Edizzjoni Provviżorja

KONKLUŻJONIJIET TAL‑AVUKAT ĠENERALI

SPIELMANN

ippreżentati fil‑25 ta’ Settembru 2025 (1)

Kawża C‑474/24

AR,

YT,

DI,

RN

fil-preżenza ta’:

Österreichische Datenschutzbehörde,

Nationale Anti-Doping Agentur Austria GmbH (NADA Austria),

Österreichische Anti-Doping Rechtskommission (ÖADR)

(talba għal deċiżjoni preliminari mressqa mill-Bundesverwaltungsgericht (il-Qorti Amministrattiva Federali, l-Awstrija))

“Rinviju għal deċiżjoni preliminari – Protezzjoni tad-data personali – Regolament (UE) 2016/679 – Artikoli 2, 5, 6, 9 u 10 – Kamp ta’ applikazzjoni – Kunċett ta’ ‘data dwar is-saħħa’ – Kunċett ta’ ‘data personali relatata mal-kundanni kriminali u mar-reati’ – Ġlieda kontra d-doping fil-qasam tal-isport – Pubblikazzjoni online tal-isem tal-persuna li kisret ir-regoli antidoping, tat-tul tal-esklużjoni tagħha minn avvenimenti sportivi kif ukoll tar-raġunijiet għal din l-esklużjoni – Ibbilanċjar tal-interessi – Proporzjonalità – Artikoli 77 sa 79 – Rimedji ġudizzjarji – Protezzjoni ġudizzjarja effettiva”






Werrej


Introduzzjoni

Il-kuntest ġuridiku

Id-dritt tal-Unjoni

Id-dritt Awstrijak

Il-kawża prinċipali, id-domandi preliminari u l-proċedura quddiem il-Qorti tal-Ġustizzja

Analiżi

Fuq l-ewwel domanda

Fuq l-interpretazzjoni stretta tal-eċċezzjoni tal-Artikolu 2(2)(a) tal-GDPR

L-attività “antidoping” ma tevitax il-GDPR …

– … anki jekk taqa’ taħt l-Istati Membri

– …u minkejja l-“assenza” ta’ natura ekonomika tagħha

Konklużjoni fuq l-ewwel domanda

Fuq it-tieni domanda

Fuq l-interpretazzjoni wiesgħa tal-kunċett ta’ “data dwar is-saħħa”

Applikazzjoni għal dan il-każ

Konklużjoni fuq it-tieni domanda

Fuq il-ħames domanda

In-natura “kriminali” tal-kundanni u tar-reati fis-sens tal-Artikolu 10 tal-GDPR

Analiżi tan-natura “kriminali” jew le, fis-sens tal-Artikolu 10 tal-GDPR, ta’ kundanni u ta’ reati antidoping

– Klassifikazzjoni ġuridika tal-ksur fid-dritt nazzjonali

– Natura tal-ksur

– Grad ta’ severità tas-sanzjoni

Konklużjoni fuq il-ħames domanda

Fuq is-sitt domanda

Fuq it-tielet u r-raba’ domanda

Fuq il-proporzjonalità tal-pubblikazzjoni inkwistjoni

– Osservazzjonijiet preliminari u tfakkira tal-prinċipji

– Fuq l-adegwatezza tal-pubblikazzjoni sabiex jintlaħqu l-għanijiet previsti

– Fuq in-neċessità tal-pubblikazzjoni fid-dawl tal-għanijiet previsti

– Fuq il-proporzjonalità “stricto sensu”, jiġifieri l-ibbilanċjar tal-interessi inkwistjoni

Fuq il-mument tal-ibbilanċjar

Konklużjonijiet fuq it-tielet u r-raba’ domanda

Fuq is-seba’ domanda

L-ilment quddiem l-awtorità ta’ kontroll qabel l-ipproċessar ta’ data huwa ammissibbli?

L-ilment quddiem l-awtorità ta’ kontroll isir ammissibbli “a posteriori”?

Konklużjoni fuq is-seba’ domanda

Konklużjoni


 Introduzzjoni

1.        Il-leġiżlazzjoni sportiva tinsab fil-konfini ta’ diversi sorsi normattivi. Dan jidher fil-leġiżlazzjoni antidoping li hija l-frott ta’ koproduzzjoni normattiva privata u pubblika. B’mod partikolari, il-Kodiċi Dinji Antidoping (WADC), adottat b’applikazzjoni tal-istatuti tal-Aġenzija Dinjija Antidoping (WADA), huwa strument ta’ natura privata li l-Istati firmatarji ntrabtu li josservaw permezz tal-Konvenzjoni Internazzjonali tan-Nazzjonijiet Uniti Antidoping fl-Isport (2). Din il-leġiżlazzjoni, intiża sabiex tarmonizza l-politiki, regoli u regolamenti antidoping ta’ organizzazzjonijiet sportivi u ta’ awtoritajiet pubbliċi madwar id-dinja, tifforma għalhekk sistema ġuridika settorjali transnazzjonali ferm speċifika (3).

2.        Il-Qorti tal-Ġustizzja kienet diġà mitluba tiddeċiedi dwar il-kompatibbiltà ta’ leġiżlazzjonijiet sportivi fir-rigward tad-dritt tal-Unjoni, mill-angolu, b’mod partikolari, tal-libertà li jiġu pprovduti servizzi jew tal-kompetizzjoni (4).

3.        Din il-kawża tagħti lill-Qorti tal-Ġustizzja l-okkażjoni, għall-ewwel darba (5), li tanalizza ċerti aspetti tal-leġiżlazzjoni antidoping fir-rigward tar-rekwiżiti marbuta mal-protezzjoni tad-data personali. Dan jinvolvi, fil-fatt, ir-rikonċiljazzjoni, minn naħa, tar-rekwiżiti ta’ etika tal-isport, li huma riflessi f’dan il-każ fil-pubblikazzjoni nominattiva, online, tas-sanzjonijiet imposti fuq l-atleti meta dawn jiksru r-regoli antidoping, u min-naħa l-oħra, tal-protezzjoni tad-data personali ta’ dawn l-atleti, li tirriżulta mir-Regolament (UE) 2016/679 (6) (iktar ’il quddiem il-“GDPR”).

4.        Fi żmien fejn il-WADC huwa fil-proċess ta’ reviżjoni (7), il-portata tas-sentenza li ser tingħata tista’ tmur lil hinn mill-fruntieri Ewropej.

 Il-kuntest ġuridiku

 Id-dritt tal-Unjoni

5.        L-Artikolu 16 TFUE jipprevedi, fil-paragrafu 1 tiegħu, li kull persuna għandha dritt għall-protezzjoni tad-data personali li tikkonċernaha. Il-paragrafu 2 tiegħu jipprovdi li “[i]l-Parlament Ewropew u l-Kunsill, li jaġixxu skond il-proċedura leġislattiva ordinarja, għandhom jistabbilixxu r-regoli li għandhom x’jaqsmu mal-protezzjoni ta’ l-individwi fir-rigward ta’ l-ipproċessar ta’ data personali mill-istituzzjonijiet, il-korpi u l-organi ta’ l-Unjoni, kif ukoll mill-Istati Membri meta jwettqu attivitajiet li jaqgħu fil-kamp ta’ applikazzjoni tad-dritt ta’ l-Unjoni, u mal-moviment liberu ta’ din id-data. Il-ħarsien ta’ dawn ir-regoli għandu jkun suġġett għall-kontroll minn awtoritajiet indipendenti”.

6.        L-Artikolu 165 TFUE jipprevedi, fil-paragrafu 2 tiegħu, li l-azzjoni tal-Unjoni hija intiża, b’mod partikolari, għall-“iżvilupp tad-dimensjoni Ewropea fl-isport, billi tkun promossa l-ġustizzja u t-trasparenza fil-kompetizzjonijiet sportivi u l-koperazzjoni bejn il-korpi responsabbli mill-isport, u billi tkun protetta l-integrità fiżika u morali ta’ l-isportivi, speċjalment ta’ dawk l-aktar żgħażagħ fosthom”. Għal dan il-għan, fil-paragrafu 4 tiegħu jipprevedi li l-“Kunsill għandu jadotta rakkomandazzjonijiet fuq proposta mill-Kummissjoni”.

7.        Il-premessa 35 tal-GDPR tipprevedi li “[i]d-data personali dwar is-saħħa għandha tinkludi d-data kollha dwar l-istat tas-saħħa ta’ suġġett tad-data li tiżvela informazzjoni relatata mal-istat tas-saħħa fiżika jew mentali tas-suġġett tad-data fil-passat, fil-preżent jew fil-ġejjieni. Din tinkludi informazzjoni miġbura dwar il-persuna fiżika matul ir-reġistrazzjoni u għal, jew il-forniment ta’, servizzi tal-kura tas-saħħa […], numru, simbolu jew element partikolari assenjat lill-persuna fiżika għall-identifikazzjoni unika tal-persuna fiżika għall-finijiet ta’ saħħa; informazzjoni miġbura mill-ittestjar jew l-eżami ta’ parti mill-ġisem jew sustanza tal-ġisem, inkluża dik minn data ġenetika u kampjuni bijoloġiċi; u kwalunkwe informazzjoni dwar, pereżempju marda, diżabbiltà, riskju ta’ mard, storja medika, kura klinika jew l-istat fiżjoloġiku jew bijomediku tas-suġġett tad-data indipendentement mis-sors tiegħu, bħal pereżempju mingħand tabib jew professjonista tas-saħħa ieħor, sptar, apparat mediku, jew test dijanjostiku in vitro”.

8.        L-Artikolu 2 tal-GDPR, intitolat “Kamp ta’ applikazzjoni materjali”, jipprovdi fil-paragrafu 1 tiegħu li “[d]an ir-Regolament japplika għall-ipproċessar ta’ data personali kompletament jew parzjalment b’mezzi awtomatizzati, u għall-ipproċessar għajr b’mezzi awtomatizzati ta’ data personali li tifforma parti minn sistema ta’ arkivjar jew li tkun maħsuba sabiex tifforma parti minn sistema ta’ arkivjar”. Mill-Artikolu 2(2)(a) tal-GDPR jirriżulta li dan ir-regolament ma japplikax għall-ipproċessar ta’ data personali mwettaq “matul attività li ma taqax taħt il-kamp ta’ applikazzjoni tal-liġi tal-Unjoni”.

9.        L-Artikolu 4 tal-GDPR intitolat “Definizzjonijiet”, jipprevedi fil-punt 15 li għall-finijiet ta’ dan ir-regolament, “‘data dwar is-saħħa’ tfisser id-data personali relatata mas-saħħa fiżika jew mentali ta’ persuna fiżika, inkluża l-provvista ta’ servizzi tal-kura tas-saħħa, li tiżvela informazzjoni rigward l-istat ta’ saħħitha”.

10.      L-Artikolu 5 tal-imsemmi regolament, intitolat “Prinċipji relatati mal-ipproċessar ta’ data personali”, jipprevedi:

“1.      Id-data personali għandha:

(a)      tkun ipproċessata legalment, ġustament u b’mod trasparenti fir-rigward tas-suġġett tad-data (‘legalità, ġustizzja u trasparenza’);

[…]

(c)      tkun adegwata, rilevanti, u limitata għal dak li hu meħtieġ b’rabta mal-finijiet li għalihom tkun qed tiġi pproċessata (‘minimizzazzjoni tad-data’);

[…]”

11.      L-Artikolu 6 ta’ dan l-istess regolament, intitolat “Legalità tal-ipproċessar”, jistabbilixxi:

“1.      L-ipproċessar għandu jkun legali biss jekk u safejn mill-inqas ikun japplika wieħed mill-punti li ġejjin:

[…]

(c)      l-ipproċessar ikun meħtieġ għall-konformità ma’ obbligu legali li għalih huwa soġġett il-kontrollur;

[…]

(e)      l-ipproċessar ikun meħtieġ għat-twettiq ta’ kompitu li jsir fl-interess pubbliku jew fl-eżerċizzju ta’ awtorità uffiċjali mogħtija lill-kontrollur;

[…]

3.      Il-bażi għall-ipproċessar imsemmi fil-punti (c) u (e) tal-paragrafu 1 għandha tkun stipulata minn:

(a)      il-liġi tal-Unjoni, jew

(b)      il-liġi tal-Istat Membru li għaliha huwa soġġett il-kontrollur.

Il-fini tal-ipproċessar għandu jkun iddeterminat fdik il-bażi legali jew, fir-rigward tal-ipproċessar imsemmi fil-punt (e) tal-paragrafu 1, għandu jkun meħtieġ għat-twettiq ta’ kompitu li jsir fl-interess pubbliku jew fl-eżerċizzju tal-atorità uffiċjali mogħtija lill-kontrollur. Dik il-bażi legali jista’ jkun fiha dispożizzjonijiet speċifiċi biex tiġi adattata l-applikazzjoni ta’ regoli ta’ dan ir-Regolament, inklużi l-kondizzjonijiet ġenerali li jirregolaw il-legalità tal-ipproċessar mill-kontrollur; it-tipi ta’ data li huma soġġetti għall-ipproċessar; is-suġġetti tad-data kkonċernati; l-entitajiet li lilhom, jew li għalihom, tista’ tiġi żvelata d-data personali; il-limitazzjoni tal-fini; il-perijodi tal-ħażna u attivitajiet ta’ pproċessar u proċeduri ta’ pproċessar, inklużi miżuri li jiżguraw ipproċessar legali u ġust bħal dawk għal sitwazzjonijiet speċifiċi oħrajn ta’ pproċessar kif previst fil-Kapitolu IX. Il-liġi tal-Unjoni jew il-liġi tal-Istat Membru għandha tissodisfa l-objettiv ta’ interess pubbliku u tkun proporzjonata mal-għan leġittimu mfittex.

[…]”

12.      L-Artikolu 9(1) tal-GDPR, intitolat “Ipproċessar ta’ kategoriji speċjali ta’ data personali”, jipprojbixxi, b’mod partikolari, l-ipproċessar ta’ data personali dwar is-saħħa. Mill-Artikolu 9(2)(g) ta’ dan ir-regolament jirriżulta li l-paragrafu 1 ma japplikax jekk “l-ipproċessar ikun meħtieġ għal raġunijiet ta’ interess pubbliku sostanzjali, fuq il-bażi tal-liġi tal-Unjoni jew ta’ Stat Membru, li għandha tkun proporzjonata mal-għan segwit, tirrispetta l-essenza tad-dritt għall-protezzjoni tad-data u tipprevedi miżuri xierqa u speċifiċi sabiex tissalvagwardja d-drittijiet fundamentali u l-interessi tas-suġġett tad-data”.

13.      L-Artikolu 10 tal-GDPR, intitolat “Ipproċessar ta’ data personali relatata ma’ kundanni kriminali u reati”, jipprevedi li “[l]-ipproċessar ta’ data personali relatata ma’ kundanni kriminali u reati [...] għandu jsir biss taħt il-kontroll ta’ awtorità uffiċjali jew meta l-ipproċessar ikun awtorizzat minn liġi tal-Unjoni jew liġi ta’ Stat Membru li tipprevedi salvagwardji xierqa għad-drittijiet u l-libertajiet tas-suġġetti tad-data. Kwalunkwe reġistru komprensiv ta’ kundanni kriminali għandu jinżamm biss taħt il-kontroll ta’ awtorità uffiċjali”.

14.      L-Artikolu 77(1) tal-GDPR, intitolat “Dritt li jitressaq ilment quddiem awtorità superviżorja”, jipprovdi fil-paragrafu 1 tiegħu:

“Mingħajr preġudizzju għal kwalunkwe rimedju amministrattiv jew ġudizzjarju ieħor, kull suġġett tad-data għandu d-dritt li jressaq ilment quddiem awtorità superviżorja, b’mod partikolari fl-Istat Membru tar-residenza abitwali tiegħu, il-post tax-xogħol tiegħu jew il-post tal-ksur allegat, jekk is-suġġett tad-data jqis li l-ipproċessar ta’ data personali dwaru jikser dan ir-Regolament.”

15.      L-Artikolu 78(1) tal-GDPR, intitolat “Dritt għal rimedju ġudizzjarju effettiv kontra awtorità superviżorja”, jipprevedi fil-paragrafu 1 tiegħu:

“Mingħajr preġudizzju għal kwalunkwe rimedju amministrattiv jew mhux ġudizzjarju ieħor, kull persuna fiżika jew ġuridika għandu jkollha d-dritt għal rimedju ġudizzjarju effettiv kontra deċiżjoni legalment vinkolanti ta’ awtorità superviżorja li tikkonċernaha.”

 Id-dritt Awstrijak

16.      Mill-Artikolu 5(5) tal-Anti‑Doping‑Bundesgesetz 2021 (il-Liġi Federali dwar l-Antidoping 2021), tat‑23 ta’ Diċembru 2020 (BGBl. I, 152/2020) (iktar ’il quddiem l-“ADBG”), jirriżulta li n-Nationale Anti-Doping Agentur Austria GmbH (l-Aġenzija Indipendenti Antidoping, l-Awstrija, (iktar ’il quddiem “NADA”) hija kumpannija ta’ utilità pubblika b’responsabbiltà limitata li teżerċita l-funzjonijiet ta’ organu ta’ kontroll indipendenti tad-doping u hija responsabbli mill-ipproċessar tad-data personali.

17.      B’applikazzjoni tal-punt 4 tal-Artikolu 5(6) tal-ADBG, NADA tinforma lill-Bundes‑Sportorganisation (l-Organizzazzjoni Federali Sportiva, l-Awstrija), l-organizzazzjonijiet sportivi, l-atleti, il-persuni l-oħra, kif ukoll l-organizzaturi ta’ kompetizzjonijiet, u tqiegħed għad-dispożizzjoni tal-pubbliku inġenerali mingħajr ħlas ċerti elementi ta’ informazzjoni, jiġifieri “l-miżuri kawtelatorji (pereżempju, is-sospensjonijiet) u l-projbizzjonijiet li jirrigwardaw lill-atleti jew lil persuni oħra, li jkunu nġabu għall-attenzjoni [tagħha] […], u t-tneħħija tagħhom, billi tindika l-isem tas-suġġetti tad-data, it-tul tal-projbizzjoni u r-raġunijiet għaliha, mingħajr ma jkun possibbli li jinsiltu kategoriji partikolari ta’ data personali tas-suġġetti tad-data, b’mod partikolari data dwar is-saħħa. Din l-informazzjoni tista’ ma tiġix żvelata għall-persuni partikolarment vulnerabbli u l-atleti dilettanti […]”.

18.      L-Artikolu 6(2) tal-ADBG jipprevedi, b’mod partikolari, li NADA għandha tiżgura s-sigurtà tad-data personali u ta’ kategoriji partikolari ta’ data personali, b’konformità mal-Artikoli 32 sa 34 tal-GDPR. Din id-dispożizzjoni tippreċiża li “n-neċessità li tiġi pproċessata d-data tirriżulta mill-implimentazzjoni effettiva tar-regoli antidoping tal-[WADC] u tad-dispożizzjonijiet ta’ din il-liġi federali, sa fejn is-suġġetti tad-data jkunu ntrabtu kuntrattwalment li josservaw il-WADC”. Barra minn hekk, “[k]ategoriji speċjali ta’ data personali, b’mod partikolari d-data dwar is-saħħa, jistgħu jiġu pproċessati biss sa fejn dan ikun strettament neċessarju skont id-dispożizzjonijiet antidoping ta’ din il-liġi federali jew tal-WADC”.

19.      L-Österreichische Anti‑Doping Rechtskommission (il-Kumitat Legali Awstrijak Antidoping, iktar ’il quddiem l-“ÖADR”) huwa kumitat pubbliku u indipendenti ta’ korpi governattivi, ta’ individwi u ta’ NADA, li b’applikazzjoni tal-Artikolu 7(1) tal-ADBG, għandu “jieħu proċeduri dixxiplinari għall-federazzjoni sportiva federali rispettivament kompetenti b’konformità mar-regoli antidoping fis-seħħ tal-federazzjoni sportiva internazzjonali kompetenti (proċedura antidoping)”.

20.      Skont l-Artikolu 21(3) tal-ADBG, l-ÖADR għandu “mhux iktar tard minn 20 jum wara li d-deċiżjoni issir definittiva, jinforma lill-Bundes-Sportorganisation [l-Organizzazzjoni Federali Sportiva], l-organizzazzjonijiet sportivi, l-atleti rġiel u nisa, il-persuni l-oħra u l-organizzaturi ta’ kompetizzjonijiet, kif ukoll lill-pubbliku inġenerali, bil-miżuri kawtelatorji imposti (pereżempju s-sospensjonijiet) u bid-deċiżjonijiet meħuda fil-kuntest ta’ proċeduri antidoping, billi jindika l-isem tas-suġġett tad-data, it-tul tas-sospensjoni u r-raġunijiet għaliha, mingħajr ma jkun possibbli li tinsilet data dwar is-saħħa tas-suġġett tad-data. Din l-informazzjoni tista’ ma tiġix żvelata fil-każ ta’ persuni partikolarment vulnerabbli, atleti dilettanti u ta’ persuni li kkontribwixxew b’mod sinjifikattiv għad-detezzjoni ta’ ksur potenzjali tar-regoli antidoping billi kkomunikaw informazzjoni jew indikazzjonijiet oħra. Żvelar li jirrigwarda lill-atleti dilettanti jitwettaq għal raġunijiet ta’ saħħa pubblika meta ksur tar-regoli antidoping ikun ġie kkonstatat b’konformità mal-punti 3 u 9 sa 11 tal-Artikolu 1(2)”.

21.      Mill-Artikolu 23(14) tal-ADBG, jirriżulta essenzjalment li l-istess obbligi huma imposti fuq l-Unabhängige Schiedskommission (il-Kumitat Indipendenti tal-Arbitraġġ, l-Awstrija, iktar ’il quddiem l-“USK”).

 Il-kawża prinċipali, id-domandi preliminari u l-proċedura quddiem il-Qorti tal-Ġustizzja

22.      Fil-kuntest ta’ proċeduri antidoping, l-atleti AR, YT, DI u RN (iktar ’il quddiem ir-“rikorrenti”) kienu s-suġġett ta’ deċiżjonijiet ta’ sospensjoni (għal perijodu determinat jew għal dejjem skont il-każijiet), adottati mill-ÖADR, kompetenti sabiex iwettaq il-proċeduri antidoping, jew mill-USK, kompetenti sabiex jeżamina mill-ġdid id-deċiżjonijiet tal-ÖADR.

23.      Skont il-leġiżlazzjoni Awstrijaka fil-qasam tal-antidoping, is-sospensjonijiet deċiżi mill-ÖADR jew mill-USK huma ppubblikati taħt il-forma ta’ lista fuq is-sit internet tagħha minn NADA. Għat-tul tas-sospensjonijiet, din il-lista tinkludi l-isem u l-kunjom tal-atleta kkonċernat, l-isport ipprattikat, il-ksur tar-regoli antidoping imwettaq, is-sanzjoni imposta kif ukoll il-bidu u t-tmiem tagħha. L-ÖADR jippubblika wkoll din l-istess data, kif ukoll is-sustanza pprojbita eventwalment inkwistjoni, permezz ta’ stqarrija fuq is-sit internet tiegħu stess.

24.      Ir-rikorrenti talbu, fl‑14 u fil‑15 ta’ Ottubru 2021, lill-ÖADR u lil NADA li ma jibqgħux juru l-ismijiet u d-dixxiplini sportivi rispettivi tagħhom. L-ÖADR u NADA ma laqgħux dawn it-talbiet.

25.      Fit‑22 ta’ Ottubru 2021, ir-rikorrenti ressqu quddiem l-Österreichische Datenschutzbehörde (l-Awtorità Awstrijaka tal-Protezzjoni tad-Data, l-Awstrija, iktar ’il quddiem l-“Awtorità Awstrijaka tal-Protezzjoni tad-Data”) ilment b’applikazzjoni tal-Artikolu 77(1) tal-GDPR, intiż sabiex jiġi kkonstatat il-ksur tad-dritt għat-tħassir jew għar-restrizzjoni tad-data u sabiex jiġi ordnat lill-ÖADR u lil NADA jneħħu l-pubblikazzjoni tal-ismijiet tagħhom u tal-isports ipprattikati mill-imsemmija siti internet. Huma argumentaw ukoll li din kienet tirrigwarda kategorija partikolari ta’ data personali kif ukoll ipproċessar ta’ data personali relatata mal-kundanni kriminali u mar-reati, fis-sens tal-Artikoli 9 u 10 tal-GDPR. Is-sistema indifferenzjata ta’ pubblikazzjoni prevista fid-dritt Awstrijak kienet inkompatibbli mal-Artikolu 6(3) tal-GDPR u la kienet neċessarja u lanqas proporzjonata.

26.      Fis‑26 ta’ Novembru 2021, l-Awtorità Awstrijaka tal-Protezzjoni tad-Data ċaħdet dan l-ilment bħala infondat. Għal dak li jirrigwarda, b’mod iktar partikolari, lil YT, l-ilment tiegħu ġie miċħud għal nuqqas ta’ interess ġuridiku, għar-raġuni li d-data tiegħu kienet għadha ma ġietx ippubblikata.

27.      Sussegwentement, ir-rikorrenti ppreżentaw rikors quddiem il-Bundesverwaltungsgericht (il-Qorti Amministrattiva Federali, l-Awstrija), li hija l-qorti tar-rinviju, ibbażat fuq l-Artikolu 78(1) tal-GDPR. F’dan il-kuntest, NADA, l-ewwel konvenuta fil-kawża prinċipali, argumentat li l-pubblikazzjoni ta’ data personali fis-sit internet tagħha kienet neċessarja għall-osservanza ta’ obbligu legali li għalih hija kienet suġġetta u għall-eżekuzzjoni ta’ missjoni ta’ interess pubbliku fis-sens tal-Artikolu 6(1)(c) u (e) tal-GDPR.

28.      Il-qorti tar-rinviju ssospendiet il-proċedura fil-kawża prinċipali minħabba li l-USK ippreżenta talba għal deċiżjoni preliminari fil-Kawża NADA et (8). Wara li din it-talba ġiet miċħuda minħabba inammissibbiltà permezz ta’ sentenza tas‑7 ta’ Mejju 2024 (9), il-proċedura nazzjonali quddiem il-qorti tar-rinviju kompliet.

29.      F’dan il-kuntest, il-Bundesverwaltungsgericht (il-Qorti Amministrattiva Federali) iddeċidiet li tissospendi l-proċedura quddiemha u tagħmel lill-Qorti tal-Ġustizzja d-domandi preliminari li ġejjin:

“1)      L-ipproċessar ta’ data ta’ persuni bil-pubblikazzjoni tal-ismijiet tagħhom, tad-dixxiplina sportiva pprattikata, tal-ksur ta’ regoli antidoping imwettaq, tas-sanzjoni imposta kif ukoll tal-bidu u tat-tmiem ta’ tali sanzjoni, fil-forma ta’ entrata f’tabella fil-parti aċċessibbli pubblikament tas-sit internet [ta’ NADA] https://www.nada.at/de/recht/suspendierungen-sperren, u fi stqarrijiet għall-istampa aċċessibbli pubblikament maħruġa mill-[ÖADR] fl-indirizz https://www.oeadr.at, jaqa’ fil-kamp tal-applikazzjoni tad-dritt tal-Unjoni fis-sens tal-ewwel sentenza tal-Artikolu 16(2) TFUE, b’mod li [l-GDPR] japplika għal tali pproċessar ta’ data personali?

