52009PC0319

Proposta għal regolament tal-Kunsill li jtemm ir-reviżjoni ta’ esportatur ġdid tar-Regolament (KE) Nru 192/2007 li jimponi dazju anti-dumping definittiv fuq importazzjonijiet ta’ ċerti tipi ta’ polyethylene terephthalate li joriġinaw, fost l-oħrajn, mill-Malażja, filwaqt li jimponi mill-ġdid id-dazju fir-rigward tal-importazzjonijiet minn esportatur wieħed f’dan il-pajjiż u jtemm ir-reġistrazzjoni ta' dawn l-importazzjonijiet /* KUMM/2009/0319 finali */


[pic] | KUMMISSJONI TAL-KOMUNITAJIET EWROPEJ |

Brussel 26.6.2009

KUMM(2009) 319 finali

Proposta għal

REGOLAMENT TAL-KUNSILL

li jtemm ir-reviżjoni ta’ esportatur ġdid tar-Regolament (KE) Nru 192/2007 li jimponi dazju anti-dumping definittiv fuq importazzjonijiet ta’ ċerti tipi ta’ polyethylene terephthalate li joriġinaw, fost l-oħrajn, mill-Malażja, filwaqt li jimponi mill-ġdid id-dazju fir-rigward tal-importazzjonijiet minn esportatur wieħed f’dan il-pajjiż u jtemm ir-reġistrazzjoni ta' dawn l-importazzjonijiet

MEMORANDUM TA’ SPJEGAZZJONI

1) Il-kuntest tal-proposta |

Ir-raġunijiet tal-proposta u l-għanijiet tagħha Din il-proposta tikkonċerna l-applikazzjoni tar-Regolament tal-Kunsill (KE) Nru 384/96 tat-22 ta’ Diċembru 1995 dwar il-protezzjoni kontra l-importazzjonijiet li huma l-oġġett ta' dumping minn pajjiżi mhux membri tal-Komunità Ewropea, kif emendat l-aħħar mir-Regolament tal-Kunsill (KE) Nru 2117/2005 tal-21 ta' Diċembru 2005 (‘ir-Regolament bażiku’) fil-proċediment li jikkonċerna l-importazzjonijiet ta’ polyethylene terephthalate ('PET') li toriġina mill-Malażja. |

Il-kuntest ġenerali Din il-proposta qed issir fil-kuntest tal-implimentazzjoni tar-Regolament bażiku u hi r-riżultat ta’ investigazzjoni li twettqet f’konformità mar-rekwiżiti sostantivi u proċedurali stabbiliti fir-Regolament bażiku. |

Id-dispożizzjonijiet eżistenti fil-qasam tal-proposta Ir-Regolament tal-Kunsill (KE) Nru 192/2007 tat- 22 ta’ Frar 2007 li jimponi dazju anti-dumping definittiv fuq importazzjonijiet ta’ ċerti tipi ta’ polyethylene terephthalate li joriġinaw fl-Indja, fl-Indonesja, fil-Malażja, fir-Repubblika tal-Korea, fit-Tajlandja u fit-Tajwan wara reviżjoni ta’ skadenza u reviżjoni proviżorja parzjali skont l-Artikolu 11(2) u l-Artikolu 11(3) tar-Regolament (KE) Nru 384/96. |

Il-konsistenza mal-politiki u mal-għanijiet l-oħra tal-Unjoni Mhux applikabbli. |

2) Il-konsultazzjoni mal-partijiet interessati u l-valutazzjoni tal-impatt |

Il-konsultazzjoni mal-partijiet interessati |

Il-partijiet interessati kkonċernati mill-proċediment kellhom l-opportunità jiddefendu l-interessi tagħhom matul l-investigazzjoni, skont id-dispożizzjonijiet tar-Regolament bażiku. |

