|
Il-Ġurnal Uffiċjali |
MT Is-serje L |
|
2026/667 |
18.3.2026 |
REGOLAMENT (UE) 2026/667 TAL-PARLAMENT EWROPEW U TAL-KUNSILL
tal-11 ta’ Marzu 2026
li jemenda r-Regolament (UE) 2021/1119 fir-rigward tal-istabbiliment ta’ mira klimatika intermedja tal-Unjoni għall-2040
IL-PARLAMENT EWROPEW U L-KUNSILL TAL-UNJONI EWROPEA,
Wara li kkunsidraw it-Trattat dwar il-Funzjonament tal-Unjoni Ewropea, u b’mod partikolari l-Artikolu 192(1) tiegħu,
Wara li kkunsidraw il-proposta tal-Kummissjoni Ewropea,
Wara li l-abbozz tal-att leġiżlattiv intbagħat lill-parlamenti nazzjonali,
Wara li kkunsidraw l-opinjoni tal-Kumitat Ekonomiku u Soċjali Ewropew (1),
Wara li kkonsultaw mal-Kumitat tar-Reġjuni,
Filwaqt li jaġixxu skont il-proċedura leġiżlattiva ordinarja (2),
Billi:
|
(1) |
L-eżitu tal-ewwel rendikont globali skont il-Ftehim ta’ Pariġi (3), konkluż fil-Konferenza tan-Nazzjonijiet Uniti dwar it-Tibdil fil-Klima fi tmiem l-2023, sab li l-Partijiet qed idaħħlu fis-seħħ politiki dejjem aktar effettivi dwar il-klima, iżda li hija meħtieġa azzjoni addizzjonali urġenti biex id-dinja titqiegħed fit-triq it-tajba biex jintlaħqu l-għanijiet tal-Ftehim ta’ Pariġi. |
|
(2) |
Permezz tal-adozzjoni tar-Regolament (UE) 2021/1119 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill (4), l-Unjoni naqqxet fil-leġiżlazzjoni objettiv vinkolanti ta’ newtralità klimatika fl-ekonomija kollha sal-2050, ħalli b’hekk l-emissjonijiet ta’ gassijiet b’effett ta’ serra jitnaqqsu għal żero netti sa dik id-data, u l-għan li jinkisbu emissjonijiet negattivi minn hemm ’il quddiem. Dak ir-Regolament stabbilixxa wkoll mira klimatika intermedja vinkolanti tal-Unjoni għall-2030 u kien jeħtieġ l-istabbiliment ta’ mira klimatika intermedja għall-Unjoni kollha għall-2040. |
|
(3) |
Filwaqt li qieset il-parir xjentifiku tal-Bord Konsultattiv Xjentifiku Ewropew dwar it-Tibdil fil-Klima (il-“Bord Konsultattiv”) u abbażi ta’ valutazzjoni tal-impatt dettaljata, il-Kummissjoni ppreżentat, fil-komunikazzjoni tagħha tas-6 ta’ Frar 2024 bit-titolu “Niżguraw il-futur tagħna. Il-mira klimatika Ewropea għall-2040 u l-perkors għan-newtralità klimatika sal-2050 aħna u nibnu soċjetà sostenibbli, prospera u ġusta”, mira rakkomandata ta’ tnaqqis ta’ 90 % fl-emissjonijiet netti ta’ gassijiet b’effett ta’ serra għall-2040 meta mqabbla mal-livelli tal-1990. |
|
(4) |
Sabiex tipproponi l-mira klimatika tal-Unjoni għall-2040, il-Kummissjoni kkunsidrat l-elementi li ġejjin: l-aqwa evidenza xjentifika disponibbli u dik l-aktar reċenti, inklużi l-aħħar rapporti tal-Grupp Intergovernattiv ta’ Esperti dwar it-Tibdil fil-Klima (IPCC, Intergovernmental Panel on Climate Change) u tal-Bord Konsultattiv; l-impatti soċjali, ekonomiċi u ambjentali, inklużi l-kostijiet ta’ nuqqas ta’ azzjoni; il-ħtieġa li jiġi żgurat li t-tranżizzjoni tkun waħda ġusta u soċjalment ekwa għal kulħadd; il-kosteffettività u l-effiċjenza ekonomika; il-kompetittività tal-ekonomija tal-Unjoni, b’mod partikolari dik tal-intrapriżi żgħar u ta’ daqs medju (SMEs) u tas-setturi l-aktar esposti għal rilokazzjoni tal-emissjonijiet tal-karbonju; l-aqwa teknoloġiji kosteffettivi, sikuri u skalabbli disponibbli; l-effiċjenza enerġetika, inkluż il-prinċipju “l-effiċjenza