16.2.2021   

MT

Il-Ġurnal Uffiċjali tal-Unjoni Ewropea

L 53/99


IR-REGOLAMENT TA’ IMPLIMENTAZZJONI TAL-KUMMISSJONI (UE) 2021/181

tal-15 ta’ Frar 2021

li jemenda r-Regolament (KE) Nru 889/2008 li jistabbilixxi regoli dettaljati għall-implimentazzjoni tar-Regolament tal-Kunsill (KE) Nru 834/2007 dwar il-produzzjoni organika u t-tikkettar ta’ prodotti organiċi fir-rigward tal-produzzjoni, it-tikkettar u l-kontroll organiku

(Test b’rilevanza għaż-ŻEE)

IL-KUMMISSJONI EWROPEA,

Wara li kkunsidrat it-Trattat dwar il-Funzjonament tal-Unjoni Ewropea,

Wara li kkunsidrat ir-Regolament tal-Kunsill (KE) Nru 834/2007 tat-28 ta’ Ġunju 2007 dwar il-produzzjoni organika u t-tikkettar ta’ prodotti organiċi u li jħassar ir-Regolament (KEE) Nru 2092/91 (1), u b’mod partikolari l-Artikolu 16(1) u (3)(a), l-Artikolu 21(2) u l-Artikolu 22(1) tiegħu,

Billi:

(1)

L-Artikolu 42(b) tar-Regolament tal-Kummissjoni (KE) Nru 889/2008 (2) jipprevedi li meta ma jkunx hemm disponibbli għattuq imkabbar b’mod organiku, għattuq imkabbar b’mod mhux organiku għall-produzzjoni tal-bajd ta’ mhux aktar minn 18-il ġimgħa, jista’ jiddaħħal f’unità ta’ bhejjem organiċi, taħt ċerti kundizzjonijiet, sal-31 ta’ Diċembru 2020.

(2)

L-għattuq imkabbar b’mod organiku għall-produzzjoni tal-bajd ma kienx disponibbli fi kwantità u bi kwalità suffiċjenti fis-suq tal-Unjoni biex jiġu ssodisfati l-ħtiġijiet tal-bdiewa tat-tiġieġ li jbidu. Sadanittant, minħabba t-tifqigħa tal-pandemija tal-COVID-19 u l-kriżi tas-saħħa pubblika relatata, ir-Regolament (UE) 2020/1693 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill (3) ippospona b’sena d-data tal-applikazzjoni tar-Regolament (UE) 2018/848 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill (4) flimkien ma’ dati oħra relatati msemmija fir-Regolament (UE) 2018/848. B’konsegwenza ta’ dan, l-applikazzjoni tar-Regolament ta’ Implimentazzjoni tal-Kummissjoni (UE) 2020/464 (5) li, inter alia, jistabbilixxi aktar dispożizzjonijiet dettaljati għall-produzzjoni organika tal-għattuq, se tiġi wkoll differita għall-1 ta’ Jannar 2022. Għalhekk, sabiex jingħata aktar żmien biex tiġi żviluppata l-produzzjoni tal-għattuq organiku għall-produzzjoni tal-bajd u biex tiġi żgurata l-kontinwità tal-produzzjoni tal-bajd organiku sad-dati l-ġodda tal-applikazzjoni tar-Regolament (UE) 2018/848 u r-Regolament ta’ Implimentazzjoni (UE) 2020/464, il-perjodu ta’ applikazzjoni tar-regola eċċezzjonali tal-produzzjoni li tippermetti l-użu ta’ għattuq imkabbar b’mod mhux organiku għall-produzzjoni tal-bajd ta’ mhux iktar minn 18-il ġimgħa, jenħtieġ li jiġi estiż sal-31 ta’ Diċembru 2021.

(3)

Skont l-Artikolu 43 tar-Regolament (KE) Nru 889/2008, meta l-bdiewa ma jkunux jistgħu jakkwistaw għalf tal-proteini li jkun ġej biss mill-produzzjoni organika, massimu ta’ 5 % tal-għalf mhux organiku tal-proteini jista’ jintuża għall-ispeċi tal-ħnieżer u tat-tjur għal perjodu ta’ 12-il xahar għas-snin kalendarji 2018, 2019 u 2020.

