29.10.2021   

MT

Il-Ġurnal Uffiċjali tal-Unjoni Ewropea

L 384/20


REGOLAMENT DELEGAT TAL-KUMMISSJONI (UE) 2021/1889

tat-23 ta’ Lulju 2021

li jemenda r-Regolament tal-Kunsill (KEE) Nru 95/93 fir-rigward tal-estensjoni ta’ miżuri għall-eżenzjoni temporanja mir-regoli dwar l-użu tas-slots minħabba l-kriżi tal-COVID-19

IL-KUMMISSJONI EWROPEA,

Wara li kkunsidrat it-Trattat dwar il-Funzjonament tal-Unjoni Ewropea,

Wara li kkunsidrat ir-Regolament tal-Kunsill (KEE) Nru 95/93 tat-18 ta’ Jannar 1993 dwar regoli komuni għall-allokazzjoni ta’ slots f’ajruporti tal-Komunità (1), u b’mod partikolari l-Artikolu 10a(5) tiegħu,

Billi:

(1)

Il-pandemija tal-COVID-19 għadha qed tikkawża tnaqqis fit-traffiku tal-ajru bħala riżultat ta’ tnaqqis sinifikanti fid-domanda għall-ivvjaġġar bl-ajru u minħabba miżuri diretti li ttieħdu mill-Istati Membri kif ukoll minn pajjiżi terzi biex jikkontrollaw it-tifrix tal-COVID-19. Il-Eurocontrol irrapportat li fl-ewwel nofs tal-2021, it-traffiku tal-ajru fl-ispazju tal-ajru taż-ŻEE kien pjuttost stabbli u kien jammonta għal madwar 38 % tat-traffiku tal-ajru tal-2019 fil-perjodu korrispondenti b’xejra ’l fuq. Skont it-tbassir tal-Eurocontrol, it-traffiku medju annwali tal-ajru huwa mistenni li jilħaq 50 % u 72 % fl-2021 u fl-2022 rispettivament, abbażi tal-aktar xenarju realistiku ta’ tbassir.

(2)

Ċirkostanzi bħal dawn huma barra mill-kontroll tat-trasportaturi tal-ajru u l-kanċellazzjonijiet volontarji jew obbligatorji konsegwenti tas-servizzi tal-ajru mit-trasportaturi tal-ajru f’konformità mad-domanda li qed tevolvi huma rispons meħtieġ jew leġittimu għal dawk iċ-ċirkostanzi.

(3)

Skont l-Artikolu 8(2) tar-Regolament (KEE) Nru 95/93, interpretat flimkien mal-Artikolu 10(2), it-trasportaturi tal-ajru għandhom jużaw mill-anqas 80 % ta’ serje ta’ slots allokati lilhom, jew jitilfu l-preċedenza storika għal dawk is-slots, magħrufa bħala r-regola “tużah jew titilfu”. Fid-dawl tal-kriżi tal-COVID-19, u biex tiġi protetta s-saħħa finanzjarja tat-trasportaturi tal-ajru u jiġi evitat l-impatt ambjentali negattiv ta’ titjiriet vojta jew fil-biċċa l-kbira vojta operati biss għall-finijiet taż-żamma ta’ slots tal-ajruporti sottostanti, ir-regola “tużah jew titilfu” ġiet sospiża mill-1 ta’ Marzu 2020 sat-28 ta’ Marzu 2021.

(4)

Fis-16 ta’ Frar 2021, u minħabba l-impatt kontinwu tal-kriżi tal-COVID-19 fuq it-traffiku tal-ajru, l-Unjoni emendat ir-Regolament (KEE) Nru 95/93 biex tagħti aktar eżenzjonijiet lil-linji tal-ajru mir-regola “tużah jew titilfu” matul il-perjodu ta’ skedar tas-sajf tal-2021 billi ssospendiet ir-regola għal perjodu ulterjuri mit-28 ta’ Marzu 2021 sat-30 ta’ Ottubru 2021.

(5)

Skont l-Artikolu 10a(5) tar-Regolament (KEE) Nru 95/93, il-Kummissjoni għandha s-setgħa li tadotta atti delegati biex temenda l-perjodu ta’ sospensjoni tar-regola “tużahjew titilfu” stabbilita fl-Artikolu 10a(3).

(6)

Barra minn hekk, skont l-Artikolu 10a(5) tar-Regolament (KEE) Nru 95/93, il-Kummissjoni għandha s-setgħa li tadotta, fejn strettament meħtieġ sabiex tindirizza l-impatt li qed jevolvi tal-kriżi tal-COVID-19 fuq il-livelli tat-traffiku tal-ajru, atti delegati biex temenda r-rata tal-użu tas-slots f’medda ta’ bejn 30 % u 70 %.