enerġetika tiġi l-ewwel”; l-affordabbiltà tal-enerġija u s-sigurtà tal-provvista għall-Istati Membri kollha; l-ekwità u s-solidarjetà bejn l-Istati Membri u fi ħdanhom; il-ħtieġa li jiġu żgurati l-effettività ambjentali u l-progress maż-żmien; il-ħtieġa li l-bjar naturali jinżammu, jiġu ġestiti u jiġu mtejba fit-tul u li l-bijodiversità tiġi mħarsa u rrestawrata inkluż fl-ambjent tal-baħar; il-ħtiġijiet u l-opportunitajiet b’rabta mal-investiment; l-iżviluppi u l-isforzi li jkunu saru fil-livell internazzjonali biex jintlaħqu l-objettivi fit-tul tal-Ftehim ta’ Pariġi u l-objettiv aħħari tal-Konvenzjoni Qafas tan-Nazzjonijiet Uniti dwar it-Tibdil fil-Klima; u l-informazzjoni eżistenti dwar il-baġit indikattiv projettat tal-Unjoni għall-gassijiet b’effett ta’ serra għall-perjodu 2030–2050. |
|
(5) |
Sabiex tintlaħaq il-mira klimatika għall-2040, huwa essenzjali, fost l-oħrajn, li jiġi implimentat bis-sħiħ il-qafas ta’ politika maqbul għall-2030; biex jiġi żgurat u pprovdut appoġġ li jtejjeb u jsaħħaħ il-kompetittività u r-reżiljenza tal-industrija Ewropea; biex jiġu żgurati sistemi tal-ikel sostenibbli kif ukoll ir-reżiljenza tal-komunitajiet rurali u s-sigurtà tal-ikel permezz ta’ settur agrikolu Ewropew sostenibbli u robust; biex jiġu żgurati perkorsi ta’ tranżizzjoni bbażati fuq l-aqwa teknoloġiji kosteffettivi, sikuri u skalabbli disponibbli; u biex tiġi stabbilita enfasi akbar fuq tranżizzjoni ġusta għar-reġjuni, is-setturi u l-unitajiet domestiċi vulnerabbli milquta li ma tħalli lil ħadd jibqa’ lura, pereżempju permezz ta’ appoġġ mill-Fond Soċjali għall-Klima (5), fit-tranżizzjoni lejn in-newtralità klimatika. Barra minn hekk, huwa essenzjali li tiġi żgurata kompetizzjoni ġusta mas-sħab internazzjonali u li jsir użu effettiv mill-istrumenti ekonomiċi kollha tal-Unjoni biex jiġu skoraġġuti u miġġielda l-prattiki kummerċjali inġusti, biex tiġi dekarbonizzata s-sistema tal-enerġija permezz ta’ approċċ newtrali mil-lat teknoloġiku li jinkludi s-soluzzjonijiet kollha tal-enerġija b’emissjonijiet żero u baxxi tal-karbonju (inklużi s-sorsi tal-enerġija rinnovabbli, nukleari, l-effiċjenza enerġetika, il-ħżin, il-qbid u l-ħżin tal-karbonju (CCS), il-qbid u l-użu tal-karbonju (CCU), l-assorbimenti tal-karbonju, l-enerġija ġeotermali u l-idroenerġija, il-bijoenerġija sostenibbli u t-teknoloġiji l-oħra kollha attwali u futuri tal-enerġija b’emissjonijiet żero netti, biex jitnaqqsu d-dipendenzi fuq l-importazzjoni u jiġu ddiversifikati s-sorsi ta’ materja prima kritika tal-Unjoni, u biex jiġi organizzat djalogu strateġiku dwar il-qafas għal wara l-2030 mas-setturi rilevanti kollha, inklużi l-industrija u t-trasport. |
|
(6) |
Fil-konklużjonijiet tiegħu tat-23 ta’ Ottubru 2025, il-Kunsill Ewropew iddikjara li t-titjib tal-kompetittività tal-Unjoni, it-tisħiħ tar-reżiljenza tagħha u l-avvanz tat-tranżizzjoni ekoloġika huma objettivi ta’ tisħiħ reċiproku li jridu jiġu segwiti flimkien, u appella għal żieda urġenti fl-isforzi biex tiġi żgurata l-provvista ta’ enerġija affordabbli u nadifa u tinbena Unjoni tal-Enerġija ġenwina qabel l-2030, inkluż billi tiġi sfruttata t-Task Force ġdida għall-Unjoni tal-Enerġija, kif ukoll biex tiġi aċċellerata l-ħidma mmirata