Fil-każ ta’ risposta fl-affermattiv għall-ewwel domanda:

2)      L-informazzjoni li persuna partikolari tkun wettqet ksur speċifiku tar-regoli antidoping u tkun ġiet prekluża milli tipparteċipa f’kompetizzjonijiet (nazzjonali u internazzjonali) minħabba dan il-ksur, tikkostitwixxi “data dwar is-saħħa” fis-sens tal-Artikolu 9 tal-GDPR?

3)      Il-GDPR jipprekludi, b’mod partikolari fid-dawl tat-tieni subparagrafu tal-Artikolu 6(3) tiegħu, leġiżlazzjoni nazzjonali li tipprevedi l-pubblikazzjoni tal-ismijiet tal-persuni kkonċernati mid-deċiżjoni tal-Kumitat Legali tal-Antidoping Awstrijak jew tal-Kumitat tal-Arbitraġġ Indipendenti Awstrijak, tat-tul tal-projbizzjoni u tar-raġunijiet għaliha, iżda mingħajr ma jkun possibbli li tinsilet data li tikkonċerna s-saħħa tal-persuna kkonċernata? Il-fatt li l-leġiżlazzjoni nazzjonali tipprevedi li l-pubblikazzjoni ta’ din id-data lill-pubbliku ġenerali tista’ ma tiġix żvelata biss jekk il-persuna kkonċernata tkun atleta dilettanta, minorenni jew persuna li tkun ikkontribwixxiet b’mod sinjifikattiv għad-detezzjoni ta’ ksur potenzjali tar-regoli antidoping billi tkun ikkomunikat informazzjoni jew indikazzjonijiet oħra huwa rilevanti f’dan ir-rigward?

4)      Il-GDPR jeżiġi, b’mod partikolari fid-dawl tal-prinċipji msemmija fl-Artikolu 5(1)(a) u (c) tiegħu, li fi kwalunkwe każ qabel il-pubblikazzjoni, ikun hemm ibbilanċjar tal-interessi personali tas-suġġett tad-data kkonċernat li jistgħu jiġu affettwati mill-pubblikazzjoni, minn naħa, u l-interessi tal-pubbliku ġenerali li jkun informat bil-ksur antidoping imwettaq minn atleta, min-naħa l-oħra?

5)      L-informazzjoni li persuna partikolari tkun wettqet ksur speċifiku tar-regoli antidoping u tkun ġiet prekluża milli tipparteċipa f’kompetizzjonijiet (nazzjonali u internazzjonali) minħabba dan il-ksur, tikkostitwixxi pproċessar ta’ data personali relatata ma’ kundanni kriminali u reati fis-sens tal-Artikolu 10 tal-GDPR?

6)      Fil-każ ta’ risposta fl-affermattiv għall-ħames domanda:

L-attivitajiet jew id-deċiżjonijiet ta’ awtorità li ġiet fdata bil-kontroll tal-ipproċessar ta’ data personali relatata ma’ kundanni kriminali u reati jew ma’ miżuri ta’ sigurtà skont l-Artikolu 10 tal-GDPR, huma suġġetti għal stħarriġ ġudizzjarju?

7)      Ilment skont l-Artikolu 77 tal-GDPR dwar allegat ksur tal-Artikolu 17 tal-GDPR, fil-każ fejn ma kien għad hemm ebda pproċessar ta’ data personali tas-suġġett tad-data fiż-żmien meta tressaq l-ilment quddiem l-awtorità superviżorja u din tal-aħħar tkun adottat id-deċiżjoni tagħha, iżda l-ipproċessar ikun seħħ matul proċedura quddiem il-qorti tal-appell, huwa ammissibbli jew isir ammissibbli a posteriori bil-kundizzjoni li, fil-mument tat-tressiq tal-ilment, kien hemm diġà indikazzjonijiet konkreti li l-ipproċessar ta’ data personali mill-kontrollur kien imminenti jew kien ser iseħħ fil-futur qarib?”

30.      Ġew ippreżentati osservazzjonijiet bil-miktub mir-rikorrenti fil-kawża prinċipali, minn NADA, mill-Awtorità Awstrijaka tal-Protezzjoni tad-Data, mill-Kummissjoni Ewropea, kif ukoll mill-Gvern Awstrijak, Grieg, Olandiż, Pollakk u Finlandiż. Ir-rikorrenti fil-kawża prinċipali, NADA, il-Kummissjoni kif ukoll il-Gvern Awstrijak, Grieg u Finlandiż ippreżentaw ukoll l-osservazzonijiet orali tagħhom waqt is-seduta li nżammet pubblikament fit‑13 ta’ Mejju 2025.

 Analiżi

31.      Wara li nkun eżaminajt l-ewwel domanda preliminari dwar l-applikabbiltà tal-GDPR, ser nanalizza t-tieni, l-ħames u s-sitt domanda li jirrigwardaw ċerta data partikolari, qabel nistudja l-kwistjoni relatata mal-prinċipju ta’ proporzjonalità (it-tielet u r-raba’ domanda preliminari). Fl-aħħar nett, ser neżamina s-seba’ domanda, ta’ natura iktar proċedurali.

 Fuq l-ewwel domanda

32.      Permezz tal-ewwel domanda tagħha, il-qorti tar-rinviju tistaqsi, essenzjalment, jekk l-implimentazzjoni tal-leġiżlazzjoni antidoping tikkostitwixxix jew le “attività” li taqa’ fil-“kamp ta’ applikazzjoni tad-dritt tal-Unjoni” fis-sens tal-ewwel sentenza tal-Artikolu 16(2) TFUE.

33.      Ir-risposta għal din id-domanda hija sinjifikattiva peress li, fin-negattiv, il-GDPR ma tkunx applikabbli għall-kawża prinċipali. Fil-fatt, adottat abbażi tal-Artikolu 16 TFUE, il-GDPR, permezz tal-Artikolu 2(2)(a) tiegħu, jeskludi mill-kamp ta’ applikazzjoni tiegħu l-ipproċessar ta’ data personali mwettaq fil-kuntest ta’ attività “li ma taqax taħt il-kamp ta’ applikazzjoni tal-liġi tal-Unjoni”.

34.      Preliminarjament, u minkejja li ma ssemmietx mill-qorti tar-rinviju, nixtieq infakkar li l-eċċezzjoni prevista fl-Artikolu 2(2)(d) tal-GDPR tipprevedi li dan ir-regolament ma japplikax għall-ipproċessar ta’ data personali mwettaq “mill-awtoritajiet kompetenti għall-finijiet tal-prevenzjoni, investigazzjoni, sejbien jew prosekuzzjoni ta’ reati kriminali, jew l-eżekuzzjoni ta’ pieni kriminali […]”. Din l-eċċezzjoni hija spjegata mill-fatt li l-ipproċessar ta’ data personali għal tali finijiet mill-“awtoritajiet kompetenti” huwa rregolat minn att iktar speċifiku tal-Unjoni, jiġifieri d-Direttiva (UE) 2016/680 (10), adottata fl-istess jum bħall-GDPR. F’dan l-istadju, ma huwiex eskluż li l-kriterju sostantiv ta’ din l-eċċezzjoni jista’ jkun issodisfatt f’dan il-każ. Fil-fatt, il-kwistjoni dwar jekk l-ipproċessar tad-data inkwistjoni f’dan il-każ jitwettaqx għall-finijiet previsti fl-Artikolu 2(2)(d) tal-GDPR toħodna lura għas-suġġett tal-ħames domanda preliminari (dwar l-Artikolu 10 tal-GDPR), li tirrigwarda n-natura kriminali jew le tal-kundanni u tar-reati li huma s-suġġett tal-ipproċessar ta’ data inkwistjoni. Madankollu, il-kriterju organiku tal-eċċezzjoni prevista fl-Artikolu 2(2)(d) tal-GDPR ma ġiex indirizzat: NADA u l-ÖADR jikkostitwixxu “awtoritajiet kompetenti” fis-sens tal-Artikolu 3(7) tad-Direttiva 2016/680? Fin-negattiv, il-GDPR japplika, li ser jikkostitwixxi l-ipoteżi tax-xogħol tiegħi għall-analiżi segwenti. Mill-banda l-oħra, fl-affermattiv u fil-każ fejn il-kriterju sostantiv ikun issodisfatt ukoll, tqum il-kwistjoni tal-applikabbiltà tad-Direttiva 2016/680 minflok il-GDPR, li hija l-qorti tar-rinviju li għandha tivverifika.

35.      Wara li għamilt dan il-kumment, nirrileva li, f’dan il-każ, ma huwiex ikkontestat li l-ipproċessar ta’ data personali inkwistjoni, imwettaq mill-awtoritajiet antidoping Awstrijaċi u li jikkonsisti fil-pubblikazzjoni fuq l-internet tal-ismijiet tal-atleti kkonċernati, tad-dixxiplini sportivi pprattikati, tal-ksur tar-regoli antidoping imwettaq, tas-sanzjoni imposta kif ukoll tal-bidu u tat-tmiem ta’ din is-sanzjoni, jikkorrispondi għall-ipproċessar li għalih japplika l-GDPR skont l-Artikolu 2(1) tiegħu, jiġifieri pproċessar ta’ data personali kompletament jew parzjalment b’mezzi awtomatizzati (11).

36.      Il-mistoqsija li tqum b’mod iktar kontroversjali hija dik dwar jekk dan l-ipproċessar jaqax fil-kamp tal-eċċezzjoni prevista fl-Artikolu 2(2)(a) tal-GDPR.

37.      Fil-kuntest tal-analiżi tiegħi, ser infakkar, fl-ewwel lok, il-prinċipju ta’ interpretazzjoni stretta tal-eċċezzjoni tal-Artikolu 2(2)(a) tal-GDPR, u fit-tieni lok, ser nislet il-konsegwenzi li jirrigwardaw l-attività antidoping fir-rigward tal-argumenti mressqa minn NADA.

 Fuq l-interpretazzjoni stretta tal-eċċezzjoni tal-Artikolu 2(2)(a) tal-GDPR

38.      B’konformità ma’ ġurisprudenza stabbilita, l-eċċezzjoni prevista fl-Artikolu 2(2)(a) tal-GDPR, peress li tirrendi inapplikabbli s-sistema ta’ protezzjoni tad-data personali prevista mill-GDPR u għalhekk tiġi eskluża mill-għan ta’ protezzjoni tagħha, għandha tingħata interpretazzjoni stretta (12).

39.      Fil-fatt, kif indikat essenzjalment fil-premessi 6 sa 12 tal-GDPR, l-iżvilupp rapidu tat-teknoloġija, il-globalizzazzjoni u l-iskala tal-ġbir u tal-kondiviżjoni ta’ data personali jeħtieġu qafas ta’ protezzjoni tad-data b’saħħtu u koerenti fl-Unjoni, li jiżgura livell għoli ta’ protezzjoni tad-drittijiet u tal-libertajiet tal-persuni fiżiċi fir-rigward tal-ipproċessar ta’ din id-data, ekwivalenti fl-Istati Membri kollha, flimkien ma’ applikazzjoni rigoruża tar-regoli, b’tali mod li toħloq il-fiduċja ta’ natura li tippermetti li l-ekonomija diġitali tiżviluppa fis-suq intern kollu.

40.      F’din il-perspettiva, il-kamp ta’ applikazzjoni materjali tal-GDPR, stabbilit fl-Artikolu 2 tiegħu, huwa għalhekk neċessarjament wiesa’ u l-eċċezzjonijiet li huwa jipprevedi huma s-suġġett ta’ interpretazzjoni stretta. Għalhekk, il-Qorti tal-Ġustizzja ddeċidiet li l-Artikolu 2(2)(a) tal-GDPR, moqri fid-dawl tal-premessa 16 tiegħu, għandu bħala għan uniku li jeskludi mill-kamp ta’ applikazzjoni tiegħu l-ipproċessar ta’ data personali mwettaq fil-kuntest ta’ attività li hija intiża sabiex tippreżerva s-sigurtà nazzjonali jew ta’ attività li tista’ tiġi kklassifikata fl-istess kategorija.

41.      L-attivitajiet li għandhom bħala għan li jippreżervaw is-sigurtà nazzjonali jkopru, b’mod partikolari, dawk li għandhom l-għan li jipproteġu l-funzjonijiet essenzjali tal-Istat u l-interessi fundamentali tas-soċjetà (13).

42.      Mill-banda l-oħra, ma humiex il-persuni, bħala tali, li huma esklużi mill-applikazzjoni tal-GDPR, iżda sempliċement l-attivitajiet tagħhom inkwistjoni (14). Fil-fatt, il-fatt waħdu li attività hija proprja għall-Istat jew għal awtorità pubblika ma huwiex suffiċjenti sabiex din l-eċċezzjoni tkun awtomatikament applikabbli għal din l-attività (15). Lanqas ma huwa suffiċjenti l-fatt li l-awtur tal-ipproċessar inkwistjoni għandu attivitajiet relatati mas-sigurtà nazzjonali, peress li hija biss l-attività inkwistjoni fil-kuntest tal-ipproċessar ikkonċernat li hija rilevanti (16). Lanqas ma huwa suffiċjenti l-fatt li fil-kuntest ta’ trasferiment ta’ data għall-finijiet kummerċjali minn Stat Membru lejn pajjiż terz, id-data inkwistjoni tkun tista’ tiġi pproċessata, matul jew wara dan it-trasferiment, mill-awtoritajiet tal-pajjiż terz ikkonċernat, għall-finijiet ta’ sigurtà pubblika, ta’ difiża jew ta’ sigurtà tal-Istat (17).

43.      Issa, f’dan il-każ, kif jenfasizza l-Gvern Awstrijak, l-Artikolu 1(1) tal-ADBG jipprovdi li, “peress li jinfluwenza l-kapaċitajiet sportivi, id-doping imur kontra l-prinċipju ta’ ekwità f’kompetizzjoni sportiva kif ukoll il-valur reali intrinsiku tal-isport (l-ispirtu sportiv) u fuq kollox jippreżenta riskji għas-saħħa”.

44.      Għalhekk, wieħed ma jistax isostni li l-pubblikazzjonijiet ta’ data personali minn NADA u mill-ÖADR jikkostitwixxu pproċessar ta’ data fil-kuntest ta’ attività, f’dan il-każ il-ġlieda antidoping, li hija relatata mas-sigurtà nazzjonali jew li tista’ tiġi kklassifikata f’din il-kategorija prevista fl-Artikolu 2(2)(a) tal-GDPR.

45.      Għandu jiġi konkluż li l-eċċezzjoni bbażata fuq din id-dispożizzjoni tal-GDPR ma hijiex applikabbli għall-ipproċessar ta’ data inkwistjoni f’dan il-każ.

46.      L-argumenti ta’ NADA, ibbażati, minn naħa, fuq il-fatt li l-attività antidoping taqa’ taħt l-Istati Membri, u min-naħa l-oħra, fuq l-assenza ta’ natura ekonomika ta’ din l-attività, ma humiex ta’ natura li jikkontestaw din il-konstatazzjoni, kif ser nipprova nuri issa.

 L-attività “antidoping” ma tevitax il-GDPR …

–       … anki jekk taqa’ taħt l-Istati Membri

47.      L-ewwel nett, NADA ssostni li l-politika antidoping hija qasam li, skont it-tqassim tal-kompetenzi previst mid-dritt tal-Unjoni, għadha taqa’ taħt l-Istati Membri, minkejja l-kompetenza ta’ appoġġ prevista fil-qasam tal-isport mill-Artikolu 165 TFUE.

48.      Madankollu, il-fatt li l-ipproċessar ta’ data personali jseħħ fil-kuntest ta’ attività li taqa’ taħt il-kompetenza tal-Istati Membri ma huwiex rilevanti fih innifsu sabiex jeskludi l-imsemmi pproċessar mill-kamp ta’ applikazzjoni tal-GDPR abbażi tal-Artikolu 2(2)(a) tiegħu, peress li huwa ma jaqa’ la taħt attività intiża sabiex tippreżerva s-sigurtà nazzjonali u lanqas taħt attività li tista’ tiġi kklassifikata fl-istess kategorija (18).

49.      Fil-fehma tiegħi, li jiġi eskluż mill-kamp ta’ applikazzjoni tal-GDPR ipproċessar imwettaq fil-kuntest ta’ attività għall-unika raġuni li din l-attività taqa’ taħt il-kompetenza tal-Istati Membri, imur kontra kemm it-test, kif ukoll il-kuntest u l-għanijiet ta’ dan ir-regolament.

50.      Fil-fatt, meta t-test tal-Artikolu 2(2)(a) tal-GDPR isemmi l-kunċett ta’ “attività li ma taqax taħt il-kamp ta’ applikazzjoni tal-liġi tal-Unjoni”, huwa jirreferi mhux għal loġika ta’ kompetenza, iżda għal loġika materjali ta’ definizzjoni tal-kamp ta’ applikazzjoni mil-leġiżlatur, fil-GDPR stess, investita fih permezz tal-Artikolu 16(2) TFUE. Din id-dispożizzjoni “tikkostitwixxi u tiddelega” lill-Unjoni kompetenza leġiżlattiva fil-qasam tal-protezzjoni u tal-moviment liberu tad-data personali, u tiddefinixxi għal dan il-għan kamp ta’ applikazzjoni speċifiku (19). Barra minn hekk, fil-kuntest partikolari tal-protezzjoni tad-data personali, fid-dawl, b’mod partikolari, tan-natura awtonoma tal-problemi marbuta mal-ipproċessar tagħha li talbu intervent leġiżlattiv proprju u speċifiku, il-kunċett ta’ “kamp ta’ applikazzjoni tad-dritt tal-Unjoni” jmur lil hinn mill-każijiet ta’ “implimentazzjoni tad-dritt tal-Unjoni” fis-sens tal-Artikolu 51 tal-Karta tad-Drittijiet Fundamentali tal-Unjoni Ewropea (iktar ’il quddiem il-“Karta”) (20). Fl-aħħar nett, “f’ħafna oqsma li jaqgħu taħt il-kompetenza tal-Istati Membri, id-dritt tal-Unjoni ma jibqax mingħajr effett” (21). Dan huwa partikolarment minnu għall-GDPR, li l-kamp ta’ applikazzjoni tiegħu, trażversali, huwa neċessarjament wiesa’ fid-dawl tal-għanijiet tiegħu, imfakkra fil-punt 39 ta’ dawn il-konklużjonijiet.

51.      Għalhekk, minkejja li l-attività “antidoping” ma hijiex irregolata minn att tad-dritt tal-Unjoni u taqa’ taħt l-Istati Membri, minn dan ma jistax jiġi dedott li l-ipproċessar imwettaq fil-kuntest ta’ din l-attività antidoping ma jaqax fil-“kamp ta’ applikazzjoni tad-dritt tal-Unjoni”, fis-sens tal-Artikolu 2(2)(a) tal-GDPR, kif interpretat mill-Qorti tal-Ġustizzja fil-kuntest speċifiku tal-GDPR.

52.      Xorta jibqa’ l-fatt li l-isport huwa, sa mit-Trattat ta’ Lisbona, kompetenza ta’ appoġġ tal-Unjoni (22). L-Artikolu 165(2) TFUE jipprevedi għalhekk li “[l]-azzjoni ta’ l-Unjoni għandha tkun immirata lejn […] l-iżvilupp tad-dimensjoni Ewropea fl-isport, billi tkun promossa l-ġustizzja u t-trasparenza fil-kompetizzjonijiet sportivi u l-koperazzjoni bejn il-korpi responsabbli mill-isport, u billi tkun protetta l-integrità fiżika u morali ta’ l-isportivi, speċjalment ta’ dawk l-aktar żgħażagħ fosthom”. Dan il-kliem jirreferi, b’mod partikolari, għall-politiki fil-qasam tal-antidoping. Huwa minnu li tali kompetenza ta’ appoġġ ma tagħti ebda kompetenza lill-Unjoni sabiex tadotta leġiżlazzjonijiet fil-qasam tal-isport. Madankollu, anki jekk l-attività tal-Unjoni ma hijiex normattiva, hija teżisti u tippermettilha tadotta atti legali bil-għan li tappoġġa, tikkoordina jew tissupplimenta l-azzjoni tal-Istati Membri, b’konformità mal-Artikolu 6 TFUE (23). Għalhekk, in-natura “sportiva” tar-regoli antidoping ma tippermettix li jiġi kkunsidrat li l-implimentazzjoni tagħhom tikkostitwixxi attività li tevita l-kamp ta’ applikazzjoni tad-dritt tal-Unjoni fis-sens tal-Artikolu 2(2)(a) tal-GDPR.

–       …u minkejja l-“assenza” ta’ natura ekonomika tagħha

53.      It-tieni nett, NADA ssostni li l-prattika tal-isport ma taqax taħt id-dritt tal-Unjoni ħlief jekk hija tikkostitwixxi attività ekonomika. Ir-regoli antidoping inkwistjoni huma, min-naħa tagħhom, ibbażati fuq kunsiderazzjonijiet purament sportivi, b’tali mod li l-ipproċessar tad-data inkwistjoni f’dan il-każ ma jikkostitwixxix kwistjoni li taqa’ taħt l-attività ekonomika u għalhekk ma jaqax fil-kamp ta’ applikazzjoni tad-dritt tal-Unjoni.

54.      Dan l-argument, ibbażat fuq l-allegata “separabbiltà” tar-regoli antidoping, lanqas ma jikkonvinċini.

55.      Fil-fatt, id-dikjarazzjoni li tgħid li l-“eżerċizzju tal-isports ma jaqax taħt id-dritt tal-Komunità ħlief jekk huwa jikkostitwixxi attività ekonomika fis-sens tal-Artikolu 2 tat-Trattat [KE]” toħodna lura għas-sentenza tat‑12 ta’ Diċembru 1974, Walrave u Koch (24). Madankollu, minn dakinhar, l-Unjoni eżerċitat il-kompetenza tagħha fil-qasam tal-protezzjoni tad-data abbażi tal-Artikolu 16 TFUE. Għalhekk, l-Istati Membri riedu japplikaw id-dritt tal-Unjoni tal-protezzjoni tad-data personali inkluż f’oqsma mhux ekonomiċi, kif juru kemm it-test, il-kuntest u l-għanijiet tal-GDPR.

56.      Qabelxejn, it-test tal-Artikolu 2(2)(a) tal-GDPR jiddetermina l-kamp ta’ applikazzjoni materjali ta’ dan ir-regolament billi jirreferi għall-kunċett ta’ “attività” u mhux ta’ “attività ekonomika” li taqa’ jew ma taqax taħt id-dritt tal-Unjoni.

57.      Sussegwentement, il-kuntest tal-GDPR, u b’mod partikolari d-dispożizzjonijiet tiegħu fil-qasam tat-trasferiment ta’ data personali lejn pajjiżi terzi jew lejn organizzazzjonijiet internazzjonali (Kapitolu V tal-GDPR), jikkonfermaw dan l-approċċ testwali. Fil-fatt, jekk il-kundizzjonijiet sabiex iseħħ trasferiment ma humiex issodisfatti, derogi fil-każ ta’ sitwazzjonijiet partikolari, previsti fl-Artikolu 49 tal-GDPR, jistgħu madankollu jawtorizzaw tali trasferiment. Madankollu, il-premessa 112 tal-GDPR issemmi espressament li d-derogi għal dawn is-sitwazzjonijiet partikolari “għandhom japplikaw b’mod partikolari għal trasferimenti ta’ data meħtieġa u neċessarji għal raġunijiet importanti ta’ interess pubbliku, pereżempju f’każijiet ta’ skambju […] sabiex jitnaqqas u/jew jiġi eliminat id-doping fl-isport”. Kif enfasizza l-Gvern Finlandiż, din il-premessa tindika li l-leġiżlatur tal-Unjoni ma kkunsidrax li l-ipproċessar ta’ data personali fil-qasam tal-kontroll antidoping, għalkemm jirrigwarda attività mhux ekonomika, jaqa’ barra mill-kamp ta’ applikazzjoni ta’ dan ir-regolament.

58.      Fl-aħħar nett, il-kriterju bbażat fuq rabta mad-dritt tal-Unjoni permezz ta’ attività ekonomika lanqas ma jidhirli li huwa rilevanti fir-rigward tal-għanijiet previsti mill-GDPR. Fil-fatt, tali kriterju jwassal sabiex il-kamp ta’ applikazzjoni tal-GDPR ikollu jiġi ddeterminat każ b’każ, skont jekk l-ipproċessar tad-data inkwistjoni jippreżentax rabta ma’ dispożizzjonijiet partikolari tad-dritt tal-Unjoni jew mal-libertajiet li jirregolaw is-suq intern. Tali approċċ, li jvarja skont is-sitwazzjonijiet konkreti inkwistjoni, jirriskja li jirrendi l-limiti tal-qasam ta’ applikazzjoni ta’ dan ir-regolament inċerti u aleatorji (25), bi ksur tal-għanijiet essenzjali tiegħu, jiġifieri li tiġi żgurata applikazzjoni koerenti u omoġenja tar-regoli ta’ protezzjoni fl-Unjoni kollha u li jitneħħew l-ostakoli għall-flussi ta’ data personali fi ħdanha.

59.      Barra minn hekk, inżid li, tal-inqas għall-atleti professjonali, wieħed ma jistax jeskludi rabta bejn il-leġiżlazzjoni antidoping u l-attività professjonali tagħhom u għalhekk rabta ekonomika b’mod partikolari mal-libertajiet ta’ moviment u mal-libertà li jiġu pprovduti servizzi (26). Fil-fatt, is-sanzjonijiet imposti huma ta’ natura li jwasslu għal konsegwenzi ekonomiċi mhux negliġibbli minħabba s-sospensjoni tagħhom, kultant għal dejjem. Jekk, sabiex jiġi ddeterminat il-kamp ta’ applikazzjoni tal-GDPR, wieħed għandu jieħu inkunsiderazzjoni l-eżistenza ta’ tali rabta ekonomika, wieħed jasal għar-riżultat xejn sodisfaċenti li l-GDPR jista’, pereżempju, japplika għall-atleti professjonali iżda mhux għall-atleti dilettanti (27). Tali differenza fit-trattament skont jekk l-attività hijiex ikkunsidrata bħala ekonomika jew le ma tirrikonċiljax tajjeb mal-GDPR u l-għanijiet tiegħu ta’ protezzjoni fir-rigward tad-data personali.

 Konklużjoni fuq l-ewwel domanda

60.      Fid-dawl tal-kunsiderazzjonijiet preċedenti, nipproponi li l-Qorti tal-Ġustizzja tirrispondi għall-ewwel domanda li l-ewwel sentenza tal-Artikolu 16(2) TFUE u l-Artikolu 2(2)(a) tal-GDPR għandhom jiġu interpretati fis-sens li l-ipproċessar ta’ data personali li jikkonsisti, b’applikazzjoni tar-regoli nazzjonali antidoping, fil-pubblikazzjoni tal-ismijiet tal-atleti kkonċernati, tad-dixxiplina sportiva pprattikata, tal-ksur tar-regoli antidoping imwettaq, tas-sanzjoni mogħtija kif ukoll tal-bidu u tat-tmiem ta’ din is-sanzjoni, ma jistax jiġi kkunsidrat bħala li jitwettaq fil-kuntest ta’ “attività li ma taqax taħt il-kamp ta’ applikazzjoni tal-liġi tal-Unjoni”, fis-sens tal-Artikolu 2(2)(a) tal-GDPR.

 Fuq it-tieni domanda

61.      Permezz tat-tieni domanda tagħha, il-qorti tar-rinviju tistaqsi jekk il-pubblikazzjoni ta’ data personali inkwistjoni tirrigwardax “data dwar is-saħħa” fis-sens tal-Artikolu 9 tal-GDPR.

