KONKLUŻJONIJIET TAL-AVUKATA ĠENERALI

ĆAPETA

ippreżentati fid‑9 ta’ Frar 2023 ( 1 )

Kawża C‑183/22

Saint-Louis Sucre

vs

Premier ministre,

Ministre de l’Agriculture et de l’Alimentation,

SICA des betteraviers d’Etrepagny

(talba għal deċiżjoni preliminari mressqa mill-Conseil d’État (il-Kunsill tal-Istat (Franza))

“Rinviju għal deċiżjoni preliminari – Agrikultura – Organizzazzjoni komuni tas-swieq – Rikonoxximent ta’ organizzazzjoni ta’ produtturi – Regola ta’ uniċità ta’ appartenenza f’tali organizzazzjoni – Kontroll demokratiku ta’ din l-organizzazzjoni u tad-deċiżjonijiet meħuda fi ħdanha mill-membri produtturi”

I. Introduzzjoni

1.

Ir-rikorrenti fil-kawża prinċipali, il-kumpannija Saint-Louis Sucre, tipproduċi zokkor mill-pitravi taz-zokkor. Din il-kumpannija qiegħda titlob lill-Conseil d’État (il-Kunsill tal-Istat (Franza)) biex jannulla digriet iddatat l‑20 ta’ Diċembru 2019 (iktar ’il quddiem id-“digriet kontenzjuż”), li bis-saħħa tiegħu l-ministre de l’Agriculture et de l’Alimentation (il-Ministru għall-Agrikoltura u l-Ikel) irrikonoxxa lis-société d’intérêt collectif agricole des betteraviers d’Étrépagny (il-kooperattiva agrikola ta’ dawk li jkabbru l-pitravi ta’ Étrépagny (iktar ’il quddiem is-“SICA”) bħala organizzazzjoni ta’ produtturi (iktar ’il quddiem l-“OP”) ( 2 ) fis-settur taz-zokkor għall-pitravi taz-zokkor.

2.

Din il-kawża tikkonċerna ċerti kundizzjonijiet li OP għandha tissodisfa sabiex din tkun tista’ tiġi rrikonoxxuta bħala tali, fis-sens tar-Regolament OKS ( 3 ), minn Stat Membru. Fil-fatt, ir-rikonoxximent ta’ OP jinvolvi ċertu numru ta’ drittijiet u obbligi ( 4 ).

3.

B’mod iktar partikolari, il-qorti tar-rinviju tistaqsi, essenzjalment, jekk sindakat jistax ikun membru mhux produttur ta’ iktar minn OP waħda u, fil-każ ta’ appartenenza f’OP ta’ membru wieħed jew iktar mhux produtturi, liema huma l-kundizzjonijiet biex jiġi żgurat li l-membri produtturi jikkontrollaw demokratikament l-organizzazzjoni tagħhom u d-deċiżjonijiet meħuda minn din tal-aħħar.

II. Il‑fatti tal‑kawża prinċipali, il‑proċedura quddiem il‑Qorti tal‑Ġustizzja u d‑domandi preliminari

4.

Permezz tad-digriet kontenzjuż, il-ministre de l’Agriculture et de l’Alimentation (il-Ministru għall-Agrikoltura u l-Ikel) irrikonoxxa lis-SICA ta’ dawk li jkabbru l-pitravi ta’ Étrépagny bħala OP, fis-settur taz-zokkor, għall-pitravi taz-zokkor.

5.

Ir-rikorrenti fil-kawża prinċipali, Saint-Louis Sucre, titlob, b’rikors ippreżentat quddiem il-Conseil d’État (il-Kunsill tal-Istat (Franza)), l-annullament ta’ dan id-digriet. Insostenn tat-talba tagħha, din ir-rikorrenti tqajjem, b’mod partikolari, motiv ibbażat fuq ksur tal-Artikolu 153(1)(b) tar-Regolament OKS kif ukoll motiv ibbażat fuq ksur tal-Artikolu 153(2)(c) ta’ dan ir-regolament.

6.

Insostenn tal-ewwel wieħed minn dawn il-motivi, ir-rikorrenti fil-kawża prinċipali ssostni li d-digriet kontenzjuż ġie adottat bi ksur tal-Artikolu 153(1)(b) tar-Regolament OKS, peress li l-confédération générale des planteurs de betteraves (CGB) Eure (il-Konfederazzjoni Ġenerali ta’ Dawk li Jkabbru l-Pitravi Eure, iktar ’il quddiem iċ-“CGB Eure”), il-CGB Ile-de-France u l-kumpannija Naples Investissement, li ma humiex produtturi, huma membri kemm tas-SICA ta’ dawk li jkabbru l-pitravi ta’ Étrépagny u tas-SICA Roye-Déhydration, fejn din tal-aħħar hija rrikonoxxuta wkoll bħala OP ( 5 ).

7.

Il-Conseil d’État (il-Kunsill tal-Istat) iqis li r-risposta għal dan il-motiv tiddependi mill-kwistjoni dwar jekk l-Artikolu 153(1)(b) tar-Regolament OKS, li jeżiġi li l-membri ta’ OP ikunu membri ta’ OP waħda biss għal prodott speċifiku tal-attività kummerċjali, għandux jiġi interpretat bħala li jgħodd biss għall-membri produtturi jew inkella bħala li jgħodd għall-membri kollha ta’ OP, inklużi l-membri mhux produtturi.

8.

Insostenn tat-tieni wieħed minn dawn il-motivi, ir-rikorrenti fil-kawża prinċipali tibbaża ruħha fuq l-Artikolu 152(c) tar-Regolament OKS u ssostni li l-produtturi li huma membri tas-SICA ma humiex f’pożizzjoni li jikkontrollaw, b’mod demokratiku, l-organizzazzjoni tagħhom u d-deċiżjonijiet meħuda minn din tal-aħħar.

9.

B’mod partikolari, ir-rikorrenti fil-kawża prinċipali ssostni li ċ-CGB France tikkontrolla de facto l-CGB Eure u ċ-CGB Ile-de-France u għandha kważi l-kapital kollu ta’ Naples Investissement. Iċ-CGB France għalhekk tikkontrolla, permezz ta’ dawn it-tliet entitajiet, li huma marbuta japplikaw l-istruzzjonijiet tagħha, 31.4 % mit-total tal-kapital tas-SICA, bi ksur tal-istatuti ta’ din tal-aħħar, li jillimitaw għal 10 % is-sehem tal-vot ta’ kull wieħed mill-membri tagħha. Barra minn hekk, ir-rikorrenti fil-kawża prinċipali ssostni li, minn tlettax-il direttur tas-SICA, tlieta jirrappreżentaw iċ-CGB Eure, iċ-CGB Ile-de-France u Naples Investissement rispettivament u sitta oħra huma produtturi, membri taċ-CGB France, li għandhom hemmhekk responsabbiltajiet importanti. Ir-rikorrenti fil-kawża prinċipali żżid li l-ksur tal-prinċipju stabbilit mill-Artikolu 153(2)(c) tar-Regolament OKS huwa aggravat mill-fatt li d-direttur tas-SICA u parti mir-riżorsi ta’ din jitqiegħdu għad-dispożizzjoni tagħha miċ-CGB.

10.

Il-Conseil d’État (il-Kunsill tal-Istat) iqis li r-risposta għall-kontestazzjoni mqajma fuq dan il-punt mill-kumpannija rikorrenti tiddependi mill-kwistjoni dwar jekk, sabiex tiġi żgurata l-osservanza tal-prinċipju stabbilit mill-Artikolu 153(2)(c) tar-Regolament OKS, hemmx lok, biex tiġi evalwata l-indipendenza ta’ kull wieħed mill-membri tal-organizzazzjoni, li tittieħed inkunsiderazzjoni esklużivament iż-żamma tal-kapital tagħhom mill-istess persuna fiżika jew ġuridika, jew ukoll rabtiet oħra bħal, għal membri mhux produtturi, l-affiljazzjoni mal-istess konfederazzjoni ta’ sindakati, jew, għall-membri produtturi, l-eżerċizzju ta’ responsabbiltajiet ta’ tmexxija fi ħdan tali konfederazzjoni. Il-qorti tar-rinviju tqis, barra minn hekk, li l-fondatezza tal-motiv pendenti quddiemha tiddependi wkoll minn jekk huwiex biżżejjed, sabiex jiġi konkluż li l-kontroll eżerċitat fuq l-OP mill-membri produtturi tagħha huwiex reali, li dawn tal-aħħar ikollhom l-maġġoranza tal-voti jew jekk għandux jiġi eżaminat jekk, fid-dawl tat-tqassim tal-voti bejn membri tassew indipendenti, is-sehem tal-voti ta’ membru wieħed jew iktar mhux produtturi jqiegħdhomx f’pożizzjoni, anki mingħajr maġġoranza, li jikkontrollaw id-deċiżjonijiet meħuda mill-OP.

11.

