European flag

Il-Ġurnal Uffiċjali
tal-Unjoni Ewropea

MT

Is-serje C


C/2026/3239

2.7.2026

Opinjoni tal-Kumitat Ekonomiku u Soċjali Ewropew

Proposta għal Regolament tal-Kunsill li jistabbilixxi l-programm ta’ riċerka u taħriġ tal-Komunità Ewropea tal-Enerġija Atomika għall-perjodu 2028-2032 li jikkomplementa lil Orizzont Ewropa, il-Programm Qafas għar-Riċerka u l-Innovazzjoni, u li jipprevedi l-kontribuzzjoni tal-Komunità għall-proġett ITER, u li jħassar ir-Regolament (Euratom) 2025/1304

(COM(2025) 594 final — 2025/0594 (NLE))

(C/2026/3239)

Relatur:

Alena MASTANTUONO

Konsulent

Tellervo KYLÄ-HARAKKA-RUONALA (għar-relatur, Grupp I)

Proċedura leġiżlattiva

EU Law Tracker

Konsultazzjoni

Kunsill tal-Unjoni Ewropea, 24.9.2025

Bażi legali

Artikolu 40 tat-Trattat Euratom

Dokument tal-Kummissjoni Ewropea

COM (2025) 594 — final

Sommarju ta’ COM(2025) 594

Sezzjoni kompetenti

Sezzjoni għat-Trasport, l-Enerġija, l-Infrastruttura u s-Soċjetà tal-Informazzjoni

Adozzjoni fis-sezzjoni

9.3.2026

Adozzjoni fis-sessjoni plenarja

18.3.2026

Sessjoni plenarja Nru

604

Riżultat tal-votazzjoni

(favur/kontra/astensjonijiet)

209/1/5

1.   RAKKOMANDAZZJONIJIET

IL-KUMITAT EKONOMIKU U SOĊJALI EWROPEW (KESE)

1.1.

jilqa’ l-Programm propost ta’ Riċerka u Taħriġ tal-Komunità Ewropea tal-Enerġija Atomika għall-2028-2032 (il-Programm) u jenfasizza r-rwol multiplu tiegħu biex jiġu promossi l-kompetittività, is-sigurtà u s-sostenibbiltà; għal dan il-għan, jenfasizza l-ħtieġa li jiġi żgurat finanzjament adegwat għall-Programm u li tiġi ssalvagwardjata l-firxa sħiħa ta’ investiment, minn riċerka bażika sa użu fuq skala sħiħa;

1.2.

iqis li, apparti l-finanzjament mill-UE, hemm bżonn li jiżdied il-finanzjament tal-Istati Membri u li jiġi mobilizzat il-finanzjament privat; jappella biex jitħeġġeġ finanzjament għall-kumpaniji ta’ kull daqs u jiġu involuti firxa ta’ atturi fi sħubijiet kollaborattivi u transfruntiera ta’ riċerka u innovazzjoni, u b’hekk tissaħħaħ il-kompetittività tal-ekosistemi industrijali Ewropej u s-sigurtà ekonomika tal-UE;

1.3.

jirrimarka l-importanza tal-kooperazzjoni internazzjonali fl-iżvilupp ta’ teknoloġiji u soluzzjonijiet ġodda, u jirrikonoxxi li hemm bżonn valutazzjoni u ġestjoni tajba tar-riskju biex jiġi żgurat li jiġu esklużi l-partijiet terzi li ma jissodisfawx il-kriterji ġenerali bbażati fuq il-valuri u ta’ sigurtà tal-Programm u li l-kooperazzjoni tissalvagwardja l-interessi ekonomiċi u ta’ sigurtà tal-UE, inkluż f’termini ta’ aspetti finanzjarji u l-użu tar-riżultati;

1.4.

jipperċepixxi l-iżvilupp tal-enerġija mill-fużjoni bħala element kruċjali ta’ finanzjament tal-Programm u jqis importanti li jiġi appoġġjat ir-rwol tal-UE fl-ITER, bil-għan li tissaħħaħ l-ekosistema Ewropea tal-enerġija mill-fużjoni fil-kuntest globali u li jiġu aċċellerati l-adozzjoni mis-suq u l-użu tal-enerġija mill-fużjoni fl-UE;

1.5.

jenfasizza l-ħtieġa ta’ finanzjament adegwat biex jiġu żviluppati teknoloġiji nukleari oħra fis-settur tal-enerġija, inklużi reatturi modulari żgħar u avvanzati, fjuwils u materjali avvanzati, u soluzzjonijiet sikuri għall-ġestjoni tal-iskart radjuattiv u tal-fjuwil użat, b’enfasi speċifika fuq iċ-ċiklu tal-fjuwil nukleari;

1.6.

