Edizzjoni Provviżorja

KONKLUŻJONIJIET TAL-AVUKAT ĠENERALI

NORKUS

ippreżentati fit‑3 ta’ Settembru 2026 (1)

Kawża C‑371/25

FX

vs

Staten genom tillsynsmyndigheten i konkurser

(talba għal deċiżjoni preliminari mressqa mis-Sundsvalls tingsrätt (il-Qorti tal-Ewwel Istanza ta’ Sundsvall, l-Iżvezja))

“Rinviju għal deċiżjoni preliminari – Politika soċjali – Protezzjoni tal-ħaddiema fil-każ ta’ insolvenza tal-persuna li timpjega – Direttiva 2008/94/KE – Stat ta’ insolvenza – Proċedura kollettiva – Ristrutturazzjoni ta’ impriża – Kunċett ta’ ‘insolvenza tal-persuna li timpjega’ – Kumpens għal insolvenza – Ħlas suġġett għall-obbligu tal-ħaddiem li jirreġistra ruħu bħala persuna li qed tfittex impjieg ”






I.      Introduzzjoni

1.        Is-Sundsvalls tingsrätt (il-Qorti tal-Ewwel Istanza ta’ Sundsvall, l-Iżvezja) hija adita b’rikors ippreżentat minn ħaddiem li tkeċċa minn kumpannija Żvediża li kienet is-suġġett ta’ proċedura ta’ ristrutturazzjoni. Dan ir-rikors huwa intiż sabiex jikseb mingħand l-Istat Żvediż il-ħlas ta’ somma bħala garanzija għall-ħlas tal-pretensjonijiet relatati mal-allowance tal-avviż tat-tmiem ta’ impjieg.

2.        F’dan il-kuntest, il-qorti tar-rinviju titlob interpretazzjoni tal-Artikolu 1 u tal-Artikolu 2(1) tad-Direttiva 2008/94/KE (2), moqrija flimkien mal-Artikolu 2(4) ta’ din id-direttiva u mal-Anness A tar-Regolament (UE) 2015/848 (3), kif ukoll tal-Artikolu 12(a) u tal-Artikolu 13 tal-imsemmija direttiva.

3.        B’mod iktar preċiż, id-domandi magħmula mill-qorti Żvediża ser iwasslu lill-Qorti tal-Ġustizzja sabiex tindirizza, b’mod partikolari, il-kwistjoni dwar jekk ħaddiem imkeċċi minn kumpannija suġġetta għal proċedura ta’ ristrutturazzjoni rregolata mid-dritt Żvediż u inkluża fil-lista li tinsab fl-Anness A tar-Regolament 2015/848 għandux dritt, skont id-Direttiva 2008/94, għall-ħlas ta’ somma bħala garanzija għall-pretensjonijiet relatati mal-allowance tal-avviż tat-temm ta’ impjieg, u jekk l-għoti ta’ din il-garanzija jistax ikun suġġett għar-reġistrazzjoni ta’ dan il-ħaddiem mal-Aġenzija Nazzjonali għall-Impjieg. Għalhekk, il-Qorti tal-Ġustizzja ser ikollha, qabel xejn, tiddetermina jekk il-proċedura ta’ ristrutturazzjoni prevista mid-dritt Żvediż u li r-Renju tal-Iżvezja ma nnotifikax konformement ma’ din id-direttiva taqax taħt l-imsemmija direttiva u, sabiex tagħmel dan, ser ikollha tanalizza l-kunċett ta’ “insolvenza” fis-sens ta’ din id-direttiva kif ukoll l-effett tal-inklużjoni ta’ din il-proċedura fl-Anness A ta’ dan ir-regolament. Il-Qorti tal-Ġustizzja ser ikollha tiddeċiedi wkoll dwar l-effett dirett tad-dispożizzjonijiet tal-istess direttiva.

II.    Il-kuntest ġuridiku

A.      Id-dritt tal-Unjoni

4.        Il-premessi 4 u 8, l-Artikolu 1(1) u (2), l-Artikolu 2(1), l-Artikoli 3, 4, u 11, l-Artikolu 12(a) u l-Artikolu 13 u tad-Direttiva 2008/94, kif ukoll il-premessi 10 u 11, l-Artikolu 1(1), il-punt 4 tal-Artikolu 2 u l-Anness A, tar-Regolament 2015/848, huma ta’ importanza partikolari f’din il-kawża.

B.      Id-dritt Żvediż

1.      Il-Liġi dwar il-Proċedura ta’ Ristrutturazzjoni

5.        L-Artikolu 1, li jinsab fil-Kapitolu 1 tal-Lag (2022 :964) om företagsrekonstruktion (il-Liġi dwar il-Proċedura ta’ Ristrutturazzjoni) tas‑16 ta’ Ġunju 2022 (SFS 2022, Nru 964) jipprevedi:

“Din il-liġi tapplika għall-operaturi ekonomiċi li għandhom diffikultajiet finanzjarji u li, wara deċiżjoni ġudizzjarja, jistgħu, fil-kuntest ta’ proċedura speċjali, jorganizzaw mill-ġdid l-impriża tagħhom taħt it-tmexxija ta’ amministratur (proċedura ta’ ristrutturazzjoni).”

6.        Skont l-Artikolu 10, li jinsab fil-Kapitolu 2 ta’ din il-liġi:

“Il-proċedura ta’ ristrutturazzjoni tista’ tinfetaħ biss jekk,

1.      hemm lok li jiġi preżunt li d-debitur ma jistax iħallas id-djun dovuti tiegħu jew li din l-inkapaċità ser isseħħ fil-futur qarib, jew li d-debitur b’xi mod ieħor jinsab f’sitwazzjoni finanzjarja diffiċli li tinvolvi riskju ta’ insolvenza; u

2.      hemm raġunijiet validi sabiex wieħed jemmen li l-vijabbiltà tal-attivitajiet tal-impriża tista’ tiġi żgurata permezz ta’ ristrutturazzjoni.”

7.        L-Artikolu 20, li jinsab fil-Kapitolu 2 tal-imsemmija liġi, jipprovdi:

“Matul il-proċedura ta’ ristrutturazzjoni, id-debitur għandu jżomm il-kontroll fuq l-assi tiegħu.

Madankollu, id-debitur ma jistax, mingħajr il-kunsens tal-amministratur,

1.      jonora l-impenji li nħolqu qabel id-deċiżjoni ta’ ftuħ ta’ proċeduri ta’ ristrutturazzjoni jew jipprovdi garanziji fuq dawn l-impenji,

2.      jidħol f’impenji ġodda li ma jagħmlux parti mill-ġestjoni ta’ kuljum tan-negozju, jew

3.      jittrasferixxi, jiggarantixxi jew iċedi kwalunkwe dritt ieħor fuq beni li huma essenzjali għan-negozju tad-debitur.

Ir-rekwiżit tal-kunsens tal-amministratur jinsab ukoll fl-Artikoli 2 u 9 tal-Kapitolu 3.”

2.      Il-Liġi dwar il-Garanzija għall-Ħlas ta’ Remunerazzjonijiet

8.        L-Artikolu 1 tal-lönegarantilag (il-Liġi dwar il-Garanzija għall-Ħlas ta’ Remunerazzjonijiet) (1992 :497) tal‑4 ta’ Ġunju 1992 (SFS 1992, Nru 497) jipprovdi:

“Bis-saħħa ta’ din il-liġi, l-Istat huwa obbligat iħallas il-pretensjonijiet ta’ remunerazzjoni tal-ħaddiema (garanzija tal-Istat għall-ħlas ta’ remunerazzjonijiet) kontra persuni li jimpjegaw:

1.      li jkunu ġew ddikjarati bħala insolventi fl-Iżvezja jew f’xi pajjiż nordiku ieħor;

2.      li huma s-suġġett ta’ proċedura ta’ ristrutturazzjoni, jew

3.      li, f’pajjiż tal-Unjoni Ewropea (UE) jew taż-Żona Ekonomika Ewropea (ŻEE) għajr l-Iżvezja, huma s-suġġett ta’ proċedura ta’ insolvenza msemmija fl-Artikolu 2(1) tad-[Direttiva 2008/94].”

9.        L-Artikolu 7a ta’ din il-liġi jipprevedi:

“Il-ħlas taħt il-garanzija jkopri wkoll il-pretensjonijiet kumpensatorji marbuta mal-avviż tat-temm ta’ impjieg għall-perijodi li jaqgħu wara l-iskadenza ta’ terminu ta’ xahar mis-sentenza li tiddikjara l-falliment. L-istess japplika fil-każ ta’ deċiżjoni ta’ ftuħ ta’ proċedura ta’ ristrutturazzjoni sa fejn il-ħaddiem ma jkunx wettaq u ma kellux iwettaq xogħol f’isem il-persuna li timpjega matul il-perijodu tal-avviż tat-temm ta’ impjieg tiegħu.

Il-garanzija tapplika għall-pretensjoni kumpensatorja tal-avviż tat-temm ta’ impjieg sal-massimu tal-perijodu tal-avviż kif ikkalkolat skont l-Artikolu 11 tal-lag (1982 :80) om anställningsskydd (il-Liġi (1982 :80) dwar il-Protezzjoni tal-Impjieg). Il-pretensjonijiet kumpensatorji tal-avviż tat-temm ta’ impjieg għall-perijodu li matulu l-ħaddiem ma jwettaq ebda xogħol għal terz jew ma jwettaq ebda attività bħala persuna li taħdem għal rasha għandhom ikunu koperti mill-garanzija biss jekk il-ħaddiem ikun jista’ jipproduċi l-prova li huwa rreġistra ruħu bħala persuna li qed tfittex impjieg mal-Aġenzija Nazzjonali għall-Impjieg. Matul il-perijodu tal-avviż, il-garanzija tkopri biss is-salarju jew ir-remunerazzjonijiet li jeċċedu d-dħul irċevut mill-ħaddiem minħabba attività bħala persuna li taħdem għal rasha jew li huwa rċieva jew kellu jirċievi f’impjieg ieħor matul il-perijodu kopert mis-salarju jew mir-remunerazzjoni. Sabiex jiġi ddeterminat sa fejn il-pretensjoni salarjali jew ta’ remunerazzjoni rċevut matul l-avviż tat-temm ta’ impjieg jaqa’ taħt il-garanzija, hemm lok li d-dħul irċevut fl-istess ħin minn impjieg ieħor jiġi assimilat mal-allowance ta’ attività mogħtija lil parteċipant fi programm ta’ politika tas-suq tax-xogħol, u dan sakemm tali allowance jirrigwarda l-istess perijodu bħas-salarju jew ir-remunerazzjoni u sakemm il-ħaddiem ikun sar eliġibbli għall-allowance wara l-avviż tat-temm ta’ impjieg.

[...]”

III. It-tilwima fil-kawża prinċipali, id-domandi preliminari u l-proċedura quddiem il-Qorti tal-Ġustizzja

10.      Fl‑1 ta’ Settembru 2022, FX tkeċċa mill-impjieg tiegħu ma’ kumpannija stabbilita skont id-dritt Żvediż. Fil-mument tat-tkeċċija, il-kumpannija kienet is-suġġett ta’ proċedura ta’ ristrutturazzjoni (företagsrekonstruktion).

11.      Fl‑1 ta’ Ottubru 2022, ir-relazzjoni ta’ xogħol intemmet. FX ġie eżentat mill-obbligu tiegħu li jaħdem matul il-perijodu ta’ avviż tat-temm ta’ impjieg. Matul dan il-perijodu, FX ma kienx irreġistrat bħala persuna li qiegħda tfittex impjieg mal-Aġenzija Nazzjonali għall-Impjieg.

12.      Fil‑21 ta’ Ottubru 2022, l-amministratur adotta deċiżjoni pożittiva dwar il-garanzija għall-ħlas ta’ remunerazzjonijiet relatati mal-allowance tal-avviż tat-temm ta’ impjieg ta’ FX, inkluż kumpens għal leave mħallas.

13.      Wara t-tmiem tar-relazzjoni ta’ xogħol, FX ippreżenta ċertifikat lil-Länsstyrelsen (il-Prefettura tad-Dipartiment, l-Iżvezja) marbut mal-garanzija tar-remunerazzjonijiet relatati mal-allowance tal-avviż tat-temm ta’ impjieg. F’dan iċ-ċertifikat, FX indika li huwa kien irreġistra ruħu mal-Aġenzija Nazzjonali għall-Impjieg biss wara li r-relazzjoni ta’ xogħol kienet intemmet.

14.      L-amministratur imbagħad adotta deċiżjoni ta’ emenda li biha ċaħad lil FX milli jibbenefika mill-garanzija għall-ħlas ta’ remunerazzjonijiet relatati mal-allowance tal-avviż tat-temm ta’ impjieg, peress li ntebaħ li dan ma kienx ġie rreġistrat mal-Aġenzija Nazzjonali għall-Impjieg matul il-perijodu ta’ avviż tat-temm ta’ impjieg.

15.      Fid‑19 ta’ Jannar 2023, FX ressaq lill-Istat Żvediż quddiem il-qorti tar-rinviju sabiex jikseb il-ħlas ta’ 32 000 krona Żvediża (SEK) (madwar EUR 2 892), flimkien mal-interessi.

16.      Insostenn tar-rikors tiegħu, FX isostni li għandu dritt jibbenefika mill-garanzija tar-remunerazzjonijiet, peress li l-proċedura ta’ ristrutturazzjoni hija proċedura ta’ insolvenza fis-sens tar-Regolament 2015/848 u hija msemmija fil-lista li tinsab fl-Anness A ta’ dan ir-regolament. FX isostni li l-proċeduri ta’ insolvenza nnotifikati mir-Renju tal-Iżvezja skont dan l-Anness A għandhom jitqiesu li jaqgħu wkoll taħt id-Direttiva 2008/94. FX iżid li ma huwiex neċessarju li r-Renju tal-Iżvezja ikun innotifika lill-Kummissjoni Ewropea bil-proċedura ta’ ristrutturazzjoni bħala proċedura ta’ insolvenza sabiex hija taqa’ taħt din id-direttiva. Peress li l-imsemmija direttiva għandha effett dirett, u fid-dawl tas-sentenza van Ardennen (4), ħaddiem ma jistax ikun meħtieġ jirreġistra ruħu mal-Aġenzija Nazzjonali għall-Impjieg sabiex jibbenefika mill-garanzija għall-ħlas ta’ remunerazzjonijiet. L-obbligu ta’ ħaddiem li jirreġistra mal-Aġenzija Nazzjonali għall-Impjieg skont il-Liġi dwar il-Garanzija għall-Ħlas ta’ Remunerazzjonijiet ma huwiex intiż sabiex jevita abbuż fis-sens tal-Artikolu 12 tal-istess direttiva u, konsegwentement, tali obbligu jmur kontra din tal-aħħar.

17.      Il-Gvern Żvediż isostni li d-Direttiva 2008/94 ma hijiex applikabbli, peress li r-Renju tal-Iżvezja ma nnotifikax il-proċedura ta’ ristrutturazzjoni bħala proċedura li taqa’ taħt din id-direttiva, u peress li proċedura ta’ ristrutturazzjoni ma tfissirx li d-debitur huwa insolventi fis-sens tal-Artikolu 2(1) tal-imsemmija direttiva. Skont il-liġi nazzjonali, deċiżjoni ta’ ftuħ ta’ proċeduri ta’ ristrutturazzjoni tista’ tittieħed jekk impriża tiltaqa’ ma’ diffikultajiet li jinvolvu riskju ta’ insolvenza u d-debitur, sakemm ma jkunx previst mod ieħor minn din il-liġi, iżomm il-kontroll tal-assi tiegħu matul il-proċedura.

