IL-KUMMISSJONI EWROPEA
Brussell, 19.11.2025
COM(2025) 716 final
2025/0369(NLE)
Proposta għal
DEĊIŻJONI TA’ IMPLIMENTAZZJONI TAL-KUNSILL
li temenda d-Deċiżjoni ta’ Implimentazzjoni tat-13 ta’ Lulju 2021 dwar l-approvazzjoni tal-valutazzjoni tal-pjan għall-irkupru u r-reżiljenza għall-Awstrija
{SWD(2025) 373 final}
2025/0369 (NLE)
Proposta għal
DEĊIŻJONI TA’ IMPLIMENTAZZJONI TAL-KUNSILL
li temenda d-Deċiżjoni ta’ Implimentazzjoni tat-13 ta’ Lulju 2021 dwar l-approvazzjoni tal-valutazzjoni tal-pjan għall-irkupru u r-reżiljenza għall-Awstrija
IL-KUNSILL TAL-UNJONI EWROPEA,
Wara li kkunsidra t-Trattat dwar il-Funzjonament tal-Unjoni Ewropea,
Wara li kkunsidra r-Regolament (UE) 2021/241 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tat-12 ta’ Frar 2021 li jistabbilixxi l-Faċilità għall-Irkupru u r-Reżiljenza, u b’mod partikolari l-Artikolu 20(1) tiegħu,
Wara li kkunsidra l-proposta tal-Kummissjoni Ewropea,
Billi:
(1)Wara l-preżentazzjoni tal-pjan nazzjonali għall-irkupru u r-reżiljenza(“RRP”, recovery and resilience plan) mill- Awstrija fit-30 ta’ April 2021, il-Kummissjoni pproponiet il-valutazzjoni pożittiva tagħha lill-Kunsill. Fit-13 ta’ Lulju 2021, il-Kunsill approva l-valutazzjoni pożittiva permezz ta’ deċiżjoni ta’ implimentazzjoni (id-“Deċiżjoni ta’ Implimentazzjoni tal-Kunsill tat-13 ta’ Lulju 2021”). Id-Deċiżjoni ta’ Implimentazzjoni tal-Kunsill tat-13 ta’ Lulju 2021 ġiet emendata bid-Deċiżjonijiet ta’ Implimentazzjoni tal-Kunsill tad-9 ta’ Novembru 2023 u tat-8 ta’ Lulju 2025.
(2)Fl-4 ta’ Novembru 2025, l-Awstrija għamlet talba motivata lill-Kummissjoni biex tressaq proposta li temenda d-Deċiżjoni ta’ Implimentazzjoni tal-Kunsill tat-13 ta’ Lulju 2021 f’konformità mal-Artikolu 21(1) tar-Regolament (UE) 2021/241 għar-raġuni li, parzjalment, l-RRP ma għadux jista’ jinkiseb minħabba ċirkostanzi oġġettivi. Abbażi ta’ dan, l-Awstrija ppreżentat RRP emendat.
Emendi bbażati fuq l-Artikolu 21 tar-Regolament (UE) 2021/241
(3)L-emendi tal-RRP ippreżentati mill-Awstrija minħabba ċirkostanzi oġġettivi jikkonċernaw 34 miżura.
(4)L-Awstrija spjegat li żewġ miżuri parzjalment ma għadhomx jistgħu jinkisbu minħabba domanda aktar baxxa milli mistenni. Il-miżura 1.A.3 (Il-ġlieda kontra l-faqar enerġetiku) u l-miżura 2.D.3 (Investimenti ekoloġiċi fl-intrapriżi) huma kkonċernati. Abbażi ta’ dan, l-Awstrija talbet li dawk il-miżuri jiġu emendati. Jenħtieġ li d-Deċiżjoni ta’ Implimentazzjoni tal-Kunsill tat-13 ta’ Lulju 2021 tiġi emendata skont dan.
(5)L-Awstrija spjegat li erba’ miżuri parzjalment ma għadhomx jistgħu jinkisbu minħabba kundizzjonijiet tas-suq mibdula u kwistjonijiet tal-katina tal-provvista li qed jikkawżaw dewmien fl-implimentazzjoni tagħhom. Il-miżura 1.B.3 (Karozzi tal-linja b’emissjonijiet żero), il-miżura 1.D.1 (Liġi dwar l-Espansjoni tal-Enerġija Rinnovabbli), il-miżura 3.A.3 (Istitut Awstrijak tal-Mediċina ta’ Preċiżjoni) u l-miżura 3.D.2 (Idroġenu tal-IPCEI) huma kkonċernati. Abbażi ta’ dan, l-Awstrija talbet li dawk il-miżuri jiġu emendati. Jenħtieġ li d-Deċiżjoni ta’ Implimentazzjoni tal-Kunsill tat-13 ta’ Lulju 2021 tiġi emendata kif xieraq.