iħeġġeġ li r-riżorsi jiġu ffukati fuq l-iżvilupp u l-użu tat-teknoloġiji nukleari għal skopijiet mhux tal-enerġija, bħal applikazzjonijiet fis-setturi mediċi, spazjali, agrikoli u industrijali; iqis il-prevenzjoni tar-riskji u l-preparatezza għalihom kif ukoll il-protezzjoni tan-nies u l-ambjent kontra riskji tas-sigurtà u s-sikurezza bħala objettivi trasversali tal-Programm; jitlob li jkun hemm sensibilizzazzjoni dwar kwistjonijiet nukleari permezz ta’ komunikazzjoni u interazzjoni mar-rappreżentanti tas-soċjetà ċivili;

1.7.

jitlob investiment adegwat biex jiġu żviluppati l-ħiliet u l-kompetenzi fil-qasam nukleari, bil-għan li tiġi żgurata d-disponibbiltà kemm ta’ talent ta’ livell dinji kif ukoll ta’ forza tax-xogħol kwalifikata; għal dan il-għan iħeġġeġ biex il-kwistjonijiet nukleari jiġu integrati fl-edukazzjoni fil-livelli kollha u li tiġi promossa l-attraenza tal-professjonijiet nukleari, waqt li jittejbu wkoll il-mobbiltà u n-networking transfruntiera permezz ta’ infrastruttura ta’ riċerka u teknoloġija ta’ livell għoli;

1.8.

jirrakkomanda li jiġi implimentat approċċ ta’ semplifikazzjoni mill-perspettiva tal-benefiċjarji, fl-elementi kollha tal-Programm u fl-istadji kollha tal-proċeduri ta’ applikazzjoni u aġġudikazzjoni; jitlob li l-proċeduri u l-programmi ta’ ħidma jsiru faċilment aċċessibbli għal kwalunkwe benefiċjarju potenzjali, inklużi l-SMEs.

1.9.

jisħaq fuq il-ħtieġa li tinħoloq sinerġija b’saħħitha bejn il-Programm, il-Fond Ewropew għall-Kompetittività (FEK), Orizzont Ewropa u fondi u programmi rilevanti oħra tal-UE, inkluż billi jiġi segwit approċċ orjentat lejn ir-riżultati, u fl-istess ħin jitqiesu l-ispeċifiċitajiet tal-ekosistema u jiġi rrispettat il-prinċipju tan-newtralità teknoloġika.

2.   NOTI TA’ SPJEGAZZJONI

Argumenti orizzontali

2.1.

Din l-Opinjoni tal-KESE hija l-aħħar waħda fis-sensiela ta’ Opinjonijiet tal-KESE dwar il-programmi ta’ riċerka u taħriġ tal-Euratom, li ġew preċeduti reċentement mill-Opinjonijiet dwar il-programm għall-2021-2025 (1) u għall-2026-2027 (2).

2.2.

Il-KESE reċentement fassal ukoll diversi Opinjonijiet oħra fil-qasam nukleari, kif imsemmi fil-punti rilevanti hawn taħt. Barra minn hekk, il-KESE qed jikkontribwixxi għat-tħejjija tal-QFP il-ġdid b’diversi Opinjonijiet, inkluż dwar il-FEK (3) u dwar Orizzont Ewropa (4), li huma l-aktar rilevanti fir-rigward tal-Programm.

Argumenti b’appoġġ għar-rakkomandazzjoni 1.1 (Programm)

2.3.

Il-Programm huwa parti mill-pakkett tal-Qafas Finanzjarju Pluriennali (QFP) li jmiss u jikkontribwixxi għal diversi prijoritajiet tal-UE, inklużi l-kompetittività u s-sigurtà komprensiva (“komprensiva” tkopri d-diversi dimensjonijiet tas-sigurtà). L-objettivi speċifiċi tal-Programm, li tiġi promossa r-riċerka dwar teknoloġiji nukleari sikuri u innovattivi u li jiġu żgurati ħiliet u talenti relatati fl-UE, huma ġustifikati sew. Sabiex jintlaħqu l-għanijiet kollha tal-Programm, huwa meħtieġ li jiġi żgurat li l-pakkett finanzjarju tiegħu jkun adegwat biex jiġi implimentat.

2.4.

Fl-istess ħin, huwa importanti li jinstabu sinerġiji ma’ fondi u programmi relatati oħra tal-UE (ara r-rakkomandazzjoni 1.9), biex jiġi ssalvagwardjat l-investiment adegwat matul id-diversi stadji ta’ investiment, mir-riċerka bażika sal-innovazzjoni u l-użu fuq skala sħiħa.

2.5.

Il-kooperazzjoni ma’ fondi oħra hija meħtieġa wkoll mill-perspettiva tar-riżorsi, meta jitqies li l-pakkett finanzjarju indikattiv tal-Programm huwa ta’ EUR 6,7 biljun għal ħames snin, li jikkorrispondi għal inqas minn 6 % tal-pakkett għal Orizzont Ewropa u inqas minn 4 % tal-FEK għal seba’ snin.