lejn it-tnaqqis tal-prezzijiet tal-enerġija u lejn l-appoġġ għall-produzzjoni tal-enerġija sostenibbli domestikament fl-Unjoni. Bil-ħsieb li tiġi żgurata tranżizzjoni kosteffettiva, ekwa u ġusta, prammatika u soċjalment ibbilanċjata lejn in-newtralità klimatika, filwaqt li jitqiesu ċ-ċirkostanzi nazzjonali differenti, l-investiment kemm tas-settur privat kif ukoll dak pubbliku, inkluż permezz tal-finanzjament tal-Unjoni, se jkun faċilitatur ewlieni għat-tranżizzjoni nadifa, pereżempju billi jiġu appoġġati u aċċellerati l-użu u l-kummerċjalizzazzjoni ta’ teknoloġiji innovattivi fl-Istati Membri kollha, billi jiġu appoġġati l-aċċess għad-dekarbonizzazzjoni u t-tiġdid industrijali, il-manifattura ta’ teknoloġiji nodfa u l-modernizzazzjoni tas-sistemi tal-enerġija, u billi jiġu pprovduti soluzzjonijiet affordabbli fl-ekonomija kollha u għaċ-ċittadini fl-Unjoni kollha. Il-Patt għal Industrija Nadifa, imniedi fil-komunikazzjoni tal-Kummissjoni tas-26 ta’ Frar 2025 bit-titolu “Il-Patt għal Industrija Nadifa: Pjan direzzjonali konġunt għall-kompetittività u d-dekarbonizzazzjoni”, qed jistabbilixxi l-kundizzjonijiet għal tranżizzjoni b’suċċess, filwaqt li jiffoka kemm fuq id-dekarbonizzazzjoni u t-tiġdid industrijali, li ser jikkontribwixxi biex tissaħħaħ id-domanda għall-“made in Europe”, u għall-mekkaniżmi ta’ appoġġ għall-industrija Ewropea, inklużi bank għad-dekarbonizzazzjoni industrijali u l-qafas il-ġdid simplifikat għall-għajnuna mill-Istat. |
|
(7) |
Fil-konklużjonijiet tiegħu tat-23 ta’ Ottubru 2025, il-Kunsill Ewropew fakkar fil-ħtieġa urġenti li jiġu intensifikati l-isforzi kollettivi biex jiġu żgurati d-dekarbonizzazzjoni, il-modernizzazzjoni u t-tiġdid industrijali tal-Ewropa b’mod teknoloġikament newtrali. F’dak il-kuntest, issottolinja li jenħtieġ li tingħata attenzjoni partikolari lill-industriji tradizzjonali, b’mod partikolari l-industriji tat-tbaħħir, tal-avjazzjoni u tal-karozzi kif ukoll l-industriji li jużaw ħafna enerġija, bħal dawk tal-azzar u tal-metalli, tas-sustanzi kimiċi, tas-siment, tal-ħġieġ u taċ-ċeramika, u tal-polpa u l-karta, sabiex jibqgħu reżiljenti u kompetittivi f’suq dinji u f’ambjent ġeopolitiku diffiċli. F’dak ir-rigward, laqa’ l-proposta tal-Kummissjoni biex is-settur Ewropew tal-azzar jiġi protett mill-impatti inġusti tal-kapaċità żejda dinjija. Laqa’ wkoll l-intenzjoni tal-Kummissjoni li tmexxi ’l quddiem ir-rieżami previst skont ir-Regolament (UE) 2019/631 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill (6), u appella għall-preżentazzjoni rapida ta’ dik il-proposta, filwaqt li jitqiesu n-newtralità teknoloġika u l-kontenut Ewropew. F’dak il-kuntest, il-Kunsill Ewropew laqa’ l-ittra mill-President tal-Kummissjoni dwar il-klima u l-kompetittività tal-20 ta’ Ottubru 2025. |
|
(8) |
Il-Patt għal Industrija Nadifa jiffoka wkoll fuq aċċess aħjar għall-finanzi pubbliċi u privati, suq tal-enerġija tal-Unjoni integrat u interkonness li jiżgura s-sigurtà tal-enerġija, il-promozzjoni ta’ ekonomija ċirkolari, kundizzjonijiet ekwi dinjija inkluż permezz tal-implimentazzjoni effettiva u l-estensjoni tal-mekkaniżmu ta’ aġġustament tal-karbonju fil-fruntieri (7) għal merkanzija downstream, l-introduzzjoni ta’ miżuri kontra ċ-ċirkomvenzjoni u azzjoni biex tiġi indirizzata r-rilokazzjoni tal-emissjonijiet tal-karbonju mill-esportazzjoni, u kundizzjonijiet abilitanti ċari bħal permessi simplifikati u l-adozzjoni u l-iskalar ta’ teknoloġiji nodfa, sabiex jissaħħu l-vantaġġ kompetittiv tal-Unjoni u l-kompetittività industrijali tagħha u tissaħħaħ l-innovazzjoni fl-Unjoni, filwaqt li jitqies l-ambjent ġeopolitiku diffiċli. |