18.      Il-qorti tar-rinviju tistaqsi jekk persuna li timpjega li hija s-suġġett ta’ proċedura ta’ ristrutturazzjoni, liema proċedura tista’ tiġi ordnata minn qorti meta l-persuna li timpjega tiltaqa’ ma’ diffikultajiet finanzjarji li jinvolvu riskju ta’ insolvenza u li jwasslu għal ċessjoni parzjali tal-assi tagħha, tistax titqies bħala insolventi fis-sens tal-Artikolu 2(1) tal-istess direttiva.

19.      Dik il-qorti tinterpreta s-sentenza van Ardennenfis-sens li l-insolvenza tal-persuna li timpjega, kif iddefinita fl-Artikolu 2(1) tad-Direttiva 2008/94, hija determinanti, minn naħa, għall-applikazzjoni ta’ din id-direttiva u, min-naħa l-oħra, għall-kwistjoni dwar jekk rekwiżiti differenti minn dawk awtorizzati mill-imsemmija direttiva jistgħux jiġu imposti mil-leġiżlazzjoni nazzjonali f’dak li jirrigwarda d-dritt għall-garanzija tar-remunerazzjonijiet mhux imħallsa.

20.      L-imsemmija qorti tirrileva differenza bejn, minn naħa, l-Artikolu 1 u l-Artikolu 2(1) tal-istess direttiva u, min-naħa l-oħra, l-Artikolu 1 tar-Regolament 2015/848. Il-kamp ta’ applikazzjoni ta’ dan l-aħħar artikolu jestendi, skont it-tieni subparagrafu tal-paragrafu 1 tiegħu, għall-proċeduri li fihom teżisti probabbiltà ta’ insolvenza, filwaqt li ma jidhirx li l-Artikolu 1 u l-Artikolu 2(1) tad-Direttiva 2008/94 jinvolvu estensjoni simili. Skont il-leġiżlazzjoni nazzjonali u, b’mod partikolari, l-Artikolu 10 tal-Liġi dwar il-Proċedura ta’ Ristrutturazzjoni, il-probabbiltà ta’ insolvenza tikkostitwixxi preċiżament waħda mill-karatteristiċi tal-proċedura ta’ ristrutturazzjoni.

21.      Huwa f’dawn iċ-ċirkustanzi li s-Sundsvalls tingsrätt (il-Qorti tal-Ewwel Istanza ta’ Sundsvall) iddeċidiet, permezz ta’ deċiżjoni tat‑30 ta’ Mejju 2025, li waslet għand il-Qorti tal-Ġustizzja fl‑4 ta’ Ġunju 2025, li tissospendi l-proċeduri quddiemha u li tagħmel lill-Qorti tal-Ġustizzja d-domandi preliminari li ġejjin:

“1)      Persuna li timpjega għandha titqies li hija fi stat ta’ insolvenza fis-sens tal-Artikoli 1 u 2(1) tad-Direttiva 2008/94/KE tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tat‑22 ta’ Ottubru 2008 dwar il-protezzjoni ta’ l-impjegati fil-każ ta’ l-insolvenza ta’ min iħaddimhom (iktar ’il quddiem id-‘Direttiva dwar il-protezzjoni fil-każ ta’ insolvenza’) meta l-persuna li timpjega hija s-suġġett ta’:

(a)      ristrutturazzjoni tal-kumpannija skont id-dritt nazzjonali, li jista’ jkun ordnat minn qorti nazzjonali u li jfisser li bejjiegħ jew fornitur f’diffikultajiet finanzjarji li jinkludu probabbiltà ta’ insolvenza jista’, fi proċeduri speċjali, jagħmel ristrutturazzjoni tan-negozju tiegħu taħt id-direzzjoni ta’ amministratur, li matulhom il-kontroll tal-bejjiegħ jew fornitur fuq l-assi tiegħu jkun parzjalment ristrett?

(b)      proċeduri elenkati fl-Anness A tar-Regolament (UE) Nru 2015/848 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tal‑20 ta’ Mejju 2015 dwar proċedimenti ta’ insolvenza (iktar ’il quddiem ir-“Regolament dwar l-insolvenza”), li għalhekk jikkostitwixxu proċeduri ta’ insolvenza skont l-Artikolu 2(4) tar-Regolament dwar l-insolvenza?

2)      Jekk xi waħda mid-domandi preċedenti, jew it-tnejn li huma, jingħataw risposta fl-affermattiv, ir-ristrutturazzjoni ta’ kumpannija jista’ jitqies bħala proċeduri ta’ insolvenza skont id-Direttiva dwar il-protezzjoni fil-każ ta’ insolvenza, anki jekk Stat Membru ma jkunx ikkomunika r-ristrutturazzjoni ta’ kumpannija bħala proċeduri li jaqgħu fil-portata tad-Direttiva, meta dan l-Istat Membru jkun ikkomunika r-ristrutturazzjoni ta’ kumpannija bħala proċeduri ta’ insolvenza skont ir-Regolament dwar l-insolvenza?

3)      Jekk ir-risposta għad-domanda preċedenti tkun fl-affermattiv, l-Artikolu 12 tad-Direttiva dwar il-protezzjoni fil-każ ta’ insolvenza għandu jiġi interpretat fis-sens li leġiżlazzjoni nazzjonali skont liema huwa impost rekwiżit fuq il-persuna li timpjega li tirreġistra bħala persuna li qed tfittex impjieg mas-servizz pubbliku tal-impjiegi sabiex il-garanzija tal-pagi tkopri s-salarju tan-notice għall-perijodu li matulu l-impjegat ma jkunx wettaq xogħol għal parti oħra, hija inkompatibbli mad-Direttiva (ara s-sentenza [van Ardennen])?

4)      Jekk ir-risposta għad-domanda preċedenti tkun fl-affermattiv, id-Direttiva dwar il-protezzjoni fil-każ ta’ insolvenza għandha tiġi interpretata fis-sens li persuna li timpjega tista’ tibbaża ruħha fuq id-dritt għal garanzija tal-pagi u għalhekk tibbaża t-talba għal paga pendenti tagħha direttament fuq id-Direttiva (ara s-sentenza fil-Kawża C‑441/99)?”

22.      Ġew ippreżentati osservazzjonijiet bil-miktub quddiem il-Qorti tal-Ġustizzja mill-Gvern Żvediż, l-Irlanda, mill-Gvern Spanjol, u mill-Gvern Norveġiż, kif ukoll mill-Kummissjoni. FX, li ma ppreżentax osservazzjonijiet bil-miktub, u dawn l-istess partijiet ikkonċernati pparteċipaw fis-seduta li nżammet fis‑7 ta’ Mejju 2026.

IV.    Analiżi

23.      F’din il-kawża, il-qorti tar-rinviju għamlet erba’ domandi preliminari. Filwaqt li l-ewwel u t-tieni domanda jirrigwardaw il-punt dwar jekk il-proċedura ta’ ristrutturazzjoni prevista mid-dritt Żvediż taqax taħt id-Direttiva 2008/94, it-tielet domanda tikkonċerna l-eventwali subordinazzjoni tal-għoti tal-garanzija prevista minn din id-direttiva għar-reġistrazzjoni tal-ħaddiem ikkonċernat mal-Aġenzija Żvediża għall-Impjieg bħala persuna li qed tfittex impjieg. Ir-raba’ domanda tirrigwarda, min-naħa tagħha, il-possibbiltà li l-pretensjoni ta’ remunerazzjoni mhux imħallsa tiġi bbażata direttament fuq l-imsemmija direttiva. Barra minn hekk, it-tieni sar-raba’ domanda preliminari jsegwu sekwenza loġika li titqajjem kemm-il darba l-Qorti tal-Ġustizzja tagħti risposta fl-affermattiv għad-domanda li tippreċedihom. Ser neżamina l-ewwel żewġ domandi flimkien kif ukoll it-tielet u r-raba’ domanda fl-istess ordni.

24.      Mill-osservazzjonijiet bil-miktub ippreżentati mill-Gvern Żvediż, li rrisponda biss għall-ewwel domanda, mill-Irlanda, mill-Gvern Spanjol u minn dak Norveġiż, li rrispondew biss għall-ewwel u għat-tieni domandi, kif ukoll mill-Kummissjoni, jirriżulta li dawn il-partijiet intervenjenti jagħtu risposti differenti, ibbażati fuq raġunamenti distinti, għad-domandi preliminari magħmula mill-qorti tar-rinviju.

25.      B’mod ġenerali, il-Gvern Żvediż, l-Irlanda u l-Gvern Norveġiż iqisu li l-proċedura ta’ ristrutturazzjoni inkwistjoni fil-kawża prinċipali ma taqax taħt id-Direttiva 2008/94. Min-naħa tagħhom, FX, li ppreżenta biss osservazzjonijiet orali, il-Gvern Spanjol u l-Kummissjoni jiddefendu l-pożizzjoni opposta.

26.      Infakkar qabelxejn li skont ġurisprudenza stabbilita, hija biss il-qorti tar-rinviju li għandha ġurisdizzjoni sabiex tikkonstata u tevalwa l-fatti tal-kawża li jkollha quddiemha kif ukoll sabiex tinterpreta u tapplika d-dritt nazzjonali. (5). Madankollu, mitluba tagħti lil din il-qorti risposta utli fil-kuntest tal-proċedura ta’ kooperazzjoni stabbilita mill-Artikolu 267 TFUE, il-Qorti tal-Ġustizzja għandha ġurisdizzjoni sabiex tagħti lill-imsemmija qorti indikazzjonijiet ibbażati fuq il-proċess tal-kawża prinċipali kif ukoll fuq l-osservazzjonijiet bil-miktub li jkunu ġew sottomessi lilha, li jkunu ta’ natura li jippermettu lill-istess qorti tiddeċiedi (6).

A.      Fuq l-ewwel u t-tieni domandi preliminari

27.      Permezz tal-ewwel u tat-tieni domanda tagħha, li għandhom jiġu eżaminati flimkien, il-qorti tar-rinviju tistaqsi, essenzjalment, jekk l-Artikolu 1 u l-Artikolu 2(1) tad-Direttiva 2008/94 għandhomx jiġu interpretati fis-sens li persuna li timpjega tista’ titqies li tinsab fi “stat ta’ insolvenza” meta tkun ġiet suġġetta għal proċedura ta’ ristrutturazzjoni inkluża fl-Anness A tar-Regolament 2015/848, liema proċedura tista’ tiġi ordnata minn qorti nazzjonali biex tippermetti lil operatur ekonomiku li għaddej minn diffikultajiet finanzjarji li jinvolvu riskju ta’ insolvenza li jorganizza mill-ġdid l-attività tiegħu taħt id-direzzjoni ta’ amministratur, u li matulha l-istess operatur ikun parzjalment żvestit mill-assi tiegħu, u jekk dan kollu jibqax minnu anki fejn l-Istat Membru kkonċernat ma jkunx innotifika l-imsemmija proċedura skont mal-Artikolu 13 ta’ din id-direttiva.

28.      Kif indikajt iktar ’il fuq, il-partijiet ikkonċernati jaqblu dwar l-interpretazzjoni tal-Artikolu 2(1) tal-imsemmija direttiva. Il-Gvern Żvediż u dak Norveġiż isostnu, essenzjalment, li l-kunċett ta’ “insolvenza” ma huwiex armonizzat fi ħdan l-Unjoni. Skont dawn il-gvernijiet, il-fatt li l-proċedura Żvediża ta’ ristrutturazzjoni hija inkluża fl-Anness A ta’ dan r-regolament ma jikkostitwixxix element determinanti sabiex jiġi meqjus jekk din il-proċedura taqax fil-kamp ta’ applikazzjoni tal-istess direttiva. Min-naħa tagħha, l-Irlanda tqis li l-applikazzjoni tad-Direttiva 2008/94 teħtieġ li l-imsemmija proċedura tkun ibbażata fuq insolvenza reali b’tali mod li twassal għaċ-ċessjoni parzjali jew totali tal-assi tal-persuna li timpjega jew restrizzjoni tal-kontroll ekwivalenti.

29.      Għall-kuntrarju, FX u l-Gvern Spanjol iqisu li l-proċeduri ta’ insolvenza ma humiex limitati għal dawk ta’ stralċ u jistgħu jinkludu wkoll proċeduri oħrajn. Min-naħa tagħha, il-Kummissjoni ssostni li l-espressjoni “għandu jitqies bħala fi stat ta’ insolvenza”, li tinsab fl-Artikolu 2(1) ta’ din id-direttiva, ma tkoprix biss is-sitwazzjonijiet li fihom l-istralċ ta’ kumpannija huwa ċert u imminenti. Fil-fatt, dawn il-partijiet interessati jsostnu li l-fatt li l-proċedura ta’ ristrutturazzjoni tinsab fl-Anness A tal-imsemmi regolament jista’ jkun wieħed mill-elementi rilevanti sabiex jiġi ddeterminat jekk proċedura taqax fil-kamp ta’ applikazzjoni tal-imsemmija direttiva.

30.      Fir-rigward taċ-ċirkustanza tan-nuqqas ta’ notifika skont l-Artikolu 13 ta’ din l-istess direttiva, il-partijiet interessati kollha li ppreżentaw osservazzjonijiet bil-miktub u/jew orali, bl-eċċezzjoni tal-Gvern Norveġiż, iqisu li tali nuqqas ma għandux l-effett li jeskludi l-proċedura kkonċernata mill-kamp ta’ applikazzjoni tad-Direttiva 2008/94.

31.      Għalhekk, sabiex tingħata risposta utli għall-ewwel żewġ domandi preliminari, ser nesponi, fl-ewwel lok, xi kunsiderazzjonijiet dwar il-kundizzjonijiet ta’ applikazzjoni tal-Artikolu 2(1) ta’ din id-direttiva (Taqsima 1). Fit-tieni lok, ser nanalizza r-rwol tad-dritt nazzjonali fid-determinazzjoni tal-kamp ta’ applikazzjoni tal-imsemmija direttiva (Taqsima 2). Fit-tielet lok, ser neżamina l-kunċett ta’ “insolvenza ta’ dak li jħaddem” fis-sens ta’ din id-dispożizzjoni (Taqsima 3), billi nippreċiża l-effett li għandha l-inklużjoni tal-proċedura ta’ ristrutturazzjoni Żvediża fil-lista li tinsab fl-Anness A tar-Regolament 2015/848 fuq l-applikazzjoni tal-istess direttiva (Taqsima 4). Fl-aħħar nett, ser nippreżenta konklużjoni intermedja dwar dawn iż-żewġ domandi (Taqsima 5).

1.      Kunsiderazzjonijiet ġenerali dwar il-kundizzjonijiet għall-applikazzjoni tal-Artikolu 2(1) tad-Direttiva 2008/94: il-konstatazzjoni tal-istat ta’ insolvenza tal-persuna li timpjega

32.      Nirrileva qabelxejn li ma hijiex id-definizzjoni tal-kunċett ta’ “insolvenza”, fis-sens li tingħata lil proċedura kollettiva nazzjonali, li hija l-oriġini tad-dubji tal-qorti tar-rinviju, iżda dik ta’ “stat ta’ insolvenza”, għall-finijiet tad-Direttiva 2008/94, u li fuqha jiġi ddeterminat jekk persuna li timpjega suġġetta għal proċedura kollettiva ta’ ristrutturazzjoni prevista mid-dritt Żvediż taqax taħt dan l-aħħar kunċett u, b’hekk, taħt din id-direttiva. Il-Qorti tar-rinviju tindika għalhekk li l-Artikolu 1 u l-Artikolu 2(1) tal-imsemmija direttiva għandhom jiġu interpretati sabiex jiġi ddeterminat jekk FX għandux dritt, skont l-istess direttiva, li jibbenefika mill-garanzija għall-ħlas ta’ remunerazzjonijiet inkwistjoni fil-kawża prinċipali.

