SENTENZA TAL-QORTI TAL-ĠUSTIZZJA (It-Tielet Awla)

18 ta’ Diċembru 2025 ( *1 )

“Rinviju għal deċiżjoni preliminari – Kompetizzjoni – Artikolu 102 TFUE – Abbuż minn pożizzjoni dominanti – Soċjetà għall-ġestjoni kollettiva tad-drittijiet tal-awtur – Iffissar tar-royalties għall-għoti ta’ liċenzja għat-tqegħid għad-dispożizzjoni ta’ xogħlijiet protetti mid-drittijiet tal-awtur – Lukandi – Metodu ta’ kalkolu – Assenza ta’ teħid inkunsiderazzjoni tar-rata ta’ okkupazzjoni tal-kmamar – Prezzijiet inġusti”

Fil-Kawża C‑161/24,

li għandha bħala suġġett talba għal deċiżjoni preliminari skont l-Artikolu 267 TFUE, imressqa mill-Krajský soud v Brně (il-Qorti Reġjonali ta’ Brno, ir-Repubblika Ċeka), permezz ta’ deċiżjoni tad‑29 ta’ Frar 2024, li waslet fil-Qorti tal-Ġustizzja fl-istess jum, fil-proċedura

OSA, z.s., li kienet OSA – Ochranný svaz autorský pro práva k dílům hudebním, z.s.,

vs

Úřad pro ochranu hospodářské soutěže,

IL-QORTI TAL-ĠUSTIZZJA (It-Tielet Awla),

komposta minn C. Lycourgos, President tal-Awla, O. Spineanu‑Matei (Relatriċi), S. Rodin, N. Piçarra u N. Fenger, Imħallfin,

Avukat Ġenerali: M. Szpunar,

Reġistratur: I. Illéssy, Amministratur,

wara li rat il-proċedura bil-miktub u wara s-seduta tat‑13 ta’ Marzu 2025,

wara li kkunsidrat l-osservazzjonijiet ippreżentati:

–

għal OSA, z.s., minn V. Bernard, R. Neruda u L. Štiková Gachová, advokáti,

–

għall-Úřad pro ochranu hospodářské soutěže, minn A. Drbal, H. Malíková u P. Mlsna,

–

għall-Gvern Spanjol, minn M. Morales Puerta, bħala aġent,

–

għall-Gvern Franċiż, minn R. Bénard u T. Lechevallier, bħala aġenti,

–

għall-Kummissjoni Ewropea, minn E. Arsenidou, B. Ernst, M. Monfort u P. Němečková, bħala aġenti,

wara li semgħet il-konklużjonijiet tal-Avukat Ġenerali, ippreżentati fis-seduta tal‑5 ta’ Ġunju 2025,

tagħti l-preżenti

Sentenza

1

It-talba għal deċiżjoni preliminari tirrigwarda l-interpretazzjoni tal-Artikolu 102 TFUE.

2

Din it-talba tressqet fil-kuntest ta’ tilwima bejn OSA, z.s., li kienet OSA – Ochranný svaz autorský pro práva k dílům hudebním, z.s. (iktar ’il quddiem “OSA”), li hija soċjetà għall-ġestjoni kollettiva tad-drittijiet tal-awtur (iktar ’il quddiem “soċjetà għall-ġestjoni kollettiva”) skont id-dritt Ċek, u l-Úřad pro ochranu hospodářské soutěže (l-Uffiċċju għall-Protezzjoni tal-Kompetizzjoni, ir-Repubblika Ċeka, iktar ’il quddiem l-“awtorità tal-kompetizzjoni Ċeka”) fir-rigward ta’ deċiżjoni li permezz tagħha din l-awtorità ssanzjonat lil OSA għal ksur tal-Artikolu 102 TFUE.

Il-kuntest ġuridiku

Id-dritt tal-Unjoni

3

L-Artikolu 102 TFUE jipprevedi:

“Safejn il-kummerċ bejn l-Istati Membri jista’ jiġi milqut, kull abbuż minn impriża waħda jew iktar minn pożizzjoni dominanti fi ħdan is-suq intern, jew fi ħdan parti sostanzjali tiegħu, jkun inkompatibbli mas-suq intern u jkun projbit.

Eżempji ta’ abbuż bħal dan huma:

a)

l-impożizzjoni diretta jew indiretta ta’ prezzijiet inġusti ta’ l-akkwist jew tal-bejgħ, jew kondizzjonijiet oħra inġusti ta’ kummerċ,

[…]”

4

L-Artikolu 3 tad-Direttiva 2001/29/KE tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tat‑22 ta’ Mejju 2001 dwar l-armonizzazzjoni ta’ ċerti aspetti ta’ drittijiet ta’ l-awtur u drittijiet relatati fis-soċjetà ta’ l-informazzjoni (ĠU Edizzjoni Speċjali bil-Malti, Kapitolu 17, Vol. 1, p. 230), intitolat “Id-dritt ta’ komunikazzjoni lill-pubbliku ta’ xogħolijiet u d-dritt li jagħmlu disponibbli għall-pubbliku suġġett ieħor”, jipprovdi, fil-paragrafu 1 tiegħu:

“L-Istati Membri għandhom jipprovdu lill-awturi bid-dritt esklussiv li jawtorizzaw jew jipprojbixxu kull komunikazzjoni lill-pubbliku tax-xogħolijiet tagħhom, bil-fili jew mezzi mingħajr fili, inklużi li jagħmlu disponibbli lill-pubbliku x-xogħolijiet tagħhom b’mod li membri tal-pubbliku jistgħu jkollhom aċċess għalihom minn post u f’ħin magħżul individwalment minnhom.”

Id-dritt Ċek

5

L-Artikolu 23 taż-zákon č. 121/2000 Sb., o právu autorském, o právech souvisejících s právem autorským a o změně některých zákonů (autorský zákon) (il-Liġi Nru 121/2000 dwar id-Drittijiet tal-Awtur, dwar id-Drittijiet Relatati u li Temenda Ċerti Liġijiet, iktar ’il quddiem il-“Liġi dwar id-Drittijiet tal-Awtur”), fil-verżjoni tagħha fis-seħħ sas‑6 ta’ Novembru 2014, kien jiggarantixxi lill-awturi d-dritt għal royalty bħala korrispettiv għall-użu tax-xogħlijiet tagħhom imqiegħda għad-dispożizzjoni tal-persuni ospitati fi kmamar privati permezz tat-televiżjoni u tar-radju.

