31996L0040



Official Journal L 196 , 07/08/1996 P. 0008 - 0009


Id-Direttiva tal-Kummissjoni 96/40/KE

tal-25 ta' Ġunju 1996

li tistabbilixxi mudell komuni għal karta ta' l-identità għal spetturi li jagħmlu kontroll ta' l-Istat fil-portijiet

(Test b'relevanza għaż-ŻEE)

IL-KUMMISSJONI TAL-KOMUNITAJIET EWROPEJ,

Wara li kkunsidrat it-Trattat li jistabbilixxi l-Komunità Ewropea,

Wara li kkunsidrat id-Direttiva tal-Kunsill 95/21/KE tad-19 ta' Ġunju 1995 li tikkonċerna l-infurzar, fir-rigward ta' bastimenti li jużaw l-portijiet tal-Komunità u li jbaħħru fl-ibħra taħt il-ġurisdizzjoni ta' l-Istati Membri, ta' standards internazzjonali għas-sigurtà tal-bastimenti, il-prevenzjoni ta' tniġġis u l-kondizzjonijiet ta' l-għajxien u tax-xogħol abbord (kontroll portwali ta' l-Istat) [1], u b'mod partikolari l-Artikolu 12(4) tagħha,

Billi d-Direttiva 95/21/KE tipprovdi għall-istabbiliment ta' mudell komuni għal karta ta' identità għall-ispetturi tal-kontroll ta' l-Istat tal-portijiet;

Billi jinħtieġ li l-karta ta' l-identità jkun fiha ta' l-anqas l-informazzjoni li ġejja: isem l-awtorità li toħroġha, l-isem sħiħ ta' min għandu l-karta ta' l-identità, ritratt ta' min għandu l-karta ta' l-identità, firma ta' min għandu l-karta ta' l-identità u stqarrija li tgħid li min għandu l-karta huwa awtorizzat li jagħmel spezzjonijiet b'mod konformi mal-leġislazzjoni nazzjonali adottati skond id-Direttiva;

Billi biex isservi l-iskop li tidentifika l-ispettur mal-kaptan tal-vapur u l-membri ta' l-ekwipaġġ jinħtieġ li l-karta ta' l-identità jkollha traduzzjoni bil-lingwa Ingliża jekk dik mhix il-lingwa ewlenija użata;

Billi l-format eżatt tal-karta ta' l-identità għandu jitħalla għall-Istati Membri;

Billi l-miżuri li hemm provduti f'din id-Direttiva jaqblu ma' l-opinjoni tal-Kumitat imwaqqaf skond l-Artikolu 12 tad-Direttiva tal-Kunsill 93/75/KEE [2],

ADOTTAT DIN ID-DIRETTIVA:

L-Artikolu 1

Il-karta ta' l-identità msemmija fl-Artikolu 12(4), tad-Direttiva 95/21/KE għandha tkun konformi mal-ħtiġiet stabbiliti fl-Anness.

L-Artikolu 2

1. L-Istati Membri għandhom idaħħlu fis-seħħ il-liġijiet, regolamenti u dispożizzjonijiet amministrattivi meħtieġa biex iħarsu din id-Direttiva mhux aktar tard mill-1 ta' Frar 1997. Huma għandhom jinfurmaw lill-Kummissjioni minnufih dwar dan.

Meta dawn id-dispożizzjonijiet ikunu adottati mill-Istati Membri, għandu jkun fihom referenza għal din id-Direttiva jew ikollhom magħhom referenza simili fiż-żmien tal-pubblikazzjoni uffiċjali tagħhom. Il-proċedura ta' kif issir din ir-referenza għandha tkun stabbilita mill-Istati Membri.

2. L-Istati Membri għandhom jikkomunikaw lill-Kummissjoni d-dispożizzjonijiet tal-liġi nazzjonali li jadottaw fil-kamp regolat b'din id-Direttiva.

L-Artikolu 3

Din id-Direttiva għandha tidħol fis-seħħ fl-għoxrin jum wara l-pubblikazzjoni tagħha fil-Ġurnal Uffiċjali tal-Komunitajiet Ewropej.

L-Artikolu 4

Din id-Direttiva hija indirizzata lill-Istati Membri.

Magħmula fi Brussel, fil-25 ta' Ġunju 1996.

Għall-Kummissjoni

Neil Kinnock

Membru tal-Kummissjoni

[1] ĠU L 157, tas-7.7.1995, p. 1.

[2] ĠU L 247, tal-5.10.1993, p. 19.

--------------------------------------------------

L-ANNESS

ĦTIĠIET GĦALL-KARTA TA' L-IDENTITÀ GĦAL SPETTURI TAL-KONTROLL TA' L-ISTAT TAL-PORTIJIET

(kif imsemmi fl-Artikolu 12(4) tad-Direttiva 95/21/KE)

Il-karta ta' l-identità għandu jkun fiha ta' l-anqas l-informazzjoni li ġejja:

(a) Isem l-awtorità li toħroġha

(b) L-isem sħiħ ta' min għandu l-karta ta' l-identità

(ċ) Ritratt reċenti ta' min għandu l-karta ta' l-identità

(d) Il-firma ta' min għandu l-karta ta' l-identità

(e) Stqarrija li tgħid li min għandu l-karta ta' l-identità huwa awtorizzat li jagħmel spezzjonijiet b'mod konformi mal-leġislazzjoni nazzjonali adottata skond din id-Direttiva.

Jekk l-ilsien ewlieni użat fuq il-karta ta' l-identità mhux l-Ingliż, għandu jkun fiha traduzzjoni f'dak l-ilsien.

Il-format tal-karta ta' l-identità għandu jitħalla għad-diskrezzjoni ta' l-awtoritajiet kompetenti.

--------------------------------------------------