 Fuq l-interpretazzjoni wiesgħa tal-kunċett ta’ “data dwar is-saħħa”

62.      Din id-domanda tqum għar-raġuni li l-Artikolu 9 tal-GDPR jipprevedi sistema legali li tipproteġi partikolarment kategoriji ta’ data personali msejħa “sensittivi”, li minnhom tifforma parti d-“data dwar is-saħħa” (jew “data tas-saħħa”). Din id-data, ikkunsidrata li hija fil-qalba tal-intimità tal-persuni, teħtieġ bħala tali livell għoli ta’ protezzjoni, kemm permezz tal-protezzjoni tal-ħajja privata, tas-sigriet professjonali u tal-leġiżlazzjoni dwar il-protezzjoni tad-data personali (28). L-ipproċessar tagħha huwa, għalhekk, ipprojbit mill-Artikolu 9(1) tal-GDPR, ħlief b’applikazzjoni ta’ waħda mid-derogi previsti fil-paragrafu 2 tiegħu. Huwa dan li tirrifletti l-premessa 51 tal-GDPR, fir-rigward tad-data sensittiva, li tipprovdi li din il-protezzjoni speċifika hija spjegata “billi l-kuntest tal-ipproċessar tagħha jista’ joħloq riskji sinifikanti għad-drittijiet u l-libertajiet fundamentali”. Skont il-premessa 54 tal-GDPR, għandu jiġi evitat, jekk din tkun is-suġġett ta’ pproċessar għal raġunijiet ta’ interess pubbliku, li din tiġi pproċessata “għal finijiet oħra minn partijiet terzi bħal min iħaddem, kumpanniji tal-assigurazzjoni u kumpanniji bankarji” (29). Barra minn hekk, l-importanza tal-protezzjoni tad-data żdiedet bid-diġitalizzazzjoni ta’ strutturi tas-saħħa u d-dimaterjalizzazzjoni tal-mezzi u tal-flussi ta’ data (30).

63.      Inżid li l-projbizzjoni tal-ipproċessar ta’ data dwar is-saħħa, prevista fl-Artikolu 9(1) tal-GDPR, hija indipendenti mill-kwistjoni dwar jekk l-informazzjoni żvelata mill-ipproċessar ta’ data inkwistjoni hijiex eżatta jew le u jekk il-kontrollur huwiex qiegħed jaġixxi bil-għan li jikseb informazzjoni li taqa’ taħt waħda mill-kategoriji speċifiċi msemmija f’din id-dispożizzjoni (31). Minn dan għandu jiġi dedott li l-għan tal-kontrollur, u b’mod partikolari l-fatt li l-ipproċessar ikun neċessarju skont obbligu legali jew ta’ interess pubbliku, minkejja li huwa element rilevanti fil-kuntest tal-applikazzjoni eventwali ta’ waħda mill-għaxar derogi previsti fl-Artikolu 9(2) tal-GDPR, ma huwiex element li għandu jittieħed inkunsiderazzjoni fl-istadju tal-klassifikazzjoni ta’ “data dwar is-saħħa” (32).

64.      B’konformità mal-punt 15 tal-Artikolu 4 tal-GDPR, moqri flimkien mal-premessa 35 ta’ dan ir-regolament, tali data tinkludi d-data personali kollha relatata mas-saħħa fiżika jew mentali ta’ persuna fiżika, li tiżvela (33) informazzjoni dwar l-istat ta’ saħħa passat, preżent jew futur.

65.      Il-Qorti tal-Ġustizzja diġà ddeċidiet li, fid-dawl tal-għan tal-GDPR, il-kunċett ta’ “data dwar is-saħħa” previst fl-Artikolu 9(1) ta’ dan ir-regolament għandu jiġi interpretat b’mod wiesa’ (34). Skont l-interpretazzjoni kuntestwali u teleoloġika tal-punt 15 tal-Artikolu 4 tal-GDPR, sabiex tiġi kklassifikata bħala tali, huwa suffiċjenti li d-data inkwistjoni tkun, anki b’mod indirett, tista’ tiżvela, permezz ta’ proċess intellettwali ta’ approssimazzjoni jew ta’ deduzzjoni, informazzjoni dwar l-istat ta’ saħħa tas-suġġett tad-data (35).

66.      F’dan il-kuntest, għandi l-impressjoni li wieħed jista’ jiddistingwi skematikament bejn żewġ kategoriji ta’ data dwar is-saħħa.

67.      Minn naħa, id-data miġbura fil-kuntest mediku li jidhirli li tista’ tiġi kkunsidrata bħala data dwar is-saħħa “min-natura tagħha” (36), “oġġettiva” (37), li tirrigwarda, kif tesponi l-premessa 35 tal-GDPR, informazzjoni dwar, pereżempju, marda fiżika jew mentali, diżabbiltà, riskju ta’ mard, storja medika, kura klinika. Din tinsab ġeneralment fil-fajl mediku tas-suġġett tad-data (38). Bl-istess mod, data li, minkejja li ma hijiex medika, tinġabar sabiex tiġi inkluża fil-fajl mediku, kif inhu l-każ ta’ data amministrattiva intiża sabiex tkun f’dan il-fajl, hija f’dan ir-rigward prevista mill-premessa 35 tal-GDPR bħala “data dwar is-saħħa”. Din tirrigwarda data kkunsidrata li tirrigwarda s-saħħa u li tiżvela informazzjoni dwar l-istat ta’ saħħa tas-suġġett tad-data.

68.      F’dan il-kuntest, il-kunċett ta’ “riskju ta’ mard”, imsemmi fil-premessa 35 tal‑GDPR, żgur li għandu ċerta importanza. Kif jirriżulta mix-xogħol tal-Grupp ta’ Ħidma “Artikolu 29”, dan jirrigwarda u jinkludi data dwar l-istatus ta’ saħħa potenzjali futur ta’ suġġett tad-data. Ir-riskju futur ta’ mard “xjentifikament ipprovat jew ġeneralment previst” jittieħed għalhekk inkunsiderazzjoni u bħala eżempji jissemmew il-konsum eċċessiv tal-alkoħol u t-tabakk kif ukoll il-konsum tad-droga (39).

69.      Min-naħa l-oħra, lil hinn mill-kuntest mediku, data tista’ tirrigwarda s-saħħa, b’mod partikolari jekk id-data inkwistjoni hija ta’ natura, anki indirettament, li tiżvela informazzjoni dwar l-istat ta’ saħħa fiżika jew mentali passat, preżent jew futur ta’ persuna fiżika (40). Din hija ż-“żona griża” (41) tal-kunċett ta’ “data dwar is-saħħa”, li tqajjem il-kwistjoni sa liema punt ir-rabta indiretta tagħha mas-saħħa tista’ twassal sabiex tiġi kklassifikata bħala tali. Hawnhekk, l-element determinanti huwa jekk huwiex possibbli li, mid-data inkwistjoni, jinsiltu konklużjonijiet dwar l-istat ta’ saħħa tas-suġġett tad-data, kemm fir-rigward ta’ stat patoloġiku jew fiżjoloġiku, indipendentement mill-affidabbiltà ta’ dawn il-konklużjonijiet. F’dan ir-rigward jistgħu jittieħdu inkunsiderazzjoni elementi kuntestwali (42), kif ukoll ir-rabta bejn l-informazzjoni inkwistjoni u l-kapaċità li minnha jiġi dedott aspett tas-saħħa ta’ persuna (43).

70.      Pereżempju, il-Grupp ta’ Ħidma “Artikolu 29” ikkunsidra bħala data dwar is-saħħa l-informazzjoni li tirrigwarda s-sħubija ta’ persuna fi gruppi li għandhom għan marbut mas-saħħa, bħal “Weight Watchers” jew l-“Alcooliques anonymes” (44). Barra minn hekk, data mhux ipproċessata maħruġa minn “kejl personali” (pereżempju l-piż jew il-pressjoni tad-demm irreġistrata minn smartwatch) li ma hijiex fiha nnifisha data dwar is-saħħa tista’, flimkien ma’ informazzjoni oħra, tippermetti li jinsiltu konklużjonijiet dwar is-saħħa tas-suġġett tad-data. F’dan ir-rigward, il-Grupp ta’ Ħidma “Artikolu 29” jippreċiża li għandha ssir evalwazzjoni każ b’każ: applikazzjoni li ssegwi u taħżen in-numru ta’ passi magħmul matul xi ġranet u tħassar din id-data wara ġimgħa tista’ ma tkunx qed tipproċessa “data dwar is-saħħa”. Madankollu, applikazzjoni li tgħaqqad diversi reġistrazzjonijiet ikkwantifikati kompleti ta’ individwu (li ssegwi, pereżempju, drawwiet ta’ rqad u ta’ eżerċizzju, rekords dettaljati tal-ikel, tal-piż, tal-indiċi tal-massa tal-ġisem, tal-pressjoni tad-demm u statistiċi vitali oħrajn, kif ukoll aġenda tal-burdati) hija kkunsidrata li tipproċessa data dwar is-saħħa. F’dan il-każ, mhux il-konklużjonijiet u d-deduzzjonijiet biss, iżda wkoll id-data mhux ipproċessata, huma kkunsidrati bħala data dwar is-saħħa (45).

 Applikazzjoni għal dan il-każ

71.      Fil-kawża prinċipali, il-leġiżlazzjoni inkwistjoni tipprevedi li, minbarra l-indikazzjoni tal-isem tal-atleti kkonċernati u t-tul tas-sospensjoni tagħhom, jiġu żvelati r-raġunijiet ta’ din is-sospensjoni permezz ta’ riferiment għall-kategorija ta’ ksur ikkonstatat. Meta l-ksur jirrigwarda sustanza jew metodu pprojbit, dawn jiġu indikati wkoll fl-istqarrija ppubblikata fis-sit internet tal-ÖADR (46).

72.      Qabelxejn, għandu jitfakkar li l-ksur tar-regoli antidoping li huwa żvelat lill-pubbliku jinqasam f’diversi kategoriji (47).

73.      Jiena tal-opinjoni, bħall-Awtorità Awstrijaka għall-Protezzjoni tad-Data, li huwa biss il-ksur previst fil-kategoriji 2.1 u 2.2 li għandu jiġi eżaminat fir-rigward tal-kunċett ta’ “data dwar is-saħħa”. Fil-fatt, il-ksur l-ieħor jirrigwarda aġir ta’ ksur li ma jidhirlix li jista’ bħala tali jiżvela, anki indirettament, informazzjoni dwar l-istat ta’ saħħa tas-suġġett tad-data. Pereżempju, l-informazzjoni li tirrigwarda atleta li naqas milli jwettaq l-obbligu tiegħu ta’ lokalizzazzjoni (ksur tal-kategorija 2.4) jew dwar traffikar ta’ sustanzi pprojbiti (ksur tal-kategorija 2.7) ma tiżvela ebda informazzjoni dwar l-istat ta’ saħħa tiegħu.

74.      Sussegwentement, għandu jiġi rrilevat li l-konstatazzjoni ta’ ksur tal-kategoriji 2.1 u 2.2 timplika testijiet antidoping fuq l-atleta kkonċernat u l-analiżi ta’ kampjuni sabiex jiġu identifikati s-sustanzi u l-metodi pprojbiti. Inżid li dawn l-analiżi jitwettqu minn professjonisti akkreditati (48) u għalhekk f’kuntest kważi mediku, jew saħansitra mediku. Għalhekk, il-konstatazzjoni ta’ tali ksur toħodna lura għall-kunċett ta’ “informazzjoni miġbura mill-ittestjar jew l-eżami ta’ parti mill-ġisem jew sustanza tal-ġisem” fis-sens tal-premessa 35 tal-GDPR. Tali informazzjoni tista’, għalhekk, tiġi kkunsidrata bħala data dwar is-saħħa min-natura tagħha.

75.      F’dan ir-rigward, huwa minnu li t-test jitwettaq sabiex jiġu identifikati sustanzi tad-doping meħuda sabiex itejbu l-prestazzjonijiet sportivi, u l-ipproċessar li jikkonsisti fl-iżvelar tal-informazzjoni inkwistjoni jissodisfa għan repressiv fir-rigward tal-atleta kkonċernat u dissważiv. Madankollu, infakkar li l-għan imfittex ma huwiex rilevanti fir-rigward tal-klassifikazzjoni tad-data inkwistjoni (49).

76.      Bl-istess mod, il-fatt li s-sustanzi tad-doping ma humiex prodotti mediċinali ma jidhirlix li huwa konvinċenti. Fil-fatt, minn naħa, il-kunċett ta’ “data tas-saħħa” ma jinkludix biss id-data medika għall-finijiet terapewtiċi. Barra minn hekk, ċerti prodotti mediċinali huma ta’ dannu għas-saħħa jekk jintużaw b’mod ħażin. Min-naħa l-oħra, il-ġlieda antidoping hija ċertament intiża sabiex tippromwovi l-ekwità u l-ugwaljanza tal-atleti, iżda hija tikkostitwixxi wkoll tħassib dwar is-saħħa (50). Issa, numru ta’ sustanzi jew metodi huma pprojbiti, b’mod partikolari, minħabba l-effetti dannużi tagħhom fuq is-saħħa, anki jekk dan l-effett ivarja skont il-prodott, il-kwantità meħuda jew il-kostituzzjoni tal-persuna kkonċernata (51).

77.      Għalhekk, sabiex tiġi kklassifikata d-data inkwistjoni, indipendentement mill-fatt li l-għan imfittex mill-atleta jikkonsisti fit-titjib tal-prestazzjoni tiegħu, wieħed ma jistax, fil-fehma tiegħi, jinjora l-effetti tat-teħid ta’ sustanza pprojbita fuq is-saħħa ta’ dan l-atleta, kemm jekk dawn l-effetti huma preżenti kif ukoll futuri.

78.      Fl-aħħar nett, jidhirli li l-fatt li l-isem tas-sustanza pprojbita misjuba fl-organiżmu tiġi ppubblikata online mill-ÖADR huwa ta’ natura li jinforma lill-pubbliku dwar ir-riskji li t-teħid tagħha jista’ jkollu fuq is-saħħa tal-atleta inkwistjoni.

79.      Ċertament, l-indikazzjoni waħedha tal-isem tas-sustanza pprojbita, preżenti fl-organiżmu, tista’ tiġi kkunsidrata bħala insuffiċjenti fiha nnifisha sabiex tiżvela informazzjoni dwar l-istat ta’ saħħa, anki futur, tal-atleta kkonċernat. Il-kontenut stess tal-informazzjoni jista’, f’dan ir-rigward, jiġi kkunsidrat bħala qasir wisq, u r-rabta mal-istat ta’ saħħa indiretta wisq, saħansitra ipotetika ħafna, sabiex tikkostitwixxi “data tas-saħħa” fis-sens tal-GDPR. Madankollu, wieħed ma jistax jeskludi li, flimkien ma’ elementi oħra, din l-informazzjoni tista’, anki b’mod indirett, tkun ta’ natura li tiżvela, permezz ta’ proċess intellettwali ta’ approssimazzjoni jew ta’ deduzzjoni, informazzjoni dwar l-istat ta’ saħħa anki futura tas-suġġett tad-data.

80.      Għalhekk, jiena tal-opinjoni li l-indikazzjoni tal-isem tas-sustanza inkwistjoni (jew il-kategorija tagħha) tagħti indikazzjonijiet li, għalkemm mhux dettaljati, huma ta’ natura li jagħtu informazzjoni, b’xi mod indirett, dwar l-istat ta’ saħħa tas-suġġett tad-data. Fil-kuntest speċifiku tal-GDPR, tali indikazzjoni tikkostitwixxi, f’ċerti ċirkustanzi li hija l-qorti tar-rinviju li għandha tivverifika, “data dwar is-saħħa” fis-sens tal-punt 15 tal-Artikolu 4 u tal-Artikolu 9(1) tal-GDPR, moqrija flimkien mal-premessa 35 ta’ dan ir-regolament.

81.      Mill-banda l-oħra, inqis li dan ma jkunx il-każ jekk is-sustanza pprojbita inkwistjoni (jew il-kategorija tagħha) ma tkunx indikata. Fil-fatt, f’dan il-każ, ir-rabta bejn il-konstatazzjoni ta’ ksur minħabba l-preżenza ta’ sustanza pprojbita fl-organiżmu, minn naħa, u l-informazzjoni dwar l-istat ta’ saħħa tas-suġġett tad-data, min-naħa l-oħra, tkun impossibbli li ssir, anki “permezz ta’ proċess intellettwali ta’ approssimazzjoni jew ta’ deduzzjoni”. Għalhekk, din ir-rabta tkun, fil-fehma tiegħi, indiretta ħafna sabiex l-informazzjoni żvelata tkun tista’ tidħol fil-kategorija ta’ “data dwar is-saħħa” tal-GDPR.

 Konklużjoni fuq it-tieni domanda

82.      Għalhekk, nipproponi lill-Qorti tal-Ġustizzja tiddeċiedi li l-Artikolu 9(1) tal-GDPR għandu jiġi interpretat fis-sens li ma jikkostitwixxix ipproċessar ta’ data dwar is-saħħa, fis-sens ta’ din id-dispożizzjoni, il-fatt li jiġu żvelati l-isem tal-atleta kkonċernat, it-tul tas-sospensjoni tiegħu u r-raġunijiet għal din is-sospensjoni, ħlief jekk dawn ir-raġunijiet jinkludu l-isem tas-sustanza jew sustanzi pprojbiti li l-preżenza tagħhom instabet fl-organiżmu tal-atleta inkwistjoni, peress li din l-indikazzjoni hija ta’ natura li tiżvela, anki indirettament, informazzjoni dwar l-istat ta’ saħħa, anki futur, tal-atleta kkonċernat, li hija l-qorti tar-rinviju li għandha tivverifika.

 Fuq il-ħames domanda

83.      Il-qorti tar-rinviju tistaqsi, essenzjalment, jekk il-pubblikazzjoni inkwistjoni tikkostitwixxix ipproċessar ta’ data personali relatata mal-kundanni kriminali u mar-reati fis-sens tal-Artikolu 10 tal-GDPR. F’dan ir-rigward, hija tippreċiża li s-sanzjonijiet fil-kawża prinċipali jinkludu l-irtirar ta’ titli u premjijiet, kif ukoll sospensjoni ta’ diversi snin jew projbizzjoni għal dejjem mill-kompetizzjonijiet kollha (nazzjonali u internazzjonali). Barra minn hekk, hija tindika li, skont l-Artikolu 24(4) tal-ADBG, l-organizzazzjonijiet sportivi ma jistgħux “jirrikorru” għal persuni li huma suġġetti għal sospensjoni skont il-leġiżlazzjoni antidoping u għalhekk, ma jistgħux jimpjegawhom b’remunerazzjoni.

84.      Qabel nanalizza n-natura tal-kundanni u tar-reati antidoping inkwistjoni, ser infakkar l-importanza ta’ klassifikazzjoni kriminali fil-kuntest tal-Artikolu 10 tal-GDPR.

 In-natura “kriminali” tal-kundanni u tar-reati fis-sens tal-Artikolu 10 tal-GDPR

85.      Għandu jitfakkar li l-leġiżlatur tal-Unjoni ma jipprekludix l-ipproċessar ta’ data personali relatata mal-kundanni kriminali u mar-reati, iżda jissuġġettah għal kontroll ikbar, peress li jista’ jkollu effett sinjifikattiv fuq il-ħajja tas-suġġetti tad-data, b’mod partikolari fi kwistjonijiet ta’ ħsara għar-reputazzjoni jew ta’ diskriminazzjoni f’oqsma oħra. Għalhekk, tali pproċessar jista’ jsir biss “taħt il-kontroll ta’ awtorità uffiċjali” jew jekk il-leġiżlazzjoni li tawtorizza dan l-ipproċessar ta’ data tipprevedi “salvagwardji xierqa għad-drittijiet u għal-libertajiet tas-suġġetti tad-data” (52). L-Artikolu 10 tal-GDPR jirriżerva din il-protezzjoni ogħla għall-qasam kriminali biss, fejn il-kelma “kriminali” tkopri kemm il-“kundanni” kif ukoll ir-“reati” (53).

86.      Tista’ taqa’ wkoll taħt l-Artikolu 10 tal-GDPR iż-żamma ta’ reġistri ta’ kundanni kriminali u ta’ reati minn organi privati (54), pereżempju fil-kuntest tal-ġlieda kontra l-ħasil tal-flus jew fil-kuntest tal-attivitajiet ta’ laboratorji forensiċi (55). Wieħed jista’ jiċċita wkoll l-eżempju tal-ipproċessar ta’ data personali minn organi tal-kiri tal-vetturi li jidentifikaw u jindikaw sewwieq li kiser il-kodiċi tat-triq.

87.      Għalhekk, f’dan il-każ, il-kwistjoni hija dwar jekk ir-“rekord sportiv”, imqiegħed online minn NADA u mill-ÖADR, jikkostitwixxix “reġistru” ta’ kundanni kriminali u ta’ reati li jaqa’ taħt il-kamp ta’ applikazzjoni tal-Artikolu 10 tal-GDPR u għalhekk jimplikax protezzjoni ogħla.

 Analiżi tan-natura “kriminali” jew le, fis-sens tal-Artikolu 10 tal-GDPR, ta’ kundanni u ta’ reati antidoping

88.      Skont il-ġurisprudenza tal-Qorti tal-Ġustizzja, il-kunċett ta’ “reat kriminali”, deċiżiv għad-determinazzjoni tal-applikabbiltà tal-Artikolu 10 tal-GDPR għall-ipproċessar ta’ data personali, jeħtieġ, fl-Unjoni kollha, interpretazzjoni awtonoma u uniformi, li għandha tingħata billi jittieħed inkunsiderazzjoni l-għan imfittex minn din id-dispożizzjoni u l-kuntest li fih hija taqa’, mingħajr ma hija determinanti, f’dan ir-rigward, il-klassifikazzjoni mogħtija mill-Istat Membru kkonċernat lil dawn ir-reati, peress li din il-klassifikazzjoni tista’ tkun differenti minn pajjiż għal ieħor.

89.      It-tliet “kriterji Engel”, adottati mill-Qorti tal-Ġustizzja (56), jiġifieri l-klassifikazzjoni ġuridika tal-ksur fid-dritt nazzjonali, in-natura stess tal-ksur u l-grad ta’ severità tas-sanzjoni li tirriskja li tbati l-persuna kkonċernata, huma għalhekk rilevanti sabiex tiġi evalwata n-natura kriminali ta’ ksur.

90.      Minkejja li hija l-qorti tar-rinviju li għandha tevalwa, fid-dawl ta’ dawn il-kriterji, jekk il-kundanni u r-reati inkwistjoni fil-kawża prinċipali humiex ta’ natura kriminali fis-sens tal-Artikolu 10 tal-GDPR, il-Qorti tal-Ġustizzja, meta tiddeċiedi dwar rinviju għal deċiżjoni preliminari, tista’ madankollu tagħti indikazzjonijiet intiżi sabiex jiggwidaw lil din il-qorti fl-evalwazzjoni tagħha (57).

91.      Għalhekk, ser neżamina r-reati u l-kundanni inkwistjoni fir-rigward ta’ dawn it-tliet kriterji.

–       Klassifikazzjoni ġuridika tal-ksur fid-dritt nazzjonali

92.      Mit-talba għal rinviju għal deċiżjoni preliminari jirriżulta li, fid-dritt Awstrijak, l-ÖADR jieħu proċeduri dixxiplinari għall-federazzjoni sportiva kompetenti. Bl-istess mod, il-Gvern Awstrijak enfasizza, waqt is-seduta, li l-leġiżlazzjoni antidoping hija ta’ natura sui generis peress li r-reati antidoping huma ksur tar-regoli tal-federazzjonijiet sportivi kkonċernati, li l-atleti jintrabtu li josservaw (58), u mhux ksur tal-liġi.

93.      Għalhekk, il-klassifikazzjoni tar-reati antidoping fid-dritt nazzjonali ma hijiex fis-sens ta’ klassifikazzjoni “kriminali” fis-sens tal-Artikolu 10 tal-GDPR.

94.      Madankollu, il-portata ta’ dan l-ewwel kriterji Engel għandha tiġi kuntestwalizzata, peress li anki għal reati li ma humiex ikklassifikati bħala “kriminali” mid-dritt nazzjonali, tali natura tista’ madankollu tirriżulta min-natura stess tar-reat inkwistjoni u mill-grad ta’ severità tas-sanzjonijiet li dan jista’ jwassal għalihom (59). Dan japplika, b’mod partikolari, fil-qasam tal-leġiżlazzjoni antidoping, peress li fis-sistema transtatali stabbilita jintervjenu atturi differenti, internazzjonali u nazzjonali (60) u l-Istati Membri integraw il-WADC b’modi differenti fis-sistemi ġuridiċi rispettivi tagħhom. L-implimentazzjoni tal-leġiżlazzjoni antidoping hija għalhekk neċessarjament diversifikata skont l-Istati, skont mudelli ta’ organizzazzjoni statali differenti, anki jekk jidher li, fil-parti l-kbira tal-Istati Membri, l-ONAD ma għandhomx kompetenzi kriminali f’dan ir-rigward (61).

95.      Għalhekk, għandhom jiġu eżaminati ż-żewġ kriterji Engel l-oħra.

–       Natura tal-ksur

96.      Dan it-tieni kriterju jimplika li jiġi vverifikat jekk is-sanzjoni korrispondenti għar-reat inkwistjoni għandhiex, b’mod partikolari, għan repressiv, mingħajr ma s-sempliċi fatt li hija għandha wkoll għan preventiv jkun ta’ natura li jneħħilha l-klassifikazzjoni tagħha bħala “sanzjoni kriminali”. Fil-fatt, huwa fin-natura nnifisha tas-sanzjonijiet kriminali li dawn ikunu intiżi kemm għar-repressjoni kif ukoll għall-prevenzjoni ta’ aġir illegali. Mill-banda l-oħra, miżura li sempliċement tirrepara d-dannu kkawżat mir-reat ikkonċernat ma għandhiex natura kriminali (62).

97.      Mit-talba għal deċiżjoni preliminari jirriżulta li żewġ kategoriji ta’ sanzjonijiet jikkorrispodu għar-reati antidoping.

98.      Dawn jirrigwardaw, minn naħa, l-irtirar ta’ titli u ta’ premjijiet, li jikkonsisti fil-ġbir lura tar-rebħ sabiex jiġi riallokat lill-atleti li kellhom dritt għalih li kieku l-atleta ssanzjonat ma pparteċipax fil-kompetizzjoni. Tali sanzjoni donnha tirrispondi għall-ksur tar-“regola tal-logħob” (il-“lex sportiva”) u tista’ tiġi kkunsidrata li hija intiża essenzjalment sabiex tistabbilixxi mill-ġdid l-imparzjalità ta’ kompetizzjonijiet (63), anki jekk din ma tneħħi xejn min-natura punittiva tagħha għall-atleta kkonċernat.

99.      Min-naħa l-oħra, jirrigwardaw is-sospensjoni tal-parteċipazzjoni fil-kompetizzjonijiet sportivi, li tista’ tkun għal xi ftit xhur jew diversi snin, jew saħansitra, kif inhu l-każ ta’ wieħed mir-rikorrenti fil-kawża prinċipali, tkun projbizzjoni għal dejjem mill-kompetizzjonijiet kollha. Ċertament, din is-sospensjoni tista’ tidher bħala x-xewqa li “jiġi eskluż” l-atleta li wettaq il-ksur sabiex jiġi mbiegħed jew eskluż mill-komunità tal-atleti, u b’hekk, tiġi ppreżervata l-integrità ta’ din il-komunità. Madankollu, hija intiża wkoll sabiex tissanzjona l-atleta li jkun kiser ir-regoli antidoping li huwa kien intrabat li josserva, kif ukoll sabiex tiddiswadi l-atleti l-oħra milli jagħmlu dan.

