European flag

Il-Ġurnal Uffiċjali
ta'l-Unjoni Ewropea

MT

Is-serje L


2025/535

21.3.2025

REGOLAMENT (UE) 2025/535 TAL-PARLAMENT EWROPEW U TAL-KUNSILL

tat-18 ta’ Marzu 2025

li jistabilixxi l-Faċilità għar-Riforma u t-Tkabbir għar-Repubblika tal-Moldova

IL-PARLAMENT EWROPEW U L-KUNSILL TAL-UNJONI EWROPEA,

Wara li kkunsidraw it-Trattat dwar il-Funzjonament tal-Unjoni Ewropea, u b’mod partikolari l-Artikolu 212 tiegħu,

Wara li kkunsidraw il-proposta tal-Kummissjoni Ewropea,

Filwaqt li jaġixxu skont il-proċedura leġiżlattiva ordinarja (1),

Billi:

(1)

L-Unjoni hija msejsa fuq il-valuri msemmija fl-Artikolu 2 tat-Trattat dwar l-Unjoni Ewropea (TUE), li jinkludu d-demokrazija, l-istat tad-dritt u r-rispett għad-drittijiet tal-bniedem. Dawk il-valuri jagħmlu parti mill-kriterji ta’ adeżjoni stabbiliti mill-Kunsill Ewropew ta’ Copenhagen f’Ġunju 1993 (il-kriterji ta’ Copenhagen), li jikkostitwixxu l-kundizzjonijiet ta’ eliġibbiltà għal sħubija fl-Unjoni.

(2)

Il-proċess tat-tkabbir tal-Unjoni huwa mibni fuq kriterji stabbiliti, kundizzjonalità ġusta u rigoruża u l-prinċipju tal-merti proprji. Impenn sod għal approċċ tal-“prijorità tal-kwistjonijiet fundamentali”, li jeħtieġ enfasi qawwija fuq l-istat tad-dritt, id-drittijiet fundamentali, il-funzjonament tal-istituzzjonijiet demokratiċi u r-riforma tal-amministrazzjoni pubblika, kif ukoll fuq il-kriterji ekonomiċi, jibqa’ essenzjali. Il-progress jiddependi fuq l-implimentazzjoni mir-Repubblika tal-Moldova (il-“Moldova”) tar-riformi meħtieġa biex ikun hemm allinjament mal-acquis tal-Unjoni.

(3)

Il-gwerra ta’ aggressjoni tar-Russja kontra l-Ukrajna wriet ukoll li t-tkabbir tal-Unjoni huwa investiment ġeostrateġiku fil-paċi, is-sigurtà u l-istabbiltà. L-Unjoni hija impenjata bis-sħiħ u b’mod inekwivoku għall-perspettiva ta’ sħubija fl-Unjoni tal-Moldova. L-orjentazzjoni u l-impenn tal-Moldova lejn l-Unjoni huma espressjoni qawwija tal-għażla strateġika u l-post tagħha f’komunità ta’ valuri. Il-perkors tal-Moldova lejn l-UE jeħtieġ li jkun ankrat sew fi progress tanġibbli u konkret fir-riformi.

(4)

Huwa fl-interess komuni tal-Unjoni u tal-Moldova li javvanzaw bir-riformi għas-sistemi politiċi, legali u ekonomiċi tagħha bil-ħsieb tas-sħubija futura tagħha fl-Unjoni u li jappoġġjaw il-proċess ta’ adeżjoni tagħha. Il-prospett ta’ sħubija fl-Unjoni għandu effett trasformattiv qawwi, li jintroduċi bidla pożittiva demokratika, politika, ekonomika u soċjali, u jikkontribwixxi għat-tisħiħ tar-reżiljenza tal-Moldova.

(5)

Huwa meħtieġ li jiġu ppreżentati wħud mill-vantaġġi tas-sħubija mal-Unjoni qabel l-adeżjoni. Il-konverġenza ekonomika tinsab fil-qalba ta’ dawk il-benefiċċji. Bħalissa, il-konverġenza tal-Moldova f’termini ta’ PDG per capita espressa fi standards tal-kapaċità tal-akkwist għadha baxxa fil-livell ta’ 29 % tal-medja tal-Unjoni u mhijiex qed tagħmel progress rapidu biżżejjed. Id-dijaspora tal-Moldova jenħtieġ li titqies ukoll bħala kontributur importanti għall-iżvilupp soċjali u ekonomiku tal-Moldova.

(6)

Hekk kif in-negozjati tal-adeżjoni mal-Moldova bdew f’Ġunju 2024, huwa importanti li jiġi pprovdut l-appoġġ meħtieġ għall-perkors tal-adeżjoni tal-Moldova. Barra minn hekk, huwa importanti li dak l-appoġġ jinġieb f’livelli li huma komparabbli ma’ pajjiżi kandidati oħra involuti fin-negozjati tal-adeżjoni u li riżorsi proporzjonati jiġu żgurati.

(7)

L-implimentazzjoni tal-Pjan ta’ Tkabbir għall-Moldova teħtieġ il-finanzjament xieraq fl-ambitu ta’ strument ta’ finanzjament ġdid iddedikat (il-“Faċilità”). Il-Faċilità għandha tassisti lill-pajjiż fl-implimentazzjoni ta’ riformi għal tkabbir ekonomiku sostenibbli u tavvanza fuq il-kwistjonijiet fundamentali tal-proċess tat-tkabbir.

(8)

Minħabba l-gwerra inġusta ta’ aggressjoni tar-Russja kontra l-Ukrajna, li kellha impatt profond fuq is-sigurtà, l-ekonomija u l-għajxien taċ-ċittadini tal-Moldova, kif ukoll l-attakki ibridi li għaddejjin u mingħajr preċedent immirati lejn il-pajjiż u l-istituzzjonijiet demokratiċi tiegħu, il-Faċilità jenħtieġ li timmira li tipprovdi appoġġ lill-Moldova biex tiffaċċja sfidi sinifikanti, b’mod partikolari fir-rigward tal-ekonomija, l-enerġija, l-ikel u l-ktajjen tal-valur. Huwa xieraq li l-Faċilità tipprovdi appoġġ lill-Moldova fil-ħin u tippermetti lill-Moldova ssaħħaħ ir-reżiljenza tagħha kontra manipulazzjoni tal-informazzjoni u interferenza minn barranin (FIMI) fis-sovranità tagħha, fil-proċessi demokratiċi u fl-istituzzjonijiet tagħha.

(9)

Sabiex jintlaħqu l-objettivi tal-Pjan ta’ Tkabbir għall-Moldova, jenħtieġ li ssir enfasi fir-rigward tal-oqsma ta’ investiment fuq setturi li x’aktarx jiffunzjonaw bħala multiplikaturi ewlenin għall-iżvilupp soċjali u ekonomiku: il-konnettività, l-infrastruttura, inkluż it-trasport sostenibbli, id-dekarbonizzazzjoni, l-enerġija, it-tranżizzjonijiet ekoloġiċi u diġitali, l-agrikoltura u l-industrija alimentari, l-iżvilupp rurali, kif ukoll l-edukazzjoni, il-parteċipazzjoni fis-suq tax-xogħol u l-iżvilupp tal-ħiliet, b’enfasi partikolari fuq it-tfal u ż-żgħażagħ u fuq it-titjib tal-livell tal-għajxien fil-pajjiż kollu.

(10)

Il-Faċilità jenħtieġ li tibni fuq l-Aġenda ta’ Assoċjazzjoni mal-Moldova kif ukoll il-ħidma tal-Pjan Ekonomiku u ta’ Investiment għas-Sħubija tal-Lvant fil-Moldova li mexxa l-investimenti f’setturi kritiċi bħall-konnettività, l-effiċjenza enerġetika u s-sigurtà tal-enerġija filwaqt li jevita assi mhux rekuperabbli, l-iżvilupp tan-negozju, u l-kompetittività. Aċċess imsaħħaħ għas-suq uniku tal-Unjoni, permezz tal-implimentazzjoni taż-Żona ta’ Kummerċ Ħieles Approfondita u Komprensiva, infrastruttura mtejba, u parteċipazzjoni fi programmi u politiki tal-Unjoni, soġġett għall-allinjament tal-Moldova mar-regoli tas-suq uniku tal-Unjoni, se jwasslu benefiċċji soċjoekonomiċi immedjati u tanġibbli.

(11)

L-infrastruttura tat-trasport sostenibbli hija essenzjali biex tittejjeb il-konnettività bejn il-Moldova u l-Unjoni u jenħtieġ li tikkontribwixxi għall-integrazzjoni tal-Moldova fin-network tat-trasport tal-Unjoni. Fin-Network trans-Ewropew tat-trasport (TEN-T) rivedut, il-Kummissjoni estendiet il-Kuritur Ewropew tat-Trasport tal-Baħar Baltiku - il-Baħar l-Iswed - il-Baħar Eġew għall-Moldova. It-TEN-T huwa r-referenza għall-finanzjament ta’ infrastruttura tat-trasport sostenibbli, inkluż għal mezzi tat-trasport li ma jagħmlux ħsara lill-ambjent, bħall-ferroviji kif ukoll id-diġitalizzazzjoni tat-trasport. Il-proġetti u l-interkonnessjonijiet transfruntiera tal-infrastruttura tal-enerġija ma’ Stati Membri u sħab tat-tkabbir tal-Unjoni huma essenzjali għas-sigurtà u l-integrazzjoni reġjonali tal-enerġija fl-Unjoni.

(12)

Il-Faċilità jenħtieġ li tappoġġja investimenti u riformi li jippromwovu t-triq tal-Moldova lejn it-trasformazzjoni diġitali tal-ekonomija u tas-soċjetà f’konformità mal-viżjoni tal-Unjoni għall-2030 ippreżentata fil-komunikazzjoni tal-Kummissjoni tad-9 ta’ Marzu 2021, intitolata “Il-Kumpass Diġitali tal-2030: l-approċċ Ewropew għad-Deċennju Diġitali”, filwaqt li trawwem ekonomija diġitali inklużiva li tkun ta’ benefiċċju għaċ-ċittadini kollha. Il-Faċilità jenħtieġ li tistinka biex tiffaċilita l-kisba tal-Moldova tal-objettivi ġenerali u l-miri diġitali fir-rigward tal-Unjoni. Kif deskritt mill-Kummissjoni fil-komunikazzjoni tagħha tal-15 ta’ Ġunju 2023, intitolata “Implimentazzjoni tas-Sett ta’ Għodod dwar iċ-Ċibersigurtà tal-5G”, is-sett ta’ għodod għaċ-ċibersigurtà tal-5G jenħtieġ li jkun ir-referenza għall-finanzjament tal-Unjoni biex jiġu żgurati s-sigurtà, ir-reżiljenza u l-protezzjoni tal-integrità ta’ proġetti tal-infrastruttura diġitali fir-reġjun.

(13)

L-appoġġ fl-ambitu tal-Faċilità jenħtieġ li jiġi pprovdut biex jintlaħqu l-objettivi ġenerali u speċifiċi, abbażi ta’ kriterji stabbiliti u b’kundizzjonijiet ċari ta’ pagament. Dawk l-objettivi ġenerali u speċifiċi jenħtieġ li jiġu segwiti b’mod li jsaħħu lil xulxin. Il-Faċilità jenħtieġ li tappoġġja l-proċess tat-tkabbir billi taċċellera l-allinjament mal-valuri, il-liġijiet, ir-regoli, l-istandards, il-politiki u l-prattiki tal-Unjoni (l-acquis) bil-ħsieb tas-sħubija fl-Unjoni, taċċellera l-integrazzjoni progressiva tal-Moldova fis-suq uniku tal-Unjoni, u taċċellera l-konverġenza soċjoekonomika tagħha mal-Unjoni. Il-Faċilità jenħtieġ li trawwem ukoll relazzjonijiet tajbin ta’ viċinat.

(14)

Minbarra li tagħti spinta lill-konverġenza soċjoekonomika, il-Faċilità jenħtieġ li tgħin ukoll biex jiġu aċċellerati r-riformi relatati mal-kwistjonijiet fundamentali tal-proċess tat-tkabbir inkluż l-istat tad-dritt, id-drittijiet fundamentali, fost l-oħrajn, id-drittijiet tar-refuġjati, ta’ persuni li jappartjenu għal minoranzi, inklużi minoranzi nazzjonali u Rom, kif ukoll id-drittijiet ta’ persuni leżbjani, gay, bisesswali, transġeneru u intersesswali (LGBTI). Jenħtieġ li ttejjeb ukoll il-funzjonament tal-istituzzjonijiet demokratiċi u l-amministrazzjonijiet pubbliċi; l-akkwist pubbliku, il-kontroll tal-għajnuna mill-istat u l-ġestjoni tal-finanzi pubbliċi; il-ġlieda kontra l-forom kollha ta’ korruzzjoni u l-kriminalità organizzata; l-edukazzjoni u t-taħriġ ta’ kwalità, kif ukoll il-politiki tal-impjiegi; u t-tranżizzjoni ekoloġika, l-objettivi klimatiċi u ambjentali tal-pajjiż.

(15)

Il-Faċilità jenħtieġ li tgħin lill-Moldova fit-tħejjija tagħha għas-sħubija fl-Unjoni f’konformità mal-metodoloġija eżistenti tat-tkabbir.

(16)

Il-Faċilità jenħtieġ li tikkomplementa d-Djalogu Ekonomiku u Finanzjarju eżistenti mingħajr ma tikkomprometti l-kamp ta’ applikazzjoni tiegħu, u b’hekk issaħħaħ l-integrazzjoni ekonomika u t-tħejjija għas-sorveljanza multilaterali tal-politiki ekonomiċi tal-Unjoni.

(17)

Jenħtieġ li l-Faċilità tippromwovi l-prinċipji ta’ effettività tal-iżvilupp, filwaqt li tirrispetta l-addizzjonalità għall-appoġġ u l-komplementarjetà miegħu pprovdut fl-ambitu ta’ programmi u strumenti oħrajn tal-Unjoni u tistinka biex tiġi evitata d-duplikazzjoni u tiżgura sinerġiji bejn l-assistenza fl-ambitu ta’ dan ir-Regolament u forom oħra ta’ assistenza, inklużi pakketti finanzjarji integrati magħmula kemm minn finanzjament tal-esportazzjoni kif ukoll finanzjament għall-iżvilupp, ipprovduta mill-Unjoni, mill-Istati Membri, minn pajjiżi terzi, minn organizzazzjonijiet u entitajiet multilaterali u reġjonali. Huwa kruċjali li l-Moldova tkompli tipparteċipa fi programmi oħra ta’ finanzjament tal-Unjoni.

(18)

Skont il-prinċipju ta’ sħubijiet inklużivi, jenħtieġ li l-Kummissjoni tistinka biex tiżgura li l-parlament tal-Moldova, l-awtoritajiet lokali f’konformità mal-qafas legali nazzjonali tal-Moldova, u l-partijiet ikkonċernati rilevanti fil-Moldova, inklużi s-sħab soċjali u l-organizzazzjonijiet tas-soċjetà ċivili jiġu kkonsultati kif xieraq u jkollhom aċċess f’waqtu għall-informazzjoni rilevanti biex ikunu jistgħu jaqdu rwol sinifikanti matul it-tfassil u l-implimentazzjoni tal-programmi u l-proċessi ta’ monitoraġġ relatati.

(19)

L-assistenza teknika, kif ukoll l-assistenza għall-kooperazzjoni transfruntiera, jenħtieġ li jiġu pprovduti b’appoġġ għall-objettivi tal-Faċilità u sabiex jissaħħu l-kapaċitajiet rilevanti tal-Moldova biex timplimenta l-Aġenda ta’ Riforma.

(20)

Il-Faċilità jenħtieġ li tiżgura l-konsistenza mal-objettivi ġenerali tal-azzjoni esterna tal-Unjoni, kif stabbilit fl-Artikolu 21 tat-TUE, kif ukoll tappoġġjahom, inkluż rispett għad-drittijiet fundamentali kif minqux fil-Karta tad-Drittijiet Fundamentali tal-Unjoni Ewropea. B’mod partikolari, jenħtieġ li tiżgura l-protezzjoni u l-promozzjoni tad-drittijiet tal-bniedem, u l-istat tad-dritt.

(21)

Il-Faċilità jenħtieġ li tagħti spinta lill-innovazzjoni, lir-riċerka u lill-kooperazzjoni bejn l-istituzzjonijiet akkademiċi u l-industrija b’appoġġ għat-tranżizzjoni ekoloġika u dik diġitali, u tippromwovi l-industriji lokali b’enfasi partikolari fuq l-intrapriżi mikro, żgħar u ta’ daqs medju u l-kumpaniji start-up ibbażati lokalment.

(22)

Jenħtieġ li l-Moldova turi impenn kredibbli għall-valuri Ewropej, inkluż permezz tal-allinjament tagħha mal-Politika Estera u ta’ Sigurtà Komuni tal-Unjoni (PESK), inklużi mal-miżuri restrittivi tal-Unjoni.

(23)

Fl-implimentazzjoni tal-Faċilità, jenħtieġ li jitqiesu l-awtonomija strateġika tal-Unjoni kif ukoll l-interessi strateġiċi tal-Unjoni u tal-Istati Membri tagħha u l-valuri li fuqhom hija msejsa l-Unjoni.

(24)

L-attivitajiet fl-ambitu tal-Faċilità jenħtieġ li jappoġġjaw il-progress lejn l-istandards soċjali, klimatiċi u ambjentali tal-Unjoni, u jappoġġjaw il-progress lejn l-Għanijiet ta’ Żvilupp Sostenibbli tan-Nazzjonijiet Uniti, il-Ftehim ta’ Pariġi adottat fl-ambitu tal-Konvenzjoni Qafas tan-Nazzjonijiet Uniti dwar it-Tibdil fil-Klima (il-“Ftehim ta’ Pariġi”), il-Konvenzjoni tan-Nazzjonijiet Uniti dwar id-Diversità Bijoloġika u l-Konvenzjoni tan-Nazzjonijiet Uniti dwar il-Ġlieda kontra d-Deżertifikazzjoni, u jenħtieġ li ma jikkontribwux għad-degradazzjoni ambjentali jew jikkawżaw ħsara lill-ambjent jew lill-klima. Il-miżuri ffinanzjati fl-ambitu tal-Faċilità jenħtieġ li jkunu konformi mal-Pjan Nazzjonali tal-Moldova għall-Enerġija u l-Klima, il-Kontribut Stabbilit fil-Livell Nazzjonali tagħha u l-ambizzjoni li tintlaħaq in-newtralità klimatika sal-2050. Il-Faċilità jenħtieġ li tikkontribwixxi għall-mitigazzjoni tat-tibdil fil-klima u għall-kapaċità ta’ adattament għall-effetti negattivi tagħha, u trawwem ir-reżiljenza għall-klima. B’mod partikolari, il-finanzjament fl-ambitu tal-Faċilità jenħtieġ li jippromwovi t-tranżizzjoni lejn ekonomija dekarbonizzata, newtrali għall-klima, reżiljenti għall-klima u ċirkolari.

(25)

L-implimentazzjoni ta’ dan ir-Regolament jenħtieġ li tkun iggwidata mill-prinċipji tal-ugwaljanza u n-nondiskriminazzjoni, kif elaborati fl-istrateġiji tal-Unjoni ta’ Ugwaljanza. Dan jenħtieġ li jippromwovi u javvanza l-ugwaljanza bejn il-ġeneri u l-integrazzjoni tal-perspettiva tal-ġeneri, jiżgura parteċipazzjoni sinifikattiva tan-nisa fil-proċess tat-teħid ta’ deċiżjonijiet, u t-tisħiħ tal-pożizzjoni tan-nisa u tal-bniet, u jfittex li jipproteġi u jippromwovi l-avvanz u t-tgawdija sħiħa tad-drittijiet tal-bniedem kollha min-nisa u l-bniet kollha, kif ukoll jipprevjeni u jiġġieled il-vjolenza kontra n-nisa u l-vjolenza domestika, filwaqt li jitqiesu l-Pjanijiet ta’ Azzjoni tal-UE dwar il-Ġeneru rilevanti u l-konklużjonijiet tal-Kunsill u l-konvenzjonijiet internazzjonali rilevanti. Barra minn hekk, dan ir-Regolament jenħtieġ li jiġi implimentat b’rispett sħiħ tal-Pilastru Ewropew tad-Drittijiet Soċjali, inkluż fir-rigward tal-protezzjoni tat-tfal u tad-drittijiet tal-ħaddiema. L-implimentazzjoni tal-Faċilità jenħtieġ li tkun f’konformità mal-Konvenzjoni tan-Nazzjonijiet Uniti dwar id-Drittijiet ta’ Persuni b’Diżabilità u l-protokoll tagħha u tiżgura l-aċċessibbiltà fl-investimenti u fl-assistenza teknika tagħha, f’konformità mad-Direttiva (UE) 2019/882 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill (2).