F’dawn iċ-ċirkustanzi, il-Conseil d’État (il-Kunsill tal-Istat (Franza)) iddeċieda li jissospendi l-proċeduri u li jagħmel lill-Qorti tal-Ġustizzja d-domandi preliminari li ġejjin:

“1)

Ir-regola stabbilita permezz tal-[Artikolu 153(1)(b) tar-Regolament OKS] li jgħid li l-istatuti ta’ [OP] għandhom jeħtieġu lill-membri tagħha li ‘ikunu membri biss ta’ [OP] waħda għal kwalunkwe prodott partikolari tal-impriża’, għandha tiġi interpretata bħala li tapplika biss għall-membri produtturi?

2)

Sabiex tiġi żgurata l-osservanza tal-prinċipju previst mill-[Artikolu 153(2)(c) tar-Regolament OKS], li jgħid li l-membri li huma produtturi ta’ [OP] għandhom jeżaminaw bir-reqqa u b’mod demokratiku l-organizzazzjoni tagħhom u d-deċiżjonijiet meħudin minn din tal-aħħar:

–

hemm lok, sabiex tiġi evalwata l-indipendenza tal-membri tal-organizzazzjoni, li jieħdu inkunsiderazzjoni b’mod esklużiv iż-żamma tal-kapital tagħhom mill-istess persuna fiżika jew ġuridika, jew ukoll ta’ rabtiet oħra bħal, għall-membri produtturi l-eżerċizzju ta’ responsabbilitajiet tal-ġestjoni fi ħdan tali konfederazzjoni?

–

huwa suffiċjenti, sabiex jiġi konkluż li l-kontroll eżerċitat fuq l-organizzjoni mill-membri produtturi tagħha huwa reali, li dawn tal-aħħar ikollhom il-maġġoranza tal-voti, jew għandu jiġi eżaminat jekk, fid-dawl tat-tqassim tal-voti bejn membri realment indipendenti, il-parti tal-voti ta’ membru wieħed jew diversi mhux produtturi tqiegħdhomx f’pożizzjoni, anki mingħajr maġġoranza, li jikkontrollaw id-deċiżjonijiet meħudin mill-organizzazzjoni?”

12.

Saint-Louis Sucre, is-SICA, il-Gvern Franċiż u l-Kummissjoni Ewropea ppreżentaw osservazzjonijiet bil-miktub lill-Qorti tal-Ġustizzja. Inżammet seduta fis‑16 ta’ Novembru 2022 li matulha Saint-Louis Sucre, is-SICA, il-Gvern Franċiż u l-Kummissjoni ppreżentaw osservazzjonijiet orali.

III. Il‑kuntest ġuridiku

13.

Skont l-Artikolu 1(1) tiegħu, ir-Regolament OKS jistabbilixxi organizzazzjoni komuni tas-swieq tal-prodotti agrikoli, jiġifieri l-prodotti kollha elenkati fl-Anness I tat-Trattat FUE.

14.

L-Artikolu 152 tar-Regolament OKS, intitolat “Organizzazzjonijiet tal-produtturi”, huwa fformulat kif ġej:

“ 1.   L-Istati Membri jistgħu fuq talba jirrikonoxxu, meta jintalbu, organizzazzjonijiet ta’ produtturi, li:

a)

ikunu magħmulin u kkontrollati f’konformità mal-punt (c) tal-Artikolu 153(2), minn produtturi f’settur speċifiku elenkat fl-Artikolu 1(2);

b)

ikunu ffurmati fuq l-inizjattiva tal-produtturi […]

[…]

1a.   B’deroga mill-Artikolu 101(1) TFUE, organizzazzjoni tal-produtturi rikonoxxuta taħt il-paragrafu 1 ta’ dan l-Artikolu tista’ tippjana l-produzzjoni, tottimizza l-ispejjeż tal-produzzjoni, tqiegħed fis-suq u tinnegozja kuntratti għall-provvista ta’ prodotti agrikoli, f’isem il-membri tagħha għall-produzzjoni totali kollha tagħhom jew għal parti minnha.

L-attivitajiet imsemmija fl-ewwel subparagrafu jistgħu jitwettqu:

[…]

(d)

dment li l-produtturi kkonċernati ma jkunux membri ta’ xi organizzazzjoni tal-produtturi oħra rigward il-prodotti koperti mill-attivitajiet imsemmija fl-ewwel subparagrafu;

[…]

Madankollu, l-Istati Membri jistgħu jidderogaw mill-kondizzjoni stipulata fil-punt (d) tat-tieni subparagrafu f’każijiet debitament iġġustifikati fejn il-membri produtturi jkollhom żewġ unitajiet distinti ta’ produzzjoni li jkunu jinsabu f’żoni ġeografiċi differenti.

[…]

1c   L-awtorità nazzjonali tal-kompetizzjoni msemmija fl-Artikolu 5 tar-Regolament (KE) Nru 1/2003 tista’ tiddeċiedi f’każijiet individwali li, għall-futur, waħda jew aktar mill-attivitajiet imsemmija fl-ewwel subparagrafu tal-paragrafu 1a jridu jiġu modifikati, ma jitkomplewx jew ma jseħħux għalkollox jekk tqis li dan hu meħtieġ sabiex jiġi evitat li tiġi eskluża l-kompetizzjoni jew jekk tqis li l-objettivi msemmija fl-Artikolu 39 TFUE huma mhedda.

[…]”

15.

L-Artikolu 153 tar-Regolament OKS, intitolat “Statuti tal-organizzazzjonijiet tal-produtturi” jipprovdi:

“1.   L-istatuti ta’ organizzazzjoni tal-produtturi għandhom jeħtieġu lill-membri produtturi tagħha, b’mod partikolari, li:

[…]

(b)

ikunu membri biss ta’ organizzazzjoni tal-produtturi waħda għal kwalunkwe prodott partikolari tal-impriża, madanakollu l-Istati Membri jistgħu jidderogaw minn din il-kundizzjoni f’każijiet debitament iġġustifikati fejn il-produtturi msieħba jkollhom żewġ unitajiet ta’ produzzjoni distinti li jinstabu f’żoni ġeografiċi differenti;

[…]

2.   L-istatuti ta’ organizzazzjoni tal-produtturi għandhom jistabbilixxu wkoll:

[…]

(c)

regoli li jippermettu lill-membri li huma produtturi jeżaminaw bir-reqqa u b’mod demokratiku l-organizzazzjoni tagħhom u d-deċiżjonijiet tagħha;

[…]”

16.

L-Artikolu 154(1) tar-Regolament OKS, intitolat “Rikonoxximent tal-organizzazzjonijiet tal-produtturi” jipprovdi:

“Sabiex tiġi rikonoxxuta minn Stat Membru, organizzazzjoni tal-produtturi, l-organizzazzjoni tal-produtturi li tkun qed tapplika għal tali rikonoxximent għandha tkun entità legali jew parti definita b’mod ċar ta’ entità legali li:

(a)

tissodisfa r-rekwiżiti stabbiliti fil-punti (a), (b) u (c) tal-Artikolu 152(1);

(b)

ikollha numru minimu ta’ membri u/jew tkopri volum jew valur minimu ta’ produzzjoni kummerċjali, li għandu jiġi stabbilit mill-Istat Membru kkonċernat, fil-qasam li topera fih;

(c)

toffri evidenza suffiċjenti li kapaċi twettaq l-attivitajiet tagħha b’mod xieraq, kemm f’termini ta’ żmien u f’termini ta’ effiċjenza, fir-rigward tal-għoti ta’ appoġġ uman, materjali u tekniku lill-membri tagħha, u kif xieraq il-konċentrazzjoni tal-provvista;

(d)

ikollha statuti li jkunu konsistenti mal-punti (a), (b) u (c) ta’ dan il-paragrafu.”

IV. Analiżi

17.

L-Artikolu 39(1) TFUE jistabbilixxi l-għanijiet ekonomiċi u soċjali segwiti mill-politika agrikola komuni (PAK). Dawn jinkludu ż-żieda fil-produttività, l-iżgurar ta’ standard ta’ għajxien ġust għall-popolazzjoni agrikola, l-istabbilizzazzjoni tas-swieq, l-iżgurar tas-sigurtà tal-provvista u ż-żamma ta’ prezzijiet raġonevoli fil-kunsinni lill-konsumaturi.

18.

It-twettiq ta’ dawn l-għanijiet għandu jieħu inkunsiderazzjoni, skont l-Artikolu 39(2)(a) TFUE, “il-karattru partikolari ta’ l-attivita agrikola, li joħroġ mill-istruttura soċjali agrikola u mid-disparità strutturali u naturali ta’ bejn id-diversi reġjuni agrikoli”.

19.

Il-parteċipazzjoni tal-OP fil-PAK tikkontribwixxi għat-twettiq tal-għanijiet tagħha, billi tiżgura li s-suq agrikolu jkun organizzat “mill-bażi”, jiġifieri għal u mill-produtturi nnifishom ( 6 ).

20.