100. Għalhekk, l-iskop ewlieni ta’ dawn is-sanzjonijiet antidoping, tal-inqas tas-sospensjoni mill-kompetizzjonijiet, ma jidhirx li huwa r-reparazzjoni tad-dannu mġarrab minn terzi minħabba r-reat, iżda s-sanzjonar tal-aġir tal-atleta kkonċernat, li huwa fl-istess sens ta’ kundanna kriminali (64). F’dan ir-rigward, il-leġiżlazzjoni antidoping, minkejja li ma hijiex korpus tad-dritt kriminali, għandha vokazzjoni repressiva (65).

101. Madankollu, il-klassifikazzjoni “kriminali” skont dan it-tieni kriterju Engel jista’ jqajjem eżitazzjonijiet ta’ żewġ tipi.

102. L-ewwel eżitazzjoni tirriżulta mill-konstatazzjoni li l-proċeduri dixxiplinari nftiehmu pjuttost taħt l-aspett ċivili tal-Artikolu 6 tal-KEDB mill-Qorti ta’ Strasbourg (66), ħlief, pereżempju, meta tiġi imposta ċaħda tal-libertà jew is-sanzjoni tkun ta’ grad ta’ severità suffiċjentement għoli (67).

103. B’mod partikolari, il-Qorti ta’ Strasbourg tikkunsidra li l-Artikolu 6 tal-KEDB huwa applikabbli fl-aspett ċivili tiegħu għall-“kontestazzjonijiet relatati mal-irtirar tad-dritt li tiġi eżerċitata professjoni” (68), inkluż fil-qasam sportiv (69).

104. Għalhekk, in-natura kriminali ta’ projbizzjoni li tiġi eżerċitata professjoni ma hijiex evidenti minnha nnifisha, ’il bogħod minn hekk.

105. Madankollu, jidhirli li minn dan ma jistax jiġi dedott, ipso facto u b’mod assolut, li sanzjoni dixxiplinari li twassal għas-sospensjoni minn kompetizzjonijiet sportivi qatt ma tista’ taqa’ taħt il-qasam kriminali.

106. Fil-fatt, tali approċċ jidher li huwa purament formali.

107. Barra minn hekk, infakkar li ż-żewġ aspetti, ċivili u kriminali, tal-Artikolu 6 tal-KEDB ma jeskludux neċessarjament lil xulxin (70).

108. Fl-aħħar nett, għandu jitqies l-ispirtu li bih il-Qorti ta’ Strasbourg twettaq l-eżami tan-natura kriminali jew ċivili tar-reat inkwistjoni fir-rigward tal-ilmenti invokati quddiemha u sabiex tevalwa jekk il-garanziji tas-smigħ xieraq previsti fl-Artikolu 6 tal-KEDB japplikawx fil-qasam ċivili (paragrafu 1) jew kriminali (paragrafi 1 sa 3) tagħhom.

109. Mill-banda l-oħra, fil-kuntest tal-Artikolu 10 tal-GDPR, għandu jiġi evalwat jekk il-kundanna jew ir-reat humiex kriminali sabiex jiġi ddeterminat jekk l-ipproċessar inkwistjoni (f’dan il-każ il-pubblikazzjoni) jirrigwardax informazzjoni li jistħoqqilha protezzjoni ogħla li timplika l-kontroll ta’ awtorità pubblika. Ma’ dan jiżdied li xejn ma jipprekludi li tiġi adottata interpretazzjoni iktar wiesgħa li tiżgura protezzjoni ogħla tad-drittijiet u tal-libertajiet inkwistjoni (71). Għalhekk, huwa f’dan il-kuntest tal-Artikolu 10 tal-GDPR li l-qorti tar-rinviju għandha tevalwa jekk il-kriterji Engel, u b’mod partikolari t-tieni kriterju relatat man-natura tal-ksur, humiex issodisfatti jew le.

110. It-tieni eżitazzjoni toriġina mill-fatt li r-reati u l-kundanni antidoping jirrigwardaw biss grupp partikolari ta’ persuni, jiġifieri l-atleti, bħas-sanzjonijiet dixxiplinari li ġeneralment ikollhom bħala għan li jiżguraw l-osservanza, mill-membri tiegħu, ta’ regoli ta’ aġir, xierqa għall-grupp inkwistjoni (72). Tali dispożizzjonijiet huma intiżi sabiex jipproteġu l-unur u r-reputazzjoni tal-professjoni u sabiex iżommu l-fiduċja tal-pubblika f’dik il-professjoni (73).

111. Ċertament, tali konstatazzjoni tippermetti li tikklassifika r-reat bħala “dixxiplinari” fis-sens li huwa japplika għal ċertu numru ta’ persuni previsti minn korp ta’ regoli speċifiku. F’dan l-aspett, din il-kawża hija distinta mill-kawża li tat lok għas-sentenza Latvijas Republikas Saeima, li fiha l-attribuzzjoni ta’ punti ta’ penalità għal reati tat-traffiku kienet ibbażata fuq test ta’ applikazzjoni ġenerali (74).

112. Madankollu, il-klassifikazzjoni bħala “reat kriminali” fis-sens tal-Artikolu 10 tal-GDPR ma hijiex eskluża. Fil-fatt, jekk il-portata inqas wiesgħa, proprja għar-regolamenti dixxiplinari, tkun suffiċjenti sabiex teskludi l-klassifikazzjoni “kriminali” tar-reat, dan jerġa’ joħodna lura għal approċċ purament formali tal-kunċett. Tali approċċ ma jirrikonċiljax tajjeb mal-ġurisprudenza li f’dan ir-rigward timponi t-tfittxija tal-iskop repressiv jew preventiv tas-sanzjoni sabiex tiġi ddefinita n-natura tar-reat, għall-kuntrarju ta’ għan purament reparatorju.

113. Issa, f’dan il-każ, kif diġà rajna (75), il-kundanni antidoping ma humiex intiżi sabiex jirreparaw danni eventwalment ikkawżati mir-reati inkwistjoni (jew jekk ma jiġix ikkunsidrat biss id-dannu kkawżat lill-komunità tal-atleti), iżda għandhom, għall-kuntrarju, għan repressiv li huwa ta’ natura li jagħtihom klassifikazzjoni ta’ kundanna “kriminali” fis-sens tal-interpretazzjoni ta’ dan it-tieni kriterju mill-ġurisprudenza, indipendentement min-natura ġenerali jew le tat-test applikabbli. Barra minn hekk, nirrileva li t-Tribunal arbitral du sport (il-Qorti tal-Arbitraġġ tal-Isport, l-Isvizzera), istituzzjoni internazzjonali li toffri abritraġġ jew medjazzjoni fid-dinja tal-isport, tirrikonoxxi hija stess, fejn xieraq, in-natura “kważi kriminali” tas-sanzjonijiet antidoping (76).

114. Barra minn hekk, ċerti reati antidoping, bħal pereżempju t-traffikar ta’ sustanzi pprojbiti, jistgħu jagħtu lok għal sanzjonijiet li jaqgħu kemm taħt il-leġiżlazzjoni antidoping u kif ukoll taħt il-leġiżlazzjoni kriminali nazzjonali. Ċertament, il-Qorti ta’ Strasbourg qieset li l-fatt li atti li jistgħu jwasslu għal sanzjoni dixxiplinari jikkostitwixxu wkoll reati kriminali ma huwiex suffiċjenti sabiex jiġi kkunsidrat li persuna responsabbli skont id-dritt dixxiplinari hija “akkużata” b’reat kriminali (77). Madankollu, jidhirli li dan jista’ jikkostitwixxi element li għandu jittieħed inkunsiderazzjoni fil-kuntest tat-tieni kriterju Engel.

115. Għalhekk, minkejja r-riżervi espressi, f’dan l-istadju nqis li ma jistax jiġi eskluż li, fid-dawl tan-natura repressiva jew preventiva tagħhom, ċerti reati antidoping jistgħu jiġu kkunsidrati ta’ natura kriminali skont l-Artikolu 10 tal-GDPR.

–       Grad ta’ severità tas-sanzjoni

116. Dan it-tielet kriterju Engel għandu jiġi evalwat skont il-piena massima imposta, prevista mid-dispożizzjonijiet rilevanti (78).

117. Madankollu, dan il-grad ta’ severità jvarja skont ir-reat antidoping imwettaq. Pereżempju, it-tul tas-sospensjoni imposta jvarja skont ir-reati antidoping inkwistjoni. Bl-istess mod, ir-reċidiva u l-intenzjoni tal-awtur jista’ jkollhom ukoll rwol f’dan ir-rigward (79).

118. Mit-talba għal rinviju għal deċiżjoni preliminari jirriżulta li, dan il-każ jista’ jirrigwarda “sospensjoni ta’ diversi snin jew projbizzjoni għall-ħajja mill-kompetizzjonijiet kollha (nazzjonali u internazzjonali)”, u għalhekk jista’ jwassal għal projbizzjoni definittiva li tiġi eżerċitata l-professjoni ta’ atleta.

119. Ċertament, din ma hijiex piena li ċċaħħad il-libertà. Madankollu, dan ma huwiex determinanti, għaliex “id-dgħufija tal-piena ma tistax iċċaħħad reat min-natura kriminali intrinsika tiegħu” (80). Barra minn hekk, il-karriera sportiva professjonali tal-persuna kkonċernata tista’, skont it-tul tas-sospensjoni, tintemm, b’mod partikolari jekk jittieħdu inkunsiderazzjoni l-età tal-persuni kkonċernati u l-konstatazzjoni li l-karriera hija, f’ċerti sports b’mod partikolari, relattivament qasira.

120. Ma’ din is-sospensjoni, possibbilment “għal dejjem”, tiżdied l-imposibbiltà fil-prattika li wieħed isib impjieg fil-qasam sportiv, ikkunsidrata l-projbizzjoni ta’ assoċjazzjoni ma’ persuna sospiża matul it-tul kollu tas-sospensjoni tagħha.

121. Mal-konsegwenzi ekonomiċi u finanzjarji għall-persuna kkonċernata, jiżdiedu finalment diżapprovazzjoni tas-soċjetà u stigmatizzazzjoni kemm fl-isfera pubblika kif ukoll fl-isfera privata.

122. Fl-opinjoni tiegħi, minn dan jirriżulta li tali sanzjoni hija ta’ grad li jista’ jkollha effett ekwivalenti għal kundanna kriminali fis-sens tal-Artikolu 10 tal-GDPR, li madankollu hija l-qorti tar-rinviju li għandha tevalwa f’kull każ partikolari.

123. Għaldaqstant, jiena tal-opinjoni li, bħala prinċipju, ir-reati u l-kundanni antidoping għandhom ikunu kkunsidrati li jaqgħu fil-qasam dixxiplinari, ħlief fil-każijiet fejn il-kundanna hija ta’ severità bħal dik li tirriżulta mill-qasam kriminali. Tali evalwazzjoni, li ma tistax tiġi kkontestata mill-klassifikazzjoni fid-dritt nazzjonali waħedha, taqa’ barra minn hekk fil-kuntest tal-għan repressiv u preventiv tal-kundanna li tagħti natura kriminali lir-reat imwettaq. F’dan il-kuntest, sospensjoni għal dejjem mill-parteċipazzjoni fil-kompetizzjonijiet kollha, tista’ għalhekk, fil-fehma tiegħi, tikkostitwixxi sanzjoni li għandha effett ekwivalenti għal sanzjoni kriminali, ta’ natura li twassal għall-applikazzjoni tal-Artikolu 10 tal-GDPR.

124. Fl-aħħar nett, inżid li l-argument ta’ NADA, li jwissi kontra l-implikazzjonijiet, għall-ordinamenti professjonali kollha, li twassal għalihom l-applikazzjoni tal-Artikolu 10 tal-GDPR għall-ipproċessar ta’ data relatata ma’ reati u ma’ kundanni dixxiplinari, ma jikkonvinċinix. Fil-fatt, f’dan il-każ, ma hijiex kwistjoni ta’ “kriminilizzazzjoni” b’mod ġenerali u astratt tar-reati u tal-kundanni dixxiplinari kollha. L-analiżi preċedenti turi li l-evalwazzjoni għandha ssir skont iċ-ċirkustanzi ta’ kull każ inkwistjoni u fid-dawl tal-interpretazzjoni tal-Artikolu 10 tal-GDPR li, fil-preżenza ta’ “reġistru” ta’ kundanni u ta’ reati li jaqgħu fil-kamp ta’ applikazzjoni tiegħu, jimponi protezzjoni ogħla. Barra minn hekk, il-bażi legali tal-ipproċessar ta’ data relatata ma’ tali reati u kundanni kklassifikati bħala “kriminali” tista’ tkun tinsab ukoll fil-leġiżlazzjoni, tal-Unjoni jew tal-Istati Membri, li tipprevedi l-“garanziji xierqa”.

 Konklużjoni fuq il-ħames domanda

125. Inqis li r-risposta għall-ħames domanda għandha tkun li l-Artikolu 10 tal-GDPR għandu jiġi interpretat fis-sens li jista’ japplika għall-ipproċessar ta’ data personali relatata mal-kundanni jew mar-reati previsti mil-leġiżlazzjoni nazzjonali antidoping, peress li, indipendentement mill-klassifikazzjoni ta’ dawn ir-reati fid-dritt nazzjonali, il-kundanni li hija timplika għandhom għan repressiv u għandhom grad ta’ severità tali li għandhom effett ekwivalenti għal sanzjoni kriminali, liema fatt għandu jiġi vverifikat mill-qorti tar-rinviju.

 Fuq is-sitt domanda

126. Fil-każ ta’ risposta affermattiva għall-ħames domanda, il-qorti tar-rinviju tistaqsi jekk l-attivitajiet jew id-deċiżjonijiet ta’ awtorità, li lilha ġie fdat il-kontroll tal-ipproċessar ta’ data personali relatata mal-kundanni kriminali u mar-reati jew mal-miżuri preventivi konnessi b’konformità mal-Artikolu 10 tal-GDPR, humiex suġġetti għal stħarriġ ġudizzjarju.

127. L-ewwel nett, nippreċiża li l-awtorità inkwistjoni hija l-“awtorità uffiċjali” fis-sens tal-Artikolu 10 tal-GDPR, li ma tistax tiġi konfuża mal-“awtorità superviżorja”, fis-sens tal-Artikolu 51 tal-GDPR (81). Infakkar ukoll li l-ipproċessar ta’ data relatata mal-kundanni kriminali u mar-reati jista’ jsir biss taħt il-kontroll tal-awtorità pubblika, jew jekk l-ipproċessar huwa awtorizzat mid-dritt tal-Unjoni jew mid-dritt ta’ Stat Membru li jipprevedi garanziji xierqa għad-drittijiet u għal-libertajiet tas-suġġetti tad-data (82). Ir-risposta għal din id-domanda għandha għalhekk tkun marbuta mar-risposti għat-tielet u għar-raba’ domanda preliminari, eżaminati iktar ’l isfel (83).

128. It-tieni nett, għandu jiġi kkonstatat li l-GDPR ma jinkludix definizzjoni tal-kunċett ta’ “awtorità pubblika” jew ta’ “kontroll tal-awtorità pubblika” fis-sens tal-Artikolu 10 ta’ dan ir-regolament. F’dan ir-rigward, huma l-Istati Membri li għandhom jiddeterminaw liema organu jeżerċita l-kontroll ta’ “awtorità pubblika” fil-każ ta’ pproċessar ta’ data personali fis-sens tal-Artikolu 10 tal-GDPR. Kif tindika l-Kummissjoni, ma huwiex eskluż li diversi dipartimenti jistgħu jkunu kkunsidrati bħala tali u li dan ma huwiex neċessarjament il-“kontrollur”.

129. It-tielet nett, huwa minnu li l-kliem tal-Artikolu 10 tal-GDPR ma jipprevedix fih innifsu tali stħarriġ ġudizzjarju tal-attivitajiet jew tad-deċiżjonijiet ta’ din l-“awtorità pubblika”. Madankollu, l-interpretazzjoni kuntestwali ta’ din id-dispożizzjoni hija favur tali stħarriġ jekk is-suġġetti tad-data jridu jinvokaw id-drittijiet tagħhom. Fil-fatt, bħal diversi partijiet kkonċernati, jiena tal-opinjoni li l-istħarriġ tal-atti fil-qasam tal-ipproċessar ta’ data personali, inkluż meta dan l-istħarriġ isir wara deċiżjoni ta’ awtorità pubblika fis-sens tal-Artikolu 10 tal-GDPR, għandu jkun konformi mal-Artikolu 79(1) tal-GDPR, anki jekk il-qorti tar-rinviju ma tagħmilx referenza għalih fid-domanda tagħha. Skont din id-dispożizzjoni, mingħajr preġudizzju għal kwalunkwe rimedju amministrattiv jew extraġudizzjarju, inkluż id-dritt li jitressaq ilment quddiem awtorità ta’ kontroll skont l-Artikolu 77 ta’ dan ir-regolament, kull suġġett tad-data għandu d-dritt għal rimedju ġudizzjarju effettiv jekk huwa iqis li d-drittijiet mogħtija lilu mill-imsemmi regolament inkisru minħabba pproċessar tad-data personali tiegħu mwettaq bi ksur ta’ dan l-istess regolament. Barra minn hekk, kif jenfasizza l-Gvern Finlandiż, l-eżistenza nnifisha ta’ stħarriġ ġudizzjarju effettiv intiż sabiex jiżgura l-osservanza tad-dritt tal-Unjoni hija inerenti għal Stat ta’ dritt.

130. Ir-raba’ nett, tali interpretazzjoni hija konformi mal-għan previst mill-Artikolu 10 tal-GDPR, jiġifieri li tiġi żgurata protezzjoni ogħla fil-konfront ta’ pproċessar li, minħabba s-sensittività partikolari tad-data inkwistjoni, jista’ jikkostitwixxi ndħil partikolarment gravi fid-drittijiet fundamentali għar-rispett tal-ħajja privata u għall-protezzjoni tad-data personali (84). Interpretazzjoni tal-Artikolu 10 tal-GDPR li teskludi, a priori u b’mod ġenerali, l-attivitajiet jew deċiżjonijiet ta’ awtorità pubblika fis-sens ta’ din id-dispożizzjoni minn kull stħarriġ ġudizzjarju tmur kontra dawn l-għanijiet.

131. F’dawn iċ-ċirkustanzi u fl-assenza ta’ preċiżazzjonijiet oħra dwar l-attivitajiet jew id-deċiżjonijiet tal-awtorità pubblika inkwistjoni, inqis li r-risposta għas-sitt domanda preliminari għandha tkun li l-Artikolu 10 tal-GDPR, moqri flimkien mal-Artikolu 79(1) ta’ dan ir-regolament, għandu jiġi interpretat fis-sens li l-attivitajiet jew id-deċiżjonijiet ta’ awtorità li lilha ġie fdat il-kontroll tal-ipproċessar tad-data personali relatata mal-kundanni kriminali u mar-reati jew mal-miżuri preventivi konnessi skont din id-dispożizzjoni għandhom ikunu jistgħu jkunu s-suġġett ta’ stħarriġ ġudizzjarju.

 Fuq it-tielet u r-raba’ domanda

132. Fil-kuntest ta’ dawn iż-żewġ domandi, li jistgħu jiġu eżaminati flimkien, il-qorti tar-rinviju tistaqsi, essenzjalment, l-ewwel nett, jekk l-Artikolu 5(1)(a) u (c) u t-tieni subparagrafu tal-Artikolu 6(3) tal-GDPR jistgħux jiġu interpretati bħala li jipprekludu obbligu, impost mil-liġi nazzjonali fuq l-organi nazzjonali antidoping, li jippubblikaw id-data personali kkonċernata, jiġifieri b’mod partikolari l-isem tal-atleti ssanzjonati għal ksur tal-leġiżlazzjoni antidoping, it-tul tas-sospensjoni imposta u r-raġunijiet għaliha.

133. Hija tistaqsi, it-tieni nett, jekk il-GDPR jeħtieġx, qabel il-pubblikazzjoni, ibbilanċjar każ b’każ tal-interessi inkwistjoni mill-kontrollur jew jekk il-kontroll ta’ proporzjonalità previst mil-leġiżlatur huwiex suffiċjenti.

 Fuq il-proporzjonalità tal-pubblikazzjoni inkwistjoni

134. Il-leġiżlatur nazzjonali ppreveda, fl-ADBG, il-pubblikazzjoni ta’ ċerta data (isem tal-atleta, tul u raġunijiet tas-sospensjoni), mingħajr ħlas (85), għall-attenzjoni tal-organizzazzjoni federali tal-isport, organizzazzjonijiet sportivi, atleti, persuni oħra (persunal maniġerjali), organizzaturi ta’ kompetizzjonijiet, kif ukoll il-pubbliku inġenerali, mingħajr ma jkun possibbli li tinsilet data tas-saħħa. Huwa previst ukoll li l-informazzjoni li għandha tiġi ppubblikata tista’ ma tiġix żvelata lill-pubbliku inġenerali biss jekk is-suġġett tad-data huwa atleta dilettant, partikolarment vulnerabbli (persuna minuri) jew persuna li kkontribwixxiet b’mod sinjifikattiv għad-detezzjoni ta’ ksur potenzjali tar-regoli antidoping billi kkomunikat informazzjoni jew indikazzjonijiet oħra. Ħlief f’każ ta’ żball min-naħa tiegħi, f’dan il-każ, la l-indikazzjoni tas-sustanza pprojbita eventwalment inkwistjoni u lanqas il-pubblikazzjoni online permezz tal-internet ma huma espliċitament previsti mill-ADBG.

135. Fil-prattika, NADA u l-ÖADR implimentaw din il-leġiżlazzjoni permezz ta’ pubblikazzjoni fuq l-internet għall-atleti professjonali, bl-indikazzjoni tas-sustanza pprojbita eventwalment inkwistjoni għal dak li jirrigwarda l-pubblikazzjoni mill-ÖADR.

–       Osservazzjonijiet preliminari u tfakkira tal-prinċipji

136. Infakkar li l-għan imfittex mill-GDPR, kif jirriżulta mill-Artikolu 1 tiegħu kif ukoll mill-premessi 1 u 10 tiegħu, jikkonsisti, b’mod partikolari, li jiżgura livell għoli ta’ protezzjoni tal-libertajiet u tad-drittijiet fundamentali tal-persuni fiżiċi, b’mod partikolari d-dritt tagħhom għall-ħajja privata fir-rigward tal-ipproċessar ta’ data personali, stabbilit fl-Artikolu 8(1) tal-Karta u fl-Artikolu 16(1) TFUE u strettament marbuta mad-dritt għar-rispett tal-ħajja privata, stabbilit fl-Artikolu 7 tal-Karta.

137. F’dan ir-rigward, id-drittijiet fundamentali għar-rispett tal-ħajja privata u għall-protezzjoni tad-data personali, iggarantiti fl-Artikoli 7 u 8 tal-Karta, ma humiex prerogattivi assoluti. B’hekk jistgħu jsiru limitazzjonijiet, sakemm, konformement mal-Artikolu 52(1) tal-Karta, dawn ikunu previsti mil-liġi u jirrispettaw il-kontenut essenzjali tad-drittijiet fundamentali kif ukoll josservaw il-prinċipju ta’ proporzjonalità (86).

138. F’dan il-każ, il-pubblikazzjoni ta’ data personali tal-atleti kkonċernati ssir abbażi ta’ obbligu legali impost fuq il-kontrolluri mil-liġi nazzjonali (87).

139. Għalhekk, dan l-ipproċessar ta’ data jista’ jiġi meqjus li jaqa’ fil-każ previst mill-Artikolu 6(1)(c) tal-GDPR, li jipprevedi li l-ipproċessar meħtieġ għall-osservanza ta’ obbligu legali li għalih huwa suġġett il-kontrollur, huwa legali. Fid-dawl tal-fatt li l-ġlieda antidoping tista’ titqies bħala l-eżekuzzjoni ta’ missjoni ta’ interess pubbliku (88), l-ipproċessar inkwistjoni jista’ jaqa’ wkoll fil-każ previst fl-Artikolu 6(1)(e) tal-GDPR. Madankollu, ma huwiex neċessarju li jiġi deċiż liema minn dawn il-kundizzjonijiet ta’ legalità hija applikabbli għall-każ inkwistjoni jew jekk japplikawx it-tnejn (89).

140. L-Artikolu 6(3) tal-GDPR jippreċiża, fir-rigward ta’ dawn iż-żewġ każijiet ta’ legalità tal-ipproċessar, previsti fil-punti (c) u (e) tal-Artikolu 6(1) tal-GDPR, li l-imsemmi pproċessar għandu jkun ibbażat fuq id-dritt tal-Unjoni jew fuq id-dritt tal-Istat Membru li għalih huwa suġġett il-kontrollur, u li din il-bażi legali għandha tissodisfa għan ta’ interess pubbliku u tkun proporzjonata mal-għan leġittimu mfittex.

141. Bl-istess mod, kull ipproċessar ta’ data personali għandu, b’mod partikolari, ikun konformi mal-prinċipji stabbiliti fl-Artikolu 5(1) tal-GDPR u, b’mod partikolari, mal-prinċipji ta’ legalità u tal-“minimizzazzjoni tad-data” li jinsabu, rispettivament, fil-punti (a) u (c) ta’ din id-dispożizzjoni. Skont dan il-prinċipju ta’ minimizzazzjoni, id-data personali għandha tkun adegwata, rilevanti u limitata għal dak li huwa neċessarju fir-rigward tal-għanijiet li għalihom hija pproċessata, li huwa espressjoni tal-imsemmi prinċipju ta’ proporzjonalità (90).

142. Għalhekk, id-domandi magħmula mill-qorti tar-rinviju jimplikaw il-verifika dwar jekk il-leġiżlazzjoni nazzjonali, bħala bażi legali tal-ipproċessar inkwistjoni, tissodisfax ir-rekwiżiti li jirriżultaw minn dawn id-dispożizzjonijiet, jiġifieri li hija għandha għan ta’ interess pubbliku u hija proporzjonata mal-għan leġittimu mfittex.

143. F’dan il-każ, fil-kuntest tal-ġlieda antidoping fl-isport, li hija ċertament għan ta’ interess pubbliku, jiġu adottati sanzjonijiet fil-każ ta’ ksur tar-regoli antidoping. Barra minn hekk, hemm l-iżvelar lill-pubbliku inġenerali tad-data personali inkwistjoni, li għandu żewġ għanijiet, leġittimi wkoll, invokati mill-partijiet ikkonċernati u mill-Gvern Awstrijak waqt is-seduta. Minn naħa, huwa jiddiswadi lill-atleti milli jwettqu ksur tar-regoli antidoping u għalhekk jipprevjeni d-doping fl-isports. Min-naħa l-oħra, huwa jevita l-evitar tar-regoli antidoping billi jinforma lill-persuni kollha li jistgħu jisponsorjaw jew jingaġġaw lill-atleta inkwistjoni li huwa sospiż (91).

144. Għalhekk, il-qorti tar-rinviju għandha tivverifika jekk il-leġiżlazzjoni nazzjonali li tipprevedi l-ipproċessar inkwistjoni, kif implimentata minn NADA u mill-ÖADR, hijiex adegwata sabiex tikkontribwixxi għat-twettiq tal-għanijiet ta’ interess ġenerali li hija trid tilħaq, neċessarja u proporzjonata għal dawn l-għanijiet, fejn il-Qorti tal-Ġustizzja għandha ġurisdizzjoni sabiex tipprovdilha l-elementi ta’ interpretazzjoni utli.

