3.10.2022   

MT

Il-Ġurnal Uffiċjali tal-Unjoni Ewropea

L 254/56


DEĊIŻJONI TA’ IMPLIMENTAZZJONI TAL-KUNSILL (UE) 2022/1843

tad-29 ta’ Settembru 2022

li tawtorizza lill-Iżvezja tapplika rati mnaqqsa tad-dazju tas-sisa fuq petrol, fuq gażojl mhux immarkat, u fuq fjuwils ekwivalenti użati bħala fjuwils tal-magni, skont l-Artikolu 19 tad-Direttiva 2003/96/KE

IL-KUNSILL TAL-UNJONI EWROPEA,

Wara li kkunsidra t-Trattat dwar il-Funzjonament tal-Unjoni Ewropea,

Wara li kkunsidra d-Direttiva tal-Kunsill 2003/96/KE tas-27 ta’ Ottubru 2003 li tirriforma l-qafas tal-Komunità dwar tassazzjoni fuq prodotti ta’ enerġija u elettriku (1), u b’mod partikolari l-Artikolu 19 tagħha,

Wara li kkunsidra l-proposta tal-Kummissjoni Ewropea,

Billi:

(1)

Permezz ta’ ittra tas-6 ta’ Mejju 2022, l-Iżvezja talbet awtorizzazzjoni biex tapplika rati mnaqqsa ta’ dazju tas-sisa fuq petrol, fuq gażojl mhux immarkat u fuq fjuwils ekwivalenti użati bħala fjuwils tal-magni, skont l-Artikolu 19 tad-Direttiva 2003/96/KE. Informazzjoni u kjarifiki addizzjonali b’appoġġ għat-talba ġew pprovduti mill-awtoritajiet Żvediżi fid-19 u fl-24 ta’ Mejju 2022. Intalab li l-awtorizzazzjoni tapplika għal perjodu ta’ tliet xhur.

(2)

Skont l-awtoritajiet Żvediżi, l-applikazzjoni ta’ rata tat-taxxa mnaqqsa għandha l-għan li ttaffi l-impatti soċjali u ekonomiċi tal-prezzijiet għoljin tal-bejgħ bl-imnut tal-petrol, tal-gażojl mhux immarkat u tal-fjuwils ekwivalenti użati bħala fjuwils tal-magni li jirriżultaw mis-sitwazzjoni ġeopolitika eċċezzjonali, u li taffettwa direttament kemm lill-unitajiet domestiċi kif ukoll lill-kumpaniji. Skont il-valutazzjoni tagħhom, minħabba li l-Iżvezja hija pajjiż b’densità baxxa ta’ popolazzjoni u għalhekk dipendenti ħafna fuq il-karozzi, ir-rati mnaqqsa tad-dazju tas-sisa għandhom l-għan li jissodisfaw il-ħtiġijiet ta’ kuljum assoċjati mal-konsum tal-fjuwils tal-magni billi jikkontribwixxu għat-tnaqqis tal-impatt taż-żieda fil-prezzijiet bl-imnut.

(3)

L-awtorizzazzjoni mitluba x’aktarx ma toħloqx distorsjoni fil-kompetizzjoni jew tfixkel il-funzjonament tajjeb tas-suq intern. Minħabba d-durata qasira tagħha u ċ-ċirkostanzi eċċezzjonali marbuta mas-sitwazzjoni ġeopolitika, flimkien ma’ prezzijiet eċċezzjonalment għoljin taż-żejt mhux maħdum, l-awtorizzazzjoni mitluba hija meqjusa adegwata u proporzjonata. L-awtorizzazzjoni ssib bilanċ bejn l-objettivi speċifiċi ta’ politika msemmija fl-Artikolu 19(1), it-tielet subparagrafu tad-Direttiva 2003/96/KE, b’mod partikolari l-politika ambjentali tal-Unjoni u l-emerġenza imperattiva biex tiġi żgurata l-affordabbiltà tal-enerġija għan-negozji u għall-unitajiet domestiċi. It-tnaqqis tat-taxxa jikkumpensa parzjalment għaż-żieda fil-kostijiet tal-enerġija, u mhuwiex kumulattiv ma’ xi tip ieħor ta’ tnaqqis tat-taxxa.

(4)

Għalhekk, jenħtieġ li l-Iżvezja tkun awtorizzata tapplika rati mnaqqsa tad-dazju tas-sisa fuq il-petrol, fuq il-gażojl mhux immarkat u fuq fjuwils ekwivalenti użati bħala fjuwils tal-magni, kif mitlub.

(5)

Skont l-Artikolu 19(2) tad-Direttiva 2003/96/KE, kull awtorizzazzjoni mogħtija skont dik id-dispożizzjoni jeħtieġ li jkollha żmien strettament limitat. Madankollu, biex ma jiddgħajfux l-iżviluppi ġenerali futuri tal-qafas legali eżistenti, huwa xieraq li jiġi stipulat li, f’każ li l-Kunsill, li jkun qed jaġixxi abbażi tal-Artikolu 113 jew kwalunkwe dispożizzjoni rilevanti oħra tat-Trattat dwar il-Funzjonament tal-Unjoni Ewropea, jintroduċi sistema ġenerali modifikata għat-tassazzjoni tal-prodotti tal-enerġija u l-elettriku li għalihom ma tkunx tista’ tiġi adattata din l-awtorizzazzjoni, jenħtieġ li din l-awtorizzazzjoni tieqaf tapplika fil-jum li fih dik is-sistema ġenerali modifikata ssir applikabbli.

(6)

Din id-Deċiżjoni hija mingħajr preġudizzju għall-applikazzjoni tar-regoli tal-Unjoni dwar l-għajnuna mill-Istat,

ADOTTAT DIN ID-DEĊIŻJONI:

Artikolu 1

L-Iżvezja hija awtorizzata tapplika rati mnaqqsa ta’ dazju tas-sisa fuq il-petrol, fuq il-gażojl mhux immarkat u fuq fjuwils ekwivalenti użati bħala fjuwils tal-magni, taħt il-livelli minimi ta’ tassazzjoni rilevanti msemmija fl-Artikolu 7 tad-Direttiva 2003/96/KE.

Artikolu 2

Din id-Deċiżjoni għandha tapplika sal-31 ta’ Jannar 2023.

Madankollu, f’każ li l-Kunsill, li jkun qed jaġixxi abbażi tal-Artikolu 113 jew abbażi ta’ kwalunkwe dispożizzjoni oħra rilevanti tat-Trattat dwar il-Funzjonament tal-Unjoni Ewropea, jintroduċi sistema ġenerali modifikata għat-tassazzjoni tal-prodotti tal-enerġija u tal-elettriku li għalihom l-awtorizzazzjoni mogħtija fl-Artikolu 1 ta’ din id-Deċiżjoni ma tkunx ġiet adattata, din id-Deċiżjoni għandha tieqaf tapplika fil-jum li fih dik is-sistema ġenerali modifikata ssir applikabbli.

Artikolu 3

Din id-Deċiżjoni hija indirizzata lir-Renju tal-Iżvezja.

Magħmul fi Brussell, id-29 ta’ Settembru 2022.

Għall-Kunsill

Il-President

J. SÍKELA


(1)   ĠU L 283, 31.10.2003, p. 51.