B’mod iktar konkret, l-OP għandhom isegwu mill-inqas wieħed mill-ħdax-il għan elenkati fl-Artikolu 152(1)(c) tar-Regolament OKS ( 7 ). Barra minn hekk, dawn l-organizzazzjonijiet iwettqu mill-inqas waħda mit-tmien attivitajiet elenkati fl-Artikolu 152(1)(b) ta’ dan ir-regolament ( 8 ). Fil-qosor, l-attivitajiet konġunti tagħhom għandhom, minn naħa, jippromwovu reċiproċità parzjali jew estremament estensiva tal-proċess ta’ produzzjoni tagħhom, li jippermettilhom jiksbu ekonomiji ta’ skala, u, min-naħa l-oħra, isaħħu l-pożizzjoni tal-produtturi quddiem domanda li hija dejjem iktar kkonċentrata ( 9 ).

21.

Il-parteċipazzjoni f’OP rrikonoxxuta toffri vantaġġi oħra.

22.

Ir-rikonoxximent tagħha twassal fil-fatt għall-applikazzjoni ta’ ċerti dispożizzjonijiet tar-Regolament OKS li jirrigwardaw, b’mod partikolari, l-għoti ta’ għajnuna ( 10 ), in-nuqqas ta’ applikazzjoni tal-Artikolu 101(1) TFUE ( 11 ) u anki l-possibbiltà li Stat Membru jirrendi obbligatorji ċerti ftehimiet, ċerti deċiżjonijiet jew ċerti prattiki miftiehma adottati fil-qafas tal-organizzazzjoni għal operaturi oħra li ma humiex membri tagħha ( 12 ).

23.

Huwa għalhekk li l-proċedura ta’ rikonoxximent tikkostitwixxi mument kruċjali li jiddetermina s-sitwazzjoni legali ta’ OP, mingħajr madankollu ma dan ikun irrimedjabbli, peress li, fost id-diversi kontrolli ex post eżistenti, jista’ jsir l-irtirar tar-rikonoxximent ( 13 ).

24.

F’din il-kawża, u fl-okkażjoni ta’ tali proċedura ta’ rikonoxximent, il-qorti tar-rinviju tistaqsi lill-Qorti tal-Ġustizzja dwar is-sens u l-portata tar-regola ta’ uniċità ta’ appartenenza f’OP (A) u dwar il-funzjonament demokratiku ta’ OP (B).

A.   Fuq l-ewwel domanda preliminari dwar ir-regola ta’ uniċità ta’ appartenenza f’OP

25.

Permezz tal-ewwel domanda tagħha, il-qorti tar-rinviju essenzjalment tistaqsi jekk ir-regola ta’ uniċità ta’ appartenenza f’OP, kif espressa fl-Artikolu 153(1)(b) tar-Regolament OKS, għandhiex tiġi interpretata fis-sens li tikkonċerna esklużivament lill-membri produtturi tagħha jew lill-membri kollha tagħha, kemm jekk huma produtturi jew le.

26.

Fil-formulazzjoni tad-domanda tagħha, il-qorti tidher li tibda mill-premessa li xi ħadd li ma huwiex produttur jista’ jkun membru ta’ OP. Huwa importanti qabel kollox li din il-premessa tiġi kkunsidrata mill-ġdid (1) u mbagħad li jiġi eżaminat il-kamp ta’ applikazzjoni ta’ din ir-regola ta’ uniċità ta’ appartenenza (2).

1. Sindakat jista’ jappartjeni f’OP?

27.

L-ewwel nett, huwa importanti li wieħed ifakkar li l-ġurisprudenza tal-Qorti tal-Ġustizzja stabbilixxiet xi żmien ilu l-possibbiltà għal min ma huwiex produttur li jkun membru ta’ OP ( 14 ), mingħajr ma din il-ġurisprudenza tispeċifika espliċitament jekk dan jistax, bħaċ-ċirkustanzi inkwistjoni fil-kawża prinċipali, ikopri wkoll sindakat.

28.

Billi l-leġiżlazzjoni f’dan il-qasam ġiet emendata diversi drabi, wieħed jista’ jispekula li, kieku l-leġiżlatur kellu l-intenzjoni li jerġa’ jikkunsidra din il-possibbiltà, għal dawk li ma humiex produtturi, li jappartjenu f’OP, kien ikun jista’ jaħtaf l-opportunitajiet li ġew quddiemu.

29.

Barra minn hekk, fir-rigward tal-frott u l-ħaxix ( 15 ), ir-Regolament Delegat (UE) 2017/891 ( 16 ) jipprevedi espliċitament, fl-Artikolu 16 tiegħu, il-possibbiltà għal OP li tinkludi fil-membri tagħha membri li ma humiex produtturi. Bl-istess mod, ir-Regolament (KE) Nru 1432/2003 ( 17 ), li ġie qabel ir-Regolament (KE) Nru 1234/2007 ( 18 ), u dan stess ippreċeda r-Regolament OKS, kien jipprovdi huwa wkoll, fl-Artikolu 13 tiegħu, li dawk li ma kinux produtturi setgħu jkunu membri ta’ OP.

30.

Għalhekk jidhirli konklużiv li minn dak li ntqal iktar ’il fuq jiġi dedott li d-dritt tal-Unjoni ma jipprojbixxix li min ma huwiex produttur li jappartjeni f’OP. Il-leġiżlazzjoni tal-Istati Membri tista’ saħansitra tagħmel espliċita din l-għażla, u dan huwa dak li għamel il-leġiżlatur Franċiż ( 19 ).

31.

Fir-rigward, b’mod iktar partikolari, tal-każ fejn il-membru li ma huwiex produttur ikun sindakat, għandha titfakkar il-protezzjoni marbuta man-natura fundamentali tal-libertà ta’ assoċjazzjoni, li tinkludi wkoll il-libertà sindakali, kif iggarantita fl-Artikolu 11 tal-Konvenzjoni Ewropea għall-Protezzjoni tad-Drittijiet tal-Bniedem u tal-Libertajiet Fundamentali, iffirmata f’Ruma fl‑4 ta’ Novembru 1950 (iktar ’il quddiem il-“KEDB”).

32.

Mhux biss il-protezzjoni mogħtija min-natura fundamentali ta’ din il-libertà tikkonċerna b’mod partikolari l-ħolqien ta’ tali organu, il-libertà ta’ assoċjazzjoni jew li dan ma jsirx ( 20 ), iżda din il-protezzjoni tkopri wkoll il-mezzi ta’ azzjoni u l-attivitajiet ta’ din l-organu ( 21 ).

33.

Sa fejn l-Artikolu 12(1) tal-Karta tad-Drittijiet Fundamentali tal-Unjoni Ewropea (iktar ’il quddiem “il-Karta”) jirrigwarda wkoll il-libertà ta’ assoċjazzjoni, kif iggarantita fl-Artikolu 11 tal-KEDB, jeħtieġ li tiġi kkunsidrata l-ġurisprudenza ċċitata iktar ’il fuq ( 22 ).

34.

Fil-fatt, atti tad-dritt tal-Unjoni, bħar-Regolament OKS, għandhom, skont ġurisprudenza stabbilita, neċessarjament jiġu interpretati fid-dawl tad-drittijiet fundamentali ggarantiti mill-Karta ( 23 ).

35.

Barra minn hekk, anki jekk mill-informazzjoni li għandha l-Qorti tal-Ġustizzja ma jirriżultax li l-parteċipazzjoni taċ-CGB f’OP tikkostitwixxi f’dan il-każ strateġija ġdida ta’ azzjoni sindakali, ma jistax jiġi eskluż li dan jista’ jkun il-każ.

36.

Dan iktar u iktar peress li l-organizzazzjonijiet sindakali, bħala organizzazzjonijiet ta’ professjonisti ta’ settur speċifiku, jista’ jkollhom interess li jintervjenu insostenn jew jaġixxu bħala rilej fuq kwistjonijiet importanti jew tekniċi. Mistoqsijin waqt is-seduta għat-trattazzjoni dwar il-kontribuzzjonijiet possibbli tal-parteċipazzjoni ta’ membru mhux produttur, bħal sindakat, f’OP, is-SICA, il-Gvern Franċiż u l-Kummissjoni insistew fuq ir-rwol tagħhom ta’ għajnuna fl-iżvilupp tal-OP, b’mod partikolari fid-dawl ta’ metodi u tekniki ta’ produzzjoni kif ukoll kwistjonijiet relatati mat-tibdil fil-klima.

37.

Għalhekk, il-kontribuzzjoni tal-appartenenza ta’ organizzazzjoni sindakali f’OP ma hijiex biss ipotetika.

38.

Għaldaqstant, tali appartenenza ta’ sindakat f’OP tagħmel parti mill-firxa tal-possibilitajiet ta’ azzjonijiet li tali organu jista’ jsegwi. B’mod iktar ġenerali, il-parteċipazzjoni ta’ sindakat f’OP, bħala membru mhux produttur, tagħmilha possibbli li jippromwovi u jikkontribwixxi fit-twettiq tal-għanijiet assenjati lil dawn l-OP ( 24 ).

39.

