5.6.2007   

MT

Il-Ġurnal Uffiċjali ta’ l-Unjoni Ewropea

764


DEĊIŻJONI TAL-KUMMISSJONI

ta' l-4 ta' Diċembru 2006

dwar l-użu ta' l-informazzjoni imħejjija skond standards internazzjonali ta' kontabilità minn emittenti ta' titoli f'pajjiżi terzi

(innotifikata taħt dokument numru C(2006) 5804)

(2006/891/KE)

IL-KUMMISSJONI TAL-KOMUNITAJIET EWROPEJ,

Wara li kkunsidrat it-Trattat li jistabbilixxi l-Komunità Ewropea,

Wara li kkunsidrat id-Direttiva Nru 2004/109/KE tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tal-15 ta' Diċembru 2004 l-armonizzazzjoni tar-rekwiżiti ta' trasparenza f'dak li għandu x'jaqsam ma' informazzjoni dwar emittenti li t-titoli tagħhom huma ammessi għall-kummerċ f'suq regolat u li temenda d-Direttiva 2001/34/KE (1), u b'mod partikolari t-tieni paragrafu ta' l-Artikolu 23(4) tagħha,

Billi:

(1)

Ir-Regolament (KE) Nru 1606/2002 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tad-19 ta' Lulju 2002 rigward l-applikazzjoni ta' standards internazzjonali tal-kontabilità (1) jirrikjedi li l-kumpaniji, inkluż il-banek u l-kumpaniji ta' l-assigurazzjoni li t-titoli tagħhom huma ammessi għall-kummerċ f'suq regolat fuq livell tal-Komunità biex jippreparaw il-kontijiet ikkonsolidati tagħhom b'konformità ma' l-istandards internazzjonali ta' kontabilità magħrufa aktar bħala l-Istandards Internazzjonali ta' l-Irrappurtar Finanzjarju (“IFRS”) għal kull sena finanzjarja li tibda fil- jew wara l-2005.

(2)

Skond l-Artikolu 4 tad-Direttiva 2004/109/KE, meta l-emittent ikun meħtieġ iħejji kontijiet ikkonsolidati, d-dikjarazzjonijiet finanzjarji verifikati għandhom jinkludu dawn il-kontijiet ikkonsolidati mħejjija skond l-IFRS adottata skond Artikolu 3 tar-Regolament (KE) Nru 1606/2002. Bl-istess mod, l-Artikolu 5 tad-Direttiva 2004/109/KE rigward ir-rapporti finanzjarji ta' kull sitt xhur, jipprevedi li s-sett ta' dikjarazzjonijiet finanzjarji fil-qosor, li għandhom iħejju l-emittenti tal-kontijiet konsolidati, għandhom jitħejjew skond dawn l-istandards. Dawn ir-rekwiżiti japplikaw għall-emittenti kollha li t-titoli tagħhom huma ammessi għall-kummerċ f'suq regolat, jekk l-uffiċċju reġistrat tagħhom jinsabx fil-Komunità jew f'pajjiż terz.

(3)

Madankollu, l-Artikolu 23(1) tad-Direttiva 2004/109/KE jippermetti li l-awtorità kompetenti ta' Stat Membru ta' l-oriġini teżenta lill-emittent minn rekwiżiti skond l-Artikoli 4 u 5 dwar id-dikjarazzjonijiet finanzjarji fuq bażi annwali u ta' kull sitt xhur, kemm-il darba l-liġi tal-pajjiż terz inkwistjoni tistabbilixxi rekwiżiti ekwivalenti jew sakemm dan l-emittent jikkonforma mar-rekwiżiti tal-liġi ta' pajjiż terz li l-awtorità kompetenti ta' Stat Membru ta' l-oriġini tikkunsidra bħala ekwivalenti. Barra dan, Artikolu 23(2) tad-Direttiva 2004/109/KE jipprovdi eżenzjoni tranżizzjonali għal emittent li l-uffiċċju rreġistrat tiegħu jkun f'pajjiż terz. Tali emittent huwa eżentat milli jħejji d-dikjarazzjoni finanzjarja tiegħu skond l-Artikolu 4 jew l-Artikolu 5 ta' dik id-Direttiva qabel is-sena finanzjarja li tibda nhar jew wara l-1 ta' Jannar 2007, sakemm l-emittent iħejji d-dikjarazzjonijiet finanzjarji tiegħu skond standards aċċettati internazzjonalment kif jingħad fl-Artikolu 9 tar-Regolament (KE) Nru 1606/2002.

