|
Il-Ġurnal Uffiċjali |
MT Is-serje L |
|
2025/505 |
20.3.2025 |
REGOLAMENT TA’ IMPLIMENTAZZJONI TAL-KUMMISSJONI (UE) 2025/505
tad-19 ta’ Marzu 2025
li jemenda r-Regolament ta’ Implimentazzjoni (UE) 2022/632 fir-rigward tal-prolongazzjoni tal-miżuri temporanji fir-rigward ta’ frott speċifikat li joriġina mill-Arġentina, mill-Brażil, mill-Afrika t’Isfel, mill-Urugwaj u miż-Żimbabwe biex jipprevjenu l-introduzzjoni fit-territorju tal-Unjoni tal-pest Phyllosticta citricarpa (Mc Alpine) Van der Aa u t-tixrid tiegħu
IL-KUMMISSJONI EWROPEA,
Wara li kkunsidra t-Trattat dwar il-Funzjonament tal-Unjoni Ewropea,
Wara li kkunsidrat ir-Regolament (UE) 2016/2031 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tas-26 ta’ Ottubru 2016 dwar il-miżuri protettivi kontra pesti tal-pjanti, li jemenda r-Regolamenti (UE) Nru 228/2013, (UE) Nru 652/2014 u (UE) Nru 1143/2014 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill u li jħassar id-Direttivi tal-Kunsill 69/464/KEE, 74/647/KEE, 93/85/KEE, 98/57/KE, 2000/29/KE, 2006/91/KE u 2007/33/KE (1), u b’mod partikolari l-Artikolu 41(2) tiegħu,
Billi:
|
(1) |
Ir-Regolament ta’ Implimentazzjoni tal-Kummissjoni (UE) 2022/632 (2) jistabbilixxi miżuri fir-rigward tal-frott tas-Citrus L., Fortunella Swingle, Poncirus Raf., u l-ibridi tagħhom, għajr il-frott tas-Citrus aurantium L. u tas-Citrus latifolia Tanaka (“il-frott speċifikat”), li joriġina mill-Arġentina, mill-Brażil, mill-Afrika t’Isfel, mill-Urugwaj u miż-Żimbabwe, biex jipprevjenu l-introduzzjoni fit-territorju tal-Unjoni tal-Phyllosticta citricarpa (McAlpine) Van der Aa (“il-pest speċifikat”) u t-tixrid tiegħu. Dan jiskadi fil-31 ta’ Marzu 2025. |
|
(2) |
Mill-2022, l-Istati Membri rrappurtaw diversi okkorrenzi ta’ nuqqasijiet ta’ konformità minħabba l-preżenza tal-pest speċifikat fl-importazzjonijiet fl-Unjoni tal-frott speċifikat li joriġina mill-Arġentina, mill-Afrika t’Isfel, mill-Urugwaj u miż-Żimbabwe. Barra minn hekk, u minn dik is-sena, ma seħħet l-ebda importazzjoni fl-Unjoni tal-frott taċ-ċitru speċifikat li joriġina mill-Brażil. Għalhekk, ma kienet possibbli l-ebda valutazzjoni tal-livell ta’ konformità tal-Brażil mal-miżuri tar-Regolament ta’ Implimentazzjoni (UE) 2022/632. |
|
(3) |
B’riżultat ta’ dan, jeħtieġ li jinżammu l-miżuri stabbiliti fir-Regolament ta’ Implimentazzjoni (UE) 2022/632 għall-frott speċifikat minn kull wieħed minn dawk il-pajjiżi terzi, peress li dawk il-miżuri għadhom meħtieġa biex ir-riskju fitosanitarju rispettiv għat-territorju tal-Unjoni jinżamm f’livell aċċettabbli. |
|
(4) |
Ir-riskju fitosanitarju, ikkaġunat mill-preżenza tal-pest speċifikat fl-Arġentina, fil-Brażil, fl-Afrika t’Isfel, fl-Urugwaj u fiż-Żimbabwe, u mill-importazzjoni tal-frott speċifikat minn dawk il-pajjiżi terzi fl-Unjoni, ivarja kull sena fir-rigward ta’ kull pajjiż terz ta’ oriġini għall-frott speċifikat. Għaldaqstant, jenħtieġ li jiġi vvalutat aktar abbażi tal-aħħar żviluppi tekniċi u xjentifiċi dwar il-prevenzjoni u l-kontroll tal-pest speċifikat. |
|
(5) |
Għalhekk, jenħtieġ li l-miżuri previsti fir-Regolament ta’ Implimentazzjoni (UE) 2022/632 jinżammu sal-31 ta’ Marzu 2028. |
|
(6) |
Peress li r-Regolament ta’ Implimentazzjoni (UE) 2022/632 jiskadi fil-31 ta’ Marzu 2025, jenħtieġ li dan ir-Regolament japplika mill-1 ta’ April 2025 biex tiġi evitata kwalunkwe lakuna legali. |
|
(7) |
Il-miżuri previsti f’dan ir-Regolament huma f’konformità mal-opinjoni tal-Kumitat Permanenti dwar il-Pjanti, l-Annimali, l-Ikel u l-Għalf, |
ADOTTAT DAN IR-REGOLAMENT:
Artikolu 1
Emendi tar-Regolament ta’ Implimentazzjoni tal-Kummissjoni (UE) 2022/632
Fir-Regolament ta’ Implimentazzjoni (UE) 2022/632, l-Artikolu 11 huwa sostitwit b’dan li ġej:
“Artikolu 11
Data ta’ skadenza
Dan ir-Regolament għandu jiskadi fil-31 ta’ Marzu 2028.”.
Artikolu 2
Dħul fis-seħħ u applikazzjoni
Dan ir-Regolament għandu jidħol fis-seħħ fl-għoxrin jum wara dak tal-pubblikazzjoni tiegħu f’Il-Ġurnal Uffiċjali tal-Unjoni Ewropea.
Għandu japplika mill-1 ta’ April 2025.
Dan ir-Regolament għandu jorbot fl-intier tiegħu u japplika direttament fl-Istati Membri kollha.
Magħmul fi Brussell, id-19 ta’ Marzu 2025.
Għall-Kummissjoni
Il-President
Ursula VON DER LEYEN
(1) ĠU L 317, 23.11.2016, p. 4; ELI: http://data.europa.eu/eli/reg/2016/2031/oj.
(2) Ir-Regolament ta’ Implimentazzjoni tal-Kummissjoni (UE) 2022/632 tat-13 ta’ April 2022 li jistabbilixxi miżuri temporanji fir-rigward ta’ frott speċifikat li joriġina mill-Arġentina, mill-Brażil, mill-Afrika t’Isfel, mill-Urugwaj u miż-Żimbabwe biex jipprevjenu l-introduzzjoni fit-territorju tal-Unjoni tal-pest Phyllosticta citricarpa (Mc Alpine) Van der Aa u t-tixrid tiegħu (ĠU L 117, 19.4.2022, p. 11; ELI: http://data.europa.eu/eli/reg_impl/2022/632/oj).
ELI: http://data.europa.eu/eli/reg_impl/2025/505/oj
ISSN 1977-074X (electronic edition)