Argumenti b’appoġġ għar-rakkomandazzjoni 1.2 (kollaborazzjoni interna)

2.6.

Minħabba l-ħtiġijiet sinifikanti ta’ investiment fil-qasam tal-Programm, huwa meħtieġ ukoll li jiżdiedu l-isforzi fil-livell tal-Istati Membri, apparti l-finanzjament tal-UE. Il-ħtieġa li jiġu indirizzati l-isfidi ġeopolitiċi, ġeoekonomiċi u ambjentali titlob lill-Istati Membri jsaħħu l-investiment fir-riċerka u l-innovazzjoni b’mod ġenerali u fix-xjenza u t-teknoloġiji nukleari b’mod partikolari.

2.7.

Huwa importanti wkoll li jiġi sfruttat il-finanzjament privat għal dan il-għan u li jiġu involuti kemm l-atturi pubbliċi kif ukoll dawk privati fi sħubijiet kollaborattivi u transfruntiera ta’ riċerka u innovazzjoni, li jinkludu negozji, istituzzjonijiet ta’ riċerka, universitajiet u partijiet ikkonċernati oħra. Minbarra l-kumpaniji kbar li jippredominaw f’dan l-ambjent tas-suq, start-ups ġodda innovattivi jistgħu jipprovdu kontribut siewi għall-iżvilupp u l-adozzjoni tat-teknoloġija nukleari f’diversi partijiet tal-ktajjen tal-valur. Is-sħubijiet versatili u transfruntiera huma vitali biex jissaħħu l-ekosistemi industrijali Ewropej u għalhekk għall-kompetittività ġenerali u s-sigurtà ekonomika tal-UE.

2.8.

Kapaċità teknoloġika b’saħħitha hija aspett dejjem aktar kruċjali biex jiġu determinati l-influwenza u s-setgħa globali. Il-komunità tar-riċerka nukleari hija magħmula l-aktar minn kumpaniji kbar u entitajiet pubbliċi. Għalhekk huwa kruċjali li jiġu żgurati biżżejjed riżorsi għall-atturi l-kbar u li tingħata spinta lill-isforzi tagħhom fir-riċerka, l-iżvilupp u l-innovazzjoni. Fl-istess ħin, huwa importanti li jissaħħaħ ir-rwol ta’ intrapriżi iżgħar bħall-istart ups innovattivi. Għal dan il-għan, ir-rata massima ta’ finanzjament għall-azzjonijiet ta’ riċerka u innovazzjoni għandha tiġi stabbilita sa 100 % għall-kumpaniji ta’ kull daqs waqt li għall-azzjonijiet ta’ innovazzjoni għandha tilħaq il-100 % għall-SMEs u s-70 % għall-kumpaniji l-kbar.

Argumenti b’appoġġ għar-rakkomandazzjoni 1.3 (kooperazzjoni internazzjonali)

2.9.

L-iżvilupp ta’ teknoloġiji u soluzzjonijiet ġodda jeħtieġ riżorsi notevoli, li mhuwiex possibbli mingħajr kooperazzjoni internazzjonali. Il-kooperazzjoni ma’ partijiet terzi hija għalhekk meħtieġa biex l-UE tiżviluppa l-kapaċità u r-rwol globali tagħha fil-qasam nukleari.

2.10.

Min-naħa l-oħra, ir-riskji relatati mal-kooperazzjoni ma’ partijiet terzi jridu jiġu vvalutati u ġestiti b’mod adegwat. Irid jiġi żgurat li l-kooperazzjoni tirrispondi għall-interessi ekonomiċi tal-UE, f’termini ta’ kontribuzzjonijiet u benefiċċji. Huwa kruċjali wkoll li tiġi ssalvagwardjata s-sigurtà ekonomika tal-UE, li tvarja mill-provvista tal-materja prima għall-protezzjoni tad-drittijiet tal-proprjetà intellettwali.

2.11.

Minbarra l-kundizzjonijiet għas-salvagwardja tal-interessi ekonomiċi u ta’ sigurtà diretti tal-UE, il-kriterji proposti għall-parteċipazzjoni ta’ pajjiżi terzi fil-Programm jinkludu wkoll kriterji ġenerali bbażati fuq il-valuri. Dawn għandhom jiġu implimentati b’mod strett u jeskludu pajjiżi li ma jissodisfawx dawn il-kriterji jew li jiksru l-prinċipji internazzjonali tal-paċi u s-sigurtà.

Argumenti b’appoġġ għar-rakkomandazzjoni 1.4 (enerġija mill-fużjoni)

2.12.

Minħabba l-opportunitajiet sinifikanti pprovduti mill-enerġija mill-fużjoni, huwa vitali li jiġi allokat biżżejjed finanzjament biex din tavvanza. Sabiex jingħelbu l-ostakli xjentifiċi, teknoloġiċi u tas-suq li jfixklu l-iżvilupp u l-adozzjoni tagħha, l-istadji kollha tal-investiment għandhom jitqiesu fl-intier tagħhom, mir-riċerka għall-pilotaġġ sal-operat u l-użu fuq skala sħiħa, inkluża l-infrastruttura meħtieġa. Il-Komunikazzjoni li jmiss tal-Kummissjoni dwar l-istrateġija tal-UE dwar il-fużjoni għandha tipprovdi qafas komprensiv għal dan il-għan.