33.      F’dak li jirrigwarda l-kamp ta’ applikazzjoni ratione materiae tal-istess direttiva, infakkar li l-Artikolu 1(1) tagħha jipprovdi li din tapplika għall-pretensjonijiet ta’ ħaddiema li jirriżultaw mill-kuntratti ta’ xogħol jew minn relazzjonijiet ta’ xogħol u dawk eżistenti kontra persuni li jimpjegaw meta jkunu fi stat ta’ insolvenza. Kif diġà ddikjarat il-Qorti tal-Ġustizzja, din l-aħħar dispożizzjoni tiddefinixxi l-kamp ta’ applikazzjoni ta’ din id-direttiva u, għalhekk, tikkundizzjona l-bidu tal-garanzija kif prevista mill-imsemmija direttiva (7). L-istat ta’ insolvenza tal-persuna li timpjega huwa għalhekk determinanti sabiex jiġi kkunsidrat li proċedura taqa’ fil-kamp ta’ applikazzjoni tal-imsemmija direttiva. Barra minn hekk, sabiex tiddefinixxi taħt liema kundizzjonijiet persuna li timpjega titqies li tinsab fi stat ta’ insolvenza “[g]ħall-finijiet [D]irettiva 2008/94]” (korsiv miżjud minni), l-imsemmija dispożizzjoni tirreferi għall-Artikolu 2(1) tagħha.

34.      F’dan ir-rigward, l-Artikolu 2(1) ta’ din id-direttiva jipprovdi li persuna li timpjega għandha titqies li tinsab fi stat ta’ insolvenza meta tkun saret talba għall-ftuħ ta’ proċeduri kollettivi bbażati fuq l-insolvenza tal-persuna li timpjega, kif ikun previst mil-liġijiet, regolamenti u dispożizzjonijiet amministrattivi ta’ Stat Membru, u li jinvolvu ċ-ċessjoni parzjali jew totali tal-assi tal-persuna li timpjega u l-ħatra ta’ stralċjarju jew ta’ persuna li twettaq kompitu simili, u l-awtorità li tkun kompetenti skont dawn id-dispożizzjonijiet tkun jew iddeċidiet li tiftaħ il-proċeduri (Artikolu 2(1)(a) tal-imsemmija direttiva), jew stabbilixxiet li l-impriża jew in-negozju tal-persuna li timpjega ingħalqu b’mod definittiv u li l-assi disponibbli ma jkunux suffiċjenti sabiex jiġġustifikaw il-ftuħ tal-proċeduri (Artikolu 2(1)(b) tal-istess direttiva).

35.      Għaldaqstant, l-applikazzjoni tad-Direttiva 2008/94 u, bħala konsegwenza, tal-garanzija prevista minnha, tiddependi mill-konstatazzjoni tal-istat ta’ insolvenza tal-persuna li timpjega, li l-portata tagħha, għall-finijiet ta’ din id-direttiva, ġiet iddefinita mil-leġiżlatur tal-Unjoni. F’dan ir-rigward, infakkar li l-Qorti tal-Ġustizzja diġà ppreċiżat li mill-kliem stess tal-Artikolu 2(1) tal-imsemmija direttiva jirriżulta li għandhom jiġu ssodisfatti żewġ kundizzjonijiet sabiex persuna li timpjega titqies li tinsab fi stat ta’ insolvenza. Minn naħa, irid jintalab il-ftuħ ta’ proċedura kollettiva bbażata fuq l-insolvenza tal-persuna li timpjega u, min-naħa l-oħra, għandu jkun hemm jew deċiżjoni ta’ ftuħ ta’ din il-proċedura, jew, fil-każ ta’ insuffiċjenza tal-assi sabiex jiġi ġġustifikat il-ftuħ ta’ tali proċedura, konstatazzjoni tal-għeluq definittiv tal-impriża (8).

36.      B’mod partikolari, fil-kuntest tal-ewwel kundizzjoni, nosserva li l-Artikolu 2(1) tal-istess direttiva jagħmel riferiment espliċitu għad-dritt nazzjonali. Għaldaqstant, jidhirli li huwa utli li tiġi analizzata l-portata ta’ dan ir-riferiment qabel ma tiġi interpretata l-portata tal-kunċett ta’ “insolvenza ta’ dak li jħaddem” fis-sens ta’ din id-dispożizzjoni, u dan sabiex jiġi ddeterminat ir-rwol tad-dritt nazzjonali fid-determinazzjoni tal-kamp ta’ applikazzjoni tad-Direttiva 2008/94.

2.      Fuq ir-rwol tad-dritt nazzjonali fid-definizzjoni tal-kamp ta’ applikazzjoni tad-Direttiva 2008/94

37.      Infakkar li mir-rekwiżiti kemm tal-applikazzjoni uniformi tad-dritt tal-Unjoni kif ukoll tal-prinċipju ta’ ugwaljanza jirriżulta li t-termini ta’ dispożizzjoni tad-dritt tal-Unjoni li ma tagħmel ebda riferiment espliċitu għad-dritt tal-Istati Membri sabiex jiġu ddeterminati t-tifsira u l-portata tagħha għandhom normalment jingħataw, fl-Unjoni kollha, interpretazzjoni awtonoma u uniformi li għandha tiġi mfittxija billi jittieħdu inkunsiderazzjoni l-kuntest tad-dispożizzjoni u l-għan imfittex mil-leġiżlazzjoni inkwistjoni (9).

38.      Madankollu, kif diġà enfasizzajt (10), l-Artikolu 2(1) tad-Direttiva 2008/94 jinkludi riferiment espress “[għal-]liġijiet, regolamenti u d-dispożizzjonijiet amministrattivi ta’ Stat Membru” li skonthom għandu jintalab il-ftuħ ta’ proċeduri kollettivi bbażati fuq l-insolvenza tal-persuna li timpjega. Tali talba għall-ftuħ ta’ proċeduri kollettivi hija l-ewwel waħda miż-żewġ kundizzjonijiet kumulattivi diġà msemmija u li huma meħtieġa mil-leġiżlatur tal-Unjoni sabiex persuna li timpjega titqies li tinsab fi “stat ta’ insolvenza” (11). Għalhekk tqum il-kwistjoni dwar il-portata ta’ dan ir-riferiment.

39.      F’dan ir-rigward, minn naħa, il-leġiżlatur tal-Unjoni ma ssuġġettax kompletament il-kamp ta’ applikazzjoni ta’ din id-direttiva għad-definizzjonijiet ta’ insolvenza previsti mid-dritt tal-Istati Membri (12) iżda ddefinixxa, b’mod awtonomu, il-kundizzjonijiet sabiex jitqies li persuna li timpjega tinsab fi “stat ta’ insolvenza” għall-finijiet tal-imsemmija direttiva. Min-naħa l-oħra, waħda mill-kundizzjonijiet imsemmija fl-Artikolu 2(1) tal-istess direttiva tirreferi għad-dritt nazzjonali. Dan id-dritt għandu rwol peress li, fl-istadju attwali tad-dritt tal-Unjoni, il-proċeduri ta’ insolvenza huma proċeduri nazzjonali, u huwa biss id-dritt nazzjonali li jipprevedi r-rekwiżiti sostantivi għall-ftuħ tagħhom (13). Minn dan isegwi li, peress li l-Artikolu 2(1) tad-Direttiva 2008/94 jitlaq mill-prinċipju tal-ftuħ ta’ proċedura bbażata fuq l-insolvenza tal-persuna li timpjega “kif previst mil-liġijiet, regolamenti u dispożizzjonijiet amministrattivi ta’ Stat Membru”, din il-proċedura nazzjonali taqa’ fil-kamp ta’ applikazzjoni ta’ din id-direttiva meta tkun proċedura kollettiva u meta l-kundizzjonijiet l-oħra previsti fl-Artikolu 2(1) tal-imsemmija direttiva jkunu ssodisfatti (14). Fil-fatt, ir-riferiment, magħmula mil-leġiżlatur tal-Unjoni, għad-dritt nazzjonali fid-definizzjoni tal-kamp ta’ applikazzjoni tal-istess direttiva jikkostitwixxi “bieb ta’ dħul” għall-eżami tat-tieni kundizzjoni prevista fl-Artikolu 2(1) tad-Direttiva 2008/94. Għalhekk, id-dritt nazzjonali u d-dritt tal-Unjoni jinteraġixxu sabiex tiġi applikata jew, għall-kuntrarju, tiġi eskluża l-applikazzjoni ta’ din id-direttiva għal ċerti proċeduri nazzjonali (15).

40.      Fl-istess linja ta’ ideat, nirrileva li, minkejja li hemm ftehim ġenerali li l-“insolvenza” tinvolvi l-inkapaċità ta’ debitur li jħallas id-djun tiegħu mal-iskadenza tagħhom (16), l-Istati Membri dejjem opponew kull tentattiv ta’ armonizzazzjoni ta’ dan il-kunċett mil-leġiżlatur tal-Unjoni u żammew l-awtonomija tagħhom fid-definizzjoni tiegħu (17). Għalhekk huwa inkontestabbli li, fl-istadju attwali tad-dritt tal-Unjoni, huma jżommu l-ġurisdizzjoni sabiex jiddeterminaw il-kundizzjonijiet materjali li taħthom persuna li timpjega titqies insolventi skont id-dritt nazzjonali.

41.      Madankollu, din il-konklużjoni hija bla ħsara għall-ġurisdizzjoni tal-Qorti tal-Ġustizzja sabiex tinterpreta l-kunċett awtonomu ta’ “stat ta’ insolvenza ta’ dak li jħaddem” għall-finijiet tad-Direttiva 2008/94 (18), liema kunċett jiġbor fih il-proċedura nazzjonali prevista mid-dispożizzjonijiet leġiżlattivi, regolamentari u amministrattivi ta’ Stat Membru bħala wieħed mill-komponenti tiegħu. Għaldaqstant, għandu jiġi ppreċiżat, kif tistaqsi l-qorti tar-rinviju, jekk ir-riferiment mil-leġiżlatur tal-Unjoni għal proċeduri kollettivi bbażati fuq l-insolvenza tal-persuna li timpjega, u prevista mid-dritt ta’ Stat Membru, għandux jinftiehem bħala li jinkludi biss riferiment għal proċeduri nazzjonali li fihom persuna li timpjega hija rrikonoxxuta bħala insolventi stricto sensu skont id-dritt nazzjonali, jew bħala li tinkludi wkoll tipi oħra ta’ proċeduri li fihom persuna li timpjega ma hijiex irrikonoxxuta bħala insolventi iżda li għandhom rabta mal-insolvenza (bħal fil-każ ta’ proċeduri kollettivi ta’ ristrutturazzjoni), kif iddefinit mid-dritt nazzjonali.

42.      Fl-analiżi tiegħi tal-kunċett ta’ “proċeduri kollettivi bbażati fuq l-insolvenza ta’ dak li jħaddem” fis-sens ta’ din id-direttiva, ser nuża d-diversi metodi ta’ interpretazzjoni tad-dritt tal-Unjoni.

3.      Fuq il-portata tal-kunċett ta’ “proċeduri kollettivi bbażati fuq l-insolvenza ta’ dak li jħaddem” fis-sens tal-Artikolu 2(1) tad-Direttiva 2008/94

43.      F’dan il-każ, mill-kuntest ġuridiku ppreżentat mill-qorti tar-rinviju jirriżulta li l-proċedura ta’ ristrutturazzjoni Żvediża inkwistjoni fil-kawża prinċipali tista’ tinfetaħ biss jekk, minn naħa, hemm lok li jiġi preżunt li d-debitur ma jkunx jista’ jħallas id-djun dovuti tiegħu jew li din l-inkapaċità ser isseħħ fil-futur qrib, jew li d-debitur ikun jinsab f’sitwazzjoni finanzjarja diffiċli li tinvolvi riskju ta’ insolvenza u jekk, min-naħa l-oħra, ikun hemm raġunijiet validi sabiex wieħed jaħseb li l-vijabbiltà tal-attivitajiet tal-impriża tista’ tiġi żgurata permezz ta’ ristrutturazzjoni (19). B’danakollu, il-qorti tar-rinviju ma tindikax jekk il-leġiżlazzjoni Żvediża teħtieġx li jiġi ppreċiżat, fil-mument tal-ftuħ ta’ tali proċedura, liema minn dawn l-ipoteżijiet ġiet sodisfatta, u lanqas li fuqha ġiet ibbażata d-deċiżjoni nazzjonali ta’ ftuħ tal-proċedura ta’ ristrutturazzjoni inkwistjoni fil-kawża prinċipali. F’dan ir-rigward, il-Gvern Żvediż jirrileva fl-osservazzjonijiet bil-miktub tiegħu li, sabiex tkun is-suġġett ta’ proċedura ta’ ristrutturazzjoni, il-persuna li timpjega għandha titqies bħala vijabbli biżżejjed sabiex tibqa’ teżisti wara din il-proċedura. Waqt is-seduta, huwa ppreċiża li, fil-kuntest ta’ din il-proċedura, l-impriża tkun suġġetta għal evalwazzjoni li tippermetti li jiġi evalwat jekk hijiex vijabbli jew le u, jekk ma hijiex, imbagħad ikunx hemm lok li tinfetaħ proċedura ta’ falliment.

44.      Fir-rigward tal-ewwel waħda miż-żewġ kundizzjonijiet meħtieġa fl-Artikolu 2(1) tad-Direttiva 2008/94, mill-indikazzjonijiet tal-qorti tar-rinviju jirriżulta li l-ftuħ ta’ proċedura kollettiva ta’ ristrutturazzjoni ġie mitlub konformement mal-leġiżlazzjoni nazzjonali applikabbli u li l-kundizzjonijiet sekondarji dwar iċ-ċessjoni parzjali tal-assi tal-persuna li timpjega kif ukoll il-ħatra ta’ amministratur (li taħt id-direzzjoni tiegħu din il-persuna li timpjega tista’ torganizza mill-ġdid l-attività tagħha) huma wkoll issodisfatti. Fir-rigward tat-tieni waħda miż-żewġ kundizzjonijiet prinċipali, mill-preċiżazzjonijiet magħmula minn dik il-qorti jirriżulta li l-qorti kompetenti skont il-leġiżlazzjoni nazzjonali ddeċidiet li tiftaħ il-proċedura kollettiva ta’ ristrutturazzjoni inkwistjoni fil-kawża prinċipali.

45.      Minn dan isegwi li, għalkemm hija tikkonstata li ż-żewġ kundizzjonijiet kumulattivi meħtieġa fl-Artikolu 2(1) ta’ din id-direttiva sabiex persuna li timpjega titqies li tinsab fi stat ta’ insolvenza huma ssodisfatti (20), il-qorti tar-rinviju tistaqsi, madankollu, jekk il-proċedura ta’ ristrutturazzjoni inkwistjoni fil-kawża prinċipali taqax taħt il-kunċett ta’ “proċeduri kollettivi bbażati fuq l-insolvenza ta’ dak li jħaddem” fis-sens tal-imsemmija direttiva. Fi kliem ieħor, u sabiex nuża l-istess termini użati mill-partijiet u l-persuni kkonċernati fid-dibattitu ta’ bejniethom, tqum il-kwistjoni, fil-kuntest ta’ din il-kawża, dwar jekk persuna li timpjega li tinsab f’sitwazzjoni bħal dik inkwistjoni fil-kawża prinċipali tistax titqies bħala li tinsab fi “stat ta’ insolvenza” fis-sens ta’ din id-dispożizzjoni.

a)      Il-formulazzjoni

46.      L-ewwel qari tal-Artikolu 2(1) tad-Direttiva 2008/94, li jinsab fil-Kapitolu I, intitolat “Kamp ta’ Applikazzjoni u Definizzjonijiet”, jista’ jagħti x’jifhem li din id-dispożizzjoni ma tikkonċernax proċedura kollettiva ta’ ristrutturazzjoni bħal dik inkwistjoni fil-kawża prinċipali. Il-kliem “proċeduri kollettivi bbażati fuq l-insolvenza ta’ dak li jħaddem” li jinsabu fl-imsemmija dispożizzjoni jistgħu jinftiehmu bħala li jeżiġu l-insolvenza tal-persuna li timpjega sabiex proċedura kollettiva taqa’ taħt dan il-kunċett. Madankollu, dan ma huwiex l-uniku qari possibbli ta’ dawn il-kliem. Fil-fatt, l-imsemmija kliem jammettu interpretazzjoni oħra, li skontha l-kliem mhux neċessarjament jeżiġu li l-proċedura kollettiva tippreżupponi l-insolvenza (21), iżda sempliċement jindikaw rabta bejn tali proċedura u l-insolvenza, b’tali mod li proċedura kollettiva li l-għan tagħha huwa li tiġi evitata l-insolvenza tal-persuna li timpjega tista’ wkoll titqies li hija “bbażati [bbażata] fuq l-insolvenza ta’ dak li jħaddem” (22).