(26)

Filwaqt li tirrifletti l-Patt Ekoloġiku Ewropew bħala l-istrateġija ta’ tkabbir sostenibbli tal-Ewropa u l-importanza li jiġu indirizzati l-objettivi tal-klima u tal-bijodiversità f’konformità mal-impenji tal-Ftehim Interistituzzjonali bejn il-Parlament Ewropew, il-Kunsill tal-Unjoni Ewropea u l-Kummissjoni Ewropew (3), il-Faċilità jenħtieġ li tikkontribwixxi għall-ilħuq ta’ mira ġenerali ta’ 30 % tan-nefqa baġitarja tal-Unjoni li tappoġġja l-objettivi klimatiċi u 7,5 % fl-2024 u 10 % fl-2026 u l-2027 għall-objettivi tal-bijodiversità. Mill-inqas 37 % tal-appoġġ finanzjarju mhux ripagabbli, inkluż il-proviżjonament, ipprovdut għal proġetti ta’ investiment approvati fl-ambitu tal-Pjattaforma ta’ Investiment għall-Viċinat, waħda mill-pjattaformi ta’ investiment reġjonali msemmija fl-Artikolu 32 tar-Regolament (UE) 2021/947 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill (4), jenħtieġ li jiġu attribwiti għall-objettivi klimatiċi. Dak l-ammont jenħtieġ li jiġi kkalkulat bl-użu tal-“indikaturi ta’ Rio” b’segwitu tal-obbligu li jiġi rrapportat il-finanzjament internazzjonali tal-UE għall-klima lill-OECD, kif ukoll obbligi fl-ambitu ta’ ftehimiet jew oqfsa internazzjonali oħra. Sa minn Ġunju 2025, il-koeffiċjenti tal-UE għall-klima, applikabbli fil-programmi kollha fl-ambitu tal-Qafas ta’ Finanzjament Pluriennali (QFP) 2021–2027 u stabbiliti fid-Dokument ta’ Ħidma tal-Persunal tal-Kummissjoni intitolat “L-Arkitettura tal-Integrazzjoni tat-tibdil fil-Klima fil-Qafas Finanzjarju Pluriennali 2021–2027”, se jiġu applikati wkoll għan-nefqa fuq il-klima skont l-Intestatura 6 tal-QFP (“Viċinat u d-dinja”). Il-Faċilità se tallinja mal-approċċ ta’ strumenti oħra tal-Intestatura 6, sabiex jiġi żgurat rapportar konsistenti dwar il-klima fil-Moldova. Jenħtieġ li l-Faċilità tappoġġja attivitajiet li jirrispettaw bis-sħiħ l-istandards u l-prijoritajiet klimatiċi u ambjentali tal-Unjoni u l-prinċipju “la tagħmilx ħsara sinifikanti”.

(27)

Il-proġetti huma approvati fl-ambitu tal-Pjattaforma ta’ Investiment għall-Viċinat wara valutazzjoni mill-Kummissjoni u soġġetti għal opinjoni pożittiva mill-Istati Membri fil-Bord tal-Pjattaforma ta’ Investiment għall-Viċinat.

(28)

Jenħtieġ li l-Kummissjoni, f’kooperazzjoni mal-Istati Membri u l-Moldova, tiżgura l-konformità, il-koerenza, il-konsistenza u l-komplementarjetà, aktar trasparenza u responsabbiltà fl-għoti tal-assistenza, inkluż bl-implimentazzjoni ta’ sistemi ta’ kontroll intern xierqa u politiki kontra l-frodi. L-appoġġ fl-ambitu tal-Faċilità jenħtieġ li jkun disponibbli skont il-prekundizzjonijiet li l-Moldova tiddefendi u tirrispetta l-mekkaniżmi demokratiċi effettivi, inkluż sistema parlamentari b’diversi partiti, elezzjonijiet ħielsa u ġusti, media ħielsa, indipendenti u pluralistika, ġudikatura indipendenti u l-istat tad-dritt, u tiggarantixxi r-rispett għall-obbligi kollha tad-drittijiet tal-bniedem, inklużi d-drittijiet ta’ persuni li jagħmlu parti minn minoranzi.

(29)

Il-Faċilità jenħtieġ li tiġi appoġġjata b’riżorsi mill-Istrument ta’ Viċinat, ta’ Kooperazzjoni għall-Iżvilupp u ta’ Kooperazzjoni Internazzjonali — Ewropa Globali (NDICI-Ewropa Globali), primarjament mill-allokazzjoni finanzjarja għall-Viċinat tal-Lvant, li jammontaw għal EUR 520 miljun f’appoġġ mhux ripagabbli u ammont massimu ta’ EUR 1 500 miljun f’self għall-perjodu mill-2025-2027. L-appoġġ mhux ripagabbli jenħtieġ li jkopri l-proviżjonament ta’ 9 % meħtieġ għas-self li jikkorrispondi għal EUR 135 miljun, l-appoġġ ipprovdut mill-Unjoni għal proġetti approvati fl-ambitu tal-Pjattaforma ta’ Investiment għall-Viċinat, kif imsemmi fl-Artikolu 18(2) ta’ dan ir-Regolament, u appoġġ komplementari, inkluż appoġġ lill-organizzazzjonijiet tas-soċjetà ċivili u assistenza teknika. L-appoġġ mhux ripagabbli jenħtieġ li jiġi ffinanzjat mill-pakkett allokat għall-programm ġeografiku tal-Viċinat skont l-Artikolu 6(2), il-punt (a), tar-Regolament (UE) 2021/947. Jenħtieġ li japplikaw id-dispożizzjonijiet kollha skont ir-Regolament (UE) 2021/947 sakemm ma jkunx imsemmi mod ieħor f’dan ir-Regolament..

(30)

Id-deċiżjonijiet dwar ir-rilaxx ta’ fondi msemmija fl-Artikolu 19(3) għall-appoġġ fil-forma ta’ self jenħtieġ li jiġu adottati fil-perjodu mill-1 ta’ Jannar 2025 sat-30 ta’ Ġunju 2029. Din id-data finali tinkludi ż-żmien meħtieġ għall-Kummissjoni biex tevalwa l-issodisfar b’suċċess tal-kundizzjonijiet ta’ pagament ikkonċernati u biex tadotta d-deċiżjoni sussegwenti dwar ir-rilaxx ta’ fondi.

(31)

Sabiex jiġi sfruttat kemm jista’ jkun l-appoġġ finanzjarju tal-Unjoni biex jiġi attirat investiment addizzjonali, u biex jiġi żgurat il-kontroll tal-Unjoni fuq in-nefqa, l-investimenti li jappoġġjaw l-Aġenda ta’ Riforma jenħtieġ li jiġu implimentati permezz tal-Pjattaforma ta’ Investiment għall-Viċinat. Mill-inqas 25 % tal-ammont tas-self rilaxxat lill-Moldova jenħtieġ li jkun disponibbli mill-Moldova għal proġetti ta’ investiment approvati fl-ambitu tal-Pjattaforma ta’ Investiment għall-Viċinat. Dan minbarra l-appoġġ mhux ripagabbli pprovdut mill-Unjoni għal dawn il-proġetti.

(32)

Jenħtieġ li l-obbligazzjoni finanzjarja minn self fl-ambitu tal-Faċilità ma tikkostitwixxix parti mill-ammont tal-Garanzija għall-Azzjoni Esterna fis-sens tal-Artikolu 31(4) tar-Regolament (UE) 2021/947.

(33)

Ir-regoli finanzjarji orizzontali adottati mill-Parlament Ewropew u mill-Kunsill abbażi tal-Artikolu 322 tat-Trattat dwar il-Funzjonament tal-Unjoni Ewropea (TFUE) jenħtieġ li japplikaw għal dan ir-Regolament. Dawk ir-regoli huma stabbiliti fir-Regolament (UE, Euratom) 2024/2509 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill (5) (“ir-Regolament Finanzjarju”) u jiddeterminaw b’mod partikolari l-proċedura għall-istabbiliment u l-implimentazzjoni tal-baġit b’ġestjoni diretta u indiretta permezz ta’ għotjiet, akkwist, assistenza finanzjarja, operazzjonijiet ta’ taħlit u r-rimborż ta’ esperti esterni, u jipprevedu kontrolli fuq ir-responsabbiltà tal-atturi finanzjarji.

(34)

Jenħtieġ li jkunu previsti restrizzjonijiet b’rabta mal-eliġibbiltà fil-proċeduri ta’ għoti fl-ambitu tal-Faċilità, meta jkun xieraq, minħabba n-natura speċifika tal-attività jew meta l-attività taffettwa s-sigurtà jew l-ordni pubbliku.

(35)

Sabiex tiġi żgurata l-implimentazzjoni effiċjenti tal-Faċilità, inkluża l-faċilitazzjoni tal-integrazzjoni tal-Moldova fil-ktajjen tal-valur Ewropej, il-provvisti u l-materjali kollha ffinanzjati u akkwistati fl-ambitu tal-Faċilità jenħtieġ li joriġinaw mill-Istati Membri, mill-Moldova, mill-pajjiżi kandidati u mill-partijiet kontraenti għall-Ftehim dwar iż-Żona Ekonomika Ewropea u mill-pajjiżi li jipprovdu livell ta’ appoġġ lill-Moldova komparabbli ma’ dak ipprovdut mill-Unjoni, filwaqt li jitqies id-daqs tal-ekonomija tagħhom, u li għalihom jiġi stabbilit aċċess reċiproku għall-assistenza esterna fil-Moldova mill-Kummissjoni, sakemm il-provvisti u l-materjali ma jkunux jistgħu jinkisbu skont kundizzjonijiet raġonevoli f’xi wieħed minn dawk il-pajjiżi.

(36)

Jenħtieġ li jiġi konkluż Ftehim dwar il-Faċilità mal-Moldova biex jiġu stabbiliti l-prinċipji tal-kooperazzjoni finanzjarja bejn l-Unjoni u l-Moldova, u biex jiġu speċifikati l-mekkaniżmi meħtieġa relatati mal-kontroll, is-superviżjoni, il-monitoraġġ, l-evalwazzjoni, ir-rapportar u l-awditjar tal-finanzjament tal-Unjoni fl-ambitu tal-Faċilità, ir-regoli dwar it-taxxi, id-dazji u l-imposti u l-miżuri għall-prevenzjoni, l-identifikazzjoni, l-investigazzjoni u l-korrezzjoni ta’ irregolaritajiet, frodi, korruzzjoni u kunflitti ta’ interess. Konsegwentement, jenħtieġ li jiġi konkluż ukoll ftehim ta’ self mal-Moldova li jistabbilixxi dispożizzjonijiet speċifiċi għall-ġestjoni u l-implimentazzjoni tal-finanzjament ipprovdut fil-forom ta’ self. Kemm il-Ftehim dwar il-Faċilità kif ukoll il-ftehim ta’ self jenħtieġ li jiġu trażmessi simultanjament u mingħajr dewmien, lill-Parlament Ewropew u lill-Kunsill.

(37)

Jenħtieġ li l-Ftehim dwar il-Faċilità jipprevedi l-obbligu għall-Moldova li tiżgura l-ġbir tad-data u l-aċċess għaliha f’konformità mal-prinċipji tal-Unjoni dwar il-protezzjoni tad-data u mar-regoli applikabbli dwar il-protezzjoni tad-data, data adegwata dwar persuni u entitajiet li jirċievu finanzjament, inkluża informazzjoni dwar is-sjieda benefiċjarja, għall-implimentazzjoni tal-Aġenda ta’ Riforma.

(38)

L-implimentazzjoni tal-Faċilità jenħtieġ li tkun mirfuda mill-Aġenda ta’ Riforma, li tipprovdi qafas biex tingħata spinta lit-tkabbir soċjoekonomiku sostenibbli inklużiv, artikolat b’mod ċar u allinjat mar-rekwiżiti tal-adeżjoni tal-Unjoni u mal-kwistjonijiet fundamentali tal-proċess tat-tkabbir. L-Aġenda ta’ Riforma se sservi bħala qafas ġenerali biex jintlaħqu l-objettivi tal-Faċilità. Jenħtieġ li l-Aġenda ta’ Riforma titħejja f’konsultazzjoni mill-qrib mal-parlament tal-Moldova u mal-partijiet ikkonċernati rilevanti, inklużi s-sħab soċjali u l-organizzazzjonijiet tas-soċjetà ċivili, u l-kontribut tagħhom jenħtieġ li jiġi rifless. Il-Moldova jenħtieġ, fejn xieraq, u f’konformità mal-qafas legali nazzjonali tagħha, tistinka biex tiżgura l-involviment u l-konsultazzjoni tal-awtoritajiet lokali. L-iżborż tal-appoġġ tal-Unjoni jenħtieġ li jkun kundizzjonali fuq il-konformità mal-kundizzjonijiet ta’ pagament u fuq progress li jista’ jitkejjel fl-implimentazzjoni tar-riformi stabbiliti fl-Aġenda ta’ Riforma vvalutata u approvata formalment mill-Kummissjoni. Ir-rilaxx ta’ fondi jenħtieġ li jkun strutturat kif xieraq, filwaqt li jirrifletti l-objettivi tal-Faċilità.

(39)

Jenħtieġ li l-Aġenda ta’ Riforma tinkludi miżuri ta’ riforma mmirati u oqsma ta’ investiment ta’ prijorità, flimkien ma’ kundizzjonijiet ta’ pagament fil-forma ta’ passi kwalitattivi jew kwantitattivi li jistgħu jitkejlu li jindikaw progress sodisfaċenti jew tlestija ta’ dawk il-miżuri, u skeda ta’ żmien għall-implimentazzjoni ta’ dawk il-miżuri. Jenħtieġ li l-Aġenda ta’ Riforma tinkludi wkoll lista indikattiva ta’ proġetti ta’ investiment ippjanati maħsuba għall-implimentazzjoni fl-ambitu tal-Pjattaforma ta’ Investiment għall-Viċinat. Dawk il-passi jenħtieġ li jiġu ppjanati biex jiġu implimentati sal-31 ta’ Diċembru 2027, għalkemm jenħtieġ li jkun possibbli li t-tlestija ġenerali tal-miżuri, li għalihom jirreferu tali passi, testendi lil hinn mill-2027 iżda mhux aktar tard mill-31 ta’ Diċembru 2028. L-Aġenda ta’ Riforma jenħtieġ li tinkludi spjegazzjoni tas-sistema tal-Moldova biex tipprevjeni, tidentifika u tikkoreġi b’mod effettiv l-irregolaritajiet, il-korruzzjoni, inkluż il-korruzzjoni ta’ livell għoli, il-frodi u l-kunflitti ta’ interess, meta jintużaw il-fondi pprovduti fl-ambitu tal-Faċilità, u l-arranġamenti biex jiġi evitat finanzjament doppju mill-Faċilità u minn programmi oħra tal-Unjoni kif ukoll minn donaturi oħra.

(40)

Jenħtieġ li l-Aġenda ta’ Riforma tinkludi spjegazzjoni dwar kif il-miżuri huma mistennija jikkontribwixxu għall-objettivi klimatiċi u ambjentali u għall-prinċipju “la tagħmilx ħsara sinifikanti”, u għat-trasformazzjoni diġitali.

(41)

Il-miżuri fl-ambitu tal-Aġenda ta’ Riforma jenħtieġ li jikkontribwixxu għat-titjib ta’ sistema effiċjenti ta’ ġestjoni u kontroll tal-finanzi pubbliċi u sistema effettiva ta’ kontroll tal-għajnuna mill-Istat u għall-prevenzjoni tal-ħasil tal-flus, l-evitar tat-taxxa, l-evażjoni tat-taxxa, il-frodi u l-kriminalità organizzata, bl-għan li jiġu żgurati kundizzjonijiet ġusti għall-impriżi kollha. L-Aġenda ta’ Riforma jenħtieġ li jkun fiha deskrizzjoni ta’ tali sistemi kif ukoll passi speċifiċi relatati mal-Kapitolu 32 tan-negozjati sabiex tappoġġja lill-Moldova biex tallinja r-rekwiżiti tal-awditjar u tal-kontrolli tagħha mal-istandards tal-Unjoni. Fil-każ li talba għar-rilaxx ta’ fondi tinkludi pass relatat mal-Kapitolu 32 tan-negozjati, imsemmi fl-Artikolu 19(2), il-Kummissjoni ma tistax tadotta deċiżjoni li tawtorizza r-rilaxx ta’ fondi sakemm ma tivvalutax tali pass b’mod pożittiv.

(42)

Jenħtieġ li l-Aġenda ta’ Riforma tinkludi wkoll indikaturi għall-valutazzjoni tal-progress lejn il-kisba tal-objettivi ġenerali u speċifiċi tal-Faċilità stabbiliti f’dan ir-Regolament. Dawk l-indikaturi jenħtieġ li jkunu bbażati fuq indikaturi maqbula internazzjonalment. Jenħtieġ ukoll li, sa fejn ikun possibbli, l-indikaturi jkunu koerenti mal-indikaturi ewlenin tal-prestazzjoni inklużi fid-deċiżjoni ta’ implimentazzjoni tal-Kummissjoni li tapprova l-Aġendi ta’ Riforma għall-Balkani tal-Punent skont ir-Regolament (UE) 2024/1449 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill (6) u fil-Qafas għall-Kejl tar-Riżultati tal-EFSD+. L-indikaturi jenħtieġ li jkunu rilevanti, aċċettati, kredibbli, faċli u robusti.

(43)

Il-Kummissjoni jenħtieġ li tivvaluta l-Aġenda ta’ Riforma abbażi tal-lista ta’ kriterji stabbiliti f’dan ir-Regolament. Sabiex jiġu żgurati kundizzjonijiet uniformi għall-implimentazzjoni ta’ dan ir-Regolament, jenħtieġ li l-Kummissjoni tingħata s-setgħat ta’ implimentazzjoni biex tapprova l-Aġenda ta’ Riforma. Jenħtieġ li dawk is-setgħat ikunu eżerċitati f’konformità mar-Regolament (UE) Nru 182/2011 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill (7). Il-Kummissjoni jenħtieġ li tqis kif xieraq id-Deċiżjoni tal-Kunsill 2010/427/UE (8) u r-rwol tas-Servizz Ewropew għall-Azzjoni Esterna (SEAE), fejn xieraq.

(44)

Il-programm ta’ ħidma fis-sens tal-Artikolu 110(2) tar-Regolament Finanzjarju adottat f’konformità mad-dispożizzjonijiet rilevanti tar-Regolament (UE) 2021/947 jenħtieġ li jkopri l-ammonti ffinanzjati mill-pakkett allokat għall-programm ġeografiku tal-Viċinat skont l-Artikolu 6(2), il-punt (a), tar-Regolament (UE) 2021/947.

(45)

Minħabba l-ħtieġa ta’ flessibbiltà fl-implimentazzjoni tal-Faċilità, jenħtieġ li jkun possibbli li l-Moldova tagħmel talba motivata lill-Kummissjoni biex temenda d-deċiżjoni ta’ implimentazzjoni tagħha, meta l-Aġenda ta’ Riforma, inklużi l-kundizzjonijiet ta’ pagament rilevanti, ma tkunx għadha tista’ tinkiseb, parzjalment jew totalment, minħabba ċirkostanzi oġġettivi. Jenħtieġ li l-Moldova tkun tista’ tagħmel talba motivata biex temenda l-Aġenda ta’ Riforma, inkluż billi tipproponi addenda, fejn rilevanti. Jenħtieġ li l-Kummissjoni tkun tista’ temenda d-deċiżjoni ta’ implimentazzjoni tagħha.