2.13.

Huwa propost li sehem kbir mill-baġit tal-Programm (EUR 4 biljun) jiġi allokat għall-kontribuzzjoni tal-UE għall-proġett ITER. Dan huwa ġġustifikat, minħabba l-ħtieġa li titħaffef l-adozzjoni mis-suq tal-enerġija mill-fużjoni u li tissaħħaħ l-ekosistema Ewropea. Dan jikkomplementa wkoll l-inizjattiva ta’ Orizzont Ewropa dwar il-“Fużjoni Moonshot”, li għandha l-għan li tindirizza l-isfidi għall-użu tal-enerġija mill-fużjoni fuq il-grilja tal-UE.

Argumenti b’appoġġ għar-rakkomandazzjoni 1.5 (investiment ieħor fl-enerġija nukleari)

2.14.

Il-ħtieġa akbar għas-sigurtà tal-provvista u d-dekarbonizzazzjoni tas-sistemi tal-enerġija għamlet l-enerġija nukleari għażla aktar attraenti fil-produzzjoni tal-enerġija, waqt li huwa f’idejn l-Istati Membri li jagħżlu t-taħlita tal-enerġija tagħhom stess. Is-sostituzzjoni tal-fjuwils fossili b’sorsi tal-enerġija b’livell żero u baxx ta’ emissjonijiet tal-karbonju mhijiex biss kwistjoni ta’ produzzjoni tal-enerġija iżda hija importanti wkoll għall-isforzi ta’ dekarbonizzazzjoni ta’ diversi industriji u konsumaturi oħra tal-enerġija. Dan jitlob investiment imsaħħaħ fl-iżvilupp u l-adozzjoni ta’ teknoloġiji u sistemi nukleari innovattivi u sikuri, kif indikat fl-Opinjoni tal-KESE (5) dwar il-Komunikazzjoni tal-Kummissjoni (6) dwar il-Programm Indikattiv Nukleari tal-2025.

2.15.

Ir-reatturi modulari żgħar u avvanzati huma eżempji ta’ teknoloġiji b’potenzjal dejjem akbar. Ir-reatturi modulari żgħar ġew rikonoxxuti bħala soluzzjoni nadifa u flessibbli biex jiġu ġġenerati l-elettriku u s-sħana għal użu domestiku u industrijali, inkluża l-produzzjoni tal-idroġenu. Il-Pjan ta’ Azzjoni Strateġiku tal-Alleanza Ewropea dwar ir-Reatturi Modulari Żgħar (7) għandu l-għan li jintroduċi r-reatturi modulari żgħar u jgħin lill-industrija tal-UE tikber u tikkompeti fuq skala globali. Il-Pjan ta’ Azzjoni għandu jkun appoġġjat minn finanzjament tal-UE, inkluż permezz tal-Programm Euratom. Huwa jipprovdi wkoll bażi għall-istrateġija li jmiss tal-Kummissjoni Ewropea dwar ir-reatturi modulari żgħar.

2.16.

Peress li t-teknoloġiji tal-fissjoni diġà jistgħu jappoġġjaw l-objettivi klimatiċi tal-UE fuq terminu qasir, medju u twil, dawn jistħoqqilhom rikonoxximent akbar billi jżidu l-finanzjament allokat għall-fissjoni u billi jipprovdulha koeffiċjent tal-mitigazzjoni tat-tibdil fil-klima ta’ 100 % skont ir-Regolament li jistabbilixxi qafas għall-ittrekkjar tan-nefqa baġitarja u għall-prestazzjoni tal-baġit u regoli orizzontali oħrajn għall-programmi u għall-attivitajiet tal-Unjoni. Azzjonijiet innovattivi relatati mat-teknoloġiji tal-fissjoni (reatturi modulari żgħar u avvanzati, ċiklu tal-fjuwil, eċċ.) għandhom ikunu eliġibbli woll għall-proġetti Moonshot taħt Orizzont Ewropa.

2.17.

Iridu jiġu ffukati wkoll sforzi b’saħħithom fuq it-tisħiħ tal-ġestjoni sikura tal-iskart radjuattiv u tal-fjuwil użat (8). Huma meħtieġa sforzi speċifiċi biex jiġi żviluppat iċ-ċiklu tal-fjuwil nukleari, u b’hekk jiġu indirizzati l-isfidi ġeopolitiċi relatati mas-sigurtà tal-provvista tal-fjuwil u t-titjib tas-sikurezza ambjentali. Minħabba l-importanza li tiġi żgurata ġestjoni sikura u salvagwardjata tal-iskart radjuattiv, huwa meħtieġ li tiżdied il-kapaċità tal-EURAD 2 (Programm Konġunt Ewropew dwar l-immaniġġjar ta’ skart radjuattiv) biex il-ħtiġijiet li qed jevolvu u l-bidliet fil-politika f’dan il-qasam jiġu indirizzati b’mod dinamiku, flimkien mas-soċjetà ċivili involuta.