–       Fuq l-adegwatezza tal-pubblikazzjoni sabiex jintlaħqu l-għanijiet previsti

145. Jidhirli li l-pubblikazzjoni tad-data inkwistjoni tista’ tiġi kkunsidrata, mingħajr wisq diffikultà, li hija adegwata sabiex jintlaħqu ż-żewġ għanijiet previsti.

146. Fil-fatt, l-ewwel nett, il-fatt li jiġi ppubblikat l-isem tal-atleta kif ukoll ir-raġunijiet u t-tul tas-sospensjoni tiegħu jinforma lill-pubbliku inġenerali li d-doping ma jibqax mingħajr piena u li huwa akkumpanjat mhux biss b’sanzjonijiet iżda wkoll b’pubblikazzjoni nominattiva tas-sanzjoni ta’ sospensjoni. Dan huwa ta’ natura li jħeġġeġ lill-pubbliku, u fosthom lill-atleti, professjonali jew dilettanti, jastjenu milli jiksru r-regoli antidoping u għalhekk jissodisfa l-għan ta’ dissważjoni u ta’ prevenzjoni.

147. It-tieni nett, il-pubblikazzjoni ta’ din is-sospensjoni tippermetti wkoll li l-persuni li jistgħu jixtiequ jimpjegaw lill-atleta kkonċernat taħt kwalunkwe titlu marbut mal-isport ikunu informati li huwa sospiż u ma huwiex awtorizzat jeżerċita funzjonijiet sportivi. Inżid li l-fatt li wieħed jassoċja ruħu ma’ atleta sospiż jikkostitwixxi wkoll ksur tal-leġiżlazzjoni antidoping (92). Għalhekk, tali pubblikazzjoni tista’ tikkontribwixxi sabiex jiġi evitat li tali reati jitwettqu minħabba nuqqas ta’ għarfien.

148. Mill-banda l-oħra, ma narax kif l-indikazzjoni tas-sustanza pprojbita eventwalment inkwistjoni, mhux espressament prevista mil-liġi nazzjonali iżda ppubblikata mill-ÖADR, tippermetti li jintlaħqu l-għanijiet previsti. Fil-fatt, la l-għan ta’ dissważjoni u lanqas dak li ma jkunx possibbli evitar tar-regoli antidoping ma jeħtieġu dan il-punt ta’ dettall tar-reat ikkonstatat.

–       Fuq in-neċessità tal-pubblikazzjoni fid-dawl tal-għanijiet previsti

149. B’konformità mal-premessa 39 tal-GDPR, il-verifika tan-neċessità tal-ipproċessar inkwistjoni fir-rigward tal-għanijiet previsti timplika l-verifika dwar jekk jeżistux miżuri alternattivi li jippreġudikaw inqas id-drittijiet għar-rispett tal-ħajja privata u għall-protezzjoni tad-data personali ggarantiti fl-Artikoli 7 u 8 tal-Karta, iżda li huma wkoll effikaċi sabiex jintlaħaq l-għan invokat (93).

150. L-ewwel nett, fir-rigward tal-għan ta’ dissważjoni, l-iżvelar lill-pubbliku tal-isem tal-atleti kkonċernati ma jidhirlix li huwa assolutament neċessarju fil-każijiet kollha.

151. Ċertament, id-dissważjoni hija iktar effikaċi jekk, b’mod partikolari fil-każ ta’ atleta magħruf, is-sanzjonijiet ikunu akkumpanjati bl-iżvelar ta’ ismu. Responsabbiltà partikolari hija imposta fil-qasam fuq l-atleti ta’ livell għoli u li jgawdu ċerta reputazzjoni, u għalhekk l-iżvelar ta’ isimhom jista’ jirriżulta iktar rilevanti fir-rigward tal-għan previst.

152. Madankollu, għall-atleti professjonali li ma jaqgħux taħt l-eċċezzjonijiet previsti mill-ADBG, il-leġiżlazzjoni nazzjonali tipprevedi żvelar nominattiv awtomatiku, li l-portata tiegħu ssir illimitata bil-pubblikazzjoni online (94), u dan, mingħajr kunsiderazzjoni taċ-ċirkustanzi partikolari marbuta maċ-ċirkustanzi individwali (reputazzjoni tal-atleta, livell ta’ kompetizzjoni, reċidiva, natura intenzjonali, eċċ.). F’dan ir-rigward, jiena tal-opinjoni li, permezz tan-natura ġenerali tagħhom, dawn id-dispożizzjonijiet nazzjonali jistgħu jmorru lil hinn minn dak li teħtieġ il-prevenzjoni tad-doping permezz tad-dissważjoni.

153. It-tieni nett, fir-rigward tal-għan intiż sabiex jipprekludi l-evitar tal-projbizzjoni li wieħed jassoċja ruħu ma’ persuna sospiża, dan jimplika li wieħed ikun jaf min hu l-atleta. Għalhekk, dan jirrendi neċessarju l-iżvelar tal-isem tal-persuna sospiża. F’dan ir-rigward, mit-talba għal deċiżjoni preliminari jirriżulta li, skont il-punt 8 tal-Artikolu 1(2) tal-ADBG, jista’ jikkostitwixxi reat antidoping il-fatt li atleta jkollu kuntatt ma’ membru tal-persunal maniġerjali suġġett għal projbizzjoni jew sanzjoni.

154. Għalhekk, il-portata illimitata tal-pubblikazzjoni, marbuta mat-tqegħid online fuq l-internet, jidhirli li tmur lil hinn minn dak li huwa neċessarju (95).

155. Fil-fatt, dan il-għan li ma jkunx possibbli l-evitar tar-regoli donnu japplika essenzjalment fid-dinja tal-isport (96) u jirrigwarda lill-persuni responsabbli mill-osservanza tas-sanzjonijiet jew responsabbli minn organi sportivi jew minn assoċjazzjonijiet sportivi. Diffużjoni iktar ristretta tal-identità tal-atleta inkwistjoni tidher, f’dan il-kuntest, li tilħaq l-għan b’mod effikaċi u li jikkawża inqas preġudizzju għall-protezzjoni tad-data personali. Barra minn hekk, waqt is-seduta, NADA spjegat li għal ċerti kategoriji ta’ atleti ta’ livell inqas, l-informazzjoni tas-sospensjoni tista’ tiġi pprovduta permezz tal-federazzjonijiet.

156. Fir-rigward ta’ operaturi ekonomiċi jew persuni li jimpjegaw barra mid-dinja tal-isport, pubblikazzjoni iktar limitata żgur li ma tippermettilhomx li jkunu jafu li l-atleta inkwistjoni huwa sospiż u li huma pprojbiti milli jassoċjaw ruħhom miegħu. Madankollu, sa fejn tali persuna mhux informata tiġi akkużata b’assoċjazzjoni ma’ persuna sospiża (atleta jew persuna oħra), jidhirli li r-regoli fil-qasam tal-oneru tal-prova jippermettu, f’dan il-każ, li jiġi vverifikat jekk din l-“assoċjazzjoni” kinitx jew le konxja u intenzjonata (97). Għall-kuntrarju, il-fatt li tiġi ppubblikata fuq l-internet is-sospensjoni, assoċjata mal-isem tal-persuna sospiża inkwistjoni, jidhirli li jwassal finalment sabiex jimponi responsabbiltà fuq kulħadd li jivverifika jekk il-persuna li magħha jiffirma kuntratt jew jassoċja ruħu hijiex sospiża jew le. Dan is-suspett ġeneralizzat, ikkawżat mill-pubblikazzjoni online tar-“rekord sportiv”, jidhirli li jmur lil hinn mill-għan previst.

157. Inżid li l-għażla ta’ pubblikazzjoni online minn NADA u mill-ÖADR hija ta’ natura li tippreġudika wkoll id-dritt għall-ħajja privata, b’mod partikolari, fid-dawl tal-portata tagħha urbi et orbi (98). Din hija wkoll l-opinjoni tal-Grupp ta’ Ħidma “Artikolu 29”, li jenfasizza r-riskju ta’ użu għal finijiet oħra jew ta’ pproċessar ulterjuri ta’ data ppubblikata online, iktar intrużivi (99).

158. Fil-fehma tiegħi, pubblikazzjoni nominattiva iżda limitata għall-organi rilevanti u federazzjonijiet sportivi, akkumpanjata pereżempju minn pubblikazzjoni fuq l-internet psewdonimizzata, tippermetti li jintlaħqu ż-żewġ għanijiet previsti b’mod li jikkawża inqas preġudizzju għall-protezzjoni tad-data personali u b’mod iktar konformi mal-prinċipju ta’ minimizzazzjoni tad-data.

159. Inżid li l-argument imressaq minn NADA, ibbażat fuq il-paragun bejn il-pubblikazzjoni ta’ sanzjonijiet fil-kuntest ta’ professjonijiet oħra, bħall-avukati jew professjonisti tas-saħħa, ma jikkonvinċinix. Fil-fatt, kif ġie indikat f’dan ir-rigward mill-Gvern Olandiż, il-pubblikazzjoni tal-ismijiet tal-avukati jew tat-tobba sospiżi tidher neċessarja, għaliex kulħadd jista’ jkun parti fil-kawża jew pazjent, filwaqt li, fil-kuntest tad-doping, huwa suffiċjenti li l-isem tal-atleta kkonċernat ikun magħruf fil-qasam sportiv, mill-federazzjonijiet sportivi kkonċernati, ħlief f’każijiet partikolari li għandhom jiġu evalwati każ b’każ.

160. Għaldaqstant, għandi dubji serji dwar in-neċessità tal-ipproċessar inkwistjoni fir-rigward tal-għanijiet imfittxija.

–       Fuq il-proporzjonalità “stricto sensu”, jiġifieri l-ibbilanċjar tal-interessi inkwistjoni

161. Sabiex tiġi evalwata l-proporzjonalità tal-ipproċessar ikkonċernat, għandu jsir ibbilanċjar tad-drittijiet, libertajiet jew interessi differenti inkwistjoni. Fil-fatt, għan ta’ interess ġenerali ma jistax jintlaħaq mingħajr ma jittieħed inkunsiderazzjoni l-fatt li dan għandu jiġi kkonċiljat mad-drittijiet fundamentali kkonċernati, li jimplika, f’dan il-każ, li jitwettaq ibbilanċjar bejn, minn naħa, l-għan ta’ interess ġenerali previst u, min-naħa l-oħra, id-drittijiet tal-persuna li d-data personali tagħha hija żvelata (100).

162. Inżid li, fil-kuntest ta’ din l-analiżi, għandhom jittieħdu inkunsiderazzjoni r-risposti li l-Qorti tal-Ġustizzja ser tagħti għat-tieni domanda preliminari dwar l-eżistenza ta’ data tas-saħħa fis-sens tal-Artikolu 9 tal-GDPR u għall-ħames domanda preliminari dwar id-data relatata ma’ kundanni kriminali jew reati, li taqa’ taħt l-Artikolu 10 tal-GDPR. Fil-fatt, l-osservanza tal-prinċipju ta’ “minimizzazzjoni” tad-data sensittiva fis-sens tal-Artikolu 9 tal-GDPR ma jipprekludix li data personali tiġi kkomunikata lill-pubbliku meta din il-komunikazzjoni hija neċessarja u proporzjonata (101). Dan japplika wkoll meta d-data inkwistjoni taqa’ taħt l-Artikolu 10 tal-GDPR, sakemm il-leġiżlazzjoni li tawtorizza din il-komunikazzjoni tipprevedi garanziji xierqa għad-drittijiet u għal-libertajiet tas-suġġetti tad-data (102). Għalhekk, fir-rigward ta’ data li taqa’ taħt dawn iż-żewġ dispożizzjonijiet, l-interessi tas-suġġetti tad-data għandhom importanza partikolari fl-eżerċizzju tal-ibbilanċjar tal-interessi inkwistjoni (103).

163. F’dan il-każ, l-ipproċessar inkwistjoni, li jinkludi l-pubblikazzjoni online tal-identità tal-atleta kkonċernat, jikkostitwixxi ndħil importanti fid-drittijiet fundamentali għar-rispett tal-ħajja privata u għall-protezzjoni tad-data personali u huwa ta’ natura li jipprovoka d-diżapprovazzjoni tas-soċjetà u jwassal għall-istigmatizzazzjoni tas-suġġett tad-data. Dan huwa, barra minn hekk, l-effett ta’ “pilorja elettronika” mixtieq hawnhekk.

164. Għalhekk, il-gravità ta’ dan l-indħil għandha tiġi bbilanċjata mal-importanza tal-għanijiet previsti mill-pubblikazzjoni.

165. Nirrileva li d-domanda tal-qorti tar-rinviju tirrigwarda l-pubblikazzjoni prevista mill-ADBG, kif implimentata minn NADA u mill-ÖADR, għall-atleti professjonali li ma jaqgħux taħt l-eċċezzjonijiet previsti (li jirrigwardaw l-atleti dilettanti, il-persuni vulnerabbli u l-“whistleblowers”). Il-pubblikazzjoni fir-rigward tagħhom tikkonsisti fil-pubblikazzjoni nominattiva li hija kemm illimitata fil-portata tagħha għaliex hija diffuża permezz tal-internet lill-pubbliku inġenerali, kultant illimitata fit-tul tagħha fil-każijiet ta’ sospensjonijiet għal dejjem (li huwa l-każ ta’ wieħed mir-rikorrenti fil-kawża prinċipali), sistematika u awtomatika, li skont l-ADBG ma tinvolvi ebda evalwazzjoni individwali skont iċ-ċirkustanzi.

166. Bil-prudenza kollha li din id-dimensjoni tal-istħarriġ ta’ proporzjonalità dejjem teħtieġ (104), għandi tendenza naħseb li dawn l-elementi differenti flimkien (natura nominattiva, illimitata, sistematika u awtomatika tal-pubblikazzjoni) jistgħu jwasslu f’ċerti ċirkustanzi għal indħil fid-drittijiet għall-protezzjoni tad-data personali tal-persuni inkwistjoni, tali li ma jissodisfax ir-rekwiżiti ta’ bbilanċjar bejn l-interessi differenti inkwistjoni.

167. Pereżempju, fil-każ ta’ sanzjoni ta’ sospensjoni twila (105), jew saħansitra għal dejjem, ta’ atleta ftit magħruf, li l-ħajja sportiva professjonali tiegħu ntemmet ċertu żmien ilu, wieħed jista’ jikkunsidra li l-pubblikazzjoni legali tad-data personali tiegħu ssir, maż-żmien, eċċessiva fir-rigward tal-għanijiet previsti.

168. In-NADA ssostni li ma għandha ssir ebda differenza skont il-gravità jew in-natura repetuta tal-ksur imwettaq, għar-raġuni li dawn jittieħdu inkunsiderazzjoni fl-istadju tas-sanzjoni u ma għandhomx effett fuq il-pubblikazzjoni, li għandha sseħħ indipendentement miċ-ċirkustanzi. Dan l-argument ma jikkonvinċinix. Fil-fatt, il-pubblikazzjoni tissodisfa għanijiet li, minkejja li jaqgħu fil-kuntest tal-ġlieda antidoping, huma speċifiċi u jimplikaw ibbilanċjar tal-interessi inkwistjoni li jippermetti li jittieħdu inkunsiderazzjoni r-rekwiżiti tal-GDPR, mhux ikkunsidrati fl-istadju tas-sanzjoni antidoping.

169. Għalhekk, jiena tal-opinjoni li obbligu ta’ pubblikazzjoni ta’ data personali, bħal dak li jirriżulta mill-ADBG u implimentat mill-ÖADR u minn NADA, huwa ammissibbli biss sa fejn, fid-dawl tal-għanijiet previsti ta’ dissważjoni u li ma jkunx possibbli evitar tar-regoli antidoping, huwa jibqa’ proporzjonat, b’mod partikolari f’termini ta’ portata u ta’ tul tal-pubblikazzjoni, b’kunsiderazzjoni taċ-ċirkustanzi speċifiċi inkwistjoni, li hija l-qorti tar-rinviju li għandha tivverifika.

 Fuq il-mument tal-ibbilanċjar

170. Il-qorti tar-rinviju tistaqsi jekk il-GDPR jeħtieġx, qabel il-pubblikazzjoni, ibbilanċjar każ b’każ tal-interessi inkwistjoni mill-kontrollur jew jekk l-istħarriġ ta’ proporzjonalità previst mil-leġiżlatur huwiex suffiċjenti.

171. F’dan il-każ, il-leġiżlatur ippreveda sitwazzjonijiet stabbiliti minn qabel indipendentement miċ-ċirkustanzi proprji ta’ kull każ individwali, billi invoka l-elementi tal-pubblikazzjoni u billi rriżerva, madankollu, ċerti eċċezzjonijiet. B’hekk, huwa diġà stabbilixxa l-pubblikazzjoni u wettaq ċertu bbilanċjar tal-interessi tal-atleti li d-data personali tagħhom hija żvelata, minn naħa, u l-interessi marbuta mal-ġlieda antidoping, min-naħa l-oħra.

172. Madankollu, nirrileva li, bħala kontrollur maħtur mil-leġiżlatur nazzjonali, l-organi nazzjonali antidoping inkwistjoni (f’dan il-każ, NADA u l-ÖADR) jibqgħu, b’applikazzjoni tal-Artikolu 5(2) tal-GDPR, responsabbli mill-implimentazzjoni tal-ipproċessar u responsabbli (“accountable”) mill-osservanza tal-prinċipji ta’ legalità u ta’ proporzjonalità ta’ dan l-ipproċessar, kif ukoll mill-osservanza tal-prinċipju ta’ minimizzazzjoni. Barra minn hekk, huma għandhom ikunu f’pożizzjoni li juru li l-paragrafu 1 ta’ din id-dispożizzjoni huwa osservat.

173. Skont l-Artikolu 24(1) u l-Artikolu 25(1) tal-GDPR, huma għandhom jimplimentaw ukoll miżuri tekniċi u organizzattivi xierqa (bħall-psewdonimizzazzjoni), kemm fil-mument tad-determinazzjoni tal-mezzi tal-ipproċessar kif ukoll fil-mument tal-ipproċessar innifsu. Dawn il-miżuri, li jekk ikun neċessarju għandhom ikunu eżaminati mill-ġdid u aġġornati, huma intiżi sabiex jimplimentaw il-prinċipji relatati mal-protezzjoni tad-data b’mod effettiv u sabiex jakkumpanjaw l-ipproċessar bil-garanziji neċessarji sabiex jiġu ssodisfatti r-rekwiżiti tal-GDPR u sabiex jiġu protetti d-drittijiet tas-suġġett tad-data (106).

174. Barra minn hekk, nirrileva li, f’dan il-każ, anki jekk il-leġiżlatur iddetermina l-għanijiet tal-ipproċessar kif ukoll, parzjalment, il-mezzi ta’ dan l-ipproċessar, huma NADA u l-ÖADR li, bħala kontrolluri u responsabbli mill-implimentazzjoni tiegħu, għażlu pubblikazzjoni fuq l-internet, u l-ÖADR għażel ukoll pubblikazzjoni tal-isem tas-sustanza pprojbita eventwalment inkwistjoni.

175. F’dan il-kuntest, ir-risposta għad-domanda magħmula jidhirli li hija marbuta mal-kontenut u mal-livell ta’ preċiżjoni tal-liġi nazzjonali applikabbli għall-kontrollur. Jidhirli li l-fatt li l-leġiżlatur nazzjonali ppreveda l-prinċipju ta’ pubblikazzjoni ma jeżentax lill-kontrollur mir-responsabbiltà tiegħu fil-qasam tal-osservanza tar-rekwiżiti tal-GDPR u tal-protezzjoni tad-drittijiet tas-suġġetti tad-data. Dan jista’ jimplika, min-naħa tiegħu, li fil-kuntest tal-applikazzjoni tal-leġiżlazzjoni nazzjonali, huwa jieħu inkunsiderazzjoni ċirkustanzi speċifiċi għall-każ (107). Barra minn hekk, ninnota li dan l-ibbilanċjar każ b’każ huwa impost fuqu għall-pubblikazzjonijiet ta’ data li tirrigwarda l-atleti sospiżi li jaqgħu taħt l-eċċezzjonijiet imsemmija fl-ADBG.

176. Għalhekk, fl-opinjoni tiegħi d-dispożizzjonijiet iċċitati iktar ’il fuq tal-GDPR, minkejja li ma jeħtiġuhx fil-każijiet kollha, jistgħu jimplikaw li l-kontrollur iwettaq ibbilanċjar każ b’każ tal-interessi inkwistjoni meta huwa jiddetermina, b’mod partikolari, il-mezzi tal-ipproċessar, u għalhekk anki qabel il-pubblikazzjoni. F’dan ir-rigward, jistgħu jittieħdu inkunsiderazzjoni elementi li jirrigwardaw in-natura, il-portata, il-kuntest u l-għanijiet tal-ipproċessar kif ukoll ir-riskji, li l-grad ta’ probabbiltà u ta’ gravità tagħhom jista’ jvarja, għad-drittijiet u l-libertajiet tal-imsemmija persuni.

177. La l-argument li jipprovdi li tali marġni ta’ evalwazzjoni tal-kontrollur jirriskja li jwassal għal diskriminazzjoni bejn atleti li jinsabu f’sitwazzjonijiet komparabbli, u lanqas ir-riskju ta’ arbitrarjetà, ta’ abbuż, jew saħansitra ta’ korruzzjoni, invokati b’mod partikolari mill-Kummissjoni u minn NADA, ma jistgħu jiġġustifikaw r-rinunzja għal tali bbilanċjar każ b’każ, intiż sabiex id-data personali tiġi pproċessata b’mod konformi mal-GDPR. Fil-fatt, tali bbilanċjar jista’ jevita preċiżament id-diskriminazzjoni li tista’ tirriżulta mill-applikazzjoni ta’ pproċessar identiku għal sitwazzjonijiet differenti.

178. Fil-fehma tiegħi, minn dan isegwi li l-Artikoli 5 u 6 tal-GDPR, moqrija fid-dawl tal-obbligi u tar-responsabbiltajiet kollha imposti fuq il-kontrollur, għandhom jiġu interpretati bħala li ma jipprekludux ibbilanċjar każ b’każ tal-interessi inkwistjoni mill-kontrollur qabel l-imsemmi pproċessar ta’ data, u saħansitra, f’ċerti ċirkustanzi, bħala li jeżiġu tali bbilanċjar jekk dan ikun meħtieġ sabiex id-data personali tkun ipproċessata b’mod konformi mal-GDPR.

 Konklużjonijiet fuq it-tielet u r-raba’ domanda

179. Fid-dawl tal-kunsiderazzjonijiet preċedenti, nipproponi lill-Qorti tal-Ġustizzja tirrispondi għat-tielet domanda li l-Artikolu 5(1)(a) u (c) u t-tieni subparagrafu tal-Artikolu 6(3) tal-GDPR għandhom jiġu interpretati fis-sens li jipprekludu obbligu, impost fuq l-organi nazzjonali antidoping, li jippubblikaw data personali, bħall-isem ta’ atleti ssanzjonati għal ksur tal-leġiżlazzjoni antidoping, it-tul tas-sospensjoni imposta u r-raġunijiet għaliha (b’mod partikolari l-isem tas-sustanza pprojbita) meta, meqjusa ċ-ċirkustanzi speċifiċi inkwistjoni, ir-rekwiżit ta’ proporzjonalità ma huwiex jew ma għadux issodisfatt, b’mod partikolari f’termini ta’ portata jew ta’ tul tal-pubblikazzjoni, li għandu jiġi vverifikat mill-qorti tar-rinviju.

180. Għal dak li jirrigwarda r-raba’ domanda, nipproponi lill-Qorti tal-Ġustizzja tikkunsidra li l-Artikoli 5 u 6 tal-GDPR, moqrija fid-dawl tal-obbligi u r-responsabbiltajiet kollha imposti fuq il-kontrollur, għandhom jiġu interpretati fis-sens li jeżiġu li dan tal-aħħar iwettaq, qabel l-ipproċessar ta’ data, ibbilanċjar każ b’każ tal-interessi inkwistjoni jekk dan ikun meħtieġ sabiex id-data personali tiġi pproċessata b’konformità mal-GDPR.

 Fuq is-seba’ domanda

181. Sabiex tinftiehem is-seba’ domanda, għandu jitfakkar il-kuntest li fih hija saret. Ir-rikorrenti YT, qabel ma d-data personali tagħha ġiet ippubblikata fis-sit internet ta’ NADA u tal-ÖADR, ressqet ilment quddiem l-Awtorità Awstrijaka tal-Protezzjoni tad-Data bbażat fuq l-Artikolu 17 tal-GDPR li jipprevedi d-dritt għat-tħassir. Din l-aħħar awtorità ċaħdet l-ilment ta’ YT, peress li d-data inkwistjoni kienet għadha mhix ippubblikata. Sussegwentement, il-pubblikazzjoni ta’ din id-data seħħet matul il-proċedura ta’ appell kontra ċ-ċaħda tal-ilment tagħha mill-Awtorità Awstrijaka tal-Protezzjoni tad-Data.

182. Permezz tas-seba’ domanda tagħha, il-qorti tar-rinviju tistaqsi, l-ewwel nett, jekk ilment, magħmul skont l-Artikolu 77 tal-GDPR li jirrigwarda ksur allegat tad-dritt għat-tħassir (Artikolu 17 tal-GDPR), huwiex ammissibbli minkejja li l-ipproċessar ta’ data personali tas-suġġett tad-data kien għadu ma seħħx fil-mument tal-introduzzjoni tal-ilment tiegħu quddiem l-awtorità ta’ kontroll u fil-mument li fih din tal-aħħar ħadet deċiżjoni.

183. Hija tistaqsi, it-tieni nett, fuq l-ammissibbiltà ta’ tali lment a posteriori jekk, fil-mument tal-introduzzjoni tal-ilment, kienu jeżistu diġà indikazzjonijiet konkreti li pproċessar ta’ data personali mill-kontrollur kien imminenti jew kien ser iseħħ fil-futur qarib.

 L-ilment quddiem l-awtorità ta’ kontroll qabel l-ipproċessar ta’ data huwa ammissibbli?

184. L-Artikolu 77(1) tal-GDPR jipprevedi li kull suġġett tad-data għandu d-dritt iressaq ilment quddiem awtorità ta’ kontroll “jekk is-suġġett tad-data jqis li l-ipproċessar ta’ data personali dwaru jikser dan ir-Regolament”.

185. B’konformità ma’ ġurisprudenza stabbilita tal-Qorti tal-Ġustizzja, ser nieħu inkunsiderazzjoni, sabiex ninterpreta din id-dispożizzjoni, mhux biss il-kliem tagħha, iżda wkoll il-kuntest tagħha u l-għanijiet imfittxija mil-leġiżlazzjoni li minnha tagħmel parti (108).

186. L-ewwel nett, it-test tal-Artikolu 77 tal-GDPR ma jimponix terminu sabiex jitressaq ilment li jirrigwarda pproċessar ta’ data personali. Fil-każijiet fejn l-ipproċessar seħħ u mbagħad ġie kkontestat, iktar ma l-ilment jitressaq kmieni, iktar il-kontroll mill-awtorità jista’ jseħħ malajr u l-protezzjoni tas-suġġett tad-data tista’ tiġi żgurata iktar kmieni (109). Mill-banda l-oħra, it-test tal-Artikolu 77(1) tal-GDPR ma jipprevedix il-każ li fih l-ipproċessar għadu ma seħħx. F’dan ir-rigward, nirrileva li din id-dispożizzjoni tuża l-kelma “jikser” fil-preżent, li donnu jimplika li l-ipproċessar għandu jkun diġà seħħ, iżda li l-każ ta’ pproċessar fil-futur ma huwiex, bħala tali, eskluż (110).