|
(9) |
Fid-dawl tal-objettiv tan-newtralità klimatika sal-2050, jenħtieġ li l-emissjonijiet ta’ gassijiet b’effett ta’ serra, sal-2040, jitnaqqsu u l-assorbimenti jiżdiedu, biex jiġi żgurat li l-emissjonijiet netti ta’ gassijiet b’effett ta’ serra, jiġifieri l-emissjonijiet wara t-tnaqqis tal-assorbimenti, jitnaqqsu fl-ekonomija kollha b’90 % sal-2040 meta mqabbla mal-livelli tal-1990. |
|
(10) |
Jenħtieġ li tingħata prijorità lit-tnaqqis domestiku fl-emissjonijiet tal-gassijiet b’effett ta’ serra, filwaqt li dan jiġi kkomplementat b’żieda fl-assorbimenti, inkluż permezz ta’ soluzzjonijiet kemm naturali kif ukoll teknoloġiċi. Fl-iżvilupp tal-pakkett ta’ politika ta’ wara l-2030, jenħtieġ li tingħata attenzjoni xierqa lill-kontribut tat-tnaqqis gross tal-emissjonijiet meta mqabbel mal-assorbimenti naturali u teknoloġiċi. L-assorbimenti naturali għandhom karatteristiċi li jenħtieġ li jitqiesu, bħall-istruttura ta’ maturazzjoni tal-foresti, il-proporzjon ta’ ħamrija organika, il-varjabbiltà naturali, u l-inċertezzi relatati mal-impatti tat-tibdil fil-klima, mad-disturbi naturali u mal-bidliet fil-metodoloġiji. L-assorbimenti naturali u industrijali se jaqdu rwol dejjem akbar fl-ekonomija tal-Unjoni fid-deċennji li ġejjin, fid-dawl tal-ħtieġa li jiġu bbilanċjati l-emissjonijiet u l-assorbimenti tal-gassijiet b’effett ta’ serra sa mhux aktar tard mill-2050 u l-emissjonijiet negattivi minn hemm ’il quddiem. Se jiġu żviluppati inċentivi fil-kuntest tar-rieżami tad-Direttiva 2003/87/KE tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill (8) fl-2026, fejn il-Kummissjoni tbassar li se tipprevedi l-inklużjoni ta’ assorbimenti permanenti domestiċi tal-karbonju fis-sistema għall-iskambju ta’ kwoti ta’ emissjonijiet ta’ gassijiet serra ġewwa l-Unjoni (l-“EU ETS”) biex jiġu kkumpensati l-emissjonijiet residwi li diffiċli jitnaqqsu. Is-settur tal-użu tal-art, tat-tibdil fl-użu tal-art u tal-forestrija għandu rwol ċentrali f’bijoekonomija sostenibbli u ċirkolari u għandu l-potenzjal li jipprovdi benefiċċji klimatiċi u ambjentali fit-tul, li jikkontribwixxu għat-tranżizzjoni nadifa tal-ekonomija tal-Unjoni u jnaqqsu d-dipendenzi billi jissostitwixxu l-materjali bbażati fuq il-fossili. |
|
(11) |
Filwaqt li xi politiki abilitanti diġà ġew implimentati u l-impatt tagħhom diġà huwa viżibbli, dan għadu mhuwiex il-każ għall-politiki abilitanti kollha bħal dawn. Jenħtieġ li l-Kummissjoni tkompli ssaħħaħ l-inizjattivi rigward il-qafas ta’ abilitazzjoni u timmira li taċċellera l-adozzjoni tagħhom biex tiżgura li jkun hemm fis-seħħ kundizzjonijiet li jappoġġaw lill-industrija u liċ-ċittadini Ewropej matul it-tranżizzjoni, b’rispett sħiħ tal-liġi tal-Unjoni. |
|
(12) |