2.18.

Kollox ma’ kollox, il-Programm irid iqis il-ħtiġijiet tal-ħajja kollha tal-materjali, tat-teknoloġiji u tal-installazzjonijiet nukleari, u jkopri l-provvista tal-materja prima, il-produzzjoni, il-loġistika, id-dekummissjonar u l-immaniġġjar tal-iskart. Hemm bżonn ta’ soluzzjonijiet avvanzati biex jinżamm u jiġi aġġornat it-tħaddim sikur tal-impjanti eżistenti.

2.19.

Huwa importanti wkoll li jiġu rikonoxxuti u indirizzati d-diversi atturi li joperaw fil-ktajjen tal-valur. Pereżempju, l-SMEs għandhom rwol kruċjali f’ħafna partijiet tal-ktajjen tal-valur relatati mat-teknoloġiji nukleari. Huma jaġixxu wkoll f’varjetà wiesgħa ta’ setturi.

Argumenti b’appoġġ għar-rakkomandazzjoni 1.6 (użi mhux tal-enerġija)

2.20.

Għandha tingħata aktar attenzjoni lill-opportunitajiet li x-xjenza u t-teknoloġiji nukleari joffru f’ħafna setturi għajr il-produzzjoni tal-enerġija, bħall-applikazzjonijiet tar-radjazzjoni jonizzanti fis-setturi tas-saħħa, tal-agrikoltura, tal-ispazju u tal-industrija. Dawn huma rilevanti wkoll għal dawk l-Istati Membri li ma jużawx l-enerġija nukleari fit-taħlita tal-enerġija tagħhom.

2.21.

Fis-settur tas-saħħa, it-teknoloġiji radjoloġiċi u nukleari huma partikolarment importanti fil-ġlieda kontra l-kanċer fl-istadji kollha tiegħu, u jkopru d-detezzjoni, id-dijanjożi, it-trattament u l-kura. Biex tiġi indirizzata d-domanda dejjem tikber għal isotopi radjuattivi fil-kura tas-saħħa, iridu jingħelbu diversi sfidi: dipendenza għolja minn pajjiżi terżi għal ċerti materjali sors ewlenin, it-tiqdim tar-reatturi ta’ riċerka u dewmien fil-pjani li jinbew oħrajn ġodda, kif ukoll in-nuqqas ta’ implimentazzjoni armonizzata tar-regolamenti applikabbli, b’mod partikolari fil-qasam nukleari, tal-farmaċewtika u tat-trasport, fl-UE kollha.

2.22.

F’dan ir-rigward, huwa meħtieġ progress tanġibbli fl-implimentazzjoni tal-Aġenda Strateġika għall-Applikazzjonijiet Mediċi tar-Radjazzjoni Jonizzanti (SAMIRA) u tal-Inizjattiva Qafas Ewropea tar-Radjoisotopi (ERVI) b’rabta mal-Pjan tal-Ewropa biex Jingħeleb il-Kanċer, inkluż permezz tal-kontribut tal-ERVI biex jiġu indirizzati d-dipendenzi b’mod aktar effettiv u jinbnew kapaċitajiet ta’ produzzjoni ta’ uranju b’livell baxx ta’ arrikkiment b’assaġġ għoli (HALEU) u ta’ isotopi stabbli fl-Ewropa (9).

2.23.

Il-protezzjoni tan-nies u tal-ambjent trid titqies bħala approċċ trasversali fil-Programm kollu, kemm fl-oqsma tal-enerġija kif ukoll f’dawk mhux tal-enerġija. Waqt li l-prevenzjoni tar-riskji għas-sikurezza trid tkun il-prijorità, irid jiġi allokat ukoll finanzjament adegwat biex tittejjeb il-preparatezza għal sitwazzjonijiet eċċezzjonali, bħal inċidenti tar-radjazzjoni. Huwa essenzjali wkoll li jiġu evitati r-riskji għas-sigurtà kkawżati mit-trasport illegali u mill-użu ta’ materjali radjuattivi u li ssir tħejjija għalihom.

2.24.

Minħabba r-rwol multiplu tat-teknoloġiji nukleari fl-ekonomija u s-soċjetà, hemm bżonn li jkun hemm għarfien dwar il-kwistjonijiet nukleari u dwar l-objettivi u r-riżultati tal-Programm permezz ta’ komunikazzjoni u interazzjoni ma’ diversi atturi tas-soċjetà ċivili, inklużi rappreżentanti tal-intrapriżi, tal-ħaddiema u taċ-ċittadini b’mod ġenerali.

