5.5.2011   

MT

Il-Ġurnal Uffiċjali tal-Unjoni Ewropea

C 135/3


DEĊIŻJONI TAL-KUMMISSJONI

tal-4 ta’ Mejju 2011

dwar l-istabbiliment ta' Grupp Konsultattiv Ewropew dwar l-STI

2011/C 135/03

Il-KUMMISSJONI EWROPEA,

Wara li kkunsidrat it-Trattat dwar il-Funzjonament tal-Unjoni Ewropea,

Wara li kkunsidrat id-Direttiva 2010/40/UE tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tas-7 ta’ Lulju 2010 dwar il-qafas għall-varar ta’ Sistemi ta’ Trasport Intelliġenti fil-qasam tat-trasport bit-triq u għall-interkonnessjonijiet ma’ modi oħrajn ta’ trasport (1) u b'mod partikolari l-Artikolu 16 tagħha,

Billi:

(1)

Id-Direttiva 2010/40/EU titlob, fl-Artikolu 16 tagħha, lill-Kummissjoni biex tistabbilixxi Grupp Konsultattiv Ewropew dwar l-STI biex tikkonsultah dwar aspetti ta' negozju u dawk tekniċi tal-varar u l-użu ta' STI fl-Unjoni.

(2)

Huwa għalhekk meħtieġ li jiġi stabbilit tali grupp ta’ esperti fil-qasam tas-Sistemi ta’ Trasport Intelliġenti u li jiġu ddefiniti l-kompiti u l-istruttura tiegħu.

(3)

Il-Grupp Konsultattiv Ewropew dwar l-STI għandu jagħti parir lill-Kummissjoni dwar aspetti kummerċjali u tekniċi tal-varar u l-użu ta' STI fl-Unjoni.

(4)

Il-Grupp Konsultattiv Ewropew dwar l-STI għandu jkun magħmul minn rappreżentanti ta’ livell għoli tal-fornituri tas-servizzi STI rilevanti, l-assoċjazzjonijiet tal-utenti, l-operaturi tat-trasport u tal-faċilitajiet, l-industrija tal-manifattura, l-imsieħba soċjali, l-assoċjazzjonijiet professjonali, l-awtoritajiet lokali u fora oħra rilevanti.

(5)

Għandhom jiġu stabbiliti regoli dwar l-iżvelar tal-informazzjoni mill-membri tal-Grupp Konsultattiv Ewropew dwar l-STI.

(6)

Id-dejta personali għandha tkun ipproċessata skont ir-Regolament (KE) Nru 45/2001 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tat-18 ta' Diċembru 2000 dwar il-protezzjoni ta' individwu fir-rigward tal-ipproċessar ta' dejta personali mill-istituzzjonijiet u l-korpi tal-Komunità u dwar il-moviment liberu ta' dik id-dejta (2).

(7)

Huwa xieraq li jiġi stabbilit perjodu għall-applikazzjoni ta’ din id-Deċiżjoni. Malli jasal il-waqt, il-Kummissjoni għandha tikkunsidra r-rakkomandabbiltà ta’ estensjoni,

IDDEĊIDIET KIF ĠEJ:

Artikolu 1

Suġġett

Il-grupp ta' esperti dwar Sistemi ta’ Trasport Intelliġenti, minn hawn 'il quddiem imsejjaħ bħala “il-Grupp Konsultattiv Ewropew dwar l-STI”, huwa b'dan stabbilit.

Artikolu 2

Kompitu

Il-kompitu tal-Grupp Konsultattiv Ewropew dwar l-STI għandu jkun:

(a)

li jassisti lill-Kummissjoni fit-tħejjija ta' speċifikazzjonijiet, li għandhom jiġu adottati bħala atti delegati skont id-Direttiva STI, partikolarment billi jipprovdi opinjoni dwar l-aspetti tekniċi u kummerċjali relatati magħhom.

(b)

li jwettaq monitoraġġ tal-evoluzzjoni tal-politika fil-qasam tal-STI u jagħti parir u jiprovdi gwida lill-Kummissjoni dwar il-kwistjonijiet l-oħra kollha (li mhux direttament marbuta mal-ispeċifikazzjonijiet) relatati mal-varar u l-użu tal-STI fl-Unjoni;

(c)

li joħloq skambju ta' esperjenza u ta' prattika tajba relatati mal-varar u t-tħaddim tal-STI.