Il-ġbir u l-użu ta' għarfien espert |

Ma kien hemm l-ebda ħtieġa ta’ għarfien espert estern. |

Valutazzjoni tal-impatt Din il-proposta hi r-riżultat tal-implimentazzjoni tar-Regolament bażiku. Ir-Regolament bażiku ma jipprevedix valutazzjoni tal-impatt ġenerali iżda fih lista eżawrjenti ta’ kundizzjonijiet li jridu jiġu vvalutati. |

3) L-elementi ġuridiċi tal-proposta |

Sommarju tal-azzjoni proposta Fis-6 ta' Novembru 2008 il-Kummissjoni nediet reviżjoni ta’ 'esportatur ġdid' tar-Regolament tal-Kunsill (KE) Nru 192/2007 li jimponi dazju anti-dumping definittiv fuq importazzjonijiet ta’ ċerti tipi ta’ polyethylene terephthalate li joriġinaw, fost l-oħrajn, mill-Malażja, irrevokat id-dazju fir-rigward tal-importazzjonijiet minn esportatur wieħed f’dan il-pajjiż u ssuġġettat dawn l-importazzjonijiet għar-reġistrazzjoni Il-kumpanija inkwistjoni hija Eastman Chemical Malaysia SDN.BHD ('l-applikant') Matul il-proċediment, Eastman Chemical (Malaysia) SDN.BHD iddeċidiet li tirtira l-applikazzjoni tagħha għar-reviżjoni ta' 'esportatur ġdid'. Għaldaqstant ma kienx possibbli li jiġu stabbiliti rata tad-dazju u marġni ta' dumping individwali tal-applikant. Fid-dawl ta' dan t'hawn fuq, id-dazju residwali definit fl-investigazzjoni oriġinali għandu jiġi impost mill-ġdid fuq l-applikant. Għalhekk hu propost li l-Kunsill jadotta l-proposta għal Regolament mehmuża, li għandha tiġi ppubblikata f'Il-Ġurnal Uffiċjali tal-Unjoni Ewropea sa mhux aktar tard mill-4 ta' Awwissu 2009. |

Il-bażi legali Ir-Regolament tal-Kunsill (KE) Nru 384/96 tat-22 ta’ Diċembru 1995 dwar il-protezzjoni kontra l-importazzjonijiet li huma l-oġġett ta' dumping minn pajjiżi mhux membri tal-Komunità Ewropea, kif emendat l-aħħar mir-Regolament tal-Kunsill (KE) Nru 2117/2005 u b'mod partikolari l-Artikolu 11(4) tiegħu. |

Il-prinċipju tas-sussidjarjetà Il-proposta taqa’ taħt il-kompetenza esklużiva tal-Komunità. Il-prinċipju tas-sussidjarjetà għalhekk ma japplikax. |

Il-prinċipju tal-proporzjonalità Il-proposta hija konformi mal-prinċipju ta' proporzjonalità għar-raġunijiet li ġejjin. |

Il-forma ta' azzjoni hi deskritta fir-Regolament bażiku u ma tħalli l-ebda ambitu għal deċiżjoni nazzjonali. |

L-indikazzjoni ta’ kif il-piż finanzjarju u amministrattiv li jaqa’ fuq il-Komunità, il-gvernijiet nazzjonali, l-awtoritajiet reġjonali u lokali, l-operaturi ekonomiċi u ċ-ċittadini huwa minimizzat u miġjub fi proporzjon mal-għan tal-proposta, ma tapplikax. |

L-għażla ta' strumenti |

L-istrumenti proposti: regolament. |

Mezzi oħrajn ma jkunux adegwati minħabba li r-Regolament bażiku ma jipprevedix għażliet alternattivi. |

4) IMPLIKAZZJONI BAġITARJA |

Il-proposta ma għandha l-ebda implikazzjoni fuq il-baġit Komunitarju. |

Proposta għal

REGOLAMENT TAL-KUNSILL

li jtemm ir-reviżjoni ta’ esportatur ġdid tar-Regolament (KE) Nru 192/2007 li jimponi dazju anti-dumping definittiv fuq importazzjonijiet ta’ ċerti tipi ta’ polyethylene terephthalate li joriġinaw, fost l-oħrajn, mill-Malażja, filwaqt li jimponi mill-ġdid id-dazju fir-rigward tal-importazzjonijiet minn esportatur wieħed f’dan il-pajjiż u jtemm ir-reġistrazzjoni ta' dawn l-importazzjonijiet