(4)

L-għalf organiku tal-proteini ma kienx disponibbli fis-suq tal-Unjoni fi kwantità u bi kwalità suffiċjenti biex jiġu ssodisfati l-ħtiġijiet nutrizzjonali tal-ħnieżer u tat-tjur imrobbija fi rziezet organiċi. Il-produzzjoni tal-għelejjel organiċi tal-proteini għadha lura meta mqabbla mad-domanda. Għalhekk, jixraq li tiġi estiża l-possibbiltà li jintuża proporzjon limitat ta’ għalf mhux organiku tal-proteini b’sena kalendarja oħra sad-data l-ġdida tal-applikazzjoni tar-Regolament (UE) 2018/848, b’mod partikolari għall-finijiet tad-dispożizzjonijiet dwar in-nutrizzjoni tal-annimali porċini u tat-tjur fil-punti 1.9.3.1.(c) u 1.9.4.2.(c) tal-Parti II tal-Anness II ta’ dak ir-Regolament.

(5)

F’konformità mal-Artikolu 16(3)(b) tar-Regolament (KE) Nru 834/2007, diversi Stati Membri ppreżentaw dossiers dwar ċerti sustanzi lill-Kummissjoni u lill-Istati Membri l-oħra, bil-ħsieb li jiġu awtorizzati u inklużi fl-Annessi V u VIII tar-Regolament (KE) Nru 889/2008. Dawk id-dossiers ġew eżaminati mill-Grupp ta’ Esperti għall-Parir Tekniku dwar il-Produzzjoni Organika (EGTOP) u mill-Kummissjoni.

(6)

Fir-rakkomandazzjonijiet tiegħu fir-rigward tal-materjali tal-għalf u l-addittivi tal-għalf (6), l-EGTOP ikkonkluda li l-“fosfat tal-monoammonju (ortofosfat tad-diidroġenu tal-ammonju)” użat bħala għalf minerali, jikkonforma mal-objettivi u l-prinċipji tal-akkwakultura organika. Għalhekk, dik is-sustanza jenħtieġ li tiġi inkluża fit-Taqsima 1 tal-Anness V tar-Regolament (KE) Nru 889/2008, iżda għall-akkwakultura biss. Għal raġunijiet ta’ ċarezza, it-tabella f’dik it-Taqsima jenħtieġ li tiġi sostitwita fl-intier tagħha.

(7)

Fir-rakkomandazzjonijiet tiegħu fir-rigward tal-addittivi tal-ikel u l-għajnuniet għall-ipproċessar tal-ikel (7), l-EGTOP ikkonkluda li l-“alġinat tas-sodju” użat bħala addittiv għall-formazzjoni tal-ġilda taz-zalzett ibbażat fuq il-laħam, il-“klorur tal-kalċju” użat bħala għajnuna għall-ipproċessar għall-formazzjoni tal-ġilda taz-zalzett ibbażat fuq il-laħam, u l-“karbonju attivat” użat bħala għajnuna għall-ipproċessar għall-prodotti tal-ikel li joriġinaw mill-annimali, jikkonformaw mal-objettivi u l-prinċipji tal-produzzjoni organika. Għalhekk, jenħtieġ li dawk is-sustanzi jiġu inklużi fl-Anness VIII tar-Regolament (KE) Nru 889/2008.

(8)

Għalhekk, jenħtieġ li r-Regolament (KE) Nru 889/2008 jiġi emendat skont dan.

(9)

Fl-interess taċ-ċarezza u taċ-ċertezza tad-dritt, dan ir-Regolament jenħtieġ li jidħol fis-seħħ fil-jum tal-pubblikazzjoni tiegħu f’Il-Ġurnal Uffiċjali tal-Unjoni Ewropea u japplika mill-1 ta’ Jannar 2021 sal-31 ta’ Diċembru 2021.

(10)

Il-miżuri previsti f’dan ir-Regolament huma f’konformità mal-opinjoni tal-Kumitat dwar il-Produzzjoni Organika,

ADOTTAT DAN IR-REGOLAMENT:

Artikolu 1

Ir-Regolament (KE) Nru 889/2008 huwa emendat kif ġej:

(1)

fl-Artikolu 42(b), id-data “31 ta’ Diċembru 2020” hija sostitwita bid-data “31 ta’ Diċembru 2021”;

(2)

fl-Artikolu 43, it-tieni paragrafu huwa sostitwit b’dan li ġej:

“Il-perċentwal massimu ta’ għalf mhux organiku tal-proteini awtorizzat għal kull perjodu ta’ 12-il xahar għal dawk l-ispeċijiet għandu jkun ta’ 5 % għas-snin kalendarji 2018, 2019, 2020 u 2021”;

(3)

L-Annessi V u VIII huma emendati f’konformità mal-Anness ta’ dan ir-Regolament.

Artikolu 2

Dan ir-Regolament għandu jidħol fis-seħħ fil-jum tal-pubblikazzjoni tiegħu f’Il-Ġurnal Uffiċjali tal-Unjoni Ewropea.

Għandu japplika mill-1 ta’ Jannar 2021 sal-31 ta’ Diċembru 2021.