Jien għalhekk tal-fehma li r-Regolament OKS ma jipprekludix OP milli jkollha fost il-membri tagħha membri li ma humiex produtturi, li fosthom jista’ jkun hemm organizzazzjonijiet sindakali.

40.

Wara li ġie ppreċiżat dan, issa għandha tiġi eżaminata l-ewwel domanda tal-qorti tar-rinviju.

2. Il-kamp ta’ applikazzjoni tar-regola ta’ uniċità ta’ appartenenza f’OP

41.

Il-parteċipanti fil-proċedura quddiem il-Qorti tal-Ġustizzja jipproponu żewġ interpretazzjonijiet distinti.

42.

Saint-Louis Sucre ssostni li l-Artikolu 153(1)(b) tar-Regolament OKS jimponi, mingħajr distinzjoni, regola ta’ uniċità ta’ appartenenza f’OP.

43.

Is-SICA, il-Gvern Franċiż u l-Kummissjoni essenzjalment isostnu li din ir-regola tapplika biss għall-produtturi u li għalhekk ma tistax tapplika għal membru mhux produttur.

44.

L-argumenti ta’ Saint Louis-Sucre u d-dubji tal-qorti tar-rinviju dwar ir-regola ta’ uniċità tal-appartenenza jidhru, parzjalment, li jirriżultaw mill-verżjoni bil-lingwa Franċiża tal-Artikolu 153(1), peress li din il-verżjoni ssemmi “membres” (membri) tal-OP mingħajr ebda preċiżazzjoni oħra. Ma hijiex l-unika verżjoni lingwistika f’dan is-sens ( 25 ). Madankollu, il-biċċa l-kbira tal-verżjonijiet lingwistiċi l-oħra jispeċifikaw li dawn huma “membri produtturi” ( 26 ).

45.

F’dan ir-rigward, għandha titfakkar il-ġurisprudenza stabbilita li tgħid li l-verżjonijiet lingwistiċi kollha ta’ att tal-Unjoni għandhom, bħala prinċipju, jingħataw l-istess valur. Sabiex tiġi ppreservata l-interpretazzjoni uniformi tad-dritt tal-Unjoni, huwa għalhekk importanti, fil-każ ta’ diverġenzi bejn dawn il-verżjonijiet, li d-dispożizzjoni kkonċernata tiġi interpretata abbażi tal-istruttura ġenerali u tal-għan tal-leġiżlazzjoni li hija tagħmel parti minnha ( 27 ).

46.

F’dan ir-rigward, huwa importanti li wieħed isemmi li din ir-regola ta’ uniċità ta’ appartenenza f’OP tingħata forma konkreta fit-tieni dispożizzjoni tar-Regolament OKS, jiġifieri l-Artikolu 152(1a)(d) ta’ dan ir-regolament. F’din id-dispożizzjoni, huma tabilħaqq il-membri produtturi li huma msemmija fid-diversi verżjonijiet lingwistiċi.

47.

Permezz tar-riferiment f’dawn iż-żewġ dispożizzjonijiet għall-“prodott”, jidher li huma dawk li jwettqu attività agrikola, fis-sens tal-Artikolu 4(1)(a) u (c) tar-Regolament Nru 1307/2013 ( 28 ), għalhekk il-produtturi, li huma koperti.

48.

Fir-rigward tal-proċedura leġiżlattiva, ta’ min jinnota li r-regola ta’ uniċità ta’ appartenenza tidher li ġiet introdotta għall-ewwel darba fir-rigward tal-PAK fir-Regolament (KE) Nru 1182/2007 ( 29 ) dwar il-frott u l-ħaxix. Din ir-regola ġiet riprodotta u estiża ftit xhur wara fir-Regolament Nru 1234/2007, fl-Artikolu 125a tiegħu, imdaħħal bl-Artikolu 1 tar-Regolament (KE) Nru 361/2008 ( 30 ). Għandu jiġi speċifikat ukoll li l-kliem ta’ din id-dispożizzjoni baqa’ ma nbidilx bejn il-proposta inizjali tal-Kummissjoni ( 31 ) u dik adottata finalment. Sa fejn ir-raġunijiet għal din il-proposta ma ġewx imsemmija b’mod espliċitu, mill-proċedura leġiżlattiva ma jidhirx li huwa possibbli li wieħed ikun jaf il-motivazzjonijiet reali tal-leġiżlatur.

49.

Mistoqsijin matul is-seduta għat-trattazzjoni dwar ir-raġuni għar-regola ta’ uniċità ta’ appartenenza f’OP, is-SICA, il-Gvern Franċiż u l-Kummissjoni ssuġġerew li l-iskop ta’ din ir-regola kien tikkonċentra l-provvista ta’ prodott partikolari billi ssaħħaħ il-pożizzjoni tal-produtturi tagħha sabiex jiġu bbilanċjati mill-ġdid ir-relazzjonijiet kummerċjali.

50.

Tali fehim tal-imsemmija regola jidher li huwa kkorroborat mill-eċċezzjoni stabbilita mill-Artikolu 153(1)(b) tar-Regolament OKS. Fil-fatt din id-dispożizzjoni tagħmilha possibbli li ssir deroga minn dan il-prinċipju fil-każ li l-“produtturi msieħba jkollhom żewġ unitajiet ta’ produzzjoni distinti li jinstabu f’żoni ġeografiċi differenti”. L-istess japplika għall-eċċezzjoni li tinsab fit-tielet subparagrafu tal-Artikolu 152(1a) ta’ dan ir-regolament, li jispeċifika li l-Istati Membri jistgħu jidderogaw mill-kundizzjoni stabbilita fl-Artikolu 152(1a)(d) tal-imsemmi regolament “fejn il-membri produtturi jkollhom żewġ unitajiet distinti ta’ produzzjoni li jkunu jinsabu f’żoni ġeografiċi differenti”. Dawn l-eċċezzjonijiet mir-regola ta’ uniċità ta’ appartenenza juru li, lil hinn minn sfera ġeografika partikolari, din ir-regola tilħaq il-limiti tagħha stess, peress li ż-żamma ta’ tali regola ma tibqax tagħmel sens għall-finijiet tal-konċentrazzjoni tal-provvista ta’ prodott speċifiku.

51.

Il-kitbiet dottrinali rari dwar dan is-suġġett jidhru wkoll li jiġġustifikaw ir-raġuni tar-regola ta’ uniċità ta’ appartenenza f’OP b’riferiment għall-prodott ipprovdut. Rigward ir-Regolament Nru 1234/2007, li ppreċeda r-Regolament OKS attwali, huwa argumentat li din ir-regola ta’ uniċità ta’ appartenenza għandha l-għan li tipprevjeni lill-produtturi milli jkunu f’pożizzjoni li jifframmentaw il-provvista ta’ prodott speċifiku u, b’hekk, li jipprevjenu l-istabbiliment ta’ kompetizzjoni bejn dawn l-organizzazzjonijiet ( 32 ).

52.

Għalhekk jidher li l-konċentrazzjoni tal-provvista tikkostitwixxi r-raġuni tar-regola ta’ uniċità ta’ appartenenza f’OP.

53.

Barra minn hekk, din ir-regola tikkontribwixxi għat-twettiq tal-għanijiet tal-PAK ( 33 ), peress li tippermetti li tissaħħaħ il-pożizzjoni tal-produtturi quddiem domanda dejjem iktar ikkonċentrata ( 34 ).

54.

Għandu jiġi kkonstatat li l-konċentrazzjoni tal-provvista b’riferiment għall-prodotti, jekk tikkostitwixxi raġuni plawsibbli tar-regola ta’ uniċità ta’ appartenenza, tapplika biss għall-membri produtturi u mhux għall-membri l-oħra tal-OP.

55.

Għaldaqstant, inqis li r-regola ta’ uniċità ta’ appartenenza f’OP tikkonċerna biss il-membri produtturi.

56.

Fl-osservazzjonijiet tagħha fformulati quddiem il-Qorti tal-Ġustizzja, Saint-Louis Sucre ssostni li l-appartenenza ta’ sindakat f’OP tista’ tkun problematika mil-lat tal-kompetizzjoni.

57.

Fis-sentenza APVE, il-Qorti tal-Ġustizzja fakkret li OP rrikonoxxuta hija responsabbli biex tiskeda l-produzzjoni u taġġustaha għad-domanda, b’mod partikolari f’termini ta’ kwantità u ta’ kwalità, tikkonċentra l-provvista u tqiegħed il-produzzjoni tal-membri tagħha fis-suq kif ukoll biex tottimizza l-ispejjeż tal-produzzjoni u tirregolarizza l-prezzijiet tal-produzzjoni. Biex tagħmel dan, OP għandha tirrikorri għal mezzi differenti minn dawk li jirregolaw il-funzjonament normali tas-swieq u, b’mod partikolari, għal ċerti forom ta’ koordinazzjoni u konsultazzjoni bejn il-produtturi agrikoli. Għalhekk, u sakemm l-OP ma jiġux imċaħħad mill-mezzi li jippermettulhom jilħqu l-għanijiet fdati lilhom fil-kuntest tal-organizzazzjoni komuni tas-suq li jieħdu sehem fih, il-prattiki ta’ dawn l-entitajiet meħtieġa biex jintlaħqu wieħed jew iktar minn dawn l-għanijiet, għandhom jibqgħu barra mill-kamp ta’ applikazzjoni, b’mod partikolari, tal-projbizzjoni ta’ akkordji prevista fl-Artikolu 101(1) TFUE ( 35 ).

