Official Journal L 282 , 03/10/1986 P. 0023 - 0024
Finnish special edition: Chapter 15 Volume 7 P. 0146
Swedish special edition: Chapter 15 Volume 7 P. 0146
Id-Deċiżjoni tal-Kummissjoni tat-18 ta' Settembru 1986 tistabbilixxi Kumitat ta' Konsulenza fuq il-protezzjoni ta' l-ambjent f'żoni li qegħdin taħt theddida serja (Baċin tal-Mediterran) (86/479/KEE) IL-KUMMISSJONI TAL-KOMUNITAJIET EWROPEJ, Wara li kkunsidrat it-Trattat li jistabbilixxi l-Komunità Ekonomika Ewropea, Billi l-programm ta' azzjoni tal-Komunità Ewropea fuq l-ambjent (1982-86) adottat mill-Kunsill fis-7 ta' Frar 1983 [1] espressament jgħid illi l-ambjent għandu jiġi kkunsidrat bħala l-bażi li tikkostitwixxi l-limiti għal aktar żvilupp ekonimiku u soċjali; Billi l-Kummissjoni adottat komunikazzjoni fil-11 ta' April 1984 li tiddefinixxi strateġija u pjan ta' azzjoni għall-protezzjoni ta' l-ambjent fil-Mediterran [2], li ssejjaħ għal implimentazzjoni ta' sensiela ta' miżuri kordinati li joħolqu kondizzjonijiet li jwasslu għall-iżvilupp armonizzat ta' l-attivitajiet soċjo-ekonomiċi tar-reġjun; Billi l-Parlament Ewropew adotta risoluzzjoni fuq il-komunikazzjoni hawn fuq imsemmija li tapprova proposta li tistabbilixxi kumitat ta' konsulenza [3]; Billi l-baċin tal-Mediterran huwa reġjun b'karatteristiċi fisiċi, soċjo-ekonomiċi u kulturali partikolari, li l-problemi u potenzal tiegħu jeħtieġu attenzjoni speċjali fil-politika tal-Komunità; Billi l-Kummissjoni għandha tikkonsulta ma’ esperti mill-Istati Membri fuq tniġġis f'żoni fejn l-ambjent huwa partikolarment taħt theddida; Billi huwa wkoll neċessarju għall-Komunità li jkun hemm forum fejn l-esperti jistgħu jiltaqgħu biex jaqsmu informazzjoni u esperjenza nazzjonali, u b'hekk jiffaċilitaw il-kordinazzjoni ta' miżuri mittieħda jew ippjanati fuq livell nazzjonali, internazzjonali u Komunitarju. IDDEĊIDIET KIF ĠEJ: Artikolu 1 Kumitat ta' Konsulenza fuq il-protezzjoni ta' l-ambjent f’żoni li qegħdin taħt theddida serja, hawnhekk iżjed ’il quddiem msejjaħ "il-Kumitat", hu hawnhekk stabbilit taħt il-patroċinju tal-Kummissjoni. Artikolu 2 Il-Kumitat għandu jgħin lill-Kummissjoni fl-implimentazzjoni tal-programm stabbilit fil-komunikazzjoni fuq il-protezzjoni ta' l-ambjent fil-baċin tal-Mediterran, u partikolarjament għandu: 1. Jiġbor informazzjoni fuq il-problemi ambjentali eżistenti u prevedibbli u fuq miżuri li qed jittieħdu jew li huma ppjanati; 2. Jidentifika u jagħti opinjonijiet fuq studji ta' vijabilità, analiżi deskrittivi u proġġetti pilota jew ta' demostrazzjoni, għal liema il-kontribuzzjoni finanzjarja tal-Kummissjoni hija proposta mill-approprjazzjonijiet tal-budget għal miżuri diretti tal-Komunità f'reġjuni fejn l-ambjent qiegħed partikolarment taħt theddida; 3. Jimmira xogħlu lejn l-istudju u l-eżaminazzjoni ta' kwistjonijiet li s-soluzzjoni tagħhom tirrikjedi d-disponibbiltà ta' aktar riżorsi sostanzjali u li fir-rigward tagħhom ir-riżultati jistgħu biss jiġu miksuba fi żmien fit-tul; 4. Jiżviluppa, bl-għajnuna tar-riżorsi hawn fuq imsemmija, strategija ta' żmien medju u