Artikolu 3

Konsultazzjoni

Il-Kummissjoni tista’ tikkonsulta lill-Grupp Konsultattiv Ewropew dwar l-STI dwar kwalunkwe kwistjoni rigward il-varar u l-użu tal-STI fl-Unjoni filwaqt li tħeġġeġ lill-membri jissuġġerixxu iktar suġġetti għad-diskussjoni.

Artikolu 4

Sħubija – Ħatra

1.   Il-Grupp Konsultattiv Ewropew dwar l-STI għandu jkun magħmul minn 25 membru.

2.   Il-membri għandhom ikunu:

—

individwi maħtura biex jirrapreżentaw interess komuni maqsum bejn il-partijiet interessati f'qasam politiku partikolari; ma għandomx jirrapreżentaw parti interessata individwali,

jew

—

organizzazzjonijiet, fis-sens wiesgħa tal-kelma inklużi kumpaniji, assoċjazzjonijiet, Organizzazzjonijiet Nongovernattivi, trade unions, universitajiet, istituti ta' riċerka, aġenziji tal-Unjoni, korpi tal-Unjoni u organizzazzjonijiet internazzjonali.

3.   Il-membri għandhom jinħatru mid-Direttur Ġenerali tad-Direttorat Ġenerali għall-Mobbiltà u t-Trasport minn fost speċjalisti jew organizzazzjonijiet li jirrappreżentaw partijiet interessati elenkati fl-Artikolu 16 tad-Direttiva 2010/40/UE, b'kompetenza fl-oqsma msemmija fl-Artikolu 2 u l-Artikolu 3u li jkunu wieġbu għal sejħa għall-applikazzjonijiet.

4.   Il-Membri għandhom jinħatru għal tliet snin. Għandhom jibqgħu fil-kariga sal-mandat tagħhom. Il-mandat tal-membri jista' jiġġedded.

5.   Il-Kummissjoni jew is-servizzi tagħha għandhom jistabbilixxu lista ta' riżerva ta' kandidati xierqa li tista' tintuża biex jinħatru sostituti xierqa. Il-Kummissjoni jew is-servizzi tagħha għandhom jistaqsu lill-applikanti għall-kunsens tagħhom qabel jinkludu l-ismijiet tagħhom fuq il-lista.

6.   Il-membri li ma jibqgħux f’pożizzjoni li jikkontribwixxu b’mod effettiv fid-deliberazzjonijiet tal-Grupp Konsultattiv Ewropew dwar l-STI , li jippreżentaw ir-riżenja tagħhom jew li ma jikkonformawx mal-kundizzjonijiet stabbiliti fil-paragrafu 3 ta’ dan l-Artikolu, jew l-Artikolu 339 tat-Trattat dwar il-Funzjonament tal-Unjoni Ewropea, jistgħu jiġu sostitwiti għall-kumplament tal-mandat tagħhom.

7.   L-ismijiet tal-membri għandhom jiġu ppubblikati fir-Reġistru tal-gruppi ta' esperti u entitajiet simili oħra tal-Kummissjoni (“ir-Reġistru”) (3).

8.   Id-dejta personali għandha tinġabar, tiġi pproċessata u ppubblikata skont ir-Regolament (KE) Nru 45/2001.

Artikolu 5

Tħaddim

1.   Il-Grupp Konsultattiv Ewropew dwar l-STI għandu jkun presedut minn rappreżentant tal-Kummissjoni.

2.   Bi qbil mas-servizzi tal-Kummissjoni, il-Grupp Konsultattiv Ewropew dwar l-STI jista' jistabbilixxi sottogruppi biex jeżaminaw kwistjonijiet speċifiċi abbażi ta' termini ta' referenza definiti mill-Grupp Konsultattiv Ewropew dwar l-STI. Kif jintemm il-mandat tagħhom, it-tali sottogruppi għandhom jiġu xolti.