6

L-Artikolu 11 taż-zákon č. 143/2001 Sb., o ochraně hospodářské soutěže (il-Liġi Nru 143/2001 dwar il-Protezzjoni tal-Kompetizzjoni), tal‑4 ta’ April 2001, fil-verżjoni tagħha applikabbli għat-tilwima fil-kawża prinċipali, jipprovdi:

“L-abbuż minn pożizzjoni dominanti għad-detriment ta’ kompetituri oħra jew tal-konsumaturi huwa pprojbit. B’‘abbuż minn pożizzjoni dominanti’ għandu jinftiehem b’mod partikolari

a)

l-impożizzjoni diretta jew indiretta ta’ kundizzjonijiet inġusti fil-kuntratti ma’ atturi oħra fis-suq, b’mod partikolari l-impożizzjoni ta’ prestazzjoni li, fil-mument tal-konklużjoni tal-kuntratt, tkun manifestament sproporzjonata meta mqabbla mal-korrispettiv ipprovdut,

[…]”

Il-kawża prinċipali u d-domandi preliminari

7

Mid-deċiżjoni tar-rinviju jirriżulta li OSA hija waħda mis-sitt soċjetajiet għall-ġestjoni kollettiva tad-drittijiet tal-awtur fir-Repubblika Ċeka u li għandha pożizzjoni dominanti fis-suq rilevanti.

8

Permezz ta’ deċiżjoni tat‑18 ta’ Diċembru 2019, l-awtorità tal-kompetizzjoni Ċeka kkonstatat li, matul il-perijodu inkluż bejn id‑19 ta’ Mejju 2008 u s‑6 ta’ Novembru 2014, OSA kienet applikat għal fornituri ta’ servizzi ta’ akkomodazzjoni f’lukandi li joperaw fir-Repubblika Ċeka, għall-użu ta’ xogħlijiet protetti mid-drittijiet tal-awtur permezz ta’ riċevituri tat-televiżjoni u tar-radju, royalties ikkalkolati mingħajr ma ttieħdet inkunsiderazzjoni r-rata ta’ okkupazzjoni tal-lukandi kkonċernati, u dan mingħajr ġustifikazzjoni oġġettiva. Skont din id-deċiżjoni, OSA kienet għalhekk irrikjediet il-ħlas ta’ royalties għall-kmamar mhux okkupati li fihom ma kien seħħ ebda użu ta’ tali xogħlijiet.

9

L-awtorità tal-kompetizzjoni Ċeka qieset li, permezz ta’ din il-prattika, OSA kienet imponiet kundizzjonijiet ta’ kummerċ inġusti fis-suq nazzjonali tal-għoti ta’ liċenzji għall-użu tax-xogħlijiet protetti mid-drittijiet tal-awtur. Din l-awtorità qieset li l-imsemmija prattika kienet tikkostitwixxi abbuż minn pożizzjoni dominanti pprojbit mill-Artikolu 102 TFUE u mid-dispożizzjonijiet korrispondenti tal-leġiżlazzjoni Ċeka dwar il-kompetizzjoni. Konsegwentement, hija kkundannat lil OSA għall-ħlas ta’ multa fl-ammont ta’ 10676000 koruna Ċeka (CZK) (madwar EUR 429000) u pprojbietha milli tirrikorri għall-istess prattika.

10

OSA ressqet ilment kontra din id-deċiżjoni, li l-President tal-awtorità tal-kompetizzjoni Ċeka ċaħad permezz ta’ deċiżjoni tat‑23 ta’ Novembru 2020.

11

OSA ppreżentat rikors kontra din l-aħħar deċiżjoni quddiem il-Krajský soud v Brně (il-Qorti Reġjonali ta’ Brno, ir-Repubblika Ċeka), li hija l-qorti tar-rinviju.

12

Skont din il-qorti, minn naħa, huwa paċifiku bejn il-partijiet fil-kawża prinċipali li OSA għandha, fir-Repubblika Ċeka, “monopolju de facto” fil-qasam tal-ġestjoni kollettiva tad-drittijiet tal-awtur u li, matul il-perijodu bejn id‑19 ta’ Mejju 2008 u s‑6 ta’ Novembru 2014 inkluż, OSA ġabret royalties mingħand il-lukandi inkambju għax-xandir ta’ xogħlijiet protetti permezz ta’ riċevituri tat-televiżjoni u tar-radju installati fil-kmamar tagħhom, irrispettivament minn jekk dawn kinux okkupati jew le. Min-naħa l-oħra, dawn il-partijiet ma jaqblux dwar l-interpretazzjoni tal-ġurisprudenza tal-Qorti tal-Ġustizzja dwar il-kunċett ta’ “abbuż minn pożizzjoni dominanti” u dwar l-applikazzjoni tiegħu fil-kawża prinċipali.

13

Skont l-OSA, l-awtorità tal-kompetizzjoni Ċeka missha eżaminat jekk il-prattika tariffarja tagħha setgħetx titqies bħala prattika ta’ prezzijiet abbużivi fid-dawl tal-kriterji stabbiliti mill-Qorti tal-Ġustizzja fis-sentenza tal‑14 ta’ Frar 1978, United Brands u United Brands Continentaal vs Il‑Kummissjoni (27/76, EU:C:1978:22), li ġew applikati fil-kuntest partikolari tas-soċjetajiet għall-ġestjoni kollettiva fis-sentenzi tal‑14 ta’ Settembru 2017, Autortiesību un komunicēšanās konsultāciju aģentūra – Latvijas Autoru apvienība (C‑177/16, EU:C:2017:689), u tal‑25 ta’ Novembru 2020, SABAM (C‑372/19, iktar ’il quddiem is-“sentenza SABAM, EU:C:2020:959).