47.      Peress li l-interpretazzjoni letterali tal-Artikolu 2(1) ta’ din d-direttiva ma hijiex konklużiva, għandi nkompli l-analiżi sabiex niżgura interpretazzjoni li tikkorrispondi bl-aħjar mod mal-għanijiet u mal-kuntest ta’ din id-dispożizzjoni.

b)      L-għan soċjali

48.      Infakkar, fl-ewwel lok, li l-bażi legali ta’ att hija rilevanti għall-interpretazzjoni tiegħu, sa fejn din tista’ tiċċara l-għanijiet segwiti mil-leġiżlatur. F’dan ir-rigward, għandu jiġi sottolinjat li d-Direttiva 2008/94 hija bbażata fuq l-ex Artikolu 137(2) KE, li sar l-Artikolu 153(2)(b) TFUE, u li, sabiex jintlaħqu l-għanijiet imsemmija fl-ex Artikolu 136 KE, li issa sar l-Artikolu 151 TFUE, kien jagħti lill-istituzzjonijiet il-kompetenza li “jadottaw, [...] permezz ta’ direttivi, rekwiżiti minimi applikabbli progressivament”, partikolarment fir-rigward tal-“kondizzjonijiet tax-xogħol” (23).

49.      Fit-tieni lok, nosserva li l-għan soċjali ta’ din d-direttiva jirriżulta b’mod ċar mill-premessi 3 u 7 tagħha. Minn naħa, din il-premessa 3 tipprovdi: “[j]eħtieġ li jsir provvediment għall-protezzjoni ta’ l-impjegati fil-każ ta’ l-insolvenza ta’ min iħaddimhom u biex jiġi żgurat livell minimu ta’ protezzjoni, speċjalment biex jiġu garantiti pretensjonijiet mhux imħallsa b’kont meħud tal-ħtieġa ta’ żvilupp, ekonomiku u soċjali, bilanċjat [fl-Unjoni]”. Min-naħa l-oħra, l-espressjoni “għan soċjali tad-Direttiva” tintuża direttament fl-imsemmija premessa 7 (24). Barra minn hekk, il-Qorti tal-Ġustizzja rrikonoxxiet dan l-għan f’ġurisprudenza stabbilita sew (25). Għalhekk, l-imsemmi għan għandu jiggwida mhux biss l-interpretazzjoni tal-istess direttiva iżda wkoll lill-Istati Membri fl-implimentazzjoni tagħha.

50.      F’dan ir-rigward, fil-proposta tagħha għal direttiva l-Kummissjoni rrilevat li dan l-“għan soċjali prinċipali [...] li jiġu protetti l-pretensjonijiet salarjali mhux imħallsa tal-ħaddiema fil-każ ta’ insolvenza tal-persuna li timpjega [...] jista’, fil-fatt, jiddgħajjef jekk il-pretensjonijiet mhux imħallsa tal-ħaddiema jkunu jistgħu jiġu esklużi mill-kamp ta’ applikazzjoni ta’ din il-protezzjoni minħabba l-fatt li l-persuni li jimpjegawhom u li huma insolventi ma jistgħux ikunu suġġetti għal proċeduri kollettivi ta’ insolvenza (proċeduri ta’ stralċ) jew għaliex ikunu suġġetti għal proċeduri ta’ insolvenza li ma humiex ta’ stralċ u li d-diversità tagħhom qiegħda tiżdied (ftehimiet mal-kredituri, proċeduri ta’ insolvenza ġudizzjarja, proċeduri ta’ waqfien ta’ ħlasijiet jew proċeduri analogi, intiżi sabiex jiżguraw il-funzjonament ulterjuri tal-impriża)” (26). Fil-fatt, l-eżistenza ta’ din it-tendenza leġiżlattiva lejn diversità ta’ proċeduri kollettivi, u li sservi rekwiżit imperattiv doppju ta’ natura ekonomika u soċjali, hija kkorroborata minn komunikazzjonijiet (27) u atti leġiżlattivi sussegwenti oħra tal-Unjoni, bħal ma hu r-Regolament 2015/848.

51.      Għalhekk, il-Kummissjoni ssostni fl-osservazzjonijiet bil-miktub tagħha, u huwa importanti li wieħed jinnota, li l-ħaddiema ta’ impriżi li huma s-suġġett ta’ proċedura kollettiva ta’ ristrutturazzjoni jridu jaffaċċjaw, għall-irkupru tal-pretensjonijiet mhux imħallsa tagħhom, diffikultajiet u b’restrizzjonijiet simili għal dawk ikkonfrontati minn ħaddiema ta’ impriżi li huma s-suġġett ta’ proċeduri kollettivi oħra ta’ insolvenza. Fil-fatt, ladarba jinbdew il-proċeduri, huwa fil-prinċipju irrilevanti li l-insolvenza tal-persuna li timpjega ma tkunx effettiva, iżda potenzjali. Il-persuna li timpjega tiġi mċaħħda minn tal-inqas parti mill-attiv tagħha, il-pretensjonijiet tal-ħaddiema jiġu ttrattati fil-kuntest tal-proċedura kollettiva, u l-attività tiġi strutturata mill-ġdid taħt id-direzzjoni ta’ amministratur (28).

52.      F’dan ir-rigward, nixtieq infakkar fil-qosor li mill-ġurisprudenza tal-Qorti tal-Ġustizzja jirriżulta li kull att tal-Unjoni għandu jiġi interpretat b’mod konformi mad-dritt primarju kollu, inkluż mal-prinċipju tal-ugwaljanza fit-trattament li jeżiġi li sitwazzjonijiet paragunabbli ma jiġux ittrattati b’mod differenti u li sitwazzjonijiet differenti ma jiġux ittrattati b’mod ugwali, sakemm tali trattament ma jkunx oġġettivament iġġustifikat (29). Għalhekk, id-distinzjoni bejn insolvenza effettiva u insolvenza potenzjali tal-persuna li timpjega tidher li tmur kontra l-għan soċjali tad-direttiva 2008/94. Fil-fatt, il-ftuħ ta’ proċedura kollettiva jġib miegħu ċ-ċessjoni parzjali jew totali tal-assi tal-persuna li timpjega (30). F’dan il-kuntest, il-fatt li l-pretensjoni tal-ħaddiem A ma titħallasx mill-garanzija għall-ħlas ta’ remunerazzjonijiet meta l-persuna li timpjegah tkun tinsab fi stat ta’ insolvenza potenzjali li jkollha bħala konsegwenza l-ftuħ ta’ proċedura kollettiva ta’ ristrutturazzjoni, filwaqt li l-pretensjoni tal-ħaddiem B titħallas minn din il-garanzija meta l-persuna li timpjegah tkun tinsab fi stat ta’ insolvenza effettiva li jkollha bħala konsegwenza l-ftuħ ta’ proċedura ta’ falliment, jintroduċi differenza fit-trattament mhux iġġustifikata (31). Fil-verità, iż-żewġ ħaddiema jinsabu f’sitwazzjonijiet komparabbli għall-finijiet tal-applikazzjoni tad-dritt għar-remunerazzjoni skont din id-Direttiva. Madankollu, huwa biss il-ħaddiem B li ser ikollu dritt għall-protezzjoni skont l-imsemmija direttiva. Issa, ebda kunsiderazzjoni oġġettiva ma tidher li tista’ tiġġustifika tali differenza fit-trattament (32).

53.      Dan huwa kkorroborat mill-fatt li, kif jirriżulta mid-deċiżjoni tar-rinviju, l-Artikolu 1 tal-Liġi dwar il-Garanzija għall-Ħlas ta’ Remunerazzjonijiet, li huwa intiż li jittrasponi l-istess direttiva, jipprevedi l-ħlas tal-pretensjonijiet ta’ remunerazzjoni tal-ħaddiema mhux biss meta l-insolvenza tal-persuna li timpjega tkun ġiet ikkonstatata, iżda wkoll meta din tal-aħħar tkun is-suġġett ta’ proċedura kollettiva ta’ ristrutturazzjoni prevista mid-dritt Żvediż (33). Għalhekk, minn dan kollu niddeduċi li, filwaqt li qies li l-proċedura kollettiva ta’ ristrutturazzjoni ma kinitx taqa’ fil-kamp ta’ applikazzjoni tad-Direttiva 2008/94, il-leġiżlatur Żvediż kien konxju mill-fatt li d-differenza fit-trattament tal-ħaddiema skont l-għan tal-proċedura kollettiva ma kinitx iġġustifikata u li l-ħaddiema rreklutati minn persuna li timpjega li kienet is-suġġett ta’ proċedura ta’ ristrutturazzjoni kien jistħoqqilhom l-istess protezzjoni bħall-ħaddiema ta’ persuna li timpjega insolventi.

54.      Minn dan isegwi li l-interpretazzjoni wiesgħa tal-kunċett ta’ “proċeduri kollettivi bbażati fuq l-insolvenza ta’ dak li jħaddem” tikkorrispondi aħjar mal-għan soċjali ta’ din id-direttiva.

c)      Il-kuntest ġuridiku

1)      Il-kuntest intern: l-iskema tad- Direttiva 2008/94

55.      Fir-rigward tal-iskema tad-Direttiva 2008/94, nirrileva, l-ewwel nett, li l-premessa 4 tagħha tistabbilixxi li sabiex tiġi żgurata protezzjoni imparzjali [protezzjoni ekwa] tal-ħaddiema kkonċernati, huwa xieraq li “l-istat ta’ insolvenza” jiġi ddefinit fid-dawl tax-xejriet leġislattivi fl-Istati Membri u li tali kunċett jinkludi wkoll il-proċeduri ta’ insolvenza minbarra l-istralċ (34). Għaldaqstant, mill-Artikolu 2(1) ta’ din id-direttiva, moqri flimkien mal-premessa 4 tagħha, jirriżulta li l-imsemmija direttiva ma teżiġix li l-proċedura kollettiva bbażata fuq l-insolvenza tkun tista’ twassal għall-istralċ tal-persuna li timpjega. F’dan ir-rigward, għandu jitfakkar li l-Qorti tal-Ġustizzja diġà ddeċidiet li, meta tingħata deċiżjoni ta’ ftuħ, l-Artikolu 2(1) tal-istess direttiva ma jeżiġix li l-proċedura kollettiva inkwistjoni twassal bilfors għall-waqfien tal-attività ta’ min jimpjega (35).

56.      It-tieni nett, nosserva li r-rieda tal-leġiżlatur tal-Unjoni li ma jillimitax il-kamp ta’ applikazzjoni tal-Artikolu 2(1) tad‑Direttiva 2008/94 ġiet riflessa wkoll fit-tieni subparagrafu tal-Artikolu 11 tagħha, li jipprevedi li l-implementazzjoni tad-direttiva ma għandha fl-ebda ċirkustanza tkun raġuni suffiċjenti għal rigressjoni relattivament għas-sitwazzjoni kurrenti fl-Istati Membri u relattivament għal-livell ġenerali ta’ protezzjoni ta’ ħaddiema fil-qasam kopert minnha (klawżola ta’ nuqqas ta’ rigressjoni).

57.      Għaldaqstant, l-eżami tal-iskema ta’ din d-direttiva jippermetti li tiġi kkonfermata l-konklużjoni li l-kunċett ta’ “proċeduri kollettivi bbażati fuq l-insolvenza ta’ dak li jħaddem” għandu portata wiesgħa u jkopri tipi oħra ta’ proċeduri kollettivi previsti mid-dritt nazzjonali u li jissodisfaw il-kundizzjonijiet stabbiliti mill-imsemmija direttiva.

58.      Ix-xogħol preparatorju tal-istess direttiva u l-iżvilupp leġiżlattiv tad-dritt tal-Unjoni jidhru li jimmilitaw ukoll favur interpretazzjoni mhux restrittiva tal-Artikolu 2(1) tagħha.

2)      Il-kuntest estern: ix-xogħol preparatorju u l-iżviluppi leġiżlattivi

59.      Fl-ewwel lok, ninnota li, mill-punt 2 tal-espożizzjoni tal-motivi tal-proposta għal direttiva tal-Kummissjoni , jirriżulta li din tirrispondi għar-realtajiet ġodda fis-suq tax-xogħol, għall-evoluzzjoni tal-liġijiet tal-Istati Membri fil-qasam tal-insolvenza, għar-ristrutturazzjonijiet imwettqa fi ħdan l-impriżi, kif ukoll għall-ġurisprudenza tal-Qorti tal-Ġustizzja li żvelat nuqqasijiet u lakuni fid-dispożizzjonijiet inizjali (36) u li, għaldaqstant, imponiet reviżjoni tad-Direttiva 80/987/KEE (37) sabiex tissaħħaħ il-protezzjoni tal-ħaddiema u tiġi żgurata koerenza mal-emendi magħmula għad-direttivi dwar redundancies kollettivi (38) u t-trasferimenti ta’ impriżi (39). Għandu jitfakkar li dawn id-direttivi, flimkien mad-Direttiva 2008/94, jagħmlu parti mill-pakkett hekk imsejjaħ “ta’ ristrutturazzjoni” (40). B’mod partikolari, mill-punt 2 u mill-punt 4.1.1 ta’ din il-proposta għal direttiva jirriżulta li din tindirizza l-bżonn ta’ kunċett ġdid ta’ “insolvenza”, “usa’ minn dak li jinsab fid-Direttiva [preċedenti]” u “iktar adattata għall-għan soċjali [tagħha]”, u li “d-definizzjoni [tiegħu] tkun ibbażata fuq dik li tinsab fir-Regolament (KE) Nru 1346/2000” (41).

60.      Fil-fatt, għandu jitfakkar li l-Artikolu 2(a) ta’ dan ir-regolament kien jiddefinixxi l-proċedura ta’ insolvenza bħala “[l]-proċedimenti kollettivi msemmija fl-Artikolu 1(1)”, billi jippreċiża li “[l-lista ta’] [d]awn il-proċedimenti [kienu] mniżżla fl-Anness A”. Fl-interpretazzjoni tagħha ta’ din id-dispożizzjoni, il-Qorti tal-Ġustizzja ddeċidiet li l-imsemmi regolament kien japplika biss għall-proċeduri elenkati f’dan l-anness (42). Hija ppreċiżat li, meta proċedura tkun inkluża fl-Anness A tal-istess regolament, hija għandha titqies li taqa’ fil-kamp ta’ applikazzjoni tiegħu (43). Barra minn hekk, hija ma eskludietx li proċedura nazzjonali tista’ tiġi inkluża fl-Anness A tar-Regolament Nru 1346/2000, anki jekk din il-proċedura ma tissodisfax il-kundizzjonijiet previsti fl-Artikolu 1(1) ta’ dan ir-regolament (44). Il-punt 4 tal-Artikolu 2 tar-Regolament 2015/848 jidher li jikkonferma din il-ġurisprudenza tal-Qorti tal-Ġustizzja. Din id-dispożizzjoni għalhekk tiddefinixxi l-“proċedimenti ta’ insolvenza” bħala “[l]-proċedimenti elenkati fl-Anness A” (45).