(6)L-Awstrija spjegat li erba’ miżuri ma għadhomx jistgħu jinkisbu fl-iskeda ta’ żmien oriġinali tagħhom minħabba diffikultajiet tekniċi. Il-miżura 1.B.5 (Kostruzzjoni ta’ ferroviji ġodda), il-miżura 1.C.2 (Fond għall-Bijodiversità), il-miżura1.C.4 (Modifika retroattiva ta’ faċilitajiet eżistenti u kostruzzjoni ta’ faċilitajiet ġodda ta’ separazzjoni u l-miżura 4.D.1 (Rieżami tal-infiq li jiffoka fuq it-trasformazzjoni ekoloġika u diġitali) huma kkonċernati. Abbażi ta’ dan, l-Awstrija talbet li dawk il-miżuri jiġu emendati biex tiġi estiża l-iskeda ta’ żmien għall-implimentazzjoni tagħhom. Jenħtieġ li d-Deċiżjoni ta’ Implimentazzjoni tal-Kunsill tat-13 ta’ Lulju 2021 tiġi emendata kif xieraq.
(7)L-Awstrija spjegat li ġew emendati żewġ miżuri biex jiġu implimentati alternattivi aħjar sabiex tinkiseb l-ambizzjoni oriġinali tagħhom. Dan jikkonċerna l-miżura 2.A.2 (Disponibbiltà mifruxa ta’ networks ta’ aċċess b’kapaċità ta’ Gigabits u l-ħolqien ta’ konnessjonijiet simetriċi ġodda tal-Gigabits) u l-miżura 3.C.3 (Espansjoni tal-edukazzjoni elementari). Abbażi ta’ dan, l-Awstrija talbet li temenda l-miżuri msemmija hawn fuq. Peress li dawk iċ-ċirkostanzi jiġġustifikaw emenda tal-miżuri, jenħtieġ li d-Deċiżjoni ta’ Implimentazzjoni tal-Kunsill tat-13 ta’ Lulju 2021 tiġi emendata kif xieraq.
(8)L-Awstrija spjegat li ġew emendati 22 miżura biex jiġu implimentati alternattivi aħjar li jippermettu li jitnaqqas il-piż amministrattiv u biex tiġi ssimplifikata d-Deċiżjoni ta’ Implimentazzjoni tal-Kunsill, filwaqt li xorta jintlaħqu l-objettivi ta’ dawk il-miżuri. Dan jikkonċerna l-miżuri: 1.B.1 (Masterplan tal-mobbiltà 2030), 1.B.4 (Vetturi utilitarji b’emissjonijiet żero), 1.C.1 (Qafas legali għaż-żieda fir-rati tal-ġbir għall-imballaġġ tax-xorb u l-provvista ta’ kontenituri tax-xorb li jistgħu jerġgħu jintużaw fil-bejgħ bl-imnut), 1.C.3 (Investimenti f’sistemi ta’ distributuri awtomatiċi inversi u miżuri biex tiżdied il-kwota tal-użu mill-ġdid tal-kontenituri tax-xorb), 1.C.5 (Promozzjoni tat-tiswija tat-tagħmir elettriku u elettroniku (bonus tat-tiswija)), 1.D.2 (Trasformazzjoni tal-industrija lejn in-newtralità klimatika), 2.B.1 (Aċċess ġust u ugwali tal-istudenti għall-kompetenza diġitali bażika), 2.B.2 (Provvista ta’ apparat diġitali tal-utent finali lill-istudenti), 3.A.1 (Strateġija tar-Riċerka, l-Innovazzjoni u t-Teknoloġija 2030 (Strateġija RTI 2030)), 3.A.2 (Kwantum Awstrija — Promozzjoni tax-Xjenzi Kwantistiċi), 3.A.4 (Infrastrutturi tar-Riċerka Diġitali), 3.C.1 (Aċċess imtejjeb għall-edukazzjoni), 4.A.1 (Titjib tal-kura tas-saħħa primarja), 4.A.2 (Finanzjament ta’ proġetti tal-kura tas-saħħa primarja), 4.A.3 (Żvilupp tal-pjattaforma elettronika tal-“pass il-ġenituri u l-ulied”), 4.B.3 (Investiment f’ċentri tal-bliet li ma jagħmlux ħsara lill-klima), 4.C.3 (Rinnovazzjoni ta’ Volkskundemuseum Wien u Prater Ateliers), 4.C.4 (Wirt kulturali tal-mewġa tad-diġitalizzazzjoni), 4.C.5 (Fond ta’ investiment għal negozji kulturali li ma jagħmlux ħsara lill-klima), 5.A.2 (L-idroġenu bħala teknoloġija ewlenija għan-newtralità klimatika), 5.B.1 (Sistemi fotovoltajċi) u 5.B.2. (Finanzjament ta’ vetturi kummerċjali b’emissjonijiet żero). Abbażi ta’ dan, l-Awstrija talbet li dawk il-miżuri jiġu emendati.. Id-Deċiżjoni ta’ Implimentazzjoni tal-Kunsill tat-13 ta’ Lulju 2021 jenħtieġ li tiġi emendata kif xieraq.