Dan ir-Regolament għandu jorbot fl-intier tiegħu u japplika direttament fl-Istati Membri kollha.

Magħmul fi Brussell, il-15 ta’ Frar 2021.

Għall-Kummissjoni

Il-President

Ursula VON DER LEYEN


(1)   ĠU L 189, 20.7.2007, p. 1.

(2)  Ir-Regolament tal-Kummissjoni (KE) Nru 889/2008 tal-5 ta’ Settembru 2008 li jistabbilixxi regoli dettaljati għall-implimentazzjoni tar-Regolament tal-Kunsill (KE) Nru 834/2007 dwar il-produzzjoni organika u t-tikkettar ta’ prodotti organiċi fir-rigward tal-produzzjoni, it-tikkettar u l-kontroll organiku (ĠU L 250, 18.9.2008, p. 1).

(3)  Ir-Regolament (UE) 2020/1693 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tal-11 ta’ Novembru 2020 li jemenda r-Regolament (UE) 2018/848 dwar il-produzzjoni organika u t-tikkettar ta’ prodotti organiċi fir-rigward tad-data tal-applikazzjoni tiegħu u ta’ ċerti dati oħra msemmija f’dak ir-Regolament (ĠU L 381, 13.11.2020, p. 1).

(4)  Ir-Regolament (UE) 2018/848 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tat-30 ta’ Mejju 2018 dwar il-produzzjoni organika u t-tikkettar ta’ prodotti organiċi u li jħassar ir-Regolament tal-Kunsill (KE) Nru 834/2007 (ĠU L 150, 14.6.2018, p. 1).

(5)  Ir-Regolament ta’ Implimentazzjoni tal-Kummissjoni (UE) 2020/464 tas-26 ta’ Marzu 2020 li jistabbilixxi ċerti regoli għall-applikazzjoni tar-Regolament (UE) 2018/848 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill dwar id-dokumenti meħtieġa għar-rikonoxximent retroattiv tal-perjodi għall-konverżjoni, il-produzzjoni ta’ prodotti organiċi u l-informazzjoni li għandha tingħata mill-Istati Membri (ĠU L 98, 31.3.2020, p. 2).

(6)  Final report on Food VI and Feed IV:

https://ec.europa.eu/info/food-farming-fisheries/farming/organic-farming/co-operation-and-expert-advice/egtop-reports_en.

(7)  Final report on Food VI and Feed IV:

https://ec.europa.eu/info/food-farming-fisheries/farming/organic-farming/co-operation-and-expert-advice/egtop-reports_en.


ANNESS

L-Annessi V u VIII tar-Regolament (KE) Nru 889/2008 huma emendati kif ġej:

(1)

it-tabella fit-Taqsima 1 tal-Anness V hija sostitwita b’dan li ġej:

 

“Awtorizzazzjoni

 

Sustanza

 

Kundizzjonijiet għall-użu

A

Qxur tal-baħar kalkarużi

 

A

Maerl

 

A

Litotamn

 

A

Glukonat tal-kalċju

 

A

Karbonat tal-kalċju

 

A

Monokalċjufosfat defluworinat

 

A

Dikalċjufosfat defluworinat

 

A

Ossidu tal-manjeżju (manjeżja anidra)

 

A

Sulfat tal-manjeżju

 

A

Klorur tal-manjeżju

 

A

Karbonat tal-manjeżju

 

A

Fosfat tal-kalċju u tal-manjeżju

 

A

Fosfat tal-manjeżju

 

A

Fosfat monosodiku

 

A

Fosfat tal-kalċju u tas-sodju

 

A

Fosfat tal-monoammonju (ortofosfat tad-diidroġenu tal-ammonju)

Għall-akkwakultura biss”

A

Klorur tas-sodju

 

A

Bikarbonat tas-sodju

 

A

Karbonat tas-sodju

 

A

Sulfat tas-sodju

 

A

Klorur tal-potassju

 

(2)

L-Anness VIII huwa emendat kif ġej:

(a)

fit-tabella fit-Taqsima A, l-entrata relatata ma’ “E 401 Alġinat tas-sodju”, jiżdied il-kliem li ġej fl-aħħar kolonna: “u zalzett ibbażat fuq il-laħam”;

(b)

it-tabella fit-Taqsima B hija emendata kif ġej:

(i)

fl-entrata relatata mal-“klorur tal-kalċju”, tiddaħħal X fit-tielet kolonna u jiżdiedu l-kliem li ġejjin fl-aħħar kolonna: “Fir-rigward tal-oġġetti tal-ikel li joriġinaw mill-annimali: zalzett ibbażat fuq il-laħam”;

(ii)

fl-entrata relatata mal-“karbonju attivat”, tiddaħħal X fit-tielet kolonna.