02002R0733 — MT — 26.07.2019 — 002.001
Dan it-test hu maħsub purament bħala għodda ta’ dokumentazzjoni u m’għandu l-ebda effett legali. L-istituzzjonijiet tal-Unjoni m'għandhom l-ebda responsabbiltà għall-kontenut tiegħu. Il-verżjonijiet awtentiċi tal-atti rilevanti, inklużi l-preamboli tagħhom, huma dawk ippubblikati fil-Ġurnal Uffiċjali tal-Unjoni Ewropea u disponibbli f’EUR-Lex. Dawk it-testi uffiċjali huma aċċessibbli direttament permezz tal-links inkorporati f’dan id-dokument
|
IR-REGOLAMENT (KE) Nru 733/2002 TAL-PARLAMENT EWROPEW U TAL-KUNSILL tat-22 ta' April 2002 dwar l-implimentazzjoni tal-Qasam ta' l-Ogħla Livell EU. (ĠU L 113 30.4.2002, p. 1) |
Emendat bi:
|
|
|
Il-Ġurnal Uffiċjali |
||
|
Nru |
Paġna |
Data |
||
|
REGOLAMENT (KE) Nru 1137/2008 TAL-PARLAMENT EWROPEW U TAL-KUNSILL tat-22 ta' Ottubru 2008 |
L 311 |
1 |
21.11.2008 |
|
|
REGOLAMENT (UE) 2019/1243 TAL-PARLAMENT EWROPEW U TAL-KUNSILL tal-20 ta’ Ġunju 2019 |
L 198 |
241 |
25.7.2019 |
|
IR-REGOLAMENT (KE) Nru 733/2002 TAL-PARLAMENT EWROPEW U TAL-KUNSILL
tat-22 ta' April 2002
dwar l-implimentazzjoni tal-Qasam ta' l-Ogħla Livell EU.
(Test b'relevanza għaż-ŻEE)
Artikolu 1
Għan u kamp ta' l-applikazzjoni
1. L-għan ta' dan ir-Regolament huwa li jimplimenta il-qasam ta' l-ogħla livell tal-kodiċi .eu tal-pajjiż. (ccTLD) ġewwa l-Komunità. Dan ir-Regolament jistipula l-kondizzjonijiet għal din l-implimentazzjoni, inkluża n-nomina ta' Reġistru, u jistabbilixxi l-kwadru ġenerali tal-politika li fiha r-Reġistru għandu jiffunzjona.
2. Dan ir-Regolament għandu japplika mingħajr preġudizzju għall-arranġamenti fl-Istati membri fir-rigward ta' ccTLDs nazzjonali.
Artikolu 2
Tifsiriet
Għall-għanijiet ta' dan ir-Regolament:
(a) “Reġistru” tfisser l-entità fdata bl-organizzazzjoni, l-amministrazzjoni u l-immaniġġjar ta' .eu TLD inkluża l-manutenzjoni tad-databases korrispondenti u s-servizzi pubbliċi ta' mistoqsijiet assoċjati, ir-reġistrazzjoni ta' l-ismijiet ta qasam, l-operazzjoni tar-Reġistru ta' l-ismijiet ta' qasam, l-operazzjoni tas-servers ta' l-ismijiet tar-reġistru TLD u d-disseminazzjoni ta' files taż-żona TLD;
(b) “Reġistratur” tfisser persuna jew entità li, permezz ta' kuntatt mar-Reġistru, tipprovdi servizzi ta' reġistrazzjoni ta' l-ismijiet ta' qasam lir-reġistranti.
Artikolu 3
Karatteristiċi tar-Reġistru
1. Il-Kummissjoni għandha:
(a) tadotta atti delegati f’konformità mal-Artikolu 5a sabiex tissupplimenta dan ir-Regolament billi jiġu stabbiliti l-kriterji u l-proċedura għad-deżinjazzjoni tar-Reġistru.
Meta, fil-każ tal-istabbiliment tal-kriterji u l-proċedura għad-deżinjazzjoni tar-Reġistru, ikun hemm raġunijiet imperattivi ta’ urġenza li jkunu jirrikjedu dan, jenħtieġ li l-proċedura prevista fl-Artikolu 5b tapplika għall-atti delegati adottati skont dan l-Artikolu;
(b) tinnomina, skond il-proċedura msemmija f'Artikolu 6(2), ir-Reġistru wara li tippublika sejħa għall-espressjoni ta' interess fil-Ġurnal Uffiċjali tal-Komunitajiet Ewropej u wara l-proċedura għal dik is-sejħa tkun tlestiet;
(ċ) tidħol, skond il-proċedura msemmija f'Artikolu 6(2), f'kuntratt li għandu jispeċifika l-kondizzjonijiet li skond dawn il-Kummissjoni tissorvelja l-organizzazzjoni, l-amministrazzjoni u l-immaniġġjar ta' .eu TLD mir-Reġistru. Il-kuntratt bejn il-Kummissjoni u r-reġistru għandu jkun għal żmien limitat u għandu jkun jista' jiġġedded.