(4)

Mill-adozzjoni tar-Regolament (KE) Nru 1606/2002 ħafna pajjiżi adottaw l-IFRS direttament fl-istandards nazzjonali ta' kontabilità tagħhom. Dan juri biċ-ċar li wieħed mill-għanijiet ta' dan ir-Regolament – jiġifieri li tiġi imħeġġa żieda ta' konverġenza ta' l-istandards tal-kontabilità bl-objettiv li l-IFRS jiġu aċċettati internazzjonalment u jkunu tabilħaqq standards globali tal-kontabilità – qed titwettaq. Għalhekk, huwa xieraq li emittenti minn pajjiżi terzi għandhom jiġu eżentati mill-obbligu li jħejju dikjarazzjonijiet finanzjarji annwali jew ta' kull sitt xhur skond l-IFRS, kif meħtieġ minn Artikoli 4 u 5 tad-Direttiva 2004/109/KE, jekk dawk id-dokumenti jiġu imħejjija skond il-kontijiet ikkonsolidati b'konformità ma' l-istandards internazzjonali ta' kontabilità ta' pajjiż terz u jekk, skond IAS 1 Preżentazzjoni ta' Dikjarazzjonijiet Finanzjarji, ikun fihom dikjarazzjoni espliċita u mingħajr riżervi li huma konformi ma' l-IFRS.

(5)

Fil-parir tiegħu ta' Ġunju 2005, Kumitat tar-Regolaturi ta' Titoli Ewropej (CESR), imwaqqaf mid-Deċiżjoni tal-Kummissjoni 2001/527/EC (2), kkunsidra li l-Prinċipji tal-Kontabilità Ġeneralment Aċċettati (“GAAP”) tal-Kanada, tal-Ġappun u ta' l-Istati Uniti, kull wieħed meqjus għalih, huma ekwivalenti għall-IFRS adottati skond l-Artikolu 3 tar-Regolament (KE) Nru 1606/2002, soġġett għar-rimedji, bħal tagħrif ulterjuri u f'xi każi dikjarazzjonijiet finanzjarji supplimentari.

(6)

F'Jannar 2005, il-Bord ta' l-Istandards tal-Kontabilità Ġappuniż (ASBJ) u l-Bord ta' l-Istandards Internazzjonali tal-Kontabilità (IASB) ħabbru l-ftehim tagħhom li jniedu proġett konġunt biex inaqqsu d-differenzi bejn l-IFRS u il-ĠAAP Ġappuniżi u nedew programm ta' xogħol konġunt f'Marzu 2005 għall-konverġenza tal-GAAP Ġappuniżi ma' l-IFRS. F'Jannar 2006, il-Bord dwar l-Istandards tal-Kontabilità tal-Kanada pubblikament stqarr l-għan tiegħu li jibdel għal sett waħdieni ta' standards ta' kwalità għolja aċċettati internazzonalment għall-kumpaniji pubbliċi, u kkonkluda li din il-mira tintlaħaq l-aħjar billi l-istandards Kanadiżi tal-kontabilità jikkonverġu ma' l-IFRS fi żmien ħames snin. Fi Frar 2006, l-IASB u l-Bord Amerikan ta' l-Istandards tal-Kontabilità Finanzjarja ppubblikaw memorandum ta' ftehim li jagħti fil-qosor programm ta' ħidma għall-konverġenza bejn l-IFRS, u l-GAAP Amerikani, bil-għan li titwettaq waħda mill-kundizzjonijiet tas-Sigurtajiet Amerikani u Kummissjoni tal-Kambju (SEC) li trid titwettaq qabel ma jitneħħa r-rekwiżit tar-rikonċiljazzjoni għal emittenti barranin li jużaw l-IFRS, sa mhux aktar tard mill-2009.