(7)

Minkejja żieda gradwali, il-livelli tat-traffiku tal-ajru fl-ewwel nofs tal-2021 għadhom baxxi meta mqabbla mal-istess perjodu fl-2019, b’medja ta’ madwar 38 % tat-traffiku tal-ajru tal-2019 fil-perjodu korrispondenti. Filwaqt li jiġu rikonoxxuti d-diffikultajiet fit-tbassir preċiż tal-perkors ta’ rkupru tal-livelli tat-traffiku tal-ajru, huwa raġonevoli li wieħed jistenna li s-sitwazzjoni tippersisti fil-futur qarib bi tnaqqis kostanti tad-distakk bejn it-traffiku tal-ajru fl-2021 meta mqabbel mal-2019. Abbażi tat-tbassir ta’ erba’ snin tal-Eurocontrol tal-21 ta’ Mejju 2021, fl-aktar xenarju probabbli, li jassumi li t-tilqim jenħtieġ li jikseb l-effikaċja fl-2022, il-livelli annwali tat-traffiku jilħqu medja annwali ta’ 50 % sa 72 % tal-livelli korrispondenti tal-2019, fl-2021 u fl-2022 rispettivament. Abbażi tat-tbassir disponibbli ta’ kull xahar tal-Eurocontrol għall-2021 u l-medja annwali disponibbli tal-Eurocontrol għall-2022, it-traffiku tal-ajru matul il-perjodu ta’ skedar tax-xitwa 2021/2022 huwa mistenni li jkun ta’ 70 % tal-livelli tal-2019.

(8)

Id-data miġbura mill-Organizzazzjoni Dinjija tas-Saħħa u miċ-Ċentru Ewropew għall-Kontroll tal-Mard turi li t-tnaqqis persistenti tat-traffiku tal-ajru huwa r-riżultat tal-impatt tal-kriżi tal-COVID-19. Id-data disponibbli turi korrelazzjoni bejn in-numri ta’ każijiet li qed jevolvu u r-risponsi tal-Istati Membri u ta’ pajjiżi terzi għal dawk in-numri li qed jevolvu, billi jadottaw miżuri li għandhom impatt fuq l-ivvjaġġar bl-ajru, u jirriżultaw fi tnaqqis fit-traffiku tal-ajru. Miżuri bħal dawn, li jistgħu jiġu implimentati jew jitneħħew fi żmien qasir ħafna, jikkontribwixxu għal atmosfera ta’ inċertezza u jħallu impatt negattiv fuq il-fiduċja tal-konsumatur u l-imġiba tal-prenotazzjonijiet.

(9)

Minħabba n-numri ta’ każijiet li qed jevolvu tal-COVID-19 u t-tixrid possibbli ta’ varjanti ġodda, huwa raġonevoli li wieħed jistenna għadd sinifikanti ta’ kanċellazzjonijiet bħala konsegwenza tal-kriżi tal-COVID-19 matul il-perjodu ta’ skedar tax-xitwa li ġej, mill-31 ta’ Ottubru 2021 sas-26 ta’ Marzu 2022, jekk il-linji tal-ajru jkunu meħtieġa joperaw il-portafolli tas-slots kollha tagħhom tal-2019 f’konformità mal-Artikolu 8 tar-Regolament (KEE) Nru 95/93.

(10)

Għalhekk huwa meħtieġ li l-perjodu stabbilit fl-Artikolu 10a(3) tar-Regolament (KEE) Nru 95/93 jiġi estiż mill-31 ta’ Ottubru 2021 sas-26 ta’ Marzu 2022.

(11)

Id-domanda għall-ivvjaġġar matul il-perjodu ta’ skedar tax-xitwa mill-31 ta’ Ottubru 2021 sas-26 ta’ Marzu 2022 xorta tista’ tibqa’ baxxa minkejja l-progress tal-kampanji ta’ tilqim, aktar sikurezza għall-ivvjaġġar, u t-tnaqqis gradwali fil-pajjiżi ta’ miżuri li għandhom impatt fuq l-ivvjaġġar. Domanda baxxa persistenti matul il-perjodu ta’ skedar tax-xitwa x’aktarx tista’ tkun indikazzjoni ta’ bidliet strutturali fit-tul fis-suq u fl-imġiba tal-konsumatur. Għalhekk, ir-rata tal-użu tas-slots jenħtieġ li, minn naħa, tevita konsegwenzi negattivi mhux intenzjonati fuq is-sitwazzjoni finanzjarja tal-linji tal-ajru u impatti ambjentali negattivi minħabba titjiriet vojta jew fil-biċċa l-kbira vojta operati biss biex jinżammu d-drittijiet storiċi fuq is-slots, u min-naħa l-oħra, jew jinċentivaw lil-linji tal-ajru biex jagħmlu użu effiċjenti mill-kapaċità tal-ajruport, jew jirrilaxxaw is-slots fil-ġabra għal utenti oħra sabiex jiżguraw l-użu effiċjenti tal-kapaċità tal-ajruport.