IL-KUNSILL TAL-UNJONI EWROPEA,

Wara li kkunsidra t-Trattat li jistabbilixxi l-Komunità Ewropea,

Wara li kkunsidra r-Regolament tal-Kunsill (KE) Nru 384/96 tat-22 ta’ Diċembru 1995 dwar il-protezzjoni kontra l-importazzjonijiet li huma l-oġġett ta' dumping minn pajjiżi mhux membri tal-Komunità Ewropea[1] ('ir-Regolament bażiku') u b’mod partikolari l-Artikolu 11(4) tiegħu,

Wara li kkunsidra l-proposta mressqa mill-Kummissjoni wara li kkonsultat il-Kumitat Konsultattiv,

Billi:

A. IL-PROĊEDURA PREĊEDENTI

(1) Permezz tar-Regolament (KE) Nru 192/2007[2] il-Kunsill, b'segwiment ta' investigazzjoni ta' reviżjoni ta' skadenza, impona dazju definittiv kontra d-dumping fuq importazzjonijiet lejn il-Komunità ta' ċerti tipi ta' polyethylene terephthalate ('PET'), li joriġinaw, inter alia , mill-Malażja. Il-miżuri fis-seħħ jikkonsistu f’rata tad-dazju ta' 160,1 EUR/tunnellata, bl-eċċezzjoni tal-kumpaniji msemmija espressament li huma soġġetti għal rati ta’ dazju individwali. Skont l-istess Regolament, id-dazji kontra d-dumping huma wkoll imposti fuq l-importazzjoni tal-PET li joriġinaw mill-Indja, l-Indoneżja, ir-Repubblika tal-Korea, it-Tajlandja u t-Tajwan. Il-miżuri oriġinali kienu imposti, wara investigazzjoni (l-'investigazzjoni oriġinali'), mir-Regolament (KE) Nru 2604/2000[3].

B . IL-PROĊEDURA PREŻENTI

1. It-talba għal reviżjoni

(2) Il-Kummissjoni sussegwentement irċiviet talba biex tniedi reviżjoni ta' 'esportatur ġdid' tar-Regolament (KE) Nru 192/2007, skont l-Artikolu 11(4) tar-Regolament bażiku, mingħand Eastman Chemical (Malaysia) SDN.BHD (l-'applikant'). L-applikant allega li ma esportax ċerti tipi ta' PET lejn il-Komunità matul il-perjodu ta' investigazzjoni li fuqu kienu ssejsu l-miżuri kontra d-dumping, jiġifieri l-perjodu mill-1 ta’ Ottubru 1998 sat-30 ta’ Settembru 1999 (il-'perjodu ta' investigazzjoni oriġinali') u li ma huwa relatat mal-ebda produttur esportatur ta' ċerti tipi ta' PET li huma suġġetti għall-miżuri kontra d-dumping imsemmija hawn fuq. L-applikant allega wkoll li beda jesporta ċerti tipi ta' PET lejn il-Komunità wara t-tmiem tal-perjodu ta' investigazzjoni oriġinali.

2. It-tnedija ta’ reviżjoni ta' 'esportatur ġdid'

(3) Il-Kummissjoni eżaminat l-evidenza prima facie mressqa mill-applikant u kkunsidratha biżżejjed biex tiġġustifika li jingħata bidu għal reviżjoni skont l-Artikolu 11(4) tar-Regolament bażiku. Wara konsultazzjoni mal-Kumitat Konsultattiv u wara li l-industrija Komunitarja kkonċernata ngħatat l-opportunità li tikkummenta, il-Kummissjoni bdiet, permezz tar-Regolament (KE) Nru 1082/2008[4], reviżjoni tar-Regolament (KE) Nru 192/2007 rigward l-applikant.