L-Unjoni għandha stabbilit qafas regolatorju biex tilħaq il-mira klimatika għall-2030. Il-leġiżlazzjoni li timplimenta dik il-mira tikkonsisti, fost l-oħrajn, mid-Direttiva 2003/87/KE, li tistabbilixxi l-EU ETS, mir-Regolament (UE) 2018/842 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill (9), li daħħal miri nazzjonali għat-tnaqqis tal-emissjonijiet ta’ gassijiet serra sal-2030, u r-Regolament (UE) 2018/841 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill (10), li jistabbilixxi miri tal-assorbiment nett tal-karbonju għas-settur tal-użu tal-art. Sabiex tiġi żgurata tranżizzjoni bla xkiel għas-sistema għall-iskambju ta’ kwoti tal-emissjonijiet għas-setturi tal-bini, tat-trasport bit-triq u oħrajn addizzjonali stabbiliti fil-Kapitolu IVa tad-Direttiva 2003/87/KE (l-“ETS2”), it-tħaddim tal-iskambju ta’ kwoti tal-emissjonijiet għal dawk is-setturi addizzjonali jenħtieġ li jiġi pospost b’sena u jenħtieġ li japplikaw ir-regoli stabbiliti fl-Artikolu 30k(2), il-punti (a) sa (e), tad-Direttiva 2003/87/KE. Il-Kummissjoni jenħtieġ li tivvaluta kif il-leġiżlazzjoni rilevanti tal-Unjoni jeħtieġ li tiġi emendata sabiex tintlaħaq il-mira klimatika għall-2040, filwaqt li tqis ukoll il-kapaċità dejjem tonqos tal-bjar naturali. Meta tfassal il-qafas għal wara l-2030, jenħtieġ li l-Kummissjoni tħejji valutazzjonijiet tal-impatt dettaljati, filwaqt li tqis l-analiżi tagħha tal-pjanijiet nazzjonali integrati dwar l-enerġija u l-klima, l-ambjent ġeopolitiku, inkluż il-bżonn li tiġi żgurata l-kapaċità tal-Unjoni u tal-Istati Membri tagħha biex iżidu b’mod rapidu u jsaħħu l-kapaċità difensiva tagħhom billi jiġu indirizzati l-piżijiet possibbli filwaqt li jinżammu l-inċentivi għad-dekarbonizzazzjoni industrijali, l-impatti fuq il-kompetittività, l-SMEs u l-industriji li jużaw ħafna enerġija, u l-impatti fuq il-kostijiet tal-enerġija u l-ħtiġijiet ta’ investiment fl-Istati Membri kollha, u jenħtieġ li tikkunsidra li tieħu l-miżuri neċessarji, inklużi proposti leġiżlattivi skont kif ikun xieraq. |
|
(13) |
Jenħtieġ li f’dawk il-proposti leġiżlattivi jiġu riflessi b’mod xieraq għadd ta’ elementi biex tiġi ffaċilitata l-kisba tal-mira klimatika għall-2040, inklużi: kontribut adegwat għall-mira klimatika għall-2040 ta’ krediti internazzjonali ta’ kwalità għolja skont l-Artikolu 6 tal-Ftehim ta’ Pariġi mill-2036 sal2040, b’mod li jkun kemm ambizzjuż kif ukoll kosteffiċjenti u f’konformità mar-regoli kontabilistiċi tal-Ftehim ta’ Pariġi, inkluż perjodu pilota biex jinbeda suq tal-kreditu internazzjonali ta’ kwalità għolja u ta’ integrità għolja mill-2031 sal-2035; ir-rwol tal-assorbimenti permanenti domestiċi, (bħall-qbid tal-emissjonijiet bijoġeniċi bil-ħżin tal-karbonju (BioCCS) u l-qbid u l-ħżin tal-karbonju dirett mill-arja (DACCS)) fl-EU ETS, filwaqt li tiġi żgurata l-integrità ambjentali tal-EU ETS, inkluża l-possibbiltà li s-CO2 jinħażen barra mill-Unjoni, skont kif ikun xieraq, b’soġġett għall-eżistenza ta’ ftehimiet internazzjonali u filwaqt li jiġu previsti kundizzjonijiet ekwivalenti għal dawk stabbiliti fil-liġi tal-Unjoni; u flessibbiltà mtejba u aċċessibbli fis-setturi u fl-istrumenti kollha u fi ħdanhom biex jiġi appoġġat approċċ kosteffettiv, li permezz tiegħu, pereżempju, l-kisbiet tal-Istati Membri f’settur wieħed ikunu jistgħu jibbilanċjaw