Ir-Reġistru m'għandux ikun jista' jaċċetta reġistrazzjonijiet sakemm il-politika tar-reġistrazzjoni tkun f'postha.
2. Ir-Reġistru għandu jkun organizzazzjoni li ma tagħmilx profitt, kostitwit skond il-liġi ta' l-Istat Membru u li jkollu l-uffiċċju reġistrat tiegħu, l-amministrazzjoni ċentrali u l-post prinċipali tan-neġozju ġewwa l-Komunità.
3. Wara li jkun kiseb il-kunsens minn qabel mill-Kummissjoni, ir-Reġistru għandu jidħol f'kuntratt kif xieraq li jipprovdi għad-delega tal-kodiċi.eu ccTLD. Għal dan il-għan il-prinċipji relevanti adottati mill-Kumitat Konsultattiv Governattiv għandhom ukoll jiittieħdu f'konsiderazzjoni.
4. Ir-Reġistru .eu TLD m'għandux jaġixxi hu stess bħala Reġistratur.
Artikolu 4
Obbligi tar-Reġistru
1. Ir-Reġistru għandu josserva r-regoli, il-politika u l-proċeduri stabbiliti f'dan ir-Regolament u l-kuntratti msemmija f'Artikolu 3. Ir-Reġistru għandu josserva proċeduri trasparenti u mhux diskriminatorji.
2. Ir-Reġistru għandu:
(a) jorganizza, jamminsitra u jimmaniġġja l-.eu TLD fl-interess ġenerali u fuq il-bażi tal-prinċipji tal-kwalità, effiċjenza, fidabilità u aċċessibilità;
(b) jirreġistra ta' l-ismijiet ta' qasam ta'.eu TLD permezz ta' Reġistratur.eu akkreditat mitlub minn kull:
(i) impriża li jkollha l-uffiċċju reġistrat tagħha, l-amministrazzjoni ċentrali jew il-post prinċipali tan-negozju ġewwa l-Komunità, jew
(ii) organizzazzjoni stabbilita fil-Komunità mingħajr preġudizzju għall-applikazzjoni tal-liġi nazzjonali, jew
(iii) persuna naturali residenti ġewwa l-Komunità;
(ċ) jimponi tariffi direttament relatati ma’ l-ispejjeż magħmula;
(d) jimplimenta politika ta' soluzzjonijiet extra-ġudizzjarji ta' konflitti bbażata fuq l-irkupru ta' l-ispejjeż u proċedura biex tirriżolvi malajr disputi bejn detenturi ta' l-ismijiet ta' qasam fir-rigward ta' drittijiet li jirrelataw ma' ismijiet inklużi drittijiet ta' proprjetà intellettwali kif ukoll disputi b'relazzjoni ma' deċiżjonijiet individwali mir-reġistru. Din il-politika għandha tiġi adottata skond Artikolu 5(1) u tieħu kont tar-rakkomandazzjonijiet ta' l-Organizzazzjoni Dinjija dwar il-Proprjetà Intellettwali. Il-politika għandha tipprovdi garanziji adegwati proċedurali għall-partijiet konċernati, u għandha tapplika mingħajr preġudizzju għal kull proċedura fil-qrati;
(e) jadotta proċeduri għal, u jwettaq, akkreditazzjoni ta' Reġistraturi.eu u jassigura kondizzjonijiet effettivi u ġusti ta' kompetizzjoni fost ir-Registraturi .eu;
(f) jassigura l-integrità tad-databases ta' l-ismijiet ta' qasam.
