill-Komunità għandu jkun suġġett għall-kundizzjoni li l-azzjonijiet ippjanati jkunu fil-fatt twettqu u li l-awtoritajiet jipprovdu l-informazzjoni kollha meħtieġa fiż-żmien stipulat. |
|
(7) |
Il-miżuri pprovduti f’din id-Deċiżjoni huma skond l-opinjoni tal-Kumitat Permanenti dwar il-Katina Alimentari u s-Saħħa ta’ l-Annimali, |
ADOTTAT DIN ID-DEĊIŻJONI:
Artikolu 1
Il-kontribut finanzjarju mill-Komunità
1. Kontribut finanzjarju mill-Komunità jingħata lill-Italja għall-ispejjeż imġarrba minn dan l-Istat Membru fit-teħid tal-miżuri msemmija fl-Artikolu 3(2) tad-Deċiżjoni 90/424/KEE fil-ġlieda kontra l-marda vesikulari tal-ħnieżer fl-2006 u l-2007.
2. Il-kontribut finanzjarju tal-Komunità għandu jirrappreżenta 50 % ta’ l-infiq eliġibbli għall-finanzjament Komunitarju kif imsemmi fil-paragrafu 1. Dan għandu jitħallas skond il-kundizzjonijiet stipulati fir-Regolament (KE) Nru 349/2005.
Artikolu 2
Arranġamenti għall-ħlas
L-ewwel porzjon, ta' EUR 1 200 000, għandu jitħallas bħala parti mill-kontribut finanzjarju tal-Komunità stipulat fl-Artikolu 1.
Artikolu 3
Destinatarju
Din id-Deċiżjoni hija indirizzata lir-Repubblika ta' l-Italja.
Magħmul fi Brussell, 24 ta’ Awwissu 2007.
Għall-Kummissjoni
Markos KYPRIANOU
Membru tal-Kummissjoni
(1) ĠU L 224, 18.8.1990, p. 19. Id-Deċiżjoni kif emendata l-aħħar mir-Regolament (KE) Nru 1791/2006 (ĠU L 363, 20.12.2006, p. 1).