61.      F’dan ir-rigward, mill-qari tar-rapport dwar l-implimentazzjoni u l-applikazzjoni tad-Direttiva 2008/94 (46) jirriżulta li r-Regolament Nru 1346/2000 “[kien] japplika għall-proċedimenti ta’ insolvenza kollettivi li [kienu] jinvolvu l-bejgħ tal-assi parzjali jew totali tal-persuna li tkun iddejnet u l-ħatra ta’ likwidatur (l-Artikolu 1(1)), jiġifieri l-istess proċedimenti ta’ insolvenza li huma koperti [minn din] id-[d]irettiva.” (47). Minn dan ir-rapport jirriżulta wkoll li, salv xi ftit eċċezzjonijiet (48), l-Istati Membri kienu fil-fatt ikkonfermaw lill-Kummissjoni li t-tipi ta’ proċedimenti ta’ insolvenza nazzjonali li jaqgħu fi ħdan l-ambitu tal-imsemmija direttiva huma [kienu] dawk elenkati fl-Anness A ta’ dan l-istess regolament, u li l-Kummissjoni kellha l-intenzjoni li tkompli l-investigazzjoni tagħha sabiex taċċerta ruħha li l-proċedimenti ta’ insolvenza rilevanti kollha jkunu koperti (49).

62.      Fit-tieni lok, il-Qorti tal-Ġustizzja diġà ddeċidiet, fil-punt 36 tas-sentenza Mustafa, wara li ċċitat il-premessa 4 tal-istess direttiva, li l-Anness A tar-Regolament Nru 1346/2000 kien iddetermina li l-proċedura ta’ insolvenza ġudizzjarja inkwistjoni fil-kawża li tat lok għal dik is-sentenza kienet tikkostitwixxi “proċedura ta’ insolvenza” fis-sens tal-Artikolu 1(1) ta’ dan ir-regolament. Issa, skont il-Qorti tal-Ġustizzja, din l-aħħar dispożizzjoni kienet tiddeskrivi l-“proċeduri kollettivi bbażati fuq l-insolvenza” bl-istess mod bħall-Artikolu 2(1) tad-Direttiva 2008/94, inkwantu din teħtieġ li din il-proċedura twassal għall-waqfien parzjali jew totali tad-debitur kif ukoll il-ħatra ta’ stralċjarju. Għaldaqstant, il-Qorti tal-Ġustizzja ddeċidiet li, sabiex il-garanzija prevista minn din id-direttiva tkun applikabbli, din id-dispożizzjoni ma kinitx teżiġi li l-waqfien tal-attivitajiet tal-persuna li timpjega jkun ġie ordnat (50).

63.      F’dan ir-rigward, għandu jitfakkar li, skont l-Artikolu 91 tar-Regolament 2015/848, “ir-referenzi għar-Regolament irrevokat għandhom jitqiesu bħala referenzi għar-[Regolament 2015/848]”. Din id-dispożizzjoni timplika li r-referenzi li jinsabu, b’mod partikolari, f’atti leġiżlattivi oħra tal-Unjoni għandhom jinqraw bħala referenzi għad-dispożizzjonijiet ekwivalenti ta’ dan ir-regolament (51).

64.      Huwa ċertament minnu li dawn ir-referenzi għar-Regolament Nru 1346/2000 ma jirriżultawx direttament mid-Direttiva 2008/94, iżda mix-xogħol preparatorju tagħha kif ukoll minn komunikazzjonijiet oħra tal-Kummissjoni dwar din id-direttiva. Madankollu, nosserva li l-imsemmija referenzi jirriżultaw ukoll mill-ġurisprudenza tal-Qorti tal-Ġustizzja (52).

65.      Huwa minnu wkoll li l-kamp ta’ applikazzjoni tar-Regolament Nru 2015/848 huwa ddefinit b’mod iktar wiesa’ minn dak tal-predeċessur tiegħu, ir-Regolament 1346/2000, b’tali mod li jkopri espressament mhux biss il-proċeduri kollettivi ta’ insolvenza, iżda wkoll il-proċeduri kollettivi li fihom teżisti biss probabbiltà ta’ insolvenza u li l-għan tagħhom huwa li tiġi evitata l-insolvenza tad-debitur jew il-waqfien tal-attivitajiet tiegħu (53). Minkejja dan, ħafna proċeduri ta’ dan it-tip kienu diġà inklużi fl-Anness A ta’ dan l-aħħar regolament u għalhekk kienu jaqgħu fil-kamp ta’ applikazzjoni tiegħu.

66.      Għalhekk inqis li, sa fejn wieħed mill-għanijiet tal-leġiżlatur tal-Unjoni, huwa u jadotta d-Direttiva 2008/94, kien li jallinja l-kamp ta’ applikazzjoni tagħha ma’ dak r-regolament, l-istess leġiżlatur ma ħax inkunsiderazzjoni biss id-definizzjoni tal-kamp ta’ applikazzjoni li tinsab fl-Artikolu 1(1) tal-istess regolament, iżda wkoll ir-realtà ġuridika li tirriżulta minn dan il-kamp ta’ applikazzjoni, u li hija estiża minħabba l-inklużjoni fl-Anness A tad-diversi proċeduri kollettivi ta’ ristrutturazzjoni. Għalhekk, il-fatt li l-imsemmi leġiżlatur ippreċiża l-kamp ta’ applikazzjoni tar-Regolament 2015/848 bl-inklużjoni espliċita tal-proċeduri ta’ ristrutturar preventiv jissodisfa realtà ġuridika diġà stabbilita taħt ir-Regolament Nru 1346/2000, u dan il-fatt ma għandux jitfa’ dubju fuq il-konklużjoni li l-kamp ta’ applikazzjoni ta’ din d-direttiva ikopri wkoll dan it-tip ta’ proċeduri.

67.      Fost affarijiet oħra, nosserva li l-Artikolu 13(1) tad-Direttiva 2019/1023 dwar ir-ristrutturazzjoni u l-insolvenza (54) jipprovdi li “[l]-Istati Membri għandhom jiżguraw li d-drittijiet kollettivi u individwali tal-ħaddiema, skont il-liġi tal-Unjoni [...] u dik nazzjonali dwar ix-xogħol [...] mhumiex affettwati mill-qafas ta’ ristrutturar preventiv” (korsiv miżjud minni). Fost dawn id-drittijiet, din id-dispożizzjoni tipprovdi, taħt is-subparagrafu (ċ): “id-drittijiet iggarantiti mid-Direttivi 98/59, 2001/23 u 2008/94” (korsiv miżjud minni). Huwa għalhekk evidenti li kieku l-proċeduri ta’ ristrutturar preventiv ma kinux jaqgħu fil-kamp ta’ applikazzjoni tad-Direttiva 2008/94, ma kien ikun hemm l-ebda ħtieġa għal-leġiżlatur tal-Unjoni li jipprevedi dispożizzjoni bħall-Artikolu 13(1) tad-Direttiva 2019/1023, peress li l-proċeduri li għalihom japplikaw dawn iż-żewġ strumenti legali xorta waħda ma kinux ser jikkoinċidu.

68.      Għaldaqstant, l-oriġini tal-adozzjoni tad-Direttiva 2008/94 u l-iżviluppi leġiżlattivi suċċessivi jsostnu interpretazzjoni li skontha l-kunċett ta’ “insolvenza tal-persuna li timpjega” fis-sens tal-Artikolu 2(1) ta’ din id-direttiva jkopri proċeduri kollettivi ta’ insolvenza minbarra l-istralċ, inkluż il-proċedura ta’ ristrutturazzjoni rregolata mid-dritt Żvediż.

69.      B’dan il-mod, din l-interpretazzjoni tevita li l-Artikolu 2(1) tal-imsemmija direttiva jikkontradixxi l-kuntest ġuridiku li fih jinstab u hija l-unika interpretazzjoni li tista’ tiggarantixxi l-kisba tal-għan soċjali mfittex mill-iistess direttiva, kif espost iktar ’il fuq (55).

70.      Konsegwentement, inqis, kif spjegajt fil-punti 43 sa 69 ta’ dawn il-konklużjonijiet, li l-kunċett ta’ “proċeduri kollettivi bbażati fuq l-insolvenza ta’ dak li jħaddem” previst fl-Artikolu 2(1) tad-Direttiva 2008/94 għandu jiġi interpretat fis-sens li jestendi għal proċedura kollettiva ta’ ristrutturazzjoni prevista mid-dritt nazzjonali bħal dik inkwistjoni fil-kawża prinċipali.

71.      Għad irid jiġi ddeterminat l-impatt tal-Anness A tar-Regolament 2015/848 fuq l-applikazzjoni ta’ din id-direttiva.

4.      Fuq l-effett tal-inklużjoni tal-proċedura kollettiva ta’ ristrutturazzjoni fl-Anness A tar-Regolament 2015/848

72.      Għandu jiġi osservat li l-kwistjoni dwar l-effett li għandha l-inklużjoni tal-proċedura kollettiva ta’ ristrutturazzjoni fl-Anness A tar-Regolament 2015/848 fuq l-applikazzjoni tad-Direttiva 2008/94 hija dovuta għall-fatt li r-Renju tal-Iżvezja ma nnotifikax, konformement mal-Artikolu 13 ta’ din id-direttiva, il-proċedura ta’ ristrutturazzjoni bħala wieħed mit-tipi ta’ proċeduri kollettivi nazzjonali ta’ insolvenza li jaqgħu fil-kamp ta’ applikazzjoni tal-imsemmija direttiva (56). Għaldaqstant, ser nittratta fil-qosor dawn il-punti fil-kunsiderazzjonijiet li ġejjin.

a)      Fuq l-Anness A tar-Regolament 2015/848: element addizzjonali tal-kuntest regolatorju tal-Artikolu 2(1) tad-Direttiva 2008/94

73.      Infakkar li r-Regolament 2015/848 ma jiddefinixxix il-kunċett ta’ “insolvenza”. Madankollu, mill-Artikolu 1(1)(a) tiegħu jirriżulta li dan ir-regolament japplika “għall-proċedimenti kollettivi pubbliċi [...] li huma bbażati fuq liġijiet relatati mal-insolvenza u fejn, għall-fini [fost oħrajn] ta’ riorganizzazzjoni jew likwidazzjoni [...] ikun totalment jew parzjalment ipprivat mill-assi tiegħu u jinħatar prattikant fl-insolvenza” (57), bil-kundizzjoni li dawn il-proċeduri jkunu elenkati fl-Anness A tal-imsemmi regolament (58).

74.      Minn dan isegwi li, fid-dawl tal-fatt li l-proċedura Żvediża ta’ ristrutturazzjoni hija inkluża fl-Anness A tal-istess regolament, ftit li xejn hemm dubju li r-Regolament 2015/848 japplika għal din il-proċedura.

75.      Madankollu, tqum il-kwistjoni dwar jekk din l-inklużjoni għandhiex impatt dirett u sinjifikattiv fuq l-applikazzjoni tad-Direttiva 2008/94.

76.      Ċertament, bl-adozzjoni tar-Regolament 2015/848, li huwa bbażat fuq l-Artikolu 81 TFUE, il-leġiżlatur tal-Unjoni stabbilixxa bħala għan li jiżgura ċ-ċertezza legali u l-prevedibbiltà tad-determinazzjoni tal-qorti li għandha ġurisdizzjoni permezz tal-użu ta’ kriterji oġġettivi (59). Dan l-għan huwa ċarament distint mill-għan soċjali li din id-direttiva tfittex li tiżgura. Minkejja dan, dawn l-għanijiet ma jeskludux lil xulxin, b’tali mod li kemm dan ir-regolament kif ukoll l-imsemmija direttiva jindirizzaw, minn perspettivi differenti, il-kwistjonijiet marbuta mal-insolvenza.

77.      Fid-dawl ta’ dawn l-elementi, l-inklużjoni tal-proċedura kollettiva Żvediża ta’ ristrutturazzjoni fil-lista tal-proċeduri li tinsab fl-Anness A tal-imsemmi regolament ma tippermettix li jiġi stabbilit, waħedha, li din il-proċedura hija koperta mill-istess direttiva. Madankollu, fid-dawl tar-referenzi magħmula mix-xogħol preparatorju tad-Direttiva 2008/94 għar-Regolament Nru 1346/2000, li ġie imħassar u ssostitwit bir-Regolament 2015/848, din l-inklużjoni tikkostitwixxi element li jifforma parti mill-kuntest regolatorju ta’ din id-direttiva.

78.      Konsegwentement, jiena tal-fehma li l-imsemmija inklużjoni hija element tal-kuntest leġiżlattiv li jxaqleb favur il-kunsiderazzjoni li l-proċedura kollettiva ta’ ristrutturazzjoni Żvediża taqa’ taħt l-imsemmija direttiva.

b)      Fuq in-nuqqas ta’ notifika ta’ proċedura nazzjonali ta’ insolvenza skont l-Artikolu 13 tad-Direttiva 2008/94

79.      Fl-ewwel lok, nirrileva li l-Artikolu 13 tad-Direttiva 2008/94, moqri flimkien mal-premessa 8 ta’ din id-direttiva, jippermetti li jitqies li l-kamp ta’ applikazzjoni tal-imsemmija direttiva ma jiddependix mit-tip ta’ proċedura nnotifikata mill-Istati Membri. Fil-fatt, din il-premessa tipprovdi: “[s]abiex tiġi faċilitata l-identifikazzjoni tal-proċeduri ta’ insolvenza, partikolarment f’sitwazzjonijiet b’dimensjoni transkonfinali, għandu jsir provvediment sabiex l-Istati Membri jinnotifikaw lill-Kummissjoni u lill-Istati Membri l-oħra dwar it-tipi ta’ proċeduri ta’ insolvenza li jwasslu għal intervent minn istituzzjoni ta’ garanzija” (60).

80.      Fit-tieni lok, b’kuntrast man-notifika fil-kuntest tal-Anness A tar-Regolament 2015/848 jew tal-Anness A tal-predeċessur tiegħu, ir-Regolament Nru 1346/2000, in-notifika minn Stat Membru lill-Kummissjoni skont l-Artikolu 13 tal-istess direttiva la tiddetermina minn qabel u lanqas tillimita l-kamp ta’ applikazzjoni tad-Direttiva 2008/94, iżda sservi sempliċement għal finijiet ta’ ċertezza legali billi tippermetti li ssir distinzjoni faċli bejn il-proċeduri inkwistjoni.

81.      Fit-tielet u l-aħħar lok, kif tirrileva ġustament il-Kummissjoni fl-osservazzjonijiet bil-miktub tagħha, meta wieħed iqis l-għan ta’ protezzjoni tal-ħaddiema fil-każ ta’ proċedura kollettiva bbażata fuq l-insolvenza tal-persuna li timpjega, interpretazzjoni kuntrarja tkun tfisser li l-Istati Membri jkunu jistgħu faċilment jevitaw l-applikazzjoni tad-direttiva billi jonqsu milli jinnotifikaw ċerti proċeduri kollettivi li jissodisfaw il-kundizzjonijiet previsti mil-leġiżlatur tal-Unjoni fl-Artikolu 2(1) ta’ din d-direttiva.

5.      Konklużjonijiet parzjali

82.      Sabiex nissintetizza din il-parti tal-analiżi tiegħi, inqis li mill-kliem, mill-kuntest intern u estern, u mill-għan soċjali tad-Direttiva 2008/94, jirriżulta li proċedura ta’ ristrutturazzjoni bħal dik inkwistjoni fil-kawża prinċipali taqa’ taħt il-kunċett ta’ “proċeduri kollettivi bbażati fuq l-insolvenza ta’ dak li jħaddem” fis-sens ta’ din id-direttiva.