(7)

Madankollu, huwa importanti li l-kwalità bbażata fuq il-prinċipju tar-rappurtar finanzjarju ta' l-IFRS jiġi preservat, li l-istandards ta' l-IFRS jiġu implimetati konsistentament, li ċ-ċertezza legali tiġi provduta lil kumpaniji u investituri, u li t-trattament ugwali ta' dikjarazzjonijiet finanzjarji fuq bażi globali tiġi offruta lil kumpaniji ta' l-UE. Il-valutazzjoni futura ta' l-ekwivalenza għandha tkun ibbażata fuq analiżi teknika u oġġettiva dettaljata dwar id-differenzi bejn l-IFRS u l-istandards ta' kontabilità f'pajjiżi terzi, kif ukoll dwar l-implimentazzjoni konkreta ta' dawn il-GAAP imqabbla ma' l-IFRS. Il-progress tal-proċess ta' konverġenza għandu jkun eżaminat mill-qrib qabel ma tittieħed kwalunkwe deċiżjoni dwar l-ekwivalenza.

(8)

Għalhekk, huwa xieraq li dawk li jiffissaw l-istandards ta' kontabilità fil-Kanada, fil-Ġappun, u fl-Istati Uniti biex jiġu konformi ma' l-IFRS, huwa xieraq, għal perjodu tranżitorju ta' sentejn waqt li dawk li jiffissaw l-istandards u r-regolaturi jkomplu bi djalogu effettiv, il-proċess ta' konverġenza jkompli u jitlesta r-rapport dwar il-progress, biex jippermettu lil emittenti f'pajjiżi terzi jħejju d-dikjarazzjonijiet finanzjarji annwali u ta' kull sitt xhur skond l-istandards ta' kontabilità fil-Kanada, fil-Ġappun, u fl-Istati Uniti.

(9)

Waqt li ħafna pajjiżi adottaw l-IFRS direttament fil-GAAP nazzjonali tagħhom, pajjiżi oħra qed jikkonverġu l-GAAP nazzjonali għal IFRS fuq perjodu ta' żmien. Fid-dawl ta' dan, huwa xieraq, li għal perjodu tranżitorju massimu ta' sentejn, jippermetti wkoll tali emittenti f'pajjiżi terzi li jkomplu jħejju d-dikjarazzjonijiet tagħhom annwali u ta' kull sitt xhur skond GAAP li tkun qed tikkonforma ma' l-IFRS, sakemm l-awtorità nazzjonali responsabbli tkun ħadet impenn pubbliku dwar dan u stabbilixxiet programm ta' ħidma. Sabiex jiġi assigurat li l-eżenzjoni tkun disponibbli biss fil-każi fejn dawn il-kundizzjonijiet jiġu sodisfatti, l-emittent f'pajjiż terz ikun meħtieġ li jipprovdi evidenza li tissodisfa lill-awtorità kompetenti li l-awtorità nazzjonali tkun għamlet dikjarazzjoni pubblika u stabbilixxiet programm ta' ħidma. Sabiex tassigura konsistenza fi ħdan il-Komunità, is-CESR għandha tikkoordina l-evalwazzjoni ta' l-awtoritajiet kompetenti dwar jekk dawk il-kundizzjonijiet humiex sodisfatti fir-rigward ta' GAAPs f'pajjiżi terzi individwali.

(10)

Matul dak il-perjodu ta' sentejn, il-Kummissjoni m'għandhiex biss tkompli bi djalogu attiv ma' l-awtoritajiet rilevanti fil-pajjiż terz iżda wkoll tissorvelja mill-qrib il-progress fil-konverġenza bejn l-IFRS u l-GAAPs tal-Kanada, fil-Ġappun u fl-Istati Uniti, u pajjiżi terzi oħra li stabbilixxew programm ta' konverġenza, sabiex tassigura li hija f'pożizzjoni li tieħu deċiżjoni dwar l-ekwivalenza sa talanqas sitt xhur qabel l-1 ta' Jannar 2009. Barra dan, il-Kummissjoni se tissorvejla b'mod attiv il-progress li jkun għaddej fix-xogħol mill-awtoritajiet rilevanti f'pajjiżi terzi biex telimina kwalunkwe rekwiżit għal emittenti Komunitarji li għandhom aċċess għas-swieq finanzjarji ta' pajjiż terz biex jirrikonċiljaw id-dikjarazzjonijiet finanzjarji imħejjija bl-IFRS. Fi tmiem il-perjodu addizzjonali ta' tranżizzjoni, id-deċiżjoni tal-Kummissjoni għandha tkun tali li l-emittenti Komunitarji u dawk ta' barra mill-UE jkunu fuq l-istess livell.