Artikolu 5
Kwadru tal-politika
1. ►M2 Wara li tikkonsulta dan ir-Reġistru, il-Kummissjoni għandha s-setgħa li tadotta atti delegati f’konformità mal-Artikolu 5a sabiex tissupplimenta dan ir-Regolament billi tistabbilixxi regoli tal-politika pubblika dwar l-implimentazzjoni u l-funzjoni tat-TLD.eu u l-prinċipji tal-politika pubblika dwar ir-reġistrazzjoni. ◄
Il-politika pubblika għandha tinkludi:
(a) politika dwar is-soluzzjoni extra-ġudizzjarja ta' konflitti;
(b) politika pubblika dwar reġistrazzjoni spekulattiva u abużiva ta' ismijiet ta' qasam inkluża l-possibbiltà ta' reġistrazzjoni ta' ismijiet ta' qasam f'fażijiet biex jiġu assigurati opportunitajiet temporanji adegwati għad-detenturi ta' drittijiet li kienu jeżistu qabel rikonoxxuti jew stabbiliti bil-liġi nazzjonali u/jew tal-Komunità u biex korpi pubbliċi jirreġistraw isimhom;
(ċ) politika dwar il-possibiltà tar-revokazzjoni ta' ismijiet ta' qasam, inkluża l-kwistjoni ta' bona vacantia;
(d) kwistjonijiet dwar il-lingwa u kunċetti ġeografiċi;
(e) it-trattament ta' proprjetà intellettwali u drittijiet oħra.
2. Fi żmien tliet xhur mid-dħul fis-seħħ ta' dan ir-Regolament, l-Istati Membri għandhom jinnotifikaw lill-Kummissjoni u lill-Istati Membri l-oħra b'lista limitata ta' ismijiet rikonoxxuti b'mod wiesa' fir-rigward ta' kunċetti ġeografiċi u/jew ġeopolitiċi li jeffettwaw l-organizzazzjoni politika jew territorjali tagħhom li jistgħu jew:
(a) li ma jiġux reġistrati, jew
(b) li jiġu reġistrati biss taħt qasam tat -tieni livell skond ir-regoli tal-politika pubblika.
Il-Kummissjoni għandha tinnotifika lir-Reġistru mingħajr dewmien bil-lista ta' l-imijiet notifikati li għalihom japplikaw dawk il-kriterji. Il-Kummissjoni għandha tippubblika l-lista fl-istess żmien li tinnotifika lir-Reġistru.
Meta Stat Membru jew il-Kummissjoni jqajmu oġġezzjoni, fi żmien 30 jum mill-pubblikazzjoni, għal oġġett inkluż f’lista nnotifikata, il-Kummissjoni għandha s-setgħa li tadotta atti delegati f’konformità mal-Artikolu 5a sabiex tirrimedja s-sitwazzjoni billi tissupplimenta dan ir-Regolament.
3. Qabel ma jinbdew l-operazzjonijiet tar-reġistrazzjoni, ir-Reġistru għandu jadotta l-politika inizjali ta' reġistrazzjoni għall-.eu TLD b'konsultazzjoni mal-Kummissjoni u partijiet oħra nteressati. Ir-Reġistru għandu jimplimenta fil-politika ta' reġistrazzjoni r-regoli tal-politika pubblika adottati skond il-paragrafu 1, waqt li jittieħe kont tal-listi ta' eċċezzjoni msemmija fil-paragrafu 2.
4. Il-Kummissjoni għandha perjodikament tinforma lill-Kumitat imsemmi f'Artikolu 6 dwar l-attivitajiet imsemmija fil-paragrafu 3 ta' dan l-Artikolu.
Artikolu 5a
Eżerċizzju tad-delega
1. Is-setgħa ta’ adozzjoni ta’ atti delegati hija mogħtija lill-Kummissjoni suġġett għall-kondizzjonijiet stabbiliti f’dan l-Artikolu.
2. Il-Kummissjoni għandha tingħata s-setgħa li tadotta l-atti delegati msemmija fl-Artikolu 3(1) u l-Artikolu 5(1) u (2) għal perijodu ta’ ħames snin mis-26 ta’ Lulju 2019. Il-Kummissjoni għandha tfassal rapport fir-rigward tad-delega tas-setgħa sa mhux aktar tard minn disa’ xhur qabel tmiem il-perijodu ta’ ħames snin. Id-delega tas-setgħat għandha tiġi estiża b’mod taċitu għal perijodi tal-istess tul, sakemm il-Parlament Ewropew jew il-Kunsill ma joġġezzjonax għal tali estensjoni mhux aktar tard minn tliet xhur qabel tmiem kull perijodu.
3. Id-delega tas-setgħa msemmija fl-Artikolu 3(1) u fl-Artikolu 5(1) u (2) tista’ tiġi rrevokata fi kwalunkwe ħin mill-Parlament Ewropew jew mill-Kunsill. Deċiżjoni li tirrevoka għandha ttemm id-delega ta’ setgħa speċifikata f’dik id-deċiżjoni. Għandha ssir effettiva fil-jum wara l-pubblikazzjoni tad-deċiżjoni f’Il-Ġurnal Uffiċjali tal-Unjoni Ewropea jew f’data aktar tard speċifikata fih. Hija ma għandhiex taffettwa l-validità ta’ kwalunkwe att delegat diġà fis-seħħ.