187. It-tieni nett, fir-rigward tal-elementi kuntestwali, għandhom jiġu invokati l-missjonijiet u s-setgħat tal-awtoritajiet ta’ kontroll. F’dan ir-rigward, skont l-Artikolu 57(1)(f) tal-GDPR, kull awtorità ta’ kontroll għandha tittratta lmenti mressqa minn kull suġġett tad-data, u teżamina s-suġġett tal-ilment sa fejn ikun neċessarju u tinforma lill-persuna li tagħmel l-ilment dwar il-progress u l-eżitu tal-investigazzjoni f’terminu raġonevoli. Għalhekk, l-awtorità ta’ kontroll għandha tittratta tali lment “bid-diliġenza kollha meħtieġa” (111).

188. Barra minn hekk, l-Artikolu 58(1) tal-GDPR jagħti lil kull awtorità ta’ kontroll setgħat importanti ta’ investigazzjoni għall-finijiet tat-trattament tal-ilmenti mressqa. Meta tali awtorità tikkonstata, fl-aħħar tal-investigazzjoni tagħha, ksur tad-dispożizzjonijiet ta’ dan ir-regolament, hija għandha tirreaġixxi b’mod xieraq sabiex tirrimedja l-insuffiċjenza kkonstatata. Għal dan il-għan, l-Artikolu 58(2) tal-GDPR jelenka l-miżuri korrettivi differenti li l-awtorità ta’ kontroll tista’ tadotta u li hija għandha f’dan ir-rigward marġni ta’ evalwazzjoni fir-rigward tal-għażla tal-mezzi xierqa u neċessarji (112). Fost is-setgħat tal-awtorità ta’ kontroll previsti fl-Artikolu 58(2)(a) tal-GDPR, hija tista’ “toħroġ twissijiet” lil kontrollur meta l-operazzjonijiet “maħsuba x’aktarx”  jiksru l-GDPR, li jaqa’ taħt approċċ li wieħed jista’ jikklassifika bħala “kawtelatorju” tad-drittijiet tas-suġġett tad-data (113).

189. Dawn ir-rekwiżiti u s-setgħat kollha tal-awtorità ta’ kontroll huma intiżi sabiex isaħħu l-proċedura ta’ lment sabiex tkun mekkaniżmu adattat sabiex jissalvagwardja b’mod effettiv id-drittijiet u l-interessi tas-suġġetti tad-data, jiġifieri “rimedju amministrattiv reali” (114).

190. Nindika wkoll, fir-rigward tal-elementi kuntestwali, li kif ġie enfasizzat mill-Kummissjoni, il-kontrollur għandu jissodisfa ċerti obbligi, u b’mod partikolari jinforma lis-suġġett tad-data qabel iwettaq l-ipproċessar (115).

191. Għalhekk, jidhirli li approċċ kawtelatorju jew preventiv min-naħa tal-awtoritajiet ta’ kontroll fil-kuntest tat-trattament ta’ lmenti ma jistax, a priori, jiġi eskluż fil-kuntest tal-GDPR.

192. It-tielet nett, din l-interpretazzjoni hija kkonfermata mill-għanijiet li dan ir-regolament irid jilħaq. Fil-fatt, jirriżulta b’mod partikolari mill-premessa 10 tiegħu li huwa intiż sabiex jiżgura livell għoli ta’ protezzjoni tal-persuni fiżiċi fir-rigward tal-ipproċessar ta’ data personali fi ħdan l-Unjoni. Il-premessa 11 tal-imsemmi regolament tistabbilixxi, barra minn hekk, li protezzjoni effettiva ta’ din id-data teħtieġ tisħiħ tad-drittijiet tas-suġġett tad-data.

193. Issa, ir-restrizzjoni tal-obbligu impost fuq l-awtoritajiet ta’ kontroll li jittrattaw l-ilmenti, skont l-Artikolu 57(1)(f) tal-GDPR, billi l-Artikolu 77(1) ta’ dan ir-regolament jiġi interpretat bħala li jeskludi kull possibbiltà li jitressaq ilment quddiem awtorità ta’ kontroll “fid-dawl ta’ pproċessar”, tista’ tkun kontradittorja mal-għanijiet imfittxija mill-imsemmi regolament, b’mod partikolari dak li jiżgura livell għoli ta’ protezzjoni tal-persuni fiżiċi fir-rigward tal-ipproċessar ta’ data personali fi ħdan l-Unjoni.

194. Għalhekk, fid-dawl ta’ dawn il-kunsiderazzjonijiet kollha, nikkunsidra li ma jistax jiġi eskluż li lment imressaq skont l-Artikolu 77 tal-GDPR jista’ jkun ammissibbli, minkejja l-fatt li l-ipproċessar ta’ data personali tas-suġġett tad-data jkun għadu ma seħħx fil-mument li fih iressaq l-ilment tiegħu quddiem l-awtorità ta’ kontroll.

195. Madankollu nqis, bħall-Kummissjoni u l-Gvern Awstrijak, li l-ksur allegat tal-GDPR għandu jkun seħħ u li l-ipproċessar ikkonċernat, li f’dan il-każ huwa l-pubblikazzjoni tad-data personali, ma huwiex ta’ natura purament ipotetika (116).

196. F’dan il-każ, il-Qorti tal-Ġustizzja hija adita b’talba, ibbażata fuq l-Artikolu 17 tal-GDPR, li tirrigwarda lment fid-dawl tat-tħassir tad-data inkwistjoni, peress li r-rikorrenti fil-kawża prinċipali kkonċernata (YT) ippreċiżat f’dan ir-rigward li l-pubblikazzjoni tad-data tagħha kienet “kawżi ċertament imminenti”.

197. Madankollu, ilment intiż għat-tħassir ta’ din id-data (l-istess bħal, pereżempju, talba għal rettifika ta’ data) jippreżupponi, ipotetikament, li l-ipproċessar inkwistjoni, f’dan il-każ il-pubblikazzjoni ta’ data, ikun seħħ. Fil-fatt, jidhirli impossibbli għall-kontrollur li jilqa’ tali lment u jħassar id-data jekk hija tkun għadha ma ġietx żvelata, ħlief jekk dan l-lment jiġi interpretat bħala li huwa intiż, fir-realtà, sabiex jipprekludi l-pubblikazzjoni tal-imsemmija data (117) (u mhux għat-tħassir tagħha), li hija l-qorti tar-rinviju li għandha tevalwa.

198. Inżid li tali interpretazzjoni ma tippreġudikax l-għanijiet li jiġi ggarantit livell għoli ta’ protezzjoni tad-data personali, peress li dispożizzjonijiet oħra tal-GDPR jippermettu tweġibiet għal talbiet li jirrigwardaw ipproċessar futur. Fil-fatt, kif jindika l-Gvern Awstrijak, l-Artikolu 79(1) tal-GDPR, relatat mad-dritt għal rimedju ġudizzjarju effettiv, jimplika l-eżistenza, fid-dritt nazzjonali, ta’ azzjonijiet proċedurali fil-każ ta’ theddida imminenti ta’ ksur illegali tad-drittijiet mogħtija mill-GDPR. Dan jinkludi l-possibbiltà fid-dritt Awstrijak li wieħed iressaq kawża għal ħruġ ta’ mandat ta’ inibizzjoni preventiv qabel il-bidu tal-ipproċessar, jew saħansitra, jekk l-ipproċessar beda, il-possibbiltà li l-awtorità ta’ kontroll Awstrijaka tintalab tillimita dan l-pproċessar abbażi tal-Artikolu 18 tal-GDPR.

199. Għalhekk, fl-opinjoni tiegħi, ma jistax jiġi eskluż li lment imressaq abbażi tal-Artikolu 77 tal-GDPR jista’ jkun ammissibbli, minkejja l-fatt li l-ipproċessar ta’ data personali tas-suġġett tad-data jkun għadu ma seħħx fil-mument li fih iressaq l-ilment tiegħu quddiem l-awtorità ta’ kontroll iżda huwa ta’ natura li ma huwiex purament ipotetiku. Madankollu, fiċ-ċirkustanzi tal-kawża prinċipali, l-ilment, ibbażat fuq it-tħassir previst fl-Artikolu 17 tal-GDPR, ma huwiex ammissibbli peress li jirrigwarda pproċessar (f’dan il-każ il-pubblikazzjoni ta’ data personali tas-suġġett tad-data) li, għalkemm imminenti, ma kienx jeżisti fil-mument li fih tressaq l-ilment ta’ dan is-suġġett tad-data quddiem l-awtorità ta’ kontroll, u lanqas fil-mument tal-adozzjoni tad-deċiżjoni ta’ din l-awtorità ta’ kontroll.

 L-ilment quddiem l-awtorità ta’ kontroll isir ammissibbli “a posteriori”?

200. Nirrileva li din id-domanda tirrigwarda l-interpretazzjoni tal-Artikolu 77 tal-GDPR, relatat mad-dritt li jitressaq ilment quddiem l-awtorità ta’ kontroll. Għalhekk, jidher li l-qorti tar-rinviju tistaqsi jekk tali lment, iddikjarat inammissibbli, jistax isir ammissibbli a posteriori quddiem l-awtorità ta’ kontroll jekk l-ipproċessar inkwistjoni (f’dan il-każ l-iżvelar ta’ data) iseħħ waqt li appell kontra d-deċiżjoni ta’ din l-awtorità ta’ kontroll huwa pendenti quddiem il-qorti tal-appell. F’dan ir-rigward, jidhirli li huwa l-ordinament ġuridiku intern li għandu jirregola l-kwistjoni dwar jekk il-qorti tal-appell tistax, jew għandhiex, f’tali sitwazzjoni, tibgħat lura l-kwistjoni lill-awtorità ta’ kontroll sabiex teżamina mill-ġdid fid-dawl tal-elementi fattwali ġodda, jekk is-suġġett tad-data għandux iressaq mill-ġdid ilment jew jekk il-qorti tal-appell tistax hija stess tiddeċiedi fuq is-sitwazzjoni li għandha quddiemha fid-dawl ta’ elementi fattwali ġodda li jikkonsistu, f’dan il-każ, fil-pubblikazzjoni ta’ data. F’dan ir-rigward, għandhom jiġu żgurati l-effettività tal-protezzjoni tad-drittijiet iggarantiti mill-GDPR u l-applikazzjoni koerenti u omoġenja tad-dispożizzjonijiet tiegħu.

201. Peress li, bħall-Gvern Awstrijak, għandi nifhem id-domanda tal-qorti tar-rinviju bħala li tirrigwarda l-ammissibbiltà ta’ tali lment quddiem il-qorti adita b’appell, f’dan il-każ għandhom jiġu eżaminati l-konsegwenzi ta’ effetti marbuta ma’ bidla fattwali, jiġifieri l-ipproċessar li jikkonsisti fil-pubblikazzjoni ta’ data personali, li seħħ wara d-deċiżjoni tal-awtorità ta’ kontroll u waqt li rimedju ġudizzjarju, eżerċitat abbażi tal-Artikolu 78 tal-GDPR, huwa pendenti kontra din id-deċiżjoni, fil-każ li kienu jeżistu, waqt l-ilment, indikazzjonijiet konkreti li pproċessar ta’ data personali mill-kontrollur kien imminenti jew kien ser iseħħ fil-futur qarib.

202. Għandu jitfakkar li l-leġiżlatur tal-Unjoni intervjena, fil-kuntest tal-GDPR, sabiex joffri rimedji ġudizzjarji differenti lill-persuni li jinvokaw ksur ta’ dan ir-regolament, peress li kull wieħed minn dawn ir-rimedji ġudizzjarji għandu jkun jista’ jiġi eżerċitat “mingħajr preġudizzju” għall-oħrajn (118).

203. Għalhekk, l-Artikolu 78(1) tal-GDPR jipprevedi li, mingħajr preġudizzju għal kwalunkwe rimedju amministrattiv jew extraġudizzjarju ieħor, kull persuna fiżika jew ġuridika għandu jkollha d-dritt għal rimedju ġudizzjarju effettiv kontra deċiżjoni legalment vinkolanti ta’ awtorità ta’ kontroll li tikkonċernaha. Minn dan jirriżulta li l-qrati aditi b’rikors kontra deċiżjoni ta’ awtorità ta’ kontroll għandu jkollhom ġurisdizzjoni sħiħa, u b’mod partikolari dik li jeżaminaw il-kwistjonijiet kollha ta’ fatt u ta’ liġi relatati mat-tilwima li biha huma aditi (119). Għalhekk, sabiex ikun “effettiv”, kif teħtieġ din id-dispożizzjoni, l-istħarriġ ġudizzjarju eżerċitat fuq deċiżjoni dwar ilment adottata minn awtorità ta’ kontroll għandu jkun sħiħ (120). Barra minn hekk, l-Artikolu 79(1) ta’ dan ir-regolament jiggarantixxi lil kull suġġett tad-data d-dritt għal rimedju ġudizzjarju effettiv “mingħajr preġudizzju għal kwalunkwe rimedju amministrattiv jew mhux ġudizzjarju disponibbli, inkluż id-dritt li jitressaq ilment quddiem awtorità superviżorja skont l-Artikolu 77”.

204. Huwa minnu li, diġà ġie kkonstatat li, bl-adozzjoni tal-GDPR, il-leġiżlatur tal-Unjoni ma riedx iwettaq armonizzazzjoni eżawrjenti tar-rimedji ġudizzjarji miftuħa fil-każ ta’ ksur tad-dispożizzjonijiet tal-GDPR, previsti fl-Artikoli 77 sa 79 ta’ dan ir-regolament (121). B’mod partikolari, meta lment quddiem awtorità ta’ kontroll u rimedji ġudizzjarji jiġu ppreżentati fi ħdan l-istess Stat Membru fir-rigward tal-istess ipproċessar ta’ data personali, il-GDPR ma tipprevedix dispożizzjonijiet partikolari.

205. Madankollu, minkejja li l-leġiżlatur tal-Unjoni ma riedx iwettaq armonizzazzjoni eżawrjenti f’dan ir-rigward, huwa lanqas xtaq jeskludi l-possibbiltà invokata mid-domanda tal-qorti tar-rinviju, jiġifieri li tiġi aċċettata l-ammissibbiltà a posteriori ta’ lment imressaq f’ċirkustanzi bħal dawk inkwistjoni fil-kawża prinċipali.

206. Fl-assenza ta’ leġiżlazzjoni tal-Unjoni fil-qasam, huwa kull Stat Membru li għandu, skont il-prinċipju ta’ awtonomija proċedurali tal-Istati Membri, jirregola l-modalitajiet tal-proċeduri amministrattivi u ġudizzjarji intiżi sabiex jiżguraw livell għoli ta’ salvagwardja tad-drittijiet li l-individwi jgawdu taħt id-dritt tal-Unjoni. F’dan il-kuntest, hija l-qorti nazzjonali li għandha tiżgura sabiex tiġi żgurata l-effettività tal-protezzjoni tad-drittijiet iggarantiti mill-GDPR, l-applikazzjoni koerenti u omoġenja tad-dispożizzjonijiet ta’ dan ir-regolament kif ukoll id-dritt għal rimedju effettiv quddiem qorti, previst fl-Artikolu 47 tal-Karta (122).

207. Għalhekk, huwa abbażi tad-dispożizzjonijiet proċedurali nazzjonali li l-qorti tar-rinviju għandha tiddetermina kif ir-rimedji ġudizzjarji previsti mil-leġiżlazzjoni nazzjonali għandhom jiġu implimentati f’kull każ. F’dan ir-rigward, hija għandha tiżgura li l-modalitajiet konkreti ta’ eżerċizzju ta’ rimedji ġudizzjarji ma jaffettwawx b’mod sproporzjonat id-dritt għal rimedju effettiv quddiem qorti. Hija għandha tiżgura wkoll li tiġi żgurata l-effettività tal-protezzjoni tad-drittijiet iggarantiti mill-GDPR u li dawn il-modalitajiet josservaw il-prinċipji ta’ effettività u ekwivalenza (123).

208. Fl-assenza ta’ preċiżjoni min-naħa tal-qorti tar-rinviju dwar il-possibbiltajiet offruti mid-dritt nazzjonali tagħha, fil-fehma tiegħi, hemm lok li jiġi kkunsidrat li l-Artikolu 77(1) tal-GDPR, eżaminat fid-dawl tal-Artikolu 78(1) ta’ dan ir-regolament, għandu jiġi interpretat fis-sens li ma jipprekludix l-ammissibbiltà ta’ lment preċedentement miċħud bħala inammissibbli mill-awtorità ta’ kontroll, meta l-ipproċessar ta’ data jseħħ waqt li r-rimedju ġudizzjarju li jirrigwarda l-istess fatti huwa pendenti quddiem il-qorti. Huwa l-ordinament ġuridiku nazzjonali li għandu jirregola, fl-osservanza tal-prinċipji ta’ ekwivalenza u ta’ effettività, il-kundizzjonijiet ta’ tali ammissibbiltà, kemm quddiem l-awtorità ta’ kontroll kif ukoll quddiem il-qorti, b’tali mod li jiġu żgurati l-effettività tal-protezzjoni tad-drittijiet iggarantiti mill-GDPR, l-applikazzjoni koerenti u omoġenja tad-dispożizzjonijiet tiegħu kif ukoll id-dritt għal rimedju effettiv quddiem qorti.

 Konklużjoni fuq is-seba’ domanda

209. Fid-dawl tal-kunsiderazzjonijiet kollha preċedenti, nipproponi lill-Qorti tal-Ġustizzja tirrispondi għas-seba’ domanda li l-Artikolu 77 tal-GDPR għandu jiġi interpretat fis-sens li lment, ibbażat fuq l-Artikolu 17 ta’ dan ir-regolament (allegat ksur tad-dritt għat-tħassir), ma huwiex ammissibbli sa fejn huwa jirrigwarda pproċessar ta’ pubblikazzjoni ta’ data personali tas-suġġett tad-data li, għalkemm imminenti, ma kienx jeżisti la fil-mument li fih tressaq l-ilment minn dan is-suġġett quddiem l-awtorità ta’ kontroll, u lanqas fil-mument tal-adozzjoni tad-deċiżjoni ta’ din l-awtorità, mingħajr preġudizzju madankollu għall-ammissibbiltà eventwali ta’ lment li jirrigwarda pproċessar ta’ data personali mhux purament ipotetiku u fir-rigward ta’ azzjoni preventiva jew kawtelatorja tal-awtorità ta’ kontroll.

210. Barra minn hekk, eżaminat fid-dawl tal-Artikolu 78(1) tal-GDPR, l-Artikolu 77 ta’ dan ir-regolament ma jipprekludix l-ammissibbiltà ta’ lment preċedentement miċħud bħala inammissibbli mill-awtorità ta’ kontroll, meta l-ipproċessar ta’ data jseħħ waqt li r-rimedju ġudizzjarju li jirrigwarda l-istess fatti huwa pendenti quddiem il-qorti. Huwa l-ordinament ġuridiku nazzjonali li għandu jirregola, fl-osservanza tal-prinċipji ta’ ekwivalenza u ta’ effettività, il-kundizzjonijiet ta’ tali ammissibbiltà, kemm quddiem l-awtorità ta’ kontroll kif ukoll quddiem il-qorti, b’tali mod li jiġu żgurati l-effettività tal-protezzjoni tad-drittijiet iggarantiti mill-GDPR, l-applikazzjoni koerenti u omoġenja tad-dispożizzjonijiet tiegħu kif ukoll id-dritt għal rimedju effettiv quddiem qorti.

 Konklużjoni

211. Fid-dawl tal-kunsiderazzjonijiet preċedenti kollha, nipproponi lill-Qorti tal-Ġustizzja tirrispondi kif ġej għad-domandi preliminari magħmula mill-Bundesverwaltungsgericht (il-Qorti Amministrattiva Federali, l-Awstrija):

1)      L-ewwel sentenza tal-Artikolu 16(2) TFUE u l-Artikolu 2(2)(a) tar-Regolament (UE) 2016/679 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tas‑27 ta’ April 2016 dwar il-protezzjoni tal-persuni fiżiċi fir-rigward tal-ipproċessar ta’ data personali u dwar il-moviment liberu ta’ tali data, u li jħassar id-Direttiva 95/46/KE,

għandhom jiġu interpretati fis-sens li:

l-ipproċessar ta’ data personali li jikkonsisti, b’applikazzjoni tar-regoli nazzjonali antidoping, fil-pubblikazzjoni tal-ismijiet tal-atleti kkonċernati, tad-dixxiplina sportiva pprattikata, tal-ksur tar-regoli antidoping imwettaq, tas-sanzjoni mogħtija kif ukoll tal-bidu u tat-tmiem ta’ din is-sanzjoni ma jistax jiġi kkunsidrat bħala li jitwettaq fil-kuntest ta’ “attività li ma taqax taħt il-kamp ta’ applikazzjoni tal-liġi tal-Unjoni”, fis-sens tal-Artikolu 2(2)(a) tar-Regolament 2016/679.

2)      L-Artikolu 9(1) tar-Regolament 2016/679,

għandu jiġi interpretat fis-sens li:

ma jikkostitwixxix ipproċessar ta’ data dwar is-saħħa, fis-sens ta’ din id-dispożizzjoni, il-fatt li jiġu żvelati l-isem tal-atleta kkonċernat, it-tul tas-sospensjoni tiegħu u r-raġunijiet għal din is-sospensjoni, ħlief jekk dawn ir-raġunijiet jinkludu l-isem tas-sustanza jew sustanzi pprojbiti li l-preżenza tagħhom instabet fl-organiżmu tal-atleta inkwistjoni, peress li din l-indikazzjoni hija ta’ natura li tiżvela, anki indirettament, informazzjoni dwar l-istat ta’ saħħa, anki futur, tal-atleta kkonċernat, li hija l-qorti tar-rinviju li għandha tivverifika.

3)      L-Artikolu 5(1)(a) u (c) u t-tieni subparagrafu tal-Artikolu 6(3) tar-Regolament 2016/679,

għandhom jiġu interpretati fis-sens li:

jipprekludu obbligu, impost fuq l-organi nazzjonali antidoping, li jippubblikaw data personali, bħall-isem ta’ atleti ssanzjonati għal ksur tal-leġiżlazzjoni antidoping, it-tul tas-sospensjoni imposta u r-raġunijiet għaliha (b’mod partikolari l-isem tas-sustanza pprojbita) meta, meqjusa ċ-ċirkustanzi speċifiċi inkwistjoni, ir-rekwiżit ta’ proporzjonalità ma huwiex jew ma għadux issodisfatt, b’mod partikolari f’termini ta’ portata jew ta’ tul tal-pubblikazzjoni, li għandu jiġi vverifikat mill-qorti tar-rinviju.

4)      L-Artikoli 5 u 6 tar-Regolament 2016/679, moqrija fid-dawl tal-obbligi u r-responsabbiltajiet kollha imposti fuq il-kontrollur,

għandhom jiġu interpretati fis-sens li:

jeżiġu li dan tal-aħħar iwettaq, qabel l-ipproċessar ta’ data, ibbilanċjar każ b’każ tal-interessi inkwistjoni jekk dan ikun meħtieġ sabiex id-data personali tiġi pproċessata b’konformità mar-Regolament 2016/679.

5)      L-Artikolu 10 tar-Regolament 2016/679,

għandu jiġi interpretat fis-sens li:

jista’ japplika għall-ipproċessar ta’ data personali relatata mal-kundanni jew mar-reati previsti mil-leġiżlazzjoni nazzjonali antidoping, peress li, indipendentement mill-klassifikazzjoni ta’ dawn ir-reati fid-dritt nazzjonali, il-kundanni li hija timplika għandhom għan repressiv u għandhom grad ta’ severità tali li għandhom effett ekwivalenti għal sanzjoni kriminali, li għandu jiġi vverifikat mill-qorti tar-rinviju.

6)      L-Artikolu 10 tar-Regolament 2016/679, moqri fid-dawl tal-Artikolu 79(1) ta’ dan ir-regolament,

għandu jiġi interpretat fis-sens li:

l-attivitajiet jew id-deċiżjonijiet ta’ awtorità li lilha ġie fdat il-kontroll tal-ipproċessar tad-data personali relatata mal-kundanni kriminali u mar-reati jew mal-miżuri preventivi konnessi skont din id-dispożizzjoni għandhom ikunu jistgħu jkunu s-suġġett ta’ stħarriġ ġudizzjarju.

7)      L-Artikolu 77 tar-Regolament 2016/679,

għandu jiġi interpretat fis-sens li:

–        ilment, ibbażat fuq l-Artikolu 17 ta’ dan ir-regolament (allegat ksur tad-dritt għat-tħassir) ma huwiex ammissibbli sa fejn huwa jirrigwarda pproċessar ta’ pubblikazzjoni ta’ data personali tas-suġġett tad-data li, għalkemm imminenti, ma kienx jeżisti la fil-mument li fih tressaq l-ilment minn dan is-suġġett quddiem l-awtorità ta’ kontroll, u lanqas fil-mument tal-adozzjoni tad-deċiżjoni ta’ din l-awtorità, mingħajr preġudizzju madankollu għall-ammissibbiltà eventwali ta’ lment li jirrigwarda pproċessar ta’ data personali mhux purament ipotetiku u fir-rigward ta’ azzjoni preventiva jew kawtelatorja tal-awtorità ta’ kontroll;

–        eżaminat fid-dawl tal-Artikolu 78(1) tar-Regolament 2016/679, huwa ma jipprekludix l-ammissibbiltà ta’ lment preċedentement miċħud bħala inammissibbli mill-awtorità ta’ kontroll, meta l-ipproċessar ta’ data jseħħ waqt li r-rimedju ġudizzjarju li jirrigwarda l-istess fatti huwa pendenti quddiem il-qorti. Huwa l-ordinament ġuridiku nazzjonali li għandu jirregola, fl-osservanza tal-prinċipji ta’ ekwivalenza u effettività, il-kundizzjonijiet ta’ tali ammissibbiltà, kemm quddiem l-awtorità ta’ kontroll kif ukoll quddiem il-qorti, b’tali mod li jiġu żgurati l-effettività tal-protezzjoni tad-drittijiet iggarantiti mir-Regolament 2016/679, l-applikazzjoni koerenti u omoġenja tad-dispożizzjonijiet tiegħu kif ukoll id-dritt għal rimedju effettiv quddiem qorti.


1      Lingwa oriġinali: il-Franċiż.


2      Iffirmata f’Pariġi fid‑19 ta’ Ottubru 2005 u daħlet fis-seħħ fl‑1 ta’ Frar 2007.


3      Ara, dwar l-interazzjoni ta’ livelli normattivi differenti, Rigaux, F., “Les situations juridiques individuelles dans un système de relativité générale – Cours général de droit international privé”, Recueil des cours de l’Académie de droit international de La Haye, tome 213, 1989, b’mod partikolari p. 67 sa 68. Ara, b’mod iktar partikolari dwar il-leġiżlazzjoni antidoping, Diakité, A., La mise en œuvre du Code mondial antidopage par les États, Bruylant, Brussell, 2023, punti 127 et seq.


4      Ara, pereżempju, rispettivament, is-sentenzi tat‑12 ta’ Diċembru 1974, Walrave u Koch (36/74, EU:C:1974:140), u tal‑21 ta’ Diċembru 2023, European Superleague Company (C‑333/21, iktar ’il quddiem is-“sentenza European Superleague Company”, EU:C:2023:1011).