id-diskrepanzi f’setturi oħrajn b’mod kosteffiċjenti filwaqt li jiġi żgurat li kull settur jikkontribwixxi għall-isforzi, u jiġi żgurat li n-nuqqasijiet possibbli f’settur wieħed ma jkunux għad-detriment ta’ setturi ekonomiċi oħra, mingħajr preġudizzju għall-possibbiltà ta’ kull Stat Membru li jagħmel użu mill-flessibbiltajiet. Fl-operazzjonalizzazzjoni tal-użu tal-krediti internazzjonali, jenħtieġ li l-Kummissjoni tqis il-ħtieġa li jiġu żgurati kundizzjonijiet ekwi madwar l-Istati Membri u l-opportunità li jiġu appoġġati sħubijiet strateġiċi tal-Unjoni f’konformità mal-interessi tal-Unjoni. Jenħtieġ li t-trajettorja attwali tal-EU ETS tiġi riveduta fir-rieżami li jmiss tad-Direttiva 2003/87/KE biex titqies il-mira maqbula għall-2040 b’mod li jippermetti ammont limitat ta’ emissjonijiet wara l-2039. Jenħtieġ li l-Kummissjoni tqis b’mod f’waqtu perkors ta’ eliminazzjoni gradwali aktar bil-mod għall-allokazzjoni bla ħlas tal-kwoti mill-2028 ’il quddiem biex jiġu appoġġati d-dekarbonizzazzjoni, l-investiment u l-impjiegi fl-Unjoni, inkluż permezz tal-Bank għad-Dekarbonizzazzjoni Industrijali u rieżami tar-riżerva tal-istabbiltà tas-suq (11), filwaqt li jiġi mminimizzat ir-riskju ta’ rilokazzjoni tal-emissjonijiet tal-karbonju. Sabiex jiġu vvalutati l-impatti soċjali, ekonomiċi u ambjentali, il-qafas għal wara l-2030 jenħtieġ li jkun ibbażat fuq valutazzjonijiet tal-impatt robusti. Il-qafas għal wara l-2030 jenħtieġ li jrawwem ukoll il-konverġenza filwaqt li jqis l-ekwità u l-ispeċifiċitajiet u ċ-ċirkostanzi nazzjonali tal-Istati Membri, inklużi dawk tal-gżejjer, tal-Istati Membri gżejjer u tar-reġjuni ultraperiferiċi. |
|
(14) |
Minħabba li l-objettiv ta’ dan ir-Regolament, jiġifieri li tiġi stabbilita mira klimatika intermedja tal-Unjoni għall-2040, ma jistax jinkiseb b’mod suffiċjenti mill-Istati Membri iżda jista’ pjuttost, minħabba l-iskala u l-effetti tiegħu, jinkiseb aħjar fil-livell tal-Unjoni, l-Unjoni tista’ tadotta miżuri, f’konformità mal-prinċipju ta’ sussidjarjetà kif stabbilit fl-Artikolu 5 tat-Trattat dwar l-Unjoni Ewropea. F’konformità mal-prinċipju ta’ proporzjonalità kif stabbilit f’dak l-Artikolu, dan ir-Regolament ma jmurx lil hinn minn dak li huwa meħtieġ sabiex jinkiseb dak l-objettiv. |
|
(15) |
Għaldaqstant, jenħtieġ li r-Regolament (UE) 2021/1119 jiġi emendat skont dan, |
ADOTTAW DAN IR-REGOLAMENT:
Artikolu 1
Emendi għar-Regolament (UE) 2021/1119
Ir-Regolament (UE) 2021/1119 huwa emendat kif ġej:
|
(1) |
fl-Artikolu 1, it-tieni paragrafu, tiżdied is-sentenza li ġejja: “Dan ir-Regolament jistabbilixxi wkoll mira vinkolanti tal-Unjoni għall-2040.” ; |
|
(2) |
fl-Artikolu 4, il-paragrafi 3, 4 u 5 huma sostitwiti b’dan li ġej: “3. Sabiex jintlaħaq l-objettiv tan-newtralità klimatika stabbilit fl-Artikolu 2(1), il-mira klimatika vinkolanti tal-Unjoni għall-2040 għandha tkun tnaqqis tal-emissjonijiet netti ta’ gassijiet b’effett ta’ serra (emissjonijiet wara t-tnaqqis tal-assorbimenti) b’90 % sal-2040 meta mqabbla mal-livelli tal-1990. 