4. Qabel ma tadotta att delegat, il-Kummissjoni għandha tikkonsulta esperti nominati minn kull Stat Membru f’konformità mal-prinċipji stipulati fil-Ftehim Interistituzzjonali tat-13 ta’ April 2016 dwar it-Tfassil Aħjar tal-Liġijiet ( 1 ).
5. Hekk kif tadotta att delegat, il-Kummissjoni għandha tinnotifikah simultanjament lill-Parlament Ewropew u lill-Kunsill.
6. Att delegat adottat skont l-Artikolu 3(1) u l-Artikolu 5(1) u (2) għandu jidħol fis-seħħ biss jekk ma tkun ġiet espressa l-ebda oġġezzjoni mill-Parlament Ewropew jew mill-Kunsill f’perijodu ta’ xahrejn min-notifika ta’ dak l-att lill-Parlament Ewropew u lill-Kunsill jew jekk, qabel l-iskadenza ta’ dak il-perijodu, il-Parlament Ewropew u l-Kunsill ikunu t-tnejn infurmaw lill-Kummissjoni li mhumiex ser joġġezzjonaw. Dak il-perijodu għandu jiġi estiż b’xahrejn fuq l-inizjattiva tal-Parlament Ewropew jew tal-Kunsill.
Artikolu 5b
Proċedura ta’ urġenza
1. L-atti delegati adottati skont dan l-Artikolu għandhom jidħlu fis-seħħ mingħajr dewmien u għandhom japplikaw sakemm ma tkun ġiet espressa l-ebda oġġezzjoni f’konformità mal-paragrafu 2. In-notifika ta’ att delegat lill-Parlament Ewropew u lill-Kunsill għandha tagħti r-raġunijiet li għalihom tkun intużat il-proċedura ta’ urġenza.
2. Il-Parlament Ewropew jew il-Kunsill jista’ joġġezzjona għal att delegat f’konformità mal-proċedura msemmija fl-Artikolu 5a(6). F’każ bħal dan, il-Kummissjoni għandha tħassar l-att immedjatament wara n-notifika tad-deċiżjoni ta’ oġġezzjoni mill-Parlament Ewropew jew mill-Kunsill.
Artikolu 6
Proċedura ta' Kumitat
1. Il-Kummissjoni għandha tiġi assistita mill-Kumitat tal-Komunikazzjonijiet stabbilit bl-Artikolu 22(1) tad-Direttiva 2002/21/KE tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tas-7 ta' Marzu 2002 dwar qafas regolatorju komuni li għandu x'jaqsam man-networks u servizzi ta' komunikazzjonijiet elettroniċi (Direttiva Kwadru) ( 2 ).
2. Fejn issir referenza għal dan il-paragrafu, għandhom japplikaw l-Artikoli 3 u 7 tad-Deċiżjoni 1999/468/KE, b'kont meħud tad-dispożizzjonijiet ta' l-Artikolu 8 tagħha.
▼M2 —————
Artikolu 7
Riżervazzjoni ta' drittijiet
Il-Kummissjoni għandha żżomm id-drittijiet kollha li jirrelataw ma' l-.eu TLD inkluż, b'mod partikolari, id-drittijiet ta' proprjetà intellettwali u drittijiet oħra tad-databases tar-Reġistru meħtieġa biex jassiguraw l-implimentazzjoni ta' dan ir-Regolament u d-dritt li tinnomina mill-ġdid ir-Reġistru.
Artikolu 8
Rapport ta' implimentazzjoni
Il-Kummissjoni għandha tissottometti rapport lill-Parlament Ewropew u lill-Kunsill dwar l-implimentazzjoni, l-effettività u l-iffunzjonament ta'.eu TLD sena wara l-adozzjoni ta' dan ir-Regolament u wara dan kull sentejn.
Artikolu 9
Dħul fis-seħħ
Dan ir-Regolament għandu jidħol fis-seħħ fil-jum tal-pubblikazzjoni tiegħu fil-Ġurnal Uffiċjali tal-Komunitajiet Ewropej.
Dan ir-Regolament għandu jorbot fl-intier tiegħu u japplika direttament fl-Istati Membri kollha.
( 1 ) ĠU L 123, 12.5.2016, p. 1.
( 2 ) ĠU L 108, 24.4.2002, p. 33.