58.

Għalhekk, l-immunità relatata mar-regoli tad-dritt tal-kompetizzjoni huma ta’ benefiċċju biss fi ħdan OP jew assoċjazzjoni ta’ OP rrikonoxxuta ( 36 ); barra dan il-qafas, dawn ir-regoli jerġgħu japplikaw.

59.

B’mod iktar speċifiku, l-argumenti ta’ Saint-Louis Sucre jidhru, essenzjalment, li jesprimu tħassib dwar riskju possibbli ta’ kollużjoni minħabba l-parteċipazzjoni possibbli tal-istess sindakat f’żewġ OP differenti.

60.

Għandu jitfakkar li, f’każ bħal dan, ir-Regolament OKS ma jipprevjenix l-applikazzjoni tar-regoli tal-kompetizzjoni. Għalhekk, dan ir-regolament ma jindaħalx fis-setgħat tal-awtoritajiet nazzjonali li, meta jipperċepixxu riskju possibbli ta’ kollużjoni, għandhom ċertu marġni biex jipprevjenu s-seħħ tiegħu.

61.

F’dan ir-rigward, kif jirriżulta mit-talba għal deċiżjoni preliminari u kif imfakkar mis-SICA waqt is-seduta għat-trattazzjoni, waqt l-eżami tal-fajl ta’ rikonoxximent tagħha, hija ġiet ordnata timmodifika r-regoli tal-proċedura tagħha, fil‑11 ta’ Diċembru 2019, biex tieħu inkunsiderazzjoni l-osservazzjonijiet li kienu ġew indirizzati lilha waqt il-proċedura għall-eżami tal-applikazzjoni tagħha għal rikonoxximent, billi tifformalizza, skont dawn l-osservazzjonijiet, fl-Artikolu 18 tar-regoli tal-proċedura tagħha klawżola ta’ kunfidenzjalità u ta’ etika għad-direttur u l-membri mhux produtturi tal-organizzazzjoni ta’ produzzjoni.

62.

Barra minn hekk, kif ġie diskuss waqt is-seduta għat-trattazzjoni, jekk il-fażi ta’ rikonoxximent ta’ OP tikkostitwixxi mument importanti peress li hija fażi ta’ kontroll li sseħħ ex ante, li matulha l-awtoritajiet nazzjonali kompetenti għandhom terminu ta’ erba’ xhur biex jirrispondu għat-talba għar-rikonoxximent ta’ OP ( 37 ), huwa madankollu importanti li wieħed iżomm f’moħħu li din ma hijiex l-unika fażi ta’ kontroll.

63.

Fil-fatt, hemm diversi tipi oħra ta’ kontroll ex post. Fl-ewwel lok, l-awtorità nazzjonali li tkun wettqet ir-rikonoxximent tista’ daqstant ieħor tikkunsidra mill-ġdid id-deċiżjoni tagħha u tirtirha ( 38 ). Fit-tieni lok, l-awtoritajiet tal-kompetizzjoni, nazzjonali jew Ewropej, jistgħu jintalbu jeżaminaw il-prattiki ta’ OP waħda jew iktar. Il-ġurisprudenza reċenti tal-Qorti tal-Ġustizzja turi li din ma hijiex biss ipoteżi teoretika ( 39 ). Fit-tielet lok, fil-qafas tal-programm għall-għoti tal-għajnuna, il-ħlas ta’ din l-għajnuna jinvolvi wkoll proċeduri ta’ kontroll.

64.

Fid-dawl tal-kunsiderazzjonijiet preċedenti, nipproponi li l-Qorti tal-Ġustizzja tirrispondi l-ewwel domanda li r-regola ta’ uniċità ta’ appartenenza f’OP, kif espressa fl-Artikolu 153(1)(b) tar-Regolament OKS, għandha tiġi interpretata fis-sens li tikkonċerna esklużivament lill-membri produtturi ta’ din.

B.   Fuq it-tieni domanda preliminari

65.

Permezz tat-tieni domanda tagħha, il-qorti tar-rinviju essenzjalment tistaqsi jekk l-Artikolu 153(2)(c) tar-Regolament OKS għandux jiġi interpretat fis-sens li l-kontroll li għandu jsir mill-awtorità nazzjonali, u jekk ikun il-każ mill-qrati kompetenti, sabiex jiġi vverifikat li OP li tkun applikat għar-rikonoxximent tistax tiffunzjona b’mod demokratiku, għandux ikun limitat għal ċerti elementi bħall-parteċipazzjoni tal-kapital jew id-distribuzzjoni tal-voti, jew għandux ikun wiesa’ kemm jista’ jkun, bl-inklużjoni taċ-ċirkustanzi jew l-elementi kollha disponibbli.

66.

Bħala tfakkira, l-Artikolu 152(1)(a) tar-Regolament OKS jindika li “[l]-Istati Membri jistgħu fuq talba jirrikonoxxu, meta jintalbu, organizzazzjonijiet ta’ produtturi, li: […] ikunu magħmulin u kkontrollati f’konformità mal-punt (c) tal-Artikolu 153(2), minn produtturi f’settur speċifiku elenkat fl-Artikolu 1(2)”.

67.

B’mod iktar partikolari, minn naħa, l-Artikolu 152(2)(b) tar-Regolament OKS jinsisti fuq il-fatt li l-OP “ikunu ffurmati fuq l-inizjattiva tal-produtturi”.

68.

Min-naħa l-oħra, l-Artikolu 153(2)(c) ta’ dan ir-regolament jeżiġi li l-membri produtturi ta’ OP jikkontrollaw, b’mod demokratiku, l-organizzazzjoni tagħhom u d-deċiżjonijiet meħuda minn din tal-aħħar. Minn din id-dispożizzjoni jirriżulta li l-kriterji speċifiċi li għandhom jippermettu lill-awtoritajiet tal-Istati Membri jevalwaw jekk OP hijiex ikkontrollata demokratikament mill-membri tagħha ma humiex stabbiliti mill-imsemmi regolament.

69.

Kull wieħed mill-parteċipanti fil-kawża quddiem il-Qorti tal-Ġustizzja jistrieħ fuq is-sentenza mogħtija fil-kawża Spanja vs Il-Kummissjoni ( 40 ), li tikkostitwixxi waħda mill-indikazzjonijiet rari fil-ġurisprudenza tal-qrati tal-Unjoni dwar il-funzjonament demokratiku ta’ OP.

70.

Minn naħa, is-SICA tqis li huwa meħtieġ li tiġi vverifikata esklużivament iż-żamma tal-kapital u l-kompożizzjoni tal-maġġoranza tal-voti, mingħajr ma jittieħdu inkunsiderazzjoni rabtiet oħra, bħall-affiljazzjoni mal-istess konfederazzjoni sindakali jew l-eżerċizzju ta’ responsabbiltajiet maniġerjali fi ħdan konfederazzjoni bħal din.

71.

Min-naħa l-oħra, Saint-Louis Sucre, il-Gvern Franċiż u l-Kummissjoni essenzjalment isostnu li huwa importanti li jittieħdu inkunsiderazzjoni l-fatturi rilevanti kollha.

72.

Jidhirli li l-argument tas-SICA jirriżulta minn interpretazzjoni parzjali tas-sentenza Spanja vs Il-Kummissjoni.

73.

Fil-fatt, f’dik is-sentenza, il-Qorti Ġenerali fakkret li l-leġiżlazzjoni tal-Unjoni dwar l-OP hija intiża sabiex tiggarantixxi l-funzjonament demokratiku tagħhom, u dan permezz ta’ żewġ prinċipji. Dan jikkonsisti, minn naħa, fil-fatt li l-membri produtturi tal-OP jikkontrollaw l-organizzazzjoni tagħhom u jikkontrollaw id-deċiżjonijiet tagħha u, min-naħa l-oħra, fil-fatt li l-OP għandha tinkludi fost il-membri tagħha ċertu numru ta’ produtturi ( 41 ) u li l-ebda wieħed mill-imsemmija membri ma jista’, bħala prinċipju, ikollu iktar minn ċertu perċentwali tad-drittijiet tal-vot, b’tali mod li din l-OP tkun b’xi mod rappreżentattiva ( 42 ).

74.

Huwa fl-eżami ta’ dan it-tieni prinċipju li l-Qorti Ġenerali tistabbilixxi li “għandha tittieħed inkunsiderazzjoni l-identità tal-persuni fiżiċi jew ġuridiċi li għandhom il-kapital tal-membri tal-OP” ( 43 ).

75.