(11)

Il-Kummissjoni għandha żżomm lill-Kumitat Ewropew tat-Titoli u l-Parlament Ewropew infurmati regolarment dwar il-progress li jkun sar lejn l-eliminazzjoni ta' l-obbligi ta' rikonċiljazzjoni u tal-proċess lejn il-konverġenza. B'hekk, il-Kummissjoni għandha tirraporta lill-Kumitat Ewropew tat-Titoli u l-Parlament Ewropew qabel l-1 ta' April 2007 dwar l-iskeda ppjanata mill-awtoritajiet nazzjonali tal-kontabilità tal-Kanada, tal-Ġappun u ta' l-Istati Uniti għall-konverġenza. Barra dan, qabel l-1 ta' April 2008 u wara li tkun ikkonsultat s-CESR, il-Kummissjoni għandha tirraporta lill-Kumitat Ewropew tat-Titoli u l-Parlament Ewropew dwar il-valutazzjoni tal-GAAPs dwar pajjiżi terzi użati minn emittenti li mhumiex meħtieġa li jippreparaw id-dikjarazzjonijiet tagħhom annwali u ta' kull sitt xhur skond l-IFRS qabel is-snin finanzjarji li jibdew fil- jew wara l-1 ta' Jannar 2009. Fl-aħħar, sa l-1 ta' Jannar 2008, u wara konsultazzjoni xierqa mas-CESR, il-Kummissjoni għandha tassigura li hemm definizzjoni ta' ekwivalenza li tiġi użata għad-determinazzjoni ta' l-ekwivalenza ta' GAAP f'pajjiż terz, fuq il-bażi ta' mekkaniżmu ta' ekwivalenza mwaqqaf għal dan il-għan.

(12)

Il-miżuri stipolati f'din id-Deċiżjoni huma skond l-opinjoni tal-Kumitat Ewropew tat-Titoli.

ADOTTAT DIN ID-DECIZJONI:

Artikolu 1

Qabel is-snin finanzjarji li jibdew fl-1 ta' Jannar 2009 jew wara, emittent li l-uffiċċju reġistrat tiegħu jinsab f'pajjiż terz jista' jħejji d-dikjrazzjonijiet finanzjarji konsolidati annwali u d-dikjarazzjonijiet finanzjarji konsolidati ta' kull sitt xhur skond l-istandards tal-kontabilità ta' pajjiż terz sakemm tiġi sodisfatta waħda minn dawn il-kundizzjoniijiet li ġejjin:

(a)

in-noti mad-dikjarazzjonijiet finanzjarji ikun fihom dikjarazzjoni espliċita u mingħajr riżervi li huma konformi ma' l-Istandards Internazzjonali ta' l-Irrappurtar Finanzjarju skond IAS 1 Preżentazzjoni ta' Dikjarazzjonijiet Finanzjarji;

(b)

id-dikjarazzjonijiet finanzjarji jiġu imħejjija skond il-Prinċipji tal-Kontabilità Ġeneralment Aċċettati jew tal-Kanada, tal-Ġappun jew ta' l-Istati Uniti;

(ċ)

id-dikjarazzjonijiet finanzjarji jiġu imħejjija skond il-Prinċipji tal-Kontabilità Ġeneralment Aċċettati ta' pajjiż terz minbarra il-Kanada, il-Ġappun jew l-Istati Uniti, u jiġu sodisfatti l-kundizzjonijiet li jmiss:

(i)

l-awtorità f'pajjiż terz responsabbli għall-istandards ta' kontabilità nazzjonali fil-kwistjoni tkun ħadet impenn pubbliku, qabel il-bidu tas-sena finanzjarja li għaliha d-dikjarazzjonijiet finanzjarji jkunu qed jirreferu, li dawk l-istandards iġġibhom konformi ma' l-Istandards Internazzjonali ta' l-Irrappurtar Finanzjarju;

(ii)

l-awtorità tkun stabbilixxiet programm ta' ħidma li juri l-intenzjoni li tagħmel progress lejn il-konverġenza qabel il-31 ta' Diċembru 2008; u

(iii)

l-emittent jipprovdi evidenza li tissodisfa lill-awtorità kompetenti li l-kundizzjonijiet f'(i) and (ii) qed jintlaqgħu.