4. Bi tħejjija għall-perjodu wara l-2030, il-Kummissjoni għandha twettaq rieżami tal-leġiżlazzjoni rilevanti tal-Unjoni sabiex tippermetti l-ilħuq tal-mira stabbilita fil-paragrafu 3 ta’ dan l-Artikolu u tal-objettiv tan-newtralità klimatika stabbilit fl-Artikolu 2(1) u tqis li tieħu l-miżuri meħtieġa kif xieraq u abbażi ta’ valutazzjonijiet tal-impatt dettaljati, f’konformità mat-Trattati. Il-Kummissjoni għandha tkompli ssaħħaħ l-inizjattivi li jikkonċernaw il-qafas ta’ abilitazzjoni u għandu jkollha l-għan li taċċellera l-adozzjoni u l-implimentazzjoni tagħhom biex tiżgura li jkun hemm fis-seħħ kundizzjonijiet li jappoġġaw lill-persuni ġuridiċi u fiżiċi milquta, bħall-industrija u ċ-ċittadini Ewropej, matul it-tranżizzjoni, lejn il-miri stabbiliti fil-paragrafi 1 u 3 ta’ dan l-Artikolu, l-objettiv tan-newtralità klimatika stabbilit fl-Artikolu 2(1) u ekonomija newtrali għall-klima. 5. Fil-qafas tar-rieżami msemmi fil-paragrafu 4, l-ewwel subparagrafu, sabiex jiġi ffaċilitat l-ilħuq tal-mira stabbilita fil-paragrafu 3, il-Kummissjoni għandha tiżgura li l-elementi li ġejjin ikunu riflessi kif xieraq fil-proposti leġiżlattivi:
(*1) Id-Direttiva 2003/87/KE tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tat-13 ta’ Ottubru 2003 li tistabbilixxi sistema għall-iskambju ta’ kwoti ta’ emissjonijiet ta’ gassijiet serra ġewwa l-Unjoni u li temenda d-Direttiva 96/61/KE (ĠU L 275, 25.10.2003, p. 32, ELI: http://data.europa.eu/eli/dir/2003/87/oj).”;" |
|
(3) |
fl-Artikolu 4, jiżdied il-paragrafu li ġej: “8. Mis-6 ta’ Marzu 2027 u kull sentejn wara dan, il-Kummissjoni għandha tivvaluta u tirrapporta dwar l-implimentazzjoni tal-miri intermedji u t-trajettorji tad-dekarbonizzazzjoni stipulati f’dan ir-Regolament, filwaqt li tqis l-aħħar evidenza xjentifika, l-avvanzi teknoloġiċi u l-isfidi li qed jevolvu u l-opportunitajiet għall-kompetittività dinjija tal-Unjoni. Dik il-valutazzjoni tista’ tkun akkumpanjata, meta dan ikun xieraq, minn proposti leġiżlattivi.” |
|
(4) |
fl-Artikolu 11, l-ewwel paragrafu, jiżdiedu l-punti li ġejjin:
; |
|
(5) |
fl-Artikolu 11, it-tieni paragrafu huwa sostitwit b’dan li ġej: “Ir-rapport tal-Kummissjoni għandu jkun akkumpanjat, meta dan ikun xieraq, minn proposti leġiżlattivi biex jiġi emendat dan ir-Regolament, inkluża l-mira intermedja għall-2040, u minn miżuri addizzjonali biex isaħħu l-inizjattivi li jikkonċernaw il-qafas ta’ abilitazzjoni li jappoġġa l-implimentazzjoni effettiva kontinwa ta’ dan ir-Regolament, f’konformità mal-Artikolu 4(5), u filwaqt li jiġu żgurati l-kompetittività, il-prosperità u l-koeżjoni soċjali tal-Unjoni.”. |
Artikolu 2
Posponiment tat-tħaddim tal-iskambju ta’ kwoti tal-emissjonijiet għas-setturi tal-bini, tat-trasport bit-triq u oħrajn addizzjonali
It-tħaddim tal-iskambju ta’ kwoti tal-emissjonijiet għas-setturi tal-bini, tat-trasport bit-triq u oħrajn addizzjonali stabbiliti fil-Kapitolu IVa tad-Direttiva 2003/87/KE għandu jiġi pospost sal-2028. Ir-regoli stabbiliti fl-Artikolu 30k(2), il-punti (a) sa (e), tad-Direttiva 2003/87/KE għandhom japplikaw. Id-dispożizzjonijiet tal-Artikolu 10a(8b) tad-Direttiva 2003/87/KE għandhom japplikaw ukoll fl-2026.
Artikolu 3
Dħul fis-seħħ
Dan ir-Regolament għandu jidħol fis-seħħ fl-għoxrin jum wara dak tal-pubblikazzjoni tiegħu f’Il-Ġurnal Uffiċjali tal-Unjoni Ewropea.
Dan ir-Regolament għandu jorbot fl-intier tiegħu u japplika direttament fl-Istati Membri kollha.