Argumenti b’appoġġ għar-rakkomandazzjonijiet 1.7 (ħiliet u talenti)

2.25.

Id-disponibbiltà ta’ talent ta’ klassi dinjija fil-qasam nukleari hija prerekwiżit għall-UE biex tilħaq u żżomm rwol b’saħħtu fil-kuntest globali. Dan jista’ jinkiseb permezz ta’ edukazzjoni ta’ livell għoli, flimkien ma’ ambjent ta’ riċerka u innovazzjoni li jippromovi l-eċċellenza u jipprovdi aċċess għal infrastruttura avvanzata tar-riċerka u t-teknoloġija. Iċ-Ċentru Konġunt tar-Riċerka għandu rwol vitali f’dan ir-rigward.

2.26.

Barra minn hekk, is-suċċess fil-qasam nukleari jeħtieġ professjonisti kwalifikati u forza tax-xogħol għal kompiti prattiċi, li jvarjaw minn spetturi u ħaddiema tal-ipproċessar għall-impjanti tal-enerġija għal persunal mediku u tal-kura tas-saħħa. Għalhekk huwa kruċjali li parti adegwata mill-finanzjament tal-Programm tkun speċifikata biex jiġi promoss l-iżvilupp tal-ħiliet u l-kompetenzi, li jrid jikkomplementa l-investiment nazzjonali fl-edukazzjoni u t-taħriġ.

2.27.

Il-kisba u ż-żamma tal-mentalità, il-ħiliet u l-kompetenzi meħtieġa jirrikjedu li, minbarra s-sensibilizzazzjoni ġenerali, il-kwistjonijiet nukleari jiġu integrati fl-edukazzjoni fil-livelli kollha, mill-iskejjel primarji sat-taħriġ vokazzjonali u l-edukazzjoni għolja, ikkomplementati minn ħiliet imfassla apposta relatati max-xogħol. L-edukazzjoni fis-suġġetti STEM hija bażi waħda għal aktar żvilupp tal-ħiliet għal kulħadd.

2.28.

Jeħtieġ ukoll li tiġi promossa l-attraenza tal-professjonijiet nukleari, b’mod partikolari għaż-żgħażagħ, u li n-nisa jiġu mħeġġa jidħlu fil-qasam nukleari. Skont l-analiżi tal-Aġenzija Internazzjonali tal-Enerġija (AIE) (10), il-pagi fis-settur nukleari huma t-tieni l-ogħla fis-settur tal-enerġija, wara s-settur taż-żejt u tal-gass. Is-sehem tan-nisa fir-rwoli ta’ tmexxija fis-settur nukleari wera xejriet promettenti u issa huwa ogħla mill-medja fl-ekonomija kollha ta’ 25 %.

2.29.

It-tisħiħ tal-kooperazzjoni bejn l-Istati Membri huwa meħtieġ biex jikkomplementa l-isforzi nazzjonali u jiġġenera sinerġiji u benefiċċji addizzjonali f’termini ta’ talent u ħiliet. L-istess japplika għall-kooperazzjoni internazzjonali, inkluża l-kooperazzjoni fir-riċerka biex tissaħħaħ l-eċċellenza xjentifika u teknoloġika u l-iskambju ta’ għarfien espert f’operazzjonijiet prattiċi. Id-disponibbiltà ta’ infrastruttura ta’ riċerka u innovazzjoni ta’ livell għoli u l-aċċess għaliha huma vitali biex jissaħħu l-mobbiltà u n-networking tat-talent.

Argumenti b’appoġġ għar-rakkomandazzjoni 1.8 (semplifikazzjoni)

2.30.

Is-semplifikazzjoni trid tkun approċċ ġenerali li japplika għall-elementi amministrattivi kollha tal-Programm u għall-istadji kollha tal-proċess, mill-programmi ta’ ħidma sal-proċeduri ta’ applikazzjoni u ta’ aġġuddikazzjoni. Il-miżuri ta’ semplifikazzjoni għandhom jiġu implimentati primarjament mill-perspettiva tal-benefiċjarji, u jiġi żgurat li l-proċeduri u l-programmi ta’ ħidma jkunu faċilment aċċessibbli u jinftiehmu għat-tipi kollha ta’ benefiċjarji, inklużi l-SMEs (11).

2.31.

Huwa importanti wkoll li jiġi żgurat li l-istruttura u l-governanza tal-Programm ikunu ċari u ssemplifikati, u dan jgħin ukoll lill-benefiċjarji biex jinnavigaw il-proċeduri. Barra minn hekk, regoli ċari u trasparenti tal-aġġuddikazzjoni u xenarju ta’ finanzjament ġenerali inkoraġġanti huma kruċjali għall-benefiċjarji potenzjali, u dan jeħtieġ li jinstab bilanċ tajjeb bejn il-prevedibbiltà u l-flessibbiltà.