Distribuzzjoni tal-istadji importanti u tal-miri
(9)Id-distribuzzjoni tal-istadji importanti u l-miri fil-pagamenti parzjali jenħtieġ li tiġi emendata biex tqis l-emendi għall-RRP u l-iskeda ta’ żmien indikattiva ppreżentata mill-Awstrija.
Valutazzjoni tal-Kummissjoni
(10)Il-Kummissjoni vvalutat l-RRP emendat skont il-kriterji ta’ valutazzjoni stabbiliti fl-Artikolu 19(3) tar-Regolament (UE) 2021/241.
(11)Il-Kummissjoni tqis li l-emendi mressqa mill-Awstrija ma jaffettwawx il-valutazzjoni pożittiva tal-RRP stabbilita fid-Deċiżjoni ta’ Implimentazzjoni tal-Kunsill tat-13 ta’ Lulju 2021 rigward ir-rilevanza, l-effettività, l-effiċjenza u l-koerenza tal-RRP mal-kriterji ta’ valutazzjoni stabbiliti fl-Artikolu 19(3) tar-Regolament (UE) 2021/241, il-punti (a), (b), (c), (d),(da), (db), (g), (h), (i), (j) u (k).
Kontribut għat-tranżizzjoni ekoloġika inkluż il-bijodiversità
(12)F’konformità mal-Artikolu 19(3), il-punt (e), u mal-Anness V, il-kriterju 2.5, tar-Regolament (UE) 2021/241, l-RRP emendat fih miżuri li jikkontribwixxu fil-biċċa l-kbira (klassifikazzjoni A) għat-tranżizzjoni ekoloġika, inkluża l-bijodiversità, jew għall-indirizzar tal-isfidi li jirriżultaw minnha. Il-miżuri li jappoġġaw l-objettivi klimatiċi jammontaw għal ammont li jirrappreżenta 53,0 % tal-allokazzjoni totali tal-RRP emendat u 100 % tal-kostijiet stmati totali tal-miżuri fil-kapitolu REPowerEU kkalkolat f’konformità mal-metodoloġija stabbilita fl-Anness VI tar-Regolament (UE) 2021/241. F’konformità mal-Artikolu 17 tar-Regolament (UE) 2021/241, l-RRP emendat huwa konsistenti mal-informazzjoni inkluża fil-Pjan Nazzjonali għall-Enerġija u l-Klima 2021–2030.
(13)Il-RRP modifikat ikompli jappoġġa d-dekarbonizzazzjoni tal-ekonomija tal-Awstrija. Il-perċentwal tal-pakkett finanzjarju li jikkontribwixxi għat-tranżizzjoni ekoloġika, inkluża l-bijodiversità, tnaqqas b’2.7 punti perċentwali minħabba t-tnaqqis fl-allokazzjoni għal erba’ miżuri: 1.A.3 (il-ġlieda kontra l-faqar enerġetiku), 1.B.3 (Karozzi tal-linja b’emissjonijiet żero), 2.D.3 (Investimenti ekoloġiċi fl-intrapriżi) u 3.D.2 (Idroġenu tal-IPCEI). Il-RRP modifikat għadu jaqbeż b’mod sinifikanti r-rekwiżit ta’ tikkettar ekoloġiku ta’ 37 % u jkompli jikkontribwixxi b’mod sostanzjali għat-tranżizzjoni ekoloġika.
Kontribuzzjoni għat-tranżizzjoni diġitali
(14)F’konformità mal-Artikolu 19(3), il-punt (f), u mal-Anness V, il-kriterju 2.6, tar-Regolament (UE) 2021/241, l-RRP emendat fih miżuri li jikkontribwixxu fil-biċċa l-kbira (klassifikazzjoni A) għat-tranżizzjoni diġitali jew għall-indirizzar tal-isfidi li jirriżultaw minnha. Il-miżuri li jappoġġaw l-objettivi diġitali jammontaw għal ammont li jirrappreżenta 35.4 % tal-allokazzjoni totali tal-RRP emendat ikkalkolat f’konformità mal-metodoloġija stabbilita fl-Anness VII ta’ dak ir-Regolament.