83.      Minn din l-analiżi jirriżulta wkoll li n-notifika ta’ proċedura nazzjonali ta’ insolvenza konformement mal-Artikolu 13 ta’ din id-direttiva ma tikkostitwixxix kundizzjoni essenzjali għall-applikazzjoni tal-istess direttiva, iżda rekwiżit formali previst għall-finijiet ta’ trasparenza, ħaġa li fil-fatt ma tistax twassal għal tnaqqis tal-protezzjoni tal-ħaddiema prevista mid-Direttiva 2008/94 (61).

B.      Fuq it-tielet domanda preliminari

84.      Permezz tat-tielet domanda tagħha, il-qorti tar-rinviju essenzjalment tistaqsi jekk l-Artikolu 12(a) tad-Direttiva 2008/94 għandux jiġi interpretat fis-sens li jipprekludi leġiżlazzjoni nazzjonali li timponi fuq il-ħaddiem l-obbligu li jirreġistra ruħu bħala persuna li qed tfittex impjieg mal-Aġenzija Nazzjonali għall-Impjieg sabiex l-allowance tal-avviż tat-temm ta’ impjieg għall-perijodu li matulu huwa ma wettaqx xogħol għal terz ikun kopert mill-garanzija għall-ħlas ta’ remunerazzjonijiet.

85.      Infakkar li mit-talba għal deċiżjoni preliminari jirriżulta li FX ma tħalliex jibbenefika mill-garanzija għall-ħlas ta’ remunerazzjonijiet relatati mal-allowance tal-avviż tat-temm ta’ impjieg minħabba l-fatt li ma rreġistrax mal-Aġenzija Nazzjonali għall-Impjieg matul il-perijodu ta’ avviż tat-temm ta’ impjieg, iżda biss wara t-tmiem ta’ dan il-perijodu.

86.      Fl-ewwel lok, nirrileva li l-Qorti tal-Ġustizzja diġà kellha l-okkażjoni tinterpreta l-Artikolu 12(a) tad-Direttiva 2008/94 fis-sens li, skont l-istess artikolu, din id-direttiva ma tippreġudikax il-possibbiltà tal-Istati Membri li jieħdu l-miżuri neċessarji sabiex jevitaw abbużi (62). Fil-fatt, l-adozzjoni ta’ dawn il-miżuri tippermettilhom jidderogaw mil-livell minimu ta’ protezzjoni offrut mill-imsemmija direttiva. B’hekk, il-Qorti tal-Ġustizzja ddeċidiet li din id-dispożizzjoni, sa fejn tistabbilixxi eċċezzjoni għal regola ġenerali, għandha tiġi interpretata b’mod restrittiv u konformement mal-għan soċjali tal-istess direttiva (63). Magħdud ma’ dan, hija qieset ukoll li l-abbużi msemmija fl-imsemmija dispożizzjoni huma l-prattiki abbużivi li jippreġudikaw lill-istituzzjonijiet ta’ garanzija billi joħolqu artifiċjalment kreditu salarjali u b’hekk jagħtu lok, illegalment, għal obbligu ta’ ħlas min-naħa ta’ dawn l-istituzzjonijiet. Il-miżuri li l-Istati Membri huma awtorizzati jieħdu skont l-istess dispożizzjoni huma għalhekk dawk li huma neċessarji sabiex jiġu evitati tali prattiki (64).

87.      F’dan il-każ, mid-deċiżjoni tar-rinviju jirriżulta li l-għan tal-obbligu impost fuq ħaddiem li jirreġistra mal-Aġenzija Nazzjonali għall-Impjieg skont il-Liġi dwar il-Garanzija għall-Ħlas ta’ Remunerazzjonijiet ma kienx li jiġu evitati tali prattiki abbużivi (65). Għall-kuntrarju, l-għan huwa li l-ħaddiema ma jitħallewx jipposponu l-mument, matul il-perijodu ta’ avviż tat-temm ta’ impjieg, li fih ikollhom jibdew ifittxu impjieg ġdid (66).

88.      Fit-tieni lok, infakkar li, fil-kawża li tat lok għas-sentenza van Ardennen, il-qorti tar-rinviju riedet, b’mod partikolari, tkun taf jekk id-dispożizzjonijiet tad-Direttiva 80/987 kellhomx jiġu interpretati fis-sens li jipprekludu leġiżlazzjoni nazzjonali li tissuġġetta l-possibbiltà għall-ħaddiema li min jimpjegahom ikun insolventi, li jinvokaw id-dritt sħiħ tagħhom għall-ħlas ta’ pretensjonijiet salarjali mhux imħallsa għall-obbligu li jirreġistraw bħala persuna li qed tfittex impjieg. Il-Qorti tal-Ġustizzja ddeċidiet li l-Artikoli 3 u 4 ta’ din id-direttiva jipprekludu leġiżlazzjoni nazzjonali bħal dik (67).

89.      Sabiex tirrispondi għal din id-domanda, il-Qorti tal-Ġustizzja, fl-ewwel lok, fakkret l-għan soċjali tal-imsemmija direttiva, filwaqt li rrilevat li kien sabiex jinkiseb dan l-għan li l-Artikolu 3 tal-istess direttiva impona fuq l-Istati Membri l-obbligu li jieħdu l-miżuri neċessarji sabiex l-istituzzjonijiet ta’ garanzija jiżguraw, bla ħsara għall-Artikolu 4 tad‑Direttiva 80/987, il-ħlas ta’ dawn l-pretensjonijiet mhux imħallsa tal-ħaddiema (68).

90.      Fit-tieni lok, hija kkonstatat li mill-proċess kien jirriżulta li l-leġiżlazzjoni inkwistjoni f’dik il-kawża ma kinitx tipprevedi limitu massimu għal rimbors u għalhekk ma kinitx taqa’ taħt il-fakultà prevista fl-Artikolu 4(3) ta’ din d-direttiva, u dan peress li dan l-Artikolu 4 kellu jiġi interpretat b’mod restrittiv u konformi mal-għan soċjali tagħha. F’dan ir-rigward, hija fakkret li l-każijiet li fihom huwa permess li jiġi limitat l-obbligu ta’ ħlas tal-istituzzjonijiet ta’ garanzija kienu elenkati b’mod eżawrjenti mill-imsemmija direttiva, u li d-dispożizzjonijiet ikkonċernati kellhom jiġu interpretati b’mod strett, fid-dawl tan-natura derogatorja tagħhom u tal-għan tal-istess direttiva (69).

91.      Kif inzerta fil-kawża li tat lok għas-sentenza van Ardennen, il-proċess ippreżentat lill-Qorti tal-Ġustizzja f’din il-kawża ma jippermettix li jitqies li l-Istat Żvediż ried jagħmel użu mill-fakultà, prevista fl-Artikolu 4(1) tad-Direttiva 2008/94, li jillimita r-responsabbiltà tal-istituzzjonijiet ta’ garanzija msemmija fl-Artikolu 3 tagħha. Barra minn hekk, kif diġà indikajt, la d-deċiżjoni tar-rinviju u lanqas l-osservazzjonijiet tal-partijiet ma jipprovdu indikazzjonijiet dwar xi abbuż potenzjali li l-obbligu ta’ reġistrazzjoni bħala persuna li qed tfittex impjieg huwa intiż li jipprevjeni (70).

92.      Għaldaqstant, jiena tal-fehma li l-Artikoli 3 u 4, kif ukoll l-Artikolu 12(a) ta’ din id-direttiva għandhom jiġu interpretati fis-sens li jipprekludu leġiżlazzjoni nazzjonali li timponi fuq il-ħaddiem l-obbligu li jirreġistra ruħu bħala persuna li qed tfittex impjieg mal-Aġenzija Nazzjonali għall-Impjieg sabiex l-allowance tal-avviż tat-temm ta’ impjieg għall-perijodu li matulu l-ħaddiem ma jkunx wettaq xogħol għal terz jiġi kopert mill-garanzija għall-ħlas ta’ remunerazzjonijiet.

C.      Fuq ir-raba’ domanda preliminari

93.      Permezz tar-raba’ domanda tagħha, il-qorti tar-rinviju tistaqsi, essenzjalment, jekk id-Direttiva 2008/94 għandhiex tiġi interpretata fis-sens li ħaddiem jista’ jinvoka dritt li jibbenefika mill-garanzija għall-ħlas ta’ remunerazzjonijiet u b’hekk jibbaża l-pretensjoni tiegħu għal remunerazzjoni mhux imħallsa direttament fuq din id-direttiva.

94.      Kif indika l-Avukat Ġenerali Emiliou fil-konklużjonijiet tiegħu fil-kawża Gabel Industria Tessile u Canavesi (71), “[f]tit suġġetti affaxxinaw ġenerazzjonijiet ta’ avukati tal-Unjoni Ewropea daqs dak tal-effett dirett tad-direttivi”. Kuntrarjament għal dik il-kawża, għalkemm ir-risposta għad-domanda magħmula mill-qorti tar-rinviju tista’ tidher, mal-ewwel daqqa t’għajn, inqas evidenti mill-ewwel domanda preliminari mqajma fil-kawża Gabel Industria Tessile u Canavesi (72), minn qari tal-ġurisprudenza tal-Qorti tal-Ġustizzja jirriżulta li r-risposta għaliha hija pjuttost sempliċi. B’mod partikolari, għalkemm il-qorti tar-rinviju tistaqsi dwar l-effett dirett tad-dispożizzjonijiet tal-imsemmija direttiva, nirrileva li l-kwistjoni mqajma ma kkreatx kontroversja bejn il-partijiet, peress li l-Kummissjoni hija l-unika parti kkonċernata li wieġbet għaliha. Minkejja dan, ser infakkar fil-qosor il-punti prinċipali tal-ġurisprudenza storika dwar l-effett dirett vertikali tad-dispożizzjonijiet tad-direttivi, jiġifieri f’kawża bejn individwu u Stat Membru, bħal ma hija s-sitwazzjoni f’dan il-każ.

95.      Dwar il-formulazzjoni ġenerali attwalment użata mill-Qorti tal-Ġustizzja, jirriżulta minn ġurisprudenza stabbilita li, fil-każijiet kollha fejn id-dispożizzjonijiet ta’ direttiva jidhru, mill-perspettiva tal-kontenut tagħhom, inkundizzjonati u suffiċjentement preċiżi, il-persuni privati jistgħu jinvokawhom quddiem il-qrati nazzjonali kontra l-Istat meta dan ikun naqas milli jittrasponi d-direttiva fid-dritt nazzjonali fit-termini previsti jew meta dan jittrasponiha b’mod inkorrett (73). Il-Qorti tal-Ġustizzja ppreċiżat li dispożizzjoni tad-dritt tal-Unjoni hija, minn naħa, inkundizzjonata meta din tistabbilixxi obbligu li ma huwa kkwalifikat b’ebda kundizzjoni u lanqas ma huwa suġġett, fl-eżekuzzjoni tiegħu jew fl-effetti tiegħu, għall-intervent ta’ att kemm tal-istituzzjonijiet tal-Unjoni kemm tal-Istati Membri u, min-naħa l-oħra, li tkun biżżejjed preċiża sabiex tiġi invokata minn parti fil-kawża u tiġi applikata mill-qorti meta tistabbilixxi obbligu f’termini inekwivokabbli (74). Minbarra dan, il-Qorti tal-Ġustizzja ddeċidiet li, anki jekk direttiva tħalli lill-Istati Membri ċerta marġni ta’ diskrezzjoni meta jadottaw il-modalitajiet tal-implimentazzjoni tagħha, dispożizzjoni ta’ din id-direttiva tista’ titqies bħala li għandha natura inkundizzjonata u preċiża meta timponi fuq l-Istati Membri, f’termini inekwivokabbli, obbligu ta’ riżultat preċiż u li ma jinkludi ebda kundizzjoni rigward l-applikazzjoni tar-regola li din tistabbilixxi (75).

96.      B’mod partikolari, fir-rigward tad-Direttiva 2008/94, infakkar li fis-sentenza Francovich et, il-Qorti tal-Ġustizzja diġà ddeċidiet, qabelxejn, li l-Artikoli 1 u 2 ta’ din id-direttiva huma suffiċjentement preċiżi u inkundizzjonati sabiex jippermettu lil qorti nazzjonali ssir taf jekk persuna għandhiex jew le titqies bħala benefiċjarja tal-imsemmija direttiva (76).

97.      Sussegwentement, hija żiedet li l-Artikolu 3 u l-Artikolu 4(1) u (2) tal-istess direttiva dwar il-kontenut tal-garanzija, jagħtu lill-Istati Membri ċertu marġni ta’ diskrezzjoni f’dak li jirrigwarda l-metodi ta’ kif tiġi stabbilita din il-garanzija, u l-limitazzjoni tal-ammont tagħha ma taffettwax in-natura preċiża u inkundizzjonata tar-riżultat preskritt (77). Madankollu, fir-rigward tal-persuna obbligata li tagħti l-garanzija, il-Qorti tal-Ġustizzja ddeċidiet li d-dispożizzjonijiet tad-Direttiva 2008/94 ma jispeċifikawx l-identità tal-persuna responsabbli għal din il-garanzija, u li l-Istat ma jistax jitqies bħala responsabbli għas-sempliċi raġuni li hu naqas milli jieħu l-miżuri neċessarji għat-traspożizzjoni fit-terminu preskritt (78).

98.      Dan l-aħħar element ġie ppreċiżat iktar tard fis-sentenza Gharehveran li kienet tikkonċerna wkoll lir-Renju tal-Iżvezja (79). Fil-fatt, il-Qorti tal-Ġustizzja ppreċiżat li meta Stat Membru jindika lilu nnifsu bħala responsabbli għall-ħlas tal-pretensjonijiet ta’ remunerazzjoni li huma ggarantiti taħt din id-direttiva, huwa jkun uża b’mod sħiħ il-marġni ta’ evalwazzjoni mogħtija lilu, skont l-Artikoli 3(1) u tal-Artikolu 5 tal-imsemmija direttiva, fl-implementazzjoni ta’ din tal-aħħar u, għaldaqstant, ħaddiem jista’ jibbaża d-dritt tiegħu għall-ħlas mingħand l-Istat Membru direttament fuq l-istess direttiva meta jmur quddiem qorti nazzjonali (80). Fil-każ preżenti, ir-Renju tal-Iżvezja eżerċita s-setgħa ta’ evalwazzjoni tiegħu abbażi tal-Artikolu 5 tad-Direttiva 2008/94.

99.      Għaldaqstant, minn din il-ġurisprudenza jirriżulta li ħaddiem jista’ jinvoka, quddiem qorti nazzjonali, id-dritt għall-ħlas tal-pretensjoni ta’ remunerazzjoni tiegħu kontra l-Istat Membru kkonċernat, anki jekk il-leġiżlazzjoni ta’ dan l-Istat Membru tkun imponiet, bi ksur ta’ din id-direttiva, kundizzjoni sabiex ikun jista’ jagħmel hekk.

V.      Konklużjoni

100. Fid-dawl tal-kunsiderazzjonijiet preċedenti, nipproponi li l-Qorti tal-Ġustizzja tirrispondi kif ġej għad-domandi preliminari magħmula mis-Sundsvalls tingsrätt (il-Qorti tal-Ewwel Istanza ta’ Sundsvall, l-Iżvezja):

1)      L-Artikolu 1 u l-Artikolu 2(1) tad-Direttiva 2008/94/KE tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tat‑22 ta’ Ottubru 2008 dwar il-protezzjoni ta’ l-impjegati fil-każ ta’ l-insolvenza ta’ min iħaddimhom,

għandhom jiġu interpretati fis-sens li:

persuna li timpjega għandha titqies li tinsab fi “stat ta’ insolvenza” meta tkun ġiet suġġetta għal proċedura kollettiva ta’ ristrutturazzjoni inkluża fl-Anness A tar-Regolament (UE) 2015/848 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tal-20 ta’ Mejju 2015 dwar proċedimenti ta’ insolvenza, liema proċedura tista’ tiġi ordnata minn qorti nazzjonali biex tippermetti lil operatur ekonomiku li għaddej minn diffikultajiet finanzjarji li jinvolvu riskju ta’ insolvenza li jorganizza mill-ġdid l-attività tiegħu taħt id-direzzjoni ta’ amministratur, u li matulha l-istess operatur ikun parzjalment żvestit mill-assi tiegħu, u dan kollu jibqa’ minnu anki fejn l-Istat Membru kkonċernat ma jkunx innotifika l-imsemmija proċedura skont l-Artikolu 13 ta’ din id-direttiva.