Argumenti b’appoġġ għar-rakkomandazzjoni 1.9 (sinerġija)

2.32.

L-Artikolu 7 tal-abbozz ta’ regolament jipproponi li jissaħħu s-sinerġiji bejn il-Programm Euratom u programmi oħra tal-UE, u jiddikjara li proġett wieħed jista’ jibbenefika kemm mill-finanzjament tal-Euratom kif ukoll minn sorsi oħra ta’ finanzjament Ewropew. Is-sinerġija msaħħa fost għodod differenti ta’ finanzjament — bħall-FEK, Orizzont Ewropa u fondi u programmi rilevanti oħra tal-UE — hija milqugħa tajjeb ħafna. Peress li l-Programm huwa relatat mal-erba’ twieqi ta’ politika kollha tal-FEK, minn tranżizzjonijiet nodfa u diġitali għal kwistjonijiet tas-saħħa u tal-ispazju, is-sinerġiji u l-benefiċċji għandhom jitqiesu f’dawn is-suġġetti kollha.

2.33.

Biex is-sinerġiji jsiru vijabbli, il-finanzjament irid ikun ibbażat fuq approċċ orjentat lejn ir-riżultati, u l-prinċipju tan-newtralità teknoloġika jrid jiġi applikat bis-sħiħ.

3.   EMENDI PROPOSTI GĦALL-PROPOSTA LEĠIŻLATTIVA TAL-KUMMISSJONI EWROPEA

Emenda 1

marbuta mar-rakkomandazzjoni 1.3

Emenda għall-Artikolu 8(3)(b)

Test propost mill-Kummissjoni Ewropea

Emenda tal-KESE

Artikolu 8(3)(b)

Artikolu 8(3)(b)

impenn lejn ekonomija tas-suq miftuħa u bbażata fuq ir-regoli, inkluż trattament ġust u ekwu tad-drittijiet tal-proprjetà intellettwali, ir-rispett tad-drittijiet tal-bniedem, appoġġat minn istituzzjonijiet demokratiċi;

impenn lejn ekonomija tas-suq miftuħa u bbażata fuq ir-regoli, inkluż trattament ġust u ekwu tad-drittijiet tal-proprjetà intellettwali, ir-rispett tad-drittijiet tal-bniedem, appoġġat minn istituzzjonijiet demokratiċi , kif ukoll ir-rispett tal-prinċipji internazzjonali tal-paċi u tas-sigurtà ;

Raġuni

Ara l-punt 2.11.

Emenda 2

marbuta mar-rakkomandazzjoni 1.5

Objettiv speċifiku addizzjonali fl-Artikolu 3, paragrafu 2, wara l-punt b

Test propost mill-Kummissjoni Ewropea

Emenda tal-KESE

 

Artikolu 3(2)(b) punt addizzjonali

 

javvanza r-riċerka u l-iżvilupp dwar soluzzjonijiet innovattivi u sikuri tal-enerġija mill-fissjoni, inklużi s-sistemi tar-reatturi u ċ-ċiklu kollu tal-fjuwil nukleari;

Raġuni

Ara l-punti 2.14-2.19.

Emenda 3

marbuta mar-rakkomandazzjoni 1.5

Objettiv speċifiku addizzjonali fl-Anness, wara l-Objettivi speċifiċi 2(a) u 2(b)

Test propost mill-Kummissjoni Ewropea

Emenda tal-KESE

 

Objettiv speċifiku 2(b) ittra addizzjonali

 

Minbarra l-attivitajiet rilevanti għall-enerġija mill-fissjoni msemmija taħt l-objettivi speċifiċi 2(c) u 2(d) (is-sikurezza u s-sigurtà, l-immaniġġjar tal-iskart, il-ħiliet u l-kompetenzi)

 

(i)

jiġi appoġġat l-iżvilupp ta’ teknoloġiji tal-produzzjoni tal-enerġija bbażati fuq il-fissjoni, inklużi r-reatturi modulari żgħar (SMRs) u r-reatturi modulari avvanzati (AMRs);

 

(ii)

jiġi appoġġat l-iżvilupp ta’ fjuwils avvanzati u ċikli tal-fjuwil sħaħ;

 

(iii)

jissaħħu s-soluzzjonijiet biex jinżamm u jittejjeb it-tħaddim sikur tal-impjanti eżistenti;

 

(iv)

jissaħħaħ il-ħolqien ta’ ekosistemi Ewropej biex jiġu żviluppati u adottati soluzzjonijiet innovattivi tal-enerġija mill-fissjoni.

Raġuni

Ara l-punti 2.14-2.19.