F’dan ir-rigward, il-Qorti Ġenerali ma tillimitax ruħha għal analiżi formalistika ta’ indipendenza apparenti tal-membri tal-OP. Għall-kuntrarju, din l-analiżi tinkludi eżami tal-mekkaniżmi u tal-modalitajiet ta’ eżerċizzju reali tas-setgħa ta’ kontroll tal-OP u tal-kontroll tad-deċiżjonijiet tagħha, kif ukoll dak tal-persuni li jistgħu jinħbew wara entitajiet legali jew persuni fiżiċi li jistgħu jagħmluha ta’ paraventu ( 44 ). Għalhekk, hija l-kapaċità li jiġi eżerċitat kontroll reali fuq id-deċiżjonijiet ta’ OP li tikkostitwixxi element determinanti fl-analiżi tal-funzjonament demokratiku tagħha.

76.

Fil-fehma tiegħi, mhux biss għandu jiġi approvat t-tagħlim tas-sentenza Spanja vs Il-Kummissjoni, iżda wkoll jista’ jiġi traspost għal din il-kawża.

77.

Madankollu, dan it-tagħlim għad irid jiġi kkompletat.

78.

Fil-fatt, bħala espansjoni fuq din is-sentenza, jidhirli li l-kontroll tal-awtorità nazzjonali meta tiġi biex tieħu pożizzjoni dwar ir-rikonoxximent ta’ OP għandu jieħu inkunsiderazzjoni kull rabta ta’ dipendenza possibbli, kemm jekk bejn il-membri produtturi, iżda wkoll bejn membri produtturi u membri mhux produtturi.

79.

Għal dan il-għan, għandhom jiġu eżaminati b’mod partikolari r-regoli operattivi tal-OP, bħall-istatuti u r-regoli tal-proċedura, l-identità tal-membri kollha li jikkomponuha, b’mod partikolari l-mezzi ta’ kontroll diretti jew indiretti, sabiex jiġu eżaminati r-rabtiet ta’ dipendenza li jistgħu jeżistu bejn il-membri tagħha, kemm jekk huma produtturi jew le, kif ukoll kwalunkwe element ieħor disponibbli għall-awtorità nazzjonali jew li tkun tista’ ssir taf dwaru matul il-fażi tal-eżami tal-applikazzjoni għal rikonoxximent.

80.

Sa fejn OP hija organizzazzjoni kkostitwita “fuq l-inizjattiva tal-produtturi” u “kkontrollat[a] […] minn produtturi” jiġifieri li l-produtturi għandhom jikkontrollaw l-“organizzazzjoni tagħhom u d-deċiżjonijiet tagħha” ( 45 ), l-involviment ta’ membri mhux produtturi fi ħdan OP għandu jkun is-suġġett ta’ attenzjoni partikolari sabiex jiġi evitat li l-qafas żviluppat mir-Regolament OKS iservi bħala paraventu biex jiġu evitati r-regoli dwar il-kompetizzjoni.

81.

Għandu għalhekk jiġi vverifikat, fost l-oħrajn, li l-membri produtturi jkollhom mill-inqas il-maġġoranza tal-voti fi ħdan l-OP ( 46 ) u li dawk li ma humiex produtturi ma jkollhomx modi oħra, diretti jew indiretti, biex jikkontrollaw effettivament in-negozju tagħha ( 47 ).

82.

Biex dan jitwettaq, il-kontroll tal-awtoritajiet nazzjonali għandu jsir fuq bażi ta’ każ b’każ, b’mod globali, u bl-użu ta’ grupp ta’ indizji ( 48 ).

83.

Dan ir-realiżmu fil-portata tal-kontroll huwa, fil-fehma tiegħi, ikkorroborat mill-Artikolu 154(1)(c) tar-Regolament OKS, peress li din id-dispożizzjoni teħtieġ li l-awtorità li tiddeċiedi dwar l-applikazzjoni għal rikonoxximent tħares ’il quddiem lejn il-modalitajiet ta’ twettiq futur u konkret, kemm f’termini ta’ ġbir flimkien ta’ riżorsi kif ukoll f’termini ta’ prattiki ta’ konċentrazzjoni possibbli bejn il-membri.

84.

Nixtieq nagħmel kjarifika finali minħabba ċ-ċirkustanzi partikolari tal-kawża quddiem il-qorti tar-rinviju, peress li r-rikorrenti fil-kawża prinċipali tikkontesta speċifikament il-parteċipazzjoni diretta jew indiretta ta’ sindakat fis-SICA.

85.

Kif ġie diskuss waqt is-seduta, u kif miftiehem mhux biss mis-SICA, iżda wkoll mill-Gvern Franċiż u mill-Kummissjoni, huwa importanti li jiġi kkunsidrat li s-sempliċi appartenenza ta’ persuna fiżika jew persuna ġuridika, membru produttur jew mhux produttur ta’ OP, f’organizzazzjoni sindakali ma hijiex probabbli, bħala tali, li ċċaħħad lil dan il-membru mill-awtonomija tiegħu jew mill-libertà deċiżjonali tiegħu. L-istess japplika għall-eżerċizzju tar-responsabbiltajiet fi ħdan organizzazzjonijiet bħal dawn.

86.

Fil-fatt, kif issemma meta ġiet ittrattata l-ewwel domanda, minħabba l-protezzjoni li tgawdi l-libertà ta’ assoċjazzjoni fl-Artikolu 12(1) tal-Karta ( 49 ), ma jistax jiġi dedott minn dawn l-attivitajiet tas-sindakati kollużjoni li twassal għal koordinazzjoni jew ftehim tal-provvista li tiddevja mill-qafas stabbilit mir-Regolament OKS, u li tikkostitwixxi, għal din ir-raġuni unika, ksur tar-regoli tad-dritt tal-kompetizzjoni.

87.

Għaldaqstant, sakemm ma jkunux disponibbli elementi oħra, is-sempliċi eżistenza ta’ rabtiet, bħall-appartenenza ta’ membru ta’ OP, kemm jekk huwa produttur jew le, f’organizzazzjoni sindakali kif ukoll l-eżerċizzju possibbli ta’ responsabbiltajiet fi ħdan tali organizzazzjoni ma jaffettwawx il-funzjonament demokratiku ta’ OP fis-sens tal-Artikolu 153(2)(c) tar-Regolament OKS, b’tali mod li ma jikkostitwixxux, fihom innifishom, element konklużiv.

88.

Fl-aħħar nett, kif imfakkar fil-punt 60 ta’ dawn il-konklużjonijiet, huwa dejjem possibbli, għall-awtoritajiet nazzjonali li jeżaminaw l-applikazzjoni għal rikonoxximent, li jissuġġettaw dan ir-rikonoxximent għall-kundizzjoni tal-implimentazzjoni ta’ ċerti modalitajiet sabiex jipprevjenu aħjar riskji ta’ eventwali kollużjoni.

89.

Fid-dawl ta’ dawn l-elementi kollha, nikkunsidra li r-risposta għat-tieni domanda tal-qorti tar-rinviju għandha tkun li l-Artikolu 153(2)(c) tar-Regolament OKS, moqri fid-dawl tal-Artikolu 154(1) ta’ dan, għandu jiġi interpretat fis-sens li l-kontroll li għandu jsir mill-awtorità nazzjonali, u fejn xieraq mill-qrati kompetenti, sabiex jiġi vverifikat li OP li tkun għamlet applikazzjoni għal rikonoxximent tkun tista’ tiffunzjona demokratikament, għandu jkun l-iktar wiesa’ possibbli, billi jinkludi ċ-ċirkustanzi kollha jew l-elementi kollha għad-dispożizzjoni tagħha, mingħajr ma l-affiljazzjoni tal-membri tal-OP f’organizzazzjoni sindakali jew l-eżerċizzju tagħhom tar-responsabbiltajiet sindakali jikkostitwixxu kriterju fih innifsu rilevanti.

V. Konklużjoni

90.

Fid-dawl tal-kunsiderazzjonijiet preċedenti, nipproponi li l-Qorti tal-Ġustizzja tirrispondi għad-domandi magħmula mill-Conseil d’État (il-Kunsill tal-Istat (Franza)) kif ġej:

1)

Ir-regola ta’ uniċità ta’ appartenenza f’organizzazzjoni ta’ produtturi (OP), kif espressa fl-Artikolu 153(1)(b) tar-Regolament Nru 1308/2013 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tas‑17 ta’ Diċembru 2013 li jistabbilixxi organizzazzjoni komuni tas-swieq fi prodotti agrikoli u li jħassar ir-Regolamenti tal-Kunsill (KEE) Nru 922/72, (KEE) Nru 234/79, (KE) Nru 1037/2001 u (KE) Nru 1234/2007), kif emendat mir-Regolament (UE) 2017/2393 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tat‑13 ta’ Diċembru 2017,

għandha tiġi interpretata fis-sens li:

hija tikkonċerna esklużivament lill-membri produtturi ta’ din.