14

Madankollu, il-qorti tar-rinviju tqis li l-Qorti tal-Ġustizzja għadha ma tatx deċiżjoni dwar jekk l-assenza ta’ teħid inkunsiderazzjoni, fil-kalkolu tar-royalties dovuti għad-drittijiet tal-awtur, tar-rata ta’ okkupazzjoni tal-kmamar tal-lukandi, tistax tikkostitwixxi abbuż minn pożizzjoni dominanti, fis-sens tal-Artikolu 102 TFUE.

15

Fl-ewwel lok, din il-qorti tindika li hija ser ikollha teżamina l-argumenti ta’ OSA li skonthom it-tilwima ma tistax tiġi riżolta billi jiġu applikati sempliċement il-prinċipji stabbiliti fis-sentenza SABAM. OSA sostniet li din is-sentenza kienet tikkonċerna l-ħlas ta’ royalties dovuti bħala drittijiet tal-awtur għal xogħlijiet li, minkejja li tqiegħdu għad-dispożizzjoni, ma kinux intużaw fil-kuntest ta’ festival tal-mużika. Skont OSA, għalkemm ir-rekwiżit ta’ royalties ma huwiex raġonevoli f’tali kuntest, ir-rekwiżit ta’ ħlas ta’ royalty annwali jibqa’ raġonevoli għat-tqegħid għad-dispożizzjoni ta’ xogħlijiet fil-kmamar ta’ lukanda, u dan indipendentement mir-rata ta’ okkupazzjoni ta’ dan l-istabbiliment, b’eċċezzjoni tal-kmamar li jibqgħu mhux okkupati tul is-sena kollha.

16

Fit-tieni lok, il-qorti tar-rinviju tirrileva li l-ġurisprudenza tal-Qorti tal-Ġustizzja ma tidhirx li stabbilixxiet kriterji konkreti li jippermettu li jiġi ddeterminat jekk l-assenza ta’ teħid inkunsiderazzjoni tar-rata ta’ okkupazzjoni tal-kmamar ta’ lukanda fil-kalkolu tar-royalty dovuta bħala dritt tal-awtur għandhiex tiġi evalwata, fid-dawl tal-Artikolu 102 TFUE, fis-sens li taqa’ taħt prattika ta’ prezzijiet eċċessivi, kif iddikjarat mill-OSA, jew inkella taħt prattika li timponi “kundizzjonijiet ta’ kummerċ inġusti” fis-sens ta’ din id-dispożizzjoni, hekk kif issostni l-awtorità tal-kompetizzjoni Ċeka.

17

F’din it-tieni ipoteżi, il-qorti tar-rinviju tqis li jifdal li jiġu ddeterminati l-kriterji li jippermettu li jiġi stabbilit jekk kundizzjoni ta’ kummerċ hijiex inġusta. F’dan ir-rigward, OSA tqis li għandhom jiġu ssodisfatti tliet kriterji kumulattivi. L-ewwel nett, din il-kundizzjoni għandha tkun nieqsa minn rabta mal-għan tal-kuntratt jew ma għandhiex tkun neċessarja sabiex jintlaħaq l-effett mixtieq tiegħu. It-tieni nett, l-imsemmija kundizzjoni jkollha tikkawża ħsara lill-parti l-oħra fil-kuntratt. It-tielet nett, l-istess kundizzjoni la għandha tkun xierqa u lanqas ġusta. F’dan ir-rigward, l-awtorità tal-kompetizzjoni Ċeka tilmenta li la l-Kummissjoni Ewropea u lanqas il-qrati tal-Unjoni ma applikaw dawn il-kriterji u li kien suffiċjenti, f’dan il-każ, li jiġi vverifikat jekk il-kundizzjoni tat-tranżazzjoni, imposta minn OSA, kinitx iġġustifikata u proporzjonata.

18

Bl-istess mod, skont il-qorti tar-rinviju, fil-każ li kellha tiġi aċċettata l-ewwel ipoteżi msemmija fil-punt 16 ta’ din is-sentenza, ikun għadu neċessarju li jiġi ddeterminat jekk il-prattika tariffarja ta’ OSA tistax titqies li tmur kontra l-Artikolu 102 TFUE sa fejn din timponi prezzijiet eċċessivi. L-interpretazzjoni tal-Qorti tal-Ġustizzja tippermetti li jiġi ċċarat jekk, u kif, il-kriterji li jirriżultaw mis-sentenza tal‑14 ta’ Frar 1978, United Brands u United Brands Continentaal vs Il‑Kummissjoni (27/76, EU:C:1978:22), jistgħux jiġu applikati fil-kuntest tal-kawża li biha ġiet adita l-qorti tar-rinviju.

19

Fit-tielet lok, din il-qorti tqis li, sabiex jiġi vverifikat jekk l-elementi li jikkostitwixxu l-ksur imsemmi fl-Artikolu 102 TFUE humiex issodisfatti, għandha tiġi deċiża l-kwistjoni dwar jekk l-awtorità tal-kompetizzjoni Ċeka kinitx obbligata turi li l-prattika tariffarja inkwistjoni kellha effett antikompetittiv jew jekk din l-awtorità setgħetx tibbaża ruħha fuq sempliċi riskju ta’ distorsjoni tal-kompetizzjoni.

20

Fir-raba’ u l-aħħar lok, il-qorti tar-rinviju tistaqsi jekk, sabiex tiġi kkonstatata l-eżistenza ta’ ksur tal-Artikolu 102 TFUE, huwiex neċessarju li jintwera li l-prattika tariffarja ta’ OSA affettwat b’mod sinjifikattiv il-kummerċ bejn l-Istati Membri jew jekk huwiex biżżejjed li jintwera li tali effett kien raġonevolment possibbli.

