European flag

Il-Ġurnal Uffiċjali
ta'l-Unjoni Ewropea

MT

Is-serje C


C/2025/2118

11.4.2025

Sommarju tad-Deċiżjoni tal-Kummissjoni

tat-23 ta' Ottubru 2024

dwar proċedura skont l-artikoli 101 tat-Trattat dwar il-Funzjonament tal-Unjoni Ewropea

(IL-KAŻ AT.40401 — VETTURI FERROVJARJI UŻATI)

(notifikat bid-dokument nru C(2024) 7355 final)

(it-test bl-ingliż biss huwa awtentiku)

(C/2025/2118)

Fit-23 ta’ Ottubru 2024, il-Kummissjoni adottat deċiżjoni li tirrigwarda proċedura skont l-Artikolu 101 tat-Trattat dwar il-Funzjonament tal-Unjoni Ewropea. F’konformità mad-dispożizzjonijiet tal-Artikolu 30 tar-Regolament tal-Kunsill (KE) Nru 1/2003  (1) , il-Kummissjoni qiegħda hawnhekk tippubblika l-ismijiet tal-partijiet u tal-kontenut prinċipali tad-deċiżjoni, inkluż kull penali imposta, filwaqt li jitqies l-interess leġittimu tal-impriżi fil-protezzjoni tas-sigrieti kummerċjali tagħhom.

1.   INTRODUZZJONI

(1)

Id-Deċiżjoni timponi multa fuq České dráhy, a.s. (“ČD”, iċ-Ċekja) u Österreichische Bundesbahnen-Holding Aktiengesellschaft, ÖBB-Personenverkehr Aktiengesellschaft, u ÖBB-Technische Services-Gesellschaft mbH (kollettivament imsejħa “ÖBB”, l-Awstrija) għall-ksur tal-Artikolu 101 TFUE.

(2)

Mid-9 ta’ Mejju 2012 sal-21 ta’ Jannar 2016, ÖBB u ČD (flimkien “il-Partijiet”) ħadu sehem fi ftehim u/jew prattika miftiehma bl-għan li jimpedixxu d-dħul fis-suq jew l-espansjoni tal-kompetitur komuni tagħhom RegioJet a.s. (“RegioJet”, iċ-Ċekja) fis-swieq għall-forniment ta’ servizzi domestiċi tat-trasport ferrovjarju tal-passiġġieri fuq distanzi twal fiċ-Ċekja kif ukoll għall-forniment ta’ servizzi internazzjonali tat-trasport ferrovjarju tal-passiġġieri fuq distanzi twal bejn l-Awstrija u ċ-Ċekja fuq ir-rotta Praga - Vjenna billi jipprevjenu, ifixklu jew jirrestrinġu l-aċċess ta’ RegioJet għall-vaguni ferrovjarji użati ta’ ÖBB għat-trasport tal-passiġġieri fuq distanzi twal.

2.   DESKRIZZJONI TAL-KAŻ

2.1.   Proċedura

(3)

Bejn it-28 ta’ Ġunju u l-1 ta’ Lulju 2016, il-Kummissjoni wettqet spezzjonijiet fil-bini ta’ ČD (fi Praga) u ta’ ÖBB (fi Vjenna).

(4)

Sussegwentement, il-Kummissjoni rċeviet applikazzjoni mingħand ÖBB għal tnaqqis tal-multi skont l-Avviż tal-Kummissjoni tal-2006 dwar l-immunità minn multi u tnaqqis ta’ multi f’każijiet ta’ kartell (l-“Avviż ta’ Klemenza”).

(5)

Fl-10 ta’ Ġunju 2022, il-Kummissjoni adottat Dikjarazzjoni tal-Oġġezzjonijiet (DO). Fl-14 ta’ Settembru 2022, ÖBB ippreżentat it-tweġiba tagħha bil-miktub għad-DO. Fit-30 ta’ Settembru 2022, ČD ippreżentat it-tweġiba tagħha bil-miktub għad-DO. Fit-13 u l-14 ta’ Diċembru 2022, iż-żewġ Partijiet eżerċitaw id-dritt tagħhom li jinstemgħu billi pparteċipaw fis-Smigħ Orali.

(6)

Il-Kumitat Konsultattiv fil-qasam tal-Prattiki Restrittivi u tal-Pożizzjonijiet Dominanti ħareġ opinjoni favorevoli fit-18 ta’ Ottubru 2024.

2.2.   Sommarju tal-ksur

2.2.1.   Fatti

(7)

Id-Deċiżjoni ssib li ČD u ÖBB immanuvraw b’mod kollużiv il-proċeduri tal-bejgħ għall-vaguni ferrovjarji tal-passiġġieri użati ta’ ÖBB għad-detriment ta’ RegioJet biex ifixklu l-kompetizzjoni fis-suq tat-trasport ferrovjarju tal-passiġġieri fuq distanzi twal fiċ-Ċekja u fuq ir-rotta ferrovjarja internazzjonali bejn Praga u Vjenna.

(8)

In-negozju ewlieni tal-Partijiet huwa l-forniment ta’ servizzi tat-trasport ferrovjarju tal-passiġġieri fiċ-Ċekja u fl-Awstrija rispettivament kif ukoll fuq linji internazzjonali bejn iż-żewġ pajjiżi, fejn il-Partijiet joffru servizzi konġunti f’kooperazzjoni (eż., fuq ir-rotta Praga-Vjenna). Matul il-perjodu tal-ksur, RegioJet kienet kompetitur attwali ta’ ČD fiċ-Ċekja u kompetitur potenzjali taż-żewġ Partijiet fuq ir-rotta Praga-Vjenna.

(9)

Bħala parteċipant ġdid żgħir b’riżorsi limitati, RegioJet fil-biċċa l-kbira qagħdet fuq vaguni użati kemm għall-operazzjonijiet eżistenti tagħha kif ukoll għall-espansjoni ulterjuri potenzjali tagħha. ÖBB irrappreżentat sors importanti ta’ dawk il-vaguni, minħabba l-kompatibbiltà teknika tagħhom man-networks ferrovjarji fl-Awstrija u fiċ-Ċekja u l-għadd kbir ta’ vaguni disponibbli ta’ kwalità tajba u b’karatteristiċi moderni (arja kundizzjonata, adegwatezza għal veloċità ogħla, eċċ.).

(10)

Billi qablu li jieħdu miżuri biex jirrestrinġu l-aċċess ta’ RegioJet għall-vaguni użati ta’ ÖBB, ČD u ÖBB segwew l-objettiv usa’ li jimpedixxu d-dħul fis-suq jew l-espansjoni tal-kompetitur komuni tagħhom RegioJet fis-swieq għall-forniment ta’ servizzi domestiċi tat-trasport ferrovjarju tal-passiġġieri fuq distanzi twal fiċ-Ċekja kif ukoll għall-forniment ta’ servizzi internazzjonali tat-trasport ferrovjarju tal-passiġġieri fuq distanzi twal fuq ir-rotta Praga - Vjenna.

(11)

Il-ksur kien jikkonsisti f’diversi azzjonijiet antikompetittivi li seħħew matul il-perijodu tal-ksur, bħal:

a.

it-twaqqit tal-bejgħ tal-vaguni ta’ ÖBB b’mod li jnaqqas il-possibbiltà li l-vaguni jinbiegħu lil RegioJet;

b.

l-immanuvrar tal-bejgħ tal-vaguni sabiex ČD minflok RegioJet tkun tista’ tikseb il-vaguni;

c.

l-iskambju ta’ informazzjoni dwar l-offerti u l-grad ta’ interess ta’ offerenti oħra; kif ukoll

d.

f’każ wieħed li jinvolvi vaguni li ČD ma kinitx qed tippjana li tixtri, il-qbil dwar xerrej xieraq (għajr RegioJet).

(12)

Il-Partijiet kienu konxji li l-vaguni użati ta’ ÖBB kienu jirrappreżentaw input importanti għall-parteċipant il-ġdid RegioJet u li r-restrizzjoni tal-aċċess ta’ RegioJet għall-vaguni ta’ ÖBB kienet tal-inqas kapaċi tirrestrinġi l-espansjoni ta’ RegioJet u għalhekk tnaqqas il-kapaċità tagħha li tikkompeti mal-Partijiet.

2.2.2.   Valutazzjoni legali

(13)

Id-Deċiżjoni ssib li l-ftehim u/jew il-prattika miftiehma tal-Partijiet jikkostitwixxu ksur uniku u kontinwu tal-Artikolu 101(1) TFUE u kartell skont il-punt 1 tal-Avviż ta’ Klemenza.

(14)

Mill-kontenut, l-objettivi kif ukoll mill-kuntest legali u ekonomiku, id-Deċiżjoni tikkonkludi li l-ftehim u/jew il-prattika miftiehma inkwistjoni kellhom bħala l-għan tagħhom ir-restrizzjoni tal-kompetizzjoni skont l-Artikolu 101(1) tat-TFUE.

2.3.   Rimedji

(15)

Id-Deċiżjoni tapplika l-Linji Gwida dwar il-Multi tal-2006 (2).

2.3.1.   Ammont bażiku tal-multa

(16)

L-ammont bażiku li kull Parti għandha tiġi mmultata huwa ddeterminat fuq il-bażi tal-Valur tal-Bejgħ ta’ oġġetti jew servizzi li miegħu huwa relatat il-ksur u li jirriżulta mill-applikazzjoni ta’ ammont varjabbli u ammont addizzjonali.

(17)

Għad-determinazzjoni tal-Valur tal-Bejgħ, il-Kummissjoni tqis id-dħul tal-Partijiet fis-swieq tat-trasport tal-passiġġieri fuq distanzi twal, inkluż kemm id-dħul mill-bejgħ tal-biljetti kif ukoll id-dħul relatat mal-kuntratti tal-Obbligu ta’ Servizz Pubbliku.

(18)

Iż-żona ġeografika kkonċernata mill-ksur hija magħmula minn żewġ partijiet: l-ewwel nett, ir-rotta internazzjonali Praga-Vjenna, u t-tieni, it-territorju kollu taċ-Ċekja. Fir-rigward tal-ewwel parti taż-żona ġeografika rilevanti, id-dħul ta’ kull Parti fuq din ir-rotta jintuża bħala l-bażi għall-Valur tal-Bejgħ rispettiv tagħha. Fir-rigward tat-tieni parti taż-żona ġeografika rilevanti, id-dħul ta’ ČD fiċ-Ċekja jittieħed ukoll bħala bażi għall-valur tal-bejgħ ta’ ÖBB, fejn kull Parti tiġi attribwita 50 % tad-dħul ta’ ČD.

(19)

Għall-ammont varjabbli u l-ammont addizzjonali, kemm għal ÖBB kif ukoll għal ČD jiġi applikat perċentwal ta’ 15 % rispettivament, minħabba n-natura serja tal-ksur.

(20)

Ma jiġu kkunsidrati l-ebda ċirkostanzi mitiganti jew aggravanti, u ma jiġi applikat l-ebda multiplikatur ta’ deterrenza.

2.3.2.   Applikazzjoni tal-limitu ta’ 10 % tad-dħul mill-bejgħ u tal-komunikazzjoni fuq il-kooperazzjoni

(21)

Kemm għal ÖBB kif ukoll għal CD il-multa tibqa’ ferm inqas minn 10 % tal-fatturat dinji fl-2023.

(22)

B’applikazzjoni tal-komunikazzjoni fuq il-kooperazzjoni, il-multa li kellha tiġi imposta fuq ÖBB tnaqqset b’45 %.

3.   KONKLUŻJONI

(23)

Għall-ksur ta’ dawn t’hawn fuq, ġew imposti l-multi li ġejjin:

a.

České dráhy, a.s.: EUR 31 940 000

b.

Österreichische Bundesbahnen-Holding Aktiengesellschaft, ÖBB Personenverkehr Aktiengesellschaft, u ÖBB-Technische Services Gesellschaft mbH, in solidum: EUR 16 712 000


(1)   ĠU L 1, 4.1.2003, p. 1. Ir-Regolament kif emendat bir-Regolament (KE) Nru 411/2004 (ĠU L 68, 6.3.2004, p. 1).

(2)  Il-Linji Gwida dwar il-metodu ta’ kif jiġu stabbiliti l-multi imposti skont l-Artikolu 23(2)(a) tar-Regolament 1/2003 (ĠU C 210, 1.9.2006, p. 2).


ELI: http://data.europa.eu/eli/C/2025/2118/oj

ISSN 1977-0987 (electronic edition)