(4) Skont l-Artikolu 2 tar-Regolament tal-Kummissjoni (KE) Nru 1082/2008, id-dazju kontra d-dumping ta’ EUR 160,1/tunnellata impost mir-Regolament (KE) Nru 192/2007 fuq l-importazzjonijiet ta' ċerti tipi ta' PET manifatturati u mibjugħa għall-esportazzjoni lejn il-Komunità mill-applikant ġie revokat. Fl-istess waqt, skont l-Artikolu 14(5) tar-Regolament bażiku, l-awtoritajiet tad-dwana ġew ordnati li jieħdu il-passi neċessarji biex jirreġistraw dawn l-oġġetti importati.

3. Il-prodott ikkonċernat

(5) Il-prodott ikkonċernat mir-reviżjoni attwali huwa l-istess bħal dak fl-investigazzjoni oriġinali, jiġifieri PET b'koeffiċjent ta' viskożità ta' 78 ml/g jew ogħla, skont l-Istandard tal-ISO 1628-5, li jaqa' fi ħdan il-Kodiċi NM 3907 60 20.

4. Il-partijiet ikkonċernati

(6) Il-Kummissjoni uffiċjalment avżat lill-applikant, l-industrija Komunitarja, u r-rappreżentanti tal-pajjiż esportatur li kienet tnediet din ir-reviżjoni. Il-partijiet interessati ngħataw l-opportunità li jressqu l-opinjonijiet tagħhom bil-miktub u li jinstemgħu.

(7) Il-Kummissjoni bagħtet kwestjonarju lill-applikant u rċeviet tweġiba qabel ma' skorriet id-data tal-iskadenza ffissata għal dak il-għan. Il-Kummissjoni fittxet li tivverifika l-informazzjoni kollha li dehrilha hija neċessarja biex tiddetermina id-dumping, filwaqt li twettqet żjara ta' verifika fil-kwartieri tal-applikant.

5. Il-perjodu ta’ investigazzjoni għal reviżjoni

(8) Il-perjodu ta' investigazzjoni ta' reviżjoni ta' esportatur ġdid kopra l-perjodu mill-1 ta' Ottubru 2007 sat-30 ta' Settembru 2008.

C. IRTIRAR TAT-TALBA GĦAL REVIŻJONI TA' ESPORTATUR ĠDID

(9) Permezz ta' ittra bid-data tat-22 ta' April 2009 indirizzata lill-Kummissjoni, l-applikant formalment irtira t-talba tiegħu għal reviżjoni ta' 'esportatur ġdid' bla ma provda ebda ġustifikazzjoni speċifika.

(10) F'dawn iċ-ċirkustanzi, il-Kummissjoni ma setgħetx tistabbilixxi r-rata tad-dazju u l-marġni ta' dumping individwali tal-applikant. Għaldaqstant ġie konkluż li l-importazzjonijiet lejn il-Komunità tal-prodotti PET b'koeffiċjent ta' viskożità ta' 78 ml/g jew ogħla, skont l-Istandard tal-ISO 1628-5 li jaqgħu fi ħdan il-kodiċi NM 3907 60 20 li joriġinaw mill-Malażja u li jiġu manifatturati u jinbiegħu għall-esportazzjoni lejn il-Komunità minn Eastman Chemical (Malaysia) SDN.BHD għandhom jkunu suġġetti għad-dazju applikabbli mal-pajjiż kollu għall-'kumpaniji l-oħra kollha' fil-Malażja (EUR 160,1 fuq kull tunnellata) impost mir-Regolament tal-Kunsill Nru 192/2007 u li dik ir-rata ta' dazju għandha għalhekk terġa' tiġi imposta.

D. IMPOSTA RETROATTIVA TAD-DAZJU KONTRA D-DUMPING

(11) Fid-dawl tal-konklużjonijiet ta' hawn fuq, id-dazju kontra d-dumping applikabbli għal Eastman Chemical (Malaysia) SDN.BHD għandu jiġi impost retroattivament mid-data tat-tnedija tar-reviżjoni fuq l-importazzjonijiet tal-prodott ikkonċernat, li saru suġġetti għar-reġistrazzjoni skont l-Artikolu 3 tar-Regolament tal-Kummissjoni (KE) Nru 1082/2008.