Emenda 4

marbuta mar-rakkomandazzjoni 1.7

Emenda tal-paragrafu 2(d) fl-Artikolu 3

Test propost mill-Kummissjoni Ewropea

Emenda tal-KESE

Artikolu 3(2)(d)

Artikolu 3(2)(d)

jiżviluppa, iżomm u juża l-għarfien espert u l-kompetenzi fil-qasam nukleari permezz tal -edukazzjoni u t-taħriġ u jappoġġa l-aċċess għal infrastrutturi tar-riċerka tal-ogħla livell ta’ żvilupp tekniku, filwaqt li jiżgura s-sostenibbiltà fit-tul u l-eċċellenza operazzjonali tagħhom; u

jiżviluppa, iżomm u juża l-għarfien espert u l-kompetenzi fil-qasam nukleari permezz tas-sensibilizzazzjoni, l- edukazzjoni fil-livelli kollha u t-taħriġ u appoġġ għall -aċċess għal infrastrutturi tar-riċerka tal-ogħla livell ta’ żvilupp tekniku, filwaqt li jiżgura s-sostenibbiltà fit-tul u l-eċċellenza operazzjonali tagħhom; u

Raġuni

Ara l-punti 2.25-2.29.

Emenda 5

marbuta mar-rakkomandazzjonijiet 1.6 u 1.7

Żieda ta’ punt (vi) ġdid taħt l-objettiv Speċifiku 2(d) fl-Anness

Test propost mill-Kummissjoni Ewropea

Emenda tal-KESE

 

(vi)

is-sensibilizzazzjoni dwar kwistjonijiet nukleari u l-Programm permezz ta’ komunikazzjoni u interazzjoni mas-soċjetà ċivili, inklużi rappreżentanti ta’ intrapriżi, ħaddiema u ċittadini b’mod ġenerali.

Raġuni

Ara l-punti 2.24 u 2.27.

Emenda 6

marbuta mar-rakkomandazzjoni 1.2

Żieda ta’ paragrafu ġdid mal-Artikolu 12, wara l-paragrafu 2.

Test propost mill-Kummissjoni Ewropea

Emenda tal-KESE

 

Paragrafu ġdid wara l-Artikolu 12(2)

 

B’deroga mill-Artikolu 27 tar-Regolament [li jistabbilixxi l-Programm Qafas Orizzont Ewropa], sa 100 % tal-ispejjeż eliġibbli totali ta’ azzjoni taħt il-Programm Euratom jistgħu jiġu rimborżati kemm għall-SMEs kif ukoll għal entitajiet legali oħra bi skop ta’ qligħ fl-istadju tal-azzjonijiet tar-riċerka u l-innovazzjoni.

Raġuni

Ara l-punt 2.8.

Brussell, it-18 ta’ Marzu 2026.

Il-President

tal-Kumitat Ekonomiku u Soċjali Ewropew

Séamus BOLAND


(1)   ĠU C, C/2019/110, 22.3.2019.

(2)   ĠU C, C/2025/2968, 16.6.2025, ELI: http://data.europa.eu/eli/C/2025/2968/oj.

(3)   ĠU C, C/2026/873, 27.2.2026, ELI: http://data.europa.eu/eli/C/2026/873/oj.

(4)  Opinjoni tal-KESE dwar “Orizzont Ewropa” (ĠU C, C/2026/1973, 28.4.2026, ELI: http://data.europa.eu/eli/C/2026/1973/oj).

(5)   ĠU C, C/2026/883, 27.2.2026, ELI: http://data.europa.eu/eli/C/2026/883/oj.

(6)   COM/2025/315 final.

(7)   The strategic action plan by the European Alliance on Small Modular Reactors (Il-Pjan ta’ Azzjoni Strateġiku tal-Alleanza Ewropea dwar ir-Reatturi Modulari Żgħar — mhux disponibbli bil-Malti).

(8)   ĠU C, C/2025/110, 10.1.2025, ELI: http://data.europa.eu/eli/C/2025/110/oj.

(9)   ĠU C, C/2024/4661, 9.8.2024, ELI: http://data.europa.eu/eli/C/2024/4661/oj.

(10)   IEA, World Energy Employment 2025.

(11)  Ara wkoll ĠU C, C/2026/873, 27.2.2026, ELI: http://data.europa.eu/eli/C/2026/873/oj.


ANNESS

IMPRONTA LEĠIŻLATTIVA

LISTA TA’ RAPPREŻENTANTI TA’ GRUPPI TA’ INTERESS MINGĦAND MIN IR-RELATUR IRĊIEVA KONTRIBUT

Il-lista li ġejja hija mfassla fuq bażi purament volontarja taħt ir-responsabbiltà esklużiva tar-relatur. Ir-relatur irċieva input mir-rappreżentanti ta’ gruppi ta’ interess li ġejjin (organizzazzjonijiet u/jew individwi li jaħdmu għal rashom) fit-tħejjija tal-Opinjoni TEN/864 “Programm ta’ Riċerka u Taħriġ tal-Euratom 2028-2032”:

Organizzazzjonijiet u/jew individwi b’impjieg indipendenti

Newcleo

nucleareurope

Orano

Urenco


ELI: http://data.europa.eu/eli/C/2026/3239/oj

ISSN 1977-0987 (electronic edition)