(46)

L-appoġġ finanzjarju għall-Aġenda ta’ Riforma jenħtieġ li jkun possibbli fil-forma ta’ self. Fil-kuntest tal-ħtiġijiet ta’ finanzjament tal-Moldova, huwa xieraq li tiġi organizzata l-assistenza finanzjarja fl-ambitu tal-istrateġija ta’ finanzjament diversifikata prevista fl-Artikolu 224 tar-Regolament Finanzjarju u stabbilita bħala metodu ta’ finanzjament uniku fih, li huwa mistenni li jtejjeb il-likwidità tal-bonds tal-Unjoni u l-attraenza u l-kosteffettività tal-ħruġ tal-Unjoni.

(47)

Huwa xieraq li jiġi pprovdut self lill-Moldova fuq termini konċessjonali ħafna b’durata massima ta’ 40 sena u li r-ripagament tal-kapital ma jinbediex qabel l-2034.

(48)

Meta jitqies li r-riskji finanzjarji assoċjati mal-appoġġ lill-Moldova fil-forma ta’ self fl-ambitu tal-Faċilità huma komparabbli mar-riskji finanzjarji assoċjati mal-operazzjonijiet ta’ self skont ir-Regolament (UE) 2021/947, il-proviżjonament għall-obbligazzjoni finanzjarja minn self skont dan ir-Regolament jenħtieġ li jiġi kkostitwit bir-rata ta’ 9 %, f’konformità mal-Artikolu 214 tar-Regolament Finanzjarju u l-finanzjament tal-proviżjonament jenħtieġ li jinkiseb mill-pakkett allokat għall-programm ġeografiku tal-Viċinat skont l-Artikolu 6(2), il-punt (a), tar-Regolament (UE) 2021/947.

(49)

Ir-rata ta’ proviżjonament għall-obbligazzjoni finanzjarja minn self skont dan ir-Regolament jenħtieġ li tiġi stabbilita bir-rata ta’ 9 % li għandha tiġi rieżaminata mill-inqas kull tliet snin mid-data tad-dħul fis-seħħ ta’ dan ir-Regolament. Il-Kummissjoni għandha s-setgħa li tadotta att delegat stabbilit skont l-Artikolu 31(5), ir-raba’ subparagrafu, tar-Regolament (UE) 2021/947.

(50)

Sabiex jiġi żgurat li l-Moldova tiddisponi minn finanzjament tal-bidu għall-implimentazzjoni tal-ewwel riformi, jenħtieġ li jkollha aċċess sa 18 % tal-ammont totali previst fil-Faċilità, wara t-tnaqqis tal-appoġġ komplementari, inkluż l-appoġġ għall-organizzazzjonijiet tas-soċjetà ċivili u l-assistenza teknika, u l-proviżjonament għal self, fil-forma ta’ prefinanzjament, soġġett għad-disponibbiltà tal-finanzjament u għar-rispett tal-prekundizzjonijiet għall-appoġġ fl-ambitu tal-Faċilità.

(51)

Huwa importanti li jiġu ggarantiti kemm il-flessibbiltà kif ukoll il-programmabbiltà fl-għoti ta’ appoġġ tal-Unjoni lill-Moldova. Jenħtieġ li kull sitt xhur il-Moldova tippreżenta talba debitament ġustifikata għar-rilaxx tal-fondi sa mhux aktar tard minn xahrejn wara l-iskeda ta’ żmien għat-twettiq ippjanat tal-passi, stabbilita fid-deċiżjoni ta’ implimentazzjoni tal-Kummissjoni li tapprova l-Aġenda ta’ Riforma. Għal dak l-għan, jenħtieġ li l-fondi fl-ambitu tal-Faċilità jiġu rilaxxati skont skeda semiannwali fissa, soġġett għad-disponibbiltà tal-finanzjament, abbażi ta’ talba għar-rilaxx ta’ fondi ppreżentata mill-Moldova u wara verifika mill-Kummissjoni tal-issodisfar b’mod xieraq kemm tal-kundizzjonijiet ġenerali relatati mal-istabbiltà makrofinanzjarja, il-ġestjoni finanzjarja pubblika tajba, it-trasparenza u s-sorveljanza tal-baġit kif ukoll il-kundizzjonijiet ta’ pagament rilevanti. Meta kundizzjoni ta’ pagament ma tiġix issodisfata skont l-iskeda ta’ żmien indikattiva stabbilita fid-deċiżjoni ta’ implimentazzjoni li tapprova l-Aġenda ta’ Riforma, il-Kummissjoni tista’ żżomm l-iżborż kollu jew parzjali tal-fondi li jikkorrispondi għal dik il-kundizzjoni, b’segwitu ta’ metodoloġija dwar il-pagamenti parzjali. Ir-rilaxx tal-fondi miżmuma korrispondenti jista’ jsir matul il-perjodu li jmiss għar-rilaxx tal-fondi u sa tnax-il xahar wara l-iskadenza oriġinali stabbilita fl-iskeda ta’ żmien indikattiva, dment li l-kundizzjonijiet ta’ pagament ikunu ġew issodisfati. Fl-ewwel sena tal-implimentazzjoni, dik l-iskadenza jenħtieġ li tiġi estiża għal 24 xahar mill-valutazzjoni negattiva inizjali.

(52)

B’deroga mill-Artikolu 116(2) u (5) tar-Regolament Finanzjarju, huwa xieraq li tiġi stabbilita l-iskadenza tal-pagament għall-kontribuzzjonijiet għall-baġits tal-istat li tibda mid-data tal-komunikazzjoni tad-deċiżjoni li tawtorizza l-iżborż lill-Moldova u li jiġi eskluż il-pagament tal-imgħax ta’ inadempjenza mill-Kummissjoni lill-Moldova.

(53)

Jenħtieġ li l-Kummissjoni tipprovdi, fuq talba tal-Parlament Ewropew fil-qafas tal-proċedura ta’ kwittanza, informazzjoni dettaljata dwar l-implimentazzjoni tal-baġit tal-Unjoni fl-ambitu tal-Faċilità, b’mod partikolari fir-rigward tal-awditi mwettqa, inklużi d-dgħufijiet identifikati u l-miżuri korrettivi meħuda, u fir-rigward ta’ proġetti approvati skont il-Pjattaforma ta’ Investiment għall-Viċinat, inkluż meta applikabbli l-ammont ta’ kofinanzjament tal-Moldova kif ukoll sorsi oħra ta’ kontribuzzjonijiet inkluż minn strumenti ta’ finanzjament oħra tal-Unjoni.

(54)

Fil-qafas tal-miżuri restrittivi tal-Unjoni, adottati abbażi tal-Artikolu 29 TUE u tal-Artikolu 215 TFUE, jenħtieġ li l-ebda fond jew riżorsa ekonomika ma jsiru disponibbli, direttament jew indirettament, lil persuni ġuridiċi, entitajiet jew korpi nnominati, jew għall-benefiċċju tagħhom. Tali entitajiet nnominati, u entitajiet li huma proprjetà tagħhom jew ikkontrollati minnhom, jenħtieġ li għalhekk ma jiġux appoġġjati mill-Faċilità.

(55)

Fl-interess tat-trasparenza u r-responsabbiltà, il-Moldova jenħtieġ li tippubblika data dwar ir-riċevituri finali li jirċievu ammonti ta’ finanzjament li jaqbżu l-ekwivalenti ta’ EUR 50 000 b’mod kumulattiv matul l-implimentazzjoni tar-riformi u l-investimenti fl-ambitu tal-Faċilità.

(56)

F’konformità mar-Regolament Finanzjarju, ir-Regolament (UE, Euratom) Nru 883/2013 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill (9) u r-Regolamenti tal-Kunsill (KE, Euratom) Nru 2988/95 (10), (Euratom, KE) Nru 2185/96 (11) u (UE) 2017/1939 (12), l-interessi finanzjarji tal-Unjoni għandhom jiġu protetti permezz ta’ miżuri proporzjonati, inkluż miżuri relatati mal-prevenzjoni, l-identifikazzjoni, il-korrezzjoni u l-investigazzjoni ta’ irregolaritajiet, frodi, korruzzjoni, kunflitti ta’ interess, finanzjament doppju, mal-irkupru ta’ fondi mitlufa, imħallsa bi żball jew użati b’mod mhux korrett.

(57)

B’mod partikolari, f’konformità mar-Regolamenti (Euratom, KE) Nru 2185/96 u (UE, Euratom) Nru 883/2013, l-Uffiċċju Ewropew ta’ Kontra l-Frodi (OLAF) jenħtieġ li jkun f’pożizzjoni li jwettaq investigazzjonijiet amministrattivi, inklużi kontrolli u spezzjonijiet fuq il-post, bil-ħsieb li jistabbilixxi jekk kienx hemm frodi, korruzzjoni jew kwalunkwe attività illegali oħra li taffettwa l-interessi finanzjarji tal-Unjoni.

(58)

F’konformità mal-Artikolu 129 tar-Regolament Finanzjarju, id-drittijiet u l-aċċess meħtieġa jenħtieġ li jingħataw lill-Kummissjoni, lill-OLAF, lill-Qorti tal-Awdituri u, meta applikabbli, lill-Uffiċċju tal-Prosekutur Pubbliku Ewropew (UPPE), inkluż minn partijiet terzi involuti fl-implimentazzjoni tal-fondi tal-Unjoni.

(59)

Il-Kummissjoni jenħtieġ li tiżgura li l-interessi finanzjarji tal-Unjoni jkunu protetti b’mod effettiv fl-ambitu tal-Faċilità. Meta jitqies ir-rekord twil ta’ assistenza finanzjarja pprovduta lill-Moldova wkoll taħt ġestjoni indiretta u b’kont meħud tal-allinjament gradwali tagħha mal-istandards u l-prattiki ta’ kontroll intern tal-Unjoni, jenħtieġ li l-Kummissjoni tiddependi fil-biċċa l-kbira fuq l-operat tas-sistemi ta’ kontroll intern u ta’ prevenzjoni tal-frodi tal-Moldova. B’mod partikolari, il-Kummissjoni u l-OLAF u, meta applikabbli, l-UPPE jenħtieġ li jiġu informati dwar il-każijiet suspettati kollha ta’ irregolaritajiet, frodi, korruzzjoni u kunflitti ta’ interess li jaffettwaw l-implimentazzjoni tal-fondi fl-ambitu tal-Faċilità mingħajr dewmien.

(60)

Barra minn hekk, il-Moldova jenħtieġ li tirrapporta l-irregolaritajiet inkluż il-frodi li kienu s-suġġett ta’ sejba amministrattiva jew ġudizzjarja primarja, mingħajr dewmien, lill-Kummissjoni u żżommha infurmata dwar il-progress tal-proċedimenti amministrattivi u legali. Bl-objettiv ta’ allinjament ma’ prattiki tajbin fl-Istati Membri, dan ir-rapportar jenħtieġ li jsir b’mezzi elettroniċi, bl-użu tas-Sistema ta’ Ġestjoni tal-Irregolaritajiet stabbilita mill-Kummissjoni.

(61)

Il-Moldova jenħtieġ li tistabbilixxi sistema ta’ monitoraġġ li tikkontribwixxi għal rapport semiannwali dwar l-issodisfar tal-kundizzjonijiet ta’ pagament tal-Aġenda ta’ Riforma tagħha li jakkumpanjaw it-talba semiannwali għar-rilaxx ta’ fondi. Il-Moldova jenħtieġ li tiġbor u tipprovdi aċċess għad-data u għall-informazzjoni li jippermettu l-prevenzjoni, l-identifikazzjoni u l-korrezzjoni ta’ irregolaritajiet, frodi, korruzzjoni u kunflitti ta’ interess, fir-rigward tal-miżuri appoġġjati mill-Faċilità.

(62)

Il-Kummissjoni jenħtieġ li tiżgura li jkunu stabbiliti mekkaniżmi ċari ta’ monitoraġġ u ta’ evalwazzjoni indipendenti sabiex jipprovdu responsabbiltà u trasparenza effettivi fl-implimentazzjoni tal-baġit tal-Unjoni, u biex jiżguraw il-valutazzjoni effettiva tal-progress lejn l-ilħuq tal-objettivi ta’ dan ir-Regolament.

(63)

Il-Kummissjoni jenħtieġ li tipprovdi rapport annwali lill-Parlament Ewropew u lill-Kunsill dwar il-progress lejn l-ilħuq tal-objettivi ta’ dan ir-Regolament.

(64)

Il-Kummissjoni jenħtieġ li twettaq evalwazzjoni tal-Faċilità mat-tlestija tagħha.

(65)

Il-Moldova jenħtieġ li tappoġġja media ħielsa , indipendenti u pluralistika li ssaħħaħ u tippromwovi l-fehim tal-valuri tal-Unjoni u l-benefiċċji u l-obbligi ta’ sħubija potenzjali mal-Unjoni, filwaqt li tieħu azzjonijiet deċiżivi f’termini tal-ġlieda kontra l-FIMI. Jenħtieġ li tiżgura wkoll komunikazzjoni pubblika proattiva, ċara u konsistenti, inkluż dwar l-appoġġ tal-Unjoni. Ir-riċevituri tal-finanzjament tal-Unjoni jenħtieġ li jirrikonoxxu b’mod attiv l-oriġini u jiżguraw il-viżibbiltà tal-finanzjament tal-Unjoni, f’konformità mal-Manwal ta’ Komunikazzjoni u Viżibbiltà għall-Azzjonijiet Esterni tal-UE.

(66)

L-implimentazzjoni tal-Faċilità jenħtieġ li tkun akkumpanjata minn komunikazzjoni strateġika u diplomazija pubblika msaħħin biex jippromwovu l-valuri tal-Unjoni u biex jenfasizzaw il-valur miżjud tal-appoġġ tal-Unjoni u kif il-Faċilità tibbenefika liċ-ċittadini tal-Moldova.

(67)

Minħabba li l-objettivi ta’ dan ir-Regolament ma jistgħux jinkisbu b’mod suffiċjenti mill-Istati Membri, iżda jistgħu pjuttost, jinkisbu aħjar fil-livell tal-Unjoni, l-Unjoni tista’ tadotta miżuri, f’konformità mal-prinċipju ta’ sussidjarjetà kif stabbilit fl-Artikolu 5 tat-TUE. F’konformità mal-prinċipju ta’ proporzjonalità kif stabbilit f’dak l-Artikolu, dan ir-Regolament ma jmurx lil hinn minn dak li huwa meħtieġ sabiex jinkisbu dawk l-objettivi.

(68)

Sabiex il-finanzjament jiġi pprovdut lill-Moldova fi żmien debitu mingħajr dewmien żejjed, jenħtieġ li dan ir-Regolament jidħol fis-seħħ fil-jum wara dak tal-pubblikazzjoni tiegħu f’Il-Ġurnal Uffiċjali tal-Unjoni Ewropea,

ADOTTAW DAN IR-REGOLAMENT:

KAPITOLU I

DISPOŻIZZJONIJIET ĠENERALI

Artikolu 1

Suġġett u kamp ta’ applikazzjoni

1.   Dan ir-Regolament jistabbilixxi l-Faċilità għar-Riforma u t-Tkabbir għar-Repubblika tal-Moldova (il-“Moldova”) għall-perjodu 2025-2027 (il-“Faċilità”).

2.   Il-Faċilità għandha tipprovdi assistenza lill-Moldova għat-twettiq ta’ riformi relatati mal-Unjoni, b’mod partikolari riformi soċjoekonomiċi inklużivi u sostenibbli u riformi li jikkonċernaw kwistjonijiet fundamentali tal-proċess tat-tkabbir, allinjati mal-valuri tal-Unjoni, kif ukoll investimenti biex tiġi implimentata l-Aġenda ta’ Riforma tal-Moldova.

3.   Ir-Regolament (UE) 2021/947 għandu japplika għall-implimentazzjoni tal-Faċilità, sakemm ma jkunx speċifikat mod ieħor f’dan ir-Regolament.

Artikolu 2

Definizzjonijiet

Għall-iskopijiet ta’ dan ir-Regolament, japplikaw id-definizzjonijiet li ġejjin:

(1)

“Ftehim dwar il-Faċilità” tfisser arranġament konkluż bejn il-Kummissjoni u l-Moldova li jistabbilixxi l-prinċipji għal kooperazzjoni finanzjarja bejn il-Moldova u l-Kummissjoni skont dan ir-Regolament; dan l-arranġament jikkostitwixxi ftehim ta’ finanzjament fis-sens tal-Artikolu 114(2) tar-Regolament Finanzjarju;

(2)

“qafas ta’ politika tat-tkabbir” tfisser il-qafas ta’ politika globali għall-implimentazzjoni ta’ dan ir-Regolament kif definit mill-Kunsill Ewropew u l-Kunsill, u jinkludi l-metodoloġija tat-tkabbir riveduta, ftehimiet li jistabbilixxu relazzjoni legalment vinkolanti mal-Moldova, l-oqfsa ta’ negozjar li jirregolaw in-negozjati ta’ adeżjoni mal-pajjiżi kandidati, meta applikabbli, kif ukoll riżoluzzjonijiet tal-Parlament Ewropew, komunikazzjonijiet rilevanti tal-Kummissjoni, inkluż, meta applikabbli, dwar l-istat tad-dritt, u komunikazzjonijiet konġunti mill-Kummissjoni u mir-Rappreżentant Għoli tal-Unjoni għall-Affarijiet Barranin u l-Politika ta’ Sigurtà;

(3)

“ftehim ta’ self” tfisser il-ftehim konkluż bejn l-Unjoni u l-Moldova li jistabbilixxi t-termini tal-appoġġ fil-forma ta’ self fl-ambitu tal-Faċilità;

(4)

“Aġenda ta’ Riforma” tfisser sett komprensiv, koerenti u prijoritizzat ta’ riformi mmirati u oqsma ta’ investiment prijoritarju fil-Moldova, inklużi kundizzjonijiet ta’ pagament li jindikaw progress sodisfaċenti jew tlestija ta’ miżuri relatati, u skeda ta’ żmien indikattiva għall-implimentazzjoni tagħhom;

(5)

“miżuri” tfisser riformi u investimenti kif stabbiliti fl-Aġenda ta’ Riforma skont il-Kapitolu III;

(6)

“kundizzjonijiet ta’ pagament” tfisser kundizzjonijiet għar-rilaxx ta’ fondi li jieħdu l-forma ta’ passi kwalitattivi jew kwantitattivi osservabbli u li jistgħu jitkejlu li għandhom jiġu implimentati mill-Moldova, kif stabbilit fl-Aġenda ta’ Riforma skont il-Kapitolu III;

(7)

“operazzjoni ta’ taħlit” tfisser operazzjoni appoġġjata mill-baġit tal-Unjoni li tgħaqqad forom ta’ appoġġ mhux ripagabbli mill-baġit tal-Unjoni ma’ forom ta’ appoġġ ripagabbli mill-iżvilupp jew minn istituzzjonijiet finanzjarji pubbliċi oħrajn, inklużi aġenziji ta’ kreditu għall-esportazzjoni, jew minn istituzzjonijiet ta’ finanzjament kummerċjali u investituri;

(8)

“riċevitur finali” tfisser persuna jew entità li tirċievi finanzjament fl-ambitu tal-Faċilità; għall-parti tal-finanzjament li ssir disponibbli bħala assistenza finanzjarja, ir-riċevitur finali tfisser it-teżor tal-Moldova; għall-parti tal-finanzjament li ssir disponibbli permezz tal-Pjattaforma ta’ Investiment għall-Viċinat, ir-riċevitur finali tfisser il-kuntrattur jew is-sottokuntrattur li jimplimenta l-proġett ta’ investiment;

(9)

“la tagħmilx ħsara sinifikanti” tfisser li ma jiġux appoġġjati jew imwettqa attivitajiet ekonomiċi li jagħmlu ħsara sinifikanti lil kwalunkwe objettiv ambjentali, meta rilevanti, fis-sens tal-Artikolu 17 tar-Regolament (UE) 2020/852 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill (13);

(10)

“il-Pjattaforma ta’ Investiment għall-Viċinat” hija waħda mill-pjattaformi ta’ investiment reġjonali msemmija fl-Artikolu 32 tar-Regolament (UE) 2021/947.