E. ŻVELAR U TUL TA' ŻMIEN TAL-MIŻURI

(12) L-applikant u l-partijiet ikkonċernati l-oħrajn ġew infurmati dwar il-fatti u l-kunsiderazzjonijiet essenzjali li abbażi tagħhom ġiet intiża l-impożizzjoni mill-ġdid ta' dazju definittiv kontra d-dumping fuq importazzjonijiet ta' ċerti tipi ta' PET li joriġinaw, inter alia , mill-Malażja u li jiġu manifatturati u mibjugħa għall-esportazzjoni lejn il-Komunità minn Eastman Chemical Malaysia SDN.BHD u l-impożizzjoni retroattiva ta' dan id-dazju fuq l-importazzjonijiet li saru suġġetti għar-reġistrazzjoni. Il-kummenti tagħhom tqiesu u ttieħdu inkonsiderazzjoni kif jixraq.

(13) Din ir-reviżjoni ma taffettwax id-data li fiha l-miżuri imposti mir-Regolament tal-Kunsill (KE) Nru 192/2007 jiskadu skont l-Artikolu 11(2) tar-Regolament bażiku,

ADOTTAT DAN IR-REGOLAMENT:

Artikolu 1

1. Ir-reviżjoni ta' esportatur ġdid imnedija permezz tar-Regolament (KE) Nru 1082/2008 b’dan tiġi fi tmiemha u d-dazju kontra d-dumping applikabbli skont l-Artikolu 1 tar-Regolament (KE) Nru 192/2007, għall-‘kumpaniji l-oħrajn kollha’ fil-Malażja huwa permezz ta' dan impost fuq l-importazzjonijiet identifikati fl-Artikolu 1 tar-Regolament (KE) Nru 1082/2008.

2. Id-dazju kontra d-dumping applikabbli skont l-Artikolu 1 tar-Regolament (KE) Nru 192/2007, għall-'kumpaniji l-oħra kollha' fil-Malażja huwa permezz ta' dan impost b’effett mis-6 ta’ Novembru 2008 fuq importazzjonijiet ta’ ċerti tipi ta' polyethylene terephthalate li ġew irreġistrati skont l-Artikolu 3 tar-Regolament (KE) Nru 1082/2008.

3. L-awtoritajiet tad-dwana permezz ta’ dan qed jingħataw id-direttiva li jwaqqfu r-reġistrazzjoni ta’ importazzjonijiet mwettqa skont l-Artikolu 3 tar-Regolament (KE) Nru 1082/2008.

4. Sakemm ma jkunx speċifikat mod ieħor, id-dispożizzjonijiet fis-seħħ li jikkonċernaw id-dazji tad-dwana għandhom japplikaw.

Artikolu 2

Dan ir-Regolament għandu jidħol fis-seħħ l-għada tal-jum tal-pubblikazzjoni tiegħu f' Il-Ġurnal Uffiċjali tal-Unjoni Ewropea .

Dan ir-Regolament għandu jorbot fl-intier tiegħu u għandu japplika direttament fl-Istati Membri kollha.

Magħmul fi Brussell,

Għall-Kunsill

Il-President

[1] ĠU L 56, 6.3.1996, p. 1.

[2] ĠU L 59, 27.2.2007, p. 1. (BG, ES, CS, DA, DE, ET, EL, EN, FR, IT, LV, LT, HU, NL, PL, PT, RO, SK, SL, FI, SV) ; ĠU L 352M, 31.12.2008, p. 972 (MT)

[3] ĠU L 301, 30.11.2000, p. 21. Ir-Regolament kif emendat l-aħħar mir-Regolament (KE) Nru 1646/2005 (ĠU L 266, 11.10.2005, p. 10).

[4] ĠU L 296, 5.11.2008, p. 5