5      Fil-fatt, l-ewwel kawża NADA kienet ġiet iddikjarata inammissibbli permezz ta’ sentenza tas‑7 ta’ Mejju 2024, NADA et (C‑115/22, EU:C:2024:384). Ara, madankollu, il-konklużjonijiet tal-Avukata Ġenerali Ćapeta fl-istess kawża (C‑115/22, EU:C:2023:676).


6      Regolament tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tas‑27 ta’ April 2016 dwar il-protezzjoni tal-persuni fiżiċi fir-rigward tal-ipproċessar ta’ data personali u dwar il-moviment liberu ta’ tali data, u li jħassar id-Direttiva 95/46/KE (Regolament Ġenerali dwar il-Protezzjoni tad-Data) (ĠU 2016, L 119, p. 1, rettifika fil-ĠU 2018, L 127, p. 2).


7      Fuq l-adozzjoni ta’ kodiċi ġdid, previst għall‑2027 (ara s-sit internet tal-WADA disponibbli fl-indirizz segwenti: https://www.wada-ama.org/fr/nos-activites/le-code-mondial-antidopage/revision-du-code), ara r-Rakkomandazzjoni 1/2025, adottata fil‑11 ta’ Frar 2025 mill-Bord Ewropew għall-Protezzjoni tad-Data (EDPD), ippubblikata fis-sit tal-EDPD, disponibbli fl-indirizz segwenti: https://www.edpb.europa.eu/system/files/2025-08/edpb_recommendations_202501_wada_2027_world_anti-doping_code_fr.pdf.


8      Kawża C‑115/22 (ĠU 2022, C 207, p. 15 sa 16).


9      Sentenza NADA et (C‑115/22, EU:C:2024:384)


10      Direttiva tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tas‑27 ta’ April 2016 dwar il-protezzjoni ta’ persuni fiżiċi fir-rigward tal-ipproċessar ta’ data personali mill-awtoritajiet kompetenti għall-finijiet tal-prevenzjoni, l-investigazzjoni, is-sejbien jew il-prosekuzzjoni ta’ reati kriminali jew l-eżekuzzjoni ta’ pieni kriminali, u dwar il-moviment liberu ta’ tali data, u li tħassar id-Deċiżjoni Qafas tal-Kunsill 2008/977/ĠAI (ĠU 2016, L 119, p. 89, rettifika fil-ĠU 2018, L 127, p. 6).


11      Ara s-sentenza tas‑6 ta’ Novembru 2003, Lindqvist (C‑101/01, iktar ’il quddiem is-“sentenza Lindqvist”, EU:C:2003:596, punti 25 u 26).


12      Ara, f’dan is-sens, is-sentenzi tat‑22 ta’ Ġunju 2021, Latvijas Republikas Saeima (Punti ta’ penalità) (C‑439/19, iktar ’il quddiem is-“sentenza Latvijas Republikas Saeima”, EU:C:2021:504, punt 62 u l-ġurisprudenza ċċitata); tal‑20 ta’ Ottubru 2022, Koalitsia “Demokratichna Bulgaria – Obedinenie” (C‑306/21, EU:C:2022:813, punt 35), u tas‑16 ta’ Jannar 2024, Österreichische Datenschutzbehörde (C‑33/22, iktar ’il quddiem is-“sentenza Österreichische Datenschutzbehörde”, EU:C:2024:46, punt 37).


13      Ara s-sentenza Latvijas Republikas Saeima (punti 66 u 67). Ara wkoll, mutatis mutandis, fil-kuntest tad-Direttiva 2002/58/KE tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tat‑12 ta’ Lulju 2002 dwar l-ipproċessar tad-data personali u l-protezzjoni tal-privatezza fis-settur tal-komunikazzjoni elettronika (Direttiva dwar il-privatezza u l-komunikazzjoni elettronika) (ĠU Edizzjoni Speċjali bil-Malti, Kapitolu 13, Vol. 29, p. 514), is-sentenzi tas‑6 ta’ Ottubru 2020, La Quadrature du Net et (C‑511/18, C‑512/18 u C‑520/18, EU:C:2020:791, punt 135), u tal‑5 ta’ April 2022, Commissioner of An Garda Síochána et (C‑140/20, EU:C:2022:258, punt 61), li jsemmu l-“attivitajiet li jistgħu jiddestabilizzaw b’mod serju l-istrutturi kostituzzjonali, politiċi, ekonomiċi jew soċjali fundamentali ta’ pajjiż, u b’mod partikolari li jheddu direttament is-soċjetà, il-popolazzjoni jew l‑Istat bħala tali, bħal b’mod partikolari attivitajiet terroristiċi”.


14      Ara s-sentenza Österreichische Datenschutzbehörde (punt 41), u l-konklużjonijiet tal-Avukat Ġenerali Szpunar f’dik il-kawża (C‑33/22, EU:C:2023:397, punt 84).


15      Ara s-sentenza tad‑9 ta’ Lulju 2020, Land Hessen (C‑272/19, EU:C:2020:535): din kienet tirrigwarda attivitajiet ta’ natura kemm politika kif ukoll amministrattiva tal-Kumitat tal-Petizzjonijiet tal-Hessischer Landtag (il-Parlament tal-Land ta’ Hesse, il-Ġermanja), li kienu ta’ natura pubblika u proprja għal dan il-Land, u dan il-kumitat kien jikkontribwixxi indirettament għall-attività parlamentari.


16      Ara s-sentenza Österreichische Datenschutzbehörde (punt 51).


17      Ara s-sentenza tas‑16 ta’ Lulju 2020, Facebook Ireland u Schrems (C‑311/18, EU:C:2020:559, punt 88).


18      Ara sentenza tat‑30 ta’ April 2025, Inspektorat kam Visshia sadeben savet (C‑313/23, C‑316/23 u C‑332/23, EU:C:2025:303, punt 104).


19      Kif ifformulat mill-Avukat Ġenerali Szpunar fil-konklużjonijiet tiegħu fil-kawża Österreichische Datenschutzbehörde (C‑33/22, EU:C:2023:397, punt 68).


20      Ara l-konklużjonijiet tal-Avukat Ġenerali Szpunar fil-kawżi Latvijas Republikas Saeima (Punti ta’ penalità) (C‑439/19, EU:C:2020:1054, punti 50 sa 59), u Österreichische Datenschutzbehörde (C‑33/22, EU:C:2023:397, punt 78).


21      Ara Lenaerts, K., “L’encadrement par le droit de l’Union européenne des compétences des États membres”, fi Chemins d’Europe : mélanges en l’honneur de Jean-Paul Jacqué, Dalloz, Pariġi, 2010, p. 424, punt 7. Ara wkoll, Cariat, N. u Dermine, P.,  “La détermination de l’applicabilité du droit de l’Union européenne à une situation particulière”, fi Le droit de l’Union européenne et le juge belge / Het recht van de Europese Unie en de Belgische rechter, Bruylant, Brussell, 2015, p. 85 sa 114; u Azoulai, L., “La formule des compétences retenues des États membres devant la Cour de justice de l’Union européenne”, fi Objectifs et compétences dans l’Union européenne, Bruylant, Brussell, 2012, p. 341 sa 368, b’mod partikolari p. 343.


22      Ara, f’dan ir-rigward, is-sentenzi European Superleague Company (punt 99), u tal‑21 ta’ Diċembru 2023, Royal Antwerp Football Club (C‑680/21, EU:C:2023:1010, punt 67). Ara, ukoll, il-konklużjonijiet tal-Avukat Ġenerali Emiliou fil-kawża RRC Sports (C‑209/23, EU:C:2025:362, punti 22 sa 28).


23      Ara s-sentenza European Superleague Company (punt 99). Ara, pereżempju, ir-Riżoluzzjoni tal-Kunsill u tar-Rappreżentanti tal-Gvernijiet tal-Istati Membri, imlaqqgħin fil-Kunsill, dwar il-Pjan ta’ Ħidma tal-Unjoni Ewropea għall-Isport (1 ta’ Lulju 2024 – 31 ta’ Diċembru 2027) (ĠU 2024, C 3527, p. 1).


24      36/74, EU:C:1974:140, punt 4. Ara, ukoll, is-sentenza tal‑15 ta’ Diċembru 1995, Bosman (C‑415/93, EU:C:1995:463, punt 73). Għal formulazzjoni aġġornata, ara s-sentenza tal‑4 ta’ Ottubru 2024, FIFA (C‑650/22, EU:C:2024:824, punt 75 u l-ġurisprudenza ċċitata).


25      Ara, mutatis mutandis, is-sentenzi tal‑20 ta’ Mejju 2003, Österreichischer Rundfunk et (C‑465/00, C‑138/01 u C‑139/01, EU:C:2003:294, punt 42), u Lindqvist (punti 40 et seq.).


26      Ara s-sentenza tat‑18 ta’ Lulju 2006, Meca‑Medina u Majcan vs Il‑Kummissjoni (C‑519/04 P, iktar ’il quddiem is-“sentenza Meca‑Medina u Majcen vs Il-Kummissjoni”, EU:C:2006:492, punt 47). Għall-atleti dilettanti, id-dritt tal-Unjoni jista’ japplika wkoll permezz taċ-ċittadinanza (ara s-sentenza tat‑13 ta’ Ġunju 2019, TopFit u Biffi (C‑22/18, EU:C:2019:497)).


27      Barra minn hekk, dan il-kunċett mhux neċessarjament għandu l-istess kontenut fl-Istati Membri kollha, bil-konsegwenza li, fil-każ ta’ diverġenza ta’ interpretazzjoni, il-kamp ta’ applikazzjoni tal-ĠDPR ikun jiddependi fuq id-dritt nazzjonali.


28      Ara, madankollu, dwar id-differenzi fin-natura, fil-kamp ta’ applikazzjoni u fis-sistemi bejn id-dritt għar-rispett tal-ħajja privata u l-protezzjoni tad-data personali, Tambou, O., “Chapitre 1. Droit autonome du droit au respect de la vie privée”, fi Manuel de droit européen de la protection des données à caractère personnel, Bruylant, Brussell, 2020 (l-ewwel edizzjoni), p. 21 et seq. Fir-rigward tal-Artikolu 8 tal-Konvenzjoni Ewropea għall-Protezzjoni tad-Drittijiet tal-Bniedem u tal-Libertajiet Fundamentali, iffirmata f’Ruma fl‑4 ta’ Novembru 1950 (iktar ’il quddiem il-“KEDB”), ara, b’mod partikolari, is-sentenza tal‑5 ta’ Ottubru 1994, X vs Il-Kummissjoni (C‑404/92 P, EU:C:1994:361, punt 23), u Qorti EDB, 25 ta’ Frar 1997, Z vs Il-Finlandja (CE:ECHR:1997:0225JUD002200993, punt 95).


29      Dan jirrigwarda, pereżempju, ir-riskju ta’ diskriminazzjoni. Għalhekk, stat ħażin ta’ saħħa jista’ jwassal għal diskriminazzjoni fil-qasam ta’ aċċess għall-impjiegi, għall-assigurazzjoni jew għas-self.


30      Anki jekk ma hijiex direttament inkwistjoni f’din il-kawża, id-data dwar is-saħħa fir-rigward tal-applikazzjonijiet u tal-apparat konness tista’ tikkontribwixxi għad-definizzjoni tal-isfumaturi tal-kunċett ta’ “data dwar is-saħħa”. Pereżempju, id-“data dwar il-benesseri” jew “kejl personali” (dwar il-frekwenza kardijaka, il-ħin tal-irqad, id-dieti, id-drawwiet ta’ konsum kontenuti fil-kards tas-supermarkets, eċċ.) iqajmu mistoqsijiet dwar jekk humiex “data dwar is-saħħa”. Pereżempju, in-numru ta’ passi kuljum ma huwiex fih innifsu data dwar is-saħħa iżda jista’ jsir jekk din id-data mhux ipproċessata tingħaqad ma’ data oħra u tkun tista’ tinsilet konklużjoni dwar l-istat ta’ saħħa jew ir-riskju għas-saħħa ta’ persuna (ara, f’dan ir-rigward, Anness intitolat “Health data in apps and devices” tal-Ittra tal-Grupp ta’ Ħidma “Artikolu 29” lill-Kummissjoni, DG Connect fuq mHealth, tal‑5 ta’ Frar 2015, p. 2, disponibbli fl-indirizz segwenti: https://ec.europa.eu/justice/article-29/documentation/other-document/files/2015/20150205_letter_art29wp_ec_health_data_after_plenary_annex_en.pdf).


      Fost ħafna oħrajn fuq l-Internet of Things (IoT), ara Casarosa, F., u Gennari, F., “Data Sharing in the Internet of Medical Things – Between the Data Act and the EHDS”, European Journal of Risk Regulation, Cambridge University Press, Cambridge, 2025, p. 1 sa 23; ara wkoll, Yaşar, B., “I can feel your heartbeat: E‑health evidence in criminal investigations”, Shaping Utopia through law: How the law does (not) provide an answer to societal challenges, Intersentia, Brussell, 2023 (l-ewwel edizzjoni), p. 43 sa 68, b’mod partikolari p. 57, punt 4.2.1.


31      Ara s-sentenzi tal‑4 ta’ Ottubru 2024, Schrems (Komunikazzjoni ta’ data lill-pubbliku ġenerali) (C‑446/21, EU:C:2024:834, punt 73 u l-ġurisprudenza ċċitata), kif ukoll tal‑4 ta’ Ottubru 2024, Lindenapotheke (C‑21/23, iktar ’il quddiem is-“sentenza Lindenapotheke”, EU:C:2024:846, punt 87).


32      Ara, f’dan is-sens, is-sentenza Lindenapotheke (punt 92). F’dan il-każ, huma partikolarment rilevanti d-derogi previsti fl-Artikolu 9(2)(g) u (i) tal-GDPR, li jipprevedu li l-ipproċessar ta’ data sensittiva huwa possibbli jekk “ikun meħtieġ għal raġunijiet ta’ interess pubbliku sostanzjali” jew “ikun meħtieġ għal raġunijiet ta’ interess pubbliku fil-qasam tas-saħħa pubblika”, mingħajr ħsara għall-proporzjonalità.


33      L-Artikolu 6 tal-“Konvezjoni modernizzata” għall-protezzjoni tal-persuni fir-rigward tal-ipproċessar awtomatizzat ta’ data personali tal-Kunsill tal-Ewropa (imsejħa l-“Konvenzjoni 108 +”), tat‑18 ta’ Mejju 2018, juża wkoll dan it-terminu u jipprevedi, fir-rigward ta’ kategoriji partikolari ta’ data, “id-data personali għall-informazzjoni li hija tiżvela dwar […] is-saħħa […]”.


34      Ara s-sentenzi Lindqvist (punt 50), u Lindenapotheke (punt 81).


35      Ara s-sentenzi tal‑1 ta’ Awwissu 2022, Vyriausioji tarnybinės etikos komisija (C‑184/20, iktar ’il quddiem is-“sentenza Vyriausioji tarnybinės etikos komisija”, EU:C:2022:601, punti 123 sa 127), u Lindenapotheke (punt 83). Dan l-approċċ wiesa’ tad-definizzjoni jista’ jkun dovut għar-rieda li “jittaffew l-effetti potenzjali ta’ teknoloġiji ġodda ta’ mega data (big data) li jistgħu jiksbu ħafna informazzjoni dwar is-saħħa ta’ persuna billi jipproċessaw data li tiżvela biss xi ħaġa dwar l-istat ta’ saħħa tagħha” (traduzzjoni mhux uffiċjali) (ara Verhenneman, G., “Chapter III. – Understanding the Subject of Protection”, fi The Patient, Data Protection and Changing Healthcare Models, Intersentia, Brussell, 2021 (l-ewwel edizzjoni), p. 97 et seq., b’mod partikolari p. 109).


36      Ara Maisnier‑Broché, L., “Fasc. 945: Données de santé à caractère personnel – Régime général”, JurisClasseur Communication, 2019.


37      Ara Herveg, J., u Van Gyshesemm, J.-M., “Titre 16 – L’impact du Règlement général sur la protection des données dans le secteur de la santé”, fi Le règlement général sur la protection des données (RGPD/GDPR), Larcier, Brussell, 2018 (l-ewwel edizzjoni), p. 722.


38      Ara, b’analoġija, id-dokument ta’ ħidma dwar l-ipproċessar ta’ data personali dwar is-saħħa fil-fajls mediċi elettroniċi (Grupp ta’ Ħidma “Artikolu 29”, tal‑15 ta’ Frar 2007, WP 131, punt II.2), disponibbli fl-indirizz segwenti: https://ec.europa.eu/justice/article-29/documentation/opinion-recommendation/files/2007/wp131_fr.pdf.


39      Ara l-Anness intitolat “Health data in apps and devices” tal-Ittra tal-Grupp ta’ Ħidma “Artikolu 29” lill-Kummissjoni, DG Connect fuq mHealth, tal‑5 ta’ Frar 2015, p. 2, disponibbli fl-indirizz segwenti: https://ec.europa.eu/justice/article-29/documentation/other-document/files/2015/20150205_letter_art29wp_ec_health_data_after_plenary_annex_en.pdf.


40      Ara, b’mod partikolari, il-Linji Gwida 03/2020 dwar l-ipproċessar ta’ data dwar is-saħħa għall-finijiet ta’ riċerka xjentifika fil-kuntest tal-pandemija tal-COVID‑19, adottati mill-EDPD fil‑21 ta’ April 2020, punt 3.1, disponibbli fl-indirizz segwenti: https://www.edpb.europa.eu/sites/default/files/files/file1/edpb_guidelines_202003_healthdatascientificresearchcovid19_fr.pdf.


41      Schäfke‑Zell, W., “Revisiting the definition of health data in the age of digitalized health care”, International Data Privacy Law, Oxford University Press, Oxford, vol. 12, Nru 1, 2022, p. 33 sa 43.


42      Ara l-konklużjonijiet tal-Avukat Ġenerali Szpunar fil-kawża Lindenapotheke (C‑21/23, EU:C:2024:354, punt 47).


43      Ara l-Anness intitolat “Health data in apps and devices” tal-Ittra tal-Grupp ta’ Ħidma “Artikolu 29” lill-Kummissjoni, DG Connect fuq mHealth, tal‑5 ta’ Frar 2015, p. 2, disponibbli fl-indirizz segwenti: https://ec.europa.eu/justice/article-29/documentation/other-document/files/2015/20150205_letter_art29wp_ec_health_data_after_plenary_annex_en.pdf. Ara wkoll, dwar din il-kwistjoni, Verhenneman, G., “Chapitre III. – Understanding the Subject of Protection”, fi The Patient, Data Protection and Changing Healthcare Models, Intersentia, Brussell, 2021 (l-ewwel edizzjoni), p. 97 et seq. Ninnota li anki rabta inċerta tista’ tittieħed inkunsiderazzjoni (ara, Mascret, C., “Arrêt ‘Lindenapotheke’: vers une protection renforcée des données de santé et une ouverture des voies de recours en matière de protection des données (CJUE, 4 octobre 2024, C‑21/23)”, Journal de droit européen, 2025/1, p. 17 sa 20).


44      Ara l-Anness intitolat “Health data in apps and devices” tal-Ittra tal-Grupp ta’ Ħidma “Artikolu 29” lill-Kummissjoni, DG Connect fuq mHealth, tal‑5 ta’ Frar 2015, p. 2, disponibbli fil-link segwenti: https://ec.europa.eu/justice/article-29/documentation/other-document/files/2015/20150205_letter_art29wp_ec_health_data_after_plenary_annex_en.pdf. Ara wkoll, dwar id-distinzjoni bejn id-drawwiet ta’ konsum u d-dipendenza, Borges, G., “Der Mann mit der Brille und die DSGVO – Der Begriff des Gesundheitsdatums”, Rechtswissenschaft, vol. 14, Nru 2, 2023, b’mod partikolari p. 172 sa 173.


45      Ara, f’dan ir-rigward, l-Anness intitolat “Health data in apps and devices” tal-Ittra tal-Grupp ta’ Ħidma “Artikolu 29” lill-Kummissjoni, DG Connect fuq mHealth, tal‑5 ta’ Frar 2015, p. 2 u n-nota ta’ qiegħ il-paġna nru 5, disponibbli fl-indirizz segwenti: https://ec.europa.eu/justice/article-29/documentation/other-document/files/2015/20150205_letter_art29wp_ec_health_data_after_plenary_annex_en.pdf. Bl-istess mod, id-drawwiet ta’ xiri minn supermarket ma humiex fihom innifishom data dwar is-saħħa, iżda jistgħu jsiru jekk jingħaqdu u jiġu analizzati fid-dawl li jiġu segwiti problemi bħall-obesità jew id-dijabete.


46      Id-dispożizzjoni li tipprovdi li l-iżvelar jitwettaq “mingħajr ma jkun possibbli li tinsilet data dwar is-saħħa tas-suġġett tad-data” ma tistax tkun suffiċjenti sabiex teskludi r-rilevanza tal-kwistjoni mqajma hawnhekk. Fil-fatt, jidhirli li din l-osservazzjoni tirreferi għall-każijiet fejn tingħata awtorizzazzjoni ta’ użu għal finijiet terapewtiċi (li tippermetti, taħt ċerti kundizzjonijiet, lil atleta li għandu kundizzjoni medika li juża sustanza pprojbita jew metodu pprojbit, mingħajr ma din l-informazzjoni ssir pubblika u mingħajr ma jkun wettaq ksur) jew għal dettalji tar-riżultati ta’ testijiet, li ma humiex inkwistjoni hawnhekk.


47      Il-lista ta’ dawn il-kategoriji ta’ ksur, enumerati mill‑2.1 sat‑2.11, jinsabu, b’mod partikolari, fis-sit ta’ NADA u fil-WADC. Fil-qosor, il-ksur li jaqa’ taħt il-kategorija 2.1 jikkorrispondi għall-preżenza ta’ sustanza pprojbita, tal-metaboliti tagħha jew markaturi f’kampjun ipprovdut minn atleta; 2.2 għall-użu jew tentattiv ta’ użu minn atleta ta’ sustanza pprojbita jew metodu pprojbit; 2.3 għall-fatt li atleta jevita l-ġbir ta’ kampjun, jirrifjuta l-ġbir ta’ kampjun jew ma jissottomettix ruħu għall-ġbir ta’ kampjun; 2.4 għan-nuqqas ta’ twettiq ta’ obbligi dwar il-post fejn jinsab min-naħa ta’ atleta; 2.5 għall-falsifikazzjoni jew tentattiv ta’ falsifikazzjoni ta’ kull element tal-kontroll tad-doping min-naħa ta’ atleta jew persuna oħra; 2.6 għall-pussess ta’ sustanza pprojbita jew metodu pprojbit minn atleta jew membru tal-persunal maniġerjali tal-atleta; 2.7 għat-traffikar jew tentattiv ta’ traffikar ta’ sustanza pprojbita jew ta’ metodu pprojbit minn atleta jew persuna oħra; 2.8 għall-amministrazzjoni jew tentattiv ta’ amministrazzjoni minn atleta jew minn persuna oħra lil atleta f’kompetizzjoni jew barra minn kompetizzjoni ta’ sustanza jew metodu pprojbit; 2.9 għall-kompliċità jew tentattiv ta’ kompliċità min-naħa ta’ atleta jew persuna oħra; 2.10 għall-assoċjazzjoni pprojbita min-naħa ta’ atleta jew ta’ persuna oħra, u 2.11 għall-atti mwettqa minn atleta jew minn persuna oħra sabiex jiskoraġixxu s-senjalazzjonijiet lill-awtoritajiet jew għall-atti ta’ ritaljazzjoni kontra tali senjalazzjonijiet.


48      L-Artikolu 6.1 tal-WADC jipprevedi l-użu ta’ laboratorji akkreditati jew approvati.


49      Ara l-punt 63 ta’ dawn il-konklużjonijiet.


50      Minbarra l-Artikolu 165 TFUE u diversi testi internazzjonali, ara Qorti EDB, 18 ta’ Jannar 2018, Fédération Nationale des Associations et Syndicats de Sportifs (FNASS) et vs Franza (CE:ECHR:2018:0118JUD004815111, punt 165), u s-sentenza Meca‑Medina u Majcen vs Il-Kummissjoni (punt 43).


51      Ara, f’dan ir-rigward, l-Artikolu 4.3 tal-WADC li jirrigwarda l-kriterji ta’ inklużjoni ta’ sustanzi u metodi fil-lista ta’ projbizzjonijiet, li jirrigwardaw b’mod partikolari, il-prova medika jew xjentifika li turi li “l-użu tas-sustanza jew tal-metodu huwa riskju pprovat jew potenzjali għas-saħħa tal-atleta”. Ara wkoll, bħala eżempju, l-effetti fuq is-saħħa tas-sustanzi pprojbiti fil-prattika sportiva elenkati fil-“Vidal”, għodda ta’ informazzjoni dwar il-prodotti tas-saħħa li d-database tagħha hija approvata mill-Haute Autorité de Santé (HAS) française (l-Awtorità Għolja tas-Saħħa, Franza) (“Les substances interdites dans la pratique sportive”, VIDAL, disponibbli fl-indirizz segwenti: https://www.vidal.fr/sante/sport/sport-medicaments/sport-dopage-substances-interdites/tous-sports.html).


52      Ara s-sentenzi Latvijas Republikas Saeima (punt 100), u tas‑7 ta’ Marzu 2024, Endemol Shine Finland (C‑740/22, EU:C:2024:216, punt 49). Ara, b’analoġija, mill-angolu tal-Artikolu 8(5) tad-Direttiva 95/46/KE tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tal‑24 ta’ Ottubru 1995 dwar il-protezzjoni ta’ individwi fir-rigward ta’ l-ipproċessar ta’ data personali u dwar il-moviment liberu ta’ dik id-data (ĠU Edizzjoni Speċjali bil-Malti, Kapitolu 13, Vol. 15, p. 355), is-sentenza tal‑24 ta’ Settembru 2019, GC et (Tneħħija tar-referenza ta’ data sensittiva) (C‑136/17, EU:C:2019:773).


53      Ara s-sentenza Latvijas Republikas Saeima (punti 77 sa 79), li ssegwi l-konklużjonijiet tal-Avukat Ġenerali Szpunar fil-kawża Latvijas Republikas Saeima (Punti ta’ penalità) (C‑439/19, EU:C:2020:1054, punti 74 sa 78).


54      Infakkar li l-ipproċessar ta’ data personali għal dawn il-finijiet mill-“awtoritajiet kompetenti” fis-sens tad-Direttiva 2016/680 jaqa’ taħt din id-direttiva bħala lex specialis (ara l-punt 34 ta’ dawn il-konklużjonijiet) u mhux taħt il-GDPR bħala lex generalis. Madankollu, meta l-ipproċessar isir minn organi privati (jew minn awtoritajiet kompetenti, iżda għal finijiet oħra minbarra dawk esposti fid-Direttiva 2016/680), il-GDPR, u b’mod partikolari, l-Artikolu 10 jista’ japplika.


55      Ara l-premessa 19 tal-GDPR.


56      Kriterji msejħa hekk b’riferiment għas-sentenza li fiha l-Qorti Ewropea tad-Drittijiet tal-Bniedem stabbilixxiethom għall-ewwel darba: Qorti EDB, 8 ta’ Ġunju 1976, Engel vs Il‑Pajjiżi l-Baxxi (CE:ECHR:1976:0608JUD000510071, punt 82). Dawn il-kriterji ġew adottati mill-Qorti tal-Ġustizzja b’mod partikolari fis-sentenza tal‑5 ta’ Ġunju 2012, Bonda (C‑489/10, EU:C:2012:319, punti 37 et seq.). Ara, ukoll, is-sentenza Latvijas Republikas Saeima (punti 85 u 87, kif ukoll il-ġurisprudenza ċċitata).