21

F’dawn iċ-ċirkustanzi, il-Krajský soud v Brně (il-Qorti Reġjonali ta’ Brno) iddeċidiet li tissospendi l-proċeduri quddiemha u li tagħmel lill-Qorti tal-Ġustizzja d-domandi preliminari li ġejjin:

“1)

Il-punt (a) [tat-tieni paragrafu] tal-Artikolu 102 [TFUE] jista’ jiġi interpretat fis-sens li tikkostitwixxi abbuż minn pożizzjoni dominanti fis-sens ta’ dan l-artikolu, il-prattika ta’ soċjetà għall-ġestjoni kollettiva li għandha monopolju de facto fi Stat Membru u [li] tapplika għall-operaturi ta’ stabbilimenti ta’ akkomodazzjoni prezzijiet li ma jieħdux inkunsiderazzjoni r-rata attwali ta’ okkupazzjoni tal-kmamar differenti tal-imsemmija stabbilimenti ta’ akkomodazzjoni, inkambju għall-għoti ta’ liċenzji għat-tqegħid għad-dispożizzjoni ta’ xogħlijiet tal-awturi permezz ta’ riċevituri tat-televiżjoni u tar-radju installati fi kmamar intiżi għall-akkomodazzjoni privata ta’ klijenti?

2)

Fil-każ ta’ risposta fl-affermattiv għall-ewwel domanda, hemm lok li tiġi evalwata tali prattika mill-perspettiva (a) tal-applikazzjoni tal-kundizzjonijiet kummerċjali inġusti, jew (b) tal-applikazzjoni ta’ prezzijiet eċċessivi?

[a)]

Jekk l-istandard rilevanti huwa l-applikazzjoni ta’ kundizzjonijiet kummerċjali inġusti, liema eżami speċifiku għandu jiġi applikat għall-evalwazzjoni [tiegħu]?

[b)]

Jekk l-istandard rilevanti huwa l-applikazzjoni ta’ prezzijiet eċċessivi, liema eżami speċifiku għandu jiġi applikat [għall-evalwazzjoni tiegħu]: l-eżami ‘United Brands’ tas-soltu jew verżjoni adattata tiegħu?

3)

Sabiex jiġi stabbilit ksur tal-punt (a) [tat-tieni paragrafu] tal-Artikolu 102 TFUE li jirriżulta mill-prattika msemmija fl-ewwel domanda magħmula, jeħtieġ li tintwera l-eżistenza ta’ effetti negattivi reali jew potenzjali fuq il-kompetizzjoni (inkluż l-effetti fuq il-benesseri tal-konsumaturi u l-effetti tal-isfruttament tal-prattika tal-entità dominanti)?

4)

Sabiex jiġi stabbilit ksur tal-punt (a) [tat-tieni paragrafu] tal-Artikolu 102 TFUE li jirriżulta mill-prattika msemmija fl-ewwel domanda magħmula, jeħtieġ li jintwera li l-imsemmija prattika taffettwa b’mod sostanzjali l-kummerċ bejn l-Istati Membri tal-Unjoni, jew huwa biżżejjed li wieħed jista’ raġonevolment jippreżumi l-possibiltà ta’ tali effett mingħajr ma jkun neċessarju li tiġi eżaminata il-portata reali tiegħu?”

Fuq id-domandi preliminari

Fuq l-ewwel u t-tieni domanda

22

Permezz tal-ewwel żewġ domandi tagħha, li għandhom jiġu eżaminati flimkien, il-qorti tar-rinviju tistaqsi, essenzjalment, jekk il-punt (a) tat-tieni paragrafu tal-Artikolu 102 TFUE għandux jiġi interpretat fis-sens li l-fatt li soċjetà għall-ġestjoni kollettiva ma tiħux inkunsiderazzjoni r-rata ta’ okkupazzjoni tal-lukandi għall-kalkolu tar-royalties dovuti inkambju għall-għoti, lil dawn il-lukandi, ta’ liċenzja għat-tqegħid għad-dispożizzjoni ta’ xogħlijiet protetti mid-drittijiet tal-awtur, jikkostitwixxi abbuż minn pożizzjoni dominanti li jikkonsisti fi prattika ta’ prezzijiet jew ta’ kundizzjonijiet oħra ta’ tranżazzjoni inġusti.

23

Għandu jitfakkar, qabel kollox, li, bis-saħħa tal-Artikolu 3(1) tad-Direttiva 2001/29, l-awturi għandhom dritt ta’ natura preventiva li jippermettilhom jinterferixxu bejn utenti potenzjali tax-xogħol tagħhom u l-komunikazzjoni lill-pubbliku li dawn l-utenti jistgħu jikkunsidraw li jwettqu, u dan sabiex jipprojbixxu li din issir (sentenza tal‑20 ta’ Ġunju 2024, GEMA, C‑135/23, EU:C:2024:526, punt 17 u l-ġurisprudenza ċċitata).

24

Fir-rigward tal-lukandi, il-Qorti tal-Ġustizzja spjegat li t-tqegħid għad-dispożizzjoni ta’ apparati tar-radju jew tat-televiżjoni kapaċi jirċievu sinjali u b’hekk ixandru xogħlijiet protetti fil-kmamar ta’ dawn il-lukandi jikkostitwixxi komunikazzjoni lill-pubbliku fis-sens tal-Artikolu 3(1) li tippermetti lill-klijenti jkollhom aċċess għal tali xogħlijiet, u dan mingħajr ma jkun determinanti jekk dawn jużawx din il-possibbiltà jew le (ara, f’dan is-sens, is-sentenzi tas‑7 ta’ Diċembru 2006, SGAE, C‑306/05, EU:C:2006:764, punt 43, kif ukoll tal‑20 ta’ Ġunju 2024, GEMA, C‑135/23, EU:C:2024:526, punt 33 u l-ġurisprudenza ċċitata).

25

F’dan ir-rigward, il-Qorti tal-Ġustizzja kkunsidrat li, abitwalment, ikun hemm suċċessjoni rapida tal-klijenti ta’ tali lukanda, u li, ġeneralment, ikun numru pjuttost kbir ta’ persuni, b’tali mod li dawn ikollhom jitqiesu bħala pubbliku (ara, f’dan is-sens, is-sentenza tas‑7 ta’ Diċembru 2006, SGAE, C‑306/05, EU:C:2006:764, punt 38).

26

Barra minn hekk, l-intervent ta’ lukanda li jagħti aċċess għax-xogħlijiet imxandra lill-klijenti tagħha għandu jitqies bħala provvista ta’ servizz supplimentari mwettaq bl-għan li jinkiseb ċertu benefiċċju, ġaladarba l-offerta ta’ dan is-servizz għandha influwenza fuq ir-reputazzjoni tal-lukanda u, għaldaqstant, fuq il-prezz tal-kmamar (ara, f’dan is-sens, is-sentenza tas‑7 ta’ Diċembru 2006, SGAE, C‑306/05, EU:C:2006:764, punt 44).