3.   Ir-rappreżentant tal-Kummissjoni jista’, fuq bażi ad hoc, jistieden esperti minn barra l-Grupp Konsultattiv Ewropew dwar l-STI li jkollhom kompetenza speċifika f’suġġett li jkun fuq l-aġenda biex jieħdu sehem fil-ħidma tal-grupp jew tas-sottogrupp. Barra minn hekk, ir-rappreżentant tal-Kummissjoni jista' jagħti l-istatus ta’ osservatur lil individwi jew organizzazzjonijiet.

4.   Il-membri tal-gruppi ta’ esperti u r-rappreżentanti tagħhom, kif ukoll l-esperti u l-osservaturi li jkunu mistiedna, għandhom iħarsu l-obbligi tas-segretezza professjonali stabbiliti fit-Trattati u fir-regoli ta' implimentazzjoni tagħhom, kif ukoll ir-regoli tal-Kummissjoni dwar is-sigurtà fir-rigward tal-ħarsien ta' tagħrif ikklassifikat tal-UE, stabbiliti fl-Anness għad-Deċiżjoni tal-Kummissjoni 2001/844/KE, KEFA, Euratom (4). Jekk jonqsu milli jħarsu dawn l-obbligi, il-Kummissjoni tista’ tieħu l-miżuri xierqa kollha.

5.   Il-laqgħat tal-gruppi u tas-sottogruppi ta' esperti għandhom isiru fil-bini tal-Kummissjoni. Il-Kummissjoni għandha tipprovdi s-servizzi segretarjali. Uffiċjali oħrajn tal-Kummissjoni li għandhom interess fil-proċedimenti jistgħu jattendu l-laqgħat tal-Grupp Konsultattiv Ewropew dwar l-STI u s-sottogruppi tiegħu.

6.   Il-Grupp Konsultattiv Ewropew dwar l-STI għandu jadotta r-regoli ta’ proċedura tiegħu abbażi tar-regoli standard ta’ proċedura għall-gruppi ta’ esperti.

7.   Il-Kummissjoni għandha tippubblika t-tagħrif rilevanti dwar l-attivitajiet imwettqa mill-Grupp Konsultattiv Ewropew dwar l-STI billi tinkludih fir-Reġistru jew permezz ta' link mir-Reġistru għal sit tal-internet ddedikat.

Artikolu 6

Spejjeż tal-laqgħat

1.   Il-parteċipanti fl-attivitajiet tal-Grupp Konsultattiv Ewropew dwar l-STI ma għandhomx jitħallsu għas-servizzi tagħhom.

2.   L-ispejjeż tal-ivvjaġġar u tas-sussistenza mġarrba mill-parteċipanti fl-attivitajiet tal-Grupp Konsultattiv Ewropew dwar l-STI għandhom jiġu rimborsati mill-Kummissjoni skont id-dispożizzjonijiet fis-seħħ fi ħdan il-Kummissjoni.

3.   Dawk l-ispejjeż għandhom jiġu rimborsati fil-limiti tal-approprjazzjonijiet disponibbli allokati skont il-proċedura annwali għall-allokazzjoni tar-riżorsi.

Artikolu 7

Applikabbiltà

Din id-Deċiżjoni għandha tapplika sas-27 ta' Awwissu 2017.

Magħmul fi Brussell, l-4 ta’ Mejju 2011.

Għall-Kummissjoni

Il-President

José Manuel BARROSO


(1)  ĠU L 207, 6.8.2010, p. 1.

(2)  ĠU L 8, 12.1.2001, p. 1.

(3)  Membri li ma jixtiqux ikollhom isimhom żvelat jistgħu japplikaw għal deroga minn din ir-regola. Ir-rikjesta li ma jiġix żvelat l-isem ta’ membru ta’ grupp ta' esperti għandha tiġi kkunsidrata bħala ġustifikata kull fejn pubblikazzjoni tkun tista’ tfixkel is-sigurta’ jew l-integrita’ tiegħu jew tagħha jew tippreġudika b’mod mhux ġust il-privatezza tiegħu jew tagħha.

(4)  Id-Deċiżjoni tal-Kummissjoni 2001/844/KE, KEFA, Euratom tad-29 ta’ Novembru 2001 li temenda r-Regoli Interni tal-Proċedura, (ĠU L 317, 3.12.2001, p. 1).