57      Ara s-sentenzi tal‑20 ta’ Marzu 2018, Menci (C‑524/15, EU:C:2018:197, punt 27), u tal‑14 ta’ Settembru 2023, Volkswagen Group Italia u Volkswagen Aktiengesellschaft (C‑27/22, EU:C:2023:663, punt 46).


58      Billi jissieħbu f’organizzazzjonijiet sportivi u billi jipparteċipaw f’manifestazzjonijiet jew kompetizzjonijiet sportivi, l-atleti professjonali jintrabtu (kuntrattwalment jew billi jagħtu l-kunsens tagħhom) li ma jirrikorrux għal prattiki ta’ doping.


59      Ara s-sentenza Latvijas Republikas Saeima (punt 88 u l-ġurisprudenza ċċitata).


60      Minbarra l-federazzjonijiet sportivi internazzjonali u nazzjonali, hemm b’mod partikolari, l-organi kompetenti maħtura fil-livell nazzjonali, fosthom l-“organizzazzjonijiet nazzjonali antidoping” (iktar ’il quddiem l-“ONAD”), li huma l-entitajiet maħtura minn kull pajjiż bħala awtoritajiet prinċipali responsabbli minn programmi antidoping fil-livell nazzjonali, elenkati fis-sit tal-WADA (ara l-Programm tal-ONAD, disponibbli fl-indirizz segwenti: https://www.wada-ama.org/fr/programme-des-onad).


61      Ara d-Direttorat Ġenerali tal-Edukazzjoni, taż-Żgħażagħ, tal-Isport u tal-Kultura (il-Kummissjoni Ewropea), van der Sloot, B., Paun, M., Leenes, R., et al., Anti-doping & Data Protection : An evaluation of the anti-doping laws and practices in the EU Member States in light of the General Data Protection Regulation, Office des publications de l’Union européenne, 2017, b’mod partikolari p. 58, disponibbli fl-indirizz segwenti: https://data.europa.eu/doi/10.2766/042641.


62      Ara s-sentenzi tal‑20 ta’ Marzu 2018, Garlsson Real Estate et (C‑537/16, EU:C:2018:193, punt 33); Latvijas Republikas Saeima (punt 89); tat‑23 ta’ Marzu 2023, Dual Prod (C‑412/21, EU:C:2023:234, punt 30); tal‑4 ta’ Mejju 2023, MV – 98 (C‑97/21, EU:C:2023:371, punt 42); u tal‑14 ta’ Settembru 2023, Vinal (C‑820/21, EU:C:2023:667, punt 50).


63      Voir Diakité, A., “Chapitre 2. La mise en œuvre des sanctions applicables aux athlètes à l’épreuve du respect des droits fondamentaux”, fi La mise en œuvre du Code mondial antidopage par les États, Bruylant, Brussell, 2023 (l-ewwel edizzjoni), punt 1145; u Rouiller, C., “Legal Opinion on whether Article 10.2 (Sanctions on Individuals) of the World Anti-Doping Code is compatible with the Fundamental Principles of Swiss Domestic Law”, tal‑25 ta’ Ottubru 2005, p. 20 et seq. (disponibbli fl-indirizz segwenti: https://www.wada-ama.org/sites/default/files/resources/files/Compatibilit%C3%A9_droit_suisse_Document_entier.pdf).


64      Ara, f’dan is-sens, il-ġurisprudenza tal-Qorti EDB, li tieħu inkunsiderazzjoni l-għan (repressiv jew reparatorju) tas-sanzjoni imposta (Cour EDB, 23 ta’ Novembru 2006, Jussila vs Il-Finlandja (CE:ECHR:2006:1123JUD007305301, punt 38)).


65      Ara, f’dan is-sens, Diakité, A., “Chapitre 2. La mise en œuvre des sanctions applicables aux athlètes à l’épreuve du respect des droits fondamentaux”, fi La mise en œuvre du Code mondial antidopage par les États, Bruylant, Brussell, 2023 (l-ewwel edizzjoni), p. 501 et seq., b’mod partikolari punt 1143.


66      Għal sinteżi tal-ġurisprudenza fil-qasam, ara Qorti EDB, 6 ta’ Novembru 2018, Ramos Nunes de Carvalho u Sá vs Il-Portugall (CE:ECHR:2018:1106JUD005539113, punt 123), u tal‑5 ta’ Marzu 2020, Peleki vs Il-Greċja (CE:ECHR:2020:0305JUD006929112, punt 35). Ara, ukoll, f’dan ir-rigward, l-Opinjoni dwar il-Kodiċi Dinji Antidoping (abbozz tal-Kodiċi 2021) tat‑13 ta’ Ottubru 2019 tal-Ex President tal-Qorti EDB, Costa, J.-P., b’mod partikolari p. 5 et seq., disponibbli fl-indirizz segwenti: https://www.wada-ama.org/sites/default/files/resources/files/avis_2019_code_mondial_13_octobre.pdf.


67      Il-ksur tad-dixxiplina militari inkwistjoni fil-kawża Engel, li kien jinvolvi l-assenjazzjoni għal unità dixxiplinari għal perijodu ta’ ftit xhur, kien ikkunsidrat li jaqa’ taħt l-aspett kriminali tal-Artikolu 6 tal-KEDB (Qorti EDB, 8 ta’ Ġunju 1976, Engel et vs Il-Pajjiżi l-Baxxi (CE:ECHR:1976:0608JUD000510071, punt 85)).


68      Għall-applikazzjoni tal-Artikolu 6 tal-KEDB fl-aspett ċivili tiegħu fil-proċeduri dixxiplinari meħuda quddiem korpi korporattivi u li fihom ikun direttament inkwistjoni d-dritt li tiġi pprattika professjoni, ara Qorti EDB, 22 ta’ Lulju 2021, Reczkowicz vs Il‑Polonja (CE:ECHR:2021:0722JUD004344719, punti 183 sa 185 u l-ġurisprudenza ċċitata), li tirrigwarda mħallfin u avukati; Qorti EDB, 23 ta’ Ġunju 1981, Le Compte, Van Leuven u De Meyere vs Il-Belġju (CE:ECHR:1981:0623JUD000687875, punt 41 sa 51), li tirrigwarda t-tobba; Qorti EDB, 27 ta’ Ġunju 1997, Philis vs Il-Greċja (Nru 2) (CE:ECHR:1997:0627JUD001977392, punt 45), li tirrigwarda inġinier, kif ukoll Qorti EDB, 5 ta’ Marzu 2020, Peleki vs Il-Greċja (CE:ECHR:2020:0305JUD006929112, punt 39), li tirrigwarda nutar.


69      Ara, Qorti EDB, 2 ta’ Ottubru 2018, Mutu u Pechstein vs L‑Isvizzera (CE:ECHR:2018:1002JUD004057510); Qorti EDB, 3 ta’ Settembru 2019, Bakker vs L‑Isvizzera (CE:ECHR:2019:0903DEC000719807); Qorti EDB, 28 ta’ Jannar 2020, Ali Rıza et vs It-Turkija (CE:ECHR:2020:0128JUD003022610, punt 153 sa 161); Qorti EDB, 18 ta’ Mejju 2021, Sedat Doğan vs It‑Turkija (CE:ECHR:2021:0518JUD004890914, punt 20), u Qorti EDB, 18 ta’ Mejju 2021, Naki u AMED Sportif Faaliyetler Kulübü Derneği vs It‑Turkija (CE:ECHR:2021:0518JUD004892416, punt 20). Ara wkoll, reċenti ħafna, Qorti EDB, 10 ta’ Lulju 2025, Semenya vs L‑Isvizzera, (CE:ECHR:2025:0710JUD001093421, b’mod partikolari punt 161).


70      Ara, Qorti EDB, 10 ta’ Frar 1983, Albert u Le Compte vs Il‑Belġju (CE:ECHR:1983:0210JUD000729975, punt 30 u l-ġurisprudenza ċċitata); Qorti EDB, 6 ta’ Novembru 2018, Ramos Nunes de Carvalho u Sá vs Il‑Portugall (CE:ECHR:2018:1106JUD005539113, punt 121), u Qorti EDB, 1 ta’ Ġunju 2023, Grosam vs Ir‑Repubblika Ċeka (CE:ECHR:2023:0601JUD001975013, punt 112).


71      Ara, Qorti EDB, 22 ta’ Diċembru 2020, Gestur Jónsson u Ragnar Halldór Hall vs L‑Islanda (CE:ECHR:2020:1222JUD006827314, punt 93).


72      Għall-kuntrarju, il-fatt li regola tissanzjona reat iddeterminat fir-rigward taċ-ċittadini kollha huwa favur in-natura kriminali tas-sanzjoni (ara Qorti EDB, 21 ta’ Frar 1984, Öztürk vs Il‑Ġermanja (CE:ECHR:1984:0221JUD000854479, punt 53)).


73      Ara, Qorti EDB, 6 ta’ Novembru 2018, Ramos Nunes de Carvalho u Sá vs Il‑Portugall (CE:ECHR:2018:1106JUD005539113, punt 125).


74      Hija distinta wkoll mill-fatt inkwistjoni fis-sentenza tal‑20 ta’ Marzu 2018, Garlsson Real Estate et (C‑537/16, EU:C:2018:193), li fiha l-multa amministrattiva pekunjarja għal aġir illegali li jirrigwarda manipulazzjoni tas-suq kienet ibbażata fuq test leġiżlattiv ta’ portata ġenerali.


75      Ara l-punt 100 ta’ dawn il-konklużjonijiet.


76      Tribunal d’arbitrage du sport (il-Qorti tal-Arbitraġġ tal-Isport), 9 ta’ Awwissu 1999, Nru 98/222, B. vs International Triathlon Union (ITU) (punt 43), disponibbli fl-indirizz segwenti: https://jurisprudence.tas-cas.org/Shared%20Documents/222.pdf. Ara, ukoll, f’dan is-sens, Soek, J., The strict liability principle and the human rights of the athlets in doping cases, T.M.C. Asser Press, La Haye, 2006, b’mod partikolari p. 272, li jipprovdi li anki jekk id-dritt dixxiplinari antidoping applikat mill-federazzjonijiet u organizzazzjonijiet sportivi ma huwiex fih innifsu dritt kriminali, f’ċerti każijiet jista’ jiġi kklassifikat bħala “sistema punittiva” li fil-kuntest tagħha l-prinċipji tad-dritt kriminali għandhom japplikaw.


77      Ara, Qorti EDB, 5 ta’ Marzu 2020, Peleki vs Il‑Greċja (CE:ECHR:2020:0305JUD006929112, punt 36 u l-ġurisprudenza ċċitata).


78      Ara s-sentenza tal‑4 ta’ Mejju 2023, MV – 98 (C‑97/21, EU:C:2023:371, punt 46), u Qorti EDB, 9 ta’ Ottubru 2003, Ezeh u Connors vs Ir‑Renju Unit (CE:ECHR:2003:1009JUD003966598, punt 120).


79      Dwar is-sistema ta’ sanzjonijiet, ara l-Artikolu 10 tal-WADC. Ara, ukoll, Soek, J., The strict liability principle and the human rights of the athlets in doping cases, T.M.C. Asser Press, La Haye, 2006, b’mod partikolari p. 195 et seq.


80      Ara Qorti EDB, 22 ta’ Diċembru 2020, Gestur Jónsson u Ragnar Halldór Hall vs L-Islanda (CE:ECHR:2020:1222JUD006827314, punt 78), li tirrigwarda nuqqasijiet imwettqa minn professjonisti tal-liġi waqt seduta.


81      F’dan il-każ, l-awtorità ta’ kontroll fis-sens ta’ din id-dispożizzjoni hija l-Awtorità Awstrijaka tal-Protezzjoni tad-Data.


82      Għal każ fejn tqum il-kwistjoni dwar jekk id-dritt nazzjonali fil-qasam tal-kundizzjonijiet ta’ aċċess għall-fedina penali joffrix jew le garanziji suffiċjenti, ara l-kawża Il‑Kummissjoni vs L‑Ungerija (Valuri tal-Unjoni) (C‑769/22, 2023/C 54/19) (ĠU 2023, C 54, p. 16), pendenti fil-mument tar-redazzjoni ta’ dawn il-konklużjonijiet, u l-konklużjonijiet tal-Avukata Ġenerali Ćapeta tal‑5 ta’ Ġunju 2025 f’din il-kawża (EU:C:2025:408, b’mod partikolari l-punti 356 sa 359).


83      Ara l-punti 132 sa 180 ta’ dawn il-konklużjonijiet.


84      Ara s-sentenza Latvijas Republikas Saeima (punti 74 u 75).


85      Ara l-punt 4 tal-Artikolu 5(6) tal-ADBG.


86      Ara s-sentenza Vyriausioji tarnybinės etikos komisija (punt 70 u l-ġurisprudenza ċċitata).


87      NADA u l-ÖADR huma marbutin jippubblikaw l-informazzjoni inkwistjoni, b’konformità, rispettivament, mal-punt 4 tal-Artikolu 5(6) u mal-Artikolu 21(3) tal-ADBG.


88      Dan il-punt ma huwiex ikkontestat f’dan il-każ u l-eżistenza ta’ missjoni ta’ interess pubbliku ma jidhirlix li hemm dubju dwarha fid-dawl tal-interess ġenerali mfittex mil-leġiżlazzjonijiet antidoping (ara s-sentenza Meca‑Medina u Majcen vs Il-Kummissjoni (punt 43)).


89      L-istess operazzjoni ta’ pproċessar tista’ tissodisfa diversi raġunijiet ta’ pproċessar leġittimi (ara s-sentenza tat‑3 ta’ April 2025, Ministerstvo zdravotnictví (Data dwar ir-rappreżentant ta’ persuna ġuridika) (C‑710/23, EU:C:2025:231, punt 42)) u raġuni leġittima waħda minnhom hija suffiċjenti (ara s-sentenzi Vyriausioji tarnybinės etikos komisija (punt 71), u tat‑12 ta’ Settembru 2024, HTB Neunte Immobilien Portfolio u Ökorenta Neue Energien Ökostabil IV (C‑17/22 u C‑18/22, EU:C:2024:738, punt 38)).


90      Ara s-sentenza Latvijas Republikas Saeima (punt 98 u l-ġurisprudenza ċċitata).


91      Barra minn hekk, dawn iż-żewġ għanijiet jikkorrispondu għal dawk invokati mill-WADA fil-kuntest tal-iskambji tagħha mal-Grupp ta’ Ħidma “Artikolu 29” u li ġew riprodotti fil-kuntest tat-Tieni Opinjoni 4/2009, adottata fis‑6 ta’ Frar 2009, dwar l-istandard internazzjonali għall-protezzjoni tal-informazzjoni personali tal-[WADA], dwar id-dispożizzjonijiet tal-Kodiċi tal-WADA relatati magħha u dwar kwistjonijiet oħra relatati mal-ħajja privata fil-kuntest tal-ġlieda antidoping fl-isport mill-WADA u l-organizzazzjonijiet (nazzjonali) antidoping (punt 3.6 dwar is-sanzjonijiet) (iktar ’il quddiem l-“Opinjoni 4/2009”).


92      Skont il-punt 8 tal-Artikolu 1(2) tal-ADBG, il-fatt li atleta jkollu kuntatt ma’ membru tal-persunal maniġerjali suġġett għal projbizzjoni jew sanzjoni, jista’ jikkostitwixxi reat antidoping.


93      Ara, f’dan is-sens, is-sentenza Latvijas Republikas Saeima (punti 109 u 110).


94      Ara, f’dan ir-rigward, is-sentenza tat‑22 ta’ Novembru 2022, Luxembourg Business Registers (C‑37/20 u C‑601/20, EU:C:2022:912, punt 42).


95      Ara, ukoll, f’dan ir-rigward, ir-riżervi tal-Grupp ta’ Ħidma “Artikolu 29” magħmula fl-Opinjoni 4/2009 fil-punt 3.6.1. Huwa interessanti wkoll li jiġi rrilevat li minkejja li l-Artikolu 14.2.4 tal-WADC kien jipprevedi, fil-verżjoni tiegħu tal‑2009, li l-pubblikazzjoni għandha titwettaq tal-inqas bil-viżwalizzazzjoni tal-informazzjoni meħtieġa fis-sit internet tal-organizzazzjoni antidoping għal tal-inqas sena, madankollu dan ir-rekwiżit ta’ pubblikazzjoni permezz tal-internet sparixxa fil-verżjonijiet sussegwenti tal-WADC. Inżid li, fil-Ġermanja, l-organizzazzjoni antidoping twettaq pubblikazzjoni f’media stampata interna (ara s-sit internet ta’ NADA Germany, disponibbli fl-indirizz segwenti: https://www.nada.de/service/news/newsdetail/veroeffentlichung-von-sanktionsentscheidungen).


96      Skont l-Artikolu 2.10 tal-WADC u l-kummentarju li jakkumpanjah fin-nota ta’ qiegħ il-paġna numru 15, jidher li dan jirrigwarda fuq kollox li jiġi żgurat li l-atleti (u l-persuni l-oħra) ma jaħdmux ma’ “kowċis, trainers, tobba jew kwalunkwe membru tal-persunal maniġerjali tal-atleta li huma sospiżi għal ksur tar-regoli antidoping jew li kienu kkundannati kriminalment jew li kienet ġiet imposta fuqhom sanzjoni dixxiplinari b’rabta mad-doping. Din id-dispożizzjoni tipprojbixxi wkoll l-assoċjazzjoni ma’ kull atleta ieħor li jaġixxi bħala kowċ jew membru tal-persunal maniġerjali tal-atleta matul perijodu ta’ sospensjoni”.


97      Barra minn hekk, nirrileva li skont il-WADC, sabiex jiġi stabbilit ksur tal-projbizzjoni ta’ assoċjazzjoni ma’ persuna sospiża, hija l-organizzazzjoni antidoping li għandha tistabbilixxi li l-atleta jew il-persuna l-oħra kienu jafu bl-istatus skwalifikat tal-membru tal-persunal maniġerjali tal-atleta (Artikolu 2.10.2 tal-WADC).


98      Ara s-sentenza Vyriausioji tarnybinės etikos komisija (punt 102), li tieħu inkunsiderazzjoni l-fatt li l-iżvelar pubbliku online jwassal sabiex jirrendi d-data personali inkwistjoni liberament aċċessibbli fuq l-internet għall-pubbliku inġenerali kollu, u għalhekk, għal numru potenzjalment illimitat ta’ persuni. Il-Qorti ta’ Strasbourg tieħu wkoll inkunsiderazzjoni t-tip ta’ mezz użat għall-iżvelar ta’ data personali, u d-diffużjoni fuq l-internet kienet tqieset partikolarment riskjuża f’dan ir-rigward (Qorti EDB, 9 ta’ Marzu 2023, L.B. vs L‑Ungerija (CE:ECHR:2023:0309JUD003634516, punt 121)).


99      Ara l-Opinjoni 4/2009 (punti 3.6.1 u 3.6.2 dwar is-sanzjonijiet).


100      Ara, f’dan is-sens, is-sentenza Vyriausioji tarnybinės etikos komisija (punt 98 u l-ġurisprudenza ċċitata).


101      Ara l-Artikolu 9(2)(g) tal-GDPR.


102      Ara s-sentenzi tal‑24 ta’ Settembru 2019, GC et (Tneħħija ta’ referenza għal data sensittiva) (C‑136/17, EU:C:2019:773, punt 73), u Latvijas Republikas Saeima (punt 104).


103      L-istħarriġ ta’ proporzjonalità jitwettaq billi jittieħed inkunsiderazzjoni b’mod partikolari l-fatt li d-data hija kkunsidrata bħala sensittiva (ara s-sentenzi tal‑11 ta’ Diċembru 2019, Asociaţia de Proprietari bloc M5A-ScaraA (C‑708/18, EU:C:2019:1064, punt 57), u Vyriausioji tarnybinės etikos komisija (punt 99)).


104      Ara l-konklużjonijiet tal-Avukat Ġenerali Cruz Villalón fil-kawżi magħquda Digital Rights Ireland et (C‑293/12 u C‑594/12, EU:C:2013:845, punt 149), li jirrigwardaw, f’kuntest ġuridiku ieħor, il-proporzjonalità u t-tul ta’ żamma ta’ data.


105      Ara, f’dan ir-rigward, Dellaux, J., “La réglementation de la lutte contre le dopage à l’aune de la jurisprudence de la Cour européenne des droits de l’homme, ou quand la pratique sportive justifie des restrictions importantes au droit au respect de la vie privée”, Revue trimestrielle des droits de l’homme, Anthémis, Nru 116, 2018, b’mod partikolari p. 899 u 900.


106      Ara Delforges, A., “Titre 8 - Les obligations générales du responsable du traitement et la place du sous-traitant”, fi Le règlement général sur la protection des données (RGPD/GDPR), Larcier, Brussell, 2018 (l-ewwel edizzjoni), p. 371 sa 406.


107      Ara, f’dan ir-rigward, l-Opinjoni 4/2009 (punt 3.6 dwar is-sanzjonijiet), li tirrakkomanda pereżempju, li jittieħdu inkunsiderazzjoni, b’mod partikolari, il-gravità tal-ksur antidoping, in-numru ta’ reati kkonstati, il-livell li fih jikkompeti l-atleta u l-kopertura mill-media eventwali tal-każ.


108      Ara s-sentenzi tat‑12 ta’ Jannar 2023, Nemzeti Adatvédelmi és Információszabadság Hatóság (C‑132/21, iktar ’il quddiem is-“sentenza Nemzeti Adatvédelmi és Információszabadság Hatóság”, EU:C:2023:2, punt 32), u tad‑9 ta’ Jannar 2025, Österreichische Datenschutzbehörde (Talbiet eċċessivi) (C‑416/23, EU:C:2025:3, punt 24).


109      Ara, f’dan is-sens, Spiecker gen Döhmann, I., et, General Data Protection Regulation: Article-by-Article Commentary, Nomos – Beck – Hart, 2023, b’mod partikolari p. 1010 sa 1017.


110      Ċertament, kif jenfasizzaw il-Gvern Awtsrijak u dak Finlandiż, il-punt 47 tas-sentenza Lindenapotheke jindika li “l-Kapitolu VIII tal-GDPR jirregola, b’mod partikolari, ir-rimedji ġudizzjarji li jippermettu li jiġu protetti d-drittijiet tas-suġġett tad-data meta d-data personali li tikkonċernah tkun is-suġġett ta’ pproċessar allegatament kuntrarju għad-dispożizzjonijiet ta’ dan ir-regolament” (korsiv miżjud minni). Għalhekk, it-terminu “b’mod partikolari” jwassalni sabiex nirrelativizza dan l-argument, peress li l-kwistjoni ta’ pproċessar li kien għadu ma seħħx, bl-ebda mod ma kienet inkwistjoni f’din il-kawża.


111      Ara s-sentenza tas‑7 ta’ Diċembru 2023, SCHUFA Holding (Rilaxx ta’ dejn li ma tħallasx lura) (C‑26/22 u C‑64/22, iktar ’il quddiem is-“sentenza SCHUFA Holding”, EU:C:2023:958, punt 56 u l-ġurisprudenza ċċitata).


112      Ara s-sentenza SCHUFA Holding (punt 68 u l-ġurisprudenza ċċitata).


113      Ara, ukoll, is-sentenza tal‑4 ta’ Settembru 2025, Quirin Privatbank (C‑655/23, EU:C:2025:655, punti 43 sa 50), fir-rigward tal-possibbiltà li tiġi prekluża repetizzjoni ta’ pproċessar illegali ta’ data personali. Ara, barra minn hekk, it-talba għal deċiżjoni preliminari mressqa mill-Oberlandsgericht Wien (il-Qorti Reġjonali Superjuri ta’ Wien, l-Awstrija) fil-kawża CRIF (C‑40/25), pendenti fil-mument tar-redazzjoni ta’ dawn il-konklużjonijiet, li tirrigwarda l-possibbiltà li l-kontrollur ikun meħtieġ jastjeni minn kull trażmissjoni illegali ġdida ta’ data personali.


114      Ara s-sentenzi SCHUFA Holding (punt 58), u tas‑26 ta’ Settembru 2024, Land Hessen (Obbligu ta’ azzjoni mill-awtorità tal-protezzjoni tad-data) (C‑768/21, EU:C:2024:785, punt 35). Ara, barra minn hekk, il-konklużjonijiet tal-Avukat Ġenerali Pikamäe fil-kawżi magħquda SCHUFA Holding (Rilaxx ta’ dejn li ma tħallasx lura) (C‑26/22 u C‑64/22, EU:C:2023:222, punt 40).


115      Ara, fil-kuntest komparabbli tad-Direttiva 2016/680, is-sentenza tal‑4 ta’ Ottubru 2024, Bezirkshauptmannschaft Landeck (Tentattiv ta’ aċċess għad-data personali maħżuna fuq telefon ċellulari) (C‑548/21, EU:C:2024:830, punti 69 sa 77), fejn il-Qorti tal-Ġustizzja ddeċidiet li tentattiv ta’ pproċessar huwa diġà pproċessar ta’ data.


116      Ara, f’dan is-sens, is-sentenza tal‑11 ta’ Lulju 2024, Meta Platforms Ireland (Azzjoni rappreżentattiva) (C‑757/22, EU:C:2024:598, punt 44). Ilment li jirrigwarda l-obbligu ta’ informazzjoni previst fl-Artikolu 12 tal-GDPR jew id-dritt ta’ aċċess previst fl-Artikolu 15 tal-imsemmi regolament, ikun pereżempju ammissibbli qabel il-bidu tal-ipproċessar ta’ data (ara, f’dan is-sens, is-sentenza tal‑11 ta’ Lulju 2024, Meta Platforms Ireland (Azzjoni rappreżentattiva) (C‑757/22, EU:C:2024:598, punt 45)).


117      Huwa possibbli li l-persuna li tagħmel l-ilment tista’, f’dan il-każ, titlob lill-awtorità ta’ kontroll tavża lill-kontrollur jew tordnalu l-projbizzjoni li jippubblika d-data personali billi tinvoka, pereżempju, l-illegalità tal-ipproċessar. Jekk huwa illegali, is-suġġett tad-data jista’ jopponi għal dan l-ipproċessar imwettaq mingħajr raġuni leġittima imperattiva abbażi tal-Artikolu 17(1)(c) tal-GDPR. Madankollu, ma jidhirlix li dawn il-każijiet huma dawk inkwistjoni.


118      Ara s-sentenza Nemzeti Adatvédelmi és Információszabadság Hatóság (punt 34). Ara, ukoll, il-konklużjonijiet tal-Avukat Ġenerali Richard de la Tour fil-kawża D et (Rabta ta’ rimedji) (C‑414/24, EU:C:2025:656, punt 46), dwar ir-rabta bejn ilment amministrattiv u rimedju ġudizzjarju.


119      Ara s-sentenza Nemzeti Adatvédelmi és Információszabadság Hatóság (punt 41).


120      Ara s-sentenza SCHUFA Holding (punt 53).


121      Ara s-sentenzi Nemzeti Adatvédelmi és Információszabadság Hatóság (punt 37), u Lindenapotheke (punt 60).


122      Ara s-sentenza Nemzeti Adatvédelmi és Információszabadság Hatóság (punti 45 u 57).


123      Ara s-sentenza Nemzeti Adatvédelmi és Információszabadság Hatóság (punti 46, 48 u 51).