27

Sussegwentement, għandu jitfakkar li soċjetà għall-ġestjoni kollettiva li għandha, fit-territorju ta’ Stat Membru, monopolju għall-ġestjoni tad-drittijiet tal-awtur relatati ma’ kategorija ta’ xogħlijiet protetti u li tqiegħed, b’korrispettiv ta’ ħlas ta’ royalties, dawn ix-xogħlijiet għad-dispożizzjoni ta’ operaturi ekonomiċi sabiex dawn ikunu jistgħu jikkomunikawhom lill-pubbliku, għandha titqies li hija impriża li għandha pożizzjoni dominanti fuq parti sostanzjali tas-suq intern, fis-sens tal-Artikolu 102 TFUE (ara, f’dan is-sens, is-sentenza SABAM, punti 26 u 27 kif ukoll il-ġurisprudenza ċċitata). F’dan il-każ, kif ġie indikat fil-punt 7 ta’ din is-sentenza, huwa paċifiku li OSA għandha tali pożizzjoni dominanti.

28

Barra minn hekk, għandu jiġi rrilevat li meta l-allegata natura inġusta tal-aġir ta’ tali soċjetà għall-ġestjoni kollettiva tirrigwarda l-livell ta’ dawn ir-royalties, jiġifieri l-prezz ipprattikat bħala tali, u mhux kundizzjonijiet oħra ta’ dan it-tqegħid għad-dispożizzjoni, dan l-iffissar għandu jiġu evalwat fid-dawl tal-kriterji relatati mal-prezzijiet eċċessivi.

29

Għalhekk, tali aġir jista’ jikkostitwixxi abbuż ipprojbit mill-Artikolu 102 TFUE jekk, meta jiffissa l-livell ta’ dawn ir-royalties, din is-soċjetà tapplika prezz eċċessiv, mingħajr relazzjoni raġonevoli mal-valur ekonomiku tal-provvista ta’ servizz tagħha. Din in-natura potenzjalment eċċessiva tar-royalties għandha tiġi evalwata fid-dawl taċ-ċirkustanzi kollha tal-każ ineżami (ara, f’dan is-sens, is-sentenza SABAM, punti 28 u 29 kif ukoll il-ġurisprudenza ċċitata).

30

F’dan ir-rigward, għandu jittieħed inkunsiderazzjoni mhux biss il-valur ekonomiku tas-servizz ta’ ġestjoni kollettiva meħud bħala tali, iżda wkoll in-natura u l-portata tal-użu tax-xogħlijiet, kif ukoll il-valur ekonomiku ġġenerat minn dan l-użu (ara, f’dan is-sens, is-sentenza SABAM, punt 30).

31

Għalkemm, kif tfakkar fil-punt 24 ta’ din is-sentenza, it-tqegħid għad-dispożizzjoni ta’ sinjali u ta’ apparati tar-radju jew tat-televiżjoni fil-kmamar ta’ lukanda jikkostitwixxi komunikazzjoni lill-pubbliku, fis-sens tal-Artikolu 3(1) tad-Direttiva 2001/29, mingħajr ma huwa rilevanti jekk dan il-pubbliku, kompost mill-klijenti preżenti f’dan l-istabbiliment, jagħżilx li jaċċedi jew le għax-xogħlijiet hekk imqiegħda għad-dispożizzjoni, min-naħa l-oħra għandu jiġi kkunsidrat, fir-rigward tal-Artikolu 102 TFUE, li n-numru ta’ persuni li jikkomponu l-imsemmi pubbliku huwa element rilevanti sabiex jiġu stmati, minn naħa, il-portata tal-użu potenzjali tax-xogħlijiet protetti mid-drittijiet tal-awtur u, min-naħa l-oħra, il-benefiċċju, imsemmi fil-punt 26 ta’ din is-sentenza, li l-lukanda tista’ tikseb mil-liċenzja li hija takkwista mingħand is-soċjetà għall-ġestjoni kollettiva. Għaldaqstant, ir-rata ta’ okkupazzjoni tal-lukandi hija ċirkustanza li għandha tittieħed inkunsiderazzjoni sabiex tiġi evalwata, bl-għajnuna ta’ mudell statistiku jew fuq il-bażi ta’ kriterji oħra, sakemm dawn ikunu oġġettivi, stabbli, faċilment aċċessibbli u verifikabbli, il-portata tal-użu tax-xogħlijiet u l-valur ekonomiku li jirrappreżenta l-użu tagħhom u, għalhekk, sabiex jiġi ddeterminat jekk ir-royalties mitluba għall-għoti tal-liċenzji li jippermettu l-komunikazzjoni tax-xogħlijiet lill-pubbliku humiex “inġusti”, fis-sens tal-punt (a) tat-tieni paragrafu tal-Artikolu 102 TFUE.

32

F’dan ir-rigward, xejn ma jippermetti li jitqies li, f’sitwazzjonijiet li jinvolvu lukandi, hija irrilevanti l-ġurisprudenza mfakkra u ppreċiżata mill-Qorti tal-Ġustizzja fil-punti 30 u 41 tas-sentenza SABAM, li skontha l-korrispettiv dovut għall-komunikazzjoni tax-xogħlijiet protetti lill-pubbliku, ikkostitwit mill-ħlas stabbilit mis-soċjetà għall-ġestjoni kollettiva, għandu jiġi analizzat fid-dawl tan-natura u tal-portata tal-użu ta’ dawn ix-xogħlijiet, kif ukoll tal-valur tal-użu tal-imsemmija xogħlijiet fl-iskambji ekonomiċi, li jiddependi b’mod partikolari min-numru reali ta’ persuni li jgawdu mill-istess xogħlijiet.