Artikolu 2

1.   Sa l-1 ta' April 2007, il-Kummissjoni għandha tippreżenta lill-Kumitat Ewropew tat-Titoli u l-Parlament Ewropew l-ewwel rapport dwar l-iskeda tax-xogħol għall-awtoritajiet responsabbli għall-istandards ta' kontabilità nazzjonali fl-Istati Uniti, fil-Ġappun u fil-Kanada għall-konverġenza bejn l-IFRS u l-Prinċipji tal-Kontabilità Ġeneralment Aċċettati ta' dawk il-pajjiżi.

2.   Il-Kummissjoni għandha tissorvelja mill-qrib, u tinforma regolarment lill-Kumitat Ewropew tat-Titoli u l-Parlament Ewropew dwar l-ammont tal-progress fil-konverġenza bejn l-Istandards Internazzjonali ta' l-Irrappurtar Finanzjarju u l-Prinċipji tal-Kontabilità Ġeneralment Aċċettati tal-Kanada, tal-Ġappun u ta' l-Istati Uniti, u dwar il-progress fl-eliminazzjoni tar-rekwiżiti ta' rikonċiljazzjoni li japplikaw għall-emittenti Komunitarji f'dawk il-pajjiżi. B'mod partikolari, jekk il-proċess ma jkunx miexi b'mod sodisfaċenti, għandha tinforma lill-Kumitat Ewropew tat-Titoli u l-Parlament Ewropew dwar dan.

3.   Il-Kummissjoni għandha wkoll tinforma regolarment lill-Kumitat Ewropew tat-Titoli u l-Parlament Ewropew dwar l-iżvilupp ta' diskussjonijiet regolatorji u l-ammont ta' progress fil-konverġenza bejn l-Istandards Internazzjonali ta' l-Irrappurtar Finanzjarju u l-Prinċipji tal-Kontabilità Ġeneralment Aċċettati ta' pajjiżi terzi msemmija f'paragrafu (ċ) ta' l-Artikolu 1 u l-progress lejn l-eliminazzjoni ta' kwalunkwe rekwiżiti rikonċiljatorji. B'mod partikolari, jekk il-proċess ma jkunx miexi b'mod sodisfaċenti, il-Kummissjoni għandha tinforma lill-Kumitat Ewropew tat-Titoli u l-Parlament Ewropew dwar dan.

4.   Minbarra l-obbligi stipulati f'paragrafi 2 u 3, il-Kummissjoni għandha tinvolvi ruħha u żżomm djalogu regolari ma' l-awtoritajiet f'pajjiżi terzi, u qabel mhux aktar tard mill-1 ta' April 2008, il-Kummissjoni għandha tippreżenta rapport lill-Kumitat Ewropew tat-Titoli u l-Parlament Ewropew dwar il-progress fil-konverġenza u l-progress lejn l-eliminazzjoni ta' kwalunkwe ħtiġijiet rikonċiljatorji li japplikaw għall-emittenti Komunitarji taħt ir-regoli ta' pajjiż terz kopert minn paragrafu (b) jew (ċ) ta' l-Artikolu 1. Il-Kummissjoni tista' titlob jew tirrikjedi persuna oħra biex tipprepara r-rapport.

5.   Ta' l-anqas sitt xhur qabel l-1 ta' Jannar 2009, il-Kummissjoni għandha tassigura determinazzjoni ta' l-ekwivalenza tal-Prinċipji tal-Kontabilità Ġeneralment Aċċettati ta' pajjiżi terzi, skond definizzjoni ta' l-ekwivalenza u mekkaniżmu ta' ekwivalenza li tkun stabbilixxiet qabel l-1 ta' Jannar 2008 skond il-proċedura msemmija f'Artikolu 27(2) tad-Direttiva 2004/109/KE. Meta tkun qed tikkonforma ma' dan il-paragrafu, il-Kummissjoni għandha l-ewwel tikkonsulta mal-Kumitat tar-Regolaturi ta' Titoli Ewropej dwar kemm huma xierqa d-definizzjoni ta' l-ekwivalenza, il-mekkaniżmu ta' l-ekwivalenza u d-determinazzjoni ta' l-ekwivalenza li ssir.

Artikolu 3

Din id-Deċiżjoni hija indirizzata lill-Istati Membri.

Magħmul fi Brussel, 4 ta' Diċembru 2006.

Għall-Kummissjoni

Charlie MCCREEVY

Membru tal-Kummissjoni


(1)   ĠU L 390, 31.12.2004, p. 38.

(1)   ĠU L 243, 11.9.2002, p. 1.

(2)   ĠU L 191, 13.7.2001, p. 43.