2)

L-Artikolu 153(2)(c) tar-Regolament Nru 1308/2013, kif emendat mir-Regolament 2017/2393, moqri fid-dawl tal-Artikolu 154(1) ta’ dan,

għandu jiġi interpretat fis-sens li:

il-kontroll li għandu jsir mill-awtorità nazzjonali, u fejn xieraq mill-qrati kompetenti, sabiex jiġi vverifikat li OP li tkun għamlet applikazzjoni għal rikonoxximent tkun tista’ tiffunzjona demokratikament, għandu jkun l-iktar wiesa’ possibbli, billi jinkludi ċ-ċirkustanzi kollha jew l-elementi kollha għad-dispożizzjoni tagħha, mingħajr ma l-affiljazzjoni tal-membri tal-OP f’organizzazzjoni sindakali jew l-eżerċizzju tagħhom tar-responsabbiltajiet sindakali jikkostitwixxu kriterju fih innifsu rilevanti.


( 1 ) Lingwa oriġinali: il-Franċiż.

( 2 ) Għal ċerti setturi, jintuża t-terminu “organizzazzjoni”, filwaqt li f’oħrajn jintuża dak ta’ “grupp”, mingħajr ma din id-differenza terminoloġika twassal għal xi differenza. Dwar dan il-punt, ara Olmi, G., “Politique agricole commune ”, Commentaires Mégret, Vol. 2, it-Tieni Edizzjoni, 1991, p. 109.

( 3 ) Regolament (UE) Nru 1308/2013 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tas‑17 ta’ Diċembru 2013 li jistabbilixxi organizzazzjoni komuni tas-swieq fi prodotti agrikoli u li jħassar ir-Regolamenti tal-Kunsill (KEE) Nru 922/72, (KEE) Nru 234/79, (KE) Nru 1037/2001 u (KE) Nru 1234/2007 (ĠU 2013, L 347, p. 671 u rettifiki fil-ĠU 2014, L 189, p. 261, ĠU 2016, L 130, p. 8 u ĠU 2020, L 1, p. 5) kif emendat mir-Regolament (UE) 2017/2393 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tat‑13 ta’ Diċembru 2017 (ĠU 2017, L 350, p. 15) (iktar ’il quddiem, ir-“regolament OKS”).

( 4 ) Ara, f’dan ir-rigward, il-punti 20 u 21 ta’ dawn il-konklużjonijiet.

( 5 ) Mill-informazzjoni kollha li għandha l-Qorti tal-Ġustizzja jirriżulta li, sussegwentement, din it-tieni OP, li fiha ċ-CGB kellha involviment dirett u indirett, waqfet mill-attivitajiet tagħha.

( 6 ) Olmi, G., “Politique agricole commune”, Commentaires Mégret, Vol. 2, it-Tieni Edizzjoni, 1991, p. 109.

( 7 ) Fosthom: (i) li jiġi żgurat li l-produzzjoni tiġi ppjanata u aġġustata skont id-domanda, partikolarment fir-rigward tal-kwalità u l-kwantità; (ii) li tiġi kkonċentrata l-provvista u t-tqegħid fis-suq tal-prodotti magħmulin mill-membri tagħhom; (iii) li jiġu ottimizzati l-ispejjeż ta’ produzzjoni u l-qligħ fuq l-investimenti magħmula sabiex jiġu ssodisfatti l-istandards tal-benessri ambjentali u tal-annimali, u jiġu stabbilizzati l-prezzijiet tal-produttur; (iv) li ssir riċerka u li jiġu żviluppati inizjattivi dwar metodi sostenibbli ta’ produzzjoni, prattiki innovattivi, kompetittività ekonomika u żviluppi tas-suq; (v), (vi) u (xi) għandhom x’jaqsmu ma’ assistenza teknika li tirrigwarda, b’mod partikolari, minn naħa, prattiki tal-biedja u tekniki ta’ produzzjoni li jirrispettaw l-ambjent u prattiki u tekniki li jirrispettaw il-benessri tal-annimali; u, min-naħa l-oħra, l-applikazzjoni ta’ standards ta’ produzzjoni, it-titjib tal-kwalità tal-prodotti u l-iżvilupp ta’ prodotti b’denominazzjoni ta’ oriġini protetta, indikazzjoni ġeografika protetta jew koperti b’tikketta ta’ kwalità nazzjonali; (viii) li jikkontribwixxu għall-użu sostenibbli tar-riżorsi naturali u biex jittaffa t-tibdil fil-klima, u (ix) li jiġu żviluppati inizjattivi fil-qasam tal-promozzjoni u l-kummerċjalizzazzjoni.

( 8 ) Din id-dispożizzjoni tispeċifika li jistgħu jiġu rrikonoxxuti l-OP li huma mwaqqfa fuq inizjattiva tal-produtturi u li jwettqu mill-inqas waħda mill-attivitajiet li ġejjin: “(i) ipproċessar konġunt; (ii) distribuzzjoni konġunta, inkluż permezz ta’ pjattaformi konġunti tal-bejgħ [konġunt] jew ta’ trasportazzjoni konġunta; (iii) ippakkjar, tikkettar jew promozzjoni konġunti; (iv) organizzazzjoni konġunta tal-kontroll tal-kwalità; (v) l-użu konġunt ta’ tagħmir jew faċilitajiet ta’ ħżin; (vi) ġestjoni konġunta tal-iskart direttament relatat mal-produzzjoni; (vii) akkwist konġunt ta’ prodotti; (viii) kwalunkwe attività konġunta oħra ta’ servizzi intenzjonati biex jinkiseb objettiv minn fost dawk elenkati [fl-Artikolu 152(1)(c) tar-regolament OKS]”.

( 9 ) Ara s-sentenza tal‑14 ta’ Novembru 2017, APVE et (C‑671/15, iktar ’il quddiem is-“sentenza APVE, EU:C:2017:860, punt 65).

( 10 ) Artikolu 29(1), Artikolu 34(3)(d) u Artikolu 58 tar-Regolament OKS.

( 11 ) Artikoli 152(1a) u 209(1) tar-Regolament OKS.

( 12 ) Artikolu 164(1) tar-Regolament OKS.

( 13 ) Ara l-punt 63 ta’ dawn il-konklużjonijiet.

( 14 ) Ara s-sentenza tal‑15 ta’ Ġunju 1989, Stute Nahrungsmittelwerke (77/88, EU:C:1989:249, punt 12).

( 15 ) Il-pitravi taz-zokkor ma jaqgħux taħt is-settur tal-frott u l-ħaxix. Fil-fatt, mill-Artikolu 1(2)(c) tar-Regolament OKS u mill-Parti III tal-Anness I, ta’ dan ir-regolament jirriżulta li l-pitravi taz-zokkor jaqgħu fil-kamp ta’ applikazzjoni taz-zokkor.

( 16 ) Regolament Delegat tal-Kummissjoni tat‑13 ta’ Marzu 2017 li jissupplimenta r-Regolament (UE) Nru 1308/2013 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill għas-setturi tal-frott u l-ħaxix u tal-frott u l-ħaxix ipproċessat u li jissupplimenta r-Regolament (UE) Nru 1306/2013 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill fir-rigward tal-penali li jridu jiġu applikati f’dawk is-setturi u li jemenda r-Regolament ta’ Implimentazzjoni tal-Kummissjoni (UE) Nru 543/2011 (ĠU 2017, L 138, p. 4). Għal iktar dettalji dwar ir-relazzjoni bejn il-frott u l-ħaxix u r-regolamenti ġenerali, ara l-punt 48 ta’ dawn il-konklużjonijiet.

( 17 ) Regolament tal-Kummissjoni tal‑11 ta’ Awwissu 2003 li jistabbilixxi r-regoli ddettaljati sabiex jiġi applikat ir-Regolament tal-Kunsill (KE) Nru 2200/96 li jirrigwarda l-kondizzjonijiet għall-għarfien ta’ l-organizzzzjonijiet tal-produtturi u l-għarfien preliminari tal-gruppi tal-produtturi (ĠU Edizzjoni Speċjali bil-Malti, Kapitolu 3, Vol. 39, p. 424).

( 18 ) Regolament tal-Kunsill tat‑22 ta’ Ottubru 2007 li jistabbilixxi organizzazzjoni komuni ta’ swieq agrikoli u dwar dispożizzjonijiet speċifiċi għal ċerti prodotti agrikoli (Ir-Regolament Waħdieni dwar l-OKS) (ĠU 2007, L 299, p. 1, rettifika fil-ĠU 2013, L 97, p. 4).

( 19 ) L-Artikolu D.555-14 tal-code rural et de la pêche maritime (il-Kodiċi Rurali u tas-Sajd Marittimu, iktar ’il quddiem iċ-“CPMR”) hu fformulat kif ġej:

“Il-persuni fiżiċi jew ġuridiċi li ma humiex produtturi jistgħu jkunu membri ta’ [OP], sakemm il-membri produtturi jkollhom mill-inqas 75 % tal-voti fil-laqgħa ġenerali u, meta l-[OP] tkun stabbilita bħala kumpannija, 75 % tal-ishma.

Dawn il-membri li ma humiex produtturi ma għandhomx jieħdu sehem fil-votazzjoni għad-deċiżjonijiet relatati mal-fondi operattivi.”