33

Għalhekk, bħala prinċipju, ma jistax jiġi aċċettat li soċjetà għall-ġestjoni kollettiva titlob, mingħand il-lukandi, royalties li ma jiħdux inkunsiderazzjoni l-fatt li parti sinjifikattiva tal-kmamar tagħhom hija inaċċessibbli għall-klijenti, minħabba, pereżempju, tnaqqis staġjonali tal-attività tagħhom, għeluq parzjali minħabba rinnovazzjoni, jew sitwazzjoni eċċezzjonali bħalma hija kriżi sanitarja.

34

B’mod iktar ġenerali, ir-royalty applikata minn din is-soċjetà, filwaqt li tista’ tkun ibbażata fuq tariffi fissi, għandha tieħu inkunsiderazzjoni, minn tal-inqas, stima tal-kwantità realment użata ta’ xogħlijiet protetti mid-drittijiet tal-awtur (ara, f’dan is-sens, is-sentenza SABAM, punt 50).

35

Fid-dawl taċ-ċirkustanzi kollha tal-każ, inkluż fid-dawl tad-disponibbiltà u tal-affidabbiltà tad-data dwar ir-rata ta’ okkupazzjoni tal-lukandi, kif ukoll tal-għodod teknoloġiċi eżistenti (ara, f’dan is-sens, is-sentenza SABAM, punt 55), il-qorti tar-rinviju għandha tevalwa jekk kienx possibbli għal OSA, mingħajr żieda sproporzjonata tal-ispejjeż sostnuti minnha għall-finijiet tal-ġestjoni tal-kuntratti li jorbtuha mal-utenti tax-xogħlijiet protetti u tas-sorveljanza tal-użu tax-xogħlijiet protetti mid-drittijiet tal-awtur, li tieħu inkunsiderazzjoni, fl-elaborazzjoni tar-royalties, tar-rata ta’ okkupazzjoni prevedibbli tal-lukandi.

36

Għaldaqstant, ma jistax jiġi eskluż li l-metodu ta’ kalkolu tar-royalties applikat minn OSA, mingħajr teħid inkunsiderazzjoni tar-rata ta’ okkupazzjoni tal-lukandi, għandu jiġi kklassifikat bħala “inġust”, fis-sens tal-Artikolu 102 TFUE. Fil-fatt, fil-każ li metodu ta’ kalkolu tar-royalties li jieħu inkunsiderazzjoni din ir-rata ta’ okkupazzjoni jkun jista’ jintuża bi spiża raġonevoli u jkun jimplika tnaqqis sostanzjali tal-ammont tar-royalties, allura l-użu tal-metodu attwali ta’ kalkolu tagħhom jkun jista’ jitqies li jwassal għal prezzijiet inġusti, fis-sens tal-punt (a) tat-tieni paragrafu ta’ din id-dispożizzjoni tal-Artikolu 102 TFUE.

37

Il-konklużjoni preċedenti hija bla ħsara għall-obbligu tal-qorti tar-rinviju li tieħu inkunsiderazzjoni kull element ieħor li huwa wkoll rilevanti sabiex jiġi evalwat jekk il-livell tar-royalties huwiex ġust jew le. Tali elementi jistgħu jikkorroboraw jew jinvalidaw l-indikazzjoni ta’ abbuż minn pożizzjoni dominanti li jista’, jekk ikun il-każ, jirriżulta min-nuqqas ta’ teħid inkunsiderazzjoni tar-rata ta’ okkupazzjoni tal-lukandi.

38

B’hekk, minn ġurisprudenza stabbilita sew jirriżulta li meta soċjetà għall-ġestjoni kollettiva tiffissa royalties fuq livell li huwa kunsiderevolment ogħla minn dawk ipprattikati fl-Istati Membri l-oħra, u sa fejn il-paragun tal-livelli tat-tariffi jkun twettaq fuq bażi omoġenea, din id-differenza għandha titqies bħala indikazzjoni ta’ abbuż minn pożizzjoni dominanti. F’dan ir-rigward, huwa xieraq li t-tariffi tagħha jiġu pparagunati ma’ dawk applikabbli fl-Istati Membri ġirien kif ukoll ma’ dawk applikabbli fi Stati Membri oħra, ikkorreġuti permezz tal-indiċi li jirrifletti l-parità tal-kapaċità ta’ akkwist, dejjem sa fejn l-Istati ta’ referenza jkunu ntgħażlu skont kriterji oġġettivi, xierqa u li jistgħu jiġu vverifikati, u li l-bażi tal-paraguni mwettqa tkun omoġenea (ara, f’dan is-sens, is-sentenza tal‑14 ta’ Settembru 2017, Autortiesību un komunicēšanās konsultāciju aģentūra – Latvijas Autoru apvienība, C‑177/16, EU:C:2017:689, punti 38 u 51).

39

Fl-aħħar nett, fir-rigward tal-kwistjoni dwar jekk, kif issostni OSA, l-evalwazzjoni tan-natura potenzjalment eċċessiva tal-prezzijiet applikati minn soċjetà għall-ġestjoni kollettiva timponix il-ħtieġa li jiġi vverifikat jekk jeżistix nuqqas ta’ proporzjoni eċċessiva bejn l-ispejjeż effettivament sostnuti minn din is-soċjetà u l-prezzijiet applikati, jeħtieġ sempliċement li jiġi rrilevat li, konformement mal-ġurisprudenza tal-Qorti tal-Ġustizzja, l-użu ta’ dan il-paragun bejn il-prezzijiet u l-ispejjeż ma huwiex obbligatorju fil-kuntest ta’ din l-evalwazzjoni, filwaqt li metodi oħra jippermettu li jiġi ddeterminat jekk il-prezzijiet applikati humiex eċċessivi (ara, f’dan is-sens, is-sentenzi tal‑14 ta’ Settembru 2017, Autortiesību un komunicēšanās konsultāciju aģentūra – Latvijas Autoru apvienība, C‑177/16, EU:C:2017:689, punti 36 u 37, u SABAM, punt 31).