Artikolu 3

Objettivi tal-Faċilità

1.   L-objettivi ġenerali tal-Faċilità għandhom ikunu li:

(a)

tappoġġja l-proċess tat-tkabbir billi taċċellera l-allinjament mal-valuri, il-liġijiet, ir-regoli, l-istandards, il-politiki u l-prattiki tal-Unjoni (“acquis”) permezz tal-adozzjoni u l-implimentazzjoni ta’ riformi bil-ħsieb ta’ sħubija futura mal-Unjoni;

(b)

tappoġġja l-integrazzjoni progressiva tal-Moldova fis-suq uniku tal-Unjoni;

(c)

taċċellera l-konverġenza soċjoekonomika tal-ekonomija tal-Moldova mal-Unjoni;

(d)

trawwem relazzjonijiet tajbin ta’ viċinat mal-Istati Membri u s-sħab tat-tkabbir tal-Unjoni, kif ukoll kuntatt bejn il-persuni.

2.   L-objettivi speċifiċi tal-Faċilità għandhom ikunu li:

(a)

issaħħaħ aktar il-kwistjonijiet fundamentali tal-proċess tat-tkabbir, inklużi l-istat tad-dritt u d-drittijiet fundamentali, il-funzjonament tal-istituzzjonijiet demokratiċi, inkluża id-depolarizzazzjoni, l-amministrazzjoni pubblika u l-issodisfar tal-kriterji ekonomiċi; dan jinkludi l-promozzjoni ta’ ġudikatura indipendenti, it-tisħiħ tas-sigurtà u l-istabbiltà, it-tisħiħ tal-ġlieda kontra l-frodi u l-forom kollha ta’ korruzzjoni, inklużi l-korruzzjoni fil-livelli għolja, l-influwenza oligarkika u n-nepotiżmu, il-kriminalità organizzata, il-kriminalità transfruntiera u l-ħasil tal-flus kif ukoll il-finanzjament tat-terroriżmu, l-evażjoni tat-taxxa, il-frodi tat-taxxa u l-evitar tat-taxxa; iżżid il-konformità mad-dritt internazzjonali; issaħħaħ il-libertà u l-indipendenza tal-media u l-libertà akkademika; tiġġieled kontra d-diskors ta’ mibegħda; tiffaċilita ambjent għas-soċjetà ċivili, trawwem id-djalogu soċjali; tippromwovi l-ugwaljanza bejn il-ġeneri, l-integrazzjoni tal-perspettiva tal-ġeneri u t-tisħiħ tal-pożizzjoni tan-nisa u l-bniet, tippromwovi d-drittijiet tat-tfal, in-nondiskriminazzjoni u t-tolleranza; tiżgura u ssaħħaħ ir-rispett għad-drittijiet tar-refuġjati u tal-persuni li jappartjenu għall-minoranzi, inklużi l-minoranzi nazzjonali u r-Rom, kif ukoll id-drittijiet tal-persuni LGBTI;

(b)

tersaq lejn l-allinjament sħiħ tal-Moldova mal-PESK tal-Unjoni, inkluż b’miżuri restrittivi tal-Unjoni;

(c)

tgħin biex jittaffew l-isfidi maħluqa mill-gwerra ta’ aggressjoni tar-Russja kontra l-Ukrajna u tentattivi biex tiġi destabbilizzata l-Moldova, tiġġieled kontra d-diżinformazzjoni, it-theddid ibridu, u l-FIMI (manipulazzjoni tal-informazzjoni u interferenza minn barranin), b’mod partikolari mir-Russja, kontra s-sovranità, il-proċessi demokratiċi u l-istituzzjonijiet tal-Moldova, kif ukoll kontra l-Unjoni u l-valuri tagħha;

(d)

tersaq lejn l-armonizzazzjoni tal-politiki dwar il-viżi mal-Unjoni;

(e)

issaħħaħ l-effettività tal-amministrazzjoni pubblika, tibni l-kapaċitajiet u tinvesti fil-persunal amministrattiv fil-Moldova; tiżgura l-aċċess għall-informazzjoni, l-iskrutinju pubbliku u l-involviment tas-soċjetà ċivili fil-proċessi tat-teħid tad-deċiżjonijiet; tappoġġja t-trasparenza, ir-responsabbiltà, ir-riformi strutturali u l-governanza tajba fil-livelli kollha, inkluż fir-rigward tas-setgħat ta’ sorveljanza u inkjesta tagħhom għad-distribuzzjoni ta’ fondi pubbliċi u l-aċċess għalihom kif ukoll fl-oqsma tal-ġestjoni finanzjarja pubblika u l-akkwist pubbliku u l-kontroll tal-għajnuna mill-Istat; tappoġġja l-inizjattivi u l-korpi involuti fl-appoġġ u l-infurzar tal-ġustizzja internazzjonali fil-Moldova;

(f)

taċċellera t-tranżizzjoni tal-Moldova għal ekonomija sostenibbli, newtrali għall-klima u inklużiva, li tkun kapaċi tiflaħ għall-pressjonijiet ta’ suq kompetittiv tas-suq uniku tal-Unjoni, u għal ambjent ta’ investiment stabbli u tnaqqas id-dipendenza strateġika tagħha billi tiddiversifika s-sorsi tal-enerġija, inkluż billi ttejjeb l-interkonnessjonijiet mal-Istati Membri u s-sħab tat-tkabbir tal-Unjoni, sabiex tikseb is-sigurtà tal-enerġija u l-indipendenza;

(g)

trawwem l-integrazzjoni ekonomika tal-Moldova mas-suq uniku tal-Unjoni, b’mod partikolari permezz ta’ żieda fil-flussi tal-kummerċ u tal-investiment, u ktajjen tal-valur reżiljenti;

(h)

tappoġġja l-integrazzjoni mtejba mas-suq uniku tal-Unjoni permezz ta’ konnettività mtejba u sostenibbli f’konformità man-networks trans-Ewropej biex jissaħħu r-relazzjonijiet tajbin ta’ viċinat, kif ukoll il-kuntatt bejn il-persuni;

(i)

taċċellera t-tranżizzjoni ekoloġika inklużiva u sostenibbli lejn in-newtralità klimatika sal-2050, f’konformità mal-Ftehim ta’ Pariġi u l-Patt Ekoloġiku Ewropew u li tkopri s-setturi ekonomiċi kollha, b’mod partikolari l-agrikoltura u l-enerġija, inkluża t-tranżizzjoni lejn ekonomija dekarbonizzata, newtrali għall-klima, reżiljenti għall-klima u ċirkolari, filwaqt li jiġi żgurat li l-investimenti jirrispettaw il-prinċipju “la tagħmilx ħsara sinifikanti”;

(j)

tippromwovi trasformazzjoni diġitali u ħiliet diġitali bħala mezz li jippermetti l-iżvilupp sostenibbli u t-tkabbir inklużiv;

(k)

tagħti spinta lill-innovazzjoni, ir-riċerka, u l-kooperazzjoni bejn l-istituzzjonijiet akkademiċi u l-industrija b’appoġġ għat-tranżizzjoni ekoloġika u dik diġitali, u tippromwovi l-industriji lokali b’enfasi partikolari fuq l-intrapriżi mikro, żgħar u ta’ daqs medju u l-kumpaniji start-up ibbażati lokalment;

(l)

tagħti spinta lill-edukazzjoni, it-taħriġ, it-tiġdid u t-titjib tal-ħiliet fil-livelli kollha, b’enfasi partikolari fuq iż-żgħażagħ, inkluż l-indirizzar tal-qgħad fost iż-żgħażagħ, il-prevenzjoni tal-eżodu ta’ mħuħ u l-appoġġ għal komunitajiet vulnerabbli, inklużi r-refuġjati, u l-appoġġ għall-politiki tal-impjiegi, inklużi d-drittijiet tal-ħaddiema, f’konformità mal-Pilastru Ewropew tad-Drittijiet Soċjali, u l-ġlieda kontra l-faqar;

(m)

tappoġġja attivitajiet biex itejbu l-għarfien taċ-ċittadini tal-Moldova dwar il-benefiċċji tal-proċess ta’ adeżjoni mal-Unjoni, inkluż permezz ta’ kampanji ta’ komunikazzjoni.

Artikolu 4

Prinċipji ġenerali

1.   L-appoġġ mill-Faċilità għandu jiġi ġestit mill-Kummissjoni b’mod konsistenti mal-prinċipji u l-objettivi ewlenin tar-riformi ekonomiċi stabbiliti fil-Ftehim ta’ Assoċjazzjoni bejn l-UE u l-Moldova u l-politika tat-tkabbir tal-Unjoni.

2.   Il-kooperazzjoni fl-ambitu tal-Faċilità għandha tkun ibbażata fuq il-ħtiġijiet u għandha tippromwovi l-prinċipji ta’ effettività tal-iżvilupp, jiġifieri s-sjieda tal-prijoritajiet tal-iżvilupp mill-Moldova, b’enfasi fuq il-kundizzjonalità ċara u r-riżultati tanġibbli, sħubijiet inklużivi mas-sħab soċjali u mal-organizzazzjonijiet tas-soċjetà ċivili, kif ukoll trasparenza u responsabbiltà reċiproka. Dik il-kooperazzjoni għandha tkun ibbażata fuq allokazzjoni u użu effettivi u effiċjenti tar-riżorsi.

3.   L-għoti ta’ assistenza makrofinanzjarja ma għandux jaqa’ fil-kamp ta’ applikazzjoni tal-Faċilità.

4.   L-appoġġ mill-Faċilità għandu jkun addizzjonali u komplementari għall-appoġġ ipprovdut fl-ambitu ta’ programmi u strumenti oħrajn tal-Unjoni. L-attivitajiet eliġibbli għall-finanzjament skont dan ir-Regolament jistgħu jirċievu appoġġ minn programmi u strumenti oħrajn tal-Unjoni, dment li tali appoġġ ma jkoprix l-istess kost u li jiġu żgurati sorveljanza xierqa u kontroll baġitarju. Il-Kummissjoni għandha tiżgura l-komplementarjetajiet u s-sinerġiji bejn il-Faċilità u programmi tal-Unjoni oħrajn, bil-ħsieb li tevita d-duplikazzjoni tal-assistenza u l-finanzjament doppju.

5.   Sabiex jippromwovu l-komplementarjetà, il-koerenza u l-effiċjenza tal-azzjonijiet tagħhom, il-Kummissjoni u l-Istati Membri għandhom jikkooperaw u għandhom jagħmlu ħilithom biex jevitaw id-duplikazzjoni tal-assistenza u jiżguraw sinerġiji bejn l-assistenza skont dan ir-Regolament u forom ta’ assistenza oħra, inklużi l-pakketti finanzjarji integrati magħmula minn finanzjament kemm għall-esportazzjoni kif ukoll għall-iżvilupp ipprovdut mill-Unjoni, mill-Istati Membri, minn pajjiżi terzi, u minn organizzazzjonijiet u entitajiet multilaterali u reġjonali, bħall-organizzazzjonijiet internazzjonali u l-istituzzjonijiet finanzjarji internazzjonali rilevanti, l-aġenziji u d-donaturi mhux tal-Unjoni, f’konformità mal-prinċipji stabbiliti għat-tisħiħ tal-koordinazzjoni operazzjonali fil-qasam tal-assistenza esterna, inkluż permezz ta’ koordinazzjoni msaħħa mal-Istati Membri fil-livell lokali. Tali koordinazzjoni fil-livell lokali għandha tinvolvi konsultazzjonijiet regolari u f’waqthom u skambji frekwenti ta’ informazzjoni matul l-implimentazzjoni tal-Faċilità.

6.   L-attivitajiet fl-ambitu tal-Faċilità għandhom jintegraw u jippromwovu d-demokrazija, id-drittijiet tal-bniedem u l-ugwaljanza bejn il-ġeneri, jallinjaw ruħhom b’mod progressiv mal-istandards soċjali, klimatiċi u ambjentali tal-Unjoni, jintegraw il-mitigazzjoni u l-adattament għat-tibdil fil-klima, meta rilevanti, it-tnaqqis tar-riskju ta’ diżastri, il-protezzjoni ambjentali u l-konservazzjoni tal-bijodiversità, inkluż permezz, meta jkun xieraq, valutazzjonijiet tal-impatt ambjentali, u għandhom jappoġġjaw il-progress lejn l-Għanijiet ta’ Żvilupp Sostenibbli tan-Nazzjonijiet Uniti, u b’hekk jippromwovu azzjonijiet integrati li jistgħu joħolqu kobenefiċċji u jilħqu diversi objettivi b’mod koerenti. Dawk l-attivitajiet għandhom jevitaw assi mhux rekuperabbli, u għandhom ikunu ggwidati mill-prinċipji ta’ “la tagħmilx ħsara sinifikanti” u ta’ “ħadd ma jitħalla jibqa’ lura”, kif ukoll mill-approċċ tal-integrazzjoni tas-sostenibbiltà li jirfed il-Patt Ekoloġiku Ewropew. Mill-inqas 37 % tal-appoġġ finanzjarju mhux ripagabbli, inkluż il-proviżjonament, ipprovdut għal proġetti ta’ investiment approvati fl-ambitu tal-Pjattaforma ta’ Investiment għall-Viċinat għandu jiġi attribwit għall-objettivi klimatiċi.

7.   Il-Moldova u l-Kummissjoni għandhom jiżguraw li l-ugwaljanza bejn il-ġeneri, l-integrazzjoni tal-ugwaljanza bejn il-ġeneri u l-integrazzjoni tal-perspettiva tal-ġeneri jitqiesu u jiġu promossi matul it-tħejjija tal-Aġenda ta’ Riforma u l-implimentazzjoni tal-Faċilità. Il-Moldova u l-Kummissjoni għandhom jieħdu miżuri xierqa biex jipprevjenu kwalunkwe diskriminazzjoni bbażata fuq il-ġeneru, l-oriġini razzjali jew etnika, ir-reliġjon jew it-twemmin, id-diżabilità, l-età jew l-orjentazzjoni sesswali. Il-Kummissjoni għandha tirrapporta dwar dawk il-miżuri fil-kuntest tar-rapportar regolari tagħha fl-ambitu tal-Pjanijiet ta’ Azzjoni dwar l-Ugwaljanza bejn il-Ġeneri.

8.   Il-Faċilità ma għandhiex tappoġġja attivitajiet jew miżuri li huma inkompatibbli mal-Pjanijiet Nazzjonali għall-Enerġija u l-Klima tal-Moldova, mal-Kontribut Stabbilit fil-Livell Nazzjonali tagħha fl-ambitu tal-Ftehim ta’ Pariġi, jew mal-ambizzjoni tagħha li sal-2050 tinkiseb in-newtralità klimatika, jew attivitajiet jew miżuri li jippromwovu investimenti fil-fjuwils fossili, jew li jikkawżaw effetti negattivi sinifikanti fuq l-ambjent, il-klima jew il-bijodiversità, sakemm tali attivitajiet jew miżuri ma jkunux strettament meħtieġa biex jinkisbu l-objettivi tal-Faċilità, b’mod partikolari l-Artikolu 3(2), il-punt (c), filwaqt li jiġu kkunsidrati arranġamenti tranżizzjonali possibbli u filwaqt li tiġi segwita strateġija tal-enerġija għal terminu medju sa twil biex tiġi żgurata s-sigurtà tal-enerġija. Dawk l-arranġamenti tranżizzjonali għandhom ikunu akkumpanjati, fejn rilevanti, minn miżuri xierqa biex jevitaw, jipprevjenu jew inaqqsu u, jekk possibbli, jikkumpensaw dawk l-effetti avversi.

9.   F’konformità mal-prinċipju ta’ sħubija inklużiva, il-Kummissjoni għandha tistinka biex tiżgura, kif xieraq, skrutinju demokratiku fil-forma ta’ konsultazzjoni mill-gvern tal-Moldova tal-parlament tal-Moldova, tal-awtoritajiet lokali, f’konformità mal-qafas legali nazzjonali tal-Moldova, u tal-partijiet ikkonċernati rilevanti, inklużi s-sħab soċjali u s-soċjetà ċivili, kif ukoll gruppi vulnerabbli, refuġjati u lminoranzi u l-komunitajiet kollha, kif rilevanti, sabiex ikunu jistgħu jipparteċipaw fit-tfassil u fl-implimentazzjoni tal-attivitajiet eliġibbli għall-finanzjament fl-ambitu tal-Faċilità u fil-proċessi relatati ta’ monitoraġġ, skrutinju u evalwazzjoni, kif rilevanti. Dik il-konsultazzjoni għandha tfittex li tirrappreżenta l-pluraliżmu tas-soċjetà tal-Moldova. Barra minn hekk, il-Kummissjoni għandha tiżgura li s-soċjetà ċivili fil-Moldova, inklużi l-organizzazzjonijiet mhux governattivi, tkun tista’ tirrapporta direttament lill-Kummissjoni kwalunkwe irregolarità rigward il-finanzjament jew ir-riċevituri finali, permezz ta’ kanali permanenti xierqa.

10.   Il-Kummissjoni, f’kooperazzjoni mill-qrib mal-Istati Membri u l-Moldova, għandha tiżgura l-implimentazzjoni tal-impenji tal-Unjoni biex jiżdiedu t-trasparenza u r-responsabbiltà fl-għoti ta’ appoġġ, inkluż billi tippromwovi l-implimentazzjoni u t-tisħiħ tas-sistemi ta’ kontroll intern u l-politiki kontra l-frodi. Il-Kummissjoni għandha tagħmel l-informazzjoni dwar il-volum u l-allokazzjoni tal-appoġġ disponibbli għall-pubbliku permezz tat-tabella ta’ valutazzjoni tal-Faċilità msemmija fl-Artikolu 24. Il-Moldova għandha tippubblika data aġġornata dwar ir-riċevituri finali li jirċievu fondi tal-Unjoni għall-implimentazzjoni ta’ riformi u investimenti fl-ambitu tal-Faċilità, kif deskritt fl-Artikolu 20.

Artikolu 5

Prekundizzjonijiet għall-appoġġ tal-Unjoni

1.   Il-prekundizzjonijiet għall-appoġġ fl-ambitu tal-Faċilità għandhom ikunu li l-Moldova tkompli tħares u tirrispetta mekkaniżmi demokratiċi effettivi, inklużi sistema parlamentari b’bosta partiti, elezzjonijiet ħielsa u ġusti, media ħielsa, indipendenti u pluralistika, ġudikatura indipendenti u l-istat tad-dritt, u tiggarantixxi r-rispett għall-obbligi kollha tad-drittijiet tal-bniedem, inklużi d-drittijiet ta’ persuni li jappartjenu għal minoranzi.

2.   Il-Kummissjoni għandha timmonitorja l-issodisfar tal-prekundizzjonijiet stabbiliti fil-paragrafu 1 qabel ma l-fondi, inkluż il-prefinanzjament, jiġu rilaxxati lill-Moldova fl-ambitu tal-Faċilità u matul il-perjodu tal-appoġġ ipprovdut fl-ambitu tal-Faċilità filwaqt li tqis kif xieraq il-qafas ta’ politika tat-tkabbir. Il-Kummissjoni għandha tqis ukoll ir-rakkomandazzjonijiet rilevanti ta’ korpi internazzjonali, bħall-Kunsill tal-Ewropa u l-Kummissjoni ta’ Venezja tiegħu, jew l-Uffiċċju għall-Istituzzjonijiet Demokratiċi u d-Drittijiet tal-Bniedem tal-Organizzazzjoni għas-Sigurtà u l-Kooperazzjoni fl-Ewropa (OSKE) fil-proċess ta’ monitoraġġ.

3.   Meta l-Kummissjoni ssib li xi wħud mill-prekundizzjonijiet stabbliti fil-paragrafu 1 mhumiex issodisfati, l-Kummissjoni għandha tadotta deċiżjonif’dak is-sens, u b’mod partikolari, iżżomm ir-rilaxx ta’ fondi msemmija fl-Artikolu 19, irrispettivament minn jekk il-kundizzjonijiet ta’ pagament imsemmija fl-Artikolu 10 humiex issodisfati. Il-Kummissjoni għandha tinforma lill-Parlament Ewropew u lill-Kunsill bid-deċiżjoni tagħha.