( 20 ) Għal eżempju dwar il-libertà li ma jappartjenux f’assoċjazzjoni ta’ produtturi, f’ċirkustanzi fejn il-leġiżlazzjoni nazzjonali kienet tobbliga lill-produtturi tal-inbid jibagħtu l-produzzjoni kollha tagħhom, ara s-sentenza tal-Qorti EDB tat‑3 ta’ Diċembru 2015, Mytilinaios u Kostakis vs Il-Greċja (CE:ECHR:2015:1203JUD002938911, punti 53 u 65).

( 21 ) Ara s-sentenza tal-Qorti EDB tat‑3 ta’ Settembru 2020, Yordanovi vs Il-Bulgarija (CE:ECHR:2020:0903JUD001115711, punt 62 u l-ġurisprudenza ċċitata).

( 22 ) Skont l-Artikolu 52(3) tal-Karta, id-drittijiet iggarantiti mill-Karta jikkorrispondu għal drittijiet iggarantiti mill-KEDB, u t-tifsira u l-portata tagħhom huma l-istess bħal dawk li l-KEDB tagħtihom. Għal eżempju tal-korrispondenza bejn l-Artikolu 11 tal-KEDB u l-Artikolu 12(1) tal-Karta, ara l-konklużjonijiet tal-Avukat Ġenerali Cruz Villalón fil-kawża Alemo-Herron et (C-426/11, EU:C:2013:82, punti 42 et seq).

( 23 ) Ara s-sentenza tal‑21 ta’ Diċembru 2016, Tele2 Sverige u Watson et (C‑203/15 u C‑698/15, EU:C:2016:970, punt 91 kif ukoll il-ġurisprudenza ċċitata).

( 24 ) F’dan ir-rigward, ara l-Artikolu 152(1)(c), punti (v), (vi), (viii), (ix) u (xi) tar-Regolament OKS, iċċitat fil-punt 20 ta’ dawn il-konklużjonijiet.

( 25 ) Il-verżjoni bil-lingwa Kroata tirriferi għal “članova”, il-verżjoni bil-lingwa Taljana għal “aderenti”, u l-verżjoni bil-lingwa Rumena għal “membrilor”.

( 26 ) “productores asociados” fil-verżjoni bil-lingwa Spanjola; “De tilsluttede producenter” fil-verżjoni bil-lingwa Daniża; “Erzeuger” fil-verżjoni bil-lingwa Ġermaniża, “Producer members” fil-verżjoni bil-lingwa Ingliża; “aangesloten producenten” fil-verżjoni tal-lingwa Olandiża; “producentów będących jej członkami” fil-verżjoni bil-lingwa Pollakka, u “os produtores seus membros” fil-verżjoni bil-lingwa Portugiża.

( 27 ) Ara s-sentenza tal‑20 ta’ Frar 2018, Il-Belġju vs Il-Kummissjoni (C‑16/16 P, EU:C:2018:79, punt 49 u l-ġurisprudenza ċċitata).

( 28 ) Regolament tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tas‑17 ta’ Diċembru 2013 li jistabbilixxi regoli għal pagamenti diretti lill-bdiewa taħt skemi ta’ appoġġ fil-qafas tal-politika agrikola komuni u li jħassar ir-Regolament tal-Kunsill (KE) Nru 637/2008 u r-Regolament tal-Kunsill (KE) Nru 73/2009 (ĠU 2013, L 347, p. 608, rettifika fil-ĠU 2016, L 130, p. 7).

( 29 ) Regolament tal-Kunsill li jistabbilixxi regoli speċifiċi rigward is-settur tal-frott u l-ħxejjex u li jemenda d-Direttivi 2001/112/KE u 2001/113/KE u r-Regolamenti (KEE) Nru 827/68, (KE) Nru 2200/96, (KE) Nru 2201/96, (KE) Nru 2826/2000, (KE) Nru 1782/2003 u (KE) Nru 318/2006 u li jħassar ir-Regolament (KE) Nru 2202/96 (ĠU 2007, L 273, p. 1, rettifika fil-ĠU 2008, L 307, p. 22).

( 30 ) Regolament tal-Kunsill tal‑14 ta’ April 2008 li jemenda r-Regolament (KE) Nru 1234/2007 (ĠU 2008, L 121, p. 1, rettifika fil-ĠU 2011, L 276, p. 63).

( 31 ) Proposta għal regolament tal-Kunsill li jemenda r-Regolament (KE) Nru 1234/2007 li jistabbilixxi organizzazzjoni komuni ta’ swieq agrikoli u dwar dispożizzjonijiet speċifiċi għal ċerti prodotti agrikoli (“Ir-Regolament Waħdieni dwar l-OKS”) [COM(2007) 854 final – CNS 2007/0290].

( 32 ) Mögele, R., u Erlbacher, F., Single Common Market Organisation, C. H. Beck, Hart, Nomos, Munich, 2011, p. 549.

( 33 ) Ara l-punti 17 et seq ta’ dawn il-konklużjonijiet.

( 34 ) Ara s-sentenza APVE (punt 65).

( 35 ) Sentenza APVE (punti 42 sa 44).

( 36 ) Ara s-sentenza APVE.

( 37 ) Artikolu 154(4)(a) tar-Regolament OKS.

( 38 ) Artikolu 154(4) tar-Regolament OKS.

( 39 ) Ara s-sentenza APVE. Fiċ-ċirkustanzi li wasslu għall-għoti ta’ dik is-sentenza, il-kontrolli kienu wasslu lill-awtorità nazzjonali tal-kompetizzjoni biex tikkonstata li OP, assoċjazzjonijiet ta’ OP u entitajiet mhux irrikonoxxuti kienu implimentaw akkordju kumpless u kontinwu pprojbit b’mod partikolari mill-Artikolu 101(1) TFUE, li kien jikkonsisti fi ftehim fuq il-prezz ta’ prodott agrikolu, jiġifieri l-indivja.

( 40 ) Sentenza tas‑6 ta’ Marzu 2012, Spanja vs Il-Kummissjoni (T‑230/10, iktar ’il quddiem is-“sentenza Spanja vs Il-Kummissjoni, EU:T:2012:105).

( 41 ) Fiċ-ċirkustanzi tal-każ, l-Artikolu 154(1)(b) tar-regolament OKS.

( 42 ) Sentenza Spanja vs Il-Kummissjoni (punti 47 sa 49, 51 u 52).

( 43 ) Sentenza Spanja vs Il-Kummissjoni (punt 50)

( 44 ) Sentenza Spanja vs Il-Kummissjoni (punt 52).

( 45 ) L-Artikolu 152(1)(a) u (b) u l-Artikolu 153(2)(c) tar-regolament OKS.

( 46 ) L-Artikolu R. 532‑3 taċ-CPMR, applikabbli għal OP bħal dik inkwistjoni fil-kawża prinċipali, jipprovdi:

“L-istatuti tal-kumpannija għandhom jinkludu klawżoli li jippermettu, fi kwalunkwe ħin, lill-bdiewa, lill-gruppi li jistgħu jaffiljaw ruħhom mal-fondi ta’ kreditu agrikolu reċiproku u, fejn applikabbli, lill-fondi ta’ kreditu agrikolu reċiproku, biex flimkien ikollhom mill-inqas nofs il-voti fil-laqgħat ġenerali tal-kumpannija.

L-ebda membru ma għandu jkollu iktar minn 40 % tal-voti.

Madankollu, meta jkun hemm iktar minn għaxar membri, ħadd minnhom ma għandu jkollu iktar minn 10 % tal-voti. Din il-projbizzjoni tal-aħħar la tapplika għall-fondi ta’ kreditu agrikoli reċiproku u lanqas għas-soċjetajiet kooperattivi u l-assoċjazzjonijiet tagħhom. L-istatuti jistgħu jattribwixxi lill-imsemmija kumpanniji u assoċjazzjonijiet, fil-limitu tan-numru ta’ ishma jew partijiet li għandhom, numru ta’ voti f’relazzjoni jew man-numru tal-membri tagħhom, jew man-numru ta’ membri tal-kumpanniji li huma, huma nfishom, membri.”

F’dan ir-rigward, huwa importanti wkoll li jissemma l-Artikolu D.555-14 taċ-CPMR iċċitat fin-nota ta’ qiegħ il-paġna 19 ta’ dawn il-konklużjonijiet.

( 47 ) Ara, f’dan is-sens, is-sentenza tal‑15 ta’ Ġunju 1989, Stute Nahrungsmittelwerke (77/88, EU:C:1989:249, punt 15).

( 48 ) Dwar l-użu ta’ dan il-metodu bbażat fuq indizji fil-ġurisprudenza tal-Qorti tal-Ġustizzja, ara, b’analoġija, is-sentenza tal‑14 ta’ Settembru 2017, Nogueira et (C‑168/16 u C‑169/16, EU:C:2017:688, punt 62 u l-ġurisprudenza ċċitata).

( 49 ) Ara l-punti 32 sa 38 ta’ dawn il-konklużjonijiet.