40

Għaldaqstant, ir-risposta għall-ewwel żewġ domandi għandha tkun li l-punt (a) tat-tieni paragrafu tal-Artikolu 102 TFUE għandu jiġi interpretat fis-sens li l-fatt li soċjetà għall-ġestjoni kollettiva ma tiħux inkunsiderazzjoni r-rata ta’ okkupazzjoni tal-lukandi għall-kalkolu tar-royalties dovuti inkambju għall-għoti, lil dawn l-istabbilimenti, ta’ liċenzja għat-tqegħid għad-dispożizzjoni ta’ xogħlijiet protetti mid-drittijiet tal-awtur jista’, skont iċ-ċirkustanzi rilevanti kollha, jikkontribwixxi għall-konstatazzjoni ta’ abbuż minn pożizzjoni dominanti li jikkonsisti fl-applikazzjoni ta’ prezzijiet inġusti, bil-kundizzjoni li jiġi vverifikat jekk dawn ir-royalties humiex ta’ livell eċċessiv meta mqabbel man-natura u l-portata tal-użu tax-xogħlijiet, kif ukoll mal-valur ekonomiku ġġenerat minn tali użu.

Fuq it-tielet domanda

41

Permezz tat-tielet domanda tagħha, il-qorti tar-rinviju tistaqsi, essenzjalment, jekk il-punt (a) tat-tieni paragrafu tal-Artikolu 102 TFUE għandux jiġi interpretat fis-sens li l-konstatazzjoni ta’ użu abbużiv minn pożizzjoni dominanti teżiġi li awtorità tal-kompetizzjoni tistabbilixxi li l-prattika msemmija tipproduċi effett reali fuq il-kompetizzjoni, b’mod partikolari fuq il-benesseri tal-konsumaturi.

42

Hija ġurisprudenza stabbilita li l-Artikolu 102 TFUE huwa intiż li jissanzjona mhux biss il-prattiki li jistgħu jikkawżaw dannu dirett lill-konsumaturi, iżda wkoll dawk li jikkawżawlhom dannu indirettament billi jippreġudikaw struttura ta’ kompetizzjoni effettiva (sentenza tat‑12 ta’ Mejju 2022, Servizio Elettrico Nazionale et, C‑377/20, EU:C:2022:379, punt 44 kif ukoll il-ġurisprudenza ċċitata).

43

Għaldaqstant, awtorità tal-kompetizzjoni tissodisfa l-oneru tal-prova li jkollha fuqha jekk turi li prattika ta’ impriża f’pożizzjoni dominanti tista’ tippreġudika, billi tuża riżorsi jew mezzi oħra li ma humiex dawk li jirregolaw kompetizzjoni normali, struttura ta’ kompetizzjoni effettiva mingħajr ma jkun neċessarju għal din l-awtorità li turi li l-imsemmija prattika għandha, barra minn hekk, il-kapaċità li tikkawża dannu dirett lill-konsumaturi. L-impriża dominanti kkonċernata tista’ madankollu tevita l-projbizzjoni ddikjarata fl-Artikolu 102 TFUE billi turi li l-preġudizzju għal struttura ta’ kompetizzjoni effettiva li tista’ tirriżulta mill-prattika inkwistjoni huwa bbilanċjat jew anki megħlub, minn effetti pożittivi għall-konsumaturi (ara, f’dan is-sens, is-sentenzi tat‑12 ta’ Mejju 2022, Servizio Elettrico Nazionale et, C‑377/20, EU:C:2022:379, punt 47, kif ukoll tal‑21 ta’ Diċembru 2023, European Superleague Company, C‑333/21, EU:C:2023:1011, punt 202).

44

Għaldaqstant, ir-risposta għat-tielet domanda għandha tkun li l-punt (a) tat-tieni paragrafu tal-Artikolu 102 TFUE għandu jiġi interpretat fis-sens li l-konstatazzjoni ta’ użu abbużiv minn pożizzjoni dominanti hija ssostanzjata suffiċjentement meta jiġi stabbilit li l-prattika inkwistjoni tista’ tippreġudika struttura ta’ kompetizzjoni effettiva, mingħajr ma jkun neċessarju li jintwera li din il-prattika għandha, barra minn hekk, il-kapaċità li tikkawża dannu dirett lill-konsumaturi.

Fuq ir-raba’ domanda

45

Permezz tar-raba’ domanda tagħha, il-qorti tar-rinviju tistaqsi, essenzjalment, jekk il-punt (a) tat-tieni paragrafu tal-Artikolu 102 TFUE għandux jiġi interpretat fis-sens li awtorità tal-kompetizzjoni hija obbligata turi li prattika abbużiva taffettwa b’mod sinjifikattiv il-kummerċ bejn Stati Membri.

46

F’dan ir-rigward, minn ġurisprudenza stabbilita sew tal-Qorti tal-Ġustizzja jirriżulta li l-interpretazzjoni u l-applikazzjoni tal-kundizzjoni dwar l-effetti fuq il-kummerċ bejn Stati Membri, li jidhru fl-Artikoli 101 u 102 TFUE, għandhom jieħdu bħala punt tat-tluq l-għan ta’ din il-kundizzjoni, li huwa li jiġi ddeterminat, f’dak li jirrigwarda l-leġiżlazzjoni tal-kompetizzjoni, il-qasam tad-dritt tal-Unjoni vis-à-vis dak tal-Istati Membri. Għaldaqstant, kull akkordju u kull prattika li jistgħu jqiegħdu inkwistjoni l-libertà tal-kummerċ bejn l-Istati Membri b’mod li jista’ jkun ta’ dannu għall-kisba tal-għanijiet ta’ suq wieħed bejn l-Istati Membri, b’mod partikolari billi jiġu kkompartimentalizzati s-swieq nazzjonali jew billi tiġi mmodifikata l-istruttura tal-kompetizzjoni fis-suq intern, jaqgħu taħt id-dritt tal-Unjoni (sentenza tal‑14 ta’ Settembru 2017, Autortiesību un komunicēšanās konsultāciju aģentūra – Latvijas Autoru apvienība, C‑177/16, EU:C:2017:689, punt 26 u l-ġurisprudenza ċċitata).