KAPITOLU II

FINANZJAMENT U IMPLIMENTAZZJONI

Artikolu 6

Implimentazzjoni

1.   Il-Faċilità għandha tiġi appoġġjata b’riżorsi mill-NDICI (Istrument ta’ Viċinat, ta’ Kooperazzjoni għall-Iżvilupp u ta’ Kooperazzjoni Internazzjonali) – Ewropa Globali bl-ammont ta’ EUR 520 miljun f’appoġġ mhux ripagabbli u ammont massimu ta’ EUR 1 500 miljun f’self. L-ammont għas-self ma għandux jikkostitwixxi parti mill-ammont tal-Garanzija għall-Azzjoni Esterna fis-sens tal-Artikolu 31(4) tar-Regolament (UE) 2021/947.

2.   L-appoġġ finanzjarju mhux ripagabbli għandu jiġi ffinanzjat għall-perjodu mill-1 ta’ Jannar 2025 sal-31 ta’ Diċembru 2027 mill-pakkett allokat għall-programm ġeografiku tal-Viċinat skont l-Artikolu 6(2), il-punt (a), tar-Regolament (UE) 2021/947. Dan għandu jkopri l-proviżjonament għal self li jammonta għal EUR 135 miljun, appoġġ ipprovdut mill-Unjoni għal proġetti approvati fl-ambitu tal-Pjattaforma ta’ Investiment għall-Viċinat, kif imsemmi fl-Artikolu 18(2) u appoġġ komplementari, inkluż appoġġ lill-organizzazzjonijiet tas-soċjetà ċivili u assistenza teknika. Il-finanzjament għandu jiġi implimentat f’konformità mar-Regolament (UE) 2021/947.

Id-deċiżjonijiet dwar ir-rilaxx tal-fondi msemmija fl-Artikolu 19(3) għall-appoġġ fil-forma ta’ self għandhom jiġu adottati fil-perjodu mill-1 ta’ Jannar 2025 sat-30 ta’ Ġunju 2029.

3.   Ir-rilaxx tal-assistenza tal-Unjoni għandu jiġi ġestit mill-Kummissjoni b’mod konsistenti mal-prinċipji u mal-objettivi ewlenin tar-riformi stabbiliti fl-Aġenda ta’ Riforma. Il-fondi kollha, bl-eċċezzjoni tal-appoġġ komplementari msemmi fil-paragrafu 2, u r-riżorsi msemmija fil-paragrafu 6, għandhom jiġu pprovduti f’pagamenti akkont darbtejn fis-sena abbażi tat-tlestija tar-riformi meħtieġa fl-iskedi ta’ żmien speċifikati kif maqbul fl-Aġenda ta’ Riforma u maqbula fid-deċiżjoni ta’ implimentazzjoni tal-Kummissjoni.

4.   Mill-inqas 25 % tas-self rilaxxat lill-Moldova għandu jsir disponibbli mill-Moldova għal proġetti ta’ investiment approvati fl-ambitu tal-Pjattaforma ta’ Investiment għall-Viċinat, waħda mill-pjattaformi ta’ investiment reġjonali msemmija fl-Artikolu 32 tar-Regolament (UE) 2021/947. Il-Ftehim dwar il-Faċilità għandu jagħti dettalji dwar dan l-obbligu, kif ukoll ir-regoli u l-prinċipji dettaljati għall-implimentazzjoni tiegħu. In-nuqqas ta’ konformità ma’ dan l-obbligu għandu jiskatta s-sospensjoni ta’ operazzjonijiet ulterjuri fl-ambitu tal-Faċilità u l-irkupru ta’ tali ammonti mill-Moldova, kif imsemmi fl-Artikolu 19 ta’ dan ir-Regolament.

5.   L-appoġġ komplementari għandu jikkorrispondi għal mill-inqas 20 % tal-appoġġ finanzjarju mhux ripagabbli totali kif imsemmi fil-paragrafu 2.

6.   Ammont sa 1 % tal-appoġġ mhux ripagabbli msemmi fil-paragrafu 2 jista’ jintuża għall-assistenza teknika u amministrattiva għall-implimentazzjoni tal-Faċilità, bħall-azzjonijiet preparatorji, il-monitoraġġ, il-kontroll, l-awditjar u l-attivitajiet ta’ evalwazzjoni, li huma meħtieġa għall-ġestjoni tal-Faċilità u għall-ilħuq tal-objettivi tagħha, b’mod partikolari studji, laqgħat ta’ esperti, konsultazzjonijiet ta’ taħriġ mal-awtoritajiet tal-Moldova, konferenzi, konsultazzjoni tal-awtoritajiet lokali, f’konformità mal-qafas legali nazzjonali tal-Moldova, u mal-partijiet ikkonċernati rilevanti, inklużi l-isħab soċjali u l-organizzazzjonijiet tas-soċjetà ċivili, attivitajiet ta’ informazzjoni u komunikazzjoni, inklużi attivitajiet ta’ sensibilizzazzjoni inklużivi, u l-komunikazzjoni tal-prijoritajiet politiċi tal-Unjoni, sa fejn ikunu relatati mal-objettivi tal-Faċilità, l-ispejjeż marbuta man-networks tal-IT li jiffukaw fuq l-ipproċessar u l-iskambju tal-informazzjoni, l-għodod korporattivi tat-teknoloġija tal-informazzjoni, kif ukoll kull nefqa oħra fil-kwartieri ġenerali u fid-delegazzjoni tal-Unjoni għall-appoġġ amministrattiv u ta’ koordinazzjoni meħtieġ għall-Faċilità. L-ispejjeż jistgħu jkopru wkoll il-kostijiet ta’ attivitajiet li jappoġġjaw it-trasparenza u ta’ attivitajiet oħra bħall-kontroll tal-kwalità u l-monitoraġġ tal-proġetti jew tal-programmi fuq il-post u l-kostijiet tal-konsulenza bejn il-pari u tal-esperti għall-valutazzjoni u għall-implimentazzjoni tar-riformi u tal-investimenti.

7.   Sabiex jiġi mmassimizzat l-appoġġ internazzjonali, donaturi jistgħu jikkontribwixxu għall-implimentazzjoni tal-Faċilità permezz ta’ dħul assenjat estern fis-sens tal-Artikolu 21(2) tar-Regolament Finanzjarju.

Artikolu 7

Regoli dwar l-eliġibbiltà ta’ persuni u entitajiet, dwar l-oriġini tal-provvista u tal-materjali u dwar ir-restrizzjonijiet fl-ambitu tal-Faċilità

1.   B’deroga mill-Artikolu 28 tar-Regolament (UE) 2021/947, il-parteċipazzjoni fil-proċeduri ta’ akkwist u ta’ aġġudikazzjoni ta’ għotjiet għal attivitajiet iffinanzjati fl-ambitu tal-Faċilità għandha tkun miftuħa għal organizzazzjonijiet internazzjonali u reġjonali u għall-persuni fiżiċi kollha li huma ċittadini ta’ dawn li ġejjin, jew għall-persuni ġuridiċi li huma stabbiliti b’mod effettiv f’dawn li ġejjin:

(a)

l-Istati Membri, il-Moldova, il-pajjiżi kandidati u l-partijiet kontraenti għall-Ftehim dwar iż-Żona Ekonomika Ewropea;

(b)

pajjiżi li jipprovdu livell ta’ appoġġ lill-Moldova komparabbli ma’ dak ipprovdut mill-Unjoni, b’kont meħud tad-daqs tal-ekonomija tagħhom, u li għalihom l-aċċess reċiproku għall-assistenza esterna fil-Moldova huwa stabbilit mill-Kummissjoni.

2.   L-aċċess reċiproku msemmi fil-paragrafu 1, il-punt (b), jista’ jingħata għal perjodu limitat ta’ mill-anqas sena waħda meta pajjiż jagħti eliġibbiltà fuq termini ugwali lill-entitajiet mill-Unjoni u mill-pajjiżi eliġibbli fl-ambitu tal-Faċilità.

Il-Kummissjoni għandha tiddeċiedi dwar l-aċċess reċiproku wara li tikkonsulta lill-Moldova.

3.   Il-provvisti u l-materjali kollha ffinanzjati u akkwistati fl-ambitu tal-Faċilità għandhom joriġinaw minn kwalunkwe pajjiż imsemmi fil-paragrafu 1, il-punti (a) u (b), sakemm dawk il-provvisti u l-materjali ma jkunux jistgħu jinkisbu taħt kundizzjonijiet raġonevoli f’xi wieħed minn dawk il-pajjiżi. Barra minn hekk, għandhom japplikaw ir-regoli dwar ir-restrizzjonijiet stabbiliti fil-paragrafu 6.

4.   Ir-regoli ta’ eliġibbiltà fl-ambitu ta’ dan l-Artikolu ma għandhomx japplikaw għal, u ma għandhomx joħolqu restrizzjonijiet ta’ nazzjonalità għal, persuni fiżiċi impjegati jew ikkuntrattati legalment mod ieħor minn kuntrattur eliġibbli jew, meta applikabbli, sottokuntrattur ħlief meta r-restrizzjonijiet ta’ nazzjonalità jkunu bbażati fuq ir-regoli previsti fil-paragrafu 6.

5.   Għall-attivitajiet kofinanzjati b’mod konġunt minn entità jew implimentati taħt ġestjoni diretta jew ġestjoni indiretta mal-entitajiet imsemmija fl-Artikolu 62(1), l-ewwel subparagrafu, il-punt (c), tar-Regolament Finanzjarju, ir-regoli applikabbli għal dawk l-entitajiet għandhom japplikaw ukoll flimkien mar-regoli stabbiliti skont dan l-Artikolu, inkluż, meta applikabbli, ir-restrizzjonijiet previsti fil-paragrafu 6 ta’ dan l-Artikolu u riflessi kif xieraq fil-ftehimiet ta’ finanzjament u fid-dokumenti kuntrattwali ffirmati ma’ dawk l-entitajiet.

6.   Ir-regoli ta’ eliġibbiltà u r-regoli dwar l-oriġini tal-provvisti u tal-materjali stabbiliti fil-paragrafi 1 u 3 u r-regoli dwar in-nazzjonalità tal-persuni fiżiċi kif stabbiliti fil-paragrafu 4 jistgħu jiġu ristretti fir-rigward tan-nazzjonalità, tal-post ġeografiku jew tan-natura tal-entitajiet legali li jipparteċipaw fi proċeduri ta’ għoti, kif ukoll fir-rigward tal-oriġini ġeografika tal-provvisti u tal-materjali meta:

(a)

tali restrizzjonijiet ikunu meħtieġa minħabba n-natura speċifika jew l-objettivi tal-attività jew tal-proċedura speċifika ta’ għoti jew meta dawk ir-restrizzjonijiet ikunu meħtieġa għall-implimentazzjoni effettiva tal-attività;

(b)

l-attività jew il-proċeduri speċifiċi ta’ għoti jaffettwaw is-sigurtà jew l-ordni pubbliku, b’mod partikolari fir-rigward tal-assi strateġiċi u l-interessi tal-Unjoni, tal-Istati Membri, jew tal-Moldova, inklużi s-sigurtà, ir-reżiljenza u l-protezzjoni tal-integrità tal-infrastruttura diġitali, inkluża l-infrastruttura tan-network 5G, is-sistemi ta’ komunikazzjoni u informazzjoni, u l-ktajjen tal-provvista relatati.

7.   L-applikanti għall-offerti u l-kandidati minn pajjiżi mhux eliġibbli jistgħu jiġu aċċettati bħala eliġibbli f’każijiet ta’ urġenza jew meta s-servizzi ma jkunux disponibbli fis-swieq tal-pajjiżi jew tat-territorji kkonċernati, jew f’każijiet oħrajn debitament sostanzjati meta l-applikazzjoni tar-regoli ta’ eliġibbiltà tagħmel it-twettiq ta’ attività impossibbli jew diffiċli b’mod eżaġerat.

8.   Fil-qafas tal-miżuri restrittivi tal-Unjoni, adottati abbażi tal-Artikolu 29 tat-TUE u tal-Artikolu 215 tat-TFUE, l-ebda fond jew riżorsa ekonomika ma għandhom jsiru disponibbli, direttament jew indirettament, lil persuni ġuridiċi, entitajiet jew korpi soġġetti għal miżuri restrittivi tal-Unjoni, jew għall-benefiċċju tagħhom. Tali persuni u entitajiet, u entitajiet li huma proprjetà tagħhom jew ikkontrollati minnhom, ma għandhomx jiġu appoġġjati mill-Faċilità la direttament u lanqas indirettament, inkluż bħala sidien indiretti, sottokuntratturi fil-katina tal-provvista jew benefiċjarji aħħarin.

Artikolu 8

Ftehim dwar il-Faċilità

1.   Il-Kummissjoni għandha tikkonkludi Ftehim dwar il-Faċilità mal-Moldova għall-implimentazzjoni tal-Faċilità li tistabbilixxi l-obbligi u l-kundizzjonijiet ta’ pagament għall-iżborż tal-finanzjament.

2.   Il-Ftehim dwar il-Faċilità għandu jiġi kkomplementat bi ftehim ta’ self f’konformità mal-Artikolu 15, li jistabbilixxi dispożizzjonijiet speċifiċi għall-ġestjoni u għall-implimentazzjoni tal-finanzjament ipprovdut fil-forma ta’ self. Il-Ftehim dwar il-Faċilità, inkluża kwalunkwe dokumentazzjoni relatata, għandu jsir disponibbli lill-Parlament Ewropew u lill-Kunsill simultanjament u mingħajr dewmien.

3.   Il-finanzjament għandu jingħata lill-Moldova biss wara li jkunu daħlu fis-seħħ il-Ftehim dwar il-Faċilità u l-ftehim ta’ self.

4.   Il-Ftehim dwar il-Faċilità u l-ftehim ta’ self konklużi mal-Moldova għandhom jiżguraw li l-obbligi stabbiliti fl-Artikolu 129 tar-Regolament Finanzjarju jiġu ssodisfati.

5.   Il-Ftehim dwar il-Faċilità għandu jistabbilixxi d-dispożizzjonijiet dettaljati meħtieġa rigward:

(a)

l-impenn tal-Moldova li tagħmel progress deċiżiv lejn qafas legali robust għall-ġlieda kontra l-frodi, u tistabbilixxi sistemi ta’ kontroll aktar effiċjenti u effettivi, inklużi mekkaniżmi xierqa għall-protezzjoni tal-informaturi kif ukoll mekkaniżmi u miżuri xierqa li jipprevjenu, jidentifikaw u jikkoreġu b’mod effettiv l-irregolaritajiet, il-frodi, il-korruzzjoni u l-kunflitti ta’ interess kif ukoll li jsaħħu l-ġlieda kontra l-ħasil tal-flus, il-kriminalità organizzata, il-miżapproprjazzjoni ta’ fondi pubbliċi, il-finanzjament tat-terroriżmu, l-evitar tat-taxxa, il-frodi tat-taxxa u l-evażjoni tat-taxxa, u attivitajiet illegali oħra li jaffettwaw il-fondi pprovduti fl-ambitu tal-Faċilità;

(b)

ir-regoli dwar ir-rilaxx, iż-żamma u t-tnaqqis tal-fondi f’konformità mal-Artikolu 19;

(c)

ir-regoli dettaljati dwar, u l-obbligu, tal-Moldova li tipprovdi parti mill-ammont totali tas-self għal proġetti ta’ investiment approvati fl-ambitu tal- Pjattaforma ta’ Investiment għall-Viċinat, skont l-Artikolu 6(4);

(d)

l-attivitajiet relatati mal-ġestjoni, il-kontroll, is-superviżjoni, il-monitoraġġ, l-evalwazzjoni, ir-rapportar u l-awditjar, kif ukoll ir-rieżamijiet tas-sistemi, l-investigazzjonijiet, il-miżuri kontra l-frodi u l-kooperazzjoni;

(e)

ir-regoli dwar ir-rapportar lill-Kummissjoni dwar jekk il-kundizzjonijiet ta’ pagament imsemmija fl-Artikolu 10 humiex issodisfati u kif ġew issodisfati;

(f)

ir-regoli dwar it-taxxi, id-dazji u l-imposti f’konformità mal-Artikolu 27(9) u (10) tar-Regolament (UE) 2021/947;

(g)

il-miżuri għall-prevenzjoni, l-identifikazzjoni u l-korrezzjoni effettivi ta’ irregolaritajiet, frodi, korruzzjoni u kunflitti ta’ interess, u l-obbligu għall-persuni jew l-entitajiet li jimplimentaw fondi tal-Unjoni fl-ambitu ta’ dan ir-Regolament li jinnotifikaw mingħajr dewmien lill-Kummissjoni, lill-OLAF u, meta applikabbli, lill-UPPE, dwar każijiet suspettati jew attwali ta’ irregolaritajiet, frodi, korruzzjoni u kunflitti ta’ interess u attivitajiet illegali oħrajn li jaffettwaw il-fondi pprovduti fl-ambitu tal-Faċilità u s-segwitu tagħhom;

(h)

l-obbligi msemmija fl-Artikoli 21 u 22, inklużi r-regoli preċiżi u skeda ta’ żmien dwar il-ġbir tad-data mill-Moldova u l-aċċess għaliha għall-Kummissjoni, għall-OLAF, għall-Qorti tal-Awdituri u, meta applikabbli, għall-UPPE;

(i)

proċedura biex jiġi żgurat li t-talbiet għall-iżborż ta’ appoġġ fil-forma ta’ self jaqgħu taħt l-ammont ta’ self disponibbli, f’konformità mal-Artikolu 6(1);

(j)

id-dritt tal-Kummissjoni li tnaqqas b’mod proporzjonat l-appoġġ ipprovdut fl-ambitu tal-Faċilità u li tirkupra kwalunkwe ammont imsemmi fl-Artikolu 6(1) li ntefaq biex jintlaħqu l-objettivi tal-Faċilità, jew li titlob ripagament bikri tas-self, f’każijiet ta’ irregolaritajiet, frodi, korruzzjoni jew kunflitti ta’ interess li jaffettwaw l-interessi finanzjarji tal-Unjoni li ma ġewx ikkoreġuti mill-Moldova, ta’ treġġigħ lura ta’ passi kwalitattivi jew kwantitattivi, jew ta’ ksur serju ta’ obbligu previst fil-Ftehim dwar il-Faċilità;

(k)

ir-regoli u l-proċeduri għall-Moldova biex tirrapporta għall-fini li tiġi mmonitorjata l-implimentazzjoni tal-Faċilità u jiġi vvalutat l-ilħuq tal-objettivi stabbiliti fl-Artikolu 3;

(l)

l-obbligu għall-Moldova li tittrażmetti b’mod elettroniku d-data msemmija fl-Artikolu 20 lill-Kummissjoni.

KAPITOLU III

AĠENDA TA’ RIFORMA

Artikolu 9

Sottomissjoni tal-Aġenda ta’ Riforma

1.   Sabiex tirċievi kwalunkwe appoġġ fl-ambitu ta’ dan ir-Regolament, il-Moldova għandha tissottometti lill-Kummissjoni Aġenda ta’ Riforma għall-2025-2027 ibbażata fuq il-prinċipji u l-objettivi ewlenin tar-riformi soċjoekonomiċi u fundamentali stabbiliti fil-Ftehim ta’ Assoċjazzjoni bejn l-UE u l-Moldova, maqbul fl-ambitu tal-Politika Ewropea tal-Viċinat, u l-qafas ta’ politika tat-tkabbir.

2.   L-Aġenda ta’ Riforma għandha tipprovdi qafas ġenerali biex jintlaħqu l-objettivi ġenerali u speċifiċi stabbiliti fl-Artikolu 3, li jistabbilixxi r-riformi li jridu jitwettqu mill-Moldova, kif ukoll l-oqsma ta’ investiment. L-Aġenda ta’ Riforma għandha tinkludi miżuri għall-implimentazzjoni tar-riformi permezz ta’ pakkett komprensiv u koerenti. Fl-oqsma tal-kwistjonijiet fundamentali tal-proċess tat-tkabbir, inklużi l-istat tad-dritt, il-ġlieda kontra l-korruzzjoni, inkluża l-korruzzjoni ta’ livell għoli, id-drittijiet fundamentali u l-libertà tal-espressjoni, l-Aġenda ta’ Riforma għandha tirrifletti l-valutazzjonijiet fil-qafas ta’ politika tat-tkabbir.

3.   L-Aġenda ta’ Riforma għandha tkun konsistenti mal-aħħar qafas ta’ politika makroekonomika u fiskali ppreżentat lill-Kummissjoni fil-kuntest tad-djalogu ekonomiku u finanzjarju mal-Unjoni.