Magħmul fi Strasburgu, il-11 ta’ Marzu 2026.
Għall-Parlament Ewropew
Il-President
R. METSOLA
Għall-Kunsill
Il-President
M. RAOUNA
(1) ĠU C, C/2026/37, 16.1.2026, ELI: http://data.europa.eu/eli/C/2026/37/oj.
(2) Il-Pożizzjoni tal-Parlament Ewropew tal-10 ta’ Frar 2026 (għadha mhijiex ippubblikata fil-Ġurnal Uffiċjali) u d-Deċiżjoni tal-Kunsill tal-5 ta’ Marzu 2026.
(3) ĠU L 282, 19.10.2016, p. 4.
(4) Ir-Regolament (UE) 2021/1119 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tat-30 ta’ Ġunju 2021 li jistabbilixxi l-qafas biex tinkiseb in-newtralità klimatika u li jemenda r-Regolamenti (KE) Nru 401/2009 u (UE) 2018/1999 (“il-Liġi Ewropea dwar il-Klima”) (ĠU L 243, 9.7.2021, p. 1, ELI: http://data.europa.eu/eli/reg/2021/1119/oj).
(5) Ir-Regolament (UE) 2023/955 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tal-10 ta’ Mejju 2023 li jistabbilixxi Fond Soċjali għall-Klima u li jemenda r-Regolament (UE) 2021/1060 (ĠU L 130, 16.5.2023, p. 1, ELI: http://data.europa.eu/eli/reg/2023/955/oj).
(6) Ir-Regolament (UE) 2019/631 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tas-17 ta’ April 2019 li jistabbilixxi standards ta’ rendiment fir-rigward tal-emissjonijiet ta’ CO2 tal-karozzi ġodda tal-passiġġieri u tal-vetturi kummerċjali ħfief ġodda, u li jħassar ir-Regolamenti (KE) Nru 443/2009 u (UE) Nru 510/2011 (ĠU L 111, 25.4.2019, p. 13, ELI: http://data.europa.eu/eli/reg/2019/631/oj).
(7) Ir-Regolament (UE) 2023/956 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tal-10 ta’ Mejju 2023 li jistabbilixxi mekkaniżmu ta’ aġġustament tal-karbonju fil-fruntieri (ĠU L 130, 16.5.2023, p. 52, ELI: http://data.europa.eu/eli/reg/2023/956/oj).
(8) Id-Direttiva 2003/87/KE tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tat-13 ta’ Ottubru 2003 li tistabbilixxi sistema għall-iskambju ta’ kwoti ta’ emissjonijiet ta’ gassijiet serra ġewwa l-Unjoni u li temenda d-Direttiva tal-Kunsill 96/61/KE (ĠU L 275, 25.10.2003, p. 32, ELI: http://data.europa.eu/eli/dir/2003/87/oj).
(9) Ir-Regolament (UE) 2018/842 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tat-30 ta’ Mejju 2018 dwar it-tnaqqis annwali vinkolanti tal-emissjonijiet ta’ gassijiet serra mill-Istati Membri mill-2021 sal-2030 li jikkontribwixxi għall-azzjoni klimatika biex jiġu onorati l-impenji li saru fil-Ftehim ta’ Pariġi, u li jemenda r-Regolament (UE) Nru 525/2013 (ĠU L 156, 19.6.2018, p. 26, ELI: http://data.europa.eu/eli/reg/2018/842/oj).
(10) Ir-Regolament (UE) 2018/841 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tat-30 ta’ Mejju 2018 dwar l-inklużjoni tal-emissjonijiet u l-assorbimenti ta’ gassijiet serra minn użu tal-art, tibdil fl-użu tal-art u l-forestrija fil-qafas ta’ politika għall-klima u l-enerġija għall-2030, u li jemenda r-Regolament (UE) Nru 525/2013 u d-Deċiżjoni Nru 529/2013/UE (ĠU L 156, 19.6.2018, p. 1, ELI: http://data.europa.eu/eli/reg/2018/841/oj).
(11) Id-Deċiżjoni (UE) 2015/1814 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tas-6 ta’ Ottubru 2015 dwar l-istabbiliment u l-funzjonament ta’ riżerva tal-istabbiltà tas-suq għall-iskema ta’ skambju tal-emissjonijiet tal-gassijiet serra tal-Unjoni u li temenda d-Direttiva 2003/87/KE (ĠU L 264, 9.10.2015, p. 1, ELI: http://data.europa.eu/eli/dec/2015/1814/oj).
ELI: http://data.europa.eu/eli/reg/2026/667/oj
ISSN 1977-074X (electronic edition)