2)      L-Artikoli 3 u 4 kif ukoll l-Artikolu 12(a) tal-imsemmija direttiva,

għandhom jiġu interpretati fis-sens li:

jipprekludu leġiżlazzjoni nazzjonali li timponi fuq il-ħaddiem l-obbligu li jirreġistra ruħu bħala persuna li qed tfittex impjieg mal-Aġenzija Nazzjonali għall-Impjieg sabiex l-allowance tal-avviż tat-temm ta’ impjieg għall-perijodu li matulu l-ħaddiem ma jkunx wettaq xogħol għal terz jiġi kopert mill-garanzija għall-ħlas ta’ remunerazzjonijiet.

3)      L-istess direttiva,

għandha tiġi interpretata fis-sens li:

ħaddiem jista’ jinvoka, quddiem qorti nazzjonali, id-dritt għall-ħlas tal-pretensjoni ta’ remunerazzjoni tiegħu kontra l-Istat Membru kkonċernat, anki jekk il-leġiżlazzjoni ta’ dan l-Istat Membru tkun imponiet, bi ksur tad-Direttiva 2008/94, kundizzjoni sabiex ikun jista’ jagħmel hekk.


1      Lingwa oriġinali: il-Franċiż.


2      Direttiva tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tat‑22 ta’ Ottubru 2008 dwar il-protezzjoni ta’ l-impjegati fil-każ ta’ l-insolvenza ta’ min iħaddimhom (ĠU 2008, L 283, p. 36).


3      Regolament tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tal‑20 ta’ Mejju 2015 dwar proċedimenti ta’ insolvenza (ĠU 2015, L 141, p. 19, rettifiki fil-ĠU 2016, L 349, p. 9, fil-ĠU 2025, L 90433, p. 1 u fil-ĠU 2026, L 90283, p. 1).


4      Sentenza tas‑17 ta’ Novembru 2011 (C‑435/10, iktar ’il quddiem is-“sentenza van Ardennen”, EU:C:2011:751).


5      Sentenza tal‑15 ta’ Jannar 2026, Verein für Konsumenteninformation (Kummissjoni miġbura minn intermedjarju) (C‑45/24, EU:C:2026:2, punt 26 u l-ġurisprudenza ċċitata).


6      Ara, f’dan is-sens, is-sentenza tat‑30 ta’ April 2025, Genzyński (C‑278/24, EU:C:2025:299, punt 66).


7      Sentenza tat‑18 ta’ April 2013, Mustafa (C‑247/12, iktar ’il quddiem is-“sentenza Mustafa”, EU:C:2013:256, punt 30 u l-ġurisprudenza ċċitata).


8      Sentenzi Mustafa (punti 31 u 32) kif ukoll tal‑25 ta’ Novembru 2020, Sociálna poisťovňa (C‑799/19, iktar ’il quddiem is-“sentenza Sociálna poisťovňa”, EU:C:2020:960, punt 50).


9      Ara s-sentenzi tat‑18 ta’ Jannar 1984, Ekro (C‑327/82, EU:C:1984:11, punt 11); tat‑12 ta’ Jannar 2023, TP (Editur awdjoviżiv għat-televiżjoni pubblika) (C‑356/21, EU:C:2023:9, punt 34), u tad‑19 ta’ Marzu 2026, Institutul G. Călinescu (C‑649/23, EU:C:2026:213, punt 47).


10      Ara l-punt 36 ta’ dawn il-konklużjonijiet.


11      Ara l-punt 35 ta’ dawn il-konklużjonijiet. Ara fuq in-natura kumulattiva ta’ dawn iż-żewġ kundizzjonijiet, is-sentenza Sociálna poisťovňa (punt 53).


12      Kieku dan kien il-każ, kien ikun biżżejjed li jiġi ddefinit l-istat ta’ insolvenza tal-persuna li timpjega billi jsir riferiment esklużivament għad-definizzjoni prevista mid-dritt nazzjonali.


13      Ara, f’dan is-sens, il-Proposta għal Regolament tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill dwar il-Qafas Legali Korporattiv tat‑28 Reġim – “Eu Inc.”, tat‑18 ta’ Marzu 2026, COM(2026) 321 finali, 2026/0074(COD), p. 25, li tinkludi, fil-Kapitolu X tagħha, proċediment ta’ insolvenza għall-istralċ issimplifikat ta’ kumpaniji EU Inc. insolventi li huma start-ups innovattivi.


14      Ara l-punt 34 ta’ dawn il-konklużjonijiet.


15      Huwa f’dan is-sens li għandu jinftiehem il-punt 37 tas-sentenza tas‑27 ta’ Marzu 2014, Torralbo Marcos (C‑265/13, EU:C:2014:187) li fiha l-Qorti tal-Ġustizzja ddeċidiet li mill-kliem tal-Artikolu 2(1) tad-Direttiva 2008/94 jirriżulta li l-kwistjoni dwar jekk persuna li timpjega għandhiex titqies li tinsab fi “stat ta’ insolvenza”, għall-finijiet ta’ din id-direttiva, taqa’ taħt l-applikazzjoni tad-dritt nazzjonali kif ukoll ta’ deċiżjoni jew ta’ konstatazzjoni tal-awtorità nazzjonali kompetenti.


16      Skont is-sens abitwali tagħha, it-terminu “insolvenza” jirreferi għall-istat ta’ persuna jew ta’ impriża li ma tistax tħallas id-djun tagħha minħabba nuqqas ta’ assi disponibbli (ara, b’mod partikolari, id-dizzjunarju Larousse u d-dizzjunarju Le Robert). Ara wkoll, f’dan is-sens, il-premessa 17 tar-Regolament 2015/848, il-premessa 28 tad-Direttiva (UE) 2019/1023 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tal‑20 ta’ Ġunju 2019 dwar oqfsa ta’ ristrutturar preventiv, dwar il-ħelsien mid-dejn u l-iskwalifiki, u dwar miżuri sabiex tiżdied l-effiċjenza tal-proċeduri li jikkonċernaw ir-ristrutturar, l-insolvenza u l-ħelsien mid-dejn, u li temenda d-Direttiva (UE) 2017/1132 (Direttiva dwar ir-ristrutturar u l-insolvenza) (ĠU 2019, L 172, p. 18, rettifika fil-ĠU 2026, L 90284, p. 1), kif ukoll l-Artikolu 13 tad-Direttiva (UE) 2026/799 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tat‑30 ta’ Marzu 2026 li tarmonizza ċerti aspetti tal-liġi dwar l-insolvenza (ĠU L 2026,799, p. 1).


17      Xhieda ta’ dan hija d-Direttiva 2026/799 li tirreferi espressament għad-dritt nazzjonali f’dak li jirrigwarda d-determinazzjoni tal-insolvenza u tal-inkapaċità ta’ debitur li jħallas id-djun tiegħu meta dawn isiru dovuti skont id-dritt nazzjonali (ara l-premessa 16, l-Artikolu 7(1)(a) u (2)(b), it-tieni subparagrafu tal-Artikolu 21(1) kif ukoll l-ewwel subparagrafu tal-Artikolu 40(1) ta’ din id-direttiva).


18      Ara, f’dan is-sens, K. Lenaerts, u J. Gutiérrez-Fons, Les méthodes d’interprétation de la Cour de justice de l’Union européenne, Bruylant, Brussell, 2020, b’mod partikolari l-punt 32, p. 25, fejn l-awturi ma jeskludux għal kollox li l-kunċett inkwistjoni jista’ jiġi ddefinit b’mod awtonomu, u dan minkejja l-eżistenza ta’ riferiment espliċitu għad-dritt nazzjonali.


19      Ara l-Artikolu 10, li jinsab fil-Kapitolu 2, tal-Liġi dwar il-Proċedura ta’ Ristrutturazzjoni. Ara l-punt 6 ta’ dawn il-konklużjonijiet.


20      Il-qorti tar-rinviju tindika li kieku hu rreġistra ruħu bħala persuna li qed tfittex impjieg mal-Aġenzija Nazzjonali għall-Impjieg, FX kien jissodisfa l-kundizzjonijiet previsti fit-tieni paragrafu tal-Artikolu 7a tal-Liġi dwar il-Garanzija għall-Ħlas ta’ Remunerazzjonijiet sabiex ħaddiem jibbenefika mill-garanzija tal-Istat għall-ħlas tar-remunerazzjonijiet fil-każ ta’ proċedura ta’ ristrutturazzjoni. Ara, f’dan ir-rigward, il-punt 9 ta’ dawn il-konklużjonijiet.


21      F’dan ir-rigward, proċedura “bbażati [bbażata] fuq l-insolvenza” ma għandhiex neċessarjament tiġi assimilata ma’ “proċedura ta’ insolvenza”.


22      L-istess ambigwità lingwistika toħroġ mill-maġġoranza tal-verżjonijiet lingwistiċi eżaminati, b’mod partikolari, fil-verżjoni bil-lingwa Ingliża “collective proceedings based on insolvency of the employer”; fil-verżjoni bl-Ispanjol “procedimiento colectivo basado en la insolvencia del empresario”; fil-verżjoni bil-lingwa Litwana “pradėti kolektyvinius procesinius veiksmus dėl darbdavio nemokumo”, fil-verżjoni bil-lingwa Olandiża “een in de wettelijke of bestuursrechtelijke bepalingen van een lidstaat neergelegde, op de insolventie van de werkgever berustende collectieve procedure”, u fil-verżjoni bil-lingwa Pollakka “ otwarcie postępowania zbiorowego w oparciu o niewypłacalność pracodawcy”. Madankollu, nikkonstata li l-verżjoni Ġermaniża hija iktar speċifika (“das die Insolvenz des Arbeitgebers voraussetzt”) u tissuġġerixxi l-insolvenza bħala kundizzjoni preliminari għal din il-proċedura.


23      Ara dak li qabel kien l-Artikolu 137(1)(b) TKE.


24      Il-premessa 7 tipprovdi: “L-Istati Membri jistgħu jiffissaw limitazzjonijiet tar-responsabbiltà ta’ l-istituzzjonijiet ta’ garanzija, [liema] limitazzjonijiet għandhom ikunu kompatibbli ma’ l-għan soċjali tad-Direttiva u jistgħu jieħdu kont tal-livelli differenti tal-pretensjonijiet.” Enfasi tiegħi.


25      Minn ġurisprudenza stabbilita sew tal-Qorti tal-Ġustizzja jirriżulta li l-għan soċjali tad-Direttiva 2008/94 huwa li tiggarantixxi lill-ħaddiema kollha livell minimu ta’ protezzjoni fi ħdan l-Unjoni f’każ ta’ insolvenza tal-persuna li timpjega billi jitħallsu l-pretensjonijiet mhux imħallsa li jirriżultaw minn kuntratti jew minn relazzjonijiet ta’ xogħol u li jirrigwardaw ir-remunerazzjoni relatata ma’ perijodu determinat. Ara, b’mod partikolari, is-sentenza, van Ardennen (punt 27 u l-ġurisprudenza ċċitata). Ara wkoll is-sentenzi tal‑25 ta’ Lulju 2018, Guigo (C‑338/17, EU:C:2018:605, punt 28) u s-sentenza Sociálna poisťovňa (punt 64).


26      Ara l-punt 4.1.1 tal-proposta għal Direttiva tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill li temenda d-Direttiva tal-Kunsill 80/987/KEE dwar l-approssimazzjoni tal-liġijiet tal-Istati Membri relatati mal-protezzjoni tal-impjegati fil-każ tal-insolvenza ta’ min iħaddimhom (ĠU 2001, C 154 E, p. 109, iktar ’il quddiem imsejħa l-“proposta tal-Kummissjoni għal direttiva”). Enfasi tiegħi.


27      Ara, b’mod partikolari, il-Komunikazzjoni tal-Kummissjoni “Strutturar mill-ġdid u impjieg: li tantiċipa u takkumpanja l-istrutturar mill-ġdid biex jiżviluppa l-impjieg: ir-rwol tal-Unjoni Ewropea”, COM(2005) 120 finali.


28      Ara l-punt 65 ta’ dawn il-konklużjonijiet.


29      Ara, b’analoġija u b’mod partikolari, is-sentenza tad‑19 ta’ Novembru 2009, Sturgeon et (C‑402/07 u C‑432/07, EU:C:2009:716, punt 48 u l-ġurisprudenza ċċitata).


30      Fil-każ tal-proċedura ta’ ristrutturazzjoni Żvediża, mill-kuntest ġuridiku tal-kawża jirriżulta li, anki jekk iżomm il-kontroll tal-assi tiegħu matul din il-proċedura, id-debitur ma jistax b’danakollu jonora, mingħajr il-kunsens tal-amministratur, l-impenji li nħolqu qabel id-deċiżjoni ta’ ftuħ tal-proċedura ta’ ristrutturazzjoni (ara l-punt 7 ta’ dawn il-konklużjonijiet).


31      Fil-fatt, in-neċessità li jiġi ggarantit il-ħlas tal-pretensjonijiet mhux imħallsa lil ħaddiem ma għandhiex tkun suġġetta għat-twettiq ta’ pjan ta’ ristrutturazzjoni min-naħa tal-persuna li timpjegah.


32      Ara, b’analoġija, is-sentenza tad‑19 ta’ Novembru 2009, Sturgeon et (C‑402/07 u C‑432/07, EU:C:2009:716, punti 50 sa 60).


33      Ara l-punt 8 ta’ dawn il-konklużjonijiet.


34      Ara s-sentenza Mustafa (punt 34). Din il-premessa tipprovdi wkoll: “[f]’dan il-kuntest, l-Istati Membri għandhom, sabiex jistabbilixxu r-responsabbiltà ta’ l-istituzzjoni ta’ garanzija, ikunu jistgħu jistabbilixxu li fejn sitwazzjoni ta’ insolvenza tirriżulta fi proċeduri diversi ta’ l-insolvenza, is-sitwazzjoni tiġi trattata bħala proċedura waħdanija ta’ insolvenza”.


35      Ara s-sentenza Mustafa (punt 33).


36      Ara s-sentenza tad‑9 ta’ Novembru 1995, Francovich (C‑479/93, EU:C:1995:372). Skont il-proposta ta’ direttiva tal-Kummissjoni, din is-sentenza kienet tat interpretazzjoni litterali tal-kunċett ta’ “stat ta’ insolvenza” fis-sens li dan kien japplika għall-ħaddiema kollha li kienu impjegati minn persuni li setgħu, skont id-dritt nazzjonali applikabbli għalihom, ikunu s-suġġett ta’ proċedura ta’ stralċ. Din l-interpretazzjoni stretta kienet għalhekk teħtieġ adattament leġiżlattiv ta’ dan il-kunċett. Ara l-punt 4.1.1 ta’ din il-proposta għal direttiva.


37      Direttiva tal-Kunsill tal‑20 ta’ Ottubru 1980 dwar it-taqrib tal-liġijiet tal-Istati Membri dwar il-protezzjoni tal-impjegati f’każ ta’ l-insolvenza ta’ min iħaddimhom (ĠU Edizzjoni Speċjali bil-Malti, Kapitolu 5, Vol. 1, p. 217).