4.   L-Aġenda ta’ Riforma għandha tkun konsistenti mal-prijoritajiet ta’ riforma identifikati fil-kuntest tal-perkors ta’ adeżjoni tal-Moldova, u f’dokumenti rilevanti oħrajn, mal-Kontribut Stabbilit fil-Livell Nazzjonali fl-ambitu tal-Ftehim ta’ Pariġi u mal-ambizzjoni li tinkiseb in-newtralità klimatika sal-2050, u tappoġġja tali prijoritajiet.

5.   L-Aġenda ta’ Riforma għandha tirrispetta l-prinċipji ġenerali stabbiliti fl-Artikolu 4.

6.   L-Aġenda ta’ Riforma għandha titħejja b’mod inklużiv u trasparenti, f’konsultazzjoni mas-sħab soċjali u mal-organizzazzjonijiet tas-soċjetà ċivili.

7.   Il-Kummissjoni għandha tistieden lill-Moldova biex tissottometti l-Aġenda ta’ Riforma tagħha sal-24 ta’ Ġunju 2025. Il-Kummissjoni għandha tittrażmetti l-Aġenda ta’ Riforma tal-Moldova lill-Parlament Ewropew u lill-Kunsill hekk kif tirċeviha.

Artikolu 10

Prinċipji għall-finanzjament fl-ambitu tal-Aġenda ta’ Riforma

1.   Il-Faċilità għandha tipprovdi inċentivi għall-implimentazzjoni tal-Aġenda ta’ Riforma billi tistabbilixxi kundizzjonijiet ta’ pagament fuq ir-rilaxx tal-fondi. Dawk il-kundizzjonijiet ta’ pagament għandhom japplikaw għall-fondi fl-ambitu tal-Artikolu 6(1), bl-eċċezzjoni ta’ appoġġ komplementari inkluż appoġġ għall-organizzazzjonijiet tas-soċjetà ċivili u assistenza teknika. Dawk il-kundizzjonijiet ta’ pagament għandhom jieħdu l-forma ta’ passi kwalitattivi jew kwantitattivi li jistgħu jitkejlu. Tali passi għandhom jirriflettu l-progress fuq riformi soċjoekonomiċi speċifiċi u l-progress fuq il-kwistjonijiet fundamentali tal-proċess tat-tkabbir marbuta mal-ilħuq tal-objettivi tal-Faċilità stabbiliti fl-Artikolu 3, konsistenti mal-qafas ta’ politika tat-tkabbir.

2.   L-issodisfar tal--kundizzjonijiet ta’ pagament imsemmija fil-paragrafu 1 għandu jiskatta r-rilaxx sħiħ jew parzjali ta’ fondi, skont il-grad tat-tlestija tagħhom.

3.   L-istabbiltà makrofinanzjarja, il-ġestjoni finanzjarja pubblika tajba, it-trasparenza u s-sorveljanza tal-baġit huma kundizzjonijiet ġenerali għall-pagamenti li għandhom jiġu ssodisfati għal kwalunkwe rilaxx ta’ fondi.

Il-fondi fl-ambitu tal-Faċilità ma għandhomx jappoġġjaw attivitajiet jew miżuri li jikkompromettu s-sovranità u l-integrità territorjali tal-Moldova.

Artikolu 11

Kontenut tal-Aġenda ta’ Riforma

1.   L-Aġenda ta’ Riforma għandha b’mod partikolari tistabbilixxi l-elementi li ġejjin, li għandhom ikunu motivati u sostanzjati:

(a)

miżuri li jikkostitwixxu rispons koerenti, komprensiv u bbilanċjat b’mod adegwat għall-objettivi stabbiliti fl-Artikolu 3, inklużi riformi strutturali, investimenti, u miżuri biex tiġi żgurata l-konformità mal-prekundizzjonijiet imsemmija fl-Artikolu 5, meta xieraq;

(b)

spjegazzjoni ta’ kif il-miżuri huma konsistenti mal-prinċipji ġenerali msemmija fl-Artikolu 4, kif ukoll mar-rekwiżiti skont l-Artikolu 9;

(c)

spjegazzjoni ta’ kif il-miżuri huma mistennija jkomplu jsaħħu l-kwistjonijiet fundamentali tal-proċess tat-tkabbir kif imsemmi fl-Artikolu 3(2), il-punt (a) , inklużi l-istat tad-dritt, id-drittijiet fundamentali u l-ġlieda kontra l-korruzzjoni;

(d)

lista indikattiva ta’ proġetti u programmi ta’ investiment maħsuba għad-diskussjoni u għall-approvazzjoni fl-ambitu tal-Pjattaforma ta’ Investiment għall-Viċinat, inklużi l-volumi ta’ investiment ġenerali rispettivi u l-iskedi ta’ żmien previsti għall-implimentazzjoni;

(e)

spjegazzjoni tal-punt sa fejn il-miżuri huma mistennija jikkontribwixxu għall-objettivi klimatiċi u ambjentali u l-kompatibbiltà tagħhom mal-prinċipju “la tagħmilx ħsara sinifikanti”;

(f)

spjegazzjoni tal-punt sa fejn il-miżuri huma mistennija jikkontribwixxu għat-trasformazzjoni diġitali;

(g)

spjegazzjoni tal-punt sa fejn il-miżuri huma mistennija jikkontribwixxu għall-objettivi tal-edukazzjoni, tat-taħriġ u tal-impjiegi u dawk soċjali;

(h)

spjegazzjoni tal-punt sa fejn il-miżuri huma mistennija jikkontribwixxu għall-ugwaljanza bejn il-ġeneri u t-tisħiħ tal-pożizzjoni tan-nisa u tal-bniet, u għall-promozzjoni tad-drittijiet tan-nisa u tal-bniet;

(i)

għar-riformi u għall-investimenti, skeda ta’ żmien indikattiva, u l-kundizzjonijiet ta’ pagament previsti għar-rilaxx ta’ fondi fil-forma ta’ passi kwalitattivi jew kwantitattivi li jistgħu jitkejlu ppjanati li jiġu implimentati sal-31 ta’ Diċembru 2027;

(j)

spjegazzjoni ta’ kif il-miżuri huma mistennija jikkontribwixxu għal allinjament progressiv u kontinwu mal-PESK, inklużi miżuri restrittivi tal-Unjoni;

(k)

spjegazzjoni ta’ kif il-miżuri huma mistennija jibnu l-kapaċitajiet u jinvestu fil-persunal amministrattiv fil-Moldova;

(l)

l-arranġamenti għall-monitoraġġ, ir-rapportar u l-evalwazzjoni effettivi tal-Aġenda ta’ Riforma mill-Moldova, inklużi l-passi kwalitattivi u kwantitattivi proposti li jistgħu jitkejlu u l-indikaturi rilevanti stabbiliti fil-paragrafu 2;

(m)

spjegazzjoni tas-sistema tal-Moldova biex effettivament tipprevjeni, tidentifika u tikkoreġi l-irregolaritajiet, il-frodi, il-korruzzjoni, inkluża l-korruzzjoni ta’ livell għoli, u l-kunflitti ta’ interess u biex tinforza r-regoli dwar il-kontroll tal-għajnuna mill-Istat, u l-miżuri proposti biex jiġu indirizzati nuqqasijiet eżistenti fl-ewwel snin tal-implimentazzjoni tal-Aġenda ta’ Riforma;

(n)

għat-tħejjija u, meta disponibbli, għall-implimentazzjoni tal-Aġenda ta’ Riforma, sommarju tal-proċess ta’ konsultazzjoni tal-parlament tal-Moldova, tal-awtoritajiet lokali, f’konformità mal-qafas legali nazzjonali tal-Moldova, u tal-partijiet ikkonċernati rilevanti, inklużi s-sħab soċjali u l-organizzazzjonijiet tas-soċjetà ċivili, u spjegazzjoni ta’ kif il-kontribut tagħhom huwa rifless fl-Aġenda ta’ Riforma;

(o)

pjan ta’ komunikazzjoni u viżibbiltà dwar l-Aġenda ta’ Riforma għall-udjenzi lokali tal-Moldova;

(p)

kwalunkwe informazzjoni rilevanti oħra.

2.   L-Aġenda ta’ Riforma għandha tkun ibbażata fuq ir-riżultati u tinkludi indikaturi għall-valutazzjoni tal-progress miksub b’rabta mal-ilħuq tal-objettivi ġenerali u speċifiċi stabbiliti fl-Artikolu 3 ta’ dan ir-Regolament. Dawk l-indikaturi għandhom ikunu bbażati, meta xieraq u rilevanti, fuq indikaturi miftiehma fil-livell internazzjonali u dawk li diġà huma disponibbli relatati mal-politiki tal-Moldova. L-indikaturi għandhom ikunu wkoll koerenti, sa fejn ikun possibbli, mal-indikaturi ewlenin tal-prestazzjoni inklużi fid-deċiżjoni ta’ implimentazzjoni tal-Kummissjoni li tapprova l-Aġendi ta’ Riforma għall-Balkani tal-Punent fl-ambitu tar-Regolament (UE) 2024/1449 u fil-Qafas għall-Kejl tar-Riżultati tal-EFSD+.

Artikolu 12

Valutazzjoni tal-Kummissjoni tal-Aġenda ta’ Riforma

1.   Il-Kummissjoni għandha tivvaluta r-rilevanza, il-komprensività u l-adegwatezza tal-Aġenda ta’ Riforma tal-Moldova jew, meta applikabbli, kwalunkwe emenda għal dik l-Aġenda, mingħajr dewmien żejjed. Meta twettaq il-valutazzjoni tagħha, il-Kummissjoni għandha taġixxi f’kooperazzjoni mill-qrib mal-Moldova, u tista’ tagħmel osservazzjonijiet, tfittex informazzjoni addizzjonali jew tirrikjedi li l-Moldova tirrieżamina jew timmodifika l-Aġenda ta’ Riforma tagħha.

2.   Fir-rigward tal-objettiv stabbilit fl-Artikolu 11(1), il-punt (j), ta’ dan ir-Regolament, il-Kummissjoni, f’konformità mad-Deċiżjoni 2010/427/UE, għandha tqis kif xieraq ir-rwol u l-kontribut tas-SEAE.

3.   Meta tivvaluta l-Aġenda ta’ Riforma, il-Kummissjoni għandha tqis l-informazzjoni analitika disponibbli rilevanti dwar il-Moldova, inklużi s-sitwazzjoni makroekonomika u s-sostenibbiltà tad-dejn tagħha, il-ġustifikazzjoni u l-elementi pprovduti mill-Moldova kif imsemmi fl-Artikolu 11, l-effetti tal-gwerra ta’ aggressjoni tar-Russja kontra l-Ukrajna u tentattivi li tiddestabbilizza lill-Moldova, kif ukoll kwalunkwe informazzjoni rilevanti oħra bħall-informazzjoni elenkata fl-Artikolu 11.

4.   Fil-valutazzjoni tagħha, il-Kummissjoni għandha tikkunsidra b’mod partikolari l-kriterji li ġejjin:

(a)

jekk l-Aġenda ta’ Riforma tirrappreżentax rispons rilevanti, komprensiv, koerenti u bbilanċjat b’mod adegwat għall-objettivi stabbiliti fl-Artikolu 3 u għall-elementi msemmija fl-Artikolu 11;

(b)

jekk l-Aġenda ta’ Riforma u l-miżuri tagħha humiex konsistenti mal-prinċipji ġenerali msemmija fl-Artikolu 4 u r-rekwiżiti skont l-Artikolu 9;

(c)

jekk l-Aġenda ta’ Riforma tistax tkun mistennija taċċellera l-progress lejn it-tnaqqis tad-distakk soċjoekonomiku bejn il-Moldova u l-Unjoni, u b’hekk ittejjeb l-iżvilupp ekonomiku, soċjali u ambjentali tagħha u tappoġġja l-konverġenza lejn l-istandards tal-Unjoni, tnaqqas l-inugwaljanzi u ssaħħaħ il-koeżjoni soċjali;

(d)

jekk l-Aġenda ta’ Riforma tistax tkun mistennija ssaħħaħ ulterjorment il-kwistjonijiet fundamentali tal-proċess tat-tkabbir kif imsemmi fl-Artikolu 3(2), il-punt (a);

(e)

jekk l-Aġenda ta’ Riforma tistax tkun mistennija taċċellera t-tranżizzjoni tal-Moldova lejn ekonomija sostenibbli, newtrali għall-klima u reżiljenti għall-klima u inklużiva billi ttejjeb il-konnettività, tagħmel progress fit-tranżizzjoni ekoloġika u diġitali, inkluż progress fuq il-bijodiversità, tnaqqas id-dipendenzi strateġiċi u tagħti spinta lir-riċerka u lill-innovazzjoni, lill-edukazzjoni, lit-taħriġ, lill-impjiegi u lill-ħiliet u lis-suq tax-xogħol usa’, b’attenzjoni partikolari fuq iż-żgħażagħ;

(f)

jekk il-miżuri inklużi fl-Aġenda ta’ Riforma humiex kompatibbli mal-prinċipji “la tagħmilx ħsara sinifikanti” u “ħadd ma jitħalla jibqa’ lura”;

(g)

jekk l-Aġenda ta’ Riforma tindirizzax b’mod xieraq ir-riskji potenzjali f’konformità mal-prekundizzjonijiet u mal-kundizzjonijiet ta’ pagament;

(h)

jekk il-kundizzjonijiet ta’ pagament proposti mill-Moldova humiex xierqa u ambizzjużi, konsistenti mal-qafas ta’ politika tat-tkabbir, kif ukoll sinifikanti u ċari biżżejjed biex jippermettu r-rilaxx korrispondenti ta’ fondi f’każ li jiġu ssodisfati u jekk l-indikaturi tar-rapportar proposti humiex xierqa u suffiċjenti biex jimmonitorjaw il-progress li jsir lejn l-objettivi ġenerali u biex jirrapportaw dwaru;

(i)

jekk l-arranġamenti proposti mill-Moldova humiex mistennija jipprevjenu, jidentifikaw u jikkoreġu b’mod effettiv l-irregolaritajiet, il-frodi, il-korruzzjoni u l-kunflitti ta’ interess, il-kriminalità organizzata u l-ħasil tal-flus kif ukoll l-investigazzjoni u l-prosekuzzjoni b’mod effettiv ta’ reati kriminali li jaffettwaw il-fondi fl-ambitu tal-Faċilità;

(j)

jekk l-Aġenda ta’ Riforma tirriflettix b’mod effettiv il-kontribut tal-parlament tal-Moldova, l-awtoritajiet lokali, f’konformità mal-qafas legali nazzjonali tal-Moldova, u tal-partijiet ikkonċernati rilevanti, inklużi s-sħab soċjali u l-organizzazzjonijiet tas-soċjetà ċivili.

5.   Għall-finijiet tal-valutazzjoni tal-Aġenda ta’ Riforma ppreżentata mill-Moldova, il-Kummissjoni tista’ tiġi megħjuna minn esperti indipendenti.

Artikolu 13

Deċiżjoni ta’ implimentazzjoni tal-Kummissjoni

1.   Fil-każ ta’ valutazzjoni pożittiva f’konformità mal-Artikolu 12, il-Kummissjoni għandha tapprova permezz ta’ deċiżjoni ta’ implimentazzjoni l-Aġenda ta’ Riforma sottomessa mill-Moldova, jew, meta applikabbli, l-Aġenda emendata sottomessa f’konformità mal-Artikolu 14. Dik id-deċiżjoni ta’ implimentazzjoni għandha tiġi adottata f’konformità mal-proċedura ta’ eżami msemmija fl-Artikolu 28(2).

2.   Id-deċiżjoni ta’ implimentazzjoni tal-Kummissjoni, imsemmija fil-paragrafu 1, għandha tistabbilixxi r-riformi li jridu jiġu implimentati mill-Moldova, l-oqsma ta’ investiment li jridu jiġu appoġġjati u l-kundizzjonijiet ta’ pagament li jirriżultaw mill-Aġenda ta’ Riforma, inkluża l-iskeda ta’ żmien.

3.   Id-deċiżjoni ta’ implimentazzjoni tal-Kummissjoni, imsemmija fil-paragrafu 1, għandha tistabbilixxi wkoll:

(a)

l-ammont indikattiv ta’ fondi globali disponibbli għall-Moldova malli jiġu ssodisfati l-kundizzjonijiet ta’ pagament, kif imsemmi fl-Artikolu 10(1), u l-pagamenti akkont skedati li jridu jiġu rilaxxati, inkluż il-prefinanzjament, strutturati f’konformità mal-Artikolu 11, ladarba l-Moldova tkun kisbet l-issodisfar sodisfaċenti tal-kundizzjonijiet ta’ pagament rilevanti fil-forma ta’ passi kwalitattivi jew kwantitattivi identifikati b’rabta mal-implimentazzjoni tal-Aġenda ta’ Riforma;

(b)

id-diżaggregazzjoni skont il-pagament akkont ta’ finanzjament bejn appoġġ fil-forma ta’ self u appoġġ mhux ripagabbli;

(c)

il-limitu ta’ żmien sa meta jridu jitlestew il-kundizzjonijiet ta’ pagament finali għar-riformi;

(d)

l-arranġamenti u l-iskeda ta’ żmien għall-monitoraġġ, għar-rapportar u għall-implimentazzjoni tal-Aġenda ta’ Riforma, inkluż, meta xieraq, permezz ta’ skrutinju demokratiku kif imsemmi fl-Artikolu 4(9) kif ukoll, meta rilevanti, il-miżuri meħtieġa għall-konformità mal-Artikolu 23;

(e)

l-indikaturi msemmija fl-Artikolu 11(2) għall-valutazzjoni tal-progress lejn il-kisba tal-objettivi ġenerali u speċifiċi stabbiliti fl-Artikolu 3.

Artikolu 14

Emendi għall-Aġenda ta’ Riforma

1.   Meta l-Aġenda ta’ Riforma, inklużi l-kundizzjonijiet ta’ pagament rilevanti, ma tkunx għadha tista’ tinkiseb mill-Moldova, jew parzjalment inkella totalment, minħabba ċirkostanzi oġġettivi, il-Moldova tista’ tipproponi Aġenda ta’ Riforma emendata. F’dak il-każ, il-Moldova tista’ tagħmel talba motivata lill-Kummissjoni biex temenda d-deċiżjoni ta’ implimentazzjoni tagħha msemmija fl-Artikolu 13(1).

2.   Il-Kummissjoni tista’ temenda d-deċiżjoni ta’ implimentazzjoni wara l-proċedura ta’ eżami msemmija fl-Artikolu 28(2), b’mod partikolari biex tqis bidla fl-ammonti ta’ fondi disponibbli f’konformità mal-prinċipji skont l-Artikolu 19.

3.   Meta l-Kummissjoni tqis li r-raġunijiet imressqa mill-Moldova jiġġustifikaw emenda għall-Aġenda ta’ Riforma tagħha, il-Kummissjoni għandha tivvaluta l-Aġenda ta’ Riforma emendata f’konformità mal-Artikolu 12 u tista’ temenda d-deċiżjoni ta’ implimentazzjoni msemmija fl-Artikolu 13(1) mingħajr dewmien żejjed, wara l-proċedura ta’ eżami msemmija fl-Artikolu 28(2).

4.   F’emenda, il-Kummissjoni tista’ taċċetta skedi ta’ żmien li jestendu sal-31 ta’ Diċembru 2028 għall-kundizzjonijiet ta’ pagament.

Artikolu 15

Ftehim ta’ self, operazzjonijiet ta’ għoti u teħid b’self

1.   Sabiex jiġi ffinanzjat l-appoġġ fl-ambitu tal-Faċilità fil-forma ta’ self, il-Kummissjoni għandha tingħata s-setgħa, f’isem l-Unjoni, li tissellef il-fondi meħtieġa fuq is-swieq tal-kapital jew minn istituzzjonijiet finanzjarji f’konformità mal-Artikolu 224 tar-Regolament Finanzjarju.

2.   Il-Kummissjoni għandha tidħol fi ftehim ta’ self mal-Moldova. Il-ftehim ta’ self għandu jistabbilixxi l-ammont massimu ta’ self, il-perjodu ta’ disponibbiltà u t-termini u l-kundizzjonijiet dettaljati tal-appoġġ fl-ambitu tal-Faċilità fil-forma ta’ self. Is-self għandu jkollu durata massima ta’ 40 sena mid-data tal-iffirmar tal-ftehim ta’ self.