47

Sabiex deċiżjoni, ftehim jew prattika jitqiesu li jaffettwaw il-kummerċ bejn l-Istati Membri, dawn għandhom, fuq il-bażi ta’ numru ta’ punti ta’ fatt u ta’ liġi, jippermettu li jkun possibbli li jiġi previst, bi grad suffiċjenti ta’ probabbiltà, li dawn jkunu jistgħu jkollhom influwenza diretta jew indiretta, attwali jew potenzjali, fuq ix-xejra tal-kummerċ bejn l-Istati Membri, u dan b’mod li jkun hemm tħassib dwar il-fatt li dawn jistgħu jfixklu il-kisba ta’ suq wieħed bejn l-Istati Membri. Barra minn hekk, din l-influwenza għandha tkun sinjifikattiva (sentenza tal‑14 ta’ Settembru 2017, Autortiesību un komunicēšanās konsultāciju aģentūra – Latvijas Autoru apvienība, C‑177/16, EU:C:2017:689, punt 27 u l-ġurisprudenza ċċitata).

48

Il-Qorti tal-Ġustizzja diġà rrikonoxxiet li t-tariffi pprattikati minn soċjetà għall-ġestjoni kollettiva li għandha monopolju jistgħu jipproduċu effett fuq il-kummerċ transkonfinali, bil-konsegwenza li l-Artikolu 102 TFUE huwa applikabbli għal tali sitwazzjoni. Fil-fatt, il-kummerċ bejn Stati Membri jista’ jiġi affettwat mill-prattiki tariffarji ta’ soċjetà għall-ġestjoni kollettiva li għandha monopolju fl-Istat Membru tagħha u li fih tkun responsabbli mill-ġestjoni, minbarra tad-drittijiet ta’ detenturi ċittadini ta’ dan l-Istat, ukoll tad-drittijiet ta’ detenturi barranin (sentenza tal‑14 ta’ Settembru 2017, Autortiesību un komunicēšanās konsultāciju aģentūra – Latvijas Autoru apvienība, C‑177/16, EU:C:2017:689, punti 28 u 29).

49

Għaldaqstant, ir-risposta għar-raba’ domanda għandha tkun li l-punt (a) tat-tieni paragrafu tal-Artikolu 102 TFUE għandu jiġi interpretat fis-sens li awtorità tal-kompetizzjoni hija obbligata turi li prattika abbużiva tista’ taffettwa b’mod sinjifikattiv il-kummerċ bejn Stati Membri. Meta prattika tariffarja ta’ soċjetà għall-ġestjoni kollettiva tiġi kklassifikata bħala abbużiva, huwa biżżejjed, sabiex jintwera li l-kummerċ bejn Stati Membri jista’ jiġi affettwat b’mod sinjifikattiv minn din il-prattika abbużiva, li jiġi stabbilit li din is-soċjetà għall-ġestjoni kollettiva hija responsabbli mhux biss għall-ġestjoni tad-drittijiet tad-detenturi li huma ċittadini tal-Istat Membru li fih għandha monopolju, iżda wkoll ta’ dawk tad-detenturi ta’ Stati Membri oħra.

Fuq l-ispejjeż

50

Peress li l-proċedura għandha, fir-rigward tal-partijiet fil-kawża prinċipali, in-natura ta’ kwistjoni mqajma quddiem il-qorti tar-rinviju, hija dik il-qorti li tiddeċiedi fuq l-ispejjeż. L-ispejjeż sostnuti għas-sottomissjoni tal-osservazzjonijiet lill-Qorti tal-Ġustizzja, minbarra dawk tal-imsemmija partijiet, ma jistgħux jitħallsu lura.

 

Għal dawn il-motivi, Il-Qorti tal-Ġustizzja (It-Tielet Awla) taqta’ u tiddeċiedi:

 

1)

Il-punt (a) tat-tieni paragrafu tal-Artikolu 102 TFUE għandu jiġi interpretat fis-sens li l-fatt li soċjetà għall-ġestjoni kollettiva ma tiħux inkunsiderazzjoni r-rata ta’ okkupazzjoni tal-lukandi għall-kalkolu tar-royalties dovuti inkambju għall-għoti, lil dawn l-istabbilimenti, ta’ liċenzja għat-tqegħid għad-dispożizzjoni ta’ xogħlijiet protetti mid-drittijiet tal-awtur jista’, skont iċ-ċirkustanzi rilevanti kollha, jikkontribwixxi għall-konstatazzjoni ta’ abbuż minn pożizzjoni dominanti li jikkonsisti fl-applikazzjoni ta’ prezzijiet inġusti, bil-kundizzjoni li jiġi vverifikat jekk dawn ir-royalties humiex ta’ livell eċċessiv meta mqabbel man-natura u l-portata tal-użu tax-xogħlijiet, kif ukoll mal-valur ekonomiku ġġenerat minn tali użu.

 

2)

Il-punt (a) tat-tieni paragrafu tal-Artikolu 102 TFUE għandu jiġi interpretat fis-sens li l-konstatazzjoni ta’ użu abbużiv minn pożizzjoni dominanti hija ssostanzjata suffiċjentement meta jiġi stabbilit li l-prattika inkwistjoni tista’ tippreġudika struttura ta’ kompetizzjoni effettiva, mingħajr ma jkun neċessarju li jintwera li din il-prattika għandha, barra minn hekk, il-kapaċità li tikkawża dannu dirett lill-konsumaturi.

 

3)

Il-punt (a) tat-tieni paragrafu tal-Artikolu 102 TFUE għandu jiġi interpretat fis-sens li awtorità tal-kompetizzjoni hija obbligata turi li prattika abbużiva tista’ taffettwa b’mod sinjifikattiv il-kummerċ bejn Stati Membri. Meta prattika tariffarja ta’ soċjetà għall-ġestjoni kollettiva tiġi kklassifikata bħala abbużiva, huwa biżżejjed, sabiex jintwera li l-kummerċ bejn Stati Membri jista’ jiġi affettwat b’mod sinjifikattiv minn din il-prattika abbużiva, li jiġi stabbilit li din is-soċjetà għall-ġestjoni kollettiva hija responsabbli mhux biss għall-ġestjoni tad-drittijiet tad-detenturi li huma ċittadini tal-Istat Membru li fih għandha monopolju, iżda wkoll ta’ dawk tad-detenturi ta’ Stati Membri oħra.

 

Firem


( *1 ) Lingwa tal-kawża: iċ-Ċek.