38      Direttiva tal-Kunsill 98/59/KE tal‑20 ta’ Lulju 1998 dwar l-approssimazzjoni tal-liġijiet ta’ l-Istati Membri dwar redundancies kollettivi (ĠU Edizzjoni Speċjali bil-Malti, Kapitolu 5, Vol. 3 p. 327), kif emendata mid-Direttiva (UE) 2015/1794 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tas‑6 ta’ Ottubru 2015 (ĠU 2015, L 263, p. 1).


39      Direttiva tal-Kunsill 98/50/KE tad‑29 ta’ Ġunju 1998 li temenda d-Direttiva 77/187/KEE dwar l-approssimazzjoni tal-liġijiet ta’ l-Istati Membri relatati mas-salvagwardja tad-drittijiet tal-impjegati f’każ ta’ trasferiment ta’ impriżi, negozji jew partijiet ta’ negozji (ĠU 1998, L 201, p. 88). Din id-direttiva tħassret mid-Direttiva tal-Kunsill 2001/23/KE tat‑12 ta’ Marzu 2001 dwar l-approssimazzjoni tal-liġijiet ta’ l-Istati Membri relatati mas-salvagwardja tad-drittijiet ta’ l-impjegati fil-każ ta’ trasferiment ta’ impriżi, negozji jew partijiet ta’ impriżi jew negozji (ĠU Edizzjoni Speċjali bil-Malti, Kapitolu 5, Vol. 4, p. 98).


40      Ara l-punt 4.1.1 tal-proposta ta’ direttiva tal-Kummissjoni dwar l-isforz tagħha sabiex iġġib id-Direttiva 80/987 f’konformità ma’ dawn id-direttivi.


41      Regolament tal-Kunsill (KE) Nru 1346/2000 tad‑29 ta’ Mejju 2000 dwar proċedimenti ta’ falliment (ĠU Edizzjoni Speċjali bil-Malti, Kapitolu 19, Vol. 1, p. 191) Dan l-aħħar regolament tħassar bis-saħħa tal-Artikolu 91 tar-Regolament (UE) 2015/848 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tal‑20 ta’ Mejju 2015 dwar proċedimenti ta’ insolvenza (ĠU 2015, L 141, p. 19, rettifika fil-ĠU 2015, L 141, p. 8).


42      Ara s-sentenza tat‑8 ta’ Novembru 2012, Radziejewski (C‑461/11, EU:C:2012:704, punt 24).


43      Ara s-sentenza tat‑22 ta’ Novembru 2012, Bank Handlowy u Adamiak (C‑116/11, EU:C:2012:739, punt 33). Ara wkoll il-konklużjonijiet tal-Avukat Ġenerali Kokott fil-kawża Bank Handlowy u Adamiak (C‑116/11, EU:C:2012:308, punti 48 sa 52).


44      F’dan ir-rigward, fil-konklużjonijiet tiegħu fil-kawża A (C‑716/17, EU:C:2019:262, punti 22 sa 32), l-Avukat Ġenerali Szpunar irrileva d-dubji espressi minn ċerti awturi dottrinali dwar l-inklużjoni, fl-Anness A tar-Regolament Nru 1346/2000, tal-proċeduri nazzjonali li ma kinux jissodisfaw il-kundizzjonijiet stabbiliti fl-Artikolu 1(1) ta’ dan ir-regolament.


45      Fil-fatt, mill-premessa 9 tar-Regolament Nru 2015/848 jirriżulta li “il-proċedimenti ta’ insolvenza huma elenkati b'mod eżawrjenti fl-Anness A. Fir-rigward ta’ proċeduri nazzjonali li jinsabu fl-Anness A, dan ir-Regolament għandu japplika mingħajr ebda eżami ulterjuri mill-qrati ta’ Stat Membru ieħor rigward jekk il-kondizzjonijiet stabbiliti [fl-istess Regolament] humiex issodisfati. Proċeduri nazzjonali ta’ insolvenza mhux elenkati fl-Anness A ma għandhomx ikunu koperti [bl-istess Regolament]”.


46      Rapport mill-Kummissjoni lill-Parlament Ewropew u lill-Kunsill dwar l-implimentazzjoni u l-applikazzjoni ta’ ċerti dispożizzjonijiet tad-Direttiva 2008/94/KE dwar il-protezzjoni tal-impjegati fíl-każ tal-insolvenza ta’ min iħaddimhom, [COM(2011) 84 finali].


47      Enfasi tiegħi.


48      Fil-mument tar-redazzjoni tal-imsemmi rapport, dan kien jirrigwarda, b’mod partikolari, ir-Repubblika Federali tal-Ġermanja, l-Irlanda, l-Ungerija u r-Repubblika tas-Slovenja.


49      Għandu jitfakkar li dan l-Artikolu 1(1) tar-Regolament Nru 1346/2000 kien jiddefinixxi l-kamp ta’ applikazzjoni ta’ dan ir-regolament fis-sens li dan tal-aħħar kien japplika “għal proċedimenti kollettivi ta’ falliment li jinvolvu t-tneħħija tal-assi parzjali jew totali ta’ debitur u l-ħatra ta’ likwidatur”. Għaldaqstant, dan l-artikolu kien jeskludi mill-kamp ta’ applikazzjoni tal-imsemmi regolament il-proċeduri kollettivi li jippermettu lid-debitur iżomm il-kontroll totali tal-beni tiegħu. Minkejja dan, għandu jitfakkar li diversi proċeduri ta’ ristrutturazzjoni, ta’ riorganizzazzjoni, ta’ ftehimiet mal-kredituri jew ta’ salvataġġ kienu jinsabu fl-Anness A tal-istess regolament .


50      Ara s-sentenza Mustafa (punt 37).


51      Ara G. Moss, I.F. Fletcher u S. Isaacs, The EU Regulation on Insolvency Proceedings, it‑tielet edizzjoni, Oxford University Press, Oxford, 2016, p. 527.


52      Ara l-punt 62 ta’ dawn il-konklużjonijiet.


53      It-tieni subparagrafu tal-Artikolu 1(1) tar-Regolament 2015/848, moqri flimkien mal-premessa 10 tiegħu.


54      Ara n-nota ta’ qiegħ il-paġna 16 ta’ dawn il-konklużjonijiet.


55      Ara iktar ’il quddiem, il-punti 48 sa 57 ta’ dawn il-konklużjonijiet.


56      L-Artikolu 13, li jinsab fil-Kapitolu V tad-Direttiva 2008/94, intitolat “Dispożizzjonijiet Ġenerali u Finali”, jipprovdi, fl-ewwel paragrafu tiegħu, li “[l]-Istati Membri għandhom jinnotifikaw lill-Kummissjoni u lill-Istati Membri l-oħra bit-tipi ta’ proċeduri nazzjonali ta’ insolvenza li jaqgħu fil-kamp ta’ applikazzjoni ta’ din id-Direttiva, u b’kull emenda relatata magħha”.


57      L-Artikolu 1 tar-Regolament 2015/848 jipprevedi, fit-tieni subparagrafu tal-paragrafu 1 tiegħu, li “[f]ejn il-proċedimenti msemmijin f’dan il-paragrafu jistgħu jitniedu f’sitwazzjonijiet fejn hemm biss probabbiltà ta’ insolvenza, l-għan tagħhom għandu jkun li tiġi evitata l-insolvenza tad-debitur jew il-waqfien tal-attivitajiet ta’ negozju tiegħu”. Enfasi tiegħi.


58      L-Artikolu 1 tar-Regolament 2015/848 jipprovdi, fit-tielet subparagrafu tal-paragrafu 1 tiegħu, li “[i]l-proċedimenti msemmija f’dan il-paragrafu huma elenkati fl-Anness A”.


59      Sentenza tad‑19 ta’ Settembru 2024, Finanzamt Wilmersdorf (Assi ta’ persuna li taħdem għal rasha) (C‑501/23, EU:C:2024:776, punt 39 u l-ġurisprudenza ċċitata).


60      Fir-rigward tas-sitwazzjonijiet transnazzjonali, l-Artikolu 9 tad-Direttiva 2008/94, li jagħmel parti mill-Kapitolu IV tagħha, intitolat “Dispożizzjonijiet li Jirrigwardaw Sitwazzjonijiet Transnazzjonali”, jipprevedi fil-paragrafu 1 tiegħu li “[j]ekk impriża li teżerċita attivitajiet fit-territorji f’mill-inqas żewġ Stati Membri tkun fi stat ta’ insolvenza fis-sens ta’ l-Artikolu 2(l), l-istituzzjoni responsabbli mill-ħlas tal-pretensonijiet pendenti ta’ l-impjegati għandha tkun dik fl-Istat Membru li fit-territorju tiegħu dawn jaħdmu jew abitwalment jaħdmu”. L-Artikolu 9(2) ta’ din id-direttiva jipprovdi dan li ġej: “Il-limitu tad-drittijiet ta’ l-impjegati għandu jiġi stabbilit mil-liġi li tirregola l-istituzzjoni kompetenti ta’ garanzija”. Ara, f’dan ir-rigward, is-sentenza tas‑16 ta’ Frar 2023, IEF Service (C‑710/21, EU:C:2023:109).


61      Ara, b’analoġija, is-sentenza tas‑7 ta’ Settembru 2006, Cordero Alonso (C‑81/05, EU:C:2006:529, punt 33).


62      Ara, b’mod partikolari, is-sentenza tas‑16 ta’ Frar 2023, IG u Agenţia Municipală pentru Ocuparea Forţei de Muncă Bucureşti (C‑524/21 u C-525/21, EU:C:2023:100, punt 46). Ara, b’analoġija, fir-rigward tal-Artikolu 10(a) tad-Direttiva 80/987, li l-formulazzjoni tiegħu hija kważi identika għal dik tal-Artikolu 12(a) tad-Direttiva 2008/94, is-sentenza tal‑11 ta’ Settembru 2003, Walcher (C‑201/01, , EU:C:2003:450, punt 36).


63      Ara, b’mod analogu, is-sentenza tal‑11 ta’ Settembru 2003, Walcher (C‑201/01, EU:C:2003:450, (punti 36 u 38).


64      Ara s-sentenza tal‑5 ta’ Mejju 2022, HJ (Kumulu ta’ funzjonijiet ta’ membru tal-bord tad-diretturi u ta’ direttur ta’ kumpannija) (C‑101/21, EU:C:2022:356, punt 41 u l-ġurisprudenza ċċitata).


65      Ara l-Artikolu 7a tal-Liġi dwar il-Garanzija għall-Ħlas ta’ Remunerazzjonijiet u l-punt 9 ta’ dawn il-konklużjonijiet.


66      Mid-deċiżjoni tar-rinviju jirriżulta li dan l-għan joħroġ mill-Proposta leġiżlattiva 1993/94:208 Förändringar i lönegarantisystemet (Proposta leġiżlattiva 1993/94:208 dwar l-emenda tas-sistema ta' garanzija tal-pagi f'każ ta' falliment), datata 24 ta' Marzu, 1994  , p. 15, 30, 31, 34 et seq.


67      Ara s-sentenza van Ardennen (punti 26 u 39).


68      Ara, b’analoġija, is-sentenza van Ardennen (punti 27 u 28). Il-Qorti tal-Ġustizzja diġà indikat li dawn l-artikoli jikkorrispondu, essenzjalment, għall-Artikoli 3 u 4 tad-Direttiva 2008/94. Ara s-sentenza tat‑28 ta’ Novembru 2013, Gomes Viana Novo et (C‑309/12, EU:C:2013:774, punt 23). Għandu jitfakkar li l-ewwel subparagrafu tal-Artikolu 3 tad-Direttiva 2008/94 jipprovdi: “L-Istati Membri għandhom jieħdu l-miżuri meħtieġa sabiex jiżguraw li l-istituzzjonijiet ta’ garanzija jiggarantixxu, suġġett għall-Artikolu 4, il-ħlas tal-pretensjoniet pendenti, ta’ ħaddiema, li jirriżultaw minn kuntratti ta’ impjieg jew minn relazzjonijiet ta’ impjieg, inkluża, fejn previst mil-liġijiet nazzjonali, paga terminali fi tmiem ir-relazzjonijiet ta’ l-impjieg”. Il-Qorti tal-Ġustizzja diġà ddeċidiet li t-tieni subparagrafu tal-Artikolu 3 ta’ din id-direttiva jagħti lill-Istati Membri l-possibbiltà li jiddeterminaw id-data li qabilha u/jew, skont il-każ, li warajha jkun jinsab il-perijodu li fih il-pretensjonijiet li jikkorrispondu għal remunerazzjonijiet mhux imħallsa jittieħdu taħt ir-responsabbiltà tal-istitut ta’ garanzija, u jħalli lill-Istati Membri l-libertà li jiddeterminaw data xierqa. Ara s-sentenzi Mustafa (punt 39), u tas‑16 ta’ Frar 2023,IG u Agenţia Municipală pentru Ocuparea Forţei de Muncă Bucureşti (C‑524/21 u C‑525/21, EU:C:2023:100, punt 37).


69      Ara, b’mod analogu, is-sentenza van Ardennen (punti 33 u 34).


70      Ara l-punt 88 ta’ dawn il-konklużjonijiet.


71      Ara s-sentenza Gabel Industria Tessile u Canavesi (C‑316/22, EU:C:2023:885, punt 1, iktar ’il quddiem is-“sentenza Gabel Industria”).


72      Ara l-Konklużjonijiet tal-Avukat Ġenerali Emiliou fil-kawża ta’ Gabel Industria Tessile u Canavesi (C 316/22, EU:C:2023:885, l-punt 18).


73      Ara s-sentenza tal‑4 ta’ Diċembru 1974, van Duyn (C‑41/74, EU:C:1974:133, punti 13 u 15), kif ukoll tat‑8 ta’ Marzu 2022, Bezirkshauptmannschaft Hartberg-Fürstenfeld (Effett dirett) (C‑205/20, EU:C:2022:168, punt 17 u l-ġurisprudenza ċċitata).


74      Ara s-sentenza tal‑5 ta’ April 1979, Ratti (C‑148/78, EU:C:1979:110, punti 23 u 24), kif ukoll tat‑8 ta’ Marzu 2022, Bezirkshauptmannschaft Hartberg-Fürstenfeld (Effett dirett) (C‑205/20, EU:C:2022:168, punt 18 u l-ġurisprudenza ċċitata).


75      Ara, b’analoġija, fir-rigward tal-Artikoli 1 u 2 tad-Direttiva 80/987, is-sentenzi tad‑19 ta’ Novembru 1991, , Francovich et (C‑6/90 u C 9/90, iktar ’il quddiem is-“sentenza Francovich et”, EU:C:1991:428, punt 14), kif ukoll tat‑18 ta’ Ottubru 2001, Gharehveran (C‑441/99, iktar ’il quddiem is-“sentenza Gharehveran”, EU:C:2001:551, punt 34).


76      Ara, b’analoġija, fir-rigward tal-Artikoli 3 u 4 tad-Direttiva 80/987, is-sentenza Francovich et. (punti 18 u 22).


77      Ara, b’analoġija, is-sentenza Francovich et. (punt 18).


78      Ara, b’analoġija, is-sentenza Francovich et. (punt 26).


79      Huwa utli li jitfakkar li, f’din is-sentenza, id-domandi kienu tqajmu fil-kuntest ta’ tilwima bejn ir-Riksskatteverket (il-Bord Nazzjonali tat-Taxxa, l-Iżvezja) u ħaddiema dwar id-dritt li din tal-aħħar kellha li tikseb ħlas taħt il-Liġi dwar il-Garanzija għall-Ħlas ta’ Remunerazzjonijiet wara li l-impriża li kienet timpjegaha tqiegħdet fi stralċ.


80      Ara, f’dan is-sens, is-sentenza Gharehveran (punti 39 sa 43).