fit-tul, u pjan ta' azzjoni għall-protezzjoni ta' l-ambjent fil-baċin tal-Mediterran. Artikolu 3 Il-Kumitat għandu jikkonsisti minn massimu ta' 16-il speċjalista kwalifikat li huma esperti fl-oqsma li huma msemmija fl-Artikolu 2 Artikolu 4 L-esperti għandhom jiġu maħtura mill-Kummissjoni fuq proposti mill-Istati Membri. Artikolu 5 Għandu jkun maħtur sostitut għal kull membru tal-Kumitat, skond il-proċedura stabbilita fl-Artikolu 4. Mingħajr preġudizzju għall-Artikolu 9, is-sostitut għandu jattendi għal-laqgħat tal-Kumitat u jipparteċipa fix-xogħol ta' l-istess biss jekk il-membru li jkun qiegħed jissostiwixxi ma jkunx jista’ jattendi. Artikolu 6 Il-mandat tal-kariga tal-membri tal-Kumitat għandu jkun ta' sentejn. Kif jiskadi l-mandat ta' sentejn, il-membri tal-Kumitat għandhom jibqgħu fil-kariga sakemm jiġu mibdula jew il-mandat tal-kariga jiġi estiż. Il-mandat tal-kariga ta' membru jew ta' sostitut għandu jispiċċa qabel ma jiskadi t-terminu ta' sentejn jekk il-persuna in kwistjoni tmut jew tirriżenja, jew il-gvern li jkun innominha jitlob li tinbidel. Is-suċċessur tagħha għandu jiġi maħtur għall-kumplament tal-mandat tal-kariga skond il-proċedura stabbilita fl-Artikolu 4. Ma għandux ikun hemm ħlas għall-kompiti mwettqa. Artikolu 7 Il-lista tal-membri u s-sostituti għandha tiġi ppubblikata mill-Kummissjoni fil-Ġurnal Uffiċjali tal-Komunitajiet Ewropej. Artikolu 8 Il-Kumitat għandu jkun ippresedut minn rappreżentant tal-Kummissjoni. Artikolu 9 Il-President jista’ jistieden kull persuna li għandha kompetenza speċifika fuq punt li jkun qiegħed fuq l-aġenda tal-Kumitat biex tipparteċipa bħala espert fix-xogħol tal-Kumitat. L-esperti għandhom jipparteċipaw biss f'diskussjonijiet fuq il-kwistjonijiet li għalihom ġew mistiedna jattendu. Artikolu 10 Jekk ikun hemm bżonn, il-Kummissjoni tista' tikko-optja fuq il-Kumitat persuna jew persuni li għandhom kompetenza partikolari f'xi qasam speċifiku li jkun qiegħed jiġi diskuss. Artikolu 11 Ir-rappreżentanti tad-dipartimenti tal-Kummissjoni kkonċernati għandhom jipparteċipaw fix-xogħol tal-Kumitat. Servizzi segretarjali għandhom ikunu pprovduti mill-Kummissjoni. Artikolu 12 Skond il-ħtiġiet, il-Kumitat għandu jadotta r-regoli tal-proċedura tiegħu stess. Artikolu 13 Mingħajr preġudizzju għall-Artikolu 214 tat-Trattat, il-membri tal-Kumitat għandhom l-obbligu li ma jiżvelawx informazzjoni li jiksbu mix-xogħol tal-Kumitat f'każijiet fejn il-Kummissjoni tinfurmahom li l-opinjoni mitluba, jew il-punt li jkun qed jiġi diskuss, għandu x'jaqsam ma' materja konfidenzali. F'dawn iċ-ċirkostanzi, il-membri tal-Kumitat u r-rappreżentanti tad-dipartimenti tal-Kummissjoni biss għandhom jattendu għal-laqgħat tal-Kumitat. Artikolu 14 Din id-Deċiżjoni għandha tidħol fis-seħħ fi 18 ta' Settembru 1986. Magħmula fi Brussel, fit-18 ta' Settembru 1986. Għall-Kummissjoni Stanley Clinton Davis Membru tal-Kummissjoni [1] ĠU C 46, tas-17.2.1983, pġ. 1. [2] ĠU C 133, tal-21.5.1984, pġ. 12. [3] ĠU C 141, ta' l-10.6.1985, pġ. 493. --------------------------------------------------