Barra minn hekk, u b’deroga għall-Artikolu 223(4) tar-Regolament Finanzjarju, il-ftehim ta’ self għandu jkun fih l-ammont tal-prefinanzjament u r-regoli dwar l-ikklirjar tal-prefinanzjament.

3.   Il-ftehim ta’ self għandu jsir disponibbli simultanjament għall-Parlament Ewropew u għall-Kunsill.

Artikolu 16

Proviżjonament

1.   Il-proviżjonament għas-self għandu jiġi kostitwit bir-rata ta’ 9 % mill-pakkett allokat għall-programm ġeografiku tal-Viċinat fl-ambitu tal-Artikolu 6(2), il-punt (a), tar-Regolament (UE) 2021/947 u għandu jintuża bħala parti minn dispożizzjonijiet li jappoġġjaw riskji simili.

2.   B’deroga mill-Artikolu 214(2), l-aħħar sentenza, tar-Regolament Finanzjarju, il-proviżjonament għandu jkun kostitwit progressivament u għandu jkun kostitwit kompletament mhux aktar tard minn meta s-self jiġi żborżat kompletament.

3.   Ir-rata ta’ proviżjonament għandha tiġi rieżaminata mill-inqas kull tliet snin mid-data ta’ dħul fis-seħħ ta’ dan ir-Regolament f’konformità mal-proċedura prevista skont l-Artikolu 31(5), ir-raba’ subparagrafu, tar-Regolament (UE) 2021/947.

Artikolu 17

Prefinanzjament

1.   Wara s-sottomissjoni tal-Aġenda ta’ Riforma lill-Kummissjoni, il-Moldova tista’ titlob ir-rilaxx ta’ prefinanzjament sa 18 % tal-ammont totali previst fl-ambitu tal-Faċilità f’konformità mal-Artikolu 6(1), wara t-tnaqqis tal-appoġġ komplementari, inkluż l-appoġġ għall-organizzazzjonijiet tas-soċjetà ċivili u l-assistenza teknika, u l-proviżjonament għas-self.

2.   Il-Kummissjoni tista’ tirrilaxxa l-prefinanzjament mitlub wara l-adozzjoni tad-deċiżjoni ta’ implimentazzjoni tagħha msemmija fl-Artikolu 13 u d-dħul fis-seħħ tal-Ftehim dwar il-Faċilità u tal-ftehim ta’ self. Il-fondi għandhom jiġu rilaxxati f’konformità mal-Artikolu 19(3), l-ewwel sentenza, u soġġetti għar-rispett tal-prekundizzjonijiet stabbiliti fl-Artikolu 5.

3.   Il-Kummissjoni għandha tiddeċiedi dwar il-perjodu ta’ żmien għall-iżborż tal-prefinanzjament, li jista’ jiġi żborżat f’segment wieħed jew aktar.

Artikolu 18

Implimentazzjoni ta’ proġetti ta’ investiment fl-ambitu tal-Pjattaforma ta’ Investiment għall-Viċinat

1.   Sabiex jinkiseb benefiċċju mill-ingranaġġ tal-appoġġ finanzjarju tal-Unjoni biex jiġi attirat investiment addizzjonali, l-investimenti li jappoġġjaw l-Aġenda ta’ Riforma għandhom jiġu implimentati f’kooperazzjoni mal-istituzzjonijiet finanzjarji internazzjonali fil-forma ta’ proġetti ta’ investiment approvati fl-ambitu tal-Pjattaforma ta’ Investiment għall-Viċinat.

2.   Wara l-issodisfar sodisfaċenti tal-kundizzjonijiet kollha applikabbli, il-Kummissjoni għandha tadotta deċiżjoni li tawtorizza rilaxx ta’ fondi, kif imsemmi fl-Artikolu 19(3). Dik id-deċiżjoni għandha, f’konformità mal-Artikolu 6(1), tistabbilixxi l-ammont ta’ fondi li jridu jsiru disponibbli fil-forma ta’ appoġġ mhux ripagabbli pprovdut mill-Unjoni għal proġetti approvati fl-ambitu tal-Pjattaforma ta’ Investiment għall-Viċinat, u l-ammont ta’ assistenza finanzjarja bħala appoġġ fil-forma ta’ self li jrid jiġi rilaxxat lill-Moldova. Dik id-deċiżjoni għandha tistabbilixxi wkoll, f’konformità mal-proporzjon stabbilit fil-Ftehim dwar il-Faċilità kif imsemmi fl-Artikolu 8(5), il-punt (c), is-sehem ta’ dan l-appoġġ fil-forma ta’ self li jrid isir disponibbli mill-Moldova bħala kofinanzjament għal proġetti approvati fl-ambitu tal-Pjattaforma ta’ Investiment għall-Viċinat.

Artikolu 19

Valutazzjoni tal-issodisfar tal-kundizzjonijiet ta’ pagament, iż-żamma u t-tnaqqis tal-fondi, ir-regoli dwar il-pagamenti

1.   Darbtejn fis-sena, il-Moldova għandha tissottometti talba debitament ġustifikata għar-rilaxx ta’ fondi mhux aktar tard minn xahrejn wara l-iskeda ta’ żmien stabbilita fid-deċiżjoni ta’ implimentazzjoni tal-Kummissjoni fir-rigward ta’ kundizzjonijiet ta’ pagament issodisfati relatati mal-passi kwantitattivi jew kwalitattivi li jistgħu jitkejlu kif stabbiliti fl-Aġenda ta’ Riforma.

2.   Il-Kummissjoni għandha tivvaluta mingħajr dewmien żejjed jekk il-Moldova tkunx issodisfat il-prekundizzjonijiet stabbiliti fl-Artikolu 5 u l-prinċipji għall-finanzjament stabbiliti fl-Artikolu 10(3) u jekk kisbitx l-issodisfar sodisfaċenti tal-kundizzjonijiet ta’ pagament stabbiliti fid-deċiżjoni ta’ implimentazzjoni tal-Kummissjoni msemmija fl-Artikolu 13. Meta l-Kummissjoni ssib li l-kundizzjonijiet ta’ pagament ġew milħuqa qabel mill-Moldova, li għalihom il-Kummissjoni kienet ħallset qabel ma għadhomx aktar issodisfati mill-Moldova, il-Kummissjoni għandha tnaqqas l-iżborżi futuri b’ammont ekwivalenti.

Fit-twettiq ta’ dik l-evalwazzjoni l-Kummissjoni tista’ tiġi assistita minn esperti, inklużi esperti mill-Istati Membri. Fil-każ li talba għar-rilaxx ta’ fondi jew talba għal pagament tinkludi pass relatat mal-Kapitolu 32 tan-negozjati, imsemmi fl-Artikolu 22(2), il-Kummissjoni ma għandhiex tadotta deċiżjoni li tawtorizza r-rilaxx ta’ fondi sakemm ma tivvalutax tali pass b’mod pożittiv.

3.   Meta l-Kummissjoni tagħmel valutazzjoni pożittiva tal-issodisfar sodisfaċenti tal-kundizzjonijiet kollha applikabbli, għandha tinforma lill-Parlament Ewropew u lill-Kunsill mingħajr dewmien żejjed, qabel ma tadotta deċiżjoni li tawtorizza r-rilaxx ta’ fondi li jikkorrispondu għal dawk il-kundizzjonijiet. Fir-rigward ta’ dawk l-ammonti, id-deċiżjoni għandha tikkostitwixxi l-kundizzjoni msemmija fl-Artikolu 10.

4.   Meta l-Kummissjoni tagħmel valutazzjoni negattiva tal-issodisfar ta’ kwalunkwe kundizzjoni skont l-iskeda ta’ żmien, ir-rilaxx ta’ fondi li jikkorrispondu għal tali kundizzjonijiet għandu jinżamm. Il-Kummissjoni għandha tinforma lill-Parlament Ewropew u lill-Kunsill dwar dik il-valutazzjoni mingħajr dewmien żejjed. L-ammonti miżmuma għandhom jiġu rilaxxati biss meta l-Moldova tkun debitament iġġustifikat, bħala parti mit-talba sussegwenti għar-rilaxx ta’ fondi, li tkun ħadet il-miżuri meħtieġa biex tiżgura l-issodisfar sodisfaċenti tal-kundizzjonijiet korrispondenti.

5.   Meta l-Kummissjoni tikkonkludi li l-Moldova ma tkunx ħadet il-miżuri meħtieġa f’perjodu ta’ 12-il xahar mill-valutazzjoni negattiva inizjali msemmija fil-paragrafu 4, il-Kummissjoni għandha tnaqqas l-ammont tal-appoġġ finanzjarju mhux ripagabbli u tas-self b’mod proporzjonat għall-parti li tikkorrispondi għall-kundizzjonijiet ta’ pagament rilevanti. Matul l-ewwel sena tal-implimentazzjoni, għandha tapplika skadenza ta’ 24 xahar, ikkalkulata mill-valutazzjoni negattiva inizjali msemmija fil-paragrafu 4. Il-Moldova tista’ tippreżenta l-osservazzjonijiet tagħha fi żmien xahrejn minn meta l-Kummissjoni tkun ikkomunikatilhom il-konklużjonijiet tagħha.

6.   Kwalunkwe ammont li jikkorrispondi għall-kundizzjonijiet ta’ pagament li ma jkunux ġew issodisfati sal-31 ta’ Diċembru 2028 ma għandux ikun dovut lill-Moldova u għandu jiġi diżimpenjat, jew ikkanċellat mill-ammont disponibbli ta’ appoġġ fil-forma ta’ self, kif xieraq.

7.   Il-Kummissjoni tista’ tnaqqas l-ammont tal-appoġġ finanzjarju mhux ripagabbli u tirkupra mingħand il-Moldova, inkluż permezz ta’ tpaċija, kwalunkwe ammont minfuq biex jintlaħqu l-objettivi tal-Faċilità, tnaqqas l-ammont tas-self li għandu jiġi żborżat lill-Moldova jew titlob ripagament bikri tas-self f’konformità mal-ftehim ta’ self, fil-każ ta’ fondi mħallsa indebitament, każijiet identifikati ta’ irregolaritajiet, frodi, korruzzjoni u kunflitti ta’ interess, jew tħassib serju fir-rigward ta’ dawn, li jaffettwaw l-interessi finanzjarji tal-Unjoni li ma jkunux ġew ikkoreġuti mill-Moldova, jew ta’ treġġigħ lura ta’ passi kwalitattivi jew kwantitattivi jew meta jinstab, wara li jkun sar il-pagament, li l-passi ma jkunux ġew issodisfati b’mod sodisfaċenti, jew ta’ ksur serju ta’ obbligu li jirriżulta mill-Ftehim dwar il-Faċilità jew mill-ftehim ta’ self, inkluż abbażi ta’ informazzjoni pprovduta mill-OLAF jew mir-rapporti tal-Qorti tal-Awdituri. Il-Kummissjoni għandha tinforma lill-Parlament Ewropew u lill-Kunsill qabel ma tieħu kwalunkwe deċiżjoni dwar tali tnaqqis.

8.   B’deroga mill-Artikolu 116(2) tar-Regolament Finanzjarju, l-iskadenza tal-pagament kif imsemmi fl-Artikolu 116(1), il-punt (a), tar-Regolament Finanzjarju għandha tibda tgħodd mid-data tal-komunikazzjoni tad-deċiżjoni li tawtorizza r-rilaxx ta’ fondi lill-Moldova skont il-paragrafu 3 ta’ dan l-Artikolu.

9.   L-Artikolu 116(5) tar-Regolament Finanzjarju ma għandux japplika għall-pagamenti magħmula bħala assistenza finanzjarja, mgħoddija direttament lit-teżor tal-Moldova skont dan l-Artikolu u l-Artikolu 21 ta’ dan ir-Regolament.

10.   Il-pagamenti ta’ appoġġ finanzjarju mhux ripagabbli u tas-self skont dan l-Artikolu għandhom isiru f’konformità mal-approprjazzjonijiet tal-baġit, kif stabbilit fil-proċedura baġitarja annwali, u soġġetti għall-finanzjament disponibbli. Il-fondi għandhom jitħallsu f’pagamenti akkont. Pagament akkont jista’ jitħallas f’segment wieħed jew aktar.

11.   L-ammonti għandhom jitħallsu wara d-deċiżjoni msemmija fil-paragrafu 3 f’konformità mal-ftehim ta’ self.

12.   Il-pagament ta’ kwalunkwe ammont tal-appoġġ fil-forma ta’ self għandu jkun soġġett għas-sottomissjoni mill-Moldova ta’ talba għal pagament fil-forma stabbilita fil-ftehim ta’ self u f’konformità mad-dispożizzjonijiet stabbiliti fil-Ftehim dwar il-Faċilità.

Artikolu 20

Trasparenza fir-rigward ta’ persuni jew entitajiet li jirċievu finanzjament għall-implimentazzjoni tal-Aġenda ta’ Riforma

1.   Il-Moldova għandha tippubblika data aġġornata dwar ir-riċevituri finali li jirċievu ammonti ta’ finanzjament li jaqbżu l-ekwivalenti ta’ EUR 50 000 b’mod kumulattiv matul il-perjodu ta’ tliet snin għall-implimentazzjoni tar-riformi u tal-investimenti fl-ambitu tal-Faċilità.

2.   Għar-riċevituri finali msemmija fil-paragrafu 1, l-informazzjoni li ġejja għandha tiġi ppubblikata f’format li jinqara mill-magni fuq paġna web, ikklassifikata skont il-fondi totali riċevuti, filwaqt li jiġu debitament ikkunsidrati r-rekwiżiti ta’ kunfidenzjalità u ta’ sigurtà, b’mod partikolari l-protezzjoni ta’ data personali:

(a)

fil-każ ta’ persuna ġuridika, l-isem ġuridiku sħiħ tar-riċevitur finali u n-numru ta’ identifikazzjoni tal-VAT jew in-numru ta’ identifikazzjoni tat-taxxa, meta disponibbli, jew identifikatur uniku ieħor stabbilit bil-leġiżlazzjoni applikabbli għall-persuna ġuridika;

(b)

fil-każ ta’ persuna fiżika, l-isem jew l-ismijiet u l-kunjom jew il-kunjomijiet tar-riċevitur finali;

(c)

l-ammont li rċieva r-riċevitur finali u r-riformi u l-investimenti fl-ambitu tal-Faċilità li dan l-ammont jikkontribwixxi għall-implimentazzjoni tagħhom.

3.   L-informazzjoni msemmija fil-paragrafu 2 ma għandhiex tiġi ppubblikata meta d-divulgazzjoni tirriskja li thedded id-drittijiet u l-libertajiet tar-riċevituri finali kkonċernati jew li tagħmel ħsara serja lill-interessi kummerċjali tagħhom. Tali informazzjoni għandha ssir disponibbli lill-Kummissjoni.

4.   Il-Moldova għandha tittrażmetti elettronikament mill-inqas darba fis-sena lill-Kummissjoni, id-data dwar ir-riċevituri finali msemmija fil-paragrafu 1 ta’ dan l-Artikolu, f’format li jinqara mill-magni kif irid jiġi definit fil-Ftehim dwar il-Faċilità, kif imsemmi fl-Artikolu 8(5), il-punt (l).

KAPITOLU IV

PROTEZZJONI TAL-INTERESSI FINANZJARJI TAL-UNJONI

Artikolu 21

Protezzjoni tal-interessi finanzjarji tal-Unjoni

1.   Fl-implimentazzjoni tal-Faċilità, il-Kummissjoni u l-Moldova għandhom jieħdu l-miżuri xierqa kollha biex jipproteġu l-interessi finanzjarji tal-Unjoni, filwaqt li jqisu l-prinċipju tal-proporzjonalità u l-kundizzjonijiet speċifiċi li skonthom għandha topera l-Faċilità, il-prekundizzjonijiet stabbiliti fl-Artikolu 5(1) u l-kundizzjonijiet stabbiliti fil-Ftehim dwar il-Faċilità, b’mod partikolari fir-rigward tal-prevenzjoni, l-identifikazzjoni u l-korrezzjoni tal-frodi, il-korruzzjoni, il-kunflitti ta’ interess u l-irregolaritajiet kif ukoll l-investigazzjoni u l-prosekuzzjoni ta’ reati li jaffettwaw il-fondi pprovduti fl-ambitu tal-Faċilità. Il-Moldova għandha timpenja ruħha li tavvanza lejn sistemi ta’ ġestjoni u kontroll effettivi u effiċjenti u tiżgura li l-ammonti mħallsa indebitament jew użati ħażin ikunu jistgħu jiġu rkuprati.

2.   Il-Ftehim dwar il-Faċilità għandu jipprevedi l-obbligi li ġejjin mill-Moldova:

(a)

li tivverifika regolarment li l-finanzjament ipprovdut ikun intuża f’konformità mar-regoli applikabbli, b’mod partikolari fir-rigward tal-prevenzjoni, l-identifikazzjoni u l-korrezzjoni ta’ frodi, korruzzjoni, kunflitti ta’ interess u irregolaritajiet;

(b)

li tipproteġi lill-informaturi;

(c)

li tieħu miżuri xierqa biex tipprevjeni, tidentifika u tikkoreġi l-frodi, il-korruzzjoni, il-kunflitti ta’ interess u l-irregolaritajiet kif ukoll biex tinvestiga u tipproċessa reati kriminali li jaffettwaw l-interessi finanzjarji tal-Unjoni, tidentifika u tevita finanzjament doppju u tieħu azzjonijiet legali biex tirkupra fondi li jkunu ġew miżapproprjati, inkluż fir-rigward ta’ kwalunkwe miżura għall-implimentazzjoni ta’ riformi u proġetti jew programmi ta’ investiment fl-ambitu tal-Aġenda ta’ Riforma u li tieħu miżuri xierqa biex, meta applikabbli u mingħajr dewmien, tittratta t-talbiet għal assistenza legali reċiproka mill-UPPE u mill-awtoritajiet kompetenti tal-Istati Membri rigward reati kriminali li jaffettwaw il-fondi pprovduti fl-ambitu tal-Faċilità;

(d)

għall-fini tal-paragrafu 1, b’mod partikolari għall-kontrolli fuq l-użu tal-fondi fir-rigward tal-implimentazzjoni tar-riformi fl-Aġenda ta’ Riforma, f’konformità mal-prinċipji tal-Unjoni dwar il-protezzjoni tad-data u mar-regoli applikabbli dwar il-protezzjoni tad-data, li tiżgura l-ġbir ta’ data adegwata dwar persuni u entitajiet li jirċievu finanzjament, inkluża informazzjoni dwar is-sjieda benefiċjarja, u l-aċċess għal tali data, għall-implimentazzjoni tal-miżuri tal-Aġenda ta’ Riforma fl-ambitu tal-Kapitolu III;

(e)

li tawtorizza b’mod ċar lill-Kummissjoni, lill-OLAF, lill-Qorti tal-Awdituri u, meta applikabbli, lill-UPPE biex jeżerċitaw id-drittijiet tagħhom kif previst fl-Artikolu 129 tar-Regolament Finanzjarju.

3.   Il-Ftehim dwar il-Faċilità għandu jipprevedi wkoll id-dritt li l-Kummissjoni tnaqqas b’mod proporzjonat l-ammont tal-appoġġ finanzjarju mhux ripagabbli pprovdut fl-ambitu tal-Faċilità u li tirkupra mingħand il-Moldova, inkluż permezz ta’ tpaċija, kwalunkwe ammont minfuq biex jintlaħqu l-objettivi tal-Faċilità, u li tnaqqas l-ammont tas-self li jrid jiġi żborżat lill-Moldova jew titlob ripagament bikri tas-self f’konformità mal-ftehim ta’ self, fil-każ ta’ fondi mħallsa indebitament, każijiet identifikati ta’ irregolaritajiet, frodi, korruzzjoni u kunflitti ta’ interess, jew tħassib serju fir-rigward ta’ dawn, li jaffettwaw l-interessi finanzjarji tal-Unjoni li ma jkunux ġew ikkoreġuti mill-Moldova, jew meta l-Kummissjoni ssib, wara li jkun sar il-pagament, li l-passi ma jkunux ġew issodisfati b’mod sodisfaċenti, jew ta’ ksur serju ta’ obbligu li jirriżulta mill-Ftehim dwar il-Faċilità jew mill-ftehim ta’ self. Meta tkun qed tiddeċiedi dwar l-ammont tal-irkupru jew tat-tnaqqis, jew dwar l-ammont li jrid jitħallas lura kmieni, il-Kummissjoni għandha tirrispetta l-prinċipju tal-proporzjonalità u għandha tqis is-serjetà tal-irregolarità, tal-frodi, tal-korruzzjoni jew tal-kunflitt ta’ interess li jaffettwaw l-interessi finanzjarji tal-Unjoni, jew tal-ksur ta’ obbligu. Il-Moldova għandha tingħata l-opportunità li tippreżenta l-osservazzjonijiet tagħha qabel ma jsir it-tnaqqis jew jintalab ir-ripagament bikri.