(15)Il-RRP modifikat ikompli jappoġġa t-tranżizzjoni diġitali. Il-perċentwal tal-pakkett finanzjarju li jikkontribwixxi għat-tranżizzjoni diġitali tnaqqas b’0.3 punti perċentwali minħabba t-tħassir tal-komponent diġitali mill-miżura 3.A.3 (l-Istitut Awstrijak tal-Mediċina ta’ Preċiżjoni). Wara li qies dan it-tnaqqis, il-RRP modifikat xorta jaqbeż b’mod sinifikanti r-rekwiżit ta’ tikkettar diġitali ta’ 20 % u jkompli jikkontribwixxi b’mod sostanzjali għat-tranżizzjoni diġitali.
Kalkolu tal-kostijiet
(16)F’konformità mal-Artikolu 19(3), il-punt (i), u mal-Anness V, il-kriterju 2.9, tar-Regolament (UE) 2021/241, il-ġustifikazzjoni pprovduta fl-RRP emendat dwar l-ammont tal-kost totali stmat tal-RRP hija moderatament (klassifikazzjoni B) raġonevoli u plawżibbli, hija konformi mal-prinċipju tal-kosteffiċjenza u hija proporzjonata għall-impatt ekonomiku u soċjali nazzjonali mistenni.
(17)Abbażi tal-informazzjoni pprovduta, il-valutazzjoni tal-miżuri eżistenti li l-modifika tagħhom kienet tinvolvi reviżjoni tal-istimi tal-kostijiet tagħhom turi li l-kostijiet riveduti huma raġonevoli u plawżibbli. Fi ftit każijiet, il-metodoloġija u l-kalkoli użati biex jinkisbu l-istimi tal-kostijiet fil-pjan jipprekludu klassifikazzjoni A għal dan il-kriterju ta’ valutazzjoni. Fl-aħħar nett, l-ammont tal-kostijiet totali stmat tal-RRP huwa f’konformità mal-prinċipju tal-kosteffiċjenza u proporzjonali mal-impatt nazzjonali, ekonomiku u soċjali mistenni.
Valutazzjoni pożittiva
(18)Wara l-valutazzjoni pożittiva mill-Kummissjoni tal-RRP emendat, bis-sejba li l-RRP jikkonforma b’mod sodisfaċenti mal-kriterji għall-valutazzjoni stabbiliti fir-Regolament (UE) 2021/241, f’konformità mal-Artikolu 20(2) u l-Anness V ta’ dak ir-Regolament, jenħtieġ li jiġu stabbiliti r-riformi u l-proġetti ta’ investiment meħtieġa għall-implimentazzjoni tal-RRP emendat, l-istadji importanti, il-miri u l-indikaturi rilevanti, u l-ammont disponibbli mill-Unjoni għall-implimentazzjoni tal-RRP emendat.
Kontribuzzjoni finanzjarja
(19)Il-kostijiet totali stmati tal-RRP emendat tal-Awstrija huma ta’ EUR 4 073 468 950. Peress li l-ammont tal-kost totali stmat tal-RRP emendat huwa ogħla mill-kontribuzzjoni finanzjarja massima aġġornata disponibbli għall-Awstrija, il-kontribuzzjoni finanzjarja ddeterminata f’konformità mal-Artikolu 4a tar-Regolament (UE) 2021/1755 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill, u mal-Artikolu 20(4) u l-Artikolu 21a(6) tar-Regolament (UE) 2021/241 li hija allokata għall-RRP emendat tal-Awstrija jenħtieġ li tkun ugwali għal EUR 3 961 157 550. Għalhekk, il-kontribuzzjoni finanzjarja disponibbli għall-Awstrija tibqa’ l-istess.
ADOTTA DIN ID-DEĊIŻJONI:
Artikolu 1
Approvazzjoni tal-valutazzjoni tal-RRP
Il-valutazzjoni tal-RRP emendat tal-Awstrija fuq il-bażi tal-kriterji previsti fl-Artikolu 19(3) tar-Regolament (UE) 2021/241 hija approvata.
Artikolu 2
Emendi
Id-Deċiżjoni ta’ Implimentazzjoni tal-Kunsill tat-13 ta’ Lulju 2021 dwar l-approvazzjoni tal-valutazzjoni tal-pjan ta’ rkupru u reżiljenza għall-Awstrija hija emendata kif ġej:
l-Anness tad-Deċiżjoni ta’ Implimentazzjoni tal-Kunsill tat-13 ta’ Lulju 2021 dwar l-approvazzjoni tal-valutazzjoni tal-pjan għall-irkupru u r-reżiljenza għas-Slovakkja huwa sostitwit bit-test stabbilit fl-Anness ta’ din id-Deċiżjoni.
Artikolu 3
Destinatarju
Din id-Deċiżjoni hija indirizzata lir-Repubblika tal-Awstrija.
Magħmul fi Brussell,
Għall-Kunsill
Il-President