(12)

Barra minn hekk, jenħtieġ li r-rata tal-użu tas-slots tiġi stabbilita b’rata li tiggarantixxi ammont minimu ta’ servizzi sabiex tiżdied il-fiduċja tal-passiġġieri, l-użu effiċjenti tal-kapaċità tal-ajruport matul il-perjodu ta’ skedar tax-xitwa 2021/2022 u konnettività affidabbli.

(13)

Jenħtieġ li r-rata tal-użu tas-slots tqis ukoll bidliet strutturali aktar fit-tul fl-imġiba tas-suq u tal-konsumatur, sabiex is-suq ikun jista’ jadatta gradwalment għad-domanda li qed tinbidel u jiftaħ l-aċċess għall-kapaċità għall-perjodu ta’ skedar tax-xitwa 2022/2023. B’mod partikolari, peress li xi linji tal-ajru għamlu użu minn slots ad hoc matul l-2020 u l-bidu tal-2021 mingħajr ma kisbu slots storiċi.

(14)

Għalhekk, ir-rata tal-użu tas-slots għall-perjodu ta’ skedar tax-xitwa 2021/2022 jenħtieġ li tiġi stabbilita għal 50 %.

(15)

Filwaqt li huwa ġeneralment preżunt li t-trasportaturi tal-ajru joperaw malli terġa’ tiżdied id-domanda, limitu ta’ użu aktar baxx joħloq ir-riskju li xi trasportaturi jistgħu jillimitaw l-operazzjonijiet f’xi ajruporti għall-minimu meħtieġ biss għall-fini li jżommu d-drittijiet storiċi f’dawk is-slots għad-detriment tal-kompetituri, tal-operaturi tal-ajruporti u tal-konsumaturi. Ir-rilaxx possibbli ta’ xi kapaċità tal-ajruport minħabba din ir-rata ta’ użu ġdida x’aktarx li ma jikkawżax tfixkil serju fl-operazzjonijiet u n-networks tal-linji tal-ajru, mentri kieku rata ta’ użu ogħla tfixkilhom.

(16)

Għall-finijiet taċ-ċertezza legali, b’mod partikolari għall-koordinaturi tas-slots u l-operaturi tal-ajru, jenħtieġ li dan ir-Regolament jidħol fis-seħħ b’urġenza fil-jum wara dak tal-pubblikazzjoni tiegħu f’Il-Ġurnal Uffiċjali tal-Unjoni Ewropea,

ADOTTAT DAN IR-REGOLAMENT:

Artikolu 1

Fl-Artikolu 10a tar-Regolament (KEE) Nru 95/93, il-paragrafu 3 huwa sostitwit b’dan li ġej:

“3.   Fir-rigward tas-slots li ma kinux saru disponibbli għall-koordinatur għar-riallokazzjoni f’konformità mal-Artikolu 10(2a), matul il-perjodu mit-28 ta’ Marzu 2021 sas-26 ta’ Marzu 2022 u għall-finijiet tal-Artikoli 8(2) u 10(2), jekk trasportatur tal-ajru juri, għas-sodisfazzjon tal-koordinatur, li s-serje ta’ slots inkwistjoni ġiet operata, kif awtorizzata mill-koordinatur, minn dak it-trasportatur tal-ajru għal mill-anqas 50 % tal-ħin matul il-perjodu ta’ skedar mit-28 ta’ Marzu 2021 sat-30 ta’ Ottubru 2021, u 50 % tal-ħin matul il-perjodu ta’ skedar mill-31 ta’ Ottubru 2021 sas-26 ta’ Marzu 2022, it-trasportatur tal-ajru għandu jkun intitolat għall-istess serje ta’ slots għall-perjodu ta’ skedar ekwivalenti li jmiss.

Fir-rigward tal-perjodu msemmi fl-ewwel subparagrafu ta’ dan il-paragrafu, il-valuri perċentwali msemmija fl-Artikolu 10(4) u fil-punt (a) tal-Artikolu 14(6) għandhom ikunu ta’ 50 % għall-perjodu ta’ skedar mit-28 ta’ Marzu 2021 sat-30 ta’ Ottubru 2021, u 50 % għall-perjodu ta’ skedar mill-31 ta’ Ottubru 2021 sas-26 ta’ Marzu 2022.”

Artikolu 2

Dan ir-Regolament għandu jidħol fis-seħħ fil-jum ta’ wara dak tal-pubblikazzjoni tiegħu f’Il-Ġurnal Uffiċjali tal-Unjoni Ewropea.

Dan ir-Regolament għandu jorbot fl-intier tiegħu u japplika direttament fl-Istati Membri kollha.

Magħmul fi Brussell, it-23 ta’ Lulju 2021.

Għall-Kummissjoni

Il-President

Ursula VON DER LEYEN


(1)   ĠU L 14, 22.1.1993, p. 1.