4.   Il-persuni u l-entitajiet li jimplimentaw fondi fl-ambitu tal-Faċilità għandhom jirrapportaw kwalunkwe każ suspettat ta’ frodi, korruzzjoni, kunflitti ta’ interess u irregolaritajiet li jaffettwaw l-interessi finanzjarji tal-Unjoni mingħajr dewmien, lill-Kummissjoni u lill-OLAF.

Artikolu 22

Ir-rwol tas-sistemi interni u tal-awtorità tal-awditjar tal-Moldova

1.   Għall-parti tal-finanzjament tal-Faċilità li ssir disponibbli bħala assistenza finanzjarja, il-Kummissjoni tista’ tiddependi fuq l-awtoritajiet tal-awditjar stabbiliti mill-Moldova għall-fini tal-kontroll tan-nefqa pubblika. Kif xieraq, il-Kummissjoni għandha tiddependi wkoll fuq skrutinju demokratiku ulterjuri kif imsemmi fl-Artikolu 4(9).

2.   L-Aġenda ta’ Riforma għandha tagħti prijorità, fl-ewwel snin tal-implimentazzjoni tagħha, lir-riformi relatati mal-Kapitolu 32 tan-negozjati, b’mod partikolari dwar il-ġestjoni tal-finanzi pubbliċi u l-kontroll intern, kif ukoll dwar il-ġlieda kontra l-frodi, flimkien mar-riformi relatati mal-Kapitoli 23 u 24 tan-negozjati, b’mod partikolari fir-rigward tal-ġustizzja, il-korruzzjoni u l-kriminalità organizzata u r-riformi relatati mal-Kapitolu 8 tan-negozjati, b’mod partikolari dwar il-kontroll tal-għajnuna mill-Istat.

3.   Il-Moldova għandha tirrapporta, mingħajr dewmien, kwalunkwe irregolarità li kienet is-suġġett ta’ riżultanza amministrattiva jew ġudizzjarja primarja, inklużi l-frodi, lill-Kummissjoni u għandha żżomm lill-Kummissjoni infurmata dwar il-progress ta’ kwalunkwe proċediment amministrattiv u legali fir-rigward ta’ tali irregolaritajiet. Tali rapportar għandu jsir b’mezzi elettroniċi, bl-użu tas-Sistema ta’ Ġestjoni tal-Irregolaritajiet, stabbilita mill-Kummissjoni.

4.   L-awtoritajiet tal-awditjar imsemmija fil-paragrafu 1 għandhom iżommu djalogu regolari mal-Qorti tal-Awdituri, mal-OLAF u, meta xieraq, mal-UPPE.

5.   Il-Kummissjoni tista’ twettaq rieżamijiet dettaljati tas-sistemi tal-implimentazzjoni tal-baġit tal-Moldova abbażi ta’ valutazzjoni tar-riskju u djalogu mal-awtoritajiet tal-awditjar imsemmija fil-paragrafu 1, u toħroġ rakkomandazzjonijiet għal titjib fis-sistemi.

6.   Il-Kummissjoni tista’ tadotta rakkomandazzjonijiet għall-Moldova dwar il-każijiet kollha fejn, fil-fehma tagħha, l-awtoritajiet kompetenti ma jkunux ħadu l-passi meħtieġa biex jipprevjenu, jidentifikaw u jikkoreġu l-frodi, il-korruzzjoni, il-kunflitti ta’ interess u l-irregolaritajiet li jkunu affettwaw jew jirriskjaw serjament li jaffettwaw il-ġestjoni finanzjarja tajba tan-nefqa ffinanzjata fl-ambitu tal-Faċilità u fil-każijiet kollha fejn tidentifika nuqqasijiet li jaffettwaw it-tfassil u l-funzjonament tas-sistema ta’ kontroll stabbilita minn dawk l-awtoritajiet. Il-Moldova għandha timplimenta tali rakkomandazzjonijiet jew tipprovdi ġustifikazzjoni għaliex ma implimentathomx.

KAPITOLU V

MONITORAĠĠ, RAPPORTAR U EVALWAZZJONI

Artikolu 23

Monitoraġġ u rapportar

1.   Il-Kummissjoni għandha timmonitorja l-implimentazzjoni tal-Faċilità u tivvaluta l-ilħuq tal-objettivi stabbiliti fl-Artikolu 3. Il-monitoraġġ ta’ dik l-implimentazzjoni għandu jkun immirat u proporzjonat għall-attivitajiet imwettqa fl-ambitu tal-Ftehim dwar il-Faċilità, u għandu jkun mingħajr preġudizzju għar-rekwiżiti ta’ rapportar stabbiliti fl-ambitu tar-Regolament (UE) 2021/947. L-indikaturi msemmija fl-Artikolu 11(2) għandhom ikunu mistennija jikkontribwixxu għall-monitoraġġ tal-Faċilità mill-Kummissjoni.

2.   Il-Ftehim dwar il-Faċilità għandu jistabbilixxi regoli u proċeduri biex il-Moldova tirrapporta lill-Kummissjoni għall-fini tal-paragrafu 1.

3.   Il-Kummissjoni għandha tipprovdi rapport annwali lill-Parlament Ewropew u lill-Kunsill dwar il-progress miksub b’rabta mal-ilħuq tal-objettivi ta’ dan ir-Regolament. Ir-rapport annwali għandu jiġi kkomplementat minn preżentazzjonijiet dwar is-sitwazzjoni attwali tal-implimentazzjoni tal-Faċilità darbtejn fis-sena.

4.   Il-Kummissjoni għandha tipprovdi r-rapport annwali msemmi fil-paragrafu 3 lill-Kumitat imsemmi fl-Artikolu 28(1).

5.   Il-Kummissjoni għandha tirrapporta dwar il-progress tal-implimentazzjoni tal-Aġenda ta’ Riforma tal-Moldova fil-kuntest tat-tabella ta’ valutazzjoni tal-Faċilità stabbilita fl-ambitu tar-Regolament (UE) 2024/1449.

Artikolu 24

Tabella ta’ valutazzjoni tal-Faċilità

Il-Kummissjoni għandha turi l-progress tal-implimentazzjoni tal-Aġenda ta’ Riforma fit-tabella ta’ valutazzjoni tal-Faċilità, stabbilita fl-ambitu tar-Regolament (UE) 2024/1449.

Artikolu 25

Evalwazzjoni tal-Faċilità

1.   Wara l-31 ta’ Diċembru 2027 u sal-31 ta’ Diċembru 2031, il-Kummissjoni għandha twettaq evalwazzjoni indipendenti ex post tal-Faċilità. Dik l-evalwazzjoni ex post għandha tivvaluta l-kontribuzzjoni tal-Unjoni għall-ilħuq tal-objettivi tal-Faċilità.

2.   L-evalwazzjoni ex post għandha tuża l-prinċipji ta’ prattika tajba tal-Kumitat ta’ Għajnuna għall-Iżvilupp tal-OECD, filwaqt li tfittex li taċċerta jekk ikunux ntlaħqu l-objettivi tal-Faċilità u tfassal rakkomandazzjonijiet bil-ħsieb li jittejbu azzjonijiet futuri.

3.   Il-Kummissjoni għandha tikkomunika s-sejbiet u l-konklużjonijiet tal-evalwazzjoni ex post akkumpanjati mill-osservazzjonijiet u s-segwitu tagħha, lill-Parlament Ewropew, lill-Kunsill u lill-Istati Membri. Dik l-evalwazzjoni ex post tista’ tiġi diskussa fuq talba tal-Parlament Ewropew, tal-Kunsill jew tal-Istati Membri. Ir-riżultati għandhom jikkontribwixxu għat-tħejjija ta’ programmi u azzjonijiet futuri u għall-allokazzjoni tar-riżorsi. Dik l-evalwazzjoni ex post u s-segwitu tagħha għandhom ikunu disponibbli għall-pubbliku.

4.   Il-Kummissjoni għandha, sa fejn ikun xieraq, tinvolvi lill-partijiet ikkonċernati rilevanti kollha, inklużi l-Moldova, is-sħab soċjali u l-organizzazzjonijiet tas-soċjetà ċivili, fil-proċess ta’ evalwazzjoni tal-finanzjament tal-Unjoni pprovdut fl-ambitu ta’ dan ir-Regolament, u tista’, meta xieraq, tfittex li twettaq evalwazzjonijiet konġunti mal-Istati Membri u ma’ sħab oħra bl-involviment mill-qrib tal-Moldova.

Artikolu 26

Rapportar mill-Moldova fil-kuntest tad-Djalogu Ekonomiku u Finanzjarju

Il-Moldova għandha tirrapporta darba fis-sena fil-kuntest tad-Djalogu Ekonomiku u Finanzjarju dwar il-progress li jkun sar fil-kisba tal-parti tal-Aġenda ta’ Riforma tagħha relatata mar-riforma.

Artikolu 27

Sorveljanza u skrutinju parlamentari fuq il-Faċilità

1.   Il-Kummissjoni għandha tirrapporta lill-kumitati kompetenti tal-Parlament Ewropew dwar l-implimentazzjoni tal-Faċilità u tal-Aġenda ta’ Riforma. Il-Kummissjoni għandha tipprovdi informazzjoni bil-miktub lill-Parlament Ewropew dwar:

(a)

l-istat tal-progress fl-implimentazzjoni tal-Faċilità;

(b)

il-valutazzjoni tal-Aġenda ta’ Riforma;

(c)

is-sejbiet ewlenin tar-rapport imsemmi fl-Artikolu 23(3);

(d)

proċeduri ta’ pagament, żamma u tnaqqis, meta applikabbli, inkluża kwalunkwe osservazzjoni ppreżentata biex jiġi żgurat l-issodisfar sodisfaċenti tal-kundizzjonijiet; u

(e)

kwalunkwe element rilevanti ieħor b’rabta mal-implimentazzjoni tal-Faċilità.

2.   Id-djalogu regolari bejn il-Parlament Ewropew u l-Kummissjoni għandu jsir mill-inqas darba fis-sena u jista’ jikkoinċidi mad-Djalogu Ġeopolitiku ta’ Livell Għoli rigward l-NDICI – Global Europea.

3.   Il-Kummissjoni għandha tqis kwalunkwe element li jirriżulta mill-fehmiet espressi permezz tad-djalogu, imsemmi fil-paragrafu 2, inklużi r-riżoluzzjonijiet tal-Parlament Ewropew, meta rilevanti.

KAPITOLU VI

DISPOŻIZZJONIJIET FINALI

Artikolu 28

Proċedura ta’ kumitat

1.   Il-Kummissjoni għandha tkun megħjuna mill-Kumitat, stabbilit permezz tar-Regolament (UE) 2021/947. Dak il-kumitat għandu jkun kumitat fis-sens tar-Regolament (UE) Nru 182/2011.

2.   Fejn issir referenza għal dan il-paragrafu, għandu japplika l-Artikolu 5 tar-Regolament (UE) Nru 182/2011.

3.   Fir-rigward tad-deċiżjonijiet ta’ implimentazzjoni msemmija fl-Artikolu 13(1) u fl-Artikolu 14(2), fejn il-kumitat ma jagħti ebda opinjoni, il-Kummissjoni ma għandhiex tadotta l-abbozz tal-att ta’ implimentazzjoni, u għandu japplika l-Artikolu 5(4), it-tielet subparagrafu, tar-Regolament (UE) Nru 182/2011.

Artikolu 29

Informazzjoni, komunikazzjoni u pubbliċità

1.   Mingħajr preġudizzju għar-rekwiżiti stabbiliti fl-ambitu tar-Regolament (UE) 2021/947, il-Kummissjoni għandha tinvolvi ruħha f’attivitajiet ta’ komunikazzjoni biex tiżgura l-viżibbiltà tal-finanzjament tal-Unjoni għall-appoġġ finanzjarju previst fl-Aġenda ta’ Riforma, inkluż permezz ta’ attivitajiet ta’ komunikazzjoni konġunti mal-Moldova. Il-Kummissjoni għandha tiżgura li l-appoġġ fl-ambitu tal-Faċilità jiġi kkomunikat u rikonoxxut permezz ta’ dikjarazzjoni ta’ finanzjament. L-azzjonijiet iffinanzjati fl-ambitu tal-Faċilità għandhom jitwettqu f’konformità mar-rekwiżiti ta’ komunikazzjoni u viżibbiltà fl-azzjonijiet esterni ffinanzjati mill-Unjoni u f’linji gwida rilevanti oħra.

2.   Ir-riċevituri tal-finanzjament tal-Unjoni għandhom jirrikonoxxu b’mod attiv l-oriġini u jiżguraw l-viżibbiltà tal-finanzjament tal-Unjoni, inkluż, meta applikabbli, billi juru l-emblema tal-Unjoni u dikjarazzjoni ta’ finanzjament xierqa li tkun tgħid “iffinanzjat mill-Unjoni Ewropea”, b’mod partikolari meta jkunu qed jippromwovu l-azzjonijiet u r-riżultati tagħhom, billi jipprovdu informazzjoni mmirata koerenti, effettiva u proporzjonata lil diversi udjenzi, inklużi l-media u l-pubbliku.

3.   L-informazzjoni, il-komunikazzjoni u l-pubbliċità għandhom jiġu pprovduti f’format aċċessibbli.

Artikolu 30

Dħul fis-seħħ

Dan ir-Regolament għandu jidħol fis-seħħ fil-jum wara dak tal-pubblikazzjoni tiegħu f’Il-Ġurnal Uffiċjali tal-Unjoni Ewropea.

Dan ir-Regolament għandu jorbot fl-intier tiegħu u japplika direttament fl-Istati Membri kollha.

Magħmul fi Brussell, it-18 ta’ Marzu 2025.

Għall-Parlament Ewropew

Il-President

R. METSOLA

Għall-Kunsill

Il-President

A. SZŁAPKA


(1)  Il-Pożizzjoni tal-Parlament Ewropew tal-11 ta’ Marzu 2025 (għadha mhijiex ippubblikata fil-Ġurnal Uffiċjali) u d-Deċiżjoni tal-Kunsill tat-18 ta’ Marzu 2025.

(2)  Id-Direttiva (UE) 2019/882 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tas-17 ta’ April 2019 dwar ir-rekwiżiti ta’ aċċessibbiltà għall-prodotti u għas-servizzi (ĠU L 151, 7.6.2019, p. 70, ELI: http://data.europa.eu/eli/dir/2019/882/oj).

(3)  Il-Ftehim Interistituzzjonali tas-16 ta’ Diċembru 2020 bejn il-Parlament Ewropew, il-Kunsill tal-Unjoni Ewropea u l-Kummissjoni dwar dixxiplina baġitarja, dwar kooperazzjoni f’materji ta' baġit u dwar ġestjoni finanzjarja tajba, kif ukoll dwar riżorsi proprji ġodda, inkluż pjan direzzjonali lejn l-introduzzjoni ta’ riżorsi proprji ġodda (ĠU L 433 I, 22.12.2020, p. 28, ELI: http://data.europa.eu/eli/agree_interinstit/2020/1222/oj).

(4)  Ir-Regolament (UE) 2021/947 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tad-9 ta’ Ġunju 2021 li jistabbilixxi l-Istrument ta’ Viċinat, ta’ Kooperazzjoni għall-Iżvilupp u ta’ Kooperazzjoni Internazzjonali — Ewropa Globali, li jemenda u jħassar id-Deċiżjoni Nru 466/2014/UE tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill u li jħassar ir-Regolament (UE) 2017/1601 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill u r-Regolament tal-Kunsill (KE, Euratom) Nru 480/2009 (ĠU L 209, 14.6.2021, p. 1, ELI: http://data.europa.eu/eli/reg/2021/947/oj).

(5)  Ir-Regolament (UE, Euratom) 2024/2509 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tat-23 ta’ Settembru 2024 dwar ir-regoli finanzjarji applikabbli għall-baġit ġenerali tal-Unjoni (ĠU L, 2024/2509, 26.9.2024, ELI: http://data.europa.eu/eli/reg/2024/2509/oj).

(6)  Ir-Regolament (UE) 2024/1449 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tal-14 ta’ Mejju 2024 dwar l-istabbiliment tal-Faċilità għar-Riforma u t-Tkabbir għall-Balkani tal-Punent (ĠU L, 2024/1449, 24.5.2024, ELI: http://data.europa.eu/eli/reg/2024/1449/oj).

(7)  Ir-Regolament (UE) Nru 182/2011 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tas-16 ta’ Frar 2011 li jistabbilixxi r-regoli u l-prinċipji ġenerali dwar il-modalitajiet ta’ kontroll mill-Istati Membri tal-eżerċizzju mill-Kummissjoni tas-setgħat ta’ implimentazzjoni (ĠU L 55, 28.2.2011, p. 13, ELI: http://data.europa.eu/eli/reg/2011/182/oj).

(8)  Id-Deċiżjoni tal-Kunsill 2010/427/UE tas-26 ta’ Lulju 2010 li tistabbilixxi l-organizzazzjoni u l-funzjonament tas-Servizz Ewropew għall-Azzjoni Esterna (ĠU L 201, 3.8.2010, p. 30, ELI: http://data.europa.eu/eli/dec/2010/427/oj).

(9)  Ir-Regolament (UE, Euratom) Nru 883/2013 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tal-11 ta’ Settembru 2013 dwar investigazzjonijiet immexxija mill-Uffiċċju Ewropew Kontra l-Frodi (OLAF) u li jħassar ir-Regolament tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill (KE) Nru 1073/1999 u r-Regolament tal-Kunsill (Euratom) Nru 1074/1999 (ĠU L 248, 18.9.2013, p. 1, ELI: http://data.europa.eu/eli/reg/2013/883/oj).

(10)  Ir-Regolament tal-Kunsill (KE, Euratom) Nru 2988/95 tat-18 ta’ Diċembru 1995 dwar il-protezzjoni tal-interessi finanzjarji tal-Komunità Ewropea (ĠU L 312, 23.12.1995, p. 1, ELI: http://data.europa.eu/eli/reg/1995/2988/oj).

(11)  Ir-Regolament tal-Kunsill (Euratom, KE) Nru 2185/96 tal-11 ta’ Novembru 1996 dwar il-verifiki u l-ispezzjonijiet fuq il-post imwettqa mill-Kummissjoni sabiex tipproteġi l-interessi finanzjarji tal-Komunità Ewropea kontra l-frodi u irregolarijiet oħra (ĠU L 292, 15.11.1996, p. 2, ELI: http://data.europa.eu/eli/reg/1996/2185/oj).

(12)  Ir-Regolament tal-Kunsill (UE) 2017/1939 tat-12 ta’ Ottubru 2017, li jimplimenta kooperazzjoni msaħħa dwar l-istabbiliment tal-Uffiċċju tal-Prosekutur Pubbliku Ewropew (“l-UPPE”) (ĠU L 283, 31.10.2017, p. 1, ELI: http://data.europa.eu/eli/reg/2017/1939/oj).

(13)  Ir-Regolament (UE) 2020/852 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tat-18 ta’ Ġunju 2020 dwar l-istabbiliment ta’ qafas biex jiġi ffaċilitat l-investiment sostenibbli, u li jemenda r-Regolament (UE) 2019/2088 (ĠU L 198, 22.6.2020, p. 13, ELI: http://data.europa.eu/eli/reg/2020/852/oj).


ELI: http://data.europa.eu/eli/reg/2025/